SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

8 ta’ Ottubru 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Regolament (KE) Nru 1107/2009 – Tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Miżuri ta’ emerġenza – Informazzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea – Direttiva (UE) 2015/1535 – Proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi – Neonikotinojdi – Protezzjoni tan-naħal – Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali”

Fil-Kawża C‑514/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Ġunju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Lulju 2019, fil-proċedura

Union des industries de la protection des plantes

vs

Premier ministre,

Ministre de la Transition écologique et solidaire,

Ministre des Solidarités et de la Santé,

Ministre de l’Agriculture et de l’Alimentation,

Agence nationale de sécurité sanitaire de l’alimentation, de l’environnement et du travail,

fil-preżenza ta’:

Association Générations futures,

Union nationale de l’apiculture française (UNAF),

Syndicat national de l’apiculture,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, L. Bay Larsen (Relatur), C. Toader, M. Safjan u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Union des industries de la protection des plantes, minn J.‑P. Chevallier, avocat,

għall-Union nationale de l’apiculture française (UNAF), minn B. Fau, avocat,

għas-Syndicat national de l’apiculture, minn F. Lafforgue u H. Baron, avocats,

għall-Gvern Franċiż, minn A.-L. Desjonquères u E. Leclerc, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Castilla Contreras, M. Jáuregui Gómez, A. Dawes u I. Naglis, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tal-4 ta’ Ġunju 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5 tad-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU 2015, L 241, p. 1), kif ukoll tal-Artikoli 69 u 71 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU 2009, L 309, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, l-Union des industries de la protection des plantes (l-Assoċjazzjoni tal-Industriji tal-Protezzjoni tal-Pjanti) u, min-naħa l-oħra, il-Premier ministre (il-Prim Ministru, Franza), il-ministre de la Transition écologique et solidaire (il-Ministru għat-Tranżizzjoni Ekoloġika u Soċjali, Franza), il-ministre des Solidarités et de la Santé (il-Ministru għall-Affarijiet Soċjali u għas-Saħħa, Franza), il-ministre de l’Agriculture et de l’Alimentation (il-Ministru għall-Agrikoltura u għall-Ikel, Franza) kif ukoll l-Agence nationale de sécurité sanitaire de l’alimentation, de l’environnement et du travail (l-Aġenzija Nazzjonali għas-Sigurtà Sanitarja tal-Ikel, tal-Ambjent u tax-Xogħol, Franza) dwar il-projbizzjoni tal-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom sustanza attiva waħda jew iktar tal-familja tan-neonikotinojdi u ta’ żerriegħa ttrattata b’dawn il-prodotti.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2015/1535

3

L-Artikolu 5(1) u (2) tad-Direttiva 2015/1535 jipprovdi:

“1.   Soġġetti għall-Artikolu 7, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw fil-pront lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku, […] għandhom ukoll iħallu lill-Kummissjoni tagħmel dikjarazzjoni dwar ir-raġunijiet li jagħmlu meħtieġa l-leġislazzjoni ta’ dan ir-regolament tekniku, fejn dawk ir-raġunijiet ma jkunux diġà ġew magħmula ċari fl-abbozz.

[…]

Fejn, b’mod partikolari, l-abbozz tar-regolament tekniku jfittex li jillimita l-bejgħ fis-suq jew l-użu ta’ sustanza kimika, it-tħejjija jew il-prodott għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika jew għall-protezzjoni tal-konsumaturi jew tal-ambjent, l-Istati Membri għandhom jibagħtu wkoll jew sommarju jew ir-referenzi tad-data kollha relevanti li għandhom x’jaqsmu mas-sustanza, mat-tħejjija jew mal-prodott involut u ma’ sostituti magħrufa u disponibbli, fejn din l-informazzjoni tkun disponibbli, u jikkomunikaw l-effetti antiċipati tal-miżura dwar is-saħħa pubblika u l-protezzjoni tal-konsumatur u tal-ambjent, flimkien ma’ analiżi dwar ir-riskju […]

Il-Kummissjoni għandha tinnotifika mill-ewwel lill-Istati Membri l-oħra bl-abbozz tar-regolament tekniku u d-dokumenti kollha li jkunu ntbagħtulha […]

[…]

2.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jagħmlu kummenti lill-Istat Membru li jkun bagħat l-abbozz tar-regolament tekniku; dan l-Istat Membru għandu jqis dawn il-kummenti kemm jista’ jkun possibbli fit-tħejjija sussegwenti tar-regolament tekniku.”

4

L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jipposponu l-adozzjoni ta’ abozz ta’ regolament tekniku għal tliet xhur mid-data ta’ meta l-Kummissjoni tirċievi l-komunikazzjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 5(1).

[…]

3.   Bl-esklużjoni tal-abbozzi tar-regoli li għandhom x’jaqsmu ma’ servizzi, l-Istati Membri għandhom jipposponu l-adozzjoni ta’ abbozz ta’ regolament tekniku għal 12-il xahar mid-data li fiha l-Kummissjoni tkun irċeviet il-komunikazzjoni li hemm riferenza għaliha fl-Artikolu 5(1) ta’ din id-Direttiva jekk, fi żmien tliet xhur minn dik id-data, il-Kummissjoni tħabbar l-intenzjoni tagħha li tipproponi jew li tadotta Direttiva, Regolament jew Deċiżjoni dwar il-materja […]

4.   L-Istati Membri għandhom jipposponu l-adozzjoni ta’ abozz ta’ regolament tekniku bi12-il xahar mid-data meta l-Kummissjoni tkun irċeviet il-komunika li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 5(1) ta’ din id-Direttiva jekk, fi żmien tliet xhur wara dik id-data, il-Kummissjoni tħabbar l-intenzjoni tagħha li tipproponi jew tadotta Direttiva, Regolament jew Deċiżjoni dwar il-materja […]

[…]

7.   Il-paragrafi 1 sa 5 m’għandhomx japplikaw fil-każijiet fejn:

(a)

għal raġunijiet urġenti, mqajma minn ċirkostanzi serji u imprevisti li għandhom x’jaqsmu mal-protezzjoni tas-saħħa pubblika jew is-sigurtà, il-protezzjoni tal-annimali jew il-preżervazzjoni tal-pjanti, u għar-regoli dwar servizzi, u wkoll għall-politika pubblika, b’mod partikolari l-protezzjoni tal-minuri, Stat Membru huwa obbligat li jħejji regolamenti tekniċi fi spazju qasir ħafna ta’ żmien sabiex jippromulgahom u jdaħħalhom fil-pront mingħajr ma jkunu possibbli konsultazzjonijiet; […]

[…]

Fil-komunikazzjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 5, l-Istat Membru għandu jagħti r-raġunijiet għall-urġenza tal-miżuri meħuda. Il-Kummissjoni għandha tagħti l-veduti tagħha dwar il-komunikazzjoni malajr kemm jista jkun. Għandha tieħu azzjoni xierqa fil-każijiet fejn din il-proċedura ma tintużax kif suppost. Il-Parlament Ewropew għandu jinżamm mgħarraf mill-Kummissjoni.”

5

L-Artikolu 7(1)(c) tal-imsemmija direttiva jispeċifika:

“L-Artikoli 5 u 6 ma għandhomx japplikaw għal dawk il-liġijiet, ir-regolament u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri jew għal ftehim volontarju li permezz tiegħu l-Istati Membri:

[…]

(c)

jagħmlu użu mill-klawsoli ta’ salvagwardja li jipprovdu għalihom atti tal-Unjoni li jorbtu”.

Ir-Regolament Nru 1107/2009

6

Il-premessa 8 tar-Regolament Nru 1107/2009 hija fformulata kif ġej:

“L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jassigura livell għoli ta’ protezzjoni kemm tas-saħħa tal-bniedem kif ukoll dik tal-annimali u tal-ambjent u fl-istess ħin li jissalvagwardja l-kompetittività tal-agrikoltura Komunitarja. […]”

7

L-Artikolu 21(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Il-Kummissjoni tista’ tirrevedi l-approvazzjoni ta’ sustanza attiva fi kwalunkwe ħin. Hija għandha tqis it-talba ta’ Stat Membru li jirrevedi, fid-dawl tal-għarfien xjentifiku u tekniku u tad-data ta’ monitoraġġ, l-approvazzjoni tas-sustanza attiva […]”

8

L-Artikolu 49(2) tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej:

“Fejn ikun hemm tħassib sostanzjali li ż-żrieragħ trattati […] x’aktarx jikkostitwixxu riskju serju għas-saħħa tal-bniedem jew l-annimali jew għall-ambjent u li tali riskju ma jistax jitrażżan b’mod sodisfaċenti permezz ta’ miżuri meħuda mill-Istat(i) Membru/i kkonċernat(i), għandhom jittieħdu immedjatament miżuri biex jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-użu u/jew il-bejgħ ta’ tali żrieragħ trattati skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 79(3). […]”

9

L-Artikolu 69 tal-istess regolament jipprovdi:

“Fejn ikun ċar li sustanza attiva approvata, aġent protettiv, sinerġist jew ko-formulant jew prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li kien awtorizzat skont dan ir-Regolament huwa probabbli li jikkostitwixxi riskju serju għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew għall-ambjent, u li riskju bħal dan ma jistax jitrażżan b’mod sodisfaċenti permezz tal-miżuri meħuda mill-Istat(i) Membru/i kkonċernat(i), għandhom jittieħdu immedjatament miżuri biex jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-użu u/jew il-bejgħ ta’ dik is-sustanza jew ta’ dak il-prodott skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 79(3), jew fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni stess jew fuq it-talba ta’ Stat Membru. […]”

10

L-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 1107/2009 jipprovdi:

“B’deroga mill-Artikolu 69, f’każijiet ta’ urġenza estrema l-Kummissjoni tista’ tadotta b’mod proviżorju miżuri ta’ emerġenza wara li tikkonsulta lill-Istat Membru kkonċernat jew lill-Istati Membri kkonċernati u wara li tinforma lill-Istati Membri l-oħra.

Malajr kemm jista’ jkun, u mhux iktar tard minn wara għaxart ijiem ta’ xogħol, dawk il-miżuri għandhom jiġu kkonfermati, emendati, revokati jew estiżi skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 79(3).”

11

L-Artikolu 71 ta’ dan ir-regolament jispeċifika:

“1.   Fejn Stat Membru jinforma uffiċjalment lill-Kummissjoni bil-ħtieġa għal miżuri ta’ emerġenza, u ma tittieħdet l-ebda azzjoni skont l-Artikoli 69 jew 70, l-Istat Membru jista’ jadotta miżuri interim ta’ protezzjoni. F’dan il-każ, huwa għandu jinforma immedjatament lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni.

2.   Fi żmien 30 jum ta’ xogħol, il-Kummissjoni għandha tressaq il-kwistjoni quddiem il-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 79(1) skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 79(3) bil-ħsieb tal-estensjoni, l-emenda jew it-tħassir tal-miżura interim nazzjonali ta’ protezzjoni.

3.   L-Istat Membru jista’ jżomm il-miżuri interim nazzjonali ta’ protezzjoni tiegħu sakemm jiġu adottati l-miżuri Komunitarji.”

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/783

12

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/783 tad-29 ta’ Mejju 2018 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva imidakloprid (ĠU 2018, L 132, p. 31) jiddetermina l-kundizzjonijiet għat-tqegħid fis-suq u għall-użu tal-imidakloprid.

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/784

13

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/784 tad-29 ta’ Mejju 2018 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 f’dak li għandu x’jaqsam mal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva klotijanidin (ĠU 2018, L 132, p. 35) jiddetermina l-kundizzjonijiet għat-tqegħid fis-suq u għall-użu tal-klotijanidin.

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/785

14

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/785 tad-29 ta’ Mejju 2018 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 f’dak li għandu x’jaqsam mal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva tijametossam (ĠU 2018, L 132, p. 40) jiddetermina l-kundizzjonijiet għat-tqegħid fis-suq u għall-użu tat-tijametossam.

Id-dritt Franċiż

15

L-Artikolu L. 253‑8, II, tal-code rural et de la pêche maritime (il-Kodiċi dwar l-Agrikoltura u s-Sajd Marittimu) jipprovdi:

“L-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom sustanza attiva waħda jew iktar tal-familja tan-neonikotinojdi u ta’ żrieragħ ittrattati b’dawn il-prodotti huwa pprojbit mill-1 ta’ Settembru 2018.

[…]

Eċċezzjonijiet għall-projbizzjoni msemmija fl-ewwel u fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu II jistgħu jingħataw sal-1 ta’ Lulju 2020 permezz ta’ deċiżjoni konġunta tal-Ministri għall-Agrikoltura, għall-Ambjent u għas-Saħħa.

[…]”

16

L-Artikolu D. 253‑46‑1 ta’ dan il-kodiċi, introdott bid-décret no 2018‑675, du 30 juillet 2018, relatif à la définition des substances actives de la famille des néonicotinoïdes présentes dans les produits phytopharmaceutiques (id-Digriet Nru 2018‑675 tat-30 ta’ Lulju 2018 dwar id-definizzjoni tas-sustanzi attivi tal-familja tan-neonikotinojdi fi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti) (JORF tal-1 ta’ Awwissu 2018, test Nru 7), jipprovdi:

“Is-sustanzi attivi tal-familja tan-neonikotinojdi msemmija fl-Artikolu L. 253‑8 huma:

Aċetamiprid;

Klotijanidin;

Imidakloprid;

Tijakloprid;

Tijametossam.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17

L-Artikolu L. 253‑8 tal-Kodiċi dwar l-Agrikoltura u s-Sajd Marittimu jipprevedi l-projbizzjoni tal-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom sustanza attiva waħda jew iktar tal-familja tan-neonikotinojdi u ta’ żerriegħa ttrattata b’dawn il-prodotti b’effett mill-1 ta’ Settembru 2018. Madankollu, huwa jawtorizza l-għoti ta’ ċerti derogi minn din il-projbizzjoni sal-1 ta’ Lulju 2020.

18

Fit-2 ta’ Frar 2017, ir-Repubblika Franċiża kkomunikat lill-Kummissjoni abbozz ta’ digriet li jelenka s-sustanzi attivi msemmija f’dan l-artikolu. Din il-komunikazzjoni kienet ibbażata espliċitament fuq ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2015/1535 u ma kinitx tirreferi għar-Regolament Nru 1107/2009. L-imsemmija komunikazzjoni semmiet diversi studji li jindikaw impatt kbir tan-neonikotinojdi fuq l-ambjent u riskju għas-saħħa tal-bniedem.

19

Fit-3 ta’ Awwissu 2017, il-Kummissjoni wieġbet għall-istess komunikazzjoni fis-sens li hija kienet tikkondividi t-tħassib espress mir-Repubblika Franċiża dwar ċerti sustanzi tal-familja tan-neonikotinojdi. Barra minn hekk, din l-istituzzjoni speċifikat li l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) kienet ippubblikat konklużjonijiet li jikkonċernaw tlieta mis-sustanzi msemmija fl-abbozz ta’ digriet innotifikat, liema pubblikazzjoni kienet tħeġġiġha sabiex tirrifletti dwar il-ħtieġa li jiġu implimentati restrizzjonijiet oħra.

20

Sussegwentement, ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni 2018/783, 2018/784 u 2018/785 ipprojbixxew l-użu tal-imidakloprid, tal-klotijanidin u tat-tijametossam b’effett mid-19 ta’ Diċembru 2018, bl-eċċezzjoni ta’ trattamenti tal-għelejjel f’serer permanenti tal-pjanti li jibqgħu f’tali serra matul iċ-ċiklu kollu tat-tkabbir tagħhom.

21

Fit-30 ta’ Lulju 2018, il-Prim Ministru adotta, abbażi tal-Artikolu L. 253‑8 tal-Kodiċi dwar l-Agrikoltura u s-Sajd Marittimu, id-Digriet Nru 2018‑675 li għandu l-għan li jiddefinixxi s-sustanzi attivi tal-familja tan-neonikotinojdi msemmija f’dan l-artikolu. Dan id-digriet daħħal f’dan il-kodiċi l-Artikolu D. 253‑46‑1, li jipprovdi li dawn is-sustanzi pprojbiti huma l-aċetamiprid, il-klotijanidin, l-imidakloprid, it-tijakloprid u t-tijametossam.

22

Fl-1 ta’ Ottubru 2018, l-Union des industries de la protection des plantes ippreżentat quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) rikors intiż għall-annullament tal-imsemmi digriet, sa fejn huwa inkompatibbli mar-Regolament Nru 1107/2009.

23

Fid-dawl tal-iżvolġiment tal-proċedura qabel l-adozzjoni tad-Digriet Nru 2018‑675, il-qorti tar-rinviju tqis li l-legalità tiegħu tiddependi mill-kwistjoni dwar jekk ir-Repubblika Franċiża kellhiex, skont l-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 1107/2009, il-possibbiltà li tadotta dan id-digriet bħala miżura ta’ emerġenza, wara li wettqet komunikazzjoni bbażata fuq id-Direttiva 2015/1535 u meta l-Kummissjoni kienet adottat serje ta’ miżuri dwar l-użu ta’ wħud min-neonikotinojdi msemmija fl-imsemmi digriet.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċedura quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Meta miżura nazzjonali intiża li tirrestrinġi l-użu ta’ sustanzi attivi tkun ġiet formalment innotifikata lill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 5 tad-Direttiva [2015/1535] flimkien ma’, madankollu, preżentazzjoni tal-elementi li jwasslu lill-Istat Membru jqis li s-sustanza tista’ tikkostitwixxi riskju serju għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew tal-ambjent u li, bis-sitwazzjoni preżenti tal-leġiżlazzjoni, dan ir-riskju ma jistax jiġi kkontrollat b’mod sodisfaċenti ħlief permezz ta’ miżuri adottati mill-Istat Membru, jiġifieri preżentazzjoni suffiċjentement ċara sabiex il-Kummissjoni ma tkunx tista’ twettaq żball billi tqis li l-bażi tan-notifika huwa r-Regolament Nru 1107/2009 […], allura l-Kummissjoni […] tista’ tqis din in-notifika bħala li ġiet ippreżentata skont il-proċedura prevista fl-Artikoli 69 u 71 ta’ dan ir-regolament u, jekk ikun il-każ, tadotta miżuri addizzjonali ta’ investigazzjoni jew miżuri li jissodisfaw kemm ir-rekwiżiti ta’ din il-leġiżlazzjoni kif ukoll it-tħassib espress minn dan l-Istat Membru?

2)

Fl-ipoteżi fejn ir-risposta għal din id-domanda tkun pożittiva, ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nri 2018/783, 2018/784 u 2018/785 […] li jipprojbixxu l-użu tas-sustanzi tijametossam, klotijanidin u imidakloprid, sa mid-19 ta’ Diċembru 2018, bl-eċċezzjoni tat-trattamenti għall-għelejjel f’serra permanenti tal-pjanti li jqattgħu ċ-ċiklu kollu ta’ ħajjithom f’tali serra, għandhom jitqiesu bħala miżuri adottati b’risposta għat-talba magħmula [mir-Repubblika Franċiża] fit-2 ta’ Frar 2017 intiża għall-projbizzjoni ġenerali tal-użu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom sustanza waħda jew iktar tal-familja tan-neonikotinojdi u żerriegħa ttrattata b’dawn il-prodotti?

3)

F’każ ta’ risposta pożittiva għal din l-aħħar domanda, x’jista’ jagħmel l-Istat Membru li, abbażi tal-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1107/2009, ikun talab lill-Kummissjoni sabiex tadotta miżuri intiżi li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-użu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom sustanza waħda jew iktar tal-familja tan-neonikotinojdi u żerriegħa ttrattata b’dawn il-prodotti, jekk din tilqa’ biss parzjalment it-talba tiegħu peress li tirrestrinġi l-użu mhux tas-sustanzi kollha tal-familja tan-neonikotinojdi iżda ta’ tlieta fosthom?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

25

L-Union des industries de la protection des plantes tikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

26

Hija ssostni li l-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma setgħetx tiġi adottata skont l-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 1107/2009 sa fejn tikkostitwixxi projbizzjoni definittiva u mhux miżura provviżorja implimentata fl-istennija tal-adozzjoni ta’ miżuri fil-livell tal-Unjoni. Din il-miżura lanqas ma għandha natura urġenti, sa fejn tirriżulta minn liġi tas-sena 2016 li l-effetti tagħha ġew iddifferiti sas-sena 2018. Barra minn hekk, il-komunikazzjoni tal-imsemmija miżura ma tirriżultax mill-proċedura ta’ urġenza prevista mid-Direttiva 2015/1535.

27

Hija ssostni wkoll li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel domanda, li tirrigwarda l-osservanza tal-kundizzjonijiet proċedurali stabbiliti fl-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 1107/2009, ma għandha l-ebda effett fuq l-eżitu tat-tilwima fil-kawża prinċipali. L-istess japplika għat-tieni u għat-tielet domanda, peress li dawn saru biss fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda. Barra minn hekk, it-tieni domanda ma għandha ebda rabta mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

28

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, meta d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2018, Minister for Justice and Equality u Commissioner of An Garda Síochána, C‑378/17, EU:C:2018:979, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

29

Minn dan isegwi li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda għal deċiżjoni preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2018, Minister for Justice and Equality u Commissioner of An Garda Síochána, C‑378/17, EU:C:2018:979, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

30

L-argumenti mressqa mill-Union des industries de la protection des plantes ma humiex suffiċjenti sabiex jikkonfutaw il-preżunzjoni ta’ rilevanza li minnha jibbenefikaw id-domandi magħmula.

31

Fil-fatt, jidher, fl-ewwel lok, li l-qorti tar-rinviju ma ddeterminatx, f’dan l-istadju, il-portata tal-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi eskluż li dik il-qorti tista’ tqis, jekk ikun il-każ billi tagħti interpretazzjoni ta’ din il-miżura b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni, li din hija ta’ natura provviżorja u tista’, għalhekk, tikkostitwixxi “miżura kawtelatorja provviżorja”, fis-sens tal-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 1107/2009.

32

Fit-tieni lok, it-tul tal-proċedura nazzjonali li ppreċediet l-adozzjoni tal-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistax ikun deċiżiv, peress li dan it-tul ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi eskluż li, fl-istadju finali ta’ din il-proċedura, din il-miżura setgħet tidher bħala “miżura ta’ emerġenza”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sa fejn l-adozzjoni tagħha kienet saret neċessarja sabiex jiġi indirizzat, b’mod urġenti, riskju serju għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew għall-ambjent.

33

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-assenza tal-użu tal-proċedura ta’ urġenza prevista mid-Direttiva 2015/1535 sabiex issir il-komunikazzjoni tal-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel domanda hija intiża li tipprovdi lill-qorti tar-rinviju l-punti ta’ dritt tal-Unjoni neċessarji sabiex jiġi ddeterminat jekk, u jekk ikun il-każ taħt liema kundizzjonijiet, komunikazzjoni magħmula skont din id-direttiva tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 1107/2009. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni ta’ dan l-argument tal-Union des industries de la protection des plantes huwa marbut b’mod li ma jistax jiġi sseparat mar-risposta li għandha tingħata għal din id-domanda u, għalhekk, ma huwiex ta’ natura li jwassal għall-inammissibbiltà tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-17 ta’ Jannar 2019, KPMG Baltics, C‑639/17, EU:C:2019:31, punt 11, u tat-3 ta’ Diċembru 2019, Iccrea Banca, C‑414/18, EU:C:2019:1036, punt 30).

34

Fir-raba’ lok, fir-rigward tar-relazzjoni bejn it-tieni domanda u s-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li din id-domanda hija intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk ċerti miżuri adottati mill-Kummissjoni wara l-komunikazzjoni magħmula mir-Repubblika Franċiża jistgħux jitqiesu li ttieħdu b’reazzjoni għal din il-komunikazzjoni. Peress, minn naħa, li l-qorti tar-rinviju għandha, sabiex tiddeċiedi t-tilwima fil-kawża prinċipali, tiddetermina jekk id-Digriet Nru 2018‑675 setax jiġi adottat mir-Repubblika Franċiża skont l-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 1107/2009 u, min-naħa l-oħra, li din id-dispożizzjoni tissuġġetta l-azzjoni tal-Istati Membri għan-nuqqas ta’ adozzjoni ta’ ċerti miżuri mill-Kummissjoni, ma jistax jiġi kkunsidrat li t-tieni domanda hija manifestament nieqsa minn kull rabta mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

35

Minn dan isegwi li d-domandi preliminari huma ammissibbli.

Fuq l-ewwel domanda

36

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2015/1535 u l-Artikolu 71(1) tar-Regolament Nru 1107/2009 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-komunikazzjoni, magħmula skont l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, ta’ miżura nazzjonali li tipprojbixxi l-użu ta’ ċerti sustanzi attivi li jaqgħu taħt dan ir-regolament għandha tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi informazzjoni uffiċjali tal-ħtieġa li jittieħdu miżuri ta’ emerġenza, fis-sens tal-Artikolu 71(1) tal-imsemmi regolament, meta din il-komunikazzjoni tkun tinkludi preżentazzjoni ċara tal-elementi li juru, minn naħa, li dawn is-sustanzi attivi jistgħu jikkostitwixxu riskju gravi għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew għall-ambjent u, min-naħa l-oħra, li dan ir-riskju ma jistax jiġi kkontrollat b’mod sodisfaċenti ħlief permezz ta’ miżuri adottati mill-Istat Membru kkonċernat.

37

L-Artikolu 71(1) tar-Regolament Nru 1107/2009 jipprevedi li, meta Stat Membru jinforma uffiċjalment lill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li jittieħdu miżuri ta’ emerġenza u meta ebda miżura ma tkun ġiet adottata skont l-Artikoli 69 jew 70 ta’ dan ir-regolament, dan l-Istat Membru jista’ jadotta miżuri kawtelatorji provviżorji. Huwa għandu mbagħad jinforma b’dan immedjatament lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni.

38

L-Artikolu 69 tal-imsemmi regolament jawtorizza lill-Kummissjoni tadotta miżuri ta’ emerġenza intiżi sabiex jillimitaw jew jipprojbixxu l-użu jew il-bejgħ ta’ sustanza attiva jew ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti meta jkun jidher ċar li din is-sustanza attiva jew dan il-prodott, li kienu ġew awtorizzati skont l-istess regolament, jistgħu jikkostitwixxu riskju serju għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew għall-ambjent u li dan ir-riskju ma jistax jiġi kkontrollat b’mod sodisfaċenti permezz ta’ miżuri meħuda mill-Istat Membru kkonċernat jew mill-Istati Membri kkonċernati. L-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 1107/2009 jipprevedi l-possibbiltà, għall-Kummissjoni, li tadotta tali miżuri ta’ emerġenza wara proċedura ssemplifikata f’każ ta’ urġenza estrema.

