SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

4 ta’ Ġunju 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE– Artikolu 7(1) – Kreditu għall-konsum – Stħarriġ tan-natura inġusta tal-klawżoli – Assenza ta’ dehra tal-konsumatur – Portata tar-rwol tal-qorti”

Fil-Kawża C‑495/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Poznaniu (il-Qorti Reġjonali ta’ Poznaniu, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Mejju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Ġunju 2019, fil-proċedura

Kancelaria medius SA

vs

RN,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn M. Safjan, President tal-Awla, C. Toader (Relatur) u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Kancelaria Medius SA, minn D. Woźniak, adwokat,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u R. Kissné Berta, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Ruiz García u A. Szmytkowska, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Kancelaria Medius SA u RN dwar ammont allegatament dovut minn dan tal-aħħar fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ kreditu għall-konsum.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 93/13 jipprevedi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li japprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri relatati ma’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur.”

4

L-Artikolu 2(b) u (ċ) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi t-termini “konsumatur” u “bejjiegħ jew fornitur” kif ġej:

“(b)

‘konsumatur’ tfisser kull persuna naturali li, f’kuntratti koperti minn din id-Direttiva, tkun qiegħda taġixxi għal skopjiet li jkunu barra s-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha;

(ċ)

‘bejjiegħ jew fornitur’ tfisser kull persuna naturali jew legali li, f’kuntratti koperti minn din id-Direttiva, tkun qiegħda taġixxi għal skopijiet relatati mas-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha, sew jekk proprjetà pubblika u sew jekk propjetà privata.”

5

L-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.”

6

L-Artikolu 6(1) tal-istess direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

7

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

Id-dritt Pollakk

8

L-Artikolu 339 tal-Kodeks postępowania cywilnego (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili) jistabbilixxi:

“1.   Il-qorti għandha tagħti sentenza fil-kontumaċja meta l-konvenut ma jkunx deher għas-seduta jew, minkejja li jkun deher, ma jkunx ipparteċipa fiha.

2.   F’dan il-każ, l-affermazzjonijiet dwar il-punti ta’ fatt invokati mir-rikorrent fir-rikors jew fl-atti proċedurali nnotifikati lill-konvenut qabel is-seduta għandhom jiġu preżunti veri, sakemm dawn ma jqajmux dubji leġittimi jew ma jkunux ġew invokati sabiex tiġi evitata l-liġi.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9

Kancelaria Medius, kumpannija stabbilita f’Kraków (il-Polonja) u li toffri servizzi ta’ rkupru ta’ krediti, ippreżentat, quddiem is-Sąd Rejonowy w Trzciance (il-Qorti Distrettwali ta’ Trzciance, il-Polonja), rikors kontra RN intiż għall-ħlas ta’ ammont ta’ 1231 zloty Pollakk (PLN) (madwar EUR 272), flimkien mal-interessi, abbażi ta’ allegat kuntratt ta’ kreditu għall-konsum konkluż minn RN ma’ Kreditech Polska Spółka z ograniczoną odpowiedzialnością (kumpannija b’responsabbiltà limitata), stabbiliment bankarju stabbilit f’Varsavja (il-Polonja), preċedessur fid-dritt ta’ Kancelaria Medius.

10

Insostenn tar-rikors tagħha, din tal-aħħar ipproduċiet kopja ta’ kuntratt qafas li ma kellux il-firma ta’ RN, kif ukoll dokumenti li jikkonfermaw il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ trasferiment ta’ kreditu mal-predeċessur fid-dritt tagħha.

11

Is-Sąd Rejonowy w Trzciance (il-Qorti Distrettwali ta’ Trzciance) qieset li d-dokumenti u l-provi prodotti minn Kancelaria Medius ma kinux juru l-eżistenza tal-kreditu msemmi. Minkejja li RN ma kienx deher, din il-qorti ddeċidiet, fil-kontumaċja, u ċaħdet ir-rikors.

12

Kancelaria Medius appellat mis-sentenza tas-Sąd Rejonowy w Trzciance (il-Qorti Distrettwali ta’ Trzciance), quddiem is-Sąd Okręgowy w Poznaniu (il-Qorti Reġjonali ta’ Poznaniu, il-Polonja), fejn sostniet li dik il-qorti kien imissha, skont l-Artikolu 339(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, ibbażat ruħha biss fuq id-dokumenti li hija kienet ipproduċiet.

13

Il-qorti tar-rinviju, adita b’dan l-appell, minn naħa tirrileva li, fid-dritt Pollakk, ir-regoli proċedurali dwar is-sentenza fil-kontumaċja huma applikabbli wkoll għall-kawżi mressqa mill-bejjiegħa jew mill-fornituri kontra l-konsumaturi.

14

Min-naħa l-oħra, hija tindika li, f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet għal sentenza fil-kontumaċja kienu ssodisfatti konformement mal-Artikolu 339 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili sa fejn il-konvenut ma ddefendiex ruħu wara li r-rikors kien ġie debitament innotifikat lilu, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li, skont l-Artikolu 139 ta’ dan il-kodiċi, notifika msejħa “sostituttiva” għandha titqies li tkun saret meta l-parti ma tkunx ġabret iċ-ċitazzjoni li l-qorti tkun innotifikatilha minkejja li kienet f’pożizzjoni li tagħmel dan.

15

F’dawn iċ-ċirkustanzi, din il-qorti għandha dubji dwar il-konformità ta’ dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 339(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili mal-livell ta’ protezzjoni tal-konsumaturi meħtieġ mid-Direttiva 93/13, b’mod partikolari fir-rigward tal-obbligu tal-qorti li teżamina ex officio n-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur.

16

Il-kliem tal-Artikolu 339(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jimponi, fil-fatt, lill-qorti tagħti sentenza fil-kontumaċja kontra konsumatur, li l-bażi fattwali tagħha tkun ikkostitwita biss minn affermazzjonijiet tar-rikorrent, f’dan il-każ bejjiegħ jew fornitur, u li għandhom jiġu preżunti veri, sakemm dawn ma jqajmux “dubji leġittimi” jew il-qorti ma tqisx li dawn l-affermazzjonijiet “ġew invokati sabiex tiġi evitata l-liġi”. Issa, minn dan jirriżulta li iktar ma l-informazzjoni ppreżentata mill-bejjiegħ jew mill-fornitur tkun lakonika, inqas ikun probabbli li l-qorti jkollha “dubji leġittimi”.

17

Il-qorti tar-rinviju tfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari s-sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska (C‑176/17, EU:C:2018:711, punti 40 u 57) kif ukoll tat‑3 ta’ April 2019, Aqua Med (C‑266/18, EU:C:2019:282, punt 47), li tipprovdi li d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali għandhom josservaw il-prinċipji ta’ ekwivalenza u d-dritt għal rimedju effettiv tal-konsumatur, hekk kif stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Għalkemm il-prinċipju ta’ ekwivalenza kien osservat mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 339(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, li japplika għall-proċeduri nazzjonali kollha fil-qasam ċivili, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar ir-rekwiżit tad-dritt għal rimedju effettiv, fil-każ fejn il-qorti nazzjonali ma jkollhiex il-possibbiltà li teżamina ex officio n-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali.

18

Dan huwa l-każ f’din il-kawża, f’dak li jirrigwarda s-sentenza tal-ewwel istanza, li kien imissha, skont l-Artikolu 339(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, laqgħet it-talbiet tar-rikorrenti, mingħajr ma l-qorti tkun tista’ tivverifika l-eżistenza u l-kontenut tal-kuntratt.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Okręgowy w Poznaniu (il-Qorti Reġjonali ta’ Poznaniu) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva [93/13] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjonijiet proċedurali li jipprevedu li qorti tista’ tagħti sentenza fil-kontumaċja billi tibbaża ruħha unikament fuq l-affermazzjonijiet invokati mir-rikorrent fir-rikors tiegħu, li hija għandha tqis li huma veri, fil-każ fejn il-konvenut – li jkollu l-kwalità ta’ konsumatur – informat debitament dwar id-data tas-seduta, ma jidhirx u jastjeni milli jiddefendi ruħu?”

Fuq id-domanda preliminari

20

Preliminarjament, f’dak li jirrigwarda l-ammissibbiltà ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, għandu jiġi rrilevat li mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Pollakk jirriżulta li, fil-fehma tiegħu, kuntrarjament għall-interpretazzjoni tal-qorti tar-rinviju, il-prova tal-eżistenza ta’ kreditu ma taqax taħt id-Direttiva 93/13 u li din il-qorti, adita fl-appell, għandha tiddeċiedi mingħajr ma jkollha tapplika d-dispożizzjonijiet dwar is-sentenzi fil-kontumaċja, b’tali mod li l-eżitu tal-kawża prinċipali ma jiddependix mir-risposta għad-domanda magħmula u li din ma hijiex, għaldaqstant, rilevanti.

21

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li hija adita bil-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 19 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

22

Minn dan isegwi li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika n-natura eżatta tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi fuq domanda magħmula minn qorti nazzjonali biss meta jkun jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea mitluba bl-ebda mod ma hija relatata mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2019, Lovasné Tóth, C‑34/18, EU:C:2019:764, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

Issa, f’dan il-każ, mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax b’mod manifest li s-sitwazzjoni inkwistjoni tikkorrispondi għal waħda minn dawn l-ipoteżi. B’mod partikolari, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qorti tal-appell għandha tevalwa jekk il-qorti tal-ewwel istanza wettqitx żball ta’ liġi meta ċaħdet ir-rikors tal-bejjiegħ jew tal-fornitur minħabba li d-dokumenti li hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha ma kinux jippermettulha tivverifika jekk il-kreditu kienx ibbażat fuq klawżoli inġusti, fis-sens tad-Direttiva 93/13.

24

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, din tapplika għall-klawżoli tal-kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur li ma kinux is-suġġett ta’ negozjati individwali (sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, Profi Credit Polska, C‑419/18 u C‑483/18, EU:C:2019:930, punt 51 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

25

Sa fejn, hekk kif jirriżulta mill-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, it-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, relatata ma’ talba li tirrigwarda kreditu li jirriżulta minn kuntratt ta’ kreditu għall-konsum li l-formulazzjoni tat-termini tiegħu hija standardizzata, tali tilwima tista’ għalhekk taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13.

26

Għaldaqstant, din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

27

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li timpedixxi lill-qorti adita b’rikors, ippreżentat minn bejjiegħ jew fornitur kontra konsumatur u li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, u li tiddeċiedi fil-kontumaċja, fl-assenza ta’ dehra ta’ dan il-konsumatur għas-seduta li għaliha huwa ġie msejjaħ, milli tadotta miżuri istruttorji neċessarji sabiex tevalwa ex officio n-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali li fuqhom il-bejjiegħ jew il-fornitur ibbaża t-talba tiegħu, meta din il-qorti jkollha dubji dwar in-natura inġusta ta’ dawn il-klawżoli, fis-sens tal-imsemmija direttiva, u timponi lill-imsemmija qorti tiddeċiedi abbażi tal-allegazzjonijiet tal-bejjiegħ jew tal-fornitur, li hija għandha l-obbligu tqis li huma veri.

28

Qabel kollox, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13, il-kunċett ta’ “konsumatur” fis-sens ta’ din id-direttiva għandu jinftiehem bħala li jkopri “kull persuna naturali li, f’kuntratti koperti minn din id-Direttiva, tkun qiegħda taġixxi għal skopjiet li jkunu barra s-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha”. Il-kunċett ta’ “bejjiegħ jew fornitur” huwa ddefinit, fl-Artikolu 2(ċ) tal-istess direttiva, bħala li jinkludi “kull persuna naturali jew legali li, f’kuntratti koperti minn din id-Direttiva, tkun qiegħda taġixxi għal skopijiet relatati mas-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha, sew jekk proprjetà pubblika u sew jekk propjetà privata”.

29

Sussegwentement, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interess tal-konsumaturi kif ukoll tal-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi sabiex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew mill-fornituri.

