Kawża C‑597/19

Mircom International Content Management & Consulting (M.I.C.M.) Limited

kontra

Telenet BVBA

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Ondernemingsrechtbank Antwerpen)

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-17 ta’ Ġunju 2021

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29/KE – Artikolu 3(1) u (2) – Kunċett ta’ ‘tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku' – Tniżżil permezz ta’ network peer-to-peer ta’ fajl li fih xogħol protett u tqegħid għad-dispożizzjoni simultanju tas‑segmenti ta’ dan il-fajl sabiex jittellgħu minn utenti oħra – Direttiva 2004/48/KE – Artikolu 3(2) – Użu abbużiv tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji – Artikolu 4 – Persuni intitolati li jitolbu l-applikazzjoni tal-miżuri, tal‑proċeduri u tar-rimedji – Artikolu 8 – Dritt għal informazzjoni – Artikolu 13 – Kunċett ta’ ‘dannu' – Regolament (UE) 2016/679 – Il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal‑ipproċessar ta’ data personali – Legalità tal-ipproċessar – Direttiva 2002/58/KE – Artikolu 15(1) – Miżuri leġiżlattivi intiżi li jillimitaw il‑portata tad-drittijiet u tal-obbligi – Drittijiet fundamentali – Artikoli 7 u 8, Artikolu 17(2) kif ukoll l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”

  1. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29 – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni – Komunikazzjoni lill-pubbliku –Tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ xogħol – Kunċett – Tlugħ awtomatiku, minn network peer-to-peer , ta’ segmenti ta’ fajl tal-media li jinkludi xogħol protett – Inklużjoni

    (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 11 u 17(2); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29, premessi 3, 4, 9, 10 u 31 u l-Artikolu 3(1) u (2)(ċ))

    (ara l-punti 41, 46 sa 48, 51, 52, 56 sa 59, u d-dispożittiv 1)

  2. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali – Direttiva 2004/48 – Miżuri, proċeduri u rimedji – Persuni intitolati jitlobu l-applikazzjoni ta’ dawn

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/48, premssa 18 u Artikolu 4)

    (ara l-punti 62 sa 69)

  3. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali – Direttiva 2004/48 – Miżuri, proċeduri u rimedji – Għoti ta’ danni – Persuni intitolati li jitolbu l-irkupru

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/48, premssa 10 u Artikoli 4 u 13)

    (ara l-punti 72, 74 sa 77)

  4. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali – Direttiva 2004/48 – Dritt għal informazzjoni fil-kuntest ta’ azzjoni relatata ma’ ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali – Portata – Talba għal informazzjoni ppreżentata fi proċedura awtonoma li tippreċedi l-azzjoni għad-danni – Ammissibbiltà

    (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 17(2) u 47; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/48, Artikolu 8(1))

    (ara l-punti 80 sa 84)

  5. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali – Direttiva 2004/48 – Miżuri, proċeduri u rimedji – Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni – Att imwettaq fuq skala kummerċjali – Rekwiżit ta’ portata limitata

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/48, premessa 14 u Artikoli 6(2), 8(1), 9(2) u 13)

    (ara l-punti 88 sa 90)

  6. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali – Direttiva 2004/48 – Miżuri, proċeduri u rimedji – Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni – Użu mhux abbużiv – Talba għal informazzjoni – Rekwiżiti – Natura ġġustifikata u proporzjonata – Verifika mill-qorti tar-rinviju

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/48, Artikoli 3 u 8)

    (ara l-punti 94 sa 96 u d-dispożittiv 2)

  7. Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament 2016/679 – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ pproċessar ta’ data personali – Reġistrazzjoni, minn detentur ta’ drittijiet ta’ proprjetà intelletwali jew minn terz, tal-indirizzi IP tal-utenti ta’ network peer-to-peer għall-finijiet ta’ azzjoni għad-danni – Inklużjoni – Kundizzjoni – Eżistenza ta’ mezz legali li jippermetti lid-detentur jidentifika lill-utenti

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/679, il-punti 1 u 2 tal-Artikolu 4)

    (ara l-punti 102 sa 104)

  8. Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament 2016/679 – Direttiva 2002/58 – Kundizzjonijiet għal-legalità ta’ pproċessar ta’ data personali – Twettiq tal-interess leġittimu mfittex mill-kontrollur jew minn terz – Reġistrazzjoni sistematika, minn detentur tad-drittijiet ta’ proprjetà intelletwali jew minn terz, tal-indirizzi IP tal-utenti ta’ network peer-to-peer u komunikazzjoni tal-isem u tal-indirizz postali tagħhom lil dan id-detentur għall-finijiet ta’ azzjoni għad-danni – Ammissibbiltà – Kundizzjoni – Talba ġġustifikata, proporzjonata, mhux abbużiva u prevista minn miżura leġiżlattiva nazzjonali li tillimita l-portata ta’ ċerti drittijiet u obbligi

    (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 8; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/679, il-punti 9 u 10 tal-Artikolu 4, il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1), Artikoli 9(2)(e) u (f), 23(1)(j) u 94(2); Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/58, Artikolu 1(2), Artikoli 5, 6 u 15(1), u 2004/48, Artikolu 8(1))

    (ara l-punti 106, 108 sa 118, 120 sa 132, u d-dispożittiv 3)

Sunt

Ir-reġistrazzjoni sistematika ta’ indirizzi IP ta’ utenti u l-komunikazzjoni tal-ismijiet u l-indirizzi postali tagħhom lid-detentur ta’ drittijiet intellettwali jew lil terz sabiex ikun jista’ jiġi ppreżentat rikors għad-danni huma ammissibbli taħt ċerti kundizzjonijiet. It-talba għal informazzjoni minn detentur ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali ma tistax tkun abbużiva u għandha tkun iġġustifikata u proporzjonata.

L-impriża Mircom International Content Management & Consulting (M.I.C.M.) Limited (iktar ’il quddiem “Mircom”) ressqet talba għal informazzjoni kontra Telenet BVBA, fornitur tal-aċċess għall-internet, quddiem l-Ondernemingsrechtbank Antwerpen (il-Qorti tal-Impriżi ta’ Antwerpen, il-Belġju, iktar ’il quddiem il-“qorti tar-rinviju”). Din it-talba hija intiża sabiex tinkiseb deċiżjoni li tobbliga lil Telenet tipproduċi d-data ta’ identifikazzjoni tal-klijenti tagħha abbażi tal-indirizzi IP miġbura, minn kumpannija speċjalizzata, għan-nom ta’ Mircom. Il-konnessjonijiet internet tal-klijenti ta’ Telenet intużaw sabiex jiġu kondiviżi films li jagħmlu parti mill-katalogu ta’ Mircom, fuq network peer-to-peer bl-għajnuna tal-protokoll BitTorrent. Telenet qed topponi għal din it-talba ta’ Mircom.

Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju, l-ewwel nett, staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-kondiviżjoni ta’ segmenti ta’ fajl tal-media li jinkludi xogħol protett fuq l-imsemmi network jikkostitwixxix komunikazzjoni lill-pubbliku skont id-dritt tal-Unjoni. Sussegwentement, hija staqsiet jekk id-detentur ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, bħal Mircom, li ma jużahomx, iżda jitlob danni lill-persuni li allegatament ikunu wettqu ksur, jistax jibbenefika mill-miżuri, mill-proċeduri u mir-rimedji previsti mid-dritt tal-Unjoni sabiex jiżgura r-rispett ta’ dawn id-drittijiet, pereżempju billi jitlob informazzjoni. Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju stiednet lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara l-kwistjoni tal-legalità, minn naħa, tal-mod kif l-indirizzi IP tal-klijenti nġabru minn Mircom u, min-naħa l-oħra, tal-komunikazzjoni tad-data mitluba minn Mircom mingħand Telenet.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ssostni, l-ewwel nett, li tlugħ ta’ segmenti ta’ fajl tal-media fuq network peer-to-peer, bħal dak inkwistjoni, jikkostitwixxi tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fis-sens tad-dritt tal-Unjoni ( 1 ). It-tieni nett, detentur ta’ drittijiet ta’ proprjetà intelletwali bħal Mircom jista’ jibbenefika mis-sistema ta’ protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet, iżda t-talba tiegħu għal informazzjoni, b’mod partikolari, għandha tkun mhux abbużiva, iġġustifikata u proporzjonata ( 2 ). It-tielet nett, ir-reġistrazzjoni sistematika ta’ indirizzi IP tal-utenti ta’ tali network u l-komunikazzjoni tal-ismijiet u l-indirizzi postali tagħhom lil dan id-detentur jew lil terz sabiex ikun jista’ jiġi ppreżentat rikors għad-danni huma ammissibbli taħt ċerti kundizzjonijiet partikolari ( 3 ).

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja, li diġà tat deċiżjoni dwar il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” fil-kuntest tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur, tiċċara li t-tlugħ tas-segmenti, imniżżla preċedentement, ta’ fajl tal-media li jinkludi xogħol protett li juża network peer-to-peer jikkostitwixxi “tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ xogħol”, minkejja li dawn is-segmenti ma humiex utilizzabbli fihom infushom u li t-tlugħ jiġi ġġenerat awtomatikament, meta l-utent ikun abbona għas-software ta’ kondiviżjoni client‑BitTorrent filwaqt li jkun ta l-kunsens għall-applikazzjoni tiegħu wara li jkun debitament informat bil-karatteristiċi tiegħu.

Għandu jiġi ppreċiżat li kull utent tal-imsemmi network jista’ faċilment jikkostitwixxi mill-ġdid il-fajl oriġinali minn segmenti disponibbli fuq il-kompjuters tal-utenti l-oħra. Issa, billi jniżżel is-segmenti ta’ fajl, fl-istess ħin iqiegħdhom għad-dispożizzjoni sabiex jittellgħu minn utenti oħra. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-utent ma għandux effettivament iniżżel livell minimu ta’ segmenti u li kull att li permezz tiegħu jagħti, b’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi tal-aġir tiegħu, aċċess għal xogħlijiet protetti jista’ jikkostitwixxi att ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni. Fil-każ ineżami, dan huwa fil-fatt att bħal dan, peress li jirrigwarda numru indeterminat ta’ destinatarji potenzjali, jinvolvi numru pjuttost kbir ta’ persuni u jseħħ fir-rigward ta’ pubbliku ġdid. Din l-interpretazzjoni hija intiża sabiex jinżamm il-bilanċ ġust bejn l-interessi u d-drittijiet fundamentali tad-detenturi tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, minn naħa, u tal-utenti ta’ materjal protett, min-naħa l-oħra.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-detentur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, bħal Mircom, li kiseb dawn id-drittijiet permezz ta’ trasferiment ta’ krediti u li ma jużahomx, iżda jipprova jitlob danni mingħand persuni li allegatament ikunu wettqu ksur, jista’ jibbenefika, bħala prinċipju, mill-miżuri, mill-proċeduri u mir-rimedji previsti mid-dritt tal-Unjoni, sakemm it-talba tiegħu ma tkunx abbużiva. Il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li l-konstatazzjoni eventwali ta’ tali abbuż taqa’ taħt l-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju, li tista’ pereżempju tivverifika, għal dan il-għan, jekk l-azzjonijiet ġudizzjarji effettivament tressqux fil-każ ta’ rifjut ta’ soluzzjoni bonarja. Fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ talba għal informazzjoni, bħal dik ta’ Mircom, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li din ma tistax titqies li hija inammissibbli minħabba l-fatt li hija fformulata f’fażi prekontenzjuża. Madankollu, din it-talba għandha tiġi miċħuda jekk hija ma tkunx iġġustifikata u mhux proporzjonata, ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju. Permezz ta’ din l-interpretazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tfittex li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern.

Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li d-dritt tal-Unjoni la jipprekludi, bħala prinċipju, ir-reġistrazzjoni sistematika, mid-detentur ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali jew minn terz f’ismu, ta’ indirizzi IP ta’ utenti tan-networks peer-to-peer li l-konnessjonijiet tal-internet tagħhom allegatament ikunu ntużaw f’attivitajiet ta’ kontrafazzjoni (ipproċessar tad-data upstream), u lanqas il-komunikazzjoni tal-ismijiet u tal-indirizzi postali tal-utenti lil dan id-detentur jew għal terz għall-finijiet ta’ rikors għad-danni (ipproċessar tad-data downstream). Madankollu, l-inizjattivi u t-talbiet f’dan ir-rigward għandhom ikunu ġġustifikati, proporzjonati, mhux abbużivi u previsti minn miżura leġiżlattiva nazzjonali li tillimita l-portata tad-drittijiet u tal-obbligi li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li dan tal-aħħar ma jistabbilixxix l-obbligu għal kumpannija bħal Telenet li tikkomunika lil persuni privati d-data personali sabiex ikunu jistgħu jinbdew, quddiem il-qrati ċivili, proċeduri kontra l-ksur tad-drittijiet tal-awtur. Madankollu, id-dritt tal-Unjoni jippermetti lill-Istati Membri jimponu tali obbligu.


( 1 ) Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).

( 2 ) Artikoli 3(2) u 8 tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32).

( 3 ) Il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2), moqri flimkien mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 11, rettifika fil-ĠU 2013, L 241, p. 10).