SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

17 ta’ Mejju 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Prinċipju ta’ ekwivalenza – Prinċipju ta’ effettività – Proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata ta’ kuntratt ta’ leasing li għandu l-kwalità ta’ titolu eżekuttiv – Oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix lill-qorti adita b’din l-oppożizzjoni tivverifika n-natura inġusta tal-klawżoli ta’ titolu eżekuttiv – Setgħa tal-qorti ta’ eżekuzzjoni li teżamina ex officio n-natura possibbilment inġusta ta’ klawżola – Eżistenza ta’ rikors fid-dritt ordinarju li jippermetti l-istħarriġ tan-natura inġusta tal-imsemmija klawżoli – Rekwiżit ta’ garanzija għas-sospensjoni tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni”

Fil-Kawża C‑725/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Judecătoria Sectorului 2 Bucureşti (il-Qorti tal-Ewwel Istanza tat-Tieni Distrett ta’ Bukarest, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Settembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑1 ta’ Ottubru 2019, fil-proċedura

IO

vs

Impuls Leasing România IFN SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Arabadjiev, K. Jürimäe, C. Lycourgos, E. Regan, S. Rodin (Relatur) u I. Jarukaitis, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, J.‑C. Bonichot, M. Safjan, F. Biltgen, P. G. Xuereb, N. Piçarra, L. S. Rossi u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: R. Șereș, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑27 ta’ April 2021,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Impuls Leasing România IFN SA, minn N. M. Ionescu, avocată,

għall-Gvern Rumen, minn E. Gane, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Ruiz García, C. Gheorghiu u M. Carpus Carcea, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑15 ta’ Lulju 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol 2, p. 288).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn IO u Impuls Leasing România IFN SA (iktar ’il quddiem “ILR”), dwar oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni mressqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kontra atti ta’ eżekuzzjoni forzata intiżi għal kuntratt ta’ leasing.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

L-erbgħa u għoxrin premessa tad-Direttiva 93/13 tistabbilixxi li “l-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri għandu jkollhom għad-disposizzjoni tagħhom mezz adegwat u effettiv biex jipprevenu li jkomplu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti tal-konsumaturi”.

4

L-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

5

Skont l-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

Id‑dritt Rumen

6

Il-Codul de procedură civilă (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili) ġie emendat bil-Legea nr. 310/2018 pentru modificarea și completarea Legii nr. 134/2010 privind Codul de procedură civilă, precum și pentru modificarea și completarea altor acte normative (il-Liġi Nru 310/2018 li temenda u tissupplimenta l-Liġi Nru 134/2010 fuq il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, kif ukoll atti normattivi oħra) (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 1074), tat‑18 ta’ Diċembru 2018, li daħlet fis-seħħ fil‑21 ta’ Diċembru 2018. Peress li t-talba għal eżekuzzjoni forzata inkwistjoni fil-kawża prinċipali tressqet fis‑26 ta’ Marzu 2019, din hija rregolata mid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kodiċi, kif emendat minn din il-liġi (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili emendat”).

7

L-Artikolu 24 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili emendat jipprevedi:

“Id-dispożizzjonijiet tal-liġi l-ġdida ta’ proċedura japplikaw biss għall-proċeduri u għall-eżekuzzjonijiet furzati mibdija wara d-dħul fis-seħħ tagħha.”

8

L-Artikolu 632(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili emendat jiddisponi:

“L-eżekuzzjoni forzata tista’ titwettaq biss bis-saħħa ta’ titolu eżekuttiv.”

9

Skont il-punt 4 tal-Artikolu 638(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili emendat:

“Huma wkoll titoli eżekuttivi u jistgħu jkunu s-suġġett ta’ eżekuzzjoni forzata t-titoli ta’ kreditu jew dokumenti oħra li l-liġi tagħtihom saħħa eżekuttiva.”

10

L-Artikolu 638(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili emendat jipprevedi:

“Is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tat-titoli previsti fil-punti 2 u 4 tal-paragrafu 1 tista’ wkoll tintalab fil-kuntest ta’ rikors fuq il-mertu li għandu bħala suġġett l-annullament tagħhom. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 719 għandhom japplikaw b’analoġija.”

11

L-Artikolu 713(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili emendat jiddisponi:

“Jekk l-eżekuzzjoni ssir permezz ta’ titolu eżekuttiv li ma huwiex deċiżjoni tal-qorti, l-oppożizzjoni tista’ tiġi kkontestata b’punti ta’ fatt jew ta’ liġi li jirrigwardaw is-sustanza tad-dritt imsemmi fit-titolu eżekuttiv biss jekk il-liġi ma tipprovdix rimedju proċedurali għall-annullament ta’ dak it-titolu, inkluż azzjoni taħt id-dritt ordinarju”.

12

Skont l-Artikolu 8 tal-Ordonanța Guvernului nr. 51/1997 privind operațiunile de leasing și societățile de leasing (id-Digriet tal-Gvern Nru 51/1997 dwar it-tranżazzjonijiet ta’ leasing u l-kumpanniji ta’ leasing):

“Il-kuntratti ta’ leasing, kif ukoll il-garanziji reali u personali, ikkostitwiti sabiex jiggarantixxu l-obbligi assunti mill-kuntratt ta’ leasing, jikkostitwixxu titoli eżekuttivi.”

13

L-Artikolu 15 tad-Digriet tal-Gvern Nru 51/1997 jipprevedi:

“Sakemm ma jkunx previst mod ieħor fil-kuntratt, fil-każ fejn il-kerrej/l-utent ma jwettaqx l-obbligu tiegħu ta’ ħlas sħiħ tal-kera għal xahrejn konsekuttivi, ikkalkolati mid-data tal-iskadenza prevista fil-kuntratt ta’ leasing, sid il-kera/sid il-kera ta’ fondi għandu d-dritt jirrexxindi l-kuntratt ta’ leasing, u l-kerrej/l-utent huwa obbligat jirrestitwixxi l-oġġett u jħallas l-ammonti kollha dovuti, sad-data tar-restituzzjoni skont il-kuntratt ta’ leasing.”

14

L-Artikolu 10(d) tad-Digriet tal-Gvern Nru 51/1997 jiddisponi:

“Il-kerrej/l-utent jintrabat li jħallas is-somom kollha dovuti skont il-kuntratt ta’ leasing – kirjiet, assigurazzjonijiet, imposti, taxxi – fl-ammont u fit-termini previsti fil-kuntratt.”

15

Il-Legea nr. 193/2000 privind clauzele abuzive din contractele încheiate între profesioniști și consumatori (il-Liġi Nru 193/2000 dwar Klawżoli Inġusti fil-Kuntratti Konklużi bejn Bejjiegħa jew Fornituri u Konsumaturi) ittrasponiet fid-dritt Rumen id-Direttiva 93/13.

16

Skont l-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 193/2000:

“(1)   Kull kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur għall-bejgħ ta’ oġġetti jew għall-provvista ta’ servizzi għandu jkollu klawżoli kuntrattwali ċari, mhux ekwivoċi u li ma jeħtiġux għarfien speċifiku sabiex jinftiehmu.

2.   Fil-każ ta’ dubju dwar l-interpretazzjoni ta’ klawżoli kuntrattwali, dawn tal-aħħar għandhom jiġi interpretati favur il-konsumatur.

3.   Il-bejjiegħa jew fornituri huma pprojbiti milli jinkludu klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi.”

17

L-Artikolu 2 tal-Liġi Nru 193/2000 jipprevedi li:

“(1)   Bil-kelma ‘konsumatur’ wieħed jifhem kull persuna fiżika jew grupp ta’ persuni fiżiċi kkostitwiti f’assoċjazzjoni li, fil-kuntest ta’ kuntratt li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi preżenti, taġixxi għal finijiet separati mill-attivitajiet kummerċjali, industrijali jew ta’ produzzjoni, artiġjanali jew professjonali tagħha.

2.   ‘Bejjiegħ jew fornitur’ tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika awtorizzata li, fil-kuntest ta’ kuntratt li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi, taġixxi għall-finijiet tal-attività kummerċjali, industrijali jew produttiva, artiġjanali jew professjonali tagħha, kif ukoll kull persuna li taġixxi għal dawn l-istess finijiet f’isem jew bħala rappreżentant ta’ din l-ewwel persuna.”

18

L-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 193/2000 jiddisponi:

“(1)   Klawżola kuntrattwali li ma ġietx innegozjata direttament mal-konsumatur hija kkunsidrata li hija inġusta jekk, ikkunsidrata b’mod iżolat jew flimkien ma’ dispożizzjonijiet oħra tal-kuntratt, toħloq, bi ħsara għall-konsumatur jew b’mod kuntrarju għar-rekwiżiti ta’ bona fede, żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet.

2.   Klawżola kuntrattwali hija kkunsidrata li hija ma ġietx innegozjata direttament mal-konsumatur jekk din tkun ġiet stabbilita fejn il-konsumatur ma kellux il-possibbiltà li jinfluwenza n-natura tagħha, bħal fil-każ ta’ kuntratti standard jew ta’ kundizzjonijiet ġenerali ta’ bejgħ użati min-negozjati li joperaw fis-suq tal-prodott jew tas-servizz ikkonċernat.

3.   Il-fatt li ċerti elementi tal-klawżoli kuntrattwali jew waħda biss minn dawn il-klawżoli jkunu s-suġġett ta’ negozjati diretti mal-konsumatur ma jeskludix l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi għall-kumplament tal-kuntratt jekk l-evalwazzjoni globali tal-kuntratt turi li dan tal-aħħar ġie stabbilit minn qabel unilateralment mill-bejjiegħ jew fornitur. Jekk bejjiegħ jew fornitur jallega li klawżola standardizzata redatta minn qabel tkun ġiet innegozjata direttament mal-konsumatur, huwa għandu jipproduċi provi f’dan is-sens.

4.   L-Anness, li jifforma parti integrali minn din il-liġi, jinkludi, bħala eżempju, lista ta’ klawżoli kkunsidrati li huma inġusti.

5.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi, in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali għandha tiġi evalwata skont:

a)

in-natura tal-prodotti jew tas-servizzi li huma s-suġġetti tal-kuntratt fil-mument tal-konklużjoni tiegħu;

b)

il-fatturi kollha li wasslu għall-konklużjoni tal-kuntratt;

c)

klawżoli oħra tal-kuntratt jew ta’ kuntratti oħra li dan jiddependi fuqhom.

6.   L-evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad-definizzjoni tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt u lanqas mal-adegwatezza tal-prezz jew tar-remunerazzjoni, minn naħa, meta mqabbla mas-servizzi jew mal-oġġetti pprovduti inkambju, min-naħa l-oħra, sakemm dawn il-klawżoli jkunu redatti b’mod ċar u li jinftiehem.”

19

Skont l-Artikolu 6 tal-Liġi Nru 193/2000:

“Il-klawżoli inġusti inklużi fil-kuntratt u kkonstatati jew personalment, jew permezz tal-organi legalment awtorizzati, ma għandhomx jipproduċu effetti fil-konfront tal-konsumatur, u l-kuntratt għandu jibqa’ fis-seħħ biss, bil-kunsens ta’ dan tal-aħħar, jekk dan ikun għadu possibbli wara t-tneħħija tal-imsemmija klawżoli.”

20

L-Anness tal-Liġi Nru 193/2000 jiddisponi, fil-paragrafu 1(i) tiegħu:

“Huma kkunsidrati bħala klawżoli inġusti d-dispożizzjonijiet kuntrattwali li jobbligaw lill-konsumatur li ma jwettaqx l-obbligi kuntrattwali tiegħu li jħallas kumpens ta’ ammont sproporzjonalment għoli meta mqabbel mad-dannu subit mill-bejjiegħ jew fornitur.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

21

Fl‑20 ta’ Awwissu 2008, IO kkonkludiet ma’ ILR kuntratt ta’ leasing għal perijodu ta’ 48 xahar li jirrigwarda vettura bil-mutur ta’ valur mingħajr taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) ta’ EUR 7 810.94. Mid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kuntratt jirriżulta li l-valur iffinanzjat kien ta’ EUR 6 248.75, li r-rata ta’ interessi kienet ġiet stabbilita għal 8.25 %, li t-taxxa fuq l-għoti tal-kreditu, stabbilita għal 4 %, kienet ekwivalenti għal EUR 312.44 u li l-ispejjeż tal-kummissjoni ta’ ġestjoni kienu ta’ EUR 5 fix-xahar. Dan il-kuntratt kien jipprevedi li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi kuntrattwali, il-persuna li tagħti l-leasing setgħet jew titlob l-eżekuzzjoni forzata tal-obbligi tal-kuntratt imposti fuq il-persuna li tiegħu l-leasing, bil-ħlas ta’ danni, jew tieħu, kumulattivament jew alternattivament, kull miżura li huwa jqis neċessarja, jew ixolji l-kuntratt, mingħajr intimazzjoni minn qabel jew formalità komplementari neċessarja, mingħajr intervent ġudizzjarju jew ta’ arbitraġġ, bil-ħlas ta’ danni.

22

Fis‑7 ta’ Diċembru 2009, peress li IO ma kinitx għadha f’pożizzjoni li tħallas il-kirjiet stabbiliti, il-kuntratt ta’ leasing inkwistjoni ġie xolt. Fid‑19 ta’ Marzu 2010, il-vettura bil-mutur ikkonċernata, skont it-titolu eżekuttiv li kien jikkostitwixxi dan il-kuntratt, ingħatat lura lil ILR, u sussegwentement inbiegħet fid‑29 ta’ Ġunju 2010, għal ammont ta’ EUR 5 294.12 inkluża l-VAT.

23

Wara x-xoljiment, fil‑15 ta’ Ottubru 2010, ILR fetħet proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata għas-somma ta’ 12 592.32 lei Rumeni (RON) (madwar EUR 2547), bil-għan li tikseb l-irkupru tal-krediti miżmuma skont it-titolu eżekuttiv, jiġifieri fatturi mhux imħallsa li jirrigwardaw kirjiet, taxxi ta’ ordni, penali, rati tal-kambju, assigurazzjonijiet u spejjeż ta’ rkupru.

24

Fit‑28 ta’ Marzu 2013, ILR ressqet talba għall-kontinwazzjoni tal-eżekuzzjoni kontra IO, għas-somma ta’ RON 70 601.12 (madwar EUR 14280). Permezz ta’ sentenza ċivili tat‑13 ta’ Novembru 2015, mogħtija mill-Judecătoria Sectorului 1 București (il-Qorti tal-Ewwel Istanza tal-Ewwel Distrett ta’ Bukarest, ir-Rumanija), saret validazzjoni tas-sekwestru fil-konfront ta’ terz adit.

25

Fis‑16 ta’ Novembru 2016, intemmet, permezz ta’ att ta’ marixxall, l-eżekuzzjoni forzata, minħabba li l-patrimonju ta’ IO ma kienx jinkludi beni li setgħu jiġu ssekwestrati.

26

Fis‑26 ta’ Marzu 2019, ILR ressqet talba ġdida għal eżekuzzjoni forzata kontra IO, sabiex tikseb il-likwidazzjoni ta’ kreditu fl-ammont ta’ RON 137 502.84 (madwar EUR 27900), li tirrappreżenta l-ammont tal-fatturi fiskali stabbiliti u mhux imħallsa, penalitajiet moratorji, il-bqija tal-kapital iffinanzjat u mhux imħallas lura, id-djun li jirriżultaw min-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi kuntrattwali kif ukoll tal-ispejjeż ta’ rkupru.

27

Permezz ta’ digriet tat‑12 ta’ April 2019, il-Judecătoria Sectorului 2 București (il-Qorti tal-Ewwel Istanza tat-Tieni Distrett ta’ Bukarest, ir-Rumanija) approvat l-eżekuzzjoni forzata, għas-somma mitluba, flimkien mal-ispejjeż ta’ eżekuzzjoni, stabbiliti sussegwentement, permezz ta’ att ta’ marixxall, għas-somma ta’ RON 8 719.29 (madwar EUR 1764).

28

Fl‑24 ta’ Mejju 2019, IO ppreżentat oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni forzata. Insostenn tal-oppożizzjoni tagħha, hija sostniet li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin, li matulu ILR setgħet titlob u tikseb l-infurzar skont it-titolu eżekuttiv li jikkonsisti fil-kuntratt ta’ leasing, kienet bdiet tiddekorri fl‑2010, meta hija waqfet tħallas il-kirjiet relatati mal-leasing, u skadiet fid-data li fiha ILR ippreżentat it-tieni talba għal eżekuzzjoni forzata. Hija tfakkar ukoll li, għal finanzjament inizjali ta’ EUR 6248,75, li minnu hija ħallset parti kbira matul il-perijodu bejn l‑2008 u l‑2010, ILR fetħet, fl‑2019, it-tieni proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata għal ammont ta’ madwar EUR 30000.

29

ILR toġġezzjona li hija għandha kreditu ċert, likwidu u dovut kontra IO, kompost mill-kumplament tal-kapital iffinanzjat fid-data tax-xoljiment tal-kuntratt ta’ leasing, mill-interessi, mill-penalitajiet għad-dewmien, mill-ammont tal-primjums ta’ assigurazzjoni mħallsa lill-assiguratur, mill-kummissjoni ta’ rkupru u mill-ammont tal-fatturi mhux imħallsa, kreditu li minnu tnaqqas l-ammont tal-prezz tal-bejgħ tal-vettura li kienet is-suġġett tal-kuntratt ta’ leasing.

30

Il-qorti tar-rinviju tindika li l-kuntratt ta’ leasing li abbażi tiegħu nbdew il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni forzata kontra IO fih ċerti klawżoli li jistgħu jitqiesu bħala inġusti fid-dawl tal-Liġi Nru 193/2000, li ttrasponiet id-Direttiva 93/13 fid-dritt Rumen. Hija tesponi li, skont l-Artikolu 713(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili qabel ma kien emendat permezz tal-Liġi Nru 310/2018, kien permissibbli għall-qorti nazzjonali li teżamina, fil-kuntest ta’ oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni, jekk il-klawżoli kuntrattwali tal-leasing sa fejn ma kien jeżisti ebda rimedju proċedurali speċifiku għall-annullament tagħhom. Għall-kuntrarju, skont l-Artikolu 713(2) ta’ dan il-kodiċi, kif emendat b’din il-liġi u applikabbli għall-kawża prinċipali, din il-qorti issa ma tistax teżamina n-natura inġusta ta’ tali klawżoli kuntrattwali biss jekk ma jeżisti ebda rimedju proċedurali għall-annullament ta’ dawn il-kuntratti, inkluża azzjoni tad-dritt ordinarju. Issa, il-Liġi Nru 193/2000 fil-preżent toffri lill-konsumaturi l-possibbiltà li jressqu azzjoni ta’ dritt ordinarju li fil-kuntest tagħha qorti nazzjonali tkun tista’ tistħarreġ in-natura eventwalment inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali.

31

Il-qorti tar-rinviju tosserva madankollu li, skont il-prinċipju ta’ effettività, il-mekkaniżmi nazzjonali ta’ eżekuzzjoni forzata ma għandhomx jagħmlu impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-konsumaturi mid-dritt tal-Unjoni. Issa, protezzjoni effettiva ta’ dawn id-drittijiet tista’ tiġi ggarantita biss bil-kundizzjoni li s-sistema proċedurali nazzjonali tippermetti stħarriġ ex officio tan-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli kuntrattwali fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata nnifisha. Għaldaqstant, hemm dubju dwar jekk l-Artikolu 713(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili emendat, huwiex konformi mad-Direttiva 93/13, peress li l-konsumaturi huma obbligati jressqu azzjoni taħt id-dritt ordinarju mingħajr ma jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet mogħtija lilhom mid-direttiva permezz ta’ oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni forzata.

32

Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Judecătoria Sectorolui 2 București (il-Qorti tal-Ewwel Istanza tat-Tieni Distrett ta’ Bukarest) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri, u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-Direttiva [93/13] għandha tiġi interpretata, fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħar-regolament Rumen fis-seħħ fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tal-oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni – l-Artikolu 713(2) [tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili emendat] […] –, li ma tagħtix, fil-kuntest ta’ oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni, il-possibbiltà li tiġi eżaminata, fuq talba tal-konsumatur jew ex officio mill-qorti, jekk il-klawżoli ta’ kuntratt ta’ leasing li jikkostitwixxu titolu eżekuttiv humiex abbużivi, għar-raġuni li hemm azzjoni taħt id-dritt komuni li permezz tagħha l-kuntratti konklużi bejn ‘konsumatur’ u ‘bejjiegħ jew fornitur’ (‘professjonist’) jistgħu jiġu vverifikati f’termini tal-eżistenza ta’ klawżoli abbużivi fis-sens ta’ din id-direttiva?”

Fuq il‑ġurisdizzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

33

ILR teċċepixxi n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tieħu konjizzjoni ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, minħabba li din it-talba tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali.

34

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar qabelxejn li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali kif ukoll biex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali (sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito, C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-kuntest ta’ tali proċedura, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija għalhekk limitata biss għall-eżami tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2018, Somoza Hermo u Ilunión Seguridad, C‑60/17, EU:C:2018:559, punt 44).

35

Dan huwa l-każ f’din il-kawża.

36

Fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 93/13 sabiex tkun tista’ tiddeċiedi tilwima dwar kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur.

37

Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

Fuq id‑domanda preliminari

38

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Direttiva 93/13 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix lill-qorti ta’ eżekuzzjoni, adita b’oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ leasing konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur li jikkostitwixxi titolu eżekuttiv, tevalwa, ex officio jew fuq talba tal-konsumatur, in-natura inġusta tal-klawżoli ta’ dan il-kuntratt minħabba li jeżisti rikors tad-dritt ordinarju li matulu n-natura inġusta tal-klawżoli ta’ tali kuntratt tista’ tiġi mistħarrġa mill-qorti adita b’dan ir-rikors.

39

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sistema ta’ protezzjoni implimentata mid-Direttiva 93/13 hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fil-konfront tal-bejjiegħ jew tal-fornitur kemm fir-rigward tas-setgħa ta’ negozjati kif ukoll fir-rigward tal-livell ta’ informazzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus, C‑421/14, EU:C:2017:60, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Fir-rigward ta’ din is-sitwazzjoni ta’ inferjorità, l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-klawżoli inġusti ma jorbtux lill-konsumaturi. Din hija dispożizzjoni imperattiva li hija intiża li tissostitwixxi l-bilanċ formali stabbilit mill-kuntratt bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti b’bilanċ reali ta’ natura li jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejniethom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punti 5355, kif ukoll tas‑26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus, C‑421/14, EU:C:2017:60, punt 41).

41

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkunsidrat diversi drabi li l-qorti nazzjonali għandha tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 u, meta tagħmel dan, għandha tirrimedja l-iżbilanċ li jeżisti bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew fornitur, meta jkollha l-elementi ta’ dritt u ta’ fatt meħtieġa għal dan il-għan (sentenzi tal‑14 ta’ Marzu 2013, Aziz, C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980 punt 58; kif ukoll tas‑26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus, C‑421/14, EU:C:2017:60, punt 43).

42

Barra minn hekk, id-Direttiva 93/13 timponi fuq l-Istati Membri, kif jirriżulta mill-Artikolu 7(1) tagħha, moqri flimkien mal-premessa 24 tagħha, li jipprevedu mezzi adegwati u effettivi sabiex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri (sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Addiko Bank, C‑407/18, EU:C:2019:537, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddefinixxiet, diversi drabi u b’teħid inkunsiderazzjoni tar-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) kif ukoll tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, il-mod li bih il-qorti nazzjonali għandha tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet li l-konsumaturi jisiltu minn din id-direttiva, xorta jibqa’ l-fatt li, bħala prinċipju, id-dritt tal-Unjoni ma jarmonizzax il-proċeduri applikabbli għall-eżami tan-natura allegatament inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, u li dawn jaqgħu, għaldaqstant, taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li dawn ma jagħmlux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Addiko Bank, C‑407/18, EU:C:2019:537, punti 4546 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

44

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha ebda element ta’ natura li jqajjem dubju dwar il-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma’ dan il-prinċipju.

45

Għal dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ effettività, għandu jiġi rrilevat li kull sitwazzjoni fejn tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tagħmilx impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħed inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha, kif ukoll, skont il-każ, il-prinċipji li fuqhom hija bbażata s-sistema ġuridika nazzjonali, bħalma huma l-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment korrett tal-proċedura (sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Profi Credit Slovakia, C‑485/19, EU:C:2021:313, punt 53). Madankollu, il-karatteristiċi speċifiċi tal-proċeduri ma jistgħux jikkostitwixxu element li jista’ jaffettwa l-protezzjoni ġuridika li għandhom jibbenefikaw minnha l-konsumaturi bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 (sentenza tal‑21 ta’ April 2016, Radlinger u Radlingerová, C‑377/14, EU:C:2016:283, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw l-effettività tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni jimplika, b’mod partikolari għad-drittijiet li jirriżultaw mid-Direttiva 93/13, rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, affermat mill-ġdid fl-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva u stabbilita wkoll fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li japplika, fost oħrajn, għad-definizzjoni tal-modalitajiet proċedurali relatati mal-azzjonijiet ġudizzjarji bbażati fuq tali drittijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance, C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fl-assenza ta’ stħarriġ effettiv tan-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt ikkonċernat, ir-rispett tad-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 93/13 ma jistax jiġi ggarantit (sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2020, Kancelaria Medius, C‑495/19, EU:C:2020:431, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Minn dan jirriżulta li l-kundizzjonijiet stabbiliti mid-drittijiet nazzjonali, li għalihom jirreferi l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, ma jistgħux jippreġudikaw is-sustanza tad-dritt li l-konsumaturi għandhom abbażi ta’ din id-dispożizzjoni li ma jkunux marbuta minn klawżola meqjusa inġusta (sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 71, kif ukoll tas‑26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus, C‑421/14, EU:C:2017:60, punt 51).

49

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà fakkret li protezzjoni effettiva tad-drittijiet mogħtija lill-konsumatur minn din id-direttiva tista’ tiġi ggarantita biss jekk is-sistema proċedurali nazzjonali tippermetti, fil-kuntest tal-proċedura ta’ ordni għal ħlas jew f’dak tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni tal-ordni għal ħlas, stħarriġ ex officio tan-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli li jinsabu fil-kuntratt ikkonċernat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑18 ta’ Frar 2016, Finanmadrid EFC, C‑49/14, EU:C:2016:98, punt 46, u tat‑13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska, C‑176/17, EU:C:2018:711, punt 44).

50

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li, fl-istadju tal-eżekuzzjoni tal-ordni ta’ ħlas, ma jkun previst ebda stħarriġ ex officio, minn qorti, tan-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli fil-kuntratt ikkonċernat, leġiżlazzjoni nazzjonali għandha titqies li hija ta’ natura li tippreġudika l-effettività tal-protezzjoni mixtieqa mid-Direttiva 93/13 jekk ma tipprevedix tali stħarriġ fl-istadju tal-ħruġ tal-ordni ta’ ħlas jew, meta tali stħarriġ ikun previst biss fl-istadju tal-oppożizzjoni kontra l-ordni maħruġa, jekk ikun hemm riskju mhux negliġibbli li l-konsumatur ikkonċernat ma jippreżentax l-oppożizzjoni meħtieġa jew minħabba t-terminu partikolarment qasir previst għal dan il-għan, jew fid-dawl tal-ispejjeż ikkawżati minn tali azzjoni legali meta mqabbla mal-ammont tad-dejn ikkontestat, jew minħabba li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tipprevedix l-obbligu li tiġi kkomunikata lilu l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex ikun jista’ jiddetermina l-portata tad-drittijiet tiegħu (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2018, EOS KSI Slovensko, C‑448/17, EU:C:2018:745, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li din id-direttiva għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix lill-qorti ta’ eżekuzzjoni, fil-qafas ta’ proċedura ta’ sekwestru ipotekarju, la li tevalwa, sew jekk ex officio u sew jekk fuq talba tal-konsumatur, in-natura inġusta ta’ klawżola li tinsab fil-kuntratt li minnu jirriżulta d-dejn mitlub u li fuqu jibbaża t-titolu eżekuttiv u lanqas li tadotta miżuri provviżorji, fosthom, b’mod partikolari, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni, meta l-għoti ta’ dawn il-miżuri jkun meħtieġ sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni finali tal-qorti adita bil-proċedura dwar il-mertu korrispondenti, li għandha kompetenza biex tivverifika n-natura inġusta ta’ dik il-klawżola (digriet tal‑14 ta’ Novembru 2013, Banco Popular Español u Banco de Valencia, C‑537/12 u C‑116/13, EU:C:2013:759, punt 60, kif ukoll is-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, Sánchez Morcillo u Abril García, C‑169/14, EU:C:2014:2099, punt 28).

52

Fil-kawża prinċipali, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-qorti tar-rinviju, permezz ta’ digriet tat‑12 ta’ April 2019, approvat l-eżekuzzjoni forzata tal-kuntratt inkwistjoni. Barra minn hekk, in-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli ta’ dan il-kuntratt ma jidhirx li kienu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju preċedenti.

53

Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Artikolu 713(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili emendat, ma jippermettix iktar lill-qorti ta’ eżekuzzjoni tistħarreġ, fil-kuntest ta’ oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni, kemm ex officio jew fuq talba tal-konsumatur, in-natura inġusta tal-klawżoli ta’ kuntratt ta’ leasing li jikkostitwixxi titolu eżekuttiv, minħabba l-fatt li dan l-istħarriġ jista’ jsir mill-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu fil-kuntest ta’ rikors tad-dritt ordinarju, li ma huwa suġġett għal ebda terminu, fejn l-imsemmija qorti għandha s-setgħa li tissospendi l-proċedura ta’ eżekuzzjoni taħt il-Liġi Nru 193/2000.

54

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-punt 61 tas-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Addiko Bank (C‑407/18, EU:C:2019:537), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-fatt li, skont id-dritt nazzjonali, l-istħarriġ tan-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli inklużi f’kuntratt ta’ kreditu ipotekarju, konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, ma jistax isir mill-qorti adita bit-talba għall-eżekuzzjoni forzata ta’ tali kuntratt, iżda biss, sussegwentement u jekk ikun il-każ, mill-qorti li tiddeċiedi dwar il-mertu adita mill-konsumatur b’azzjoni għad-dikjarazzjoni tan-nullità ta’ tali klawżoli inġusti huwa manifestament insuffiċjenti sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tal-protezzjoni tal-konsumaturi mixtieqa bid-Direttiva.

55

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, fil-każ li l-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata twassal qabel l-għoti tad-deċiżjoni tal-qorti li tiddeċiedi dwar il-mertu li tiddikjara n-natura inġusta tal-klawżola kuntrattwali li tat lok għal din l-eżekuzzjoni forzata u, konsegwentement, in-nullità ta’ din il-proċedura, din id-deċiżjoni tippermetti biss li jiġi żgurat lill-imsemmi konsumatur protezzjoni a posteriori ta’ kumpens, li tirriżulta inkompleta u insuffiċjenti u li ma tikkostitwixxix mezz la adegwat u lanqas effikaċi sabiex jitwaqqaf l-użu ta’ din l-istess klawżola, kuntrarjament għal dak li jipprevedi l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 (digriet tas‑6 ta’ Novembru 2019, BNP Paribas Personal Finance SA Paris Sucursala Bucureşti u Secapital, C‑75/19, mhux ippubblikat, EU:C:2019:950, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

56

Ċertament, b’differenza miċ-ċirkustanzi fattwali u proċedurali tal-kawżi Banco Popular Español u Banco de Valencia kif ukoll Sánchez Morcillo u Abril García, li wasslu rispettivament għad-digriet tal‑14 ta’ Novembru 2013 (C‑537/12 u C‑116/13, EU:C:2013:759) u għas-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014 (C‑169/14, EU:C:2014:2099), li fil-kuntest tagħhom id-dritt nazzjonali ma kienx jippermetti lill-qorti tadotta miżuri provviżorji fl-istennija tal-eżami tal-klawżoli kuntrattwali fuq il-mertu, f’din il-kawża, il-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu adita b’rikors separat minn dak li jirrigwarda l-imsemmija proċedura ta’ eżekuzzjoni tiddisponi mill-possibbiltà li tissospendi l-imsemmija proċedura.

57

Madankollu mill-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, li ma ġewx ikkontestati mill-Gvern Rumen, jirriżulta li, waqt dan ir-rikors distint quddiem il-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu, il-konsumatur li jitlob is-sospensjoni tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni huwa obbligat iħallas garanzija li hija kkalkolata abbażi tal-valur tas-suġġett tar-rikors.

58

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 50 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-ispejjeż li azzjoni legali twassal għalihom meta mqabbla mal-ammont tad-dejn ikkontestat ma għandhomx ikunu ta’ natura li jiskoraġġixxu lill-konsumatur milli jadixxi lill-qorti għall-finijiet tal-eżami tan-natura potenzjalment inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito, C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 54; tat‑18 ta’ Frar 2016, Finanmadrid EFC, C‑49/14, EU:C:2016:98, punti 52 54; kif ukoll tal‑20 ta’ Settembru 2018, EOS KSI Slovensko, C‑448/17, EU:C:2018:745, punt 46).

59

Issa, huwa probabbli li debitur inadempjenti ma jkollux ir-riżorsi finanzjarji neċessarji sabiex jikkostitwixxi l-garanzija meħtieġa (sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Addiko Bank, C‑407/18, EU:C:2019:537, punt 60). Dan huwa iktar u iktar il-każ meta, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-valur tas-suġġett tar-rikors ippreżentat jeċċedi sew, kif jidher li huwa l-każ f’din il-kawża, il-valur totali tal-kuntratt.

60

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix lill-qorti ta’ eżekuzzjoni ta’ pretensjoni, adita b’oppożizzjoni għal dik l-eżekuzzjoni, tevalwa, ex officio jew fuq talba tal-konsumatur, in-natura inġusta tal-klawżoli ta’ kuntratt konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur li jikkostitwixxi titolu eżekuttiv, meta l-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu, li tkun tista’ tiġi adita b’azzjoni distinta tad-dritt ordinarju u dan sabiex tiġi eżaminata n-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli ta’ tali kuntratt, tista’ tissospendi l-proċedura ta’ eżekuzzjoni sakemm tiddeċiedi fuq il-merti fil-każ biss li titħallas garanzija ta’ livell li x’aktarx jiskoraġġixxi lill-konsumatur milli jintroduċi u jżomm tali rikors.

Fuq l‑ispejjeż

61

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix lill-qorti ta’ eżekuzzjoni ta’ pretensjoni, adita b’oppożizzjoni għal dik l-eżekuzzjoni, tevalwa, ex officio jew fuq talba tal-konsumatur, in-natura inġusta tal-klawżoli ta’ kuntratt konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur li jikkostitwixxi titolu eżekuttiv, meta l-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu, li tkun tista’ tiġi adita b’azzjoni distinta tad-dritt ordinarju u dan sabiex tiġi eżaminata n-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli ta’ tali kuntratt, tista’ tissospendi l-proċedura ta’ eżekuzzjoni sakemm tiddeċiedi fuq il-merti fil-każ biss li titħallas garanzija ta’ livell li x’aktarx jiskoraġġixxi lill-konsumatur milli jintroduċi u jżomm tali rikors.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.