30

Fil-ġurisprudenza stabbilita tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat in-natura u l-importanza tal-interess pubbliku li tikkostitwixxi l-protezzjoni tal-konsumaturi, li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fil-konfront tal-bejjiegħa jew tal-fornituri fir-rigward kemm tas-setgħa ta’ negozjar kif ukoll tal-livell ta’ informazzjoni, sitwazzjoni li twassalhom jaderixxu mal-kundizzjonijiet redatti minn qabel mill-bejjiegħ jew mill-fornitur, mingħajr ma jkunu jistgħu jeżerċitaw influwenza fuq il-kontenut tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ April 2019, Aqua Med, C‑266/18, EU:C:2019:282, punti 2743, kif ukoll tal‑11 ta’ Marzu 2020, Lintner, C‑511/17, EU:C:2020:188, punt 23).

31

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-protezzjoni li d-Direttiva 93/13 tagħti lill-konsumaturi testendi għall-każijiet li fihom il-konsumatur li kkonkluda ma’ bejjiegħ jew fornitur kuntratt li jinkludi klawżola inġusta jastjeni milli jinvoka, minn naħa, il-fatt li dan il-kuntratt jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, in-natura inġusta tal-klawżola inkwistjoni, jew minħabba li jinjora d-drittijiet tiegħu, jew minħabba li jkun skoraġġut milli jinvokahom minħabba l-ispejjeż li tinvolvi azzjoni ġudizzjarja (sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2018, Karel de Grote – Hogeschool Katholieke Hogeschool Antwerpen, C‑147/16, EU:C:2018:320, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddefinixxiet, diversi drabi u b’teħid inkunsiderazzjoni tar-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) kif ukoll tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, il-mod li bih il-qorti nazzjonali għandha tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet li l-konsumaturi jisiltu minn din id-direttiva, xorta jibqa’ l-fatt li, bħala prinċipju, id-dritt tal-Unjoni ma jarmonizzax il-proċeduri applikabbli għall-eżami tan-natura allegatament inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, u li dawn jaqgħu, għaldaqstant, taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li dawn jipprevedu protezzjoni ġudizzjarja effettiva, hekk kif prevista fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (sentenzi tal‑31 ta’ Mejju 2018, Sziber, C‑483/16, EU:C:2018:367, punt 35, kif ukoll tat‑3 ta’ April 2019, Aqua Med, C‑266/18, EU:C:2019:282, punt 47).

33

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha ebda element ta’ natura li jqajjem dubju dwar il-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma’ dan il-prinċipju.

34

Fir-rigward tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, għandu jiġi rrilevat li kull sitwazzjoni li fiha tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandha tiġi analizzata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha quddiem id-diversi istanzi nazzjonali. Madankollu, il-karatteristiċi speċifiċi tal-proċeduri ma jistgħux jikkostitwixxu element li jista’ jaffettwa l-protezzjoni ġuridika li għandhom jibbenefikaw minnha l-konsumaturi bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ April 2016, Radlinger u Radlingerová, C‑377/14, EU:C:2016:283, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fl-assenza ta’ stħarriġ effettiv tan-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt ikkonċernat, ir-rispett tad-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 93/13 ma jistax jiġi ggarantit (sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska, C‑176/17, EU:C:2018:711, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Fil-fatt, sabiex tiżgura l-protezzjoni mixtieqa mill-imsemmija direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, f’kawża li tirrigwarda wkoll proċedura fil-kontumaċja, li s-sitwazzjoni ta’ inugwaljanza bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew il-fornitur tista’ tiġi kkumpensata biss b’intervent pożittiv, li ma jiġix mill-partijiet fil-kuntratt biss (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2018, Karel de Grote – Hogeschool Katholieke Hogeschool Antwerpen, C‑147/16, EU:C:2018:320, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Għaldaqstant, fl-ewwel lok u skont ġurisprudenza stabbilita, il-qorti nazzjonali għandha l-obbligu tevalwa ex officio, meta hija jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt neċessarji għal dan il-għan, in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 u, b’hekk, tirrimedja n-nuqqas ta’ bilanċ li jeżisti bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew il-fornitur (sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, Lintner, C‑511/17, EU:C:2020:188, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Fit-tieni lok, fl-assenza tal-imsemmija punti ta’ liġi u ta’ fatt, il-qorti nazzjonali, adita b’tilwima bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, għandu jkollha l-possibbiltà tadotta ex officio l-miżuri istruttorji neċessarji sabiex tistabbilixxi jekk klawżola inkluża fil-kuntratt kontenzjuż taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, Lintner, C‑511/17, EU:C:2020:188, punti 3637 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

39

F’dan il-każ, mill-elementi tal-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-proċedura ta’ sentenza fil-kontumaċja inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti adita mir-rikorrenti għandha, fl-assenza tad-dehra tal-konvenut, tiddeċiedi fuq il-bażi tal-allegazzjonijiet fattwali invokati mir-rikorrenti, li għandhom jiġu preżunti veri, sakemm dawn ma jqajmux dubji leġittimi jew ma jkunux ġew invokati sabiex tiġi evitata l-liġi.

40

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 36 sa 38 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, anki fl-assenza ta’ dehra tal-konsumatur, il-qorti adita b’kawża li tirrigwarda kuntratt ta’ kreditu għall-konsum għandha tkun f’pożizzjoni li tadotta l-miżuri istruttorji neċessarji sabiex tivverifika n-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13, sabiex tiżgura lill-konsumatur il-protezzjoni tad-drittijiet tiegħu li jirriżultaw minn din id-direttiva.

41

Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li hemm riskju li l-prinċipju dispożittiv, invokat ukoll mill-Gvern Ungeriż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, u l-prinċipju ne ultra petita, ma jiġux osservati jekk il-qrati nazzjonali jkunu obbligati, skont id-Direttiva 93/13, jinjoraw jew imorru lil hinn mil-limiti tas-suġġett tat-tilwima stabbiliti mit-talbiet u mill-motivi tal-partijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, Lintner, C‑511/17, EU:C:2020:188, punt 31).

42

Madankollu, dan il-każ jinvolvi biss l-eżami tal-klawżoli kuntrattwali li fuqhom il-bejjiegħ jew il-fornitur, li beda l-proċedura ġudizzjarja, ibbaża t-talba tiegħu u li, konsegwentement, jikkostitwixxu s-suġġett tat-tilwima.

43

Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tindika li hija ma għandhiex il-kuntratt li jirrappreżenta l-bażi tad-debitu kontenzjuż u ffirmat miż-żewġ partijiet fil-kuntratt, iżda biss kopja ta’ kuntratt qafas li ma għandux il-firma tal-konvenut.

44

Issa, għandu jiġi kkonstatat li għalkemm, skont l-Artikolu 3(1) tagħha, id-Direttiva 93/13 tapplika għall-klawżoli li ma kinux is-suġġett ta’ negozjati individwali, fatt li jinkludi b’mod partikolari l-kuntratti standard, ma jistax jitqies li qorti “għandha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi”, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, għas-sempliċi raġuni li hija għandha kopja ta’ kuntratt qafas użat minn dan il-bejjiegħ jew il-fornitur, mingħajr ma l-imsemmija qorti jkollha fil-pussess tagħha l-istrument li jikkonstata l-kuntratt konkluż bejn il-partijiet fil-kawża pendenti quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, Profi Credit Polska, C‑419/18 u C‑483/18, EU:C:2019:930, punt 64).

45

Konsegwentement, il-prinċipju dispożittiv u l-prinċipju ne ultra petita ma jipprekludux li qorti nazzjonali teżiġi mir-rikorrent li huwa jipproduċi l-kontenut tad-dokument jew tad-dokumenti li jservu ta’ bażi għat-talba tiegħu, peress li tali talba hija intiża biss li tiżgura l-kuntest probatorju tal-proċess (sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, Profi Credit Polska, C‑419/18 u C‑483/18, EU:C:2019:930, punt 68).

46

Minn dan jirriżulta li protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma tistax tiġi ggarantita jekk il-qorti nazzjonali adita minn bejjiegħ jew fornitur b’ tilwima bejnu u konsumatur u li taqa’ taħt id-Direttiva 93/13 ma jkollhiex il-possibbiltà, minkejja l-assenza ta’ dehra ta’ dan tal-aħħar, li tivverifika l-klawżoli kuntrattwali li fuqhom il-bejjiegħ jew il-fornitur ikun ibbaża t-talba tiegħu, fil-każ ta’ dubji dwar in-natura inġusta ta’ dawn il-klawżoli. Jekk din il-qorti tkun, skont dispożizzjoni nazzjonali, obbligata li tqis li huma veri l-allegazzjonijiet fattwali tal-bejjiegħ jew tal-fornitur, l-intervent pożittiv ta’ din il-qorti, meħtieġ mid-Direttiva 93/13 għall-kuntratti li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, jispiċċa fix-xejn.

