SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

6 ta’ Ottubru 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali – Assigurazzjoni għall‑mard – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 20(1) u (2) – Kura medika rċevuta fi Stat Membru differenti minn dak tar-residenza tal-persuna assigurata – Awtorizzazzjoni minn qabel – Kundizzjonijiet – Rekwiżit ta’ rapport maħruġ minn tabib li jagħmel parti mis-sistema pubblika ta’ assigurazzjoni għall‑mard nazzjonali li jippreskrivi trattament – Preskrizzjoni, għall-finijiet tat‑tieni opinjoni medika, maħruġa fi Stat Membru differenti minn dak tar‑residenza tal-persuna assigurata, ta’ trattament alternattiv li għandu l-vantaġġ li ma jikkawżax diżabbiltà – Rimbors sħiħ tal-ispejjeż mediċi relatati ma’ dan it‑trattament alternattiv – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Artikolu 56 TFUE”

Fil-Kawża C‑538/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Constanţa (il-Qorti tal-Appell ta’ Constanța, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Lulju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Lulju 2019, fil-proċedura

TS,

UT,

VU

vs

Casa Naţională de Asigurări de Sănătate,

Casa de Asigurări de Sănătate Constanţa,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, N. Piçarra (Relatur), D. Šváby, S. Rodin u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal TS, UT u VU, minn T. Haşotti, avocat,

għall-Casa Naţională de Asigurări de Sănătate, minn V. Ciurchea, bħala aġent,

għall-Casa de Asigurări de Sănătate Constanţa, minn I. Constantin, M. Ciobanu u M. Lipici, bħala aġenti,

għall-Gvern Rumen, inizjalment minn E. Gane, R. I. Haţieganu u A. Rotăreanu kif ukoll minn C.‑R. Canţăr, sussegwentement minn E. Gane, R. I. Haţieganu u A. Rotăreanu, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin kif ukoll minn C. Gheorghiu u A. Szmytkowska, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE u tal-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 988/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 (ĠU 2009, L 284, p. 43) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 883/2004”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn TS, UT u VU, werrieta ta’ ZY, u l-Casa Naţională de Asigurări de Sănătate (il-Fond Nazzjonali tal-Assigurazzjoni għall-Mard, ir-Rumanija) u l-Casa de Asigurări de Sănătate Constanţa (il-Fond ta’ Assigurazzjoni għall-Mard ta’ Constanţa, ir-Rumanija) dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li tirrimborsahom l-ispejjeż kollha tat-trattament mediku mogħti lil ZY fl-Awstrija.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 883/2004

3

Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 883/2004:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(j)

‘residenza’ tfisser il-post fejn persuna għandha r-residenza abitwali tagħha;

(k)

‘żjara’ tfisser residenza temporanja;

(l)

‘leġislazzjoni’ tfisser, fir-rigward ta’ kull Stat Membru, liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet statutorji oħra u kull miżuri ta’ implimentazzjoni oħra kollha marbutin mal-fergħat tas-sigurtà soċjali koperti mill-Artikolu 3(1).

[…]

(p)

‘istituzzjoni’ tfisser, fir-rigward ta’ kull Stat Membru, l-organu jew l-awtorità responsabbli mill-applikazzjoni tal-leġislazzjoni kollha jew ta’ parti minnha;

(q)

‘istituzzjoni kompetenti’ tfisser:

(i)

l-istituzzjoni li l-persuna konċernat jkun assigurat magħha meta ssir l-applikazzjoni għal benefiċċju; jew;

[…]

(s)

‘Stat Membru kompetenti’ tfisser l-Istat Membru fejn tinstab l-istituzzjoni kompetenti;

[…]

(va) ‘benefiċċji in natura’ tfisser:

i)

għall-finijiet tat-Titolu III, Kapitolu 1 (benefiċċji marbutin mal-mard, benefiċċji ta’ maternità u benefiċċji ekwivalenti ta’ paternità), il-benefiċċji in natura previsti taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li huma maħsuba biex jiġu fornuti, jitqiegħdu għad-dispożizzjoni, iħallsu direttament jew iħallsu lura l-ispejjeż għall-kura medika u prodotti u servizzi anċillari għal dik il-kura. Dan jinkudi benefiċċji in natura ta’ kura għal perijodu fit-tul.

[…]”

4

L-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-fergħat li ġejjin tas-sigurtà soċjali:

(a)

benefiċċji marbutin mal-mard;

[…]”

5

L-Artikolu 20 tal-imsemmi regolament, intitolat “Vjaġġar bl-iskop li jingħataw benefiċċji mogħtija in natura – awtorizzazzjoni biex jingħata trattament xieraq barra l-Istat Membru ta’ residenza”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Sakemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, persuna assigurata li tivjaġġa lejn Stat Membru ieħor bl-iskop li tirċievi benefiċċji mogħtija in natura waqt iż-żjara tagħha, għandha tikseb awtorizzazzjoni mill-istituzzjoni kompetenti.

2.   Persuna assigurata litkun awtorizzata mill-istituzzjoni kompetenti biex tmur fi Stat Membru ieħor bil-għan li tirċievi t-trattament xieraq għall-kondizzjoni tagħha, għandha tirċievi l-benefiċċji mogħtija in natura mogħtija, f’isem l-istituzzjoni kompetenti, mill-istituzzjoni tal-post taż-żjara, skond id-disposizzjonijiet li dina tapplika, bħallikieku kienet assigurata taħt din il-leġislazzjoni. L-awtorizzazzjoni għandha tingħata fejn it-trattament konċernat huwa fost il-benefiċċji mogħtija mil-leġislazzjoni fl-Istat Membru fejn il-persuna konċernata jkollha l-post tar-residenza tagħha u fejn din il-persuna ma tistax tingħata dan it-trattament fi żmien li jista’ jkun ġustifikat fuq raġunijiet mediċi. L-istat preżenti tas-saħħa tal-persuna u l-iżvilupp probabbli tal-marda tagħha għandha jittieħdu in konsiderazzjoni.”

Ir-Regolament (KE) Nru 987/2009

6

L-Artikolu 26 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 (ĠU 2009, L 284, p. 1), intitolat “Kura ppjanata”, jipprevedi, fil-paragrafu 4 tiegħu:

“Fi kwalunkwe ħin matul il-proċedura tal-għoti tal-awtorizzazzjoni, l-istituzzjoni kompetenti għandha tirriżerva d-dritt li teżamina l-persuna assigurata permezz ta’ tabib tal-għażla tagħha stess fl-Istat Membru taż-żjara jew ta’ residenza.”

Id-dritt Rumen

Id-Digriet Nru 592/2008

7

Id-Digriet Nru 592/2008 tal-President tal-Fond Nazzjonali ta’ Assigurazzjoni għall-Mard tas-26 ta’ Awwissu 2008 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 648 tal-11 ta’ Settembru 2008), jistabbilixxi l-modalitajiet għall-użu, fil-kuntest tas-sistema ta’ assigurazzjoni għall-mard Rumena, tal-formoli maħruġa skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fil-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3) kif ukoll tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72 tal-21 ta’ Marzu 1972 li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 83). Dawn il-modalitajiet ta’ użu jinsabu fl-Anness ta’ dan id-digriet.

8

L-Artikolu 40(1)(b) u (3) ta’ dan l-anness jipprovdi:

“1.   Il-formola E 112 hija intiża:

[…]

(b)

għall-ħaddiema impjegati u għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familja tagħhom li jkunu awtorizzati mill-istituzzjoni kompetenti jmorru fi Stat Membru ieħor sabiex jirċievu kura medika.

[…]

3.   Il-ħruġ tal-formola E 112 għas-sitwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1(b) ma jistax jiġi rrifjutat mill-istituzzjoni kompetenti meta l-kura inkwistjoni tkun fost il-benefiċċji previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun tirrisjedi l-persuna kkonċernata u jekk din il-kura ma tkunx tista’ tingħatalha, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-istat ta’ saħħa attwali tagħha u tal-evoluzzjoni probabbli tal-marda, fi żmien normalment neċessarju sabiex jinkiseb it-trattament inkwistjoni fl-Istat Membru ta’ residenza.”

9

Skont l-Artikolu 45(1)(b) u (4) tal-imsemmi anness:

“1.   Fil-każ previst fl-Artikolu 40(1)(b) [li jikkonċerna lill-persuni impjegati jew lill-persuni li jaħdmu għal rashom u l-membri tal-familja tagħhom awtorizzati mill-istituzzjoni kompetenti sabiex imorru fi Stat Membru differenti minn dak tar-residenza tagħhom sabiex jirċievu kura medika], id-dokumenti li ġejjin għandhom jiġu mehmuża mat-talba [għall-ħruġ tal-formola E 112]:

[…]

(b)

il-fajl mediku li jinkludi, minbarra d-dokumenti mediċi, ir-rapport mediku previst fl-Anness Nru 10A, li minnu tirriżulta d-dijanjosi, kif ukoll ir-rakkomandazzjoni medika għall-għoti tat-trattament; […]

[…]

4.   Ir-rapport mediku għandu jitħejja minn tabib ta’ ċentru ta’ sptar universitarju jew, jekk ikun il-każ, reġjonali li jkollu relazzjoni kuntrattwali ma’ fond ta’ assigurazzjoni għall-mard Rumen.”

10

L-Artikolu 46 tal-Anness tad-Digriet Nru 592/2008 huwa fformulat kif ġej:

“1.   Il-formola E 112 għandha tinħareġ qabel it-tluq tal-benefiċjarju.

2.   Il-formola tista’ tinħareġ ukoll wara t-tluq tal-benefiċjarju jekk, għal raġunijiet ta’ forza maġġuri, ma tkunx tista’ tinħareġ qabel. Il-formola tista’ tinħareġ biss jekk il-prezz tas-servizzi mediċi ma jkunx tħallas. Sa minn meta jsir il-ħlas, il-formola ma tibqax tipproduċi l-effetti legali li għalihom tintalab.

3.   Fil-każ imsemmi fil-paragrafu 2, il-fond ta’ assigurazzjoni għandu jħejji memorandum li jimmotiva u li jiġġustifika s-sitwazzjoni ta’ forza maġġuri, li jservi bħala bażi għall-ħruġ tal-formola E 112.

4.   Il-memorandum previst fil-paragrafu 3 għandu jispeċifika ċ-ċirkustanzi ta’ oriġini esterna, straordinarji, totalment imprevedibbli u inevitabbli, inklużi ċ-ċirkustanzi ta’ natura medika, li jkunu wasslu għas-sitwazzjoni ta’ forza maġġuri.”

Id-Digriet Nru 729/2009

11

Id-Digriet Nru 729/2009 tal-President tal-Fond Nazzjonali ta’ Assigurazzjoni għall-Mard, tas-17 ta’ Lulju 2009 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 545, tal-5 ta’ Awwissu 2009), jipprevedi l-modalitajiet ta’ rimbors u ta’ rkupru tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa mogħtija abbażi tal-istrumenti internazzjonali fil-qasam tas-saħħa li r-Rumanija tagħmel parti minnhom.

12

L-Artikolu 8 tal-Anness ta’ dan id-digriet jipprovdi, fil-paragrafi 1, 2 u 6 tiegħu:

“1.   Jekk persuna assigurata mal-iskema ta’ assigurazzjoni għall-mard Rumena tmur fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea sabiex tirċievi kura medika mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel mill-fond ta’ assigurazzjoni għall-mard li miegħu tkun irreġistrata bħala persuna assigurata, l-imsemmija persuna għandha tbati l-ispejjeż tas-servizzi mediċi pprovduti.

2.   Fuq talba bil-miktub tal-persuna assigurata, ta’ membru tal-familja tagħha […] jew ta’ persuna awtorizzata, li magħha jkun hemm mehmuża dokumenti ta’ sostenn, il-fond ta’ assigurazzjoni għall-mard għandu jirrimborsa l-ispiża tas-servizzi mediċi pprovduti skont il-paragrafu 1 u mħallsa mill-imsemmija persuna assigurata abbażi tat-tariffi previsti fil-paragrafu 5.

[…]

6.   Ir-rimbors previst fil-paragrafu [2] jista’ jsir biss jekk is-servizz mediku pprovdut fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u mħallas mill-persuna assigurata jkun jagħmel parti mill-pakkett ta’ servizzi bażiċi tal-iskema ta’ assigurazzjoni għall-mard Rumena.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13

Fit-28 ta’ Marzu 2013, ZY, residenti fir-Rumanija u affiljat mal-iskema pubblika ta’ assigurazzjoni għall-mard nazzjonali, ġie ddijanjostikat kanċer tal-ilsien fi sptar ta’ dan l-Istat Membru. Trattament kirurġiku b’urġenza ġie preskritt lilu mit-tabib kuranti tiegħu, li jikkonsisti fit-tneħħija kirurġika ta’ żewġ terzi tal-ilsien.

14

Fix-xahar ta’ April 2013, ZY mar Vjenna (l-Awstrija), sabiex jitlob it-tieni opinjoni medika mingħand klinika privata. Id-dijanjosi ġiet ikkonfermata lilu iżda, fid-dawl tal-istat avvanzat tal-kanċer, intervent kirurġiku ma ġiex ikkunsidrat xieraq. Trattament li jikkonsisti f’radjoterapija, kimoterapija u immunoterapija li tinvolvi kura fl-isptar ġie rrakkomandat lilu. Dan it-trattament kien meqjus li għandu l-istess grad ta’ effettività bħal intervent kirurġiku u kellu l-vantaġġ li ma jikkawżax diżabbiltà.

