Kawża C‑546/19
BZ
vs
Westerwaldkreis
(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht)
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-3 ta’ Ġunju 2021
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Politika tal-immigrazzjoni – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment – Direttiva 2008/115/KE – Artikolu 2(1) – Kamp ta’ applikazzjoni – Ċittadin ta’ pajjiż terz – Kundanna kriminali fl-Istat Membru – Artikolu 3(6) – Projbizzjoni ta’ dħul – Raġunijiet ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika – Revoka tad-deċiżjoni ta’ ritorn – Legalità tal-projbizzjoni fuq id-dħul”
Domandi preliminari – Ammissibbiltà – Limiti – Domandi manifestament irrilevanti u domandi ipotetiċi magħmula f’kuntest li jeskludi risposta utli
(Artikolu 267 TFUE)
(ara l-punt 38)
Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-immigrazzjoni – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment – Direttiva 2008/115 – Kamp ta’ applikazzjoni – Projbizzjoni ta’ dħul għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika u ta’ ordni pubbliku – Stat Membru li ma għamilx użu mill-fakultà li d-direttiva msemmija ma tiġix applikata fir-rigward taċ-ċittadini li huma s-suġġett ta’ sanzjoni kriminali li tipprevedi jew li għandha bħala konsegwenza r-ritorn tagħhom – Inklużjoni
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/115, Artikolu 2(1), u l-paragrafu 2 tal-Artikolu 3)
(ara l-punti 44 sa 48, u d-dispożittiv 1)
Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-immigrazzjoni – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment – Projbizzjoni ta’ dħul – Punt ta’ bidu tal-effetti tal-imsemmija projbizzjoni ta’ dħul – Data tat-tluq effettiv tal-persuna kkonċernata mit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/115, paragrafu 3 tal-Artikolu 3)
(ara l-punt 52)
Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-immigrazzjoni – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment – Deċiżjoni ta’ ritorn adottata kontra tali ċittadin, li tinkludi projbizzjoni ta’ dħul deċiża minħabba kundanna kriminali jew minħabba perikolu għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà nazzjonali – Ċittadin li ma telaqx effettivament mit-territorju tal-Istati Membri – Żamma fis-seħħ tal-projbizzjoni ta’ dħul wara l-irtirar ta’ deċiżjoni ta’ ritorn – Inammissibbiltà
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/115, Artikolu 1, paragrafi 3 u 6 tal-Artikolu 3, u Artikolu 11(1))
(ara l-punti 54, 56 sa 61, u d-dispożittiv 2).
Sunt
BZ, ċittadin ta’ pajjiż terz, ilu jirrisjedi fil-Ġermanja mill-1990. Minkejja li kien ilu minn din id-data suġġett għall-obbligu li jitlaq mit-territorju, huwa baqa jgħix f’dan l-Istat Membru abbażi ta’ “sospensjoni provviżorja ta’ tkeċċija”, li ġiet imġedda regolarment, abbażi tad-dritt nazzjonali.
Fl-2013, BZ ġie kkundannat għal piena li ċċaħħad il-libertà minħabba sostenn għat-terroriżmu u, fl-2014, huwa bbenefika minn sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-kumplament tal-piena tiegħu.
Minħabba din il-kundanna kriminali, il-Westerwaldkreis (id-distrett ta’ Westerwald, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Frar 2014, ordna t-tkeċċija ta’ BZ u ordna projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza fil-Ġermanja għal perijodu ta’ sitt snin, imnaqqas iktar tard għal erba’ snin, mid-data li fiha BZ ikun effettivament telaq mit-territorju Ġermaniż, u limitata sa mhux iktar tard mill-21 ta’ Lulju 2023. Fl-istess ħin, id-distrett ta’ Westerwald bagħat lil BZ ordni sabiex jitlaq mit-territorju taħt piena ta’ tneħħija, li dan madankollu rtira fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva ta’ oppożizzjoni.
Peress li r-rikors ippreżentat kontra l-miżuri adottati fir-rigward tiegħu ġie miċħud, BZ appella mid-deċiżjoni ta’ ċaħda quddiem l-Oberverwaltungsgericht Rheinland-Pfalz (il-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Rheinland-Pfalz, il-Ġermanja).
Applikazzjoni għall-ażil ta’ BZ ġiet miċħuda fl-2017 mill-awtorità kompetenti Ġermaniża bħala manifestament infondata. Din l-awtorità kkonstatat ukoll li BZ ma setgħax jintbagħat lura fis-Sirja, peress li l-kundizzjonijiet ta’ projbizzjoni ta’ tkeċċija kienu ssodisfatti fir-rigward ta’ dan il-pajjiż.
