SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

17 ta’ Diċembru 2020 ( *1 )

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Artikolu 106(2) TFUE – Servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (SIEĠ) – Klassifikazzjoni tal-Unjoni Ewropea – Applikazzjoni għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens għal servizz pubbliku – Settur postali – Direttiva 97/67/KE – Artikolu 7 – Kumpens għall‑ispiża netta li tirriżulta mill-obbligi ta’ servizz universali – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern”

Fil-Kawżi magħquda C‑431/19 P u C 432/19 P,

li għandha bħala suġġett żewġ appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati fil-5 ta’ Ġunju 2019,

Inpost Paczkomaty sp. z o.o., stabbilita fi Cracovie (il-Polonja), irrappreżentata minn D. Doktór, radca prawny,

appellanti fil-Kawża C‑431/19 P,

u

Inpost S.A., stabbilita fi Cracovie (il-Polonja), irrappreżentata minn W. Knopkiewicz, radca prawny,

appellanti fil-Kawża C‑432/19 P,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Recchia, K. Blanck u K. Herrmann, bħala aġenti,

il-konvenuta fl-ewwel istanza,

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, bħala aġent,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, C. Lycourgos (Relatur) u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appelli tagħhom, Inpost Paczkomaty sp. z o.o. u Inpost S.A. jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-19 ta’ Marzu 2019, Inpost Paczkomaty u Inpost vs Il-Kummissjoni (T‑282/16 u T‑283/16, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata, EU:T:2019:168), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikorsi tagħhom għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 8236 final tas-26 ta’ Novembru 2015 li permezz tagħha hija ma qajmitx oġġezzjonijiet fir-rigward tal-miżura nnotifikata mill-awtoritajiet Pollakki dwar l-għajnuna mogħtija lil Poczta Polska fil-forma ta’ kumpens għall-ispejjeż netti li jirriżultaw mit-twettiq, minn din il-kumpannija, tal-obbligi tagħha ta’ servizz postali universali għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2013 u l-31 ta’ Diċembru 2015 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva dwar il-Posta

2

Taħt it-titolu “Finanzjament ta’ servizzi universali”, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 71), kif emendata bid-Direttiva 2008/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar 2008 (ĠU 2008, L 52, p. 3, rettifika fil-ĠU 2015, L 225, p. 49) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-Posta”), jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri m’għandhomx jagħtu jew iżommu fis-seħħ id-drittijiet esklussivi jew speċjali għall-istabbiliment u l-forniment ta’ servizzi postali. L-Istati Membri jistgħu jiffinanzjaw il-forniment ta’ servizz universali skond wieħed jew aktar mill-modi previsti fil-paragrafi 2, 3 u 4, jew skond kwalunkwe mezz ieħor kompatibbli mat-Trattat.

2.   L-Istati Membri jistgħu jiżguraw il-forniment ta’ servizzi universali billi jakkwistaw dawn is-servizzi skond ir-regoli u r-regolamenti applikabbli dwar l-akkwist pubbliku, inkluż, kif previst mid-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi, il-proċeduri kompetittivi ta’ djalogu jew dawk innegozjati bil-pubblikazzjoni ta’ notifika ta’ kuntratt jew mingħajrha [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132)].

3.   Jekk Stat Membru jqis li l-obbligi ta’ servizz universali, kif previsti minn din id-Direttiva, jinvolvu spiża netta, ikkalkolata b’kont meħud ta’ l-Anness I, u jirrappreżentaw piż finanzjarju inġust għall-fornitur(i) ta’ servizz universali huwa jista’ jintroduċi:

(a)

mekkaniżmu maħsub biex jikkumpensa lill-impriża/i konċernata/i mill-fondi pubbliċi; jew

(b)

mekkaniżmu għall-kondiviżjoni ta’ l-ispiża netta ta’ l-obbligi ta’ servizz universali bejn il-fornituri tas-servizzi u/jew l-utenti.

4.   Jekk l-ispiża netta tinqasam skond il-paragrafu 3(b), l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu fond ta’ kumpens li jista’ jiġi ffinanzjat mill-fornituri tas-servizz u/jew mill-miżati ta’ l-utenti, u li jkun amministrat għal din il-fini minn korp indipendenti tal-benefiċjarju jew il-benefiċjarji. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet lill-fornituri tas-servizz skond l-Artikolu 9(2) suġġett għall-obbligu li tingħata kontribuzzjoni finanzjarja lil dak il-fond jew li tikkonforma ma’ l-obbligi ta’ servizz universali. L-obbligi ta’ servizz universali tal-fornitur(i) ta’ servizz universali mniżżla fl-Artikolu 3 jistgħu jiġu ffinanzjati b’dan il-mod.

5.   L-Istat Membru għandu jiżgura li l-prinċipji tat-trasparenza, in-non-diskriminazzjoni u l-proporzjonalità jiġu rispettati meta jiġi stabbilit il-fond ta’ kumpens u meta jiġi ffissat il-livell tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji msemmija fil-paragrafi 3 u 4. Id-deċiżjonijiet meħudin skond il-paragrafi 3 u 4 għandhom ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi u verifikabbli u jkunu pubbliċi.”

3

Skont l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 tagħha ma jippreġudikawx id-dritt tal-Istati Membri li jorganizzaw, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, it-tqegħid tal-kaxxi tal-ittri fit-toroq pubbliċi, il-ħruġ ta’ bolli postali u s-servizz ta’ posta rreġistrata użat matul proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi.

Il-Qafas SIEĠ

4

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, intitolata “Qafas tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens għal servizz pubbliku (2011)” (ĠU 2012, C 8, p. 15, iktar ’il quddiem il-“Qafas SIEĠ”), tipprovdi, fil-punt 14 tat-Taqsima 2.2, intitolata “Servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali ġenwin kif imsemmi fl-Artikolu 106 [TFUE]”:

“Għall-fini tal-applikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni, l-Istati Membri għandhom juru li taw konsiderazzjoni xierqa lill-bżonnijiet tas-servizz pubbliku appoġġjati permezz ta’ konsultazzjoni pubblika jew strumenti adatti oħra biex jittieħed kont tal-interessi tal-utenti u tal-fornituri. Dan ma japplikax fejn ikun ċar li konsultazzjoni ġdida mhux ser twassal għal żieda sinifikanti fil-valur ta’ konsultazzjoni reċenti.”

5

Taħt it-Taqsima 2.6, intitolata “Konformità mar-regoli tal-Unjoni dwar l-akkwist pubbliku”, il-punt 19 tal-Qafas SIEĠ jipprovdi:

“L-għajnuna ser titqies li hija kompatibbli mas-suq intern fuq il-bażi tal-Artikolu 106(2) [TFUE] biss fejn l-awtorità responsabbli, meta tassenja l-forniment tas-servizz lill-impriża inkwistjoni, tkun ikkonformat jew timpenja ruħha li tikkonforma mar-regoli applikabbli tal-Unjoni fil-qasam tal-akkwist pubbliku. Dan jinkludi kull rekwiżit ta’ trasparenza, trattament ugwali u nondiskriminazzjoni li jirriżultaw direttament mit-Trattat u, fejn applikabbli, mil-liġi sekondarja tal-Unjoni. L-għajnuna li ma tikkonformax ma’ tali regoli u rekwiżiti titqies li taffettwa l-iżvilupp tal-kummerċ sa punt tali li jkun kuntrarju għall-interessi tal-Unjoni fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat.”

6

Taħt it-Taqsima 2.8, intitolata “Ammont tal-kumpens”, il-punt 25 ta’ dan il-qafas jippreċiża:

“Taħt il-metodoloġija tal-ispejