SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

29 ta’ April 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Superviżjoni bankarja – Riorganizzazzjoni u stralċ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu – Direttiva 2001/24/KE – Miżura ta’ riorganizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu meħuda minn awtorità tal-Istat Membru ta’ oriġini – Trasferiment ta’ drittijiet, assi jew obbligi fuq ‘istituzzjoni tranżitorja’ – Trasferiment mill-ġdid lill-istituzzjoni ta’ kreditu suġġetta għall‑miżura ta’ riorganizzazzjoni – Artikolu 3(2) – Lex concursus – Effett ta’ miżura ta’ riorganizzazzjoni fi Stati Membri oħra – Rikonoxximent reċiproku – Artikolu 32 – Effetti ta’ miżura ta’ riorganizzazzjoni fuq kawża pendenti – Eċċezzjoni għall-applikazzjoni tal-lex concursus – L-ewwel paragrafu tal‑Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Prinċipju ta’ ċertezza legali”

Fil-Kawża C‑504/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Ġunju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ Lulju 2019, fil-proċedura

Banco de Portugal,

Fundo de Resolução,

Novo Banco SA, Sucursal en España,

vs

VR,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal, Presidenta tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tat-Tielet Awla, N. Wahl, F. Biltgen u L.S. Rossi (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑30 ta’ Settembru 2020,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Banco de Portugal u għall-Fundo de Resolução, minn J. M. Rodríguez Cárcamo, abogado, u A. M. Rodríguez Conde, abogada,

għal Novo Banco SA, Sucursal en España, minn A. Fernández de Hoyos u J. I. Fernández Aguado, abogados,

għall-Gvern Spanjol, minn S. Centeno Huerta, bħala aġent,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. M. De Socio, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, S. Jaulino, A. Homem, A. Pimenta, C. Raimundo u P. Barros da Costa, bħala aġenti, assistiti minn T. Tönnies, advogada,

għall-Parlament Ewropew, minn L. Visaggio, M. Sammut, P. López‑Carceller u R. Ignătescu, bħala aġenti,

għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn A. de Gregorio Merino, I. Gurov u E. d’Ursel, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Triantafyllou, A. Nijenhuis, J. Rius Riu u K.‑Ph. Wojcik, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑19 ta’ Novembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ April 2001 fuq ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 15), tal-Artikolu 2 TUE, tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, il-Banco de Portugal, il-Fundo de Resolução (iktar ’il quddiem il-“Fond ta’ Riżoluzzjoni”) u Novo Banco SA, Sucursal en España (iktar ’il quddiem “Novo Banco Spanja”), u, min-naħa l-oħra, VR, dwar talba għal annullament ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ azzjonijiet preferenzjali akkwistati minn din tal-aħħar.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 3, 4, 6, 7, 11, 16, 23 u 30 tad-Direttiva 2001/24 huma fformulati kif ġej:

“(3)

Din id-Direttiva tifforma parti tal-qafas leġislattiv tal-Komunità mwaqqaf mid-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l‑20 ta’ Marzu 2000 dwar l-adozzjoni u l-eżerċizzju tan-negozju ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu [(Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Volum 3, p. 272)]. Isegwi minn dan li, waqt li qed jaħdmu, istituzzjoni ta’ kreditu u l-friegħi tagħha jiffurmaw entità waħda soġġetta għas-superviżjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat fejn ingħatat l-awtorizzazzjoni valida ġewwa l-Komunità kollha.

(4)

Ikun partikolarment mhux mixtieq li titneħħa din l-għaqda bejn istituzzjoni u l-friegħi tagħha fejn jeħtieġ li jkunu adottati miżuri ta’ riorganizzazzjoni jew jinbdew proċeduri ta’ l-istralċ.

[…]

(6)

L-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini għandhom ikollhom is-setgħa waħedhom li jiddeċiedu u jimplimentaw il-miżuri ta’ riorganizzazzjoni provduti fil-liġi u l-prattiċi fis-seħħ f’dak l-Istat Membru. Minħabba d-diffikultà li jkunu armonizzati l-liġijiet u l-prattiki ta’ l-Istati Membri, huwa meħtieġ li jkun stabbilit rikonoxximent reċiproku minn Stati Membri tal-miżuri meħuda minnhom kollha biex jerġgħu jsiru vijabbli l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li tkun aworizzat.

(7)

Huwa essenzjali li jkun garantit li l-miżuri ta’ riorganizzazzjoni adottati mill-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini u l-miżuri adottati minn persuni jew korpi appuntati minn dawk l-awtoritajiet biex jamministraw dawk il-miżuri ta’ riorganizzazzjoni, inkluż miżuri li jinvolvu l-possibbiltà ta’ sospensjoni ta’ ħlasijiet, sospensjoni ta’ miżuri esekuttivi jew tnaqqis ta’ talbiet u kull miżura oħra li tista’ taffettwa jeddijiet eżistenti ta’ terzi persuni, huma effettivi fl-Istati Membri kollha.

[…]

(11)

Jeħtieġ li terzi persuni jkunu nnotifikati bl-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ riorganizzazzjoni fl-Istati Membri fejn jinsabu l-friegħi meta dawn il-miżuri jistgħu jfixklu l-eżerċizzju ta’ uħud mid-drittijiet tagħhom.

[…]

(16)

Trattament ugwali ta’ kredituri jeħtieġ li l-istituzzjoni tal-kreditu tkun stralċjata skond il-prinċipji ta’ l-unità u l-universalità, li jeħtieġu li l-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini ikollhom ġurisdizzjoni waħedhom u d-deċiżjoniiet tagħhom jkunu rikonoxxuti u li jkunu kapaċi li jipproduċu fl-Istati Membri kollha l-oħra, mingħajr xi formalità, l-effetti mogħtiha lilhom bil-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini, ħlief fejn din id-Direttiva tipprovdi mod ieħor.

[…]

(23)

Għalkemm huwa importanti li jkun segwit il-prinċipju li l-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini tiddetermina l-effetti kollha tal-miżuri ta’ riorganizzazzjoni u l-proċeduri ta’ l-istralċ, kemm proċedurali u sostantivi, huwa meħtieġ ukoll li wieħed iżomm f’moħħu li dawk l-effetti jistgħu jikkonfliġġu mar-regoli li huma normalment applikabbli fil-kuntest ta’ l-attività ekonomika u finanzjarja ta’ l-istituzzjoni ta’ kreditu konċernata u l-friegħi tagħha fi Stati Membri oħra. F’xi każijiet ir-riferenza għal-liġi ta’ Stat Membru ieħor tirrappreżenta kwalifika inevitabbli tal-prinċipju li għandha tapplika l-liġi ta’ l-Istat Membu ta’ l-oriġini.

[…]

(30)

L-effetti ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni jew proċeduri ta’ stralċ fuq kawża pendenti huma determinati bil-liġi ta’ l-Istat Membru fejn il-kawża hija pendenti bħala eċċezzjoni għall-applikazzjoni tal-lex concursus. L-effetti ta’ dawk il-miżuri u proċeduri fuq azzjonijiet individwali ta’ infurzar li joħorġu minn dawn il-kawżi għandhom ikunu ggvernati mil-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ l-origini, skond ir-regola ġenerali stabbilita minn din id-Direttiva. […]”

4

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/24 jistabbilixxi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-friegħi tagħhom mwaqqfa fl-Istati Membri tagħhom li ma jkunux dawk fejn jinsabu l-uffiċċji prinċipali, kif definiti fil-punti (1) u (3) ta’ l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/12/KE, bla ħsara għall-kondizzjonijiet u eżenzjonijiet provduti fl-Artikolu 2(3) ta’ dik id-Direttiva. […]”

5

Konformement mas-seba’ inċiż tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/24, il-“miżuri ta’ riorganizzazzjoni” għandhom ifissru “miżuri li huma maħsuba biex jippreservaw jew iġibu lura s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ istituzzjoni ta’ kreditu u li tista’ taffettwa d-drittijiet pre-eżistenti ta’ terzi, inkluż miżuri li jinvolvu l-possibbiltà ta’ sospensjoni ta’ ħlasijiet, sospensjoni ta’ miżuri ta’ infurżar jew tnaqqis ta’ talbiet”.

6

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Adozzjoni ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni – liġi applikabbli”, jipprevedi:

“1.   L-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini għandhom ikunu waħedhom mogħtija s-setgħa li jiddeċiedu fuq l-implimentazzjoni ta’ miżura ta’ riorganizzazzjoni jew iżjed f’istituzzjoni ta’ kreditu, inkluż friegħi stabbiliti fi Stati Membri oħra.

2.   Il-miżuri ta’ riorganizzazzjoni għandhom ikunu applikati skond il-liġijiet, ir-regolamenti u l-proċeduri applikabbli fl-Istat Membru ta’ oriġini, sakemm ma jkunx provdut mod ieħor f’din id-Direttiva.

Għandhom ikunu effettivi għal kollox skond il-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat Membru ġewwa l-Komunità kollha mingħajr kull formalità oħra, inkluż kontra terzi f’Istati Membri oħra, ukoll fejn ir-regoli ta’ l-Istat Membru ospitanti applikabbli għalihom ma jipprovdux għal dawk il-miżuri jew jagħmlu l-implimentazzjoni tagħhom soġġetta għall-kondizzjonijiet li ma jintlaħqux.

Il-miżuri ta’ riorganizzazzjoni għandhom ikunu effettivi ġewwa l-Komunità kollha ladarba jidħlu fis-seħħ fl-Istat Membru fejn ikunu ittieħdu.”

7

Skont l-Artikolu 32 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kawżi pendenti”:

“L-effetti ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni jew proċeduri ta’ stralċ fuq kawża pendenti dwar beni jew dritt li minnhom l-impriża ta’ l-assigurazzjoni tkun ġiet svestita għandhom ikunu iggvernati biss bil-liġi ta’ l-Istat Membru fejn il-kawza hija pendenti.”

Id-dritt Spanjol

8

Il-Ley 6/2005 sobre saneamiento y liquidación de las entidades de crédito (il-Liġi 6/2005 dwar il-Miżuri ta’ Riorganizzazzjoni u l-Istralċ ta’ Istituzzjonijiet ta’ Kreditu), tat‑22 ta’ April 2005 (BOE Nru 97, tat‑23 ta’ April 2005, p. 13912), ittrasponiet id-Direttiva 2001/24 fl-ordinament ġuridiku Spanjol.

9

L-Artikolu 19(1) ta’ din il-liġi jipprevedi:

“Meta tkun ġiet adottata miżura ta’ riorganizzazzjoni jew tkun infetħet proċedura ta’ stralċ kontra istituzzjoni ta’ kreditu approvata fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li jkollha mill-inqas fergħa waħda jew li tipprovdi servizzi fi Spanja, din il-miżura jew proċedura tipproduċi mingħajr ebda formalità oħra l-effetti kollha tagħha fi Spanja, hekk kif din tipproduċi l-effetti tagħha fl-Istat Membru li fih il-miżura tkun ġiet adottata jew il-proċedura miftuħa”.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10

Fl‑10 ta’ Jannar 2008, VR ikkonkludiet kuntratt ma’ Banco Espírito Santo, Sucursal en España (iktar ’il quddiem “BES Spanja”), li permezz tiegħu hija akkwistat azzjonijiet preferenzjali mill-istabbiliment ta’ kreditu Islandiż Kaupthing Bank għal ammont ta’ madwar EUR 166000 (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ bejgħ ta’ azzjonijiet”). F’dak iż-żmien, BES Spanja kienet il-fergħa Spanjola tal-bank Portugiż Banco Espírito Santo (iktar ’il quddiem “BES”).

11

Fil-kuntest tad-diffikultajiet finanzjarji serji ta’ BES, il-bord tad-diretturi ta’ Banco de Portugal adotta, permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Awwissu 2014, emendata bid-deċiżjoni tal‑11 ta’ Awwissu 2014 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tax-xahar ta’ Awwissu 2014”), miżuri msejħa “ta’ riżoluzzjoni” ta’ din l-istituzzjoni ta’ kreditu.

12

Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Banco de Portugal iddeċieda li joħloq “bank tranżitorju” jew “istituzzjoni tranżitorja”, bl-isem Novo Banco SA, fejn ġew ittrasferiti l-assi, l-obbligi u oġġetti oħra mhux ta’ assi ta’ BES deskritti fl-Anness 2 tal-imsemmija deċiżjoni.