39

Il-proċedura stabbilita mill-Artikolu 71 ta’ dan ir-regolament għandha għalhekk l-għan li tippermetti l-adozzjoni, mill-Kummissjoni, jew, fin-nuqqas ta’ tali adozzjoni, minn Stat Membru, ta’ miżuri ta’ emerġenza li jirregolaw l-użu jew il-bejgħ ta’ ċerti sustanzi jew ta’ ċerti prodotti meta dawn il-miżuri jidhru neċessarji għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew tal-ambjent.

40

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2015/1535 jipprevedi, min-naħa tiegħu, li l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw immedjatament lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku. Din il-komunikazzjoni għandha bħala prinċipju tiġi segwita, skont l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, minn posponiment tal-adozzjoni ta’ dan l-abbozz, sabiex din l-istituzzjoni u l-Istati Membri l-oħra jkunu jistgħu jifformulaw osservazzjonijiet dwar l-imsemmi abbozz.

41

Għalkemm il-proċedura prevista mill-imsemmija direttiva tista’ tikkonċerna, skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tagħha, miżuri ta’ Stat Membru intiżi sabiex jillimitaw il-kummerċjalizzazzjoni jew l-użu ta’ sustanza jew ta’ prodott kimiku għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika jew ta’ protezzjoni tal-ambjent, xorta jibqa’ l-fatt li ż-żewġ proċeduri msemmija fl-ewwel domanda huma distinti.

42

Fl-ewwel lok, għalkemm l-Artikolu 5 tal-istess direttiva japplika, bħala prinċipju, għal kull abbozz ta’ regolament tekniku, l-Artikolu 71(1) tar-Regolament Nru 1107/2009 jikkonċerna l-miżuri applikabbli għas-sustanzi u għall-prodotti approvati jew awtorizzati skont dan ir-regolament.

43

Fit-tieni lok, il-komunikazzjoni li tikkostitwixxi l-bidu tal-proċedura prevista fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva ma għandhiex l-istess funzjoni bħall-informazzjoni uffiċjali li permezz tagħha tinbeda l-proċedura stabbilita mill-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 1107/2009, peress li din il-komunikazzjoni hija intiża li tippermetti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra jifformulaw osservazzjonijiet, filwaqt li din l-informazzjoni għandha bħala għan ewlieni li tħeġġeġ lill-Kummissjoni tirreaġixxi għall-imsemmija informazzjoni billi tadotta l-miżuri ta’ emerġenza neċessarji sabiex jiġi kkontrollat ir-riskju identifikat mill-Istat Membru kkonċernat.

44

Fit-tielet lok, il-konsegwenzi marbuta mil-leġiżlatur tal-Unjoni mal-komunikazzjoni u mal-informazzjoni previsti rispettivament fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2015/1535 u fl-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 1107/2009 ma humiex tal-istess natura. B’hekk, filwaqt li din il-komunikazzjoni timplika, bħala prinċipju, il-posponiment tal-adozzjoni tal-abbozz ikkonċernat, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 71(1) tar-Regolament Nru 1107/2009 tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tippermetti lill-Istat Membru kkonċernat jadotta mingħajr dewmien miżuri kawtelatorji provviżorji fil-livell nazzjonali.

45

F’dan ir-rigward, għalkemm il-proċedura prevista fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2015/1535 tista’ ċertament twassal ukoll għall-adozzjoni immedjata ta’ miżuri nazzjonali, meta l-Istat Membru kkonċernat jagħmel użu mill-possibbiltà stabbilita għal dan il-għan mill-Artikolu 6(7)(a) ta’ din id-direttiva, din il-possibbiltà tikkostitwixxi biss eċċezzjoni, li l-applikabbiltà tagħha hija barra minn hekk suġġetta għal kundizzjoni li ma tinsabx fl-Artikolu 71(1) tar-Regolament Nru 1107/2009, jiġifieri n-natura imprevedibbli tas-sitwazzjoni li tkun is-suġġett tal-miżura ta’ emerġenza adottata.

46

Fir-raba’ lok, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 71(1) ta’ dan ir-regolament għandu jiġi assimilat, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tagħha, ma’ klawżola ta’ salvagwardja.

47

Id-distinzjoni bejn il-proċeduri previsti rispettivament fl-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva u fl-Artikolu 71 tal-imsemmi regolament hija għalhekk ikkonfermata mill-Artikolu 7(1)(c) tal-istess direttiva, li jipprevedi li l-Artikoli 5 u 6 tagħha ma japplikawx għad-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri li permezz tagħhom dawn tal-aħħar jagħmlu użu mill-klawżoli ta’ salvagwardja previsti fl-atti vinkolanti tal-Unjoni.

48

B’dan premess, għalkemm mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-użu, minn Stat Membru, tal-possibbiltà prevista f’att tal-Unjoni li jadotta miżuri ta’ emerġenza teħtieġ l-osservanza kemm tal-kundizzjonijiet sostantivi u kemm tal-kundizzjonijiet proċedurali stabbiliti f’dan l-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2011, Monsanto et, C‑58/10 sa C‑68/10, EU:C:2011:553, punt 69, kif ukoll tat-13 ta’ Settembru 2017, Fidenato et, C‑111/16, EU:C:2017:676, punt 32), għandu jiġi kkonstatat li t-tressiq ta’ każ quddiem il-Kummissjoni skont l-Artikolu 71(1) tar-Regolament Nru 1107/2009 jeħtieġ biss li l-Istat Membru kkonċernat “jinforma uffiċjalment” lil din l-istituzzjoni, mingħajr ma huwa meħtieġ li din l-informazzjoni jkollha forma partikolari.

49

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jirrispettaw lil xulxin u għandhom jgħinu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti li joħorġu mit-Trattati. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod partikolari li dan il-prinċipju jobbliga mhux biss lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex jiggarantixxu l-portata u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni, iżda jimponi wkoll fuq l-istituzzjonijiet tagħha dmirijiet reċiproċi ta’ kooperazzjoni leali mal-Istati Membri (sentenzi tal-4 ta’ Settembru 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑192/13 P, EU:C:2014:2156, punt 87, u tad-19 ta’ Diċembru 2019, Amoena, C‑677/18, EU:C:2019:1142, punt 55).

50

Għandu jitfakkar ukoll li, fost il-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, hemm il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li miegħu huwa marbut l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, bir-reqqa u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ ineżami (sentenza tad-29 ta’ Marzu 2012, Il-Kummissjoni vs L-Estonja, C‑505/09 P, EU:C:2012:179, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51

F’dawn iċ-ċirkustanzi, minkejja d-distinzjoni bejn il-proċeduri previsti rispettivament fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2015/1535 u fl-Artikolu 71(1) tar-Regolament Nru 1107/2009, il-Kummissjoni ma tistax, fid-dawl tal-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u tal-ambjent imsemmi fil-premessa 8 ta’ dan ir-regolament, tiċħad kull rilevanza, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 71(1), ta’ komunikazzjoni ta’ abbozz ta’ regolament tekniku magħmula skont dan l-Artikolu 5 meta l-elementi inklużi f’din il-komunikazzjoni jkunu suffiċjenti sabiex jippermettu lil din l-istituzzjoni tifhem li l-Istat Membru kkonċernat kien imissu ressaq il-każ quddiemha taħt l-Artikolu 71(1) tal-imsemmi regolament.

52

Din l-aħħar kundizzjoni tkun ssodisfatta meta l-komunikazzjoni kkonċernata ssemmi, minn naħa, l-eżistenza ta’ riskju marbut ma’ sustanza attiva approvata jew ma’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti awtorizzat li l-abbozz ikkomunikat ikun intiż li jikkontrolla u, min-naħa l-oħra, l-impossibbiltà li jiġi kkontrollat dan ir-riskju mingħajr ma jiġu introdotti, b’urġenza, miżuri supplimentari fil-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

53

F’tali każ, hija l-Kummissjoni li għandha tistaqsi lill-Istat Membru kkonċernat jekk hemmx lok li jitqies li din il-komunikazzjoni tikkostitwixxi informazzjoni uffiċjali skont l-Artikolu 71(1) tar-Regolament Nru 1107/2009.

54

Fil-każ li l-Kummissjoni tkun naqset milli tagħmel tali mistoqsija lil dan l-Istat Membru, hemm lok li jitqies li din l-istituzzjoni kienet ġiet uffiċjalment informata, permezz tal-imsemmija komunikazzjoni, bil-ħtieġa li jittieħdu miżuri ta’ emerġenza, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 71(1) tal-imsemmi regolament.

55

F’dan il-każ, mit-termini stess tal-ewwel domanda jirriżulta li l-qorti tar-rinviju, li hija esklużivament responsabbli sabiex tevalwa l-fatti fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Mejju 2020, Azienda Municipale Ambiente, C‑15/19, EU:C:2020:371, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata), tqis li l-elementi msemmija fil-punt 52 ta’ din is-sentenza jirriżultaw effettivament mill-komunikazzjoni magħmula mir-Repubblika Franċiża.

56

Barra minn hekk, la mid-deċiżjoni tar-rinviju u lanqas mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta li l-Kummissjoni staqsiet lir-Repubblika Franċiża jekk hemmx lok li jitqies li din il-komunikazzjoni għandha tikkostitwixxi informazzjoni uffiċjali skont l-Artikolu 71(1) tar-Regolament Nru 1107/2009.

57

Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi enfasizzat li l-fatt li l-informazzjoni uffiċjali trażmessa minn Stat Membru lill-Kummissjoni tkun diġà tinkludi abbozz ta’ miżura ma huwiex ta’ natura li jeħles lil dan l-Istat Membru mill-obbligu li jinforma immedjatament lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bl-adozzjoni finali ta’ din il-miżura, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 71(1) tar-Regolament Nru 1107/2009.

58

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2015/1535 u l-Artikolu 71(1) tar-Regolament Nru 1107/2009 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-komunikazzjoni, magħmula skont l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, ta’ miżura nazzjonali li tipprojbixxi l-użu ta’ ċerti sustanzi attivi li jaqgħu taħt dan ir-regolament għandha titqies li tikkostitwixxi informazzjoni uffiċjali dwar il-ħtieġa li jittieħdu miżuri ta’ emerġenza, fis-sens tal-Artikolu 71(1) tal-imsemmi regolament, meta:

din il-komunikazzjoni tinkludi preżentazzjoni ċara ta’ elementi li juru, minn naħa, li dawn is-sustanzi attivi jistgħu jikkostitwixxu riskju serju għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew għall-ambjent u, min-naħa l-oħra, li dan ir-riskju ma jistax jiġi kkontrollat b’mod sodisfaċenti mingħajr l-adozzjoni, b’urġenza, tal-miżuri meħuda mill-Istat Membru kkonċernat, u meta

il-Kummissjoni naqset milli tistaqsi lil dan l-Istat Membru jekk hemmx lok li jitqies li l-imsemmija komunikazzjoni tikkostitwixxi informazzjoni uffiċjali skont l-Artikolu 71(1) tal-istess regolament.

Fuq it-tieni domanda

59

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 71(1) tar-Regolament Nru 1107/2009 għandux jiġi interpretat fis-sens li r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni 2018/783, 2018/784 u 2018/785 jistgħu jiġu kkunsidrati bħala miżuri adottati mill-Kummissjoni b’reazzjoni għall-komunikazzjoni magħmula, fit-2 ta’ Frar 2017, mir-Repubblika Franċiża.

60

L-Artikolu 71(1) tar-Regolament Nru 1107/2009 jispeċifika li, wara li jkun informa uffiċjalment lill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li jittieħdu miżuri ta’ emerġenza, Stat Membru jista’ jieħu miżuri kawtelatorji provviżorji jekk “ma tittieħdet l-ebda azzjoni skont l-Artikoli 69 jew 70” ta’ dan ir-regolament.

61

Għaldaqstant, mill-formulazzjoni stess ta’ dan l-Artikolu 71(1) jirriżulta li hija biss l-adozzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ miżuri bbażati fuq l-Artikoli 69 jew 70 tal-imsemmi regolament li tista’ teskludi kull possibbiltà, għall-Istat Membru kkonċernat, li jadotta miżuri ta’ emerġenza.

62

Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-istruttura ġenerali tal-istess regolament.

63

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 39 ta’ din is-sentenza, l-informazzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni minn Stat Membru skont l-Artikolu 71(1) tar-Regolament Nru 1107/2009 għandha l-għan li tibda proċedura intiża sabiex tiżgura l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ emerġenza mill-Kummissjoni jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-Istat Membru kkonċernat.

64

Għalhekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa proċedura ta’ urġenza speċifika li hija marbuta mill-qrib mal-proċeduri ta’ urġenza stabbiliti fl-Artikoli 69 u 70 ta’ dan ir-regolament, li jagħmlu parti, bħall-Artikolu 71 tiegħu, mill-Kapitolu IX tal-imsemmi regolament. Mill-banda l-oħra, id-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu dawn il-proċeduri ta’ urġenza ma jirreferux għall-proċeduri l-oħra previsti mill-istess regolament u għandhom, għaldaqstant, jitqiesu bħala indipendenti minn dawn tal-aħħar.

65

Il-proċedura prevista fl-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 1107/2009 hija distinta, b’mod partikolari, mill-proċedura ta’ reviżjoni tal-approvazzjoni ta’ sustanza attiva prevista fl-Artikolu 21 ta’ dan ir-regolament, li tista’ tinbeda wkoll wara t-talba ta’ Stat Membru mressqa għal dan il-għan.

66

Issa, ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni 2018/783, 2018/784 u 2018/785 ma ġewx adottati abbażi tal-Artikoli 69 jew 70 tar-Regolament Nru 1107/2009, iżda abbażi ta’ dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-regolament.

67

Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 71(1) tar-Regolament Nru 1107/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni 2018/783, 2018/784 u 2018/785 ma jistgħux jitqiesu li huma miżuri adottati mill-Kummissjoni b’reazzjoni għall-komunikazzjoni magħmula, fit-2 ta’ Frar 2017, mir-Repubblika Franċiża.

Fuq it-tielet domanda

68

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

Fuq l-ispejjeż

69

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 5 tad-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika u l-Artikolu 71(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-komunikazzjoni, magħmula skont l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, ta’ miżura nazzjonali li tipprojbixxi l-użu ta’ ċerti sustanzi attivi li jaqgħu taħt dan ir-regolament għandha titqies li tikkostitwixxi informazzjoni uffiċjali dwar il-ħtieġa li jittieħdu miżuri ta’ emerġenza, fis-sens tal-Artikolu 71(1) tal-imsemmi regolament, meta:

din il-komunikazzjoni tinkludi preżentazzjoni ċara ta’ elementi li juru, minn naħa, li dawn is-sustanzi attivi jistgħu jikkostitwixxu riskju serju għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew għall-ambjent u, min-naħa l-oħra, li dan ir-riskju ma jistax jiġi kkontrollat b’mod sodisfaċenti mingħajr l-adozzjoni, b’urġenza, tal-miżuri meħuda mill-Istat Membru kkonċernat, u

il-Kummissjoni Ewropea naqset milli titlob lil dan l-Istat Membru jekk hemmx lok li jitqies li l-imsemmija komunikazzjoni tikkostitwixxi informazzjoni uffiċjali skont l-Artikolu 71(1) tal-istess regolament.

 

2)

L-Artikolu 71(1) tar-Regolament Nru 1107/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/783 tad-29 ta’ Mejju 2018 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva imidakloprid, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/784 tad-29 ta’ Mejju 2018 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 f’dak li għandu x’jaqsam mal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva klotijanidin u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/785 tad-29 ta’ Mejju 2018 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 f’dak li għandu x’jaqsam mal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva tijametossam ma jistgħux jitqiesu li huma miżuri adottati mill-Kummissjoni Ewropea b’reazzjoni għall-komunikazzjoni magħmula, fit-2 ta’ Frar 2017, mir-Repubblika Franċiża.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.