15

Waqt intervista mal-istituzzjoni kompetenti, sabiex jikseb il-formola E 112 għall-finijiet tat-teħid ta’ responsabbiltà, minnha, tal-ispejjeż tat-trattament mediku li ZY kellu l-intenzjoni jirċievi fil-klinika Awstrijaka li kienet irrakkomandatlu dan it-trattament, ġie ppreċiżat lilu li, jekk huwa jmur l-Awstrija mingħajr ma jkun kiseb awtorizzazzjoni minn qabel, l-ispejjeż tat-trattament li jingħata ma kinux ser jiġu rrimborsati kollha kemm huma, b’applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004, iżda skont it-tariffi Rumeni, b’applikazzjoni tal-Artikolu 8 tal-Anness tad-Digriet Nru 729/2009. Fil-fatt, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, din il-formola tista’ tinkiseb biss fir-rigward tar-rakkomandazzjoni ta’ trattament mogħtija minn tabib indikat mill-istituzzjoni kompetenti. Madankollu, din talbet lil ZY jipproduċi opinjoni medika li tistabbilixxi li ma setax jingħata trattament fir-Rumanija.

16

Peress li bejn ix-xahar ta’ April 2013 u x-xahar ta’ April 2014 ingħata kura medika, mingħajr ma pproduċa tali opinjoni, f’żewġ kliniċi Awstrijaċi, li tikkonsisti f’radjoterapija, kimoterapija u immunoterapija, ZY talab, fix-xahar ta’ Settembru 2013 u fix-xahar ta’ Ġunju 2014, ir-rimbors tal-ispejjeż relatati mingħand l-istituzzjoni kompetenti.

17

Fl-14 ta’ Novembru 2016, din l-istituzzjoni rrimborsat lill-eredi ta’ ZY, wara l-mewt tiegħu, is-somma totali ta’ 38370,70 leu Rumen (RON) (madwar EUR 8240), li tikkorrispondi għall-ispejjeż tal-eżamijiet u tal-kura medika li l-persuna kkonċernata ngħatat fl-Awstrija, ikkalkolata, b’applikazzjoni tal-Artikolu 8 tal-Anness tad-Digriet Nru 729/2009, skont ir-rati applikati fil-kuntest tal-iskema pubblika ta’ assigurazzjoni għall-mard Rumena.

18

L-eredi ta’ ZY ippreżentaw rikors quddiem it-Tribunalul Constanța (il-Qorti tal-Kontea ta’ Constanța, ir-Rumanija) intiż sabiex jinkiseb ir-rimbors, konformement mar-Regolament Nru 883/2004, tal-ispejjeż kollha relatati mal-kura medika li kienet ingħatatlu fl-Awstrija.

19

Permezz ta’ sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2018, dik il-qorti ċaħdet dak ir-rikors, billi qieset li, fl-assenza ta’ talba għal awtorizzazzjoni minn qabel, l-ispejjeż tat-trattamenti mediċi pprovduti lil ZY fi Stat Membru differenti minn dak tar-residenza tiegħu ma setgħux jiġu rrimborsati konformement ma’ dan ir-regolament.

20

Adita minn dawn l-eredi b’appell minn dik is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li hija għandha tistabbilixxi, sabiex tiddeċiedi fuq dan l-appell, jekk minkejja l-fatt li ZY ma kienx kiseb l-awtorizzazzjoni minn qabel li huwa kien talab mingħand l-istituzzjoni kompetenti, skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 883/2004, huwa setax jiġi rrimborsat, minn din l-istituzzjoni, l-ispejjeż tal-kura mġarrba fl-Awstrija, sal-ammont li kien jitħallas minnha li kieku ngħatatlu awtorizzazzjoni minn qabel, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 20(2) ta’ dan ir-regolament.

21

Dik il-qorti tippreċiża li, fil-każ ineżami, il-kundizzjoni relatati man-neċessità, għall-persuna assigurata, li tirċievi kura medika b’urġenza hija ssodisfatta, kif jirriżulta mir-rapport ta’ perizja mediko-legali prodott fl-ewwel istanza. Min-naħa l-oħra, sabiex ikun jista’ jiġi stabbilit jekk il-kundizzjoni dwar il-possibbiltà li jingħata fir-Rumanija t-trattament mediku magħżul minn din il-persuna fi żmien aċċettabbli fuq livell mediku, hijiex issodisfatta, fid-dawl tal-istat ta’ saħħa tagħha u tal-evoluzzjoni probabbli tal-marda, il-qorti tar-rinviju tirrileva li hija għandha l-ewwel nett tistabbilixxi jekk l-assenza ta’ ħruġ, lill-imsemmija persuna, ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għall-kura li hija bbenefikat minnha fl-Awstrija kinitx dovuta għal ċirkustanzi eċċezzjonali, fis-sens tas-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2010, Elchinov (C‑173/09, EU:C:2010:581), peress li din il-kwistjoni hija l-bażi tad-domandi preliminari.

22

F’dan ir-rigward, skont il-qorti tar-rinviju, għandu jittieħed bħala premess li, minn naħa, ZY kellu d-dritt jagħżel it-trattament preskritt fl-Awstrija, skont, b’mod partikolari, id-dritt tiegħu għar-rispett tal-ħajja privata u għall-integrità fiżika u, min-naħa l-oħra, il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli ma kinitx tippermettilu jikseb awtorizzazzjoni minn qabel għal din il-kura u lanqas it-teħid ta’ responsabbiltà integrali tal-ispejjeż tiegħu fir-Rumanija, peress li l-imsemmi trattament ma kienx ġie preskritt minn tabib kuranti li jagħmel parti mis-sistema pubblika ta’ assigurazzjoni għall-mard tal-Istat Membru kompetenti, iżda, abbażi tat‑tieni opinjoni medika, minn tabib ta’ Stat Membru ieħor, b’teħid inkunsiderazzjoni tad-dijanjosi stabbilita mill-ewwel tabib. Għaldaqstant ZY mar fi Stat Membru differenti mill-Istat Membru kompetenti għaliex it-trattament inkwistjoni kien ġie preskritt lilu biss f’dan l-Istat Membru l-ieħor u peress li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa ma setax jibbenefika minn dan it-trattament fl-Istat Membru kompetenti, anki jekk dan jinstab fost il-benefiċċji previsti mil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-aħħar Stat Membru.