13

Dan l-Anness 2 kien isemmi ċerti obbligi li kienu esklużi mit-trasferiment lil Novo Banco u li, għaldaqstant, baqgħu fl-assi ta’ BES. Fost dawn l-obbligi hemm dawk elenkati fil-punt (b)(v) tal-ewwel paragrafu tal-imsemmi Anness 2, jiġifieri “kull responsabbiltà jew kontinġenza, b’mod partikolari dawk li jirriżultaw minn frodi jew minn ksur ta’ dispożizzjonijiet jew deċiżjonijiet regolamentari, kriminali jew amministrattivi” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

14

Wara t-trasferiment imsemmi fil-punt 12 ta’ din is-sentenza, Novo Banco Spanja żammet ir-relazzjoni kummerċjali li VR kienet stabbilixxiet ma’ BES Spanja, dwar id-depożitu u l-ġestjoni tat-titoli li kienu s-suġġett tal-kuntratt ta’ bejgħ ta’ azzjonijiet, u kompliet tirċievi l-kummissjoni marbuta ma’ dawn is-servizzi.

15

Fl‑4 ta’ Frar 2015, VR ippreżentat rikors quddiem il-Juzgado de Primera Instancia de Vitoria (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Vitoria, Spanja) kontra Novo Banco Spanja intiż, prinċipalment, li tinkiseb in-nullità tal-kuntratt ta’ bejgħ ta’ azzjonijiet, minħabba nuqqas ta’ kunsens, kif ukoll ir-rimbors tal-ammont investit jew, sussidjarjament, ix-xoljiment tal-imsemmi kuntratt minħabba ksur tal-obbligi ta’ diliġenza, ta’ lealtà u ta’ informazzjoni kif ukoll il-kundanna ta’ dan l-istabbiliment bankarju għad-danni.

16

Quddiem dik il-qorti, Novo Banco Spanja oġġezzjonat peress li ma kellhiex locus standi in judicio għaliex, bis-saħħa tal-Anness 2 tad-deċiżjoni tax-xahar ta’ Awwissu 2014, ir-responsabbiltà allegata kienet tikkostitwixxi obbligu li ma kienx ġie ttrasferit lilha.

17

Permezz ta’ sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2015, il-Juzgado de Primera Instancia de Vitoria (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Vitoria) laqgħet it-talba ta’ VR, billi qieset li dan l-obbligu kien ġie trażmess lil Novo Banco bis-saħħa tad-deċiżjoni tax-xahar ta’ Awwissu 2014. Skont dik il-qorti, il-kunsens ta’ VR kien ivvizzjat fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ bejgħ ta’ azzjonijiet, sa fejn hija kellha 68 sena f’dak il-mument, ma kellha ebda għarfien finanzjarju u ma kinitx ġiet informata b’mod adegwat minn BES Spanja dwar in-natura u r-riskji marbuta mal-azzjonijiet preferenzjali li hija kienet akkwistat. L-imsemmija qorti għaldaqstant iddikjarat il-kuntratt ta’ bejgħ ta’ azzjonijiet null u mingħajr effett u kkundannat lil Novo Banco Spanja sabiex tirrimborsa lil VR il-prezz sħiħ tax-xiri.

18

Novo Banco Spanja appellat minn dik is-sentenza quddiem l-Audiencia Provincial de Álava (il-Qorti Provinċjali ta’ Álava). Fil-mori tal-kawża, hija ppreżentat żewġ deċiżjonijiet adottati mill-Banco de Portugal fid‑29 ta’ Diċembru 2015 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet tad‑29 ta’ Diċembru 2015”).

19

Minn dawn id-deċiżjonijiet, kif ippreżentati mill-qorti tar-rinviju, jirriżulta li l-punt (b)(vii) tal-ewwel paragrafu tal-Anness 2 tad-deċiżjoni tax-xahar ta’ Awwissu 2014 issa kellu jiġi fformulat kif ġej: “Kull obbligu, garanzija, responsabbiltà jew kontinġenza waqt il-kummerċjalizzazzjoni, l-intermedjazzjoni finanzjarja, il-proċedura ta’ sottoskrizzjoni u d-distribuzzjoni ta’ strumenti finanzjarji maħruġa minn kwalunkwe entità” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ġie ppreċiżat ukoll, f’dik l-okkażjoni, li “b’mod partikolari, sa minn dakinhar, l-obbligi segwenti ta’ BES ma ġewx trażmessi lil Novo Banco: […] iii) il-kumpens kollu relatat man-nuqqas ta’ osservanza ta’ kuntratti (xiri ta’ assi immobbli u oħrajn) iffirmati u konklużi qabel it‑3 ta’ Awwissu 2014; […] vi) il-kumpens u l-krediti kollha li jirriżultaw mill-annullament ta’ tranżazzjonijiet li BES wettqet bħala fornitur ta’ servizzi finanzjarji jew ta’ investiment; u vii) kull responsabbiltà li hija s-suġġett ta’ waħda mill-proċeduri deskritti fl-Anness I” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fost il-proċeduri msemmija f’dan l-Anness I hemm l-azzjoni mressqa minn VR.

20

Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet tad‑29 ta’ Diċembru 2015 jipprevedu li, “[s]a fejn l-assi, l-obbligi jew komponenti li ma jappartjenux lill-assi, konformement mal-punti preċedenti, li kellhom jibqgħu fl-assi ta’ BES ġew de facto ttrasferiti lil Novo Banco, b’din id-deċiżjoni dawn l-assi, l-obbligi jew il-komponenti li ma jappartjenux lill-assi huma, b’effett mit‑3 ta’ Awwissu 2014 (fit‑20.00) ittrasferiti mill-ġdid minn Novo Banco lil BES” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

21

Peress li l-Audiencia Provincial de Álava (il-Qorti Provinċjali ta’ Álava) ċaħdet l-appell ippreżentat minn Novo Banco Spanja, din tal-aħħar ippreżentat rikors straordinarju minħabba difett proċedurali quddiem il-qorti tar-rinviju, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja). Il-Banco de Portugal u l-Fond ta’ Riżoluzzjoni tħallew jintervjenu insostenn tat-talbiet ta’ Novo Banco Spanja. Dawn il-partijiet iqisu li din tal-aħħar ma kellhiex tiġi rrikonoxxuta bħala konvenuta fil-kawża prinċipali, peress li l-obbligu inkwistjoni ma kienx ġie ttrasferit lil Novo Banco u li, anki li kieku kien ġie ttrasferit, dan l-obbligu kien, sussegwentement, ġie ttrasferit mill-ġdid lil BES skont id-deċiżjonijiet tad‑29 ta’ Diċembru 2015. Dawn il-partijiet jallegaw ukoll li, skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/24, dawn id-deċiżjonijiet jipproduċu, mingħajr ebda formalità oħra, l-effetti tagħhom fl-Istati Membri kollha.

