SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
28 ta’ Novembru 2019 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva (UE) 2016/343 – Tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti għall-proċess tiegħu fi proċeduri kriminali – Artikolu 6 – Oneru tal-prova – Żamma taħt arrest preventiv ta’ persuna akkużata”
Fil-Kawża C‑653/19 PPU,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Spetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Settembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Settembru 2019, fil-proċeduri kriminali kontra
DK
fil-preżenza ta’:
Spetsializirana prokuratura,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, M. Safjan, L. Bay Larsen (Relatur), C. Toader, A. Prechal u E. Jääskinen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,
Reġistratur: M. Aleksejev, Kap ta’ Diviżjoni,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Novembru 2019,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
– |
għal DK, minn D. Gochev, I. Angelov u I. Yotov, advokati, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Troosters u Y. Marinova, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Novembru 2019,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 65, p. 1), kif ukoll tal-Artikoli 6 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali kontra DK dwar iż-żamma ta’ dan tal-aħħar taħt arrest preventiv. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Il-premessi 16 u 22 tad-Direttiva 2016/343 huma fformulati kif ġej:
[…]
|
4 |
L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi: “Din id-Direttiva tapplika għal persuni fiżiċi li jkunu persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali. Hija tapplika fl-istadji kollha tal-proċedimenti kriminali, mill-mument meta persuna hija suspettata jew akkużata li wettqet reat kriminali, jew reat kriminali allegat, sa meta d-deċiżjoni dwar id-determinazzjoni finali jekk dik il-persuna wettqitx ir-reat kriminali kkonċernat tkun saret definittiva.” |
5 |
L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Preżunzjoni tal-innoċenza”, jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati u akkużati jitqiesu innoċenti sa meta jinstabu ħatja skont il-liġi.” |
6 |
L-Artikolu 4(1) tal-istess Direttiva, intitolat “Referenzi pubbliċi għall-ħtija”, jipprevedi: “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, sakemm ma jkunx ippruvat li persuna suspettata jew akkużata hija ħatja skont il-liġi, id-dikjarazzjonijiet pubbliċi mill-awtoritajiet pubbliċi, u deċiżjonijiet ġudizzjarji, għajr dawk dwar il-ħtija, ma jirreferux għal dik il-persuna bħala li hija ħatja. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-atti tal-prosekuzzjoni li jkollhom l-għan li jippruvaw il-ħtija tal-persuna suspettata jew akkużata, u għad-deċiżjonijiet preliminari ta’ natura proċedurali, li jittieħdu mill-awtoritajiet ġudizzjarji jew awtoritajiet kompetenti oħra u li huma bbażati fuq suspett jew evidenza inkriminanti.” |
7 |
L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/343, intitolat “Oneru tal-prova”, jipprovdi kif ġej: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-oneru tal-prova għad-determinazzjoni tal-ħtija tal-persuni suspettati jew akkużati jaqa’ fuq il-prosekuzzjoni. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe obbligu fuq l-imħallef jew il-qorti kompetenti li jfittxu evidenza kemm inkriminanti kif ukoll li tiskaġuna, u għad-dritt tad-difiża li tippreżenta evidenza skont il-liġi nazzjonali applikabbli. 2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe dubju dwar il-ħtija jkun għall-benefiċċju tal-persuna suspettata jew akkużata, inkluż fejn il-qorti tivvaluta jekk il-persuna kkonċernata għandhiex tiġi assolta.” |
Id-dritt Bulgaru
8 |
L-Artikolu 270 tan-Nakazatelno protsesualen kodeks (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali) jipprovdi: “(1) Il-kwistjoni tal-bidla ta’ miżura koerċittiva tista’ tiġi invokata fi kwalunkwe mument tal-proċedura kontenzjuża. Talba ġdida relatata mal-miżura koerċittiva tista’ titressaq quddiem il-qorti kompetenti jekk iċ-ċirkustanzi jkunu nbidlu. (2) Il-qorti għandha tiddeċiedi permezz ta’ digriet f’seduta ppubblika.” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
9 |
DK hija persuna akkużata li tappartjeni ma’ grupp kriminali organizzat u li wettqet qtil. |
10 |
Fil-kuntest tal-proċeduri kriminali mibdija kontriha għal dawn il-kapijiet ta’ akkuża, DK inżammet taħt arrest preventiv fil-11 ta’ Ġunju 2016. |
11 |
Fid-9 ta’ Novembru 2017, il-persuna kkonċernata ntbagħtet lura quddiem is-Spetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija) għall-finijiet tal-prosekuzzjoni tagħha. |
12 |
B’effett mill-5 ta’ Frar 2018, DK ippreżenta seba’ talbiet għal-liberazzjoni tiegħu, li kollha ġew miċħuda fl-ewwel istanza jew fl-appell, minħabba li l-argumenti li kien ippreżenta ma kinux konvinċenti biżżejjed fir-rigward tar-rekwiżiti tad-dritt nazzjonali. |
13 |
Waqt is-seduta li nżammet mis-Spetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata), fl-4 ta’ Settembru 2019, DK ippreżenta talba ġdida għal-liberazzjoni. |
14 |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva li mil-leġiżlazzjoni Bulgara jirriżulta li, wara r-rinviju quddiem qorti ta’ persuna taħt arrest preventiv għall-finijiet tal-prosekuzzjoni tagħha, din il-qorti għandha twettaq, minn qabel, stħarriġ tal-fondatezza ta’ dan l-arrest. Jekk l-imsemmija qorti tqis li l-imsemmi arrest huwa legali, dan tal-aħħar jissokta mingħajr limitu ta’ żmien u ma jistax jiġi eżaminat mill-ġdid ex officio sussegwentement. Il-liberazzjoni tal-persuna taħt arrest tista’ tingħata biss jekk din tal-aħħar tressaq talba f’dan is-sens u tipproduċi prova tal-eżistenza ta’ ċirkustanzi ġodda li jiġġustifikaw il-liberazzjoni tagħha. |
15 |
Is-Spetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) tqis li, fid-dawl tar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni Bulgara kif interpretata mill-ġurisprudenza nazzjonali, huwa improbabbli li DK jirnexxilu jipproduċi tali prova u għalhekk jistabbilixxi bidla fiċ-ċirkustanzi ta’ natura li tiġġustifika l-liberazzjoni tiegħu. |
16 |
Madankollu, din il-qorti għandha dubju dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Bulgara mal-Artikolu 6 u mal-premessa 22 tad-Direttiva 2016/343, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu interpretati fis-sens li jimponu fuq l-oneru tal-prova tal-fondatezza taż-żamma tal-persuna kkonċernata taħt arrest preventiv fuq il-prosekuzzjoni, kif ukoll fis-sens li ma jippermettux preżunzjonijiet favur din il-fondatezza sakemm dawn tal-aħħar ikunu raġonevolment proporzjonati għall-għan imfittex u jieħdu inkunsiderazzjoni d-drittijiet tad-difiża. |
17 |
Barra minn hekk, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-drittijiet iggarantiti mill-Artikoli 6 u 47 tal-Karta. Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-Artikolu 6, li jikkorrispondi mal-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, jirriżulta, b’mod partikolari, mis-sentenza tal-Qorti EDB tas-27 ta’ Awwissu 2019, Magnitskiy et vs Ir-Russja (CE:ECHR:2019:0827JUD003263109), li l-istabbiliment ta’ preżunzjoni favur il-legalità taż-żamma taħt arrest ta’ persuna akkużata jmur kontra l-Artikolu 5(3) ta’ din il-konvenzjoni. |
18 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Spetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti: “Liġi nazzjonali li tipprevedi li, fil-fażi ġudizzjarja tal-proċedura kriminali, bidla fiċ-ċirkustanzi hija kundizzjoni meħtieġa sabiex tintlaqa’ t-talba tad-difiża għall-annullament taż-żamma taħt arrest tal-akkużat, hija konformi mal-Artikolu 6 u mal-premessa 22 tad-Direttiva 2016/343 u mal-Artikoli 6 u 47 tal-[Karta]?” |
Fuq il-proċedura b’urġenza
19 |
Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
20 |
Insostenn ta’ din it-talba, din il-qorti tirrileva li DK ilu taħt arrest preventiv mill-11 ta’ Ġunju 2016 u li l-evalwazzjoni magħmula dwar it-talba tiegħu għal-liberazzjoni tiddependi mir-risposta għad-domanda dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix it-tqassim tal-oneru tal-prova kif previst mil-leġiżlazzjoni Bulgara applikabbli f’dan il-qasam. |
21 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, fl-ewwel lok, li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2016/343, li taqa’ taħt it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Għalhekk, dan ir-rinviju jista’ jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari. |
22 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kriterju marbut mal-urġenza, huwa neċessarju, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-persuna kkonċernata fil-kawża prinċipali hija attwalment imċaħħda mil-libertà u li ż-żamma taħt arrest tagħha tiddependi fuq l-eżitu tal-kawża prinċipali (sentenzi tat-28 ta’ Lulju 2016, JZ, C‑294/16 PPU, EU:C:2016:610, punt 29, u tad-19 ta’ Settembru 2018, Milev, C‑310/18 PPU, EU:C:2018:732, punt 35). |
23 |