23

Il-Qorti tar-rinviju tippreċiża li l-Artikolu 45(4) tal-Anness tad-Digriet Nru 592/2008 ma jagħtix lill-persuna assigurata dritt li t-tabib kuranti effettivament jeżamina mill-ġdid, abbażi tat-tieni opinjoni medika maħruġa fi Stat Membru differenti mir-Rumanija, it-trattament preskritt inizjalment. Madankollu, peress li t-trattament irrakkomandat lil ZY fl-Awstrija għandu l-vantaġġ li ma jikkawżax diżabbiltà, huwa kellu d-dritt li jagħżlu, skont il-prinċipju ta’ awtonomija tal-volontà, bħala element tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, stabbilit fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, kif ukoll fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u bħala element tad-dritt għall-integrità fiżika, iggarantit fl-Artikolu 3 ta’ din il-Karta.

24

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-fatt li ZY ma rritornax għand it-tabib kuranti tiegħu fir-Rumanija, sabiex jippreżentalu l-opinjoni diverġenti tat-tobba Awstrijaċi u jipprova jikkonvinċih bil-korrettezza ta’ din l-opinjoni, ma jidhirx li huwa determinanti peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tipprevedi ebda proċedura ta’ eżami tat-tieni opinjoni medika maħruġa fi Stat Membru differenti mir-Rumanija li tiggarantixxi effettivament lill-persuna assigurata d-dritt li t-tabib kuranti tagħha jeżamina mill-ġdid ir-rakkomandazzjoni inizjali għall-finijiet tal-possibbiltà li tiġi rreveduta.

25

Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-konformità mal-Artikolu 56 TFUE u mar-Regolament Nru 883/2004 tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża li tressqet quddiemha. Hija tistaqsi, b’mod partikolari, jekk minħabba dawn id-dispożizzjonijiet, il-persuna assigurata li jkollha biss opinjoni medika stabbilita minn tabib ta’ Stat Membru differenti minn dak tar-residenza tagħha, li tkun tippreskrivi trattament differenti minn dak inizjalment irrakkomandat, għandhiex titqies li ġiet prekluża, għal raġunijiet oġġettivi analogi għal dawk imsemmija fil-punt 45 tas-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2010, Elchinov (C‑173/09, EU:C:2010:581), milli tikseb awtorizzazzjoni għar-rimbors tal-ispejjeż relatati mal-kura tas-saħħa mogħtija f’dan l-Istat Membru l-ieħor.

26

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Curtea de Apel Constanţa (il-Qorti tal-Appell ta’ Constanţa, ir-Rumanija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-fatt li jkun biss tabib minn Stat Membru ieħor, li ma jkunx dak tal-Istat tar-residenza tal-persuna assigurata, li jkun ippreskriva t-terapija magħżula mill-persuna assigurata, f’sitwazzjoni li fiha d-djanjosi u l-ħtieġa, fiha nfisha, tal-implimentazzjoni urġenti għal trattament tkun ġiet ikkonfermata minn tabib taħt l-iskema ta’ assigurazzjoni għall-mard tal-Istat Membru tar-residenza, li madankollu jkun irrakkomanda terapija oħra, li fir-rigward tagħha t-terapija magħżula mill-persuna assigurata għal raġunijiet li jistgħu jitqiesu li huma rilevanti jkollha grad ta’ effettività li jkun tal-inqas identiku, filwaqt li jkollha l-vantaġġ li ma tikkawżax diżabbiltà, jista’ jitqies li huwa sitwazzjoni ta’ emerġenza fis-sens tal-punt 45 tas-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2010, Elchinov (C‑173/09, EU:C:2010:581) jew huwa każ ta’ impediment oġġettiv sabiex tkun tista’ tintalab l-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 20(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, li jista’ jiġġustifika rimbors sħiħ tal-ispejjeż sostnuti bl-implimentazzjoni ta’ trattament mediku xieraq (kura fl-isptar) fi Stat Membru li ma jkunx dak tal-Istat tar-residenza tal-persuna assigurata?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, jekk il-persuna assigurata ma taċċettax, għal raġunijiet li jistgħu jitqiesu li huma rilevanti, it-trattament preskritt minn tabib kopert mill-iskema ta’ assigurazzjoni għall-mard tal-Istat ta’ residenza fir-rigward tad-djanjosi tiegħu u tmur fi Stat Membru ieħor sabiex titlob it-tieni opinjoni medika, liema opinjoni tirrikjedi l-implimentazzjoni ta’ terapija oħra, li l-persuna assigurata tagħti l-kunsens tagħha għaliha u li l-grad ta’ effettività tagħha jkun tal-inqas identiku, filwaqt li jkollha l-vantaġġ li ma tikkawżax diżabbiltà, u li tissodisfa r-rekwiżiti tat-tieni sentenza tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 883/2004, sabiex il-persuna assigurata tikseb ir-rimbors tal-ispejjeż sostnuti b’din it-terapija l-oħra hija għandha titlob l-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament?

3)

L-Artikolu 56 TFUE u l-Artikolu 20(1) u (2) tar-Regolament Nru 883/2004 jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, minn naħa, tissottometti l-awtorizzazzjoni tal-istituzzjoni kompetenti, għall-iskop li wieħed jirċievi trattament xieraq (kura fl-isptar) fi Stat Membru li ma jkunx dak tar-residenza, bil-kundizzjoni li jiġi stabbilit rapport mediku li jitħejja esklużivament minn tabib prattikanti taħt l-iskema ta’ assigurazzjoni għall-mard tal-Istat Membru ta’ residenza u li jiġi approvat mill-uffiċjal mediku li jkun il-kap tal-istituzzjoni kompetenti ta’ dan l-Istat, u dan inkluż meta t-terapija magħżula mill-persuna assigurata, għal raġunijiet li jistgħu jitqiesu li huma rilevanti peress li jkollha l-vantaġġ li ma tikkawżax diżabbiltà, tkun preskritta biss minn tabib minn Stat Membru ieħor, bħala t-tieni opinjoni medika, u li, min-naħa l-oħra, ma tiggarantixxix, fil-kuntest ta’ proċedura aċċessibbli u prevedibbli, analiżi effettiva, mill-perspettiva medika, fil-kuntest tal-iskema ta’ assigurazzjoni għall-mard tal-Istat ta’ residenza, tal-possibbiltà li tiġi implimentata t-tieni opinjoni medika stabbilita fi Stat Membru ieħor?

4)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel u għat-tielet domanda, il-persuna assigurata, jew, skont il-każ, l-eredi tiegħu, jistgħu, sakemm jissodisfaw iż-żewġ rekwiżiti msemmija fit-tieni sentenza tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 883/2004, jiksbu mill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat tar-residenza tal-persuna assigurata r-rimbors sħiħ tal-ispejjeż sostnuti bl-implimentazzjoni ta’ terapija fi Stat Membru ieħor?”

Fuq id-domandi preliminari

27

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 883/2004, moqri flimkien mal-Artikolu 56 TFUE, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-persuna assigurata li tkun irċeviet, fi Stat Membru differenti minn dak tar-residenza tagħha, trattament li jkun jinsab fost il-benefiċċji previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza, għandhiex dritt għar-rimbors sħiħ tal-ispejjeż ta’ dan it-trattament, taħt il-kundizzjonijiet previsti minn dan ir-regolament, meta din il-persuna ma tkunx setgħet tikseb awtorizzazzjoni tal-istituzzjoni kompetenti, konformement mal-Artikolu 20(1) tal-imsemmi regolament, minħabba li, minkejja li d-dijanjosi u n-neċessità li jingħata trattament b’urġenza jkunu ġew ikkonfermati minn tabib li jagħmel parti mill-iskema ta’ assigurazzjoni għall-mard tal-Istat Membru ta’ residenza tagħha, dan it-tabib ikun ippreskrivielha trattament differenti minn dak li l-imsemmija persuna tkun għażlet konformement mat-tieni opinjoni medika mogħtija minn tabib ta’ Stat Membru ieħor, liema trattament, bid-differenza mill-ewwel wieħed, ma jikkawżax diżabbiltà.

28

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, sabiex sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tkun tista’ taqa’ taħt ir-Regolament Nru 883/2004, il-kura medika għandha tingħata skont il-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru fejn tkun ingħatat, ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Settembru 2020, Vas Megyei Kormányhivatal (Kura tas-saħħa transkonfinali), C‑777/18, EU:C:2020:745, punti 3637).

29

Skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 883/2004, sakemm dan ma jipprovdix mod ieħor, persuna assigurata li tmur fi Stat Membru differenti minn dak tar-residenza tagħha sabiex tibbenefika minn benefiċċji in natura matul iż-żjara tagħha għandha titlob awtorizzazzjoni mill-istituzzjoni kompetenti.

30

Konformement mat-tieni sentenza tal-Artikolu 20(2) ta’ dan ir-regolament, din l-awtorizzazzjoni għandha obbligatorjament tingħata mill-istituzzjoni kompetenti meta ż-żewġ kundizzjonijiet li jissemmew fiha jkunu ssodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Settembru 2020, Vas Megyei Kormányhivatal (Kura tas-saħħa transkonfinali), C‑777/18, EU:C:2020:745, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

Sabiex tiġi ssodisfatta l-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, il-kura inkwistjoni għandha tkun fost il-benefiċċji previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tar-residenza tal-persuna assigurata. Sabiex tissodisfa t-tieni kundizzjoni, din il-kura ma għandhiex tkun tista’ tingħatalha f’dan l-Istat fi żmien aċċettabbli fuq livell mediku, fid-dawl tal-istat ta’ saħħa attwali ta’ din il-persuna u tal-evoluzzjoni probabbli tal-marda.

32

Peress li l-applikabbiltà tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 883/2004 għas-sitwazzjoni inkwistjoni ma teskludix, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li din is-sitwazzjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u, f’dan il-każ, tal-Artikolu 56 TFUE (sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2010, Elchinov, C‑173/09, EU:C:2010:581, punt 38), dan l-Artikolu 20 għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 56 TFUE u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata miegħu.

33

Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l‑libertà li jiġu pprovduti servizzi tinkludi mhux biss il-libertà tal-fornitur li jipprovdi servizzi lil destinatarji stabbiliti fi Stat Membru differenti minn dak li fit-territorju tiegħu dan ikun stabbilit, iżda wkoll il-libertà li wieħed jirċievi jew jibbenefika, bħala destinatarju, mis-servizzi offruti minn fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, mingħajr ma jkun imxekkel minn restrizzjonijiet (ara, b’mod partikolari, is‑sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑211/08, EU:C:2010:340, punt 49).

34

Servizz mediku pprovdut bi ħlas, inkluż meta l-kura tingħata fi sptar, ma jitlifx il-klassifikazzjoni tiegħu bħala provvista ta’ servizzi, fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE, għar-raġuni li l-pazjent, wara li jkun ħallas lill-fornitur stabbilit fi Stat Membru differenti minn dak tar-residenza tiegħu għall-kura rċevuta, jitlob il-ħlas ta’ din il-kura minn servizz nazzjonali tas-saħħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2006, Watts, C‑372/04, EU:C:2006:325, punti 8689).

35

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li s-sempliċi rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għall-ħlas, mill-istituzzjoni kompetenti, skont is-sistema ta’ kopertura fis-seħħ fl-Istat Membru li hija tagħmel parti minnha, tal-ispejjeż relatati mal-kura medika mogħtija fi Stat Membru ieħor, jikkostitwixxi, kemm għall-pazjenti kif ukoll għall-fornituri, restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, stabbilita fl-Artikolu 56 TFUE, peress li tali rekwiżit jiskoraġġixxi lil dawn il-pazjenti, jew saħansitra jipprekludihom milli jirrikorru għal fornituri ta’ servizzi mediċi stabbiliti fi Stat Membru differenti minn dak tar-residenza tagħhom sabiex jiksbu l-kura inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Settembru 2020, Vas Megyei Kormányhivatal (Kura tas-saħħa transkonfinali), C‑777/18, EU:C:2020:745, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Għalkemm l-Artikolu 56 TFUE ma jipprekludix, bħala prinċipju, li d-dritt ta’ pazjent li jikseb kura fl-isptarijiet jew kura medika li tinvolvi l-użu ta’ apparat mediku speċjalizzat ħafna u li jiswa ħafna flus fi Stat Membru ieħor a spejjeż tas-sistema tal-Istat Membru li huwa jagħmel parti minnha jkun suġġett għal awtorizzazzjoni minn qabel, huwa madankollu neċessarju li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ tali awtorizzazzjoni jkunu ġġustifikati fid-dawl tar-rekwiżiti ta’ interess ġenerali, b’mod partikolari, dawk li jiġi evitat ir-riskju ta’ preġudizzju serju għall-bilanċ finanzjarju tas-sistema ta’ sigurtà soċjali u li jinżamm servizz mediku u servizz fl-isptar ibbilanċjat u aċċessibbli għal kulħadd kif ukoll li jippermetti ppjanar intiż, minn naħa, sabiex tiġi żgurata fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat aċċessibbiltà suffiċjenti u permanenti għal firxa bbilanċjata ta’ kura ta’ kwalità fl-isptar u, min-naħa l-oħra, li jiġi żgurat kontroll tal-ispejjeż u li tiġi evitata kemm jista’ jkun il-ħela ta’ riżorsi finanzjarji, tekniċi u umani, u li ma teċċedix dak li huwa oġġettivament neċessarju għal dan il-għan u li l-istess riżultat ma jkunx jista’ jinkiseb minn regoli inqas restrittivi. Barra minn hekk, tali sistema għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, nondiskriminatorji u li jkunu magħrufa minn qabel, b’tali mod li jiġi kkontrollat l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal‑awtoritajiet nazzjonali sabiex din ma tkunx eżerċitata b’mod arbitrarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2010, Elchinov, C‑173/09, EU:C:2010:581, punti 41 sa 44, kif ukoll tat-23 ta’ Settembru 2020, Vas Megyei Kormányhivatal (Kura tas-saħħa transkonfinali), C‑777/18, EU:C:2020:745, punti 59, 6162).

37

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà identifikat żewġ sitwazzjonijiet li fihom il-persuna assigurata, anki fl-assenza ta’ awtorizzazzjoni maħruġa minn qabel tibda tingħata l-kura ppjanata fl-Istat Membru taż-żjara, hija intitolata tikseb direttament ir-rimbors, mill-istituzzjoni kompetenti, ta’ ammont ekwivalenti għal dak li normalment kienet tħallas din l-istituzzjoni li kieku l-persuna assigurata kellha tali awtorizzazzjoni (sentenza tat-23 ta’ Settembru 2020, Vas Megyei Kormányhivatal (Kura tas-saħħa transkonfinali), C‑777/18, EU:C:2020:745, punt 46).

38

Fl-ewwel każ, il-persuna assigurata għandha dritt tikseb tali rimbors meta, wara li tkun ingħatat rifjut min-naħa tal-istituzzjoni kompetenti wara talba għal awtorizzazzjoni, in-natura mhux fondata ta’ tali rifjut tkun sussegwentement stabbilita, jew mill-istituzzjoni kompetenti nnifisha, jew b’deċiżjoni ġudizzjarja (sentenza tat-23 ta’ Settembru 2020, Vas Megyei Kormányhivatal (Kura tas-saħħa transkonfinali), C‑777/18, EU:C:2020:745, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Fit-tieni każ, il-persuna assigurata għandha d-dritt tikseb direttament ir-rimbors, mill-istituzzjoni kompetenti, ta’ ammont ekwivalenti għal dak li normalment kien jitħallas minn din tal-aħħar kieku din il-persuna kellha tali awtorizzazzjoni, meta, għal raġunijiet relatati mal-istat tas-saħħa tagħha jew man-neċessità li tirċievi kura b’urġenza fi sptar, hija kienet prekluża milli titlob tali awtorizzazzjoni jew ma setgħetx tistenna d-deċiżjoni tal-istituzzjoni kompetenti fuq it-talba għal awtorizzazzjoni ppreżentata. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’dan ir-rigward li leġiżlazzjoni li teskludi, fil-każijiet kollha, il-ħlas tal-kura fl-isptar mogħtija fi Stat Membru ieħor mingħajr awtorizzazzjoni, iċċaħħad lill-persuna assigurata mill-ħlas ta’ tali kura, minkejja li l-kundizzjonijiet għal tali ħlas ikunu ssodisfatti. Tali leġiżlazzjoni, li ma tistax tiġi ġġustifikata b’kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ interess ġenerali u, fi kwalunkwe każ, li ma tissodisfax ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità, tikkostitwixxi, konsegwentement, restrizzjoni mhux iġġustifikata għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (sentenza tat-23 ta’ Settembru 2020, Vas Megyei Kormányhivatal (Kura tas-saħħa transkonfinali) (C‑777/18, EU:C:2020:745, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Fil-każ ineżami, l-Artikolu 40(1)(b) u (3) tal-Anness tad-Digriet Nru 592/2008 jissuġġetta l-għoti ta’ awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 883/2004 għal li jiġu ssodisfatti ż-żewġ kundizzjonijiet li jikkorrispondu, essenzjalment, għal dawk previsti fit-tieni sentenza tal-Artikolu 20(2) ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 45(1)(b) u (4) tal-anness ta’ dan id-digriet, persuna assigurata fi ħdan l-iskema pubblika ta’ assigurazzjoni għall-mard Rumena għandha tehmeż ma’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni sabiex tirċievi trattament adattat barra mir-Rumanija rapport mediku li jistabbilixxi d-dijanjosi kif ukoll it-trattament li għandu jingħata, imħejji minn tabib ta’ ċentru ta’ sptar universitarju jew, jekk ikun il-każ, reġjonali li jkollu relazzjoni kuntrattwali ma’ fond ta’ assigurazzjoni għall-mard Rumen.

41

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li, għalkemm il-kliem tat-tieni sentenza tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 883/2004 ma jinkludi ebda rekwiżit espress relatat mal-preżentazzjoni ta’ rapport mediku, il-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti humiex issodisfatti tinvolvi, kif enfasizzaw il-konvenuti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Rumen u l-Gvern Pollakk kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u fir-risposti tagħhom għad-domandi bil-miktub magħmula minnha, evalwazzjoni, minn naħa, tal-istat ta’ saħħa tal-persuna assigurata u tal-evoluzzjoni probabbli tal-marda tagħha kif ukoll it-trattamenti mediċi adattati għall-istat tagħha u, min-naħa l-oħra, tad-disponibbiltà ta’ dawn it-trattamenti fis-sistema ta’ sigurtà soċjali tal-Istat Membru ta’ residenza ta’ din il-persuna kif ukoll taż-żmien li fih dawn jistgħu jingħataw f’dan l-Istat Membru.

42

Barra minn hekk, għalkemm l-evalwazzjoni tal-aħħar żewġ aspetti normalment tinvolvi għarfien li biss tabib jew professjonist ieħor tas-saħħa li jagħmel parti mill-iskema pubblika tal-assigurazzjoni għall-mard tal-Istat Membru ta’ residenza tal-persuna assigurata jkollhom, l-istess ma japplikax għall-evalwazzjoni tal-ewwel żewġ aspetti, intiżi għad-dijanjosi tal-istat ta’ saħħa u t-trattamenti mediċi adattati għal dan tal-aħħar.

43

Din il-konstatazzjoni hija kkonfermata mill-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 987/2009, li jistabbilixxi l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 883/2004 u li l-paragrafu 4 tiegħu jistabbilixxi li, fi kwalunkwe mument matul il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, l-istituzzjoni kompetenti żżomm il-possibbiltà li l-persuna assigurata tiġi eżaminata minn tabib tal-għażla tagħha fl-Istat Membru taż-żjara jew tar-residenza tagħha. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma tillimitax l-għażla tal-istituzzjoni kompetenti għat-tobba li jagħmlu parti mill-iskema pubblika ta’ assigurazzjoni għall-mard tal-Istat Membru ta’ residenza tal-persuna assigurata.

44

Minn dan isegwi li l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 883/2004, moqri flimkien mal-Artikolu 26(4) tar-Regolament Nru 987/2009, ma jeżiġix li l-opinjoni medika li ssostni talba għal awtorizzazzjoni minn qabel għal trattament mogħti fi Stat Membru differenti minn dak ta’ residenza tal-persuna assigurata tinħareġ minn tabib li jagħmel parti mill-iskema pubblika ta’ assigurazzjoni għall-mard tal-Istat Membru ta’ residenza ta’ din il-persuna u lanqas ma jipprekludi t-teħid inkunsiderazzjoni, matul il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, tat‑tieni opinjoni medika mogħtija minn tabib li jipprattika fl-Istat Membru li fih l-imsemmija persuna jkollha l-intenzjoni tmur sabiex tibbenefika minn dan it-trattament.

45

Konsegwentement, leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi li talba għal awtorizzazzjoni għal trattament barra mill-Istat Membru ta’ residenza tkun akkumpanjata minn rapport mediku li jistabbilixxi d-dijanjosi kif ukoll it-trattament li għandu jingħata, mħejji minn tabib li jagħmel parti mill-iskema pubblika ta’ assigurazzjoni għall-mard nazzjonali timponi kundizzjoni li tmur lil hinn minn dawk previsti fl-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 883/2004.

46

Barra minn hekk, tali kundizzjoni tista’ ċċaħħad lill-persuna assigurata, li jkollha biss opinjoni medika maħruġa fi Stat Membru differenti mill-Istat Membru ta’ residenza, li tippreskrivi trattament alternattiv, mill-possibbiltà li tikseb awtorizzazzjoni minn qabel għat-teħid ta’ responsabbiltà għall-ħlas, mill-istituzzjoni kompetenti, ta’ dan it-trattament. Fil-fatt, hekk kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, tali proċedura ta’ awtorizzazzjoni ma tiżgurax li din l-opinjoni tittieħed effettivament inkunsiderazzjoni u, konsegwentement, li l-istituzzjoni kompetenti tkun tista’ tiddetermina jekk il-kundizzjonijiet previsti fit-tieni sentenza tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 883/2004, imfakkra fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, humiex issodisfatti.

47

Għandu jiġi rrilevat, fit-tieni lok, li r-rekwiżit li għalih dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, bħall-Artikolu 45(1)(b) u (4) tal-Anness tad-Digriet Nru 592/2008, tissuġġetta l-għoti ta’ awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 883/2004 jikkostitwixxi fattur dissważiv addizzjonali għal dak li jirrigwarda l-użu ta’ servizzi tas-saħħa transkonfinali, meta mqabbel mar-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, li, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, jikkostitwixxi huwa stess restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

48

Fil-fatt, għalkemm leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tipprekludix direttament lill-persuni affiljati mal-iskema pubblika ta’ assigurazzjoni għall-mard milli jirrikorru għal fornitur ta’ servizzi mediċi stabbilit fi Stat Membru ieħor, l-assenza ta’ garanzija tat-teħid inkunsiderazzjoni effettiv, matul il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, tat‑tieni opinjoni medika stabbilita minn tali fornitur li jirrakkomanda trattament alternattiv, li miegħu tiżdied il-perspettiva ta’ telf finanzjarju fl-assenza ta’ teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż mediċi relatati ma’ dan it-trattament alternattiv mis-sistema nazzjonali tas-saħħa, wara deċiżjoni ta’ rifjut, għandha manifestament effett dissważiv fuq l-użu ta’ servizzi tas-saħħa transkonfinali (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑255/09, EU:C:2011:695, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Fil-każ ineżami, fir-rigward tal-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li tirriżulta mir-rekwiżit li jiġi ppreżentat rapport mediku mħejji minn tabib li jagħmel parti mill-iskema pubblika ta’ assigurazzjoni għall-mard tal-Istat Membru tar-residenza tal-persuna assigurata, il-Gvern Rumen jallega, minn naħa, li dan ir-rekwiżit huwa intiż sabiex jippermetti li jiġi żgurat li jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fit-tieni sentenza tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 883/2004.

50

Madankollu, hekk kif jirriżulta mill-punt 44 ta’ din is-sentenza, la din id-dispożizzjoni u lanqas l-Artikolu 26(4) tar-Regolament Nru 987/2009 ma jipprekludu lill-istituzzjoni kompetenti milli tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, it-tieni opinjoni medika maħruġa minn tabib li jipprattika fit-territorju ta’ Stat Membru differenti minn dak tar-residenza tal-persuna assigurata.

51

Dan il-gvern jinvoka, min-naħa l-oħra, in-neċessità li jiġi ggarantit il-bilanċ finanzjarju tas-sistema nazzjonali tal-kura tas-saħħa u kontroll tal-ispejjeż kif ukoll li tiġi evitata sa fejn huwa possibbli kull ħela tar-riżorsi finanzjarji, tekniċi u umani. Madankollu, anki jekk jiġi aċċettat li r-rekwiżit previst fl-Artikolu 45(1)(b) u (4) tal-Anness tad-Digriet Nru 592/2008 jista’, fil-kuntest tal-kura fi isptar u tal-kura mhux fi sptar li teħtieġ tagħmir materjali li jiswa l-flus, ikun xieraq sabiex jiggarantixxi dawn l-għanijiet ta’ interess ġenerali, dan ma jidhirx, fi kwalunkwe każ, bħala li josserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità mfakkar fil-punt 36 ta’ din is-sentenza.

52

Fil-fatt, l-għan invokat jista’ jintlaħaq permezz tal-implimentazzjoni ta’ proċedura ta’ awtorizzazzjoni li tiggarantixxi, għall-finijiet tat-tħejjija ta’ rapport mediku minn tabib li jipprattika fl-iskema pubblika ta’ assigurazzjoni għall-mard tal-Istat Membru tar-residenza tal-persuna assigurata, li tinkludi d-dijanjosi u t-trattament irrakkomandat għaliha, it-teħid inkunsiderazzjoni effettiv tat-tieni opinjoni medika stabbilita fi Stat Membru ieħor, li tirrakkomanda trattament alternattiv adattat ukoll għall-istat ta’ saħħa ta’ din il-persuna, iżda mingħajr l-inkonvenjenzi tal-ewwel trattament.

53

Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti ma humiex ikkontestati mill-argument imressaq mill-konvenuti fil-kawża prinċipali u mill-Gvern Rumen, li jgħid li l-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa kopert mill-Artikolu 46(2) tal-Anness tad-Digriet Nru 592/2008, li kien jippermetti lill-persuna assigurata kkonċernata tikseb awtorizzazzjoni a posteriori, li l-ħruġ tagħha ma huwiex suġġett għall-osservanza tar-rekwiżit previst fl-Artikolu 45(1)(b) u (4) ta’ dan l-anness.

54

Anki li kieku kellu jitqies li dan l-Artikolu 46 – li jipprovdi li l-għoti tal-imsemmija awtorizzazzjoni huwa suġġett, minn naħa, għal “raġunijiet ta’ forza maġġuri”, bħala konsegwenza ta’ “ċirkustanzi ta’ oriġini esterna, eċċezzjonali, straordinarji, totalment imprevedibbli u inevitabbli, inklużi ċ-ċirkustanzi ta’ natura medika”, li għandhom ikunu ddettaljati f’memorandum imħejji mill-istituzzjoni kompetenti, u, min-naħa l-oħra, għall-kundizzjoni li l-prezz tas-servizzi mediċi rċevuti f’dawn iċ-ċirkustanzi ma jkunx tħallas – ikun applikabbli għal każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-persuna assigurata marret fi Stat Membru differenti minn dak tar-residenza tagħha għall-finijiet ta’ terapija u b’mod ippjanat, hekk kif il-qorti tar-rinviju kkonstatat hija stess, dan il-fatt ma jbiddel xejn mill-konstatazzjoni li l-issuġġettar tal-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 883/2004 għall-preżentazzjoni ta’ rapport mediku mħejji minn tabib li jagħmel parti mill-iskema pubblika ta’ assigurazzjoni għall-mard tal-Istat r-residenza tal-persuna assigurata jikkostitwixxi restrizzjoni sproporzjonata għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbilita fl-Artikolu 56 TFUE li, barra minn hekk, fil-prattika jfisser li jipprojbixxi lill-istituzzjoni kompetenti milli tivverifika l-osservanza tal-kundizzjonijiet għall-għoti obbligatorju ta’ din l-awtorizzazzjoni, hekk kif ġie kkonstatat fil-punti 45 u 46 tas-sentenza preżenti.

55

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 883/2004, moqri flimkien mal-Artikolu 56 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni għal trattament fi Stat Membru differenti minn dak tar-residenza tal-applikant għall-preżentazzjoni ta’ rapport mediku li jistabbilixxi d-dijanjosi kif ukoll il-kura li għandha tingħata, maħruġa minn tabib li jagħmel parti mill-iskema pubblika ta’ assigurazzjoni għall-mard nazzjonali, u li ma tiggarantixxix it-teħid inkunsiderazzjoni, mill-istituzzjoni kompetenti, tat‑tieni opinjoni medika maħruġa f’dan l-Istat Membru l-ieħor li tippreskrivi trattament alternattiv.

56

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jitqies, fit-tielet lok, li l-persuna assigurata li ma setgħetx tikseb awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 883/2004, bħala konsegwenza tal-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni bħal dik identifikata fil-punt preċedenti u li, filwaqt li kellha għad-dispożizzjoni tagħha rapport mediku maħruġ fi Stat Membru differenti minn dak tar-residenza tagħha, li jistabbilixxi d-dijanjosi u n-neċessità li t-trattament jingħata b’urġenza li, b’differenza minn dak li kien ġie preskritt għaliha fl-Istat Membru tar-residenza tagħha, ma joħloqx diżabbiltà, irċeviet dan it-trattament fl-Istat Membru l-ieħor, hija koperta minn waħda mill-ipoteżi msemmija fil-punti 37 sa 39 ta’ din is-sentenza.

57

Minn dan isegwi, fil-każ ineżami, li jekk, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, il-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 883/2004, kif imfakkra fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, kienu ssodisfatti fil-każ ta’ ZY, b’tali mod li n-nuqqas ta’ kisba ta’ tali awtorizzazzjoni kien marbut biss mal-fatt li r-rapport mediku li kien jippreskrivi t-trattament mogħti kien ġie stabbilit minn tabib ta’ Stat Membru differenti minn dak tar-residenza tiegħu, il-werrieta ta’ ZY huma intitolati li jiksbu ir-rimbors, mill-istituzzjoni kompetenti Rumena, ta’ ammont ekwivalenti għal dak li kien normalment jitħallas minn din l-istituzzjoni kieku ZY kellu tali awtorizzazzjoni.

58

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 883/2004, moqri flimkien mal-Artikolu 56 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-persuna assigurata li tkun irċeviet, fi Stat Membru differenti minn dak tar-residenza tagħha, trattament li jinsab fost il-benefiċċji previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza, għandha dritt għar-rimbors sħiħ tal-ispejjeż ta’ dan it-trattament, taħt il-kundizzjonijiet previsti minn dan ir-regolament, meta din il-persuna ma tkunx setgħet tikseb awtorizzazzjoni tal-istituzzjoni kompetenti, konformement mal-Artikolu 20(1) tal-imsemmi regolament, għar-raġuni li, minkejja li d-dijanjosi u n-neċessità li t-trattament jingħata b’urġenza jkunu ġew ikkonfermati minn tabib li jagħmel parti mill-iskema ta’ assigurazzjoni għall-mard tal-Istat Membru tar-residenza tagħha, dan it-tabib ikun ippreskrivielha trattament differenti minn dak li l-imsemmija persuna tkun għażlet, konformement mat-tieni opinjoni medika mogħtija minn tabib ta’ Stat Membru ieħor, liema trattament, b’differenza mill-ewwel wieħed, ma jikkawżax diżabbiltà.

Fuq l-ispejjeż

59

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 988/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009, moqri flimkien mal-Artikolu 56 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-persuna assigurata li tkun irċeviet, fi Stat Membru differenti minn dak tar-residenza tagħha, trattament li jinsab fost il-benefiċċji previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza, għandha dritt għar-rimbors sħiħ tal-ispejjeż ta’ dan it-trattament, taħt il-kundizzjonijiet previsti minn dan ir-regolament, meta din il-persuna ma tkunx setgħet tikseb awtorizzazzjoni tal-istituzzjoni kompetenti, konformement mal-Artikolu 20(1) tal-imsemmi regolament, għar-raġuni li, minkejja li d-dijanjosi u n-neċessità li t-trattament jingħata b’urġenza jkunu ġew ikkonfermati minn tabib li jagħmel parti mill-iskema ta’ assigurazzjoni għall-mard tal-Istat Membru tar-residenza tagħha, dan it-tabib ikun ippreskrivielha trattament differenti minn dak li l-imsemmija persuna tkun għażlet, konformement mat-tieni opinjoni medika mogħtija minn tabib ta’ Stat Membru ieħor, liema trattament, b’differenza mill-ewwel wieħed, ma jikkawżax diżabbiltà.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.