22

Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li d-deċiżjonijiet tad‑29 ta’ Diċembru 2015 ma humiex intiżi biss sabiex jiċċaraw id-deċiżjoni tax-xahar ta’ Awwissu 2014, iżda jemendawha b’effett retroattiv. Għalhekk, bis-saħħa tad-deċiżjonijiet tad‑29 ta’ Diċembru 2015, ir-responsabbiltà fir-rigward ta’ VR, li tirriżulta mill-kuntratt ta’ bejgħ ta’ azzjonijiet, li d-deċiżjoni tax-xahar ta’ Awwissu 2014 kienet ittrasferiet lil Novo Banco, ġiet ittrasferita mill-ġdid lil BES b’effett retroattiv mit‑3 ta’ Awwissu 2014.

23

Il-qorti tar-rinviju ma għandhiex dubji dwar il-possibbiltà li miżura ta’ riorganizzazzjoni meħuda mill-awtorità pubblika kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini jista’ jkollha effetti retroattivi, fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet fis-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2013, LBI (C‑85/12, EU:C:2013:697), u lanqas ma tikkontesta l-possibbiltà li obbligazzjonijiet trażmessi lil Novo Banco jiġu trażmessi mill-ġdid lil BES. Għall-kuntrarju, hija tistaqsi jekk l-emendi, fil-mertu, li seħħew bl-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tad‑29 ta’ Diċembru 2015, għandhomx jiġu rrikonoxxuti fil-proċeduri ġudizzjarji pendenti, mibdija qabel l-adozzjoni tagħhom.

24

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fir-rigward tar-rekwiżit ta’ effettività tal-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet ta’ VR li jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta kif ukoll mill-prinċipju ta’ ċertezza legali inerenti għall-Istat tad-dritt, dwar il-fondatezza tat-teżi ta’ Novo Banco Spanja, tal‑Banco de Portugal u tal-Fond ta’ Riżoluzzjoni, li jgħid li, anki jekk il-qorti tar-rinviju tikkonferma s-sentenza tal-Audiencia Provincial de Álava (il-Qorti Provinċjali ta’ Álava), din il-konferma tkun mingħajr effett jew tkun ineffettiva, peress li permezz tad-deċiżjonijiet tad‑29 ta’ Diċembru 2015, l-obbligu inkwistjoni, fi kwalunkwe każ, ġie ttrasferit mill-ġdid fl-assi ta’ BES b’effett mit‑3 ta’ Awwissu 2014.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva [2001/24] li tippreżumi r-rikonoxximent ta’ effetti, fil-proċeduri ġudizzjarji pendenti fi Stati Membri oħra, mingħajr formalitajiet oħra, ta’ deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva kompetenti tal-Istat [Membru] ta’ oriġini intiża li temenda, b’effett retroattiv, il-kuntest ġuridiku eżistenti meta tressqu l-proċeduri u li timplika li s-sentenzi ġudizzjarji li jmorru kontra dak previst f’din id-deċiżjoni l-ġdida jsiru ineffettivi, hija kompatibbli mad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilit fl-Artikolu 47 [tal-Karta], mal-prinċipju tal-Istat tad-dritt stabbilit fl-Artikolu 2 [TUE] u mal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali?”

Fuq id-domanda preliminari

Kunsiderazzjonijiet preliminari

26

Qabel kollox, għandu jiġi osservat, kif ġie rrilevat fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, li mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju titlaq mill-premessa li d-deċiżjonijiet tad‑29 ta’ Diċembru 2015 emendaw id-deċiżjoni tax-xahar ta’ Awwissu 2014, b’mod partikolari billi ttrasferixxew lil BES, b’effett retroattiv, ir-responsabbiltà eventwali ta’ Novo Banco li fuqha hija bbażata l-azzjoni ta’ VR.

27

L-eżattezza ta’ din il-premessa ġiet ikkontestata minn Novo Banco, mill-Banco de Portugal u mill-Fond ta’ Riżoluzzjoni kif ukoll mill-Gvern Portugiż. F’dan ir-rigward, huma jsostnu li d-deċiżjonijiet tad‑29 ta’ Diċembru 2015 ma jbiddlux id-deċiżjoni tax-xahar ta’ Awwissu 2014, iżda li huma biss jiċċaraw din tal-aħħar u, għaldaqstant, li l-esklużjoni, tal-parametri tal-assi u tal-obbligi ttrasferiti lil Novo Banco, tar-responsabbiltà eventwali li fuqha hija bbażata l-azzjoni ta’ VR tirriżulta minn miżuri ta’ riorganizzazzjoni adottati mhux fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja pendenti, iżda qabel il-preżentata tar-rikors ta’ VR, fl‑4 ta’ Frar 2015.

28

Madankollu, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tevalwa l-portata tad-deċiżjonijiet tad‑29 ta’ Diċembru 2015, peress li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha u taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza (sentenza tat‑30 ta’ April 2020, Blue Air – Airline Management Solutions, C‑584/18, EU:C:2020:324, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Għalhekk, sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, wieħed għandu jitlaq mill-premessa li d-deċiżjonijiet tad‑29 ta’ Diċembru 2015 emendaw effettivament, b’effett retroattiv, id-deċiżjoni tax-xahar ta’ Awwissu 2014 u li dawn ingħataw fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja pendenti, peress li VR ippreżentat ir-rikors tagħha quddiem il-Juzgado de Primera Instancia de Vitoria (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Vitoria) fl‑4 ta’ Frar 2015.

30

Fit-tieni lok, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, huwa l-obbligu ta’ din tal-aħħar li tagħti lil qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha. Barra minn hekk, jista’ jkun meħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha. Minn din il-perspettiva, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, jekk ikun il-każ, tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha (sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín, C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 33; tat‑8 ta’ Ġunju 2017, Freitag, C‑541/15, EU:C:2017:432, punt 29; u tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Estradizzjoni lejn l-Ukraina), C‑398/19, EU:C:2020:1032, punt 35).

31

F’dan il-każ, għalkemm id-domandi tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/24, għandu jiġi rrilevat, fid-dawl ta’ dak li ġie ppreċiżat fil-punt 26 ta’ din is-sentenza u mfakkar fil-punt 29 ta’ din l-istess sentenza, li l-Artikolu 32 ta’ din id-direttiva, sa fejn jintroduċi eċċezzjoni għall-imsemmi Artikolu 3(2), fir-rigward tad-dritt applikabbli għall-effetti tal-miżuri ta’ riorganizzazzjoni fuq kawżi pendenti, huwa rilevanti għall-finijiet tar-risposta li għandha tingħata lill-qorti tar-rinviju.

Fuq il-mertu

32

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preliminari, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2001/24, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu r-rikonoxximent, mingħajr kundizzjoni oħra, fi proċedura ġudizzjarja fuq il-mertu pendenti fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru ta’ oriġini, li tirrigwarda obbligu, li tneħħa minn istituzzjoni ta’ kreditu wara l-ewwel miżura ta’ riorganizzazzjoni meħuda f’dan l-Istat tal-aħħar, filwaqt li dan l-obbligu ġie fdat mill-ġdid lil din l-istituzzjoni ta’ kreditu permezz tat-tieni miżura ta’ riorganizzazzjoni, b’effett retroattiv, għal data qabel il-ftuħ ta’ tali proċedura, peress li tali rikonoxximent iwassal lill-istituzzjoni ta’ kreditu li lilha jkun ġie ttrasferit l-obbligu permezz tal-ewwel miżura biex titlef, b’effett retroattiv, il-locus standi in judicio tagħha għall-finijiet ta’ din il-proċedura pendenti, u għalhekk iqiegħed fid-dubju deċiżjonijiet ġudizzjarji diġà mogħtija favur ir-rikorrenti li kienu s-suġġett tal-istess proċedura.

33

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 4 u 16 tagħha, id-Direttiva 2001/24 hija bbażata fuq il-prinċipji ta’ unità u ta’ universalità u tistabbilixxi bħala prinċipju r-rikonoxximent reċiproku tal-miżuri ta’ riorganizzazzjoni u ta’ proċeduri ta’ stralċ kif ukoll tal-effetti tagħhom.

34

Fil-fatt, bis-saħħa tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, il-miżuri ta’ riorganizzazzjoni jiġu, bħala prinċipju, applikati skont il-liġi tal-Istat Membru ta’ oriġini. Barra minn hekk, mit-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta, minn naħa, li tali miżuri jirriproduċu l-effetti tagħhom skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat fl-Unjoni kollha mingħajr kull formalità oħra, inkluż kontra terzi fl-Istati Membri l-oħra, ukoll fejn ir-regoli tal-Istat Membru ospitanti applikabbli għalihom ma jipprovdux għal dawk il-miżuri jew jagħmlu l-implimentazzjoni tagħhom suġġetta għall-kundizzjonijiet li ma humiex issodisfatti. Min-naħa l-oħra, konformement mat-tielet subparagrafu tal-imsemmija dispożizzjoni, il-miżuri ta’ riorganizzazzjoni jipproduċu l-effetti tagħhom fl-Unjoni kollha malli dawn il-miżuri jipproduċu l-effetti tagħhom fl-Istat Membru ta’ oriġini. Dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu għalhekk li, bħala prinċipju, il-lex concursus tirregola l-miżuri ta’ riorganizzazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kif ukoll l-effetti tagħhom (sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2013, LBI, C‑85/12, EU:C:2013:697, punt 49).

35

Madankollu, hekk kif jirriżulta espressament mill-premessa 23 tad-Direttiva 2001/24, dawn l-effetti jistgħu jmorru kontra r-regoli normalment applikabbli fil-kuntest tal-attività ekonomika u finanzjarja tal-istituzzjoni ta’ kreditu u tal-fergħat tagħha fl-Istati Membri l-oħra. Għaldaqstant, ir-riferiment għal-liġi ta’ Stat Membru ieħor tirrappreżenta, f’ċerti każijiet, eċċezzjoni indispensabbli għall-prinċipju ta’ applikabbiltà tal-liġi tal-Istat Membru ta’ oriġini.

36

Għalhekk, b’eċċezzjoni għall-applikazzjoni tal-lex concursus, id-Direttiva 2001/24 tipprevedi, fl-Artikolu 32 tagħha, li l-effetti ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni fuq kawża pendenti li tikkonċerna assi jew dritt li jitneħħa lill-istituzzjoni ta’ kreditu huma rregolati esklużivament mil-liġi tal-Istat Membru li fih tkun pendenti dik il-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2013, LBI, C‑85/12, EU:C:2013:697, punti 5152).

37

Issa, fl-ewwel lok, mill-formulazzjoni ta’ dan l-Artikolu 32 jirriżulta li l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni li huwa jipprevedi teħtieġ li jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi.

38

L-ewwel, dawn għandhom ikunu miżuri ta’ riorganizzazzjoni fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/24, li huwa l-każ, f’dan il-każ, peress li, kif ġie kkonstatat fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, id-deċiżjonijiet tad‑29 ta’ Diċembru 2015 huma intiżi li jippreżervaw jew jistabbilixxu mill-ġdid is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ istituzzjoni ta’ kreditu.

39

It-tieni, għandu jkun hemm kawża pendenti. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, billi bbażat ruħha fuq il-premessa 30 tad-Direttiva 2001/24, li għandha ssir distinzjoni bejn il-kawżi pendenti u l-azzjonijiet għal eżekuzzjoni forzata individwali, li jirriżultaw minn dawn il-kawżi, u li t-termini “kawżi pendenti”, fis-sens tal-Artikolu 32 ta’ din id-direttiva, ikopru biss il-proċeduri fuq il-mertu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2013, LBI, C‑85/12, EU:C:2013:697, punti 5354).

40

F’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, minn naħa, il-proċedura inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mibdija minn VR kontra Novo Banco Spanja, sa fejn din tikkonċerna azzjoni għal nullità, jew, sussidjarjament, għal xoljiment, tal-kuntratt ta’ bejgħ ta’ azzjonijiet, għandha titqies li hija proċedura fuq il-mertu. Min-naħa l-oħra, id-deċiżjonijiet tad‑29 ta’ Diċembru 2015 ġew adottati wara l-bidu tal-proċedura mibdija minn VR fl‑4 ta’ Frar 2015 quddiem il-Juzgado de Primera Instancia de Vitoria (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Vitoria) u, għaldaqstant, f’mument meta din il-proċedura kienet diġà pendenti.

41

It-tielet, il-kawża pendenti għandha tikkonċerna “beni jew dritt li minnhom l-impriża ta’ l-assigurazzjoni tkun ġiet svestita”. F’dan ir-rigward, għalkemm ċerti verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 32 tad-Direttiva 2001/24 huma fformulati b’mod li jissuġġerixxu li huma biss l-assi li huma koperti minn din il-kundizzjoni, f’oħrajn minn dawn il-verżjonijiet, din id-dispożizzjoni, din hija fformulata b’mod iktar wiesa’, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 38 tal-konklużjonijiet tagħha. Għalhekk, f’każ ta’ tali diverġenza, l-imsemmija dispożizzjoni għandha għaldaqstant tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2021, Hessischer Rundfunk, C‑422/19, EU:C:2021:63, punt 65).

42

Fir-rigward tal-għan tal-Artikolu 32 tad-Direttiva 2001/24, mill-premessi 23 u 30 ta’ din tal-aħħar jirriżulta li din id-dispożizzjoni hija intiża, bħala attenwazzjoni indispensabbli għall-applikazzjoni tal-lex concursus li għaliha din tagħmel eċċezzjoni, li tissuġġetta l-effetti ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni jew ta’ proċeduri ta’ stralċ fuq kawża pendenti għal-liġi tal-Istat Membru li fih dik il-kawża tkun pendenti, fid-dawl tal-fatt li dawn l-effetti jistgħu jkunu f’kunflitt mar-regoli normalment applikabbli fil-kuntest tal-attività ekonomika u finanzjarja tal-istabbiliment ta’ kreditu u tal-fergħat tagħha fl-Istati Membri l-oħra. Issa, ma jkunx koerenti, fir-rigward ta’ tali għan, li jiġu esklużi mill-applikazzjoni ta’ din il-liġi l-effetti prodotti minn miżuri ta’ riorganizzazzjoni fuq kawża pendenti meta din l-istanza tikkonċerna eventwali responsabbiltajiet li, permezz ta’ tali miżuri ta’ riorganizzazzjoni, ikunu ġew ittrasferiti lil entità oħra.

43

Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2001/24 għandu japplika għall-kawża pendenti dwar wieħed jew iktar mill-assi tal-istituzzjoni ta’ kreditu, li jaqgħu kemm taħt l-assi kif ukoll taħt l-obbligi, li jkunu s-suġġett ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni adottati (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2018, Tarragó da Silveira, C‑250/17, EU:C:2018:398, punt 25).

44

Issa, f’dan il-każ, il-kawża pendenti tikkonċerna r-responsabbiltà eventwali marbuta mal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ bejgħ ta’ azzjonijiet, li tikkostitwixxi obbligu mill-assi ta’ BES Spanja li kien is-suġġett tal-miżura ta’ riorganizzazzjoni adottata mill-Banco de Portugal fix-xahar ta’ Awwissu 2014 u li tneħħiet minn BES Spanja, fis-sens tal-Artikolu 32 tad-Direttiva 2001/24, peress li din il-miżura ġiet emendata retroattivament bid-deċiżjonijiet tad‑29 ta’ Diċembru 2015.

45

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jidher li t-tliet kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti minn dan l-Artikolu 32 huma ssodisfatti fil-kawża prinċipali.

46

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-portata tal-effetti tal-miżuri ta’ riorganizzazzjoni rregolati mil-liġi tal-Istat Membru li fih il-kawża hija pendenti, għandu jitqies li l-liġi ta’ dan l-Istat Membru tirregola l-effetti kollha li tali miżuri jista’ jkollhom fuq tali kawża, kemm jekk dawn l-effetti jkunu proċedurali jew sostanzjali.

47

Fil-fatt, minn naħa, la mill-Artikolu 32 tad-Direttiva 2001/24 u lanqas mill-premessa 30 tagħha ma jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jillimita l-applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni biss għall-effetti proċedurali ta’ miżura ta’ riorganizzazzjoni. Min-naħa l-oħra, il-premessa 23 ta’ din id-direttiva, li, hekk kif jirriżulta mill-punt 35 ta’ din is-sentenza, tiġġustifika r-riferiment għal-liġi ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru ta’ oriġini, bħala kwalità indispensabbli għall-prinċipju ta’ applikabbiltà tal-liġi tal-Istat Membru ta’ oriġini, ma tillimitax ruħha li ssemmi l-effetti proċedurali, iżda tindika li kemm dawn tal-aħħar kif ukoll l-effetti sostanzjali tal-miżuri ta’ riorganizzazzjoni jistgħu jkunu f’kunflitt mar-regoli normalment applikabbli fil-kuntest tal-attività ekonomika u finanzjarja tal-istituzzjoni u ta’ kreditu u tal-fergħat tagħha fl-Istati Membri l-oħra.

48

Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li, sa fejn, kif jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 32 tad-Direttiva 2001/24 u tal-premessa 30 tagħha, il-liġi tal-Istat Membru li fih il-kawża tkun pendenti tirregola biss l-effetti ta’ dawn il-miżuri għall-finijiet tal-imsemmija kawża, l-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali ma tistax tikkontesta l-validità tad-deċiżjonijiet tad‑29 ta’ Diċembru 2015 bħala tali.

49

Konsegwentement, mill-Artikolu 3(2) u mill-Artikolu 32 tad-Direttiva 2001/24 jirriżulta li l-effetti, kemm proċedurali kif ukoll sostanzjali, ta’ miżura ta’ riorganizzazzjoni fuq proċedura ġudizzjarja pendenti fuq il-mertu huma esklużivament dawk iddeterminati mil-liġi tal-Istat Membru li fih din il-proċedura tkun pendenti.

50

Din l-interpretazzjoni tapplika wkoll fid-dawl tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iggarantit mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

51

F’dan ir-rigward, l-ewwel, fir-rigward tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-prinċipju jeżiġi, minn naħa, li d-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari u preċiżi u, min-naħa l-oħra, li l-applikazzjoni tagħhom tkun prevedibbli għall-partijiet fil-kawża, b’mod partikolari meta jista’ jkollhom konsegwenzi sfavorevoli fuq l-individwi u l-impriżi. B’mod partikolari, l-imsemmi prinċipju jeżiġi li leġiżlazzjoni tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu b’eżattezza l-portata tal-obbligi li hija timponi fuqhom u li dawn tal-aħħar ikollhom il-possibbiltà li jkollhom għarfien tad-drittijiet u tal-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità u jaġixxu konsegwentement (tal‑11 ta’ Lulju 2019, Agrenergy u Fusigano Due, C‑180/18, C‑286/18 u C‑287/18, EU:C:2019:605, punti 2930 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

52

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà fakkret li l-prinċipju ta’ ċertezza legali japplika b’rigorożità partikolari fil-każ ta’ leġiżlazzjoni li tista’ tinvolvi konsegwenzi finanzjarji (sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2007, ROM‑projecten, C‑158/06, EU:C:2007:370, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

F’dan il-każ, anki jekk VR kellha, fil-mument meta hija ressqet il-kawża tagħha quddiem il-Juzgado de Primera Instancia de Vitoria (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Vitoria) kontra Novo Banco Spanja, fl‑4 ta’ Frar 2015, l-elementi kollha neċessarji sabiex tieħu konjizzjoni sħiħa ta’ deċiżjoni dwar l-introduzzjoni ta’ tali kawża, kif ukoll sabiex tidentifika b’ċertezza l-persuna li kontriha din tal-aħħar kellha tiġi diretta u, b’mod partikolari, il-fatt li miżura ta’ trażmissjoni mill-ġdid, minn Novo Banco lil BES, tar-responsabbiltà marbuta mal-kuntratt ta’ bejgħ ta’ azzjonijiet kienet għad tista’ sseħħ u tipproduċi effetti retroattivi, xorta jibqa’ l-fatt li VR ma kinitx f’pożizzjoni, ladarba titressaq l-azzjoni tagħha imma qabel ma tittieħed deċiżjoni finali dwarha, li tantiċipa l-implimentazzjoni ta’ din l-aħħar possibbiltà u li konsegwentement tieħu l-miżuri tagħha.

54

Għalhekk, ir-rikonoxximent, fil-kawża prinċipali, tal-effetti tad-deċiżjonijiet tad‑29 ta’ Diċembru 2015, li jistgħu jkunu tali li jikkontestaw d-deċiżjonijiet ġudizzjarji diġà meħuda favur VR, li għadhom is-suġġett ta’ kawża pendenti, u li jintilef b’mod retroattiv mill-konvenuta l-locus standi in judicio tagħha għall-finijiet tal-azzjoni mressqa mir-rikorrenti, jikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

55

F’dak li jirrigwarda, it-tieni, l-evalwazzjoni ta’ tali rikonoxximent fir-rigward tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta, l-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu jipprovdi li kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jkunu nkisru għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skont il-kundizzjonijiet previsti f’dan l-artikolu.

56

Barra minn hekk, bis-saħħa tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, jista’ jkun hemm biss limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet iggarantiti minnha jekk kemm‑il darba, l-ewwel, dawn il-limitazzjonijiet ikunu previsti mil-liġi, it-tieni, ikunu josservaw il-kontenut essenzjali tad-drittijiet u tal-libertajiet inkwistjoni u, it-tielet, li b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, dawn ikunu meħtieġa u jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Dritt għal azzjoni ġudizzjarja kontra talba għal informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni), C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punt 51).

57

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta teżiġi, b’mod partikolari, li l-persuna kkonċernata tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u li tiddeċiedi, b’għarfien sħiħ tal-kunsiderazzjonijiet kollha involuti, jekk huwiex utli li tadixxi lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni b’azzjoni diretta kontra entità partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, PI, C‑230/18, EU:C:2019:383, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-azzjoni li VR ippreżentat quddiem il-qrati Spanjoli hija, b’mod partikolari, ibbażata fuq dritt iggarantit mid-dritt tal-Unjoni, konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, sa fejn hija tinvoka d-dritt li ma jiġix invokat fil-konfront tagħha, għall-finijiet ta’ din l-azzjoni, ir-rikonoxximent tal-effetti ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni meta tali rikonoxximent jikser id-dispożizzjonijiet relattivi previsti mid-Direttiva 2001/24.

59

Mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja quddiemha, jirriżulta li kemm waqt il-preżentata, fl‑4 ta’ Frar 2015, tar-rikors ta’ VR kontra Novo Banco Spanja, kif ukoll meta s-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2015 ingħatat mill-Juzgado de Primera Instancia de Vitoria (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Vitoria) li laqgħet l-imsemmi rikors, id-deċiżjonijiet tad‑29 ta’ Diċembru 2015 kienu għadhom ma ġewx adottati.

60

Konsegwentement, jidher li VR kellha raġun tindirizza r-rikors tagħha kontra Novo Banco Spanja, li dak iż-żmien kienet il-parti li setgħet titressaq quddiem qorti għar-responsabbiltà inerenti għall-konklużjoni tal-kuntratt ta’ bejgħ ta’ azzjonijiet ma’ VR. Fil-fatt, VR ma setgħetx tippreżenta, f’dak iż-żmien, rikors kontra BES Spanja, peress li, kif ikkonstatat il-qorti tar-rinviju, id-deċiżjoni tax-xahar ta’ Awwissu 2014 kienet ittrasferixxiet minn BES lil Novo Banco din ir-responsabbiltà.