Peress li l-appell intiż għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija u għall-iffissar tat-tul tal-projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza ġie miċħud permezz ta’ sentenza tal-5 ta’ April 2018, BZ ippreżentat appell għal “Reviżjoni” kontra din is-sentenza quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja). Din il-qorti, minn naħa, ċaħdet ir-rikors għal “Reviżjoni” ta’ BZ, sa fejn dan ir-rikors kien jirrigwarda d-deċiżjoni ta’ tkeċċija adottata fil-konfront tiegħu, li b’hekk saret definittiva. Min-naħa l-oħra, hija kompliet il-proċedura għal “Reviżjoni” sa fejn din kienet tirrigwarda d-deċiżjoni li jitnaqqas għal erba’ snin minn eventwali tluq ta’ BZ mit-territorju Ġermaniż, u sa mhux iktar tard mill-21 ta’ Lulju 2023, it-tul tal-projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza li takkumpanja dan id-digriet.
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Direttiva dwar ir-ritorn ( 1 ) tapplikax għal projbizzjoni fuq id-dħul bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża, deċiża kontra ċittadin ta’ pajjiż terz għal finijiet “mhux relatati mal-migrazzjoni”. Id-dubji tagħha jirriżultaw mill-fatt li, skont il-“Manwal dwar ir-Ritorn” tal-Kummissjoni ( 2 ), ir-regoli applikabbli għall-projbizzjonijiet fuq id-dħul marbuta mar-ritorn ( 3 ) skont id-Direttiva dwar ir-ritorn “ma jaffettwawx il-projbizzjonijiet fuq id-dħul maħruġin għal skopijiet mhux marbutin mal-migrazzjoni”. Hija tindika madankollu li l-Ġermanja ma għamlitx użu mill-possibbiltà mogħtija lill-Istati Membri mill-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva dwar ir-ritorn, li ma japplikawx l-imsemmija direttiva għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi suġġetti għal sanzjoni kriminali li tipprevedi jew li għandha bħala konsegwenza r-ritorn tagħhom, skont id-dritt nazzjonali.
Jekk ikun il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni taż-żamma ta’ projbizzjoni fuq id-dħul ( 4 ), deċiża minn Stat Membru kontra ċittadin ta’ pajjiż terz li jinsab fit-territorju tiegħu u li huwa s-suġġett ta’ ordni ta’ tkeċċija, li tkun saret definittiva, meta d-deċiżjoni ta’ ritorn adottata fir-rigward ta’ dan iċ-ċittadin mill-imsemmi Stat Membru tkun ġiet irtirata. F’dan ir-rigward, hija tippreċiża li, fid-dritt Ġermaniż, ordni ta’ tkeċċija ma tikkostitwixxix “deċiżjoni ta’ ritorn” ( 5 ) fis-sens tad-Direttiva dwar ir-ritorn, bid-differenza ta’ ordni ta’ tluq mit-territorju taħt piena ta’ tneħħija.
Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja kjarifiki dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar ir-ritorn u r-rabta stabbilita hemmhekk bejn il-projbizzjoni fuq id-dħul u d-deċiżjoni ta’ ritorn.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li projbizzjoni fuq id-dħul u ta’ residenza, deċiża minn Stat Membru li ma użax il-fakultà mogħtija lilu mill-Artikolu 2(2)(b) ta’ din id-direttiva, kontra ċittadin ta’ pajjiż terz li jinsab fit-territorju tiegħu u li jkun is-suġġett ta’ ordni ta’ tkeċċija għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika u ta’ ordni pubbliku, abbażi ta’ kundanna kriminali preċedenti, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar ir-ritorn.
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li, konformement mal-Artikolu 2(1) tagħha, id-Direttiva dwar ir-ritorn, tapplika għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment fit-territorju ta’ Stat Membru. Fid-dawl tad-definizzjoni tas-“soġġorn illegali” fid-Direttiva dwar ir-ritorn, kull ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa preżenti fit-territorju ta’ Stat Membru mingħajr ma jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ dħul, ta’ soġġorn jew ta’ residenza fih, jinsab, minħabba dan il-fatt biss, f’soġġorn irregolari u, għaldaqstant, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva.
Minn dan isegwi li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva huwa ddefinit b’riferiment biss għas-sitwazzjoni ta’ residenza irregolari li jinsab fiha ċittadin ta’ pajjiż terz, indipendentement mir-raġunijiet li wasslu għal din is-sitwazzjoni jew mill-miżuri li jistgħu jiġu adottati fir-rigward ta’ dan iċ-ċittadin. Issa, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar ir-ritorn ma jistax jiġi emendat permezz ta’ rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, nieqsa minn effett vinkolanti.
Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li d-Direttiva dwar ir-ritorn tipprekludi ż-żamma fis-seħħ ta’ projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza, imposta minn Stat Membru kontra ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun jinsab fit-territorju tiegħu u li jkun is-suġġett ta’ ordni ta’ tkeċċija, li tkun saret definittiva, adottata għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika u ta’ ordni pubbliku abbażi ta’ kundanna kriminali preċedenti, meta d-deċiżjoni ta’ ritorn adottata fir-rigward ta’ dan iċ-ċittadin mill-imsemmi Stat Membru tkun ġiet irtirata, minkejja li din id-deċiżjoni ta’ tkeċċija tkun saret definittiva.
Biex tasal għal din il-konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li mid-Deċiżjoni dwar ir-Ritorn ( 6 ) jirriżulta li projbizzjoni ta’ dħul hija maħsuba sabiex tikkompleta deċiżjoni ta’ ritorn, billi tipprojbixxi lill-persuna kkonċernata għal żmien determinat wara r-“ritorn” tagħha, kif iddefinit mid-Direttiva, u għalhekk wara t-tluq tagħha mit-territorju tal-Istati Membri, milli tidħol mill-ġdid f’dan it-territorju u li sussegwentement tissoġġorna hemmhekk. Konsegwentement, projbizzjoni fuq id-dħul tipproduċi l-effetti tagħha biss mill-mument li fih il-persuna kkonċernata effettivament titlaq mit-territorju tal-Istati Membri.
F’dan il-każ, il-projbizzjoni fuq id-dħul imposta kontra BZ ma għadhiex takkumpanja deċiżjoni ta’ ritorn. Sa fejn projbizzjoni fuq id-dħul li tirriżulta mid-Direttiva dwar ir-ritorn ma tistax tipproduċi l-effetti legali tagħha ħlief wara l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn, din ma tistax tibqa’ fis-seħħ wara l-irtirar ta’ din id-deċiżjoni.
Minn dan isegwi li, meta Stat Membru jiġi kkonfrontat b’ċittadin ta’ pajjiż terz li jinsab fit-territorju tiegħu mingħajr permess ta’ residenza validu, huwa għandu jiddetermina jekk għandux jingħata permess ta’ residenza ġdid lil dan iċ-ċittadin. Jekk dan ma jkunx il-każ, dan ikollu jadotta fir-rigward tal-imsemmi ċittadin deċiżjoni ta’ ritorn li, skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva dwar ir-ritorn, tista’ jew għandha tkun akkumpanjata minn projbizzjoni ta’ dħul, fis-sens tal-punt 6 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva.
Il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li jmur kontra d-Direttiva dwar ir-ritorn li tiġi ttollerata l-eżistenza ta’ status intermedjarju ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru mingħajr dritt jew permess ta’ residenza u, jekk ikun il-każ, ikunu suġġetti għal projbizzjoni ta’ dħul, mingħajr ma tibqa’ teżisti ebda deċiżjoni ta’ ritorn valida fir-rigward tagħhom. Il-fatt li ordni ta’ tkeċċija, bħal dik li huwa s-suġġett tagħha BZ, saret definittiva, ma jistax jiġġustifika ż-żamma fis-seħħ ta’ projbizzjoni fuq id-dħul, filwaqt li, fir-rigward ta’ BZ, ma teżisti ebda deċiżjoni ta’ ritorn.
Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw ukoll fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment fit-territorju ta’ Stat Membru li, bħal BZ, ma jistgħux jitneħħew għaliex il-prinċipju ta’ non-refoulement jipprekludi dan. Fil-fatt, skont id-direttiva, dan il-fatt ma jiġġustifikax in-nuqqas ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn fir-rigward ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz f’tali sitwazzjoni, iżda biss il-posponiment tat-tneħħija tiegħu, b’eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni.
( 1 ) Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar ir-ritorn”).
( 2 ) Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2338 tas-16 ta’ Novembru 2017 li tistabbilixxi “Manwal dwar ir-Ritorn” li għandu jintuża mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri meta jkunu qegħdin iwettqu l-kompiti relatati mar-ritorn (ĠU 2017, L 339, p. 83).
( 3 ) Li jindika l-projbizzjonijiet fuq id-dħul marbuta mal-ksur tar-regoli ta’ migrazzjoni fl-Istati Membri.
( 4 ) Iddefinita, fil-punt 6 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar ir-ritorn, bħala deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju li jipprojbixxi dħul lejn u soġġorn fit-territorju tal-Istati Membri għal perijodu speċifikat, li jakkumpanja deċiżjoni ta’ ritorn.
( 5 ) Iddefinita fil-punt 4 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar ir-ritorn bħala deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju, li jgħid jew jiddikjara li s-soġġorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz hija illegali u li jimponi jew jiddikjara l-obbligu ta’ ritorn.
( 6 ) Preċiżament, l-Artikolu 3(4) u (6) u l-Artikolu 11(1) tagħha.