Kawża C-656/19

BAKATI PLUS Kereskedelmi és Szolgáltató Kft.

vs

Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Szegedi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság)

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-17 ta’ Diċembru 2020

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Eżenzjonijiet mal-esportazzjoni – Artikolu 146(1)(b) – Oġġetti mibgħuta jew ittrasportati barra mill-Unjoni Ewropea minn xerrej mhux stabbilit fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat – Artikolu 147 – ‘Merkanzija li ser tinġarr fil-bagalja personali tal-vjaġġaturi’ mhux stabbiliti fl-Unjoni – Kunċett – Oġġetti li effettivament telqu mit-territorju tal-Unjoni – Prova – Rifjut tal-eżenzjoni fuq l-esportazzjoni – Prinċipji ta’ newtralità fiskali u ta’ proporzjonalità – Frodi”

  1. Domandi preliminari – Talba mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja – Determinazzjoni tad-domandi li għandhom isiru – Ġurisdizzjoni esklużiva tal-qorti nazzjonali – Possibbiltà għall-partijiet li jibdlu l-kontenut tad-domandi – Assenza

    (Artikolu 267 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 23)

    (ara l-punti 32, 33)

  2. Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Eżenzjonijiet – Eżenzjonijiet mal-esportazzjoni – Oġġetti li għandhom jinġarru fil-bagalji personali tal-vjaġġaturi – Kunċett – Interpretazzjoni awtonoma u uniformi

    (Direttiva tal-Kunsill 2006/112, Artikolu 147)

    (ara l-punt 38)

  3. Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Eżenzjonijiet – Eżenzjonijiet mal-esportazzjoni – Kunsinni ta’ oġġetti mibgħuta jew ittrasportati barra mill-Unjoni – Kunċett ta’ beni li għandhom jinġarru fil-bagalji personali ta’ vjaġġaturi mhux stabbiliti fl-Unjoni – Oġġetti maħruġa minn tali vjaġġatur bil-għan li jinbiegħu mill-ġdid fi Stat terz – Esklużjoni

    (Direttiva tal-Kunsill 2006/112, Artikoli 146(1)(ċ) u 147)

    (ara l-punti 42 sa 24, u d-dispożittiv 1)

  4. Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Eżenzjonijiet – Iffissar tal-kundizzjonijiet – Setgħa tal-Istati Membri – Limiti – Osservanza tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni – Obbligi formali u kundizzjonijiet fil-mertu – Effett ta’ nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti formali – Assenza – Eċċezzjonijiet

    (Direttiva tal-Kunsill 2006/112, Artikoli 131, 146, 147(a) u 273)

    (ara l-punti 69 sa 96)

  5. Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Eżenzjonijiet – Eżenzjonijiet mal-esportazzjoni – Kunsinni ta’ oġġetti mibgħuta jew ittrasportati barra mill-Unjoni – Sistema ta’ prova tal-esportazzjoni tal-oġġetti – Modalitajiet probatorji – Limiti – Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Obbligi formali u kundizzjonijiet fil-mertu

    (Direttiva tal-Kunsill 2006/112, Artikolu 146(1)(b))

    (ara l-punti 75 sa 96)

  6. Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Eżenzjonijiet – Eżenzjonijiet mal-esportazzjoni – Kunsinni ta’ oġġetti mibgħuta jew ittrasportati barra mill-Unjoni – Prinċipji ta’ newtralità fiskali u ta’ proporzjonalità – Oġġetti li inkontestabbilment telqu mit-territorju tal-Unjoni Ewropea – Prattika nazzjonali li tirrifjuta awtomatikament il-benefiċċju tal-eżenzjoni f’każ ta’ mala fide tal-persuna taxxabbli – Inammissibbiltà – Eċċezzjonijiet

    (Direttiva tal-Kunsill 2006/112, Artikoli 131, 146(1)(b), 147 u 273)

    (ara l-punti 37, 80, 82, 84, 86, 89, u d-dispożittiv 3)

