Kawża C603/19

Proċeduri kriminali

kontra

TG
u
UF

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-iŠpecializovaný trestný súd)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal1 ta’ Ottubru 2020

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 325 TFUE – Proċeduri kriminali li jirrigwardaw reati fil-qasam ta’ frodi relatata mas-sussidji ffinanzjati parzjalment permezz tal-baġit tal-Unjoni Ewropea – Dritt nazzjonali li ma jippermettix lill-organi tal-Istat jiksbu, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, l-irkupru ta’ sussidji bħala kumpens għad-dannu kkawżat mir-reati”

1.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità – Direttiva 2012/29 – Kamp ta’ applikazzjoni ratione personae – Persuni ġuridiċi u organi tal-Istat – Esklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2012/29, Artikoli 1(1) u 2(1))

(ara l-punti 44 sa 46, u d-dispożittiv 1)

2.        Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea – Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni – Ġlieda kontra l-frodi u attivitajiet illegali oħra – Obbligu tal-Istati Membri li jistabbilixxu sanzjonijiet effettivi u dissważivi – Reat ta’ frodi relatata mas-sussidji ffinanzjati parzjalment permezz tal-baġit tal-Unjoni – Proċeduri kriminali nazzjonali li ma jippermettux lill-Istat iressaq azzjoni għall-kumpens għad-dannu kkawżat mir-reat – Ammissibbiltà fid-dawl tal-Artikolu 325 TFUE – Kundizzjoni – Eżistenza fid-dritt nazzjonali ta’ proċeduri effettivi li jippermettu l-irkupru tal-kontribuzzjonijiet mill-baġit tal-Unjoni rċevuti indebitament

(Artikolu 325 TFUE)

(ara l-punti 54 sa 56, 58 sa 62, u d-dispożittiv 2)

Sunt

L-Úrad špeciálnej prokuratúry Generálnej prokuratúry Slovenskej republiky (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjali fid-Dipartiment tal-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika Slovakka) ressaq proċeduri kriminali kontra żewġ persuni fiżiċi (iktar ’il quddiem l-“imputati”) għal fatti li jistgħu jikkostitwixxu frodi relatata mas-sussidji ffinanzjati parzjalment permezz tal-baġit tal-Unjoni. Ir-reat kriminali kien twettaq fil-kuntest ta’ żewġ sejħiet għal offerti mnedija mill-amministrazzjoni Slovakka għat-tressiq ta’ talbiet għal sussidji intiżi b’mod partikolari sabiex isostnu l-ħolqien ta’ impjiegi għall-persuni b’diżabbiltà.

L-imputati stabbilixxew diversi kumpanniji kummerċjali, li tagħhom huma kienu s-soċji u l-amministraturi, li kisbu sussidji f’ammont ta’ EUR 654 588.34, inkluż f’dan l-ammont dak ta’ EUR 279 272.18 mill-baġit tal-Unjoni. Wara l-ħlas ta’ dawn is-sussidji, l-imputati ttrasferixxew l-ishma tagħhom fil-kumpanniji kkonċernati lil terz, u sussegwentement l-imsemmija kumpanniji waqqfu kull attività. Meta kienu tressqu l-proċeduri kriminali, l-assi tal-kumpanniji ma kinux jinsabu iktar fil-bini tal-imsemmija kumpanniji, li kienu tħassru ex officio mir-reġistru tal-kumpanniji. Matul il-perijodu tal-ħlas tas-sussidji, il-kumpanniji kkonċernati kienu impjegaw xi persuni b’diżabbiltà, iżda x-xogħol tagħhom kien fittizju u ma kienx ikkontribwixxa għall-għanijiet ippreżentati fit-talbiet għal sussidju.

Il-proċeduri kriminali tressqu quddiem il-qorti tar-rinviju, jiġifieri l-iŠpecializovaný trestný súd (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, is-Slovakkja), kontra l-imputati fil-kwalità tagħhom ta’ soċji u ta’ amministraturi ta’ dawn il-kumpanniji. L-úrady práce, sociálnych vecí a rodiny (l-Aġenziji tad-Direttorat tax-Xogħol, tal-Affarijiet Soċjali u tal-Familja), bħala partijiet leżi fil-kawża prinċipali, talbu l-ħlas ta’ danni mingħand l-imputati matul l-istruttorja, sal-ammont tas-sussidju effettivament imħallas.

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li, fid-dawl tal-ġurisprudenza tan-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka), li diġà ġiet applikata fi proċeduri kriminali li jirrigwardaw reati ta’ dannu għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni u ta’ frodi relatata mas-sussidji, id-dispożizzjonijiet nazzjonali ma jippermettux lill-Istat, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, iressaq azzjoni għall-kumpens għad-dannu kkawżat lilu. Skont il-qorti tar-rinviju, l-applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza fil-kawża prinċipali jista’ jkollha l-effett li timpedixxi lill-Istat milli jressaq azzjoni għall-kumpens għad-danni kkawżati mill-frodi. Fil-fatt, l-użu ta’ proċeduri amministrattivi previsti wkoll mid-dritt Slovakk jippermetti li jintalab ir-rimbors tas-sussidju mħallas indebitament biss mingħand il-benefiċjarju tiegħu. Peress li dan il-każ jirrigwarda kumpanniji kummerċjali li ma għandhom ebda attiv u li tħassru mir-reġistru tal-kumpanniji, tali proċeduri ma jistgħux għaldaqstant jippermettu l-irkupru tas-sussidji mħallsa indebitament.

Il-qorti tar-rinviju għamlet diversi domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja li jirrigwardaw, b’mod partikolari, l-Artikolu 325 TFUE, li l-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi li, għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-attivitajiet illegali li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri dissważivi, effettivi u ekwivalenti għal dawk adottati fuq il-livell nazzjonali sabiex jiġġieldu l-frodi li tippreġudika l-interessi tal-Istat Membru kkonċernat. B’mod iktar preċiż, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà, mal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 325 TFUE, ta’ regoli ta’ proċedura kriminali nazzjonali li ma jippermettux, f’kawża bħal dik fil-kawża prinċipali, li jiġi rrikonoxxut lill-Istat dritt għal kumpens bħala persuna leża fil-kuntest tal-proċeduri kriminali.

Fis-sentenza tagħha tal‑1 ta’ Ottubru 2020, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 325 TFUE ma jipprekludix dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali hekk kif interpretati fil-ġurisprudenza nazzjonali li jipprovdu li, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, l-Istat ma jistax iressaq azzjoni għall-kumpens għad-dannu kkawżat lilu minn aġir frawdolenti tal-persuna indagata li għandu bħala effett il-miżapproprjazzjoni ta’ fondi mill-baġit tal-Unjoni, u ma għandu għad-dispożizzjoni tiegħu, fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, ebda azzjoni oħra li tippermettilu jinvoka dritt kontra l-persuna indagata, sakemm, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi proċeduri effettivi li jippermettu l-irkupru tal-kontribuzzjonijiet mill-baġit tal-Unjoni rċevuti indebitament.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, għalkemm l-Istati Membri huma obbligati jadottaw miżuri effettivi li jippermettu l-irkupru tas-somom imħallsa indebitament lill-benefiċjarju ta’ sussidju parzjalment iffinanzjat permezz tal-baġit tal-Unjoni, l-Artikolu 325 TFUE ma jimponi madankollu ebda restrizzjoni fuqhom, ħlief dik relatata man-natura effettiva tal-miżuri, fir-rigward tal-proċedura li għandha tippermetti li jintlaħaq tali riżultat. Għaldaqstant, il-koeżistenza ta’ rimedji ġudizzjarji distinti, li jsegwu għanijiet differenti u speċifiċi għad-dritt amministrattiv, għad-dritt ċivili jew għad-dritt kriminali, ma tippreġudikax, fiha nnifisha, in-natura effettiva tal-ġlieda kontra l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, sakemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali, fl-intier tagħha, tippermetti l-irkupru tal-kontribuzzjonijiet mill-baġit tal-Unjoni mħallsa indebitament.

Għalhekk, in-nuqqas ta’ rikonoxximent, fir-rigward tal-Istat, ta’ dritt għal kumpens bħala persuna leża fil-kuntest tal-proċeduri kriminali ma huwiex, waħdu, kuntrarju għall-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 325 TFUE. Fil-fatt, għalkemm is-sanzjonijiet kriminali jistgħu jkunu essenzjali sabiex jippermettu lill-Istati jiġġieldu b’mod effettiv u dissważiv ċerti każijiet ta’ frodi serja, tali sanzjonijiet ma għandhomx l-għan li jippermettu l-irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament. L-eżistenza fl-ordinament ġuridiku nazzjonali, ta’ rimedju effettiv ta’ kumpens għad-danni għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni, kemm jekk fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, amministrattivi jew ċivili, hija biżżejjed sabiex jiġi ssodisfatt l-obbligu ta’ effettività stabbilit fl-Artikolu 325 TFUE sakemm dan jippermetti l-irkupru tal-kontribuzzjonijiet irċevuti indebitament u sanzjonijiet kriminali jippermettu li jiġu miġġielda l-każijiet ta’ frodi serja. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li dan huwa l-każ hawnhekk, sakemm, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, l-Istat għandu, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, il-possibbiltà li jressaq, minn naħa, proċeduri amministrattivi li jippermettulu jikseb l-irkupru tal-kontribuzzjonijiet imħallsa indebitament lill-persuna ġuridika destinatarja tagħhom u, min-naħa l-oħra, proċeduri ċivili intiżi mhux biss sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà ċivili tal-persuna ġuridika destinatarja tal-kontribuzzjonijiet irċevuti indebitament, iżda wkoll sabiex jinkiseb, sussegwentement għal kundanna kriminali, il-kumpens għad-danni subiti mingħand il-persuna fiżika kkundannata.