F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari u mir-risposta mogħtija mill-qorti tar-rinviju fit-13 ta’ Settembru 2019 għal talba għal informazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll minn informazzjoni addizzjonali trażmessa lill-Qorti tal-Ġustizzja minn din il-qorti fil-25 u fis-27 ta’ Settembru 2019, jirriżulta li DK huwa attwalment imċaħħad mil-libertà, li l-qorti tar-rinviju għandha tiddeċiedi dwar iż-żamma taħt arrest ta’ dan tal-aħħar abbażi tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u li r-risposta ta’ din tal-aħħar għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju jista’ jkollha konsegwenza immedjata fuq l-evalwazzjoni tat-talba għal-liberazzjoni mressqa minn DK. |
24 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, fl-1 ta’ Ottubru 2019, l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju intiża sabiex dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari. |
Fuq id-domanda preliminari
25 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/343, moqri fid-dawl tal-premessa 22 tagħha, kif ukoll l-Artikoli 6 u 47 tal-Karta, jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-liberazzjoni ta’ persuna taħt arrest preventiv għall-fatt li din il-persuna tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ċirkustanzi ġodda li jiġġustifikaw din il-liberazzjoni. |
26 |
L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2016/343 jipprevedi li din għandha tapplika għall-persuni fiżiċi li huma ssuspettati jew akkużati fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, fl-istadji kollha tal-proċedura kriminali, mill-mument li fih persuna tkun issuspettata li wettqet reat kriminali jew allegat reat kriminali, jew tiġi akkużata abbażi ta’ dan, sakemm id-deċiżjoni finali intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk dik il-persuna wettqitx ir-reat kriminali kkonċernat tkun saret definittiva. |
27 |
Din id-direttiva tapplika għalhekk f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn qorti nazzjonali jkollha tiddeċiedi dwar il-legalità taż-żamma taħt arrest preventiv ta’ persuna akkużata li wettqet reat kriminali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2018, Milev, C‑310/18 PPU, EU:C:2018:732, punt 40). |
28 |
Madankollu, għandu jitfakkar li, fid-dawl tan-natura minima tal-armonizzazzjoni segwita mill-imsemmija direttiva, din ma tistax tiġi interpretata bħala strument komplet u eżawrjenti li għandu l-għan li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet kollha ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ arrest preventiv (sentenza tad-19 ta’ Settembru 2018, Milev, C‑310/18 PPU, EU:C:2018:732, punt 47, u d-digriet tat-12 ta’ Frar 2019, RH, C‑8/19 PPU, EU:C:2019:110, punt 59). |
29 |
Huwa minnu li l-Artikoli 3 u 4 tal-istess direttiva jeżiġu li deċiżjoni ta’ żamma ta’ persuna taħt arrest preventiv, meħuda minn awtorità ġudizzjarja, ma tirreferix għal din il-persuna bħala ħatja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2018, Milev, C‑310/18 PPU, EU:C:2018:732, punti 43 u 44, kif ukoll id-digriet tat-12 ta’ Frar 2019, RH, C‑8/19 PPU, EU:C:2019:110, punt 51). |
30 |
Min-naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-grad ta’ konvinzjoni li għandu jkollha qorti li tintalab tadotta tali deċiżjoni dwar il-persuna li tkun wettqet il-ksur, il-modalitajiet tal-eżami tal-provi differenti u l-portata tal-motivazzjoni li din il-qorti għandha tipprovdi bħala risposta għall-argumenti ppreżentati quddiemha ma humiex irregolati mid-Direttiva 2016/343 u jaqgħu esklużivament taħt id-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2018, Milev, C‑310/18 PPU, EU:C:2018:732, punt 48). |
31 |
Fir-rigward tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, dan jirregola t-tqassim tal-“oneru tal-prova għad-determinazzjoni tal-ħtija tal-persuni suspettati jew akkużati”. L-Artikolu 6(2) tal-imsemmija direttiva jeżiġi li “kwalunkwe dubju dwar il-ħtija jkun għall-benefiċċju tal-persuna suspettata jew akkużata”. |
32 |
F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/343 jirriżulta li din tiddistingwi bejn id-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jiddeċiedu fuq il-ħtija, li jseħħu neċessarjament fi tmiem il-proċess kriminali u atti proċedurali oħra, bħall-atti tal-prosekuzzjoni u deċiżjonijiet preliminari ta’ natura proċedurali. |
33 |
Ir-referenza għall-istabbiliment tal-“ħtija” li tinsab fl-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 2016/343 għandha għalhekk tinftiehem fis-sens li timplika li din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tirregola t-tqassim tal-oneru tal-prova biss meta jiġu adottati deċiżjonijiet ġudizzjarji li jiddeċiedu fuq il-ħtija. |
34 |
Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 31 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-paragun tal-premessi 16 u 22 tad-Direttiva 2016/343. Minn naħa, din il-premessa 16 tirrigwarda l-preżervazzjoni tal-preżunzjoni ta’ innoċenza mill-atti rregolati mill-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, jiġifieri d-dikjarazzjonijiet pubbliċi tal-awtoritajiet u l-atti proċedurali adottati qabel ma tiġi legalment stabbilita l-ħtija tal-persuna ssuspettata. Din il-premessa tirreferi speċifikament għas-sistema applikabbli għad-deċiżjonijiet preliminari proċedurali. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija premessa 22, li tirrigwarda t-tqassim tal-oneru tal-prova, irregolata mill-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, ma tirreferix għal tali deċiżjonijiet, iżda tirrigwarda esklużivament il-proċess li jippermetti li tiġi stabbilita l-ħtija tal-persuna ssuspettata. |
35 |
Deċiżjoni ġudizzjarja li għandha bħala għan uniku ż-żamma possibbli ta’ persuna akkużata taħt arrest preventiv, għandha biss l-għan li tiddeċiedi l-kwistjoni dwar jekk din il-persuna għandhiex tiġi lliberata jew le, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, mingħajr ma jiġi ddeterminat jekk l-imsemmija persuna hijiex ħatja tal-ksur allegat fil-konfront tagħha. |
36 |
Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 29 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2016/343 jipprekludu li tali deċiżjoni tirreferi għall-persuna akkużata bħala ħatja. |
37 |
Għaldaqstant, din id-deċiżjoni ma tistax tiġi kklassifikata bħala deċiżjoni ġudizzjarja li tiddeċiedi dwar il-ħtija tal-persuna akkużata, fis-sens ta’ din id-direttiva. |
38 |
Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li l-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva ma huwiex applikabbli għall-proċedura li twassal għall-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni, b’tali mod li t-tqassim tal-oneru tal-prova fil-kuntest ta’ din il-proċedura jaqa’ esklużivament taħt id-dritt nazzjonali. |
39 |
Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkonfutata permezz tal-punt 56 tad-digriet tat-12 ta’ Frar 2019, RH (C‑8/19 PPU, EU:C:2019:110). Fil-fatt, għalkemm, f’dan il-punt 56, il-Qorti tal-Ġustizzja semmiet l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/343, mill-punt 57 ta’ dan id-digriet jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha biss l-intenzjoni li tirrikonoxxi l-kuntest tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, sabiex jiġi stabbilit li t-tip ta’ motivazzjoni impost mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-kawża li tat lok għal dan id-digriet ma jistax jitqies li huwa wieħed li jirreferi għall-ħtija tal-persuna ssuspettata jew tal-persuna akkużata, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 4, mingħajr madankollu ma tiġi kkonstatata l-applikabbiltà tal-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva fi proċedura li twassal għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ tqegħid taħt arrest preventiv. |
40 |
Fir-rigward, barra minn hekk, tal-Artikoli 6 u 47 tal-Karta, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 51(1) tagħha, id-dispożizzjonijiet tal-Karta huma indirizzati lill-Istati Membri biss meta dawn jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni. |
41 |
Peress li t-tqassim tal-oneru tal-prova fil-kuntest ta’ proċedura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma huwiex irregolat mid-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet tal-Karta, fosthom l-Artikoli 6 u 47, għalhekk ma humiex applikabbli għar-regoli nazzjonali li jagħmlu dan it-tqassim (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2017, X u X, C‑638/16 PPU, EU:C:2017:173, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
42 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/343 kif ukoll l-Artikoli 6 u 47 tal-Karta ma humiex applikabbli għal leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-liberazzjoni ta’ persuna taħt arrest preventiv għall-fatt li din il-persuna tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ċirkustanzi ġodda li jiġġustifikaw din il-liberazzjoni. |
Fuq l-ispejjeż
43 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali, kif ukoll l-Artikoli 6 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ma humiex applikabbli għal leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-liberazzjoni ta’ persuna taħt arrest preventiv għall-fatt li din il-persuna tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ċirkustanzi ġodda li jiġġustifikaw din il-liberazzjoni. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru