SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

10 ta’ Ġunju 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Kuntratt ta’ self ipotekarju ddenominat f’munita barranija (frank Svizzeru) – Artikolu 4(2) – Suġġett prinċipali tal-kuntratt – Klawżoli li jesponu lil min jissellef għal riskju relatat mar-rata tal-kambju – Rekwiżiti ta’ komprensibbiltà u ta’ trasparenza – Artikolu 3(1) – Żbilanċ sinjifikattiv – Artikolu 5 – Redazzjoni ċara u komprensibbli ta’ klawżola”

Fil-Kawża C‑609/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-tribunal d’instance de Lagny-sur-Marne (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Awwissu 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ Awwissu 2019, fil-proċedura

BNP Paribas Personal Finance SA

vs

VE,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta, Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed taġixxi bħala Imħallef tal-Ewwel Awla, C. Toader, M. Safjan u N. Jääskinen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: V. Giacobbo, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑28 ta’ Ottubru 2020,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal BNP Paribas Personal Finance SA, minn P. Metais u P. Spinosi, avocats,

għal VE, minn C. Constantin‑Vallet u M. Le Bot, avocats,

għall-Gvern Franċiż, minn A.‑L. Desjonquères u E. Toutain, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Valero kif ukoll minn N. Ruiz‑García u M. Van Hoof, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn BNP Paribas Personal Finance SA u VE dwar in-natura allegatament inġusta tal-klawżoli li jinsabu fil-kuntratt ta’ self ipotekarju ddenominat f’munita barranija konkluż bejn dawn iż-żewġ partijiet fil-kawża prinċipali, li jistipulaw, b’mod partikolari, li l-pagamenti b’intervalli fissi għandhom jiġu allokati b’mod prijoritarju għall-interessi u li jipprevedu, sabiex jitħallas il-bilanċ tal-kont, l-estensjoni tat-tul ta’ żmien ta’ dan il-kuntratt u ż-żieda tal-ammont tal-pagamenti mensili.

Il-kuntest ġuridiku

3

Skont is-sittax-il premessa tad-Direttiva 93/13:

“Billi l-istima, skond il-kriterji ġenerali magħżula, tal-karattru inġust ta’ klawżoli, b’mod partikolari fil-bejgħ jew f’attivitajiet ta’ provvista ta’ natura pubblika li jipprovdu servizzi kollettivi li jqisu s-solidarjetà fost l-utenti, għandha tiġi supplimentata billi ssir valutazzjoni globali tad-diversi interessi involuti; billi din tikkostitwixxi l-ħtieġa ta’ buona fede; billi, waqt li tkun qed issir stima ta’ buona fede, għandha titqies b’mod partikolari s-saħħa tal-posizzjonijiet tal-ftehim tal-partijiet, kemm jekk il-konsumatur kellu xi jħajru biex jaqbel mal-klawżola kif ukoll jekk il-merkanzija jew is-servizzi nbiegħu jew ġew ipprovduti bl-ordni speċjali tal-konsumatur; billi l-ħtieġa ta’ buona fede tista’ tkun sodisfatta mill-bejjiegħ jew mill-fornitur meta dan jittratta b’mod ġust u ekwu mal-parti l-oħra li huwa għandu jikkunsidra l-interessi leġittimi tagħha”.

4

L-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Il-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji u d-disposizzjonijiet jew il-prinċipji ta’ konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom ikunu parti l-Istati Membri jew [l-Unjoni Ewropea], b’mod partikolari fil-qasam tat-trasport, m’għandhomx ikunu suġġetti għad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.”

5

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva huwa redatt kif ġej:

“1.   Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.

2.   Klawżola għandha dejjem tiġi kkunsidrata li ma tkunx ġiet innegozjat individwalment meta din tkun ġiet abbozzata minn qabel u l-konsumatur b’hekk ma jkunx seta’ jinfluwenza s-sustanza tal-klawżola, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ kuntratt standard imfassal minn qabel.

[…]”

6

Skont l-Artikolu 4 tal-istess direttiva:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu.

2.   L-istima tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad-definizzjoni tal-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt u lanqas mas-suffiċjenza [relazzjoni adegwata] tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra, safejn dawn il-klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar.”

7

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13 jipprevedi:

“Fil-każ ta’ kuntratti fejn ċerti klawżoli jew il-klawżoli kollha offruti lill-konsumatur ikunu bil-miktub, dawn il-klawżoli għandhom ikunu abbozzati b’lingwaġġ sempliċi u ċar. Fejn ikun hemm dubju dwar it-tifsir ta’ klawżola, għandha tirbaħ l-interpretazzjoni l-aktar favorevoli għall-konsumatur. […]”

It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8

Permezz ta’ att notarili tal‑10 ta’ Marzu 2009, VE kif ukoll il-konjuġi tiegħu akkwistaw proprjetà immobbli u għal dan il-għan iffirmaw ma’ BNP Paribas Personal Finance kuntratt ta’ self ipotekarju ddenominat f’munita barranija u msejjaħ “Helvet Immo”.

9

Dan il-kuntratt kien jipprevedi self b’rata ta’ 4.95 %, rimborsabbli, fil-prinċipju, f’276 pagament b’intervalli fissi, iddenominat fi franki Svizzeri u rimborsabbli f’euro. Fil-jum tal-konklużjoni tal-imsemmi kuntratt, l-ammont ta’ dan is-self kien jammonta għal EUR 143 421.53, jiġifieri 216 566.51 frank Svizzeru (CHF).

10

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dan il-kuntratt kien jipprevedi r-rimbors tal-pagamenti mensili b’intervalli fissi f’euro u l-konverżjoni tagħhom fi franki Svizzeri sabiex jikkontribwixxu għall-ħlas tal-interessi u għall-amortizzazzjoni tal-kapital. L-ispejjeż assoċjati mal-kreditu, bħall-assigurazzjoni, kienu ġew iffatturati f’euro.

11

B’mod iktar partikolari, il-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien jinkludi klawżoli kuntrattwali li skonthom:

it-tul tal-kreditu jiġi estiż b’ħames snin u l-pagamenti b’intervalli previsti f’euro jiġu allokati b’mod prijoritarju għall-interessi meta l-evoluzzjoni tal-paritajiet iżżid l-ispiża tal-kreditu għal min jissellef;

jekk iż-żamma tal-ammont tal-ħlasijiet f’euro ma tkunx tippermetti li jitħallas il-bilanċ kollu tal-kont fuq it-tul residwali inizjali miżjud b’ħames snin, l-ammont tal-pagamenti mensili jiżdied.

12

Wara pagamenti mensili mhux imħallsa, ġie ddikjarat is-saldu abbażi tal-valur nett (close-out netting) u l-qorti tal-eżekuzzjoni tat-tribunal de grande instance de Libourne (il-Qorti Reġjonali ta’ Libourne, Franza) ordnat, fis‑16 ta’ Jannar 2015, il-bejgħ forzat tal-proprjetà immobbli kkonċernata.

13

B’rikors tat‑12 ta’ Jannar 2017, BNP Paribas Personal Finance ressqet quddiem il-qorti tar-rinviju talba għal awtorizzazzjoni ta’ sekwestru tar-remunerazzjonijiet ta’ VE. Din l-istituzzjoni bankarja talbet, b’mod partikolari, l-awtorizzazzjoni sabiex tipproċedi bis-sekwestru tar-remunerazzjonijiet ta’ VE fuq is-somma ta’ EUR 234 182.61, jiġifieri EUR 185 695.26 għall-kapital u EUR 48 487.35 għall-interessi, spejjeż u nfiq inċidentali.

14

Quddiem din il-qorti, BNP Paribas Personal Finance ssostni li t-talbiet li permezz tagħhom VE jsostni li ċerti klawżoli tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma ta’ natura inġusta huma inammissibbli sa fejn huma preskritti u, fi kwalunkwe każ, infondati. Din l-istituzzjoni bankarja ssostni b’mod partikolari li VE kien ġie informat bil-varjazzjoni fir-rata tal-kambju u bil-konsegwenzi tagħha fuq l-amortizzazzjoni tas-self inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

15

VE jqis li ġie mqarraq minn BNP Paribas Personal Finance f’dak li jikkonċerna n-natura tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li dan il-kuntratt esponih għal riskju mhux limitat relatat mar-rata tal-kambju. B’mod iktar partikolari, VE jitlob li tiġi kkonstatata n-nullità ta’ dan il-kuntratt kif ukoll iċ-ċaħda tar-rikors ta’ din l-istituzzjoni bankarja intiż għas-sekwestru tar-remunerazzjonijiet tiegħu. Sussidjarjament, huwa jsostni li l-ammont tal-kreditu għandu jitnaqqas minħabba n-natura inġusta ta’ klawżola ta’ indiċjar impliċitu, tal-klawżoli li jirrigwardaw il-munita tal-kont u tal-ħlas, tal-klawżola ta’ ammortizzazzjoni u tal-klawżola ta’ għażla ta’ xiri li jinsabu fl-imsemmi kuntratt kif ukoll minħabba l-assenza ta’ indikazzjoni, f’dan l-istess kuntratt, ta’ “riskju relatat mar-rata tal-kambju”.

16

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-kuntratt ta’ self inkwistjoni fil-kawża prinċipali jinkludi diversi klawżoli li jagħmlu parti minn mekkaniżmu ta’ konverżjoni ta’ muniti, li jwasslu sabiex ir-riskju relatat mar-rata tal-kambju jiġi integrat fil-pagamenti mensili mħallsa mill-konsumatur. Dawn il-klawżoli jirrigwardaw ir-regoli ta’ allokazzjoni tal-pagamenti għall-interessi, il-funzjonament tal-kontijiet fi franki Svizzeri (munita tal-kont) u f’euro (munita ta’ ħlas), kif ukoll l-estensjoni tas-self għal perijodu ta’ ħames snin.

17

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-marġni ta’ diskrezzjoni li hija għandha fir-rigward tal-eżami tal-klawżoli tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Hija tistaqsi, b’mod partikolari, jekk għandhomx jiġu kkunsidrati bħala ħaġa waħda indiviżibbli li tikkostitwixxi s-suġġett prinċipali ta’ dan il-kuntratt u li ma jistgħux, bħala tali, jiġu kklassifikati bħala inġusti peress li huma ċari u komprensibbli jew, għall-kuntrarju, jekk għandux jitqies li dawn il-klawżoli jistgħu jitqiesu individwalment bħala inġusti bl-eċċezzjoni, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-klawżola li tipprevedi r-rimbors tas-self f’munita barranija.

18

Fir-rigward tal-elementi ta’ evalwazzjoni tan-natura ċara u komprensibbli ta’ klawżola tal-kuntratt, il-qorti tar-rinviju tirrileva li VE rċieva numru importanti ta’ elementi ta’ informazzjoni qabel ma kkonkluda l-kuntratt ta’ self inkwistjoni fil-kawża prinċipali filwaqt li tinsisti, b’mod partikolari, fuq in-natura stabbli tal-parità bejn l-euro u l-frank Svizzeru. Ir-riskju relatat mar-rata tal-kambju, li jirriżulta mill-applikazzjoni magħquda ta’ diversi klawżoli tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bl-ebda mod ma jissemma f’dan il-kuntratt.

19

Il-qorti tar-rinviju tispeċifika, barra minn hekk, li l-leġiżlazzjoni u l-ġurisprudenza nazzjonali jistiednu lill-qorti tikkunsidra l-offerta ta’ self b’mod oġġettiv billi tieħu, pereżempju, bħala riferiment simulazzjonijiet f’ċifri li juru l-konsegwenza ta’ evoluzzjoni tal-paritajiet bejn l-euro u l-muniti barranin fuq l-ispiża tas-self ikkonċernat. F’dan il-kuntest, din il-qorti tistaqsi dwar il-portata tal-kunċett ta’ “trasparenza”, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, u dwar l-informazzjoni li għandha tiġi trażmessa lil min jissellef li ma jkunx jaf il-previżjonijiet ekonomiċi li jista’ jkollhom riperkussjonijiet fuq l-evoluzzjoni tal-imsemmija paritajiet u fuq ir-riskji assoċjati magħhom. F’dan ir-rigward, tqum ukoll il-kwistjoni tal-evalwazzjoni tal-bona fide tal-bejjiegħ jew fornitur fid-dawl tal-għarfien espert tiegħu fir-rigward tal-analiżi ta’ ċerti żviluppi prevedibbli.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tribunal d’instance de Lagny-sur-Marne (il-Qorti Distrettwali ta’ Lagny-sur-Marne, Franza) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

[L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13] għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxu s-suġġett prinċipali ta’ self iddenominat f’munita barranija u rimborsabbli fil-munita nazzjonali, mingħajr ma jistgħu jitqiesu b’mod iżolat, il-klawżoli li jistipulaw rimborsi b’intervalli fissi allokati b’mod prioritarju lill-interessi u li jipprevedu estensjoni tat-terminu tal-kuntratt u ż-żieda tal-pagamenti, sabiex jitħallas il-bilanċ tal-kont, liema bilanċ [jista’] jiżdied b’mod sinjifikattiv b’riżultat tal-varazzjonijiet fir-rata tal-kambju?

2)

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-klawżoli li jistipulaw rimborsi b’intervalli fissi allokati b’mod prioritarju lill-interessi u li jipprevedu estensjoni tat-terminu [tal-kuntratt] u ż-żieda tal-pagamenti, sabiex jitħallas il-bilanċ tal-kont, li jista’ jiżdied b’mod sinjifikattiv b’riżultat tal-varjazzjonijiet fir-rata tal-kambju, joħolqu żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fil-kuntratt, b’mod partikolari sa fejn huma jesponu lill-konsumatur għal riskju sproporzjonat relatat mar-rata tal-kambju?

3)

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi li ċ-ċarezza u l-komprensjoni tal-klawżoli ta’ kuntratt ta’ self iddenominat f’munita barranija u rimborsabbli fil-munita nazzjonali, jiġu evalwati, fil-mument meta jiġi konkluż il-kuntratt, b’riferiment għall-kuntest ekonomiku prevedibbli, li fil-każ ineżami huma l-konsegwenzi tad-diffikultajiet ekonomiċi tas-snin 2007 sa 2009 fuq il-varjazzjonijiet tar-rata tal-kambju, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-għarfien espert u tal-konoxxenzi ta’ sellief professjonali u tal-bona fide tiegħu?

4)

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi li ċ-ċarezza u l-komprensjoni tal-klawżoli ta’ kuntratt ta’ self iddenominat f’munita barranija u rimborsabbli fil-munita nazzjonali, jiġu evalwati billi l-konsumatur jingħata informazzjoni, b’mod partikolari, kwantitattiva, li hija oġġettiva u astratta biss u li ma tieħux inkunsiderazzjoni l-kuntest ekonomiku li jista’ jkollu impatt fuq il-varjazzjonijiet tar-rata tal-kambju, mis-sellief li għandu l-għarfien espert u l-konoxxenzi ta’ professjonist?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

21

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt [suġġett prinċipali tal-kuntratt]”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ikopri l-klawżoli tal-kuntratt ta’ self li jistipulaw li r-rimborsi b’intervalli fissi għandhom jiġu allokati b’mod prijoritarju għall-interessi u li jipprevedu, sabiex jitħallas il-bilanċ tal-kont, l-estensjoni tat-tul ta’ żmien ta’ dan il-kuntratt u ż-żieda tal-ammont tal-pagamenti mensili.

22

BNP Paribas Personal Finance ssostni li, skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13, il-klawżola li tistipula li l-pagamenti b’intervalli fissi għandhom jiġu allokati b’mod prijoritarju għall-interessi ma tistax tiġi suġġetta għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. Din il-klawżola tirrifletti, fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1343-1 tal-Kodiċi Ċivili Franċiż u tapplika għall-partijiet fin-nuqqas ta’ ftehim ieħor, jiġifieri fl-assenza ta’ arranġament differenti bejniethom.

23

Issa, meta qorti ta’ Stat Membru tiġi adita b’tilwima li tirrigwarda klawżola kuntrattwali allegatament inġusta li tirrifletti dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ta’ natura supplimentari, hija għandha l-obbligu li teżamina bi prijorità l-effett tal-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 prevista fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva, u mhux l-effett tal-eċċezzjoni fuq l-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali prevista fl-Artikolu 4(2) tal-imsemmija direttiva (digriet tal‑14 ta’ April 2021, Credit Europe Ipotecar IFN et, C‑364/19, EU:C:2021:306, punt 42).

24

L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu “disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji”.

25

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li din l-espressjoni tkopri mhux biss id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li japplikaw b’mod mandatorju bejn il-partijiet kontraenti indipendentement mill-għażla tagħhom, iżda wkoll dawk li huma ta’ natura supplimentari, jiġifieri dawk li japplikaw fin-nuqqas ta’ ftehim ieħor, fl-assenza ta’ arranġament differenti bejniethom (ara’ f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Marzu 2020, Mikrokasa u Revenue Niestandaryzowany Sekurytyzacyjny Fundusz Inwestycyjny Zamknięty, C‑779/18, EU:C:2020:236, punti 50 sa 53, kif ukoll tad‑9 ta’ Lulju 2020, Banca Transilvania, C‑81/19, EU:C:2020:532, punti 23 sa 2528).

26

Minn dan isegwi li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, bi prijorità, qabel ma teżamina l-effett tal-eċċezzjoni fuq l-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali prevista fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, jekk il-klawżola li tistipula li l-pagamenti b’intervalli fissi għandhom jiġu allokati b’mod prijoritarju għall-interessi hijiex eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 skont l-Artikolu 1(2) tagħha.

27

Wara din il-kjarifika, għandu jiġi osservat, fir-rigward tal-kunċett ta’ “suġġett prinċipali tal-kuntratt” fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, li huwa s-suġġett tal-ewwel domanda, li, skont din id-dispożizzjoni, l-evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli ta’ kuntratt la tirrigwarda d-definizzjoni tas-suġġett prinċipali ta’ dan il-kuntratt u lanqas ir-relazzjoni adegwata bejn il-prezz u r-remunerazzjoni, minn naħa waħda, u s-servizzi jew l-oġġetti li għandhom jiġu pprovduti bħala korrispettiv, min-naħa l-oħra, sakemm dawn il-klawżoli jkunu redatti b’mod ċar u komprensibbli. Il-qorti tista’ għalhekk tistħarreġ in-natura inġusta ta’ klawżola, li tirrigwarda d-definizzjoni tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt, biss jekk din il-klawżola ma tkunx ċara u komprensibbli.

28

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 jistabbilixxi eċċezzjoni mill-mekkaniżmu ta’ stħarriġ fil-mertu tal-klawżoli inġusti, kif previst fil-kuntest tas-sistema ta’ protezzjoni tal-konsumaturi implimentat minn din id-direttiva, u li, għalhekk, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod strett (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

29

Fir-rigward tal-kategorija tal-klawżoli tal-kuntratt li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “suġġett prinċipali tal-kuntratt”, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li dawn il-klawżoli għandhom jinftiehmu bħala li huma dawk li jistabbilixxu l-provvisti essenzjali ta’ dan il-kuntratt u li, bħala tali, jikkaratterizzawh. Min-naħa l-oħra, il-klawżoli li huma ta’ natura anċillari meta mqabbla ma’ dawk li jiddefinixxu l-essenza nnifisha tar-relazzjoni kuntrattwali ma jistgħux jaqgħu taħt dan il-kunċett (sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Kiss u CIB Bank, C‑621/17, EU:C:2019:820, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

30

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina, fid-dawl tan-natura, l-istruttura ġenerali u l-istipulazzjonijiet tal-kuntratt ta’ self ikkonċernat kif ukoll fid-dawl tal-kuntest ġuridiku u fattwali li fih ikun jinsab dan il-kuntratt, jekk il-klawżoli li hemm riferiment għalihom fl-ewwel domanda jikkostitwixxux element essenzjali tal-obbligu tad-debitur li jikkonsisti fir-rimbors tal-ammont ipprovdut lilu mill-persuna li ssellef (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Kiss u CIB Bank, C‑621/17, EU:C:2019:820, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

31

Minkejja li dan huwa l-każ, hija madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeduċi mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 il-kriterji applikabbli waqt tali eżami (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 33).

32

F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-kuntratti ta’ self iddenominati f’munita barranija u rimborsabbli fil-munita nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-esklużjoni mill-evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli li jirrigwardaw ir-relazzjoni adegwata bejn il-prezz u r-remunerazzjoni, minn naħa waħda, u s-servizzi jew l-oġġetti li għandhom jiġu pprovduti bħala korrispettiv, min-naħa l-oħra, ma tistax tapplika għal klawżoli li sempliċement jiddeterminaw, bl-għan tal-kalkolu tar-rimborsi, ir-rata ta’ konverżjoni tal-munita barranija li fiha l-kuntratt ta’ self huwa ddenominat, iżda mingħajr ma l-persuna li ssellef tkun ipprovdiet servizz ta’ kambju waqt l-imsemmi kalkolu, u għalhekk ma jinkludu l-ebda “remunerazzjoni” li n-natura adegwata tagħha inkwantu korrispettiv għal provvista mwettqa mill-persuna li ssellef ma tistax tkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni tan-natura inġusta tagħha skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 (sentenza tat‑30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai, C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 58).

33

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat ukoll, mingħajr madankollu ma llimitat din il-konstatazzjoni biss għall-kuntratti ta’ self iddenominati f’munita barranija u rimborsabbli f’din l-istess munita, li l-klawżoli tal-kuntratt li jirrigwardaw ir-riskju relatat mar-rata tal-kambju jiddefinixxu s-suġġett prinċipali ta’ dan il-kuntratt (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2018, OTP Bank u OTP Faktoring, C‑51/17, EU:C:2018:750, punt 68 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑14 ta’ Marzu 2019, Dunai, C‑118/17, EU:C:2019:207, punt 48).

34

F’dan il-każ, il-klawżoli tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jagħmlu parti minn mekkaniżmu ta’ konverżjoni ta’ muniti, iwasslu sabiex ir-riskju relatat mar-rata tal-kambju jiġi integrat fil-pagamenti mensili mħallsa mill-persuna li tissellef. Il-klawżoli li hemm riferiment għalihom fl-ewwel domanda jirrigwardaw ir-regoli ta’ allokazzjoni tal-pagamenti għall-interessi, il-funzjonament tal-kontijiet fi franki Svizzeri (munita tal-kont) u f’euro (munita ta’ ħlas), kif ukoll l-estensjoni tas-self għal perijodu ta’ ħames snin.

35

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, permezz ta’ kuntratt ta’ kreditu, il-persuna li ssellef tobbliga ruħha, prinċipalment, li tipprovdi lill-persuna li tissellef somma ta’ flus, u din tal-aħħar tobbliga ruħha, min-naħa tagħha, prinċipalment li tirrimborsa, bħala regola ġenerali flimkien mal-interessi, dan l-ammont skont l-intervalli previsti. Il-prestazzjonijiet ta’ tali kuntratt huma marbuta, għaldaqstant, ma’ somma ta’ flus li għandha tiġi ddefinita b’relazzjoni mal-muniti ta’ ħlas u ta’ rimbors stipulati fih. Għaldaqstant, il-fatt li kreditu għandu jiġi rrimborsat f’ċerta munita huwa marbut, fil-prinċipju, mhux ma’ modalità anċillari ta’ ħlas, iżda man-natura nnifisha tal-obbligu tad-debitur, u b’hekk jikkostitwixxi element essenzjali ta’ kuntratt ta’ self (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 38).

36

Minkejja li l-klawżoli kuntrattwali li hemm riferiment għalihom fl-ewwel domanda jagħmlu parti mill-mekkaniżmu finanzjarju li jesprimi r-riskju relatat mar-rata tal-kambju li jikkaratterizza self iddenominat f’munita barranija u rimborsabbli f’munita nazzjonali, huma ma jirrigwardawx, b’mod dirett, l-ammont misluf jew l-interessi tas-self li għandhom jiġu rrimborsati, u lanqas l-iffissar tal-munita tal-kont u tal-ħlas. Fil-fatt, dawn il-klawżoli jittrattaw il-konsegwenzi tal-bidla fil-parità billi jippreċiżaw ir-regoli ta’ rimbors applikabbli skont il-varjazzjonijiet fir-rata tal-kambju, b’tali mod li jistgħu jitqiesu li huma modalitajiet anċillari ta’ ħlas li ma jagħmlux parti mis-“suġġett prinċipali tal-kuntratt”, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13.

37

Madankollu, mill-elementi pprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-klawżoli dwar il-kundizzjonijiet ta’ rimbors tas-self inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkonkretizzaw ir-riskju relatat mar-rata tal-kambju li jirriżulta mill-varjazzjonijiet fil-parità bejn il-munita tal-kont u l-munita tal-ħlas kif ukoll ir-rata ta’ interessi marbuta miegħu, li jikkaratterizza dan is-self.

38

Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-kriterji stabbiliti fil-punti 32 sa 37 ta’ din is-sentenza, jekk il-klawżoli tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jistipulaw li r-rimborsi b’intervalli fissi għandhom jiġu allokati b’mod prijoritarju għall-interessi u li jipprevedu, sabiex jitħallas il-bilanċ tal-kont, l-estensjoni tat-tul ta’ żmien ta’ dan il-kuntratt u ż-żieda tal-ammont tal-pagamenti mensili, u li b’hekk jikkonkretizzaw ir-riskju relatat mar-rata tal-kambju, jirrigwardawx in-natura nnifisha tal-obbligu tad-debitur li jirrimborsa l-ammont ipprovdut lilu mill-persuna li ssellef.

39

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-klawżoli tal-kuntratt ta’ self li jistipulaw li r-rimborsi b’intervalli fissi għandhom jiġu allokati b’mod prijoritarju għall-interessi u li jipprevedu, sabiex jitħallas il-bilanċ tal-kont, l-estensjoni tat-tul ta’ żmien ta’ dan il-kuntratt u ż-żieda tal-ammont tal-pagamenti mensili jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni fil-każ fejn dawn il-klawżoli jistabbilixxu element essenzjali li jikkaratterizza l-imsemmi kuntratt.

Fuq it-tielet u r-raba’ domanda

40

Permezz tat-tielet u r-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien u qabel it-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ self iddenominat f’munita barranija, ir-rekwiżit ta’ trasparenza tal-klawżoli ta’ dan il-kuntratt li jistipulaw li l-pagamenti b’intervalli fissi għandhom jiġu allokati b’mod prijoritarju għall-interessi u li jipprevedu, sabiex jitħallas il-bilanċ tal-kont, l-estensjoni tat-tul ta’ żmien tal-imsemmi kuntratt u ż-żieda tal-ammont tal-pagamenti mensili, huwa ssodisfatt ladarba l-bejjiegħ jew fornitur ikun ipprovda lill-konsumatur informazzjoni oġġettiva u astratta rigward l-effett fuq l-obbligi finanzjarji ta’ dan il-konsumatur tal-eventwali żieda jew deprezzament fil-valur tal-euro meta mqabbla mal-munita barranija, mingħajr, madankollu, ma dan il-bejjiegħ jew fornitur ikun ikkomunika lill-konsumatur informazzjoni dwar il-kuntest ekonomiku li jista’ jkollu riperkussjonijiet fuq il-varjazzjonijiet fir-rata tal-kambju.

41

Skont ġurisprudenza stabbilita rigward ir-rekwiżit ta’ trasparenza, l-informazzjoni, qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt, fuq il-kundizzjonijiet kuntrattwali u l-konsegwenzi tal-imsemmija konklużjoni hija, għal konsumatur, ta’ importanza fundamentali. Huwa b’mod partikolari abbażi ta’ din l-informazzjoni li dan tal-aħħar jiddeċiedi jekk jixtieqx jintrabat kuntrattwalment ma’ bejjiegħ jew fornitur billi jaċċetta l-kundizzjonijiet imfassla minn qabel minn dan tal-aħħar (sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2020, Gómez del Moral Guasch, C‑125/18, EU:C:2020:138, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

Għaldaqstant ir-rekwiżit ta’ trasparenza tal-klawżoli kuntrattwali, kif jirriżulta mill-Artikolu 4(2) u mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13, ma jistax jiġi ridott biss għan-natura komprensibbli fuq il-livelli formali u grammatikali ta’ dawn. Peress li s-sistema ta’ protezzjoni implimentata minn din id-direttiva hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbel mal-bejjiegħ jew fornitur f’dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, il-livell ta’ informazzjoni, dan ir-rekwiżit ta’ redazzjoni ċara u komprensibbli tal-klawżoli kuntrattwali u, għaldaqstant, ta’ trasparenza, impost mill-imsemmija direttiva, għandu jinftiehem b’mod estensiv (sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2020, Gómez del Moral Guasch, C‑125/18, EU:C:2020:138, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

Konsegwentement, l-imsemmi rekwiżit għandu jinftiehem bħala li jeżiġi mhux biss li l-klawżola kkonċernata tkun tinftiehem mill-konsumatur fuq il-livell formali u grammatikali, iżda wkoll li konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, jitqiegħed f’pożizzjoni li jifhem il-funzjonament konkret ta’ din il-klawżola u li b’hekk jevalwa, abbażi ta’ kriterji preċiżi u li jinftiehmu, il-konsegwenzi ekonomiċi, potenzjalment sinjifikattivi, ta’ tali klawżola fuq l-obbligi finanzjarji tiegħu (sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2020, Gómez del Moral Guasch, C‑125/18, EU:C:2020:138, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata.

44

Dan jimplika, b’mod partikolari, li l-kuntratt għandu jesponi b’mod trasparenti l-funzjonament konkret tal-mekkaniżmu li għalih il-klawżola kkonċernata tagħmel riferiment kif ukoll, fejn applikabbli, ir-relazzjoni bejn dan il-mekkaniżmu u dak stabbilit minn klawżoli oħra, b’tali mod li dan il-konsumatur jitqiegħed f’pożizzjoni li jkun jista’ jevalwa, abbażi ta’ kriterji preċiżi u li jinftiehmu, il-konsegwenzi ekonomiċi li jirriżultaw għalih minn dan il-kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2021, Dexia Nederland, C‑229/19 u C‑289/19, EU:C:2021:68, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

45

Il-kwistjoni dwar jekk, f’dan il-każ, ir-rekwiżit ta’ trasparenza ġiex osservat għandha tiġi eżaminata mill-qorti tar-rinviju fid-dawl tal-punti ta’ fatt rilevanti kollha, fosthom ir-reklamar u l-informazzjoni pprovduti, fil-kuntest tan-negozjar tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mhux biss mill-persuna li ssellef innifisha, iżda wkoll minn kull persuna oħra li tkun ipparteċipat, f’isem dan il-professjonist, fil-kummerċjalizzazzjoni tas-self ikkonċernat.

46

B’mod iktar partikolari, hija l-qorti nazzjonali, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-konklużjoni tal-kuntratt, li għandha tivverifika li, fil-kawża kkonċernata, ikunu ġew ikkomunikati lill-konsumatur l-elementi kollha li jistgħu jkollhom effett fuq il-portata tal-obbligi tiegħu li jkunu jippermettulu li jevalwa, b’mod partikolari, l-ispiża totali tas-self tiegħu. F’din l-evalwazzjoni għandhom rwol deċiżiv, minn naħa, il-kwistjoni dwar jekk il-klawżoli jkunux redatti b’mod ċar u komprensibbli b’tali mod li jippermettu lil konsumatur medju, kif deskritt fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, li jivvaluta tali spiża u, min-naħa l-oħra, iċ-ċirkustanza marbuta mal-assenza ta’ indikazzjoni, fil-kuntratt ta’ kreditu, tal-informazzjoni kkunsidrata, fid-dawl tan-natura tal-beni jew tas-servizzi li jkunu s-suġġett ta’ dan il-kuntratt, bħala essenzjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2020, Gómez del Moral Guasch, C‑125/18, EU:C:2020:138, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tirrileva li VE rċieva numru importanti ta’ elementi ta’ informazzjoni qabel ma daħal għas-self inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Hija tippreċiża madankollu li din l-informazzjoni kienet ibbażata fuq l-ipoteżi li l-parità euro/frank Svizzeru kienet ser tibqa’ stabbli. Madankollu, ir-riskju relatat mar-rata tal-kambju bl-ebda mod ma ssemma.

48

Fir-rigward tal-kuntratti ta’ self iddenominati f’munita barranija, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li hija rilevanti, għall-finijiet tal-imsemmija evalwazzjoni, kull informazzjoni pprovduta mill-bejjiegħ jew fornitur li hija intiża sabiex tinforma lill-konsumatur dwar il-funzjonament tal-mekkaniżmu tal-kambju u r-riskju marbut miegħu. Il-kjarifiki dwar ir-riskji mġarrba minn min jissellef fil-każ ta’ deprezzament sinjifikattiv tal-munita li għandha valuta legali fl-Istat Membru fejn dan huwa ddomiċiljat u ta’ żieda fir-rata barranija ta’ interessi jikkostitwixxu elementi ta’ importanza partikolari.

49

F’dan il-każ, kif enfasizza l-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku, fir-rakkomandazzjoni tiegħu CERS/2011/1, tal‑21 ta’ Settembru 2011, dwar self f’munita barranija (ĠU 2011, C 342, p. 1), l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jipprovdu lill-persuni li jissellfu informazzjoni suffiċjenti biex dawn ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet prudenti u informati sew u din l-informazzjoni għandha ta’ mill-inqas tindirizza l-impatt fuq ir-rimborsi ta’ deprezzament qawwi fil-munita legali tal-Istat Membru fejn ikun iddomiċiljat min jissellef u ta’ żieda fir-rata barranija ta’ interessi (Rakkomandazzjoni A – Għarfien ta’ dawk li jissellfu dwar ir-riskju, punt 1) (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2018, OTP Bank u OTP Faktoring, C‑51/17, EU:C:2018:750, punt 74 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

50

Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, b’mod partikolari, li l-persuna li tissellef għandha tiġi informata b’mod ċar bil-fatt li, meta tiffirma kuntratt ta’ self iddenominat f’munita barranija, hija tesponi ruħha għal riskju relatat mar-rata tal-kambju li eventwalment ikun ekonomikament diffiċli li tassumi fil-każ ta’ deprezzament tal-munita li fiha tirċievi d-dħul tagħha. Barra minn hekk, il-bejjiegħ jew fornitur għandu jispjega l-varjazzjonijiet possibbli tar-rati tal-kambju u r-riskji inerenti għall-konklużjoni ta’ tali kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2018, OTP Bank u OTP Faktoring, C‑51/17, EU:C:2018:750, punt 75 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

51

Minn dan jirriżulta li, sabiex jiġi osservat ir-rekwiżit ta’ trasparenza, l-informazzjoni kkomunikata mill-bejjiegħ jew fornitur għandha tkun tista’ tippermetti lil konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, mhux biss li jifhem li, skont il-varjazzjonijiet fir-rata tal-kambju, l-evoluzzjoni tal-parità bejn il-munita tal-kont u l-munita tal-ħlas tista’ twassal għal konsegwenzi sfavorevoli fir-rigward tal-obbligi finanzjarji tiegħu, iżda wkoll li jifhem, fil-kuntest tal-konklużjoni ta’ self iddenominat f’munita barranija, ir-riskju reali li għalih jesponi ruħu, matul il-perijodu kollu tal-kuntratt, fil-każ ta’ deprezzament importanti tal-munita li fiha huwa jirċievi d-dħul tiegħu meta mqabbla mal-munita tal-kont.

52

F’dan il-kuntest, għandu jiġi ppreċiżat li s-simulazzjonijiet f’ċifri, li tirreferi għalihom il-qorti tar-rinviju, jistgħu jikkostitwixxu element ta’ informazzjoni utli, jekk ikunu bbażati fuq data suffiċjenti u eżatta, u jekk jinkludu evalwazzjonijiet oġġettivi li huma kkomunikati b’mod ċar u komprensibbli lill-konsumatur. Huwa biss f’dawn iċ-ċirkustanzi li tali simulazzjonijiet jistgħu jippermettu lill-bejjiegħ jew fornitur jiġbed l-attenzjoni ta’ dan il-konsumatur għar-riskju tal-konsegwenzi ekonomiċi negattivi, potenzjalment sinjifikattivi, tal-klawżoli kuntrattwali inkwistjoni. Issa, bħal kull informazzjoni oħra dwar il-portata tal-impenn tal-konsumatur, ikkomunikata min-negozjant, is-simulazzjonijiet f’ċifri għandhom jikkontribwixxu sabiex dan il-konsumatur jifhem il-portata reali tar-riskju, fit-tul, marbut mal-varjazzjonijiet possibbli fir-rati tal-kambju u b’hekk tar-riskji inerenti għall-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ self iddenominat f’munita barranija.

53

Għalhekk, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ self iddenominat f’munita barranija li jesponi lill-konsumatur għal riskju relatat mar-rata tal-kambju, ma tistax tissodisfa r-rekwiżit ta’ trasparenza l-komunikazzjoni lil dan il-konsumatur ta’ informazzjoni, anki estensiva, jekk din tkun ibbażata fuq l-ipoteżi li l-parità bejn il-munita tal-kont u l-munita ta’ ħlas ser tibqa’ stabbli matul il-perijodu kollu ta’ dan il-kuntratt. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta l-konsumatur ma jkunx ġie avżat mill-bejjiegħ jew fornitur bil-kuntest ekonomiku li jista’ jkollu riperkussjonijiet fuq il-varjazzjonijiet fir-rati tal-kambju, b’tali mod li l-konsumatur ma jkunx tqiegħed f’pożizzjoni li jifhem konkretament il-konsegwenzi potenzjalment onerużi, li jistgħu jirriżultaw mill-iffirmar ta’ kuntratt ta’ self iddenominat f’munita barranija, fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu.

54

Fit-tieni lok, hemm ukoll fost l-elementi rilevanti, għall-finijiet tal-evalwazzjoni msemmija fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, il-kliem użat mill-istituzzjoni finanzjarja fid-dokumenti prekuntrattwali u kuntrattwali. B’mod partikolari, l-assenza ta’ termini jew ta’ spjegazzjonijiet li javżaw lill-persuna li tissellef, b’mod espliċitu, bl-eżistenza ta’ riskji partikolari marbuta mal-kuntratti ta’ self iddenominati f’munita barranija tista’ tikkonferma li r-rekwiżit ta’ trasparenza, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, ma huwiex issodisfatt.

55

Fit-tielet u fl-aħħar lok, għandu jitfakkar li l-konstatazzjoni tan-natura żleali ta’ prattika kummerċjali, li fuqha l-partijiet fil-kawża prinċipali jkunu ddiskutew waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, tista’ tikkostitwixxi wkoll element fost oħrajn li fuqhom il-qorti nazzjonali tista’ tibbaża l-evalwazzjoni tagħha tan-natura inġusta tal-klawżoli li jinsabu f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2012, Pereničová u Perenič, C‑453/10, EU:C:2012:144, punt 43).

56

Madankollu, dan l-element ma jistax jistabbilixxi awtomatikament u waħdu li r-rekwiżit ta’ trasparenza li jirriżulta mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 ma huwiex issodisfatt, għaliex din il-kwistjoni għandha tiġi eżaminata fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha speċifiċi għall-każ inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2012, Pereničová u Perenič, C‑453/10, EU:C:2012:144, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

57

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet u għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ self iddenominat f’munita barranija, ir-rekwiżit ta’ trasparenza tal-klawżoli ta’ dan il-kuntratt li jistipulaw li l-pagamenti b’intervalli fissi għandhom jiġu allokati b’mod prijoritarju għall-interessi u li jipprevedu, sabiex jitħallas il-bilanċ tal-kont, l-estensjoni tat-tul ta’ żmien tal-imsemmi kuntratt u ż-żieda tal-ammont tal-pagamenti mensili, huwa ssodisfatt meta l-bejjiegħ jew fornitur ikun ipprovda lill-konsumatur informazzjoni suffiċjenti u eżatta li tippermetti lil konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, li jifhem il-funzjonament konkret tal-mekkaniżmu finanzjarju inkwistjoni u li jevalwa b’dan il-mod ir-riskju tal-konsegwenzi ekonomiċi negattivi, potenzjalment sinjifikattivi, ta’ tali klawżoli fuq l-obbligi finanzjarji tiegħu matul il-perijodu kollu ta’ dan l-istess kuntratt.

Fuq it-tieni domanda

58

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-klawżoli ta’ kuntratt ta’ self li jistipulaw li l-pagamenti b’intervalli fissi għandhom jiġu allokati b’mod prijoritarju għall-interessi u li jipprevedu, sabiex jitħallas il-bilanċ tal-kont, li jista’ jiżdied b’mod sinjifikattiv wara varjazzjonijiet fil-parità bejn il-munita tal-kont u l-munita tal-ħlas, l-estensjoni tat-tul ta’ żmien ta’ dan il-kuntratt u ż-żieda tal-ammont tal-pagamenti mensili, joħolqu żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-imsemmi kuntratt b’detriment għall-konsumatur sa fejn dawn il-klawżoli jesponu lill-konsumatur għal riskju sproporzjonat relatat mar-rata tal-kambju.

59

Qabel kollox għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, klawżola mhux innegozjata ta’ kuntratt konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur titqies li hija inġusta meta, minkejja r-rekwiżit ta’ bona fide, hija toħloq, għad-detriment tal-konsumatur, żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw minn dan il-kuntratt.

60

Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kriterji li l-qorti nazzjonali tista’ jew għandha tapplika fl-eżami ta’ klawżola kuntrattwali fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, u b’mod partikolari waqt l-eżami tan-natura eventwalment inġusta ta’ klawżola fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva, filwaqt li huwa speċifikat li hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar il-klassifikazzjoni konkreta ta’ klawżola kuntrattwali partikolari skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ inkwistjoni. Minn dan jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tillimita ruħha li tagħti indikazzjonijiet lill-qorti tar-rinviju li din tal-aħħar hija mistennija tieħu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżola kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020, Profi Credit Polska, C‑84/19, C-222/19 u C-252/19, EU:C:2020:631, punt 91 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

61

Fir-rigward tal-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3(1) u fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13, jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ inkwistjoni, tali klawżola tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ bona fide, ta’ ekwilibriju u ta’ trasparenza stabbiliti minn din id-direttiva (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, Profi Credit Polska, C‑419/18 u C‑483/18, EU:C:2019:930, punt 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

62

B’dan il-mod, in-natura trasparenti ta’ klawżola kuntrattwali, kif meħtieġ fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13, tikkostitwixxi wieħed mill-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ din il-klawżola, u dan għandu jsir mill-qorti nazzjonali abbażi tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva (sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Kiss u CIB Bank, C‑621/17, EU:C:2019:820, punt 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

63

F’dan il-każ, il-klawżoli kuntrattwali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, imdaħħla f’kuntratt ta’ self iddenominat f’munita barranija, jistipulaw li l-pagamenti b’intervalli fissi għandhom jiġu allokati b’mod prijoritarju għall-interessi u jipprevedu, sabiex jitħallas il-bilanċ tal-kont, li jista’ jiżdied b’mod sinjifikattiv wara varjazzjonijiet fil-parità bejn il-munita tal-kont u l-munita tal-ħlas, l-estensjoni tat-tul ta’ żmien ta’ dan il-kuntratt u ż-żieda tal-ammont tal-pagamenti mensili. B’dan il-mod dawn il-klawżoli jqiegħdu, fil-każ ta’ deprezzament importanti tal-munita nazzjonali meta mqabbla mal-munita barranija, ir-riskju relatat mar-rata tal-kambju fuq il-konsumatur.

64

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ self iddenominat f’munita barranija, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti nazzjonali għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża prinċipali, u, billi tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-għarfien espert u l-konoxxenzi tal-bejjiegħ jew fornitur f’dak li jirrigwarda l-varjazzjonijiet possibbli fir-rati tal-kambju u r-riskji inerenti għall-iffirmar ta’ kuntratt ta’ self iddenominat f’munita barranija, fl-ewwel lok, l-eventwali nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżit ta’ bona fide u, fit-tieni lok, l-eżistenza ta’ eventwali żbilanċ sinjifikattiv, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 56).

65

Fir-rigward tar-rekwiżit ta’ bona fide, għandu jiġi rrilevat, kif jirriżulta mis-sittax‑il premessa tad-Direttiva 93/13, li, fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, għandha b’mod partikolari tittieħed inkunsiderazzjoni s-saħħa tal-pożizzjonijiet rispettivi ta’ negozjar tal-partijiet u tal-kwistjoni dwar jekk il-konsumatur ġiex inkoraġġut b’xi mezz li jagħti l-kunsens tiegħu għall-klawżola kkonċernata.

66

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk klawżola toħloqx, minkejja r-rekwiżit ta’ bona fide, għad-detriment tal-konsumatur, żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt inkwistjoni, il-qorti nazzjonali għandha tivverifika jekk il-bejjiegħ jew fornitur, fuq il-bażi ta’ aġir leali u ġust fil-konfront tal-konsumatur, setax raġonevolment jistenna li dan tal-aħħar jaċċetta din il-klawżola wara negozjar individwali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020, Profi Credit Polska, C‑84/19, C‑222/19 u C‑252/19, EU:C:2020:631, punt 93 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

67

Għaldaqstant, sabiex jiġi evalwat jekk il-klawżoli ta’ kuntratt, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, joħolqux għad-detriment tal-konsumatur żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fil-kuntratt ta’ self li jinkludi dawn il-klawżoli, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha li min isellef professjonalment seta’ jkun jaf bihom fil-mument tal-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, fid-dawl b’mod partikolari tal-għarfien espert tiegħu, f’dak li jirrigwarda l-varjazzjonijiet possibbli fir-rati tal-kambju u r-riskji inerenti għall-iffirmar ta’ kuntratt ta’ tali self u li kienu tali li jkollhom riperkussjonijiet fuq l-eżekuzzjoni sussegwenti tal-kuntratt u fuq is-sitwazzjoni legali tal-konsumatur.

68

Fid-dawl tal-konoxxenzi tal-bejjiegħ jew fornitur li jirrigwardaw il-kuntest ekonomiku prevedibbli li jista’ jkollhom riperkussjonijiet fuq il-varjazzjonijiet fir-rati tal-kambju, tal-mezzi superjuri ta’ dan il-bejjiegħ jew fornitur sabiex jantiċipa r-riskju relatat mar-rata tal-kambju, li jista’ jimmaterjalizza fi kwalunkwe mument matul il-perijodu tal-kuntratt, kif ukoll tar-riskju kunsiderevoli marbut mal-varjazzjonijiet fir-rati tal-kambju li l-klawżoli kuntrattwali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jimponu fuq il-konsumatur, għandu jitqies li tali klawżoli jistgħu jagħtu lok għal żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ self ikkonċernat għad-detriment tal-konsumatur.

69

Fil-fatt, bla ħsara għall-verifiki li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, il-klawżoli kuntrattwali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jidhru li jimponu fuq il-konsumatur, sa fejn il-bejjiegħ jew fornitur ma osservax ir-rekwiżit ta’ trasparenza fil-konfront ta’ dan il-konsumatur, riskju sproporzjonat meta mqabbel mas-servizzi mogħtija u l-ammont tas-self irċevut, peress li l-applikazzjoni ta’ dawn il-klawżoli għandha bħala konsegwenza li l-konsumatur ikollu jbati l-ispiża tal-evoluzzjoni tar-rati tal-kambju fuq perijodu twil ta’ żmien. Skont din l-evoluzzjoni, dan il-konsumatur jista’ jsib ruħu f’sitwazzjoni fejn, minn naħa, l-ammont tal-kapital li jibqa’ dovut fil-munita ta’ ħlas, f’dan il-każ f’euro, ikun kunsiderevolment ogħla mis-somma inizjalment mislufa u, min-naħa l-oħra, il-pagamenti mensili mħallsa jkunu koprew kważi esklużivament biss l-interessi. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta din iż-żieda fil-kapital li jkun għadu dovut fil-munita nazzjonali ma tkunx ibbilanċjata mid-differenza bejn ir-rata tal-interessi tal-munita barranija u dik tal-munita nazzjonali, filwaqt li huwa speċifikat li l-eżistenza ta’ tali differenza tikkostitwixxi l-vantaġġ prinċipali ta’ self iddenominat f’munita barranija għal min jissellef.

70

F’ċirkustanzi bħal dawn, fid-dawl b’mod partikolari tar-rekwiżit ta’ trasparenza li jirriżulta mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13, ma jistax jitqies li l-bejjiegħ jew fornitur seta’ raġonevolment jistenna, fuq il-bażi ta’ aġir trasparenti mal-konsumatur, li dan tal-aħħar jaċċetta tali klawżoli wara negozjar individwali (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020, Profi Credit Polska, C‑84/19, C‑222/19 u C‑252/19, EU:C:2020:631, punt 96), u dan għandu, madankollu, jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

71

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-klawżoli ta’ kuntratt ta’ self li jistipulaw li l-pagamenti b’intervalli fissi għandhom jiġu allokati b’mod prijoritarju għall-interessi u li jipprevedu, sabiex jitħallas il-bilanċ tal-kont, li jista’ jiżdied b’mod sinjifikattiv wara varjazzjonijiet fil-parità bejn il-munita tal-kont u l-munita tal-ħlas, l-estensjoni tat-tul ta’ żmien ta’ dan il-kuntratt u ż-żieda tal-ammont tal-pagamenti mensili, jistgħu joħolqu żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-imsemmi kuntratt b’detriment għall-konsumatur, meta l-bejjiegħ jew fornitur ma setax raġonevolment jistenna, filwaqt li josserva r-rekwiżit ta’ trasparenza fil-konfront tal-konsumatur, li dan tal-aħħar jaċċetta, wara negozjar individwali, riskju sproporzjonat relatat mar-rata tal-kambju li jirriżulta minn tali klawżoli.

Fuq l-ispejjeż

72

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-klawżoli tal-kuntratt ta’ self li jistipulaw li r-rimborsi b’intervalli fissi għandhom jiġu allokati b’mod prijoritarju għall-interessi u li jipprevedu, sabiex jitħallas il-bilanċ tal-kont, l-estensjoni tat-tul ta’ żmien ta’ dan il-kuntratt u ż-żieda tal-ammont tal-pagamenti mensili jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni fil-każ fejn dawn il-klawżoli jistabbilixxu element essenzjali li jikkaratterizza l-imsemmi kuntratt.

 

2)

L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ self iddenominat f’munita barranija, ir-rekwiżit ta’ trasparenza tal-klawżoli ta’ dan il-kuntratt li jistipulaw li l-pagamenti b’intervalli fissi għandhom jiġu allokati b’mod prijoritarju għall-interessi u li jipprevedu, sabiex jitħallas il-bilanċ tal-kont, l-estensjoni tat-tul ta’ żmien tal-imsemmi kuntratt u ż-żieda tal-ammont tal-pagamenti mensili, huwa ssodisfatt meta l-bejjiegħ jew fornitur ikun ipprovda lill-konsumatur informazzjoni suffiċjenti u eżatta li tippermetti lil konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, li jifhem il-funzjonament konkret tal-mekkaniżmu finanzjarju inkwistjoni u li jevalwa b’dan il-mod ir-riskju tal-konsegwenzi ekonomiċi negattivi, potenzjalment sinjifikattivi, ta’ tali klawżoli fuq l-obbligi finanzjarji tiegħu matul il-perijodu kollu ta’ dan l-istess kuntratt.

 

3)

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-klawżoli ta’ kuntratt ta’ self li jistipulaw li l-pagamenti b’intervalli fissi għandhom jiġu allokati b’mod prijoritarju għall-interessi u li jipprevedu, sabiex jitħallas il-bilanċ tal-kont, li jista’ jiżdied b’mod sinjifikattiv wara varjazzjonijiet fil-parità bejn il-munita tal-kont u l-munita tal-ħlas, l-estensjoni tat-tul ta’ żmien ta’ dan il-kuntratt u ż-żieda tal-ammont tal-pagamenti mensili, jistgħu joħolqu żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-imsemmi kuntratt b’detriment għall-konsumatur, meta l-bejjiegħ jew fornitur ma setax raġonevolment jistenna, filwaqt li josserva r-rekwiżit ta’ trasparenza fil-konfront tal-konsumatur, li dan tal-aħħar jaċċetta, wara negozjar individwali, riskju sproporzjonat relatat mar-rata tal-kambju li jirriżulta minn tali klawżoli.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.