SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

18 ta’ Marzu 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 90/314/KEE – It-tielet inċiż tal-Artikolu 5(2) – Vjaġġi, vaganzi u tours kollox kompriż – Kuntratt għal vjaġġ kollox kompriż konkluż bejn organizzatur tal-vjaġġi u konsumatur – Responsabbiltà tal-organizzatur tal-vjaġġi għall-eżekuzzjoni korretta tal-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt minn fornituri oħrajn ta’ servizzi – Danni li jirriżultaw mill-atti ta’ impjegat ta’ fornitur ta’ servizzi – Eżenzjoni minn responsabbiltà – Avveniment li ma jistax jiġi previst jew imwaqqaf mill-organizzatur tal-vjaġġi jew mill-fornitur ta’ servizzi – Kunċett ta’ ‘fornitur ta’ servizzi’”

Fil-Kawża C‑578/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Lulju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ Lulju 2019, fil-proċedura

X

vs

Kuoni Travel Ltd,

fil-preżenza ta’:

ABTA Ltd,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal (Relatriċi), President ta’ Awla, N. Wahl, F. Biltgen, L. S. Rossi u J. Passer, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal X, minn R. Weir u K. Deal, QC, kif ukoll minn P. Banks, solicitor,

għal Kuoni Travel Ltd, minn W. Audland, QC, N. Ross u A. Burin, barristers, kif ukoll minn G. Tweddle, solicitor,

għal ABTA Ltd, minn H. Stevens, QC, J. Hawkins, barrister, u T. Smith, solicitor,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Lewis u C. Valero, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑10 ta’ Novembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE tat‑13 ta’ Ġunju 1990 dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 10, p. 132).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn X, konsumatriċi residenti fir-Renju Unit, u Kuoni Travel Ltd (iktar ’il quddiem “Kuoni”), organizzatur tal-vjaġġi stabbilit fir-Renju Unit, fir-rigward ta’ talba għal kumpens għad-danni mressqa minn X minħabba l-eżekuzzjoni inkorretta tal-kuntratt dwar vjaġġ kollox kompriż konkluż bejn X u Kuoni (iktar ’il quddiem il-“kuntratt inkwistjoni”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Id-Direttiva 90/314 tiddikjara fl-ewwel sat-tielet u l-għaxar premessa tagħha:

“Billi wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-[Unjoni Ewropea] huwa li tikkompleta s-suq intern, li tiegħu s-settur tat-turiżmu huwa parti essenzjali;

Billi l-liġijiet nazzjonali ta’ l-Istati Membri fejn jidħlu vjaġġi kollox kompriż (package travel), vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż […] jixhdu ħafna disparitajiet u d-drawwiet nazzjonali f’dan il-qasam huma differenti ħafna, u dan jagħti lok għal ostakoli għall-libertà li jiġu provduti s-serviżżi f’dak li għandu x’jaqsam ma’ pakketti u għal tgħawwiġ ta’ kompetizzjoni fost l-operaturi f’dan il-qasam li jkunu stabbiliti f’diversi Stati Membri;

Billi t-twaqqif ta’ regoli komuni għall-pakketti għandu jikkontribwixxi biex jitneħħew dawn l-ostakoli u b’hekk jinkiseb suq komuni fis-servizzi, bir-riżultat li l-operaturi stabbiliti f’wieħed mill-Istati Membri jkunu jistgħu joffru s-servizzi tagħhom fl-Istati Membri l-oħra u l-konsumaturi tal-[Unjoni] jkunu jistgħu jgawdu minn kondizzjonijiet paragunabbli meta jkunu qed jixtru xi pakkett fi kwalunkwe Stat Membru;

[…]

Billi l-konsumatur għandu jkollu l-benefiċċju tal-protezzjoni li ddaħħlet b’din id-Direttiva irrispettivament minn jekk dan ikunx parti kontraenti diretta, trasferent jew membru ta’ grupp li f’ismu persuna oħra tkun ikkonkludiet xi kuntratt rigward pakkett;

[…]”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri relatati ma’ pakketti mibjugħa jew offruti għall-bejgħ fit-territorju tal-[Unjoni].”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

1.

‘pakkett’ tfisser it-tagħqid irranġat minn qabel ta’ mhux anqas minn tnejn minn dawn li ġejjin meta jinbiegħu jew jiġu offruti għall-bejgħ bi prezz inklużiv u meta s-servizz ikopri perjodu ta’ aktar minn erbgħa u għoxrin siegħa jew jinkludi akkomodazzjoni ta’ bil-lejl:

(a)

it-trasport;

(b)

l-akkommodazzjoni;

(ċ)

servizzi turistiċi oħra mhux anċillari għat-trasport jew l-akkomodazzjoni u li jammontaw għal parti sinifikanti tal-pakkett.

It-tqegħid tad-diversi komponenti ta’ l-istess pakkett f’kontijiet differenti ma jeħlisx lill-organizzatur jew lill-bejjiegħ mill-obbligazzjonijiet skond din id-Direttiva;

2.

‘l-organizzatur’ tfisser il-persuna li, barra milli darba fil, jorganizza pakketti u jbigħhom jew joffrihom għall-bejgħ, kemm jekk direttament kif ukoll jekk permezz ta’ bejjiegħ;

3.

‘il-bejjiegħ’ tfisser il-persuna li tbiegħ jew toffri għal bejgħ il-pakkett imlaqqa’ mill-organizzatur;

4.

‘il-konsumatur’ tfisser il-persuna li tieħu jew taċċetta li tieħu l-pakkett […] jew xi persuna oħra li f’isimha il-kuntrattur ewlieni jaċċetta li jixtri l-pakkett […] jew xi persuna li lilha l-kuntrattur ewlieni jew xi wieħed mill-benefiċjarji l-oħra jittrasferixxi il-pakkett […]

5.

‘il-kuntratt’ tfisser il-ftehim li jorbot lill-konsumatur ma’ l-organizzatur u/jew mal-bejjiegħ.”

6

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 90/314 jipprevedi:

“[Fil-każ fejn il-konsumatur jirtira mill-kuntratt konformement mal-paragrafu 5, jew jekk, għal xi raġuni tkun xi tkun, bl-esklużjoni ta’ tort tal-konsumatur, l-organizzatur iħassar il-pakkett qabel id-data tat-tluq miftiehma] huwa jkun intitolat, jekk ikun approprjat, li jiġi kkompensat jew mill-organizzatur jew mill-bejjiegħ, skond kif titlob il-liġi ta’ l-Istat Membru relevanti, talli l-kuntratt ma jkunx twettaq, ħlief meta:

[…]

(ii)

il-kanċellament, ħlief fil-każ ta’ prenotazzjoni eċċessiva, ikun għal raġunijiet ta’ force majeur, i.e. ċirkostanzi mhux tas-soltu u imprevedibbli li ma jkunux fil-kontroll tal-parti li tkun tiġġustifika, li l-konsegwenzi tagħhom ma jkunux setgħu jiġu evitati anke jekk tkun ittieħdet il-prekawzjoni kollha meħtieġa.”

7

L-Artikolu 5(1) sa (3) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li l-organizzatur u/jew il-parti kontraenti li qed tbigħ ikunu responsabbli mal-konsumatur għat-tħaddim approprjat ta’ l-obbligazzjonijiet li joħorġu mill-kuntratt, irrispettivament minn jekk dawn l-obbligazzjonijiet għandhomx jitwettqu minn dak l-organizzatur u/jew bejjiegħ jew minn xi fornituri oħra tas-servizzi mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ l-organizzatur u/jew tal-bejjiegħ li jduru fuq dawk il-fornituri l-oħra tas-servizzi.

2.   F’dak li għandu x’jaqsam mad-danni li jsofri l-konsumatur minħabba n-nuqqas ta’ tħaddim jew it-tħaddim ħażin tal-kuntratt, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li l-organizzatur u/jew il-bejjiegħ ikun/u responsabli kemm-il darba dan in-nuqqas li jitħaddem jew it-tħaddim ħażin ma jkunx dovut la għal xi tort tagħhom u lanqas għal dak ta’ xi fornitur ieħor tas-servizzi, għax:

in-nuqqasijiet li jseħħu fit-tħaddim tal-kuntratt ikunu dovuti għall-konsumatur,

dawn in-nuqqasijiet ikunu dovuti għal xi terza persuna li ma jkollhiex x’taqsam mal-provvista tas-servizzi mniżżla fil-kuntratt, u jkunu imprevedibbli jew inevitabbli,

dawn in-nuqqasijiet ikunu dovuti għal xi każ ta’ force majeur bħal dik li hemm definita f’Artikolu 4(6), it-tieni subparagrafu (ii), jew għal xi avveniment li l-organizzatur u/jew il-bejjiegħ jew il-proveditur tas-servizzi, ukoll bl-attenzjoni kollha approprjata, ma jkunx seta’ jipprevedi jew iwaqqaf minn qabel.

[…]

3.   Mingħajr preġudizzju għar-raba’ subparagrafu tal-paragrafu 2, ma jistgħux jitħallew barra permezz ta’ xi klawżola kuntrattwali xi disposizzjonijient tal-paragrafi 1 u 2.

[…]”

Id-dritt tar-Renju Unit

Ir-Regolament tal-1992

8

Il-Package Travel, Package Holidays and Package Tours Regulations 1992 (ir-Regolament tal-1992 dwar il-Vjaġġi, il-Vaganzi u t-Tours Kollox Kompriż, iktar ’il quddiem ir-“Regolament tal‑1992”) tat‑22 ta’ Diċembru 1992 ittraspona d-Direttiva 90/314 fid-dritt tar-Renju Unit.

9

L-Artikolu 15(1), (2) u (5) tar-Regolament tal-1992 jipprevedi:

“1.   Il-parti l-oħra fil-kuntratt hija responsabbli, fir-rigward tal-konsumatur, għall-eżekuzzjoni xierqa tal-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt, kemm jekk dawn l-obbligi għandhom jiġu eżegwiti minnha stess jew minn fornituri oħra ta’ servizzi, bla ħsara għal kull rikors jew dritt ta’ azzjoni li għandha din il-parti l-oħra kontra l-fornituri l-oħra ta’ servizzi.

2.   Il-parti l-oħra fil-kuntratt għandha tkun responsabbli, fir-rigward tal-konsumatur, għal kull dannu kkawżat lilu min-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew mill-eżekuzzjoni inkorretta tal-kuntratt, sakemm in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew l-eżekuzzjoni inkorretta la tkun dovuta għal nuqqas tal-parti l-oħra u lanqas għal nuqqas ta’ fornitur ieħor ta’ servizzi, minħabba li:

a)

in-nuqqasijiet li jseħħu fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt ikunu attribwibbli lill-konsumatur,

b)

in-nuqqasijiet ikunu dovuti għal terza persuna li ma jkollhiex x’taqsam mal-provvista tas-servizzi mniżżla fil-kuntratt, u jkunu imprevedibbli jew inevitabbli; jew

c)

dawn in-nuqqasijiet ikunu dovuti għal:

i)

ċirkustanzi mhux tas-soltu u imprevedibbli li ma jkunux fil-kontroll tal-parti li tinvokaha, li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux jiġu evitati minkejja li tkun ġiet applikata d-diliġenza kollha meħtieġa; jew

ii)

avveniment li l-parti l-oħra fil-kuntratt jew il-fornitur ta’ servizzi, anki bid-diliġenza kollha dovuta, ma setax jipprevedi jew iwaqqaf minn qabel.

[…]

5.   Bla ħsara għall-paragrafi 3 u 4, ir-responsabbiltà prevista fil-paragrafi 1 u 2 ma tistax tiġi eskluża bi klawżola tal-kuntratt.”

Il-Liġi tal-1982

10

Konformement mal-Artikolu 13 tas-Supply of Goods and Services Act 1982 (il-Liġi tal-1982 dwar il-Provvista ta’ Oġġetti u Servizzi) tat‑13 ta’ Lulju 1982, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, Kuoni kienet obbligata teżegwixxi s-servizzi stipulati fil-kuntratt b’diliġenza u kompetenza raġonevoli.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

X u żewġha kkonkludew il-kuntratt inkwistjoni ma’ Kuoni li permezz tiegħu din tal-aħħar impenjat ruħha li tipprovdi vjaġġ kollox kompriż fis-Sri Lanka li kien jinkludi titjiriet bir-ritorn mir-Renju Unit u akkomodazzjoni kollox kompriż għal ħmistax-il lejl f’lukanda, mit‑8 sat‑23 ta’ Lulju 2010.

12

L-Artikolu 2.2 ta’ dan il-kuntratt jipprovdi:

“Il-kuntratt tiegħek huwa ma’ [Kuoni]. Aħna nieħdu ħsieb li nipprovdulek diversi servizzi li jagħmlu parti mill-vjaġġ li inti tipprenota mal-kumpannija tagħna”.

13

Il-klawżola 5.10(b) tal-imsemmi kuntratt tipprevedi, minn naħa, li Kuoni tassumi r-responsabbiltà tagħha meta, “minħabba nuqqas imputabbli [lil din il-kumpannija] jew lil wieħed mill-aġenti jew fornituri tagħna, kwalunkwe parti mis-servizzi tal-vjaġġ ipprenotati qabel it-tluq mir-Renju Unit ma tkunx taqbel mad-deskrizzjoni tagħha fil-fuljett jew ma tkunx ta’ kwalità raġonevoli, jew ulterjorment jekk [il-parti kontraenti] jew membru tal-grupp [tagħha] imut jew iġarrab dannu minħabba attività li tifforma parti minn dawn is-servizzi tal-vjaġġ”, u, min-naħa l-oħra, li Kuoni tiċħad “kull responsabbiltà jekk, u sa fejn, kull nuqqas fil-provvista tas-servizzi tal-vjaġġ […], il-mewt jew id-dannu ma jkunx dovut għal nuqqas imputabbli lill-kumpannija jew lil wieħed mill-aġenti jew fornituri tagħna, iżda jkun [imputabbli lill-parti kontraenti] […] jew ikun dovut għal ċirkustanzi imprevisti li, anki bid-diliġenza kollha dovuta, [din] il-kumpannija […], l-aġenti jew il-fornituri tagħna ma setgħux jipprevedu jew jevitaw.”

14

Fis‑17 ta’ Lulju 2010, waqt li kienet miexja lejn ir-reception tal-lukanda li fiha kienet qed tirrisjedi, X iltaqgħet ma’ N, elettriċista, impjegat tal-lukanda, li kien fuq xogħol u kien liebes l-uniformi tal-membri tal-persunal tal-lukanda. Wara li ppropona lil X juriha triq iqsar għar-reception, N ġibidha lejn kamra tat-tagħmir tekniku fejn stupraha u aggredieha.

15

Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, X talbet danni mingħand Kuoni għall-istupru u għall-aggressjoni li hija kienet ġarrbet minħabba li dawn kienu jikkorrispondu għal eżekuzzjoni inkorretta tal-kuntratt inkwistjoni kif ukoll għal ksur tar-Regolament tal-1992. Kuoni kkontestat il-fatt li l-istupru u l-aggressjoni mwettqa minn N jistgħu jikkostitwixxu ksur tal-obbligi tagħha fir-rigward ta’ X bis-saħħa tal-kuntratt jew tar-Regolament tal-1992. Insostenn ta’ din il-kontestazzjoni, Kuoni invokat il-klawżola 5.10(b) tal-imsemmi kuntratt u l-Artikolu 15(2)(c)(ii) tar-Regolament tal-1992.

16

Il-High Court of Justice (England & Wales (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), ir-Renju Unit) ċaħdet ir-rikors għad-danni ta’ X minħabba li s-“servizzi tal-vjaġġ” li jinsabu fil-klawżola 5.10(b) tal-kuntratt ma kinux jirrigwardaw membru tal-persunal ta’ manutenzjoni li jakkumpanja klijent sar-reception. Barra minn hekk, din il-qorti kkunsidrat, f’obiter dictum, li, fi kwalunkwe każ, Kuoni setgħet invokat ir-raġuni għal eżenzjoni minn responsabbiltà prevista fl-Artikolu 15(2)(c)(ii) tar-Regolament tal-1992.

17

Fl-appell, il-Court of Appeal (England & Wales) (il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales), ir-Renju Unit) ukoll ċaħdet ir-rikors ta’ X. Din il-qorti kkunsidrat li membru tal-persunal tal-manutenzjoni tal-lukanda, irrikonoxxut bħala tali mill-klijent u li akkumpanja lil dan il-klijent sar-reception tal-lukanda, ma kienx jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola 5.10(b) tal-kuntratt inkwistjoni. Hija qieset ukoll li r-Regolament tal-1992 ma kienx intiż li jiffaċilita azzjoni legali kontra organizzatur tal-vjaġġi u bbażata fuq l-aġir żbaljat ta’ impjegat ta’ fornitur meta dan l-aġir ma kienx jagħmel parti “mix-xogħlijiet li għalihom huwa [kien] impjegat” u li dan il-fornitur ma kienx responsabbli għal persuna oħra bis-saħħa tad-dritt nazzjonali applikabbli għall-konsumaturi jew tad-dritt barrani applikabbli għall-imsemmi fornitur. Fl-aħħar nett, hija kkunsidrat, f’obiter dictum, li Kuoni la kienet responsabbli bis-saħħa tal-klawżola 5.10(b) tal-imsemmi kuntratt u lanqas skont l-Artikolu 15 tar-Regolament tal-1992 peress li N ma kienx “fornitur” fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

18

F’opinjoni dissidenti, imħallef tal-Court of Appeal (England & Wales) (il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales)) madankollu esprima dubji fir-rigward tal-evalwazzjoni li l-lukanda ma kinitx responsabbli, skont id-dritt Ingliż, għal stupru mwettaq minn impjegat bl-uniformi u li kien muri lill-pubbliku bħala impjegat affidabbli. Huwa kkunsidra li, skont dan id-dritt, il-persuna li tistabbilixxi r-responsabbiltà kuntrattwali tibqa’ personalment responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt, anki jekk din l-eżekuzzjoni titwettaq minn terz. Fir-rigward tad-Direttiva 90/314 huwa kkunsidra li din flimkien mar-Regolament tal-1992 kellhom essenzjalment bħala għan li jippermettu lit-turisti li l-vjaġġ tagħhom ikun ġie rvinat jieħdu azzjoni kontra l-parti l-oħra għall-kuntratt. Fil-fehma tiegħu, l-organizzatur tal-vjaġġi għandu jingħata l-kompitu li jsolvi l-konsegwenzi tal-vjaġġ irvinat mal-kontraenti tiegħu stess, fejn dawn tal-aħħar, sussegwentement, ikollhom ir-responsabbiltà li jsolvu l-problemi ulterjorment, mal-impjegati jew subappaltaturi tagħhom stess. Barra minn hekk, l-imsemmi mħallef sostna li xejn ma kien jiġġustifika l-konklużjoni li, fil-każ ta’ subappaltatur jew ta’ impjegat, il-kunċett ta’ “fornitur” għandu jkun limitat għal-lukanda kkonċernata. Huwa żied li ma kien hemm ebda dubju li ċerti impjegati għandhom jiġu kkunsidrati bħala fornituri.

19

Fl-appell, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) qieset li ġiet adita b’żewġ kwistjonijiet prinċipali dwar, fir-rigward tal-ewwel waħda, jekk l-istupru u l-aggressjoni mwettqa fuq X jikkostitwixxux eżekuzzjoni inkorretta tal-obbligi ta’ Kuoni bis-saħħa tal-kuntratt u, fir-rigward tat-tieni waħda, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, jekk Kuoni hijiex eżentata mir-responsabbiltà tagħha għall-aġir ta’ N, billi tinvoka l-klawżola 5.10(b) tal-kuntratt u, jekk ikun il-każ, l-Artikolu 15(2)(c) tar-Regolament tal-1992.

20

Sabiex tiddeċiedi dwar it-tieni kwistjoni, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) qieset li kellha tressaq talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

21

Għall-finijiet ta’ dan ir-rinviju, din il-qorti spjegat li kien hemm lok li jitqies li l-akkumpanjament ta’ X sar-reception minn membru tal-persunal tal-lukanda kien servizz li jaqa’ taħt is-“servizzi tal-vjaġġ” li Kuoni kienet impenjat ruħha li tipprovdi u li l-istupru u l-aggressjoni mwettqa jikkostitwixxu eżekuzzjoni inkorretta tal-kuntratt inkwistjoni.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

In-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew eżekuzzjoni ħażina [inkorretta] tal-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ organizzatur jew bejjiegħ bl-imnut ma’ konsumatur għall-provvista ta’ vjaġġ kollox kompriż li għalih tapplika d-Direttiva [90/314], fejn in-nuqqas’ ta’ eżekuzzjoni jew l-eżekuzzjoni ħażina [inkorretta] hija r-riżultat tal-azzjonijiet ta’ impjegat tal-kumpannija ta’ lukanda li tipprovdi servizzi relatati ma’ dan il-kuntratt:

a)

jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fit-tieni parti tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(2); u, fil-każ ta’ risposta affermattiva,

b)

abbażi ta’ liema kriterji l-qorti nazzjonali għandha tevalwa l-applikabbiltà ta’ din l-eżenzjoni?

2)

Meta organizzatur jew bejjiegħ bl-imnut jikkonkludi kuntratt ma’ konsumatur għall-provvista ta’ vjaġġ kollox kompriż li għalih tapplika d-Direttiva [90/314], u meta kumpannija ta’ lukanda tipprovdi servizzi relatati ma’ dan il-kuntratt, impjegat innifsu ta’ din il-kumpannija ta’ lukanda għandu jiġi kkunsidrat ‘fornitur tas-servizzi’ għall-finijiet tal-eżenzjoni taħt it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva [90/314]?”

Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura

23

Wara li ngħataw il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, Kuoni, permezz ta’ att sottomess fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑3 ta’ Diċembru 2020, talbet li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

24

F’din it-talba, Kuoni tispjega li tali ftuħ mill-ġdid għandu jiġi ordnat fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li din il-kawża għandha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ interpretazzjoni tat-terminu “avveniment” kif magħmula mill-Avukat Ġenerali fil-punti 78 sa 84 tal-konklużjonijiet tiegħu.

25

Bis-saħħa tal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari jekk tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill-partijiet tkun issottomettiet, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma ġiex diskuss.

26

Madankollu għandu jitfakkar li bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu jippreżenta pubblikament, bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, konformement mal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta minn dawn il-konklużjonijiet u lanqas mill-motivazzjoni li abbażi tagħha l-Avukat Ġenerali jasal għalihom (sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni, C‑742/18 P, EU:C:2020:628, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Barra minn hekk, l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura ma jipprevedux il-possibbiltà li jiġu ppreżentati osservazzjonijiet b’risposta għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali. In-nuqqas ta’ qbil mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ma jistax, konsegwentement, jikkostitwixxi fih innifsu raġuni li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali (sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni, C‑742/18 P, EU:C:2020:628, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

F’dan il-każ, il-partijiet fil-kawża prinċipali u l-partijiet l-oħra kkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kienu f’qagħda li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-portata tat-terminu “avveniment” li jinsab fit-tielet inċiż tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 90/314.

29

Fil-fatt, fil-kuntest tal-ewwel domanda magħmula, li tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u għalhekk l-interpretazzjoni ta’ kull waħda mit-termini tagħha, il-partijiet setgħu jissottomettu osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja u Kuoni kif ukoll partijiet oħra ssottomettew tali osservazzjonijiet. Fuq kollox ċerti partijiet ħadu speċifikament pożizzjoni fuq it-terminu “avveniment” fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom. Barra minn hekk, bi tweġiba għas-seba’ mistoqsija bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja lill-partijiet, dawn reġgħu mill-ġdid kellhom il-possibbiltà li jesprimu ruħhom dwar il-portata tal-imsemmija dispożizzjoni.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-elementi rilevanti kollha għall-finijiet tal-evalwazzjoni tad-domandi magħmula lilha mill-qorti tar-rinviju setgħu jiġu diskussi quddiemha u li għalhekk ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

Fuq id-domandi preliminari

31

Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tielet inċiż tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 90/314, sa fejn jipprevedi raġuni ta’ esklużjoni mir-responsabbiltà tal-organizzatur ta’ vjaġġ kollox kompriż mill-eżekuzzjoni korretta tal-obbligi li jirriżultaw minn kuntratt li jirrigwarda tali vjaġġ, konkluż bejn dan l-organizzatur u konsumatur u rregolat minn din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew ta’ eżekuzzjoni inkorretta ta’ dawn l-obbligi li jirriżultaw mill-atti ta’ impjegat ta’ fornitur ta’ servizzi li jeżegwixxi l-imsemmi kuntratt, dan l-impjegat għandu jiġi kkunsidrat bħala fornitur ta’ servizzi għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u l-organizzatur jista’ ma jitqiesx li huwa responsabbli għal tali nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew eżekuzzjoni inkorretta, skont din id-dispożizzjoni.

32

Fir-rigward tal-ewwel parti tad-domandi tal-qorti tar-rinviju, jeħtieġ li jiġi osservat li, skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 90/314, din għandha bħala għan l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri relatati mal-vjaġġi, il-vaganzi u t-tours kollox kompriż mibjugħa jew offerti għall-bejgħ fit-territorju tal-Unjoni.

33

Kif jirriżulta mill-Artikolu 2 tad-Direttiva 90/314, il-kuntratti msemmija fiha huma kuntratti konklużi bejn konsumatur, minn naħa, u organizzatur jew bejjiegħ bl-imnut, min-naħa l-oħra, li għandhom bħala suġġett pakkett li jikkonsisti fil-bejgħ bi prezz kollox kompriż ta’ servizz ta’ iktar minn 24 siegħa jew li jinkludi lejl li jgħaqqad mill-inqas tnejn mit-tliet elementi li jikkostitwixxu t-trasport, l-akkomodazzjoni u servizzi turistiċi oħra mhux anċillari għat-trasport jew għall-akkomodazzjoni li jirrappreżentaw parti sinjifikattiva mill-pakkett (iktar ’il quddiem il-“kuntratti ta’ vjaġġ kollox kompriż”).

34

Sabiex twettaq l-approssimazzjoni ddikjarata fl-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 90/314 tistabbilixxi b’mod partikolari sistema ta’ responsabbiltà kuntrattwali tal-organizzaturi tal-vjaġġi kollox kompriż fir-rigward tal-konsumaturi li kkonkludew magħhom kuntratt relatat ma’ tali vjaġġi. B’mod partikolari, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 90/314 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex l-organizzatur u/jew il-bejjiegħ li jkun jew ikunu parti f’tali kuntratt, ikun responsabbli fil-konfront tal-konsumatur għall-eżekuzzjoni korretta tal-obbligi li jirriżultaw minn dan il-kuntratt, irrispettivament minn jekk dawn l-obbligi għandhomx jitwettqu minnhom stess jew minn fornituri oħra ta’ servizzi. L-Artikolu 5(3) ta’ din id-direttiva jippreċiża barra minn hekk li wieħed ma jistax jidderoga minn din ir-responsabbiltà permezz ta’ klawżola kuntrattwali. L-uniċi derogi ammessi għaliha huma dawk iddikjarati b’mod limitattiv fl-Artikolu 5(2) tal-imsemmija direttiva.

35

L-Artikolu 5(1) u (3) tad-Direttiva 90/314 b’hekk jillimita l-libertà tal-partijiet f’kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż li jiddeterminaw il-kontenut tal-klawżoli kuntrattwali li japplikaw għalihom billi jimponu fuq l-organizzatur responsabbiltà fir-rigward tal-konsumatur f’dak li jirrigwarda l-eżekuzzjoni korretta ta’ dan il-kuntratt. Waħda mill-partikolaritajiet ta’ din ir-responsabbiltà hija li din tkopri l-eżekuzzjoni korretta tal-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż minn fornituri ta’ servizzi. Madankollu, id-Direttiva 90/314 ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ “fornitur ta’ servizzi” u lanqas ma tirreferi espressament għad-dritt tal-Istati Membri f’dan ir-rigward.

36

F’tali każ, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandhom normalment jingħataw interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Novo Banco, C‑253/19, EU:C:2020:585, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata tal-kliem li għalihom id-dritt tal-Unjoni ma jipprovdi ebda definizzjoni għandha tiġi stabbilita konformement mas-sens abitwali fil-lingwa ta’ kuljum tagħhom billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha jifformaw parti (sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2005, EasyCar, C‑336/03, EU:C:2005:150, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Skont is-sens abitwali tagħha fil-lingwa ta’ kuljum, l-espressjoni “fornitur ta’ servizzi”, li tinsab fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 90/314, tirreferi għal persuna fiżika jew ġuridika li tipprovdi servizzi bi ħlas. Kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, din it-tifsira hija kondiviża minn verżjonijiet lingwistiċi differenti ta’ din id-dispożizzjoni.

39

Barra minn hekk, dan is-sens huwa kkonfermat mill-kuntest li fih tidħol id-dispożizzjoni inkwistjoni. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 33 ta’ din is-sentenza, il-kuntratti ta’ vjaġġ kollox kompriż għandhom bħala għan il-provvista ta’ kombinazzjoni ta’ servizzi ta’ trasport, ta’ akkomodazzjoni u ta’ servizzi turistiċi oħra. Issa, l-obbligi li jirriżultaw minn dawn il-kuntratti fil-konfront tal-konsumatur u li huma s-suġġett tas-sistema ta’ responsabbiltà kuntrattwali prevista fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 90/314 jistgħu jiġu eżegwiti permezz ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, distinti mill-organizzatur, li jipprovdu servizzi bi ħlas.

40

L-għanijiet li d-Direttiva 90/314 tixtieq tilħaq li jikkonsistu b’mod partikolari, bis-saħħa tal-ewwel sat-tielet premessa tagħha, fl-eliminazzjoni tal-ostakoli għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, kif ukoll, skont l-għaxar premessa ta’ din id-direttiva, li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi (sentenza tas‑16 ta’ Frar 2012, Blödel-Pawlik, C‑134/11, EU:C:2012:98, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata) jikkorroboraw ukoll tali interpretazzjoni tat-termini “fornitur ta’ servizzi”, peress li din tiggarantixxi portata uniformi tar-responsabbiltà tal-organizzatur fil-konfront tal-konsumatur.

41

Madankollu, impjegat ta’ fornitur ta’ servizzi ma jistax huwa stess jiġi kkwalifikat bħala fornitur ta’ servizzi, fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 90/314, sa fejn huwa ma kkonkluda ebda ftehim mal-organizzatur tal-vjaġġi kollox kompriż, għall-finijiet ta’ provvista ta’ servizzi lilu, iżda jillimita ruħu li jwettaq xogħol f’isem fornitur ta’ servizzi li kkonkluda tali ftehim ma’ dan l-organizzatur b’tali mod li l-atti ta’ dan l-impjegat, meta huwa jwettaq dan ix-xogħol, ikunu intiżi, fil-parti l-kbira tal-każijiet, li jieħdu ħsieb l-eżekuzzjoni tal-obbligi li ntrabat bihom il-fornitur ta’ servizzi li jimpjegah.

42

Barra minn hekk, il-kelma “impjegat” tirreferi għal persuna li twettaq ix-xogħol tagħha fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ subordinazzjoni mal-persuna li timpjegah u għalhekk taħt il-kontroll tagħha. Issa, bħala definizzjoni, fornitur ta’ servizzi ma huwa suġġett għal ebda rabta ta’ subordinazzjoni meta huwa jipprovdi s-servizzi tiegħu b’tali mod li impjegat ma jistax jitqies li huwa fornitur ta’ servizzi għall-applikazzjoni tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 90/314.

43

Madankollu, il-fatt li impjegat ta’ fornitur ta’ servizzi ma jistax huwa stess jitqies bħala fornitur ta’ servizzi fil-kuntest tal-applikazzjoni tas-sistema ta’ responsabbiltà kuntrattwali stabbilita fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 90/314 ma jeskludix li l-atti jew l-ommissjonijiet ta’ dan l-impjegat jistgħu jiġu ekwiparati, għall-bżonnijiet ta’ din is-sistema, ma’ dawk tal-fornitur tas-servizzi li jimpjegah.

44

Sabiex jiġi evalwat jekk tali ekwiparazzjoni tistax issir, għandu, fl-ewwel lok, jiġi rrilevat li r-responsabbiltà tal-organizzatur stabbilita fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 90/314 tkopri biss l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż, kif iddefinit minn din id-direttiva, li dan l-organizzatur ikkonkluda ma’ dan il-konsumatur. Għaldaqstant, din ma taffettwax ir-responsabbiltà tal-partijiet f’dan il-kuntratt jew ta’ terzi, li tirriżulta minn obbligi jew sistemi oħra ta’ responsabbiltà, bħal dak tar-responsabbiltà kriminali.

45

Madankollu, fid-dawl tal-għan li għandu jintlaħaq mid-Direttiva 90/314, imfakkar fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, li jikkonsisti b’mod partikolari f’li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, l-obbligi li jirriżultaw minn kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż, li l-eżekuzzjoni jew in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tagħhom tinvolvi r-responsabbiltà tal-organizzatur, ma jistgħux jiġu interpretati b’mod restrittiv. L-imsemmija obbligi jinkludu l-obbligi kollha marbuta mal-provvista ta’ servizzi ta’ trasport, ta’ akkomodazzjoni u turistiċi li jirriżultaw mill-għan tal-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż, kemm jekk dawn l-obbligi għandhom jitwettqu mill-organizzatur innifsu jew minn fornituri ta’ servizzi.

46

F’dan ir-rigward, l-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-organizzatur iddikjarata fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 90/314 jimplika, kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-eżistenza ta’ rabta bejn l-att jew l-ommissjoni li kkawżat dannu lill-imsemmi konsumatur u l-obbligi tal-organizzatur li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż.

47

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-obbligi li jirriżultaw minn kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż imsemmi fid-Direttiva 90/314, kif ippreċiżati fil-punt 45 ta’ din is-sentenza jistgħu jiġu eżegwiti minn fornituri ta’ servizzi li jistgħu huma stess jaġixxu permezz tal-impjegati tagħhom li jinsabu taħt il-kontroll tagħhom. It-twettiq jew l-ommissjoni ta’ ċerti atti minn dawn l-impjegati jistgħu, għalhekk, jikkostitwixxu nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew eżekuzzjoni inkorretta tal-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż.

48

Konsegwentement, dan in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew din l-eżekuzzjoni inkorretta, minkejja li joriġinaw minn fatti mwettqa minn impjegati li jinsabu taħt il-kontroll ta’ fornitur ta’ servizzi, huwa ta’ natura li jagħti lok għar-responsabbiltà tal-organizzatur skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 90/314.

49

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi li għandu jintlaħaq mid-Direttiva 90/314. Fil-fatt, kif irrileva wkoll, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 62 tal-konklużjonijiet tiegħu, fl-assenza ta’ tali responsabbiltà, issir distinzjoni inġustifikata bejn ir-responsabbiltà tal-organizzaturi għall-fatti mwettqa mill-fornituri ta’ servizzi tagħhom meta dawn tal-aħħar jeżegwixxu huma stess obbligi li jirriżultaw minn kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż, minn naħa, u dik li tirriżulta mill-istess fatti mwettqa minn impjegati ta’ dawn il-fornituri ta’ servizzi li jeżegwixxu dawn l-obbligi, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil organizzatur jevita r-responsabbiltà tiegħu.

50

Għaldaqstant, bis-saħħa tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 90/314, in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew l-eżekuzzjoni inkorretta ta’ obbligu, li jirriżulta minn kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż, minn impjegat ta’ fornitur ta’ servizzi, jagħti lok għar-responsabbiltà tal-organizzatur ta’ dan il-vjaġġ fil-konfront tal-konsumatur li miegħu jkun ikkonkluda dan il-kuntratt, meta dan in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew din l-eżekuzzjoni inkorretta kkawżaw dannu lil dan il-konsumatur.

51

F’dan il-każ, kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tibda mill-premessa li l-akkumpanjament ta’ X sar-reception minn membru tal-persunal tal-lukanda kien servizz li jaqa’ taħt is-“servizzi tal-vjaġġ” li Kuoni kienet impenjat ruħha li tipprovdi bis-saħħa tal-kuntratt u li l-istupru u l-aggressjoni mwettqa minn N fuq X kienu jikkostitwixxu eżekuzzjoni inkorretta tal-kuntratt.

52

Minn dan isegwi li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, organizzatur tal-vjaġġi bħal Kuoni jista’ jinżamm responsabbli fir-rigward ta’ konsumatur bħal X għal eżekuzzjoni inkorretta tal-kuntratt li jorbot lill-partijiet, fil-każ fejn dan joriġina minn aġir ta’ impjegat ta’ fornitur ta’ servizzi, li jwettaq l-obbligi li jirriżultaw mill-imsemmi kuntratt.

53

Fir-rigward tat-tieni parti tad-domandi tal-qorti tar-rinviju, imsemmija fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 90/314 jipprevedi derogi mir-responsabbiltà ta’ organizzatur tal-vjaġġi kollox kompriż. Bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni l-organizzatur huwa responsabbli għad-danni li jsofri l-konsumatur min-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew mill-eżekuzzjoni inkorretta tal-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż, sakemm dan in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew l-eżekuzzjoni inkorretta la jkun dovut għal tort tiegħu u lanqas għal dak ta’ fornitur ieħor ta’ servizzi minħabba li waħda mir-raġunijiet għal eżenzjoni tar-responsabbiltà msemmija f’din id-dispożizzjoni tkun applikabbli għalih.

54

Fost ir-raġunijiet għal eżenzjoni hemm dik iddikjarata fit-tielet inċiż tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 90/314 li tirreferi għas-sitwazzjonijiet fejn in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew l-eżekuzzjoni inkorretta tal-kuntratt huma dovuti għal avveniment li l-organizzatur jew il-fornitur ta’ servizzi, bid-diliġenza kollha neċessarja, ma setax jipprevedi jew iwaqqaf minn qabel.

55

F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punti 19 u 31 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, meta organizzatur ta’ vjaġġi kollox kompriż ikun inkariga l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt, li jorbtu ma’ żewġ konsumaturi, lil fornitur ta’ servizzi ta’ lukanda u meta impjegat ta’ dan il-fornitur ta’ servizzi jkun wettaq stupru u aggressjoni fuq wieħed minn dawn iż-żewġ konsumaturi, din iċ-ċirkustanza tistax tikkostitwixxi avveniment imprevedibbli jew inevitabbli, fis-sens ta’ din ir-raġuni għal eżenzjoni.

56

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, peress li l-imsemmija raġuni għal eżenzjoni tidderoga mir-regola li tipprevedi r-responsabbiltà tal-organizzaturi, stabbilita fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 90/314, hija għandha tkun suġġetta għal interpretazzjoni stretta (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2020, Pensionsversicherungsanstalt (Waqfien ta’ attività wara l-età tal-irtirar), C‑32/19, EU:C:2020:25, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 36 u 37 ta’ din is-sentenza, din ir-raġuni għal eżenzjoni għandha, fin-nuqqas ta’ riferiment għad-dritt nazzjonali, tiġi interpretata b’mod awtonomu u uniformi billi jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha iżda wkoll il-kuntest li fih tinsab u l-għan li d-Direttiva 90/314 għandha l-intenzjoni li tilħaq.

58

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, mill-kliem tat-tielet inċiż tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 90/314 jirriżulta li l-avveniment imprevedibbli jew inevitabbli msemmi f’din id-dispożizzjoni huwa differenti mill-każ ta’ forza maġġuri. Fil-fatt, l-imsemmija dispożizzjoni tiddikjara bħala raġuni għal eżenzjoni distinta l-każ ta’ forza maġġuri u tiddefinixxiha billi tagħmel riferiment għall-punt ii) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(6) ta’ din id-direttiva, bħala ċirkustanzi mhux fil-kontroll tal-parti li tinvokaha, mhux tas-soltu u imprevedibbli, li l-konsegwenzi tagħhom ma jkunux setgħu jiġu evitati minkejja l-użu tal-prekawzjoni kollha meħtieġa. Il-konġunzjoni disġuntiva “jew” imqiegħda bejn il-forza maġġuri msemmija fl-ewwel parti tat-tielet inċiż tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 90/314 u l-avveniment imprevedibbli jew inevitabbli ċċitat fit-tieni parti ta’ din id-dispożizzjoni teskludi li l-imsemmi avveniment jista’ jiġi ekwiparat għal każ ta’ forza maġġuri.

59

It-tieni nett, it-tielet inċiż tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 90/314 jeżenta lill-organizzatur mill-obbligu li jikkumpensa lill-konsumatur għal danni kkawżati jew minn avvenimenti imprevedibbli, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk humiex normali, jew minn avvenimenti li huma inevitabbli, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dawn humiex prevedibbli jew normali.

60

It-tielet nett, mill-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 90/314 jirriżulta li r-raġunijiet għal eżenzjoni elenkati fl-inċiżi differenti ta’ din id-dispożizzjoni jispeċifikaw il-każijiet preċiżi li fihom in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew l-eżekuzzjoni inkorretta tal-obbligi li jirriżultaw minn kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż la huma imputabbli lill-organizzatur u lanqas lil fornitur ieħor ta’ servizzi peress li ebda tort ma jista’ jiġi imputat lilhom. Din l-assenza ta’ tort timplika li l-avveniment inevitabbli jew imprevedibbli msemmi fit-tielet inċiż tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 90/314 għandu jiġi interpretat bħala li jirreferi għal fatt jew inċident li ma jaqax fl-isfera ta’ kontroll tal-organizzatur jew tal-fornitur ta’ servizzi.

61

Issa, peress li, għar-raġunijiet esposti fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, l-atti jew l-ommissjonijiet ta’ impjegat ta’ fornitur ta’ servizzi waqt l-eżekuzzjoni ta’ obbligi li jirriżultaw minn kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż li jagħtu lok għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew eżekuzzjoni inkorretta tal-imsemmija obbligi tal-organizzatur fil-konfront tal-konsumatur jaqgħu taħt dan l-isfera ta’ kontroll, dawn l-atti jew dawn l-ommissjonijiet ma jistgħux jitqiesu bħala avvenimenti inevitabbli jew imprevedibbli fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 90/314.

62

Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li t-tielet inċiż tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 90/314 ma jistax jiġi invokat sabiex l-organizzaturi jiġu eżentati mill-obbligu tagħhom li jikkumpensaw id-danni kkawżati lil konsumaturi minħabba n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew l-eżekuzzjoni inkorretta ta’ obbligi li jirriżultaw minn kuntratti ta’ vjaġġ kollox kompriż konklużi ma’ dawn l-organizzaturi, meta dawn in-nuqqasijiet jirriżultaw minn atti jew ommissjonijiet ta’ impjegati ta’ fornituri ta’ servizzi li jeżegwixxu l-imsemmija obbligi.

63

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li t-tielet inċiż tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 90/314, sa fejn jipprevedi raġuni għal eżenzjoni mir-responsabbiltà tal-organizzatur ta’ vjaġġ kollox kompriż mill-eżekuzzjoni korretta tal-obbligi li jirriżultaw minn kuntratt li jirrigwarda tali vjaġġ, konkluż bejn dan l-organizzatur u konsumatur u rregolat minn din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew ta’ eżekuzzjoni inkorretta ta’ dawn l-obbligi li jirriżultaw mill-atti ta’ impjegat ta’ fornitur ta’ servizzi li jeżegwixxi dan il-kuntratt:

dan l-impjegat ma jistax jitqies li huwa fornitur ta’ servizzi għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, u

l-organizzatur ma jistax jeżenta ruħu mir-responsabbiltà tiegħu li tirriżulta minn tali nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew eżekuzzjoni inkorretta, b’applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni.

Fuq l-ispejjeż

64

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

It-tielet inċiż tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE tat‑13 ta’ Ġunju 1990 dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż, sa fejn jipprevedi raġuni għal eżenzjoni mir-responsabbiltà tal-organizzatur ta’ vjaġġ kollox kompriż mill-eżekuzzjoni korretta tal-obbligi li jirriżultaw minn kuntratt li jirrigwarda tali vjaġġ, konkluż bejn dan l-organizzatur u konsumatur u rregolat minn din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew ta’ eżekuzzjoni inkorretta ta’ dawn l-obbligi li jirriżultaw mill-atti ta’ impjegat ta’ fornitur ta’ servizzi li jeżegwixxi dan il-kuntratt:

 

dan l-impjegat ma jistax jitqies li huwa fornitur ta’ servizzi għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, u

l-organizzatur ma jistax jeżenta ruħu mir-responsabbiltà tiegħu li tirriżulta minn tali nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew eżekuzzjoni inkorretta, b’applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.