  7. Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Eżenzjonijiet – Eżenzjonijiet mal-esportazzjoni – Kunsinni ta’ oġġetti mibgħuta jew ittrasportati barra mill-Unjoni – Oġġetti li jinġarru fil-bagalji personali tal-vjaġġaturi – Trasport effettiv barra mill-Unjoni Ewropea – Obbligu għall-amministrazzjoni fiskali li teżamina l-applikabbiltà tal-eżenzjoni – Ammissibbiltà – Nuqqas ta’ osservanza tal-formalitajiet doganali applikabbli għall-esportazzjonijiet – Intenzjoni li tiġi applikata l-eżenzjoni prevista għall-imsemmija oġġetti li jinġarru fil-bagalji – Assenza ta’ effett

    (Direttiva tal-Kunsill 2006/112, Artikoli 146(1)(ċ) u 147)

    (ara l-punti 62 sa 24, u d-dispożittiv 2)

Sunt

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, BAKATI PLUS (iktar ’il quddiem “Bakati”), hija impriża skont id-dritt Ungeriż li d-dħul mill-bejgħ tagħha, mis-sena 2015, għadda minn 50 miljun forint Ungeriż (HUF) (madwar EUR 140000) għal biljun HUF (madwar EUR 2784000). Matul is-sena 2016, l-attività tagħha kkonsistiet essenzjalment f’kunsinni lil għoxrin persuna ta’ kwantitajiet kbar ta’ prodotti tal-ikel, kożmetiċi u prodotti għall-manutenzjoni.

Ix-xerrejja tal-oġġetti kienu jittrasportawhom fis-Serbja, permezz ta’ karozza individwali, bħala bagalji personali minn maħżen li huma kienu krew fl-Ungerija viċin il-fruntiera mas-Serbja, fejn il-fatturi u l-formoli ta’ talba għar-rimbors tal-VAT għall-vjaġġaturi barranin, stabbiliti minn Bakati, kienu jingħatawlhom mal-oġġetti kkonċernati, bħala korrispettiv għall-prezz tax-xiri.

Skont il-Liġi Ungeriża dwar il-VAT, il-kunsinni ta’ oġġetti mibgħuta jew ittrasportati mill-Ungerija lejn pajjiż terz barra mill-Unjoni Ewropea huma eżenti minn din it-taxxa, taħt ċerti kundizzjonijiet. Il-kunsinna ta’ oġġetti li jinġarru fil-bagalji personali ta’ vjaġġaturi barranin hija speċifikament eżenti.

Ix-xerrejja kienu jibbenefikaw minn din l-eżenzjoni tal-aħħar billi jibagħtu lil Bakati l-formola tal-applikazzjoni għar-rimbors tal-VAT stabbilita mill-awtorità doganali ta’ ħruġ, li tindika li l-prodotti kienu ħallew it-territorju tal-Unjoni Ewropea. Meta kienet tirċievi din il-formola, Bakati kienet tirrimborsahom il-VAT li huma kienu ħallsu meta xtraw. Fid-dikjarazzjonijiet tal-VAT tagħha għas-sena 2016, Bakati inkludiet bħala ammont li għandu jitnaqqas mit-taxxa li għandha titħallas il-VAT irrimborsata lill-istess akkwirenti, għal ammont totali ta’ HUF 339788000 (madwar EUR 946000).

Waqt verifika fiskali, l-awtorità fiskali kkonstatat li l-akkwisti inkwistjoni kienu jeċċedu l-bżonnijiet individwali u familjari tax-xerrejja u li dawn kienu twettqu bil-għan li jerġgħu jinbiegħu l-oġġetti akkwistati, li kien jeskludi li dawn l-oġġetti jistgħu jikkostitwixxu bagalji personali fis-sens tal-liġi Ungeriża dwar il-VAT. Barra minn hekk, din tal-aħħar qieset li Bakati ma setgħetx tibbenefika mill-eżenzjoni fuq bażi oħra skont din il-liġi, peress li hija ma kinitx wettqet il-formalitajiet doganali u ma kellhiex id-dokumenti neċessarji għal dan il-għan. Konsegwentement, hija eżiġiet mingħand Bakati, permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2018, il-ħlas tad-differenza tal-VAT, flimkien ma’ multa fiskali u interessi moratorji.

Peress li din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata minn deċiżjoni tad-Direttorat tal-Appelli tal-Amministrazzjoni Fiskali, Bakati adixxiet lis-Szegedi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali ta’ Szeged, l-Ungerija) b’rikors intiż għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni tal-aħħar.

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Liġi Ungeriża dwar il-VAT, li d-dispożizzjonijiet tagħha dwar l-eżenzjonijiet mill-VAT fuq l-esportazzjoni jikkorrispondu essenzjalment għall-Artikoli 146 u 147 tad-Direttiva tal-VAT ( 1 ), il-qorti tar-rinviju adixxiet lill-Qorti tal-Ġustizzja b’diversi domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ dawn l-aħħar dispożizzjonijiet.

L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-punt dwar jekk l-oġġetti li individwu li ma huwiex stabbilit fl-Unjoni jieħu miegħu barra mill-Unjoni għal finijiet kummerċjali, bil-għan li jbiegħhom mill-ġdid fi Stat terz, jaqgħux taħt l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 147 tad-Direttiva dwar il-VAT favur “merkanzija li ser tinġarr fil-bagalja personali tal-vjaġġaturi”.

F’dan ir-rigward, filwaqt li fakkret li l-eżenzjonijiet previsti mid-Direttiva tal-VAT jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li t-termini ċċitati iktar ’il fuq, fis-sens abitwali tagħhom, jirreferu għall-oġġetti, ġeneralment ta’ daqs żgħir jew fi kwantità żgħira, li persuna ġġorr magħha jew takkwista matul vjaġġ, li hija jkollha bżonn matul dan iċ-ċaqliq u li jintużaw għall-użu privat tagħha jew għal dak tal-familja tagħha.

Fl-eżaminazzjoni tal-kuntest li fih jintużaw dawn it-termini, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeduċi mill-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 147 tad-Direttiva tal-VAT li din l-eżenzjoni għandha bħala benefiċjarju potenzjali persuna fiżika, li ma taġixxix bħala operatur ekonomiku, li għandu tendenza li jeskludi l-applikabbiltà tagħha għal esportazzjonijiet ta’ natura kummerċjali. Peress li l-eżenzjonijiet tal-VAT għandhom jiġu interpretati b’mod strett, u fid-dawl, barra minn hekk, tal-għan speċifiku ta’ promozzjoni tat-turiżmu mfittex minn dan l-artikolu u tal-iżvilupp leġiżlattiv tad-dispożizzjoni li issa tinsab fl-imsemmi artikolu, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li l-eżenzjoni prevista favur oġġetti li għandhom jinġarru fil-bagalji personali ta’ vjaġġaturi ma hijiex applikabbli għal oġġetti li individwu li ma huwiex stabbilit fl-Unjoni jinkludi miegħu barra mill-Unjoni għal finijiet kummerċjali, bil-għan li jerġgħu jinbiegħu fi Stat terz.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikolu 146(1)(b) u l-Artikolu 147 tad-Direttiva tal-VAT ma jipprekludux ġurisprudenza nazzjonali li, meta l-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni mill-VAT prevista għall-oġġetti li għandhom jinġarru fil-bagalji personali tal-vjaġġaturi ma jkunux issodisfatti, iżda l-merkanzija kkonċernata tkun ġiet effettivament ittrasportata barra mill-Unjoni mix-xerrej, tobbliga lill-amministrazzjoni fiskali teżamina jekk l-eżenzjoni mill-VAT prevista f’dan l-Artikolu 146(1)(b) tapplikax għall-kunsinna inkwistjoni, u dan minkejja li l-formalitajiet doganali applikabbli ma sarux u li, meta sar ix-xiri, ix-xerrej ma kellux l-intenzjoni li tiġi applikata din l-aħħar eżenzjoni.

Fil-fatt, tranżazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi kunsinna ta’ oġġetti, fis-sens tal-Artikolu 146(1)(b) tad-Direttiva dwar il-VAT, peress li tissodisfa l-kriterji oġġettivi li jiddefinixxu tali kunsinna, jiġifieri meta d-dritt li wieħed jiddisponi minn dan l-oġġett bħala proprjetarju jkun ġie trażmess lix-xerrej, li l-fornitur jistabbilixxi li dan l-oġġett intbagħat jew ġie ttrasportat barra mill-Unjoni u li, wara din l-ispedizzjoni jew dan it-trasport, huwa fiżikament telaq mit-territorju tal-Unjoni. L-osservanza tal-formalitajiet doganali applikabbli għall-esportazzjoni jew il-fatt li l-intenzjoni tax-xerrej, waqt ix-xiri, kienet li tiġi applikata mhux l-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni, iżda dik prevista fl-Artikolu 147 tad-Direttiva tal-VAT, ma għandhomx effett fuq il-klassifikazzjoni ta’ kunsinna għall-esportazzjoni.

Fl-aħħar lok, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina jekk id-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tad-Direttiva tal-VAT kif ukoll il-prinċipji ta’ newtralità fiskali u ta’ proporzjonalità jipprekludux lill-amministrazzjoni fiskali milli tirrifjuta awtomatikament lil persuna taxxabbli l-benefiċċju tal-eżenzjoni mill-VAT prevista minn dawn id-dispożizzjonijiet meta hija tikkonstata li din il-persuna taxxabbli, b’mala fide, ħarġet il-formola li abbażi tagħha x-xerrej għamel użu mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 147, filwaqt li huwa stabbilit li l-oġġetti kkonċernati ħallew it-territorju tal-Unjoni,

Il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ rekwiżit formali jista’ jwassal għat-telf tad-dritt għall-eżenzjoni mill-VAT biss f’żewġ sitwazzjonijiet: 1) meta l-ksur ta’ rekwiżit formali jipprekludi l-produzzjoni tal-prova ċerta li r-rekwiżiti sostantivi li jikkundizzjonaw l-applikazzjoni ta’ din l-eżenzjoni ġew issodisfatti, jew (2) meta jiġi stabbilit li l-persuna taxxabbli kienet taf jew kellha tkun taf li t-tranżazzjoni inkwistjoni kienet involuta fi frodi li tipperikola l-funzjonament tas-sistema komuni tal-VAT.

F’dan il-każ, in-nuqqas ta’ osservanza tal-formalitajiet doganali ma jistax iwassal għat-telf tad-dritt għall-eżenzjoni mill-VAT previst fl-Artikolu 146(1)(b) tad-Direttiva tal-VAT. Fil-fatt, minn naħa, huwa paċifiku li l-oġġetti ġew effettivament esportati, u dan huwa kkonfermat minn viża mwaħħla mill-awtorità doganali ta’ ħruġ fuq il-formoli ppreżentati, anki jekk dawn il-formoli kienu intiżi għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 147, u li l-kunsinna għalhekk tissodisfa, permezz tal-karatteristiċi oġġettivi tagħha, il-kundizzjonijiet tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 146(1)(b) tad-Direttiva tal-VAT.

Min-naħa l-oħra, il-fatt li Bakati pparteċipat fil-ksur tal-Artikolu 147(1) tad-Direttiva tal-VAT ma jwassalx għal telf ta’ dħul fiskali għall-Unjoni u ma jistax jitqies bħala li jipperikola l-funzjonament tas-sistema komuni tal-VAT. Mingħajr ma jiġi eskluż li tali ksur jista’ jkun suġġett għal sanzjonijiet amministrattivi proporzjonati skont id-dritt nazzjonali, hija ma tistax tiġi ssanzjonata bir-rifjut tal-benefiċċju tal-eżenzjoni mill-VAT għall-esportazzjonijiet effettivament imwettqa.


( 1 ) Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”).