SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

17 ta’ Mejju 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Prinċipju ta’ ekwivalenza – Prinċipju ta’ effettività – Proċeduri għal ordni ta’ ħlas u għal mandat ta’ qbid mingħand terzi persuni – Awtorità ta’ res judicata li tkopri impliċitament il-validità tal-klawżoli tat-titolu eżekuttiv – Setgħa tal-qorti ta’ eżekuzzjoni li teżamina ex officio n-natura eventwalment inġusta ta’ klawżola”

Fil-Kawżi magħquda C‑693/19 u C‑831/19,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale di Milano (il-Qorti Distrettwali ta’ Milano, l-Italja), permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑10 ta’ Awwissu 2019 u tal‑31 ta’ Ottubru 2019, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja rispettivament fit‑13 ta’ Settembru 2019 u fl‑14 ta’ Novembru 2019, fil-proċeduri

SPV Project 1503 Srl,

Dobank SpA

vs

YB (C‑693/19),

u

Banco di Desio e della Brianza SpA,

Banca di Credito Cooperativo di Carugate e Inzago sc,

Intesa Sanpaolo SpA,

Banca Popolare di Sondrio s.c.p.a,

Cerved Credit Management SpA

vs

YX,

ZW (C‑831/19),

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Arabadjiev, K. Jürimäe, C. Lycourgos, E. Regan, S. Rodin (Relatur) u I. Jarukaitis, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, J.‑C. Bonichot, M. Safjan, F. Biltgen, P. G. Xuereb, N. Piçarra, L. S. Rossi u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑27 ta’ April 2021,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Banco di Desio e della Brianza, minn F.L. Monti, S. Sironi u P. Vitiello, avvocati,

għal ZW, minn S.M. Zigni u M. Buzzini, avvocati,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġenta, assistita minn A. Grumetto, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Ġermaniż, minn U. Kühne, bħala aġent,

għall-Gvern Spanjol, minn S. Centeno Huerta, J. Ruiz Sánchez u J. Rodríguez de la Rúa Puig, bħala aġenti,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u K. Szíjjártó, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara u N. Ruiz García, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑15 ta’ Lulju 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288), kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwimiet bejn, minn naħa, SPV Project 1503 Srl (iktar ’il quddiem “SPV”) ma’ Dobank SpA bħala mandatarju ta’ Unicredit SpA, u YB u, min-naħa l-oħra, Banco di Desio e della Brianza SpA (iktar ’il quddiem “BDB”) u istituzzjonijiet ta’ kreditu oħrajn ma’ YX u ZW, dwar proċeduri ta’ eżekuzzjoni forzata bbażati fuq titoli eżekuttivi li kisbu l-awtorità ta’ res judicata.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

L-erbgħa u għoxrin premessa tad-Direttiva 93/13 tiddikjara li “l-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri għandu jkollhom għad-disposizzjoni tagħhom mezz adegwat u effettiv biex jipprevenu li jkomplu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti tal-konsumaturi”.

4

L-Artikolu 2(b) ta’ din id-direttiva jiddisponi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

‘konsumatur’ tfisser kull persuna naturali li, f’kuntratti koperti minn din id-Direttiva, tkun qiegħda taġixxi għal skopjiet li jkunu barra s-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha;

[…]”.

5

L-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi li:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

6

Skont l-Artikolu 7(1) tal-istess direttiva:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

Id‑dritt Taljan

7

Id-Decreto legislativo n. 206, recante Codice del consumo a norma dell’articolo 7 della legge 29 luglio 2003, n. 229 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 206 dwar il-Kodiċi tal-Konsumatur fis-sens tal-Artikolu 7 tal-Liġi Nru 229 tad‑29 ta’ Lulju 2003) tas‑6 ta’ Settembru 2005 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 235, tat‑8 ta’ Ottubru 2005), li jittrasponi d-Direttiva 93/13, jiddisponi, fl-Artikolu 33(1) u (2) tiegħu:

“1.   Fil-kuntratt konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur, huma kkunsidrati bħala inġusti l-klawżoli li, minkejja l-bona fide, joħolqu, għad-detriment tal-konsumatur żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt.

2.   Huma preżunti inġusti sakemm ma jiġix ipprovat mod ieħor il-klawżoli li għandhom l-għan jew l-effett li:

[…]

f)

jimponu fuq il-konsumatur, fil-każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew ta’ dewmien fl-eżekuzzjoni, il-ħlas ta’ somma flus ta’ ammont manifestament eċċessiv bħala kumpens, klawżola penali jew titolu ekwivalenti ieħor;

[…]”.

8

L-Artikolu 36(1) u (3) ta’ dan id-digriet leġiżlattiv jipprevedi li:

“1.   Il-klawżoli meqjusa inġusti skont l-Artikoli 33 u 34 huma nulli, filwaqt li l-kumplament tal-kuntratt jibqa’ validu.

[…]

3.   In-nullità tapplika biss għall-benefiċċju tal-konsumatur u tista’ titqajjem ex officio mill-qorti.”

9

Il-Codice di procedura civile, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (il-“Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili”), jipprevedi, fl-Artikolu 633 tiegħu, dwar il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà:

“Fuq talba tal-kreditur ta’ somma flus speċifika jew ta’ kwantità speċifika ta’ oġġetti funġibbli, jew ta’ destinatarju ta’ kunsinna ta’ oġġetti mobbli speċifiċi, l-imħallef kompetenti għandu joħroġ ordni ta’ ħlas jew kunsinna:

1)

Jekk id-dritt invokat huwa sostnut minn evidenza bil-miktub;

[…]”.

10

L-Artikolu 640 ta’ dan il-kodiċi jiddisponi:

“Jekk il-qorti tqis li t-talba ma hijiex suffiċjentement iġġustifikata, tordna lir-Reġistru jinforma lir-rikorrent, filwaqt li jistiednu jipproduċi l-provi.

Jekk ir-rikorrent ma jirrispondix għal din l-istedina, ma jirtirax it-talba tiegħu jew jekk it-talba ma tistax tintlaqa’, il-qorti tiċħdu permezz ta’ deċiżjoni motivata.

Din id-deċiżjoni ma tippreġudikax il-possibbiltà li t-talba tiġi irtirata, inkluż fil-kuntest tal-proċedura ordinarja.”

11

L-Artikolu 641 tal-imsemmi kodiċi jipprevedi li, jekk tintlaqa’ t-talba, il-qorti għandha tordna lill-parti l-oħra tħallas is-somma flus u tinformaha bil-possibbiltà li tqajjem oġġezzjoni fi żmien 40 jum.

12

L-Artikolu 647 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawżi prinċipali, intitolat “Saħħa eżekuttiva minħabba nuqqas ta’ oppożizzjoni jew nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-parti li qed topponi”, jiddikjara li:

“Jekk ma tkun tqajmet ebda oġġezzjoni fit-terminu preskritt, jew jekk il-konvenut ma jkunx ħa azzjoni legali, [l-imħallef] li jkun ħareġ l-ordni għandu jiddikjara l-ordni bħala eżegwibbli, fuq talba, anki verbali, tar-rikorrent. […]

Fejn l-ordni tkun ġiet iddikjarata eżegwibbli skont dan l-artikolu, l-oġġezzjoni ma tkunx tista’ titqajjem jew tiġi segwita iżjed, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 650, u kwalunkwe garanzija ddepożitata għandha tiġi rrilaxxata.”

13

Skont l-Artikolu 650 ta’ dan il-kodiċi, dwar l-oppożizzjoni tardiva:

“Il-konvenut jista’ jqajjem oġġezzjoni anki wara li jiskadi t-terminu preskritt fl-ordni jekk jipprova li ma kienx jaf biha fiż-żmien minħabba irregolaritajiet fin-notifika, jew minħabba każ fortuwitu jew forza maġġuri.

[…]

L-ebda oppożizzjoni ma tista’ titressaq wara l-iskadenza ta’ terminu ta’ għaxart ijiem li jiddekorri mill-ewwel att ta’ eżekuzzjoni.”

14

L-Artikolu 2909 tal-Codice civile (il-Kodiċi Ċivili), dwar ir-res judicata, jiddisponi:

“Konstatazzjonijiet magħmula f’sentenzi li jkunu kisbu l-awtorità ta’ res judicata għandhom ikunu vinkolanti fl-aspetti kollha fuq il-partijiet, is-suċċessuri leġittimi jew ċ-ċessjonarji tagħhom.”

15

Il-qorti tar-rinviju tesponi li, skont il‑maġġoranza tal-ġurisprudenza tal-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja), l-ordni ta’ ħlas ta’ somma flus li ma kinitx is-suġġett ta’ oppożizzjoni tikseb l-awtorità ta’ res judicata mhux biss fir-rigward tal-pretensjoni li l-irkupru tagħha huwa segwit, iżda wkoll tat-titolu invokat bħala bażi tiegħu, u dan jeskludi għalhekk kull eżami ulterjuri tar-raġunijiet adottati bħala ġustifikazzjoni għat-talba. Din il-ġurisprudenza wasslet għall-applikazzjoni għall-ordni mhux ikkontestata tal-prinċipju ta’ “awtorità ta’ res judicata impliċita”, li jipprovdi li l-qorti li tkun iddeċidiet kwistjoni partikolari titqies li neċessarjament issolvi l-kwistjonijiet preliminari l-oħra kollha.

Il‑kawżi prinċipali u d‑domandi preliminari

Il‑Kawża C‑693/19

16

SPV u kredituri oħra bdew quddiem il-qorti tar-rinviju proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata sabiex jiksbu l-irkupru tal-pretensjonijiet li jirriżultaw minn kuntratti ta’ self konklużi ma’ YB. Din il-proċedura hija bbażata fuq ordni ta’ ħlas li saret definittiva, peress li YB ma ressaqx oppożizzjoni għaliha.

17

Il-kuntratti ta’ self inkwistjoni kienu jipprevedu, fil-każ ta’ dewmien tad-debitur fl-eżekuzzjoni tal-obbligi tiegħu, l-applikazzjoni ta’ klawżola penali u ta’ interess moratorju.

18

Waqt is-seduta, il-qorti ta’ eżekuzzjoni peress li qieset li l-klawżola dwar il-kalkolu tal-interessi moratorji setgħu jkunu inġusti, ordnat lil SPV tipproduċi kuntratti li abbażi tagħhom l-ordni ta’ ħlas kienet inħarġet u stiednet lil YB sabiex jippreżenta ruħu għas-seduta li jmiss u sabiex juri l-intenzjoni tiegħu li jinvoka n-natura inġusta ta’ din il-klawżola.

19

Fis-seduta sussegwenti, YB iddikjara li xtaq jinvoka n-natura inġusta tal-imsemmija klawżola. Konsegwentement, il-qorti ta’ eżekuzzjoni, billi bbażat ruħha fuq is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2010, VB Pénzügyi Lízing (C‑137/08, EU:C:2010:659), qieset li kien possibbli għaliha li tevalwa n-natura eventwalment inġusta ta’ din l-istess klawżola u ffissat seduta ġdida. Permezz ta’ nota, SPV sostniet li l-awtorità ta’ res judicata marbuta mal-ordni tipprekludi kull eżami tal-klawżoli tal-kuntratti li abbażi tagħhom kienet ingħatat din l-ordni.

20

Il-qorti tar-rinviju tindika li, meta kreditur ikun kiseb titolu eżekuttiv, huwa jista’ jissuġġetta għal proċedura ta’ mandat ta’ qbid il-pretensjonijiet li d-debitur tiegħu jkollu fil-konfront ta’ terzi persuni. Hija tesponi li l-qorti ta’ eżekuzzjoni hija obbligata tiżgura l-eżistenza ta’ titolu eżekuttiv validu matul it-tul kollu tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni. Is-setgħa ta’ din il-qorti hija għalhekk limitata biss għall-istħarriġ tal-eżistenza tat-titolu eżekuttiv u ma tistax testendi għal dak tal-“kontenut intrinsiku” ta’ dan tal-aħħar. Tali stħarriġ tat-titolu eżekuttiv ġudizzjarju huwa wkoll eskluż fil-każ ta’ oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni mressqa mid-debitur.

21

Il-qorti tar-rinviju, filwaqt li tfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dmirijiet tal-qorti nazzjonali fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi u dik dwar il-possibbiltà li f’ċerti ċirkustanzi tiġi injorata l-awtorità ta’ res judicata, tistaqsi dwar in-natura eventwalment inġusta, fil-kawża pendenti quddiemha, tal-klawżola dwar il-kalkolu tal-interessi moratorji kif ukoll tal-klawżola penali li tinsab fil-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

22

F’dan ir-rigward, hija tippreċiża li l-qorti li tat l-ordni ta’ ħlas inkwistjoni ma ddeċidietx dwar l-eventwali natura inġusta tal-klawżoli ċċitati iktar ’il fuq u li, minħabba l-assenza ta’ oppożizzjoni minn YB, l-ordni kisbet l-awtorità ta’ res judicata. Barra minn hekk, skont il-prinċipju ta’ “awtorità ta’ res judicata impliċita”, il-klawżoli kollha li jinsabu fil-kuntratti ta’ self inkwistjoni fil-kawża prinċipali, inklużi ż-żewġ klawżoli inkwistjoni, jitqiesu li ġew eżaminati minn din il-qorti u koperti minn din il-forma ta’ awtorità ta’ res judicata.

23

Minn dan jirriżulta li l-qorti ta’ eżekuzzjoni ma tistax tevalwa n-natura inġusta tal-klawżoli ta’ kuntratt, mhux biss minħabba l-fatt li hija ma tistax tistħarreġ il-kontenut tal-ordni ta’ ħlas mogħtija abbażi tagħha, iżda wkoll għaliex din l-ordni, meta d-debitur ma jkunx ressaq oppożizzjoni fil-konfront tagħha, tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata. Skont il-qorti tar-rinviju, l-assenza ta’ eżami espliċitu tan-natura inġusta tal-klawżoli fil-kuntest ta’ proċedura tikkostitwixxi protezzjoni inkompleta u insuffiċjenti tal-konsumatur.

24

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunale di Milano (il-Qorti Distrettwali ta’ Milano, l-Italja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva [93/13] u l-Artikolu 47 tal-[Karta] jipprekludu, u taħt liema kundizzjonijiet, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik deskritta, li tipprekludi lill-qorti ta’ eżekuzzjoni twettaq stħarriġ intrinsiku ta’ titolu eżekuttiv ġudizzjarju li kiseb l-awtorità ta’ res judicata u li timpedixxi lill-istess qorti, fil-każ ta’ manifestazzjoni ta’ rieda min-naħa tal-konsumatur li jinvoka n-natura inġusta tal-klawżola inkluża fil-kuntratt li bis-saħħa tiegħu nkiseb it-titolu eżekuttiv, tissupera l-effetti tal-awtorità ta’ res judicata impliċita?”

Il‑Kawża C‑831/19

25

Fl‑2005, BDB ikkonkludiet ma’ YX u ZW kuntratti ta’ garanzija sabiex tiggarantixxi l-pretensjonijiet ta’ kumpannija.

26

BDB bdiet proċedura ta’ qbid ta’ proprjetà immobbli quddiem il-qorti tar-rinviju fuq il-beni li YX u ZW huma proprjetarji tagħhom. Din il-proċedura, li għaliha intervjenew kredituri oħra, hija bbażata fuq ordnijiet għal ħlas mogħtija fl‑2012 u fl‑2013 minn qorti favur BDB u dawn il-kredituri l-oħra fir-rigward ta’ kumpannija, debitriċi prinċipali, u erba’ garanti, fosthom YX u ZW. Peress li dawn l-ordnijiet ma ġewx ikkontestati, huma kisbu l-awtorità ta’ res judicata.

27

Matul il-proċedura ta’ qbid ta’ proprjetà immobbli, ZW invokat il-kwalità tagħha ta’ konsumatur sabiex tkun tista’ tinvoka n-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli li jinsabu fil-kuntratti ta’ garanzija li abbażi tagħhom ingħataw l-ordnijiet għall-ħlas.

28

BDB, l-istess bħall-istituzzjonijiet l-oħra ta’ kreditu li intervjenew fil-proċedura ta’ qbid ta’ proprjetà immobbli, isostnu li ZW ma tistax tinvoka din il-kwalità minħabba l-istatus tagħha ta’ azzjonista tal-kumpannija debitriċi prinċipali u tar-rabta konjugali eżistenti ma’ YX, rappreżentant legali ta’ din il-kumpannija. Barra minn hekk, huma jsostnu li, indipendentement mir-rikonoxximent tal-imsemmija kwalità, il-qorti ta’ eżekuzzjoni ma tistax teżerċita stħarriġ fuq titolu eżekuttiv formalment korrett u definittiv, bħal ordni ta’ ħlas li ma tkunx ikkontestata.

29

Il-qorti tar-rinviju tqis li ZW, għandha, fil-kawża pendenti quddiemha, il-kwalità ta’ konsumatur, għar-raġuni li, fid-data li fiha hija kkonkludiet il-kuntratti ta’ garanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-ewwel, hija ma kinitx akkwistat is-sehem kollu tagħha fil-kapital azzjonarju tal-kumpannija debitriċi, li tammonta għal 22 %, it-tieni, ma kienx ipprovat li hija kienet irċeviet dividendi fir-rigward tal-ishma miżmuma u, finalment, it-tielet, ġie stabbilit li, mill‑1976, hija kellha rabta ma’ kumpannija oħra permezz ta’ relazzjoni ta’ xogħol bis-salarju u li, konsegwentement, waqt il-konklużjoni tal-kuntratti ta’ garanzija, hija ma kinitx tokkupa funzjoni organika fil-kumpannija debitriċi prinċipali.

30

Fir-rigward tal-possibbiltà għal konsumatur li jinvoka n-natura inġusta ta’ klawżoli ta’ kuntratt li abbażi tiegħu tkun ingħatat ordni ta’ ħlas, din il-qorti tesponi r-regoli nazzjonali dwar il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni u tispeċifika li, fil-każ ta’ qbid ta’ proprjetà immobbli l-kreditur, abbażi ta’ titolu eżekuttiv, jissuġġetta għal eżekuzzjoni ta’ qbid id-dritt in rem eżistenti fuq proprjetà immobbli li tappartjeni lid-debitur tiegħu. Hija tindika li, skont is-setgħat li jistgħu jiġu eżerċitati mill-qorti ta’ eżekuzzjoni waqt l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ qbid, din għandha tistħarreġ biss, kif jirriżulta mill-punt 20 ta’ din is-sentenza, il-“kontenut intrinsiku” tat-titolu eżekuttiv.

31

Hija tippreċiża wkoll li, fid-dritt nazzjonali, it-tressiq ta’ oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni ma jeħtieġx forom partikolari u jista’ jsir anki verbalment fis-seduta quddiem il-qorti ta’ eżekuzzjoni jew permezz tal-preżentata, f’din is-seduta, ta’ risposta.

32

Il-qorti tar-rinviju, filwaqt li tfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirregola l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-dritt sostantiv tal-Unjoni, dik dwar id-dmirijiet tal-qorti nazzjonali fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi kif ukoll dik dwar il-possibbiltà li f’ċerti ċirkustanzi tiġi injorata l-awtorità ta’ res judicata, tistaqsi dwar in-natura eventwalment inġusta, fil-kawża pendenti quddiemha, tal-klawżoli li jinsabu fil-kuntratti ta’ garanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali konklużi bejn ZW u BDB kif ukoll bejn ZW u l-kredituri l-oħra, abbażi ta’ liema ordnijiet ta’ ħlas ġew mogħtija.

33

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tesponi li, skont il-kredituri, l-impossibbiltà li f’dan l-istadju tiġi invokata, minħabba l-assenza ta’ oppożizzjoni minn ZW, in-natura inġusta ta’ dawn il-klawżoli tirriżulta wkoll mis-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones (C‑40/08, EU:C:2009:615).

34

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza madankollu li, b’differenza mill-konsumatur fil-kawża li waslet għas-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones (C‑40/08, EU:C:2009:615), ZW, fil-kawża prinċipali, uriet ir-rieda tagħha li ssostni n-natura inġusta ta’ ċerti klawżoli u għalhekk temmet in-nuqqas ta’ azzjoni mmanifestata sal-formazzjoni tal-awtorità ta’ res judicata impliċita li tkopri t-titoli eżekuttivi.

35

Din il-qorti tqis ukoll li, fid-data tal-għoti tal-ordnijiet ta’ ħlas inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx stabbilixxiet il-kundizzjonijiet li permezz tagħhom il-garanti li jkun garanzija għall-persuna ġuridika jista’ jiġi kklassifikat bħala konsumatur, peress li dawn il-kundizzjonijiet ġew stabbiliti sussegwentement, permezz tad-digrieti tad‑19 ta’ Novembru 2015, Tarcău (C‑74/15, EU:C:2015:772), u tal‑14 ta’ Settembru 2016, Dumitraș (C‑534/15, EU:C:2016:700). Konsegwentement, l-imsemmija qorti tqis li ZW ma setgħetx tiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-kwistjoni jekk kienx hemm lok li tiġi invokata, fil-kuntest ta’ oppożizzjoni għall-ordnijiet, in-natura inġusta tal-klawżoli li jinsabu fil-kuntratti konklużi ma’ bejjiegħa jew fornituri, minħabba l-fatt li hija ma kinitx taf il-kwalità tagħha ta’ konsumatur.

36

Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-assenza ta’ ċertezza dwar il-possibbiltà li jiġi kklassifikat garanti tal-konsumatur fid-data li fiha jkunu ngħataw it-titoli eżekuttivi inkwistjoni hijiex ta’ natura li tirrendi impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-konsumaturi mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 93/13.

37

Hija tippreċiża wkoll li, skont il-prinċipji tad-dritt proċedurali nazzjonali, fl-assenza ta’ oppożizzjoni mill-konsumatur, l-awtorità ta’ res judicata ta’ ordni ta’ ħlas tkopri n-natura mhux inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt ta’ garanzija, u dan anki fl-assenza ta’ kwalunkwe eżami espliċitu, mill-qorti li tkun tat din l-ordni, tan-natura inġusta ta’ dawn il-klawżoli. Dan jirriżulta, minn naħa, fl-impossibbiltà li tiġi sostnuta n-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali waqt il-proċedura fil-mertu u, min-naħa l-oħra, l-inammissibbiltà tal-oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni meta tkun ibbażata fuq raġunijiet li l-parti kellha tqajjem waqt il-formazzjoni tat-titolu eżekuttiv.

38

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, fil-punt 49 tas-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus (C‑421/14, EU:C:2017:60), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 93/13 ma tipprekludix regola nazzjonali li tipprojbixxi lill-qorti nazzjonali milli teżamina mill-ġdid ex officio n-natura inġusta tal-klawżoli ta’ kuntratt konkluż ma’ bejjiegħ jew fornitur, meta tkun diġà ġiet deċiża l-legalità tal-klawżoli kollha tal-kuntratt fid-dawl ta’ din id-direttiva permezz ta’ deċiżjoni li jkollha l-awtorità ta’ res judicata. Hija żżid li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset ukoll, f’dik is-sentenza, li, meta n-natura eventwalment inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali ma tkunx ġiet eżaminata waqt stħarriġ ġudizzjarju preċedenti tal-kuntratt kontenzjuż konkluż permezz ta’ deċiżjoni li jkollha l-awtorità ta’ res judicata, jew meta biss uħud minnhom ikunu ġew suġġetti għal tali stħarriġ, il-qorti nazzjonali hija madankollu obbligata tevalwa n-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli inkwistjoni.

39

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li l-Qorti tal-Ġustizzja, permezz tal-imsemmija sentenza, stabbilixxiet il-kundizzjonijiet li fihom l-awtorità ta’ res judicata espliċita tista’ tiġi invokata sabiex tipprojbixxi lill-qorti nazzjonali milli tistħarreġ in-natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali. Għall-kuntrarju, hija tqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għad ma kellhiex l-opportunità teżamina l-kompatibbiltà tal-prinċipju ta’ “awtorità ta’ res judicata impliċita” mal-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 93/13 kif ukoll mal-Artikolu 47 tal-Karta.

40

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunale di Milano (il-Qorti Distrettwali ta’ Milano) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva [93/13] moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-[Karta] jipprekludu, u taħt liema kundizzjonijiet, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik deskritta, li tipprekludi lill-qorti ta’ eżekuzzjoni milli twettaq stħarriġ intrinsiku ta’ titolu eżekuttiv ġudizzjarju li kiseb l-awtorità ta’ res judicata, meta l-konsumatur, li jsir konxju mill-istatus tiegħu (għarfien li kien preċedentement prekluż mid-dritt kif applikat dak iż-żmien), jitlob it-twettiq ta’ tali stħarriġ?

2)

L-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva [93/13] moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-[Karta] jipprekludu, u taħt liema kundizzjonijiet, leġiżlazzjoni bħal dik nazzjonali li, meta jkun hemm deċiżjoni impliċita li kisbet l-awtorità ta’ res judicata li klawżola kuntrattwali ma hijiex inġusta, tipprekludi lill-qorti ta’ eżekuzzjoni, li tkun mitluba tiddeċiedi dwar oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni mressqa mill-konsumatur, milli tirrileva li tali klawżola hija inġusta, u tali preklużjoni tista’ titqies li teżisti anki meta, fid-dawl tad-dritt kif applikat dak iż-żmien meta d-deċiżjoni kisbet l-awtorità ta’ res judicata, l-evalwazzjoni ta’ jekk il-klawżola hijiex inġusta kienet prekluża peress li l-garanti ma kienx jista’ jiġi kklassifikat bħala konsumatur?”

41

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑23 ta’ Frar 2021, il-Kawżi C‑693/19 u C‑831/19 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari fil‑Kawża C‑831/19

42

BDB teċċepixxi l-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari minħabba li ZW ma hijiex konsumatur u li, konsegwentement, id-Direttiva 93/13 ma hijiex applikabbli għaliha.

43

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll biex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali. Bl-istess mod, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito, C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Għalhekk, ir-rifjut mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod evidenti li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda konnessjoni mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito, C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża.

46

Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, b’differenza mill-konjuġi tagħha YX, ZW għandha tiġi kklassifikata bħala konsumatur, peress li, fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratti ta’ garanzija ma’ BDB u mal-kredituri l-oħra, ZW kienet taġixxi barra mill-kuntest tal-attività professjonali tagħha u ma kellhiex rabtiet funzjonali mal-kumpannija kkonċernata, debitriċi prinċipali. Skont il-qorti tar-rinviju, ZW kienet, mill‑1976, marbuta ma’ kumpannija oħra permezz ta’ relazzjoni ta’ xogħol u ma kellha ebda funzjoni ġestjonarja fi ħdan il-kumpannija inkwistjoni. Għal dan il-għan, il-qorti tar-rinviju rrilevat li, fid-dawl tad-dokumenti prodotti minn ZW matul il-proċedura ta’ eżekuzzjoni, ZW akkwistat sehem ta’ 22 % fil-kapital azzjonarju tagħha fil‑31 ta’ Jannar 2013, filwaqt li l-kuntratti ta’ garanzija bejn ZW u l-kredituri ġew konklużi kollha qabel din id-data, u l-ordni ta’ ħlas miksuba minn BDB tippreċedi wkoll l-akkwist ta’ dawn l-ishma minn ZW.

47

Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, mis-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013, Asbeek Brusse u de Man Garabito, (C‑488/11, EU:C:2013:341, punt 29), jirriżulta li d-Direttiva 93/13 tapplika għal “kull kuntratt” konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur, peress li l-Artikolu 2(b) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi konsumatur bħala kull persuna fiżika li, fil-kuntratti li jaqgħu taħt l-imsemmija direttiva, taġixxi għal finijiet li ma jaqgħux fil-kuntest tal-attività professjonali tagħha.

48

Konsegwentement, peress li ZW ma kkonkludietx il-kuntratt ta’ garanzija inkwistjoni fil-kuntest tal-attività professjonali tagħha, l-imsemmi kuntratt għandu jitqies li ġie konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur u għalhekk jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13.

49

Għaldaqstant hemm lok li t-talba għal deċiżjoni preliminari tiġi kkunsidrata ammissibbli.

Fuq id‑domandi preliminari

50

Permezz tad-domandi tagħha magħmula fil-Kawża C‑693/19 u fil-Kawża C‑831/19, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, meta ordni ta’ ħlas mogħtija minn qorti fuq talba ta’ kreditur ma tkunx is-suġġett ta’ oppożizzjoni mressqa mid-debitur, il-qorti ta’ eżekuzzjoni tista’, minħabba li l-awtorità ta’ res judicata li din l-ordni jkollha, tkopri impliċitament il-validità ta’ dawn il-klawżoli, sussegwentement, tistħarreġ l-eventwali natura inġusta tal-klawżoli ta’ kuntratt li jkunu servew ta’ bażi għall-imsemmija ordni. Fil-Kawża C‑831/19, hija tistaqsi wkoll jekk il-fatt, li fid-data li fiha l-ordni saret definittiva, id-debitur ma kienx jaf li dan seta’ jiġi kklassifikat bħala “konsumatur” fis-sens ta’ din id-direttiva, għandux xi effett f’dan ir-rigward.

51

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sistema ta’ protezzjoni implimentata mid-Direttiva 93/13 hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fil-konfront tal-bejjiegħ jew tal-fornitur kemm fir-rigward tas-setgħa ta’ negozjati kif ukoll fir-rigward tal-livell ta’ informazzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus, C‑421/14, EU:C:2017:60, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

Fir-rigward ta’ din is-sitwazzjoni ta’ inferjorità, l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-klawżoli inġusti ma jorbtux lill-konsumaturi. Din hija dispożizzjoni obbligatorja li hija intiża li tissostitwixxi l-bilanċ formali stabbilit mill-kuntratt bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti b’bilanċ reali ta’ natura li jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejn dawn tal-aħħar (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punti 5355, kif ukoll tas‑26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus, C‑421/14, EU:C:2017:60, punt 41).

53

F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-qorti nazzjonali għandha tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 u, meta tagħmel dan, għandha tirrimedja l-iżbilanċ li jeżisti bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew fornitur, meta jkollha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt meħtieġa għal dan il-għan (is-sentenzi tal‑14 ta’ Marzu 2013, Aziz, C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 58; kif ukoll dik tas‑26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus, C‑421/14, EU:C:2017:60, punt 43).

54

Barra minn hekk, id-Direttiva 93/13 timponi fuq l-Istati Membri, bħalma jirriżulta mill-Artikolu 7(1) tagħha, moqri flimkien mal-erbgħa u għoxrin premessa tagħha, l-obbligu li jipprovdu mezzi adegwati u effettivi sabiex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi minn bejjiegħ jew fornitur (sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Addiko Bank, C‑407/18, EU:C:2019:537, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55

Minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk diġà ddefinixxiet, f’diversi okkażjonijiet u billi ħadet inkunsiderazzjoni tar-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) kif ukoll tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, il-mod kif il-qorti nazzjonali għandha tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet li l-konsumaturi jisiltu minn din id-direttiva, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, bħala prinċipju, id-dritt tal-Unjoni ma jarmonizzax il-proċeduri applikabbli għall-eżami tan-natura allegatament inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, u li dawn il-proċeduri jaqgħu, għalhekk, taħt l-ordinament ġuridiku nazzjonali tal-Istati Membri, taħt il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li ma jagħmlux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara b’mod partikolari s-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Addiko Bank, C‑407/18, EU:C:2019:537, punti 4546 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

56

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi ddeterminat jekk dawn id-dispożizzjonijiet jeżiġux lill-qorti ta’ eżekuzzjoni li tistħarreġ in-natura eventwalment inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali minkejja r-regoli proċedurali nazzjonali li jimplimentaw il-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata fir-rigward ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li ma tirrifletti b’mod espliċitu ebda eżami fuq dan il-punt.

57

F’dan ir-rigward, għandha tiġi mfakkra l-importanza li għandu l-prinċipju ta’ res judicata, kemm fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni kif ukoll fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tippreċiża li, sabiex tiżgura kemm l-istabbiltà tad-dritt u tar-relazzjonijiet ġuridiċi kif ukoll tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa neċessarju li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu saru definittivi wara li jiġu eżawriti r-rimedji ġudizzjarji disponibbli jew wara l-iskadenza tat-termini previsti għall-preżentata ta’ dawn ir-rikorsi ma jkunux jistgħu jiġu iktar ikkontestati (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones, C‑40/08, EU:C:2009:615, punti 3536, kif ukoll tas‑26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus, C‑421/14, EU:C:2017:60, punt 46).

58

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-protezzjoni tal-konsumatur ma hijiex assoluta. B’mod partikolari, hija kkunsidrat li d-dritt tal-Unjoni ma jimponix l-obbligu fuq qorti nazzjonali li ma tapplikax ir-regoli proċedurali nazzjonali li jagħtu l-awtorità tar-res judicata lil deċiżjoni, anki meta dan jippermetti li jingħata rimedju għal ksur ta’ dispożizzjoni, tkun xi tkun in-natura tagħha, fid-Direttiva 93/13 (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones, C‑40/08, EU:C:2009:615, punt 37, kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 68), bil-kundizzjoni madankollu, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, tal-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

59

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha ebda element ta’ natura li jqajjem dubju dwar il-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma’ dan il-prinċipju. Jidher li, kif jindika l-Gvern Taljan, id-dritt nazzjonali ma jippermettix lill-qorti ta’ eżekuzzjoni li teżamina mill-ġdid ordni ta’ ħlas li jkollha l-awtorità ta’ res judicata, anki fil-preżenza ta’ ksur eventwali tar-regoli ta’ ordni pubbliku nazzjonali.

60

F’dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ effettività, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jirriżulta li kull każ fejn tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tagħmilx impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, fl-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha, kif ukoll, jekk ikun neċessarju, tal-prinċipji li fuqhom huwa bbażat l-ordinament ġuridiku nazzjonali, bħalma huma l-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment korrett tal-proċedura (sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Profi Credit Slovakia, C‑485/19, EU:C:2021:313, punt 53). Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività ma tistax madankollu tasal sabiex tirrimedja għal kollox il-passività totali tal-konsumatur ikkonċernat (sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2015, ERSTE Bank Hungary, C‑32/14, EU:C:2015:637, punt 62).

61

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw l-effettività tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni jimplika, b’mod partikolari għad-drittijiet li jirriżultaw mid-Direttiva 93/13, rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, ikkonfermata fl-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva u stabbilita wkoll fl-Artikolu 47 tal-Karta, li tapplika, fost oħrajn, għad-definizzjoni tal-modalitajiet proċedurali relatati mal-azzjonijiet ġudizzjarji bbażati fuq tali drittijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance, C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fl-assenza ta’ stħarriġ effettiv tan-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt ikkonċernat, ir-rispett tad-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 93/13 ma jistax jiġi ggarantit (sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2020, Kancelaria Medius, C‑495/19, EU:C:2020:431, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63

Minn dan isegwi li l-kundizzjonijiet stabbiliti mid-drittijiet nazzjonali, li għalihom jirreferi l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, ma jistgħux jippreġudikaw is-sustanza tad-dritt li l-konsumaturi jisiltu minn din id-dispożizzjoni, kif interpretata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra, b’mod partikolari, fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, li ma jkunux marbuta bi klawżola meqjusa inġusta (sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 71, kif ukoll tas‑26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus, C‑421/14, EU:C:2017:60, punt 51).

64

Fil-kawżi prinċipali, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni ta’ ordnijiet ta’ ħlas mhux ikkontestati, il-qorti ta’ eżekuzzjoni ma tistax teżerċita stħarriġ fuq il-mertu tal-ordni ta’ ħlas u lanqas ma tista’ tistħarreġ, ex officio jew fuq talba tal-konsumatur, in-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali li jikkostitwixxu l-bażi ta’ din l-ordni, minħabba l-awtorità ta’ res judicata impliċita miksuba minn din tal-aħħar.

65

Issa, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li eżami ex officio tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali jitqies li seħħ u li jiġi kopert mill-awtorità ta’ res judicata anki fl-assenza ta’ kull motivazzjoni f’dan is-sens f’deċiżjoni bħal deċiżjoni li tordna ordni ta’ ħlas tista’, fid-dawl tan-natura u tal-importanza tal-interess pubbliku li fuqu hija bbażata l-protezzjoni li d-Direttiva 93/13 tagħti lill-konsumaturi, ixxejjen mis-sustanza tiegħu l-obbligu li għandha l-qorti nazzjonali li twettaq eżami ex officio tan-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli kuntrattwali.

66

Minn dan isegwi li, f’tali każ, ir-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jirrikjedi li l-qorti ta’ eżekuzzjoni tkun tista’ tevalwa, inkluż għall-ewwel darba, in-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli kuntrattwali li servew bħala bażi għal ordni ta’ ħlas mogħtija minn qorti fuq talba ta’ kreditur u li kontriha d-debitur ma jkunx ressaq oppożizzjoni.

67

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 56 u 57 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li d-debitur ma kellux għarfien, fil-mument li din id-deċiżjoni ġudizzjarja preċedenti saret definittiva, tal-kwalità tiegħu ta’ konsumatur, fis-sens tad-Direttiva 93/13, huwa irrilevanti, peress li, hekk kif tfakkar fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, il-qorti nazzjonali għandha tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

68

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta għad-domandi magħmula fil-Kawżi C‑693/19 u C‑831/19 għandha tkun li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, meta ordni ta’ ħlas mogħtija minn qorti fuq talba ta’ kreditur ma tkunx is-suġġett ta’ oppożizzjoni mressqa mid-debitur, il-qorti ta’ eżekuzzjoni ma tistax, minħabba li l-awtorità ta’ res judicata li din l-ordni jkollha tkopri impliċitament il-validità ta’ dawn il-klawżoli, bl-esklużjoni ta’ kull eżami tal-validità ta’ dawn tal-aħħar, sussegwentement, tistħarreġ l-eventwali natura inġusta tal-klawżoli ta’ kuntratt li jkunu servew ta’ bażi għall-imsemmija ordni. Il-fatt li, fid-data li fiha l-ordni saret definittiva, id-debitur ma kienx jaf li huwa seta’ jiġi kklassifikat bħala “konsumatur” fis-sens ta’ din id-direttiva huwa irrilevanti f’dan ir-rigward.

Fuq l‑ispejjeż

69

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, meta ordni ta’ ħlas mogħtija minn qorti fuq talba ta’ kreditur ma tkunx is-suġġett ta’ oppożizzjoni mressqa mid-debitur, il-qorti ta’ eżekuzzjoni ma tistax, minħabba li l-awtorità ta’ res judicata li din l-ordni jkollha tkopri impliċitament il-validità ta’ dawn il-klawżoli, bl-esklużjoni ta’ kull eżami tal-validità ta’ dawn tal-aħħar, sussegwentement, tistħarreġ l-eventwali natura inġusta tal-klawżoli ta’ kuntratt li jkunu servew ta’ bażi għall-imsemmija ordni. Il-fatt li, fid-data li fiha l-ordni saret definittiva, id-debitur ma kienx jaf li huwa seta’ jiġi kklassifikat bħala “konsumatur” fis-sens ta’ din id-direttiva huwa irrilevanti f’dan ir-rigward.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.