47

Issa, meta japplikaw id-dritt intern, il-qrati nazzjonali għandhom l-obbligu jinterpretawh, sa fejn ikun possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-Direttiva 93/13 sabiex jintlaħaq ir-riżultat previst minnha (sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2018, Karel de Grote, – Hogeschool Katholieke Hogeschool Antwerpen, C‑147/16, EU:C:2018:320, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Konsegwentement, jekk il-qorti tar-rinviju tikkonstata li dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 339(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, tipprekludi lill-qorti li tiddeċiedi fil-kontumaċja, fuq talba tal-bejjiegħ jew tal-fornitur, milli tadotta l-miżuri istruttorji li jippermettulha twettaq l-istħarriġ ex officio tal-klawżoli li jaqgħu taħt din id-direttiva u li huma s-suġġett tal-kawża, hija għandha tivverifika jekk tistax tiġi prevista interpretazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni, permezz ta’ eċċezzjonijiet bħalma huma d-“dubji leġittimi” jew l-“evitar tal-liġi” previsti f’dan l-Artikolu 339(2), meta din tkun tippermetti lill-qorti li tiddeċiedi fil-kontumaċja tadotta l-miżuri istruttorji neċessarji.

49

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li huma l-qrati nazzjonali li għandhom, filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli kollha tad-dritt nazzjonali u b’applikazzjoni tal-metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu, jiddeċiedu jekk u sa fejn dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 339 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, tista’ tiġi interpretata b’mod konformi mad-Direttiva 93/13 mingħajr interpretazzjoni contra legem ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rekwiżit ta’ interpretazzjoni konformi jinkludi l-obbligu, għall-qrati nazzjonali, li jemendaw, jekk ikun il-każ, ġurisprudenza stabbilita jekk din tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali inkompatibbli mal-għanijiet ta’ direttiva (sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51

Fin-nuqqas li jkunu jistgħu jinterpretaw u japplikaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali skont ir-rekwiżiti tad-Direttiva 93/13, il-qrati nazzjonali għandhom l-obbligu jeżaminaw ex officio jekk l-istipulazzjonijiet miftiehma bejn il-partijiet humiex ta’ natura inġusta u, għal dan il-għan, jadottaw il-miżuri istruttorji neċessarji, billi ma japplikawx, jekk ikun hemm bżonn, id-dispożizzjonijiet jew il-ġurisprudenza nazzjonali kollha li jipprekludu tali eżami (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, Profi Credit Polska, C‑419/18 u C‑483/18, EU:C:2019:930, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

Minn dan li jippreċedi jirriżulta li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li timpedixxi lill-qorti adita b’rikors, ippreżentat minn bejjiegħ jew fornitur kontra konsumatur u li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, u li tiddeċiedi fil-kontumaċja, fl-assenza ta’ dehra ta’ dan il-konsumatur għas-seduta li għaliha huwa ġie msejjaħ, milli tadotta l-miżuri istruttorji neċessarji sabiex tevalwa ex officio n-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali li fuqhom il-bejjiegħ jew il-fornitur ibbaża t-talba tiegħu, meta din il-qorti jkollha dubji dwar in-natura inġusta ta’ dawn il-klawżoli, fis-sens tal-imsemmija direttiva.

Fuq l-ispejjeż

53

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li timpedixxi lill-qorti adita b’rikors, ippreżentat minn bejjiegħ jew fornitur kontra konsumatur u li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, u li tiddeċiedi fil-kontumaċja, fl-assenza ta’ dehra ta’ dan il-konsumatur għas-seduta li għaliha huwa ġie msejjaħ, milli tadotta l-miżuri istruttorji neċessarji sabiex tevalwa ex officio n-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali li fuqhom il-bejjiegħ jew il-fornitur ibbaża t-talba tiegħu, meta din il-qorti jkollha dubji dwar in-natura inġusta ta’ dawn il-klawżoli, fis-sens tal-imsemmija direttiva.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.