61

Ċertament, id-Direttiva 2001/24 ma tipprekludix lill-Istat Membru ta’ oriġini milli jemenda, anki b’effett retroattiv, is-sistema legali applikabbli għall-miżuri ta’ riorganizzazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2013, LBI, C‑85/12, EU:C:2013:697, punt 38).

62

Madankollu, f’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat li, kif jirriżulta mill-punti 26 u 29 ta’ din is-sentenza, id-deċiżjonijiet tad‑29 ta’ Diċembru 2015, li emendaw, b’effett retroattiv, id-deċiżjoni tax-xahar ta’ Awwissu 2014, u b’mod partikolari l-imputazzjoni tar-responsabbiltà inerenti għall-konklużjoni tal-kuntratt ta’ bejgħ ta’ azzjonijiet ma’ VR, saru fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja pendenti, li ġiet introdotta sabiex tiġi kkonstatata tali responsabbiltà. Fil-fatt, dawn id-deċiżjonijiet huma intiżi preċiżament sabiex jirrendu ineffettiva s-sentenza tal-Juzgado de Primera Instancia de Vitoria (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Vitoria) tal‑15 ta’ Ottubru 2015, billi jikkontestaw l-interpretazzjoni li dik il-qorti tat tad-deċiżjoni tax-xahar ta’ Awwissu 2014. Hekk kif jirriżulta mill-punt 19 ta’ din is-sentenza, huma jirreferu espressament għall-azzjoni mressqa minn VR sabiex jistabbilixxu, kuntrarjament għal dik is-sentenza, li r-responsabbiltà li tista’ tirriżulta minn din l-azzjoni ma kinitx għaddiet minn BES lil Novo Banco.

63

Issa, li jiġi aċċettat li miżuri ta’ riorganizzazzjoni meħuda mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini wara l-preżentata ta’ tali rikors u għal tali sentenza u li jkollhom bħala konsegwenza li jibdlu, b’effett retroattiv, il-kuntest ġuridiku rilevanti sabiex tiġi deċiża l-kawża li tkun tat lok għal dan ir-rikors, jew saħansitra direttament is-sitwazzjoni legali li hija s-suġġett ta’ din it-tilwima, jistgħu jwasslu lill-qorti adita tiċħdu, jikkostitwixxi limitazzjoni għad-dritt għal rimedju effettiv, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, anki jekk tali miżuri, ma humiex, bħala tali, kuntrarji għad-Direttiva 2001/24, hekk kif imfakkar fil-punt 61 ta’ din is-sentenza.

64

Barra minn hekk, tali konklużjoni ma tistax tiġi invalidata mill-fatt li l-kawża prinċipali kienet għadha ma ntemmitx permezz ta’ deċiżjoni definittiva fil-mument meta ttieħdu d-deċiżjonijiet tad‑29 ta’ Diċembru 2015, u lanqas mill-fatt, enfasizzat mill-Gvern Portugiż fir-risposti tiegħu għad-domandi bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja u waqt is-seduta, li VR kellha d-dritt li tikkontesta dawn l-istess deċiżjonijiet quddiem il-qrati Portugiżi f’terminu ta’ tliet xhur mill-pubblikazzjoni tagħhom fuq is-sit internet tal-Banco de Portugal.

65

F’dan l-aħħar rigward, għandu jiġi rrilevat li l-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors għal annullament tad-deċiżjonijiet tad‑29 ta’ Diċembru 2015 quddiem il-qrati Portugiżi ma hijiex rilevanti f’dan il-kuntest, sa fejn il-kwistjoni f’dan il-każ tirrigwarda n-natura effettiva tar-rikors diġà ppreżentat minnha kontra Novo Banco Spanja quddiem il-qrati Spanjoli kompetenti.

66

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2001/24, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu r-rikonoxximent, mingħajr kundizzjoni oħra, fi proċedura ġudizzjarja fuq il-mertu pendenti fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru ta’ oriġini, li tirrigwarda obbligu, li tneħħa minn istituzzjoni ta’ kreditu wara l-ewwel miżura ta’ riorganizzazzjoni meħuda f’dan l-Istat tal-aħħar, filwaqt li dan l-obbligu ġie fdat mill-ġdid lil din l-istituzzjoni ta’ kreditu permezz tat-tieni miżura ta’ riorganizzazzjoni, b’effett retroattiv, għal data qabel il-ftuħ ta’ tali proċedura, peress li tali rikonoxximent iwassal lill-istituzzjoni ta’ kreditu li lilha jkun ġie ttrasferit l-obbligu permezz tal-ewwel miżura biex titlef, b’effett retroattiv, il-locus standi in judicio tagħha għall-finijiet ta’ din il-proċedura pendenti, u għalhekk iqiegħed fid-dubju deċiżjonijiet ġudizzjarji diġà mogħtija favur ir-rikorrenti li kienu s-suġġett ta’ din l-istess proċedura.

Fuq l-ispejjeż

67

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2001/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ April 2001 fuq ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu r-rikonoxximent, mingħajr kundizzjoni oħra, fi proċedura ġudizzjarja fuq il-mertu pendenti fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru ta’ oriġini, li tirrigwarda obbligu, li tneħħa minn istituzzjoni ta’ kreditu wara l-ewwel miżura ta’ riorganizzazzjoni meħuda f’dan l-Istat tal-aħħar, filwaqt li dan l-obbligu ġie fdat mill-ġdid lil din l-istituzzjoni ta’ kreditu permezz tat-tieni miżura ta’ riorganizzazzjoni, b’effett retroattiv, għal data qabel il-ftuħ ta’ tali proċedura, peress li tali rikonoxximent iwassal lill-istituzzjoni ta’ kreditu li lilha jkun ġie ttrasferit l-obbligu permezz tal-ewwel miżura biex titlef, b’effett retroattiv, il-locus standi in judicio tagħha għall-finijiet ta’ din il-proċedura pendenti, u għalhekk iqiegħed fid-dubju deċiżjonijiet ġudizzjarji diġà mogħtija favur ir-rikorrenti li kienu s-suġġett ta’ din l-istess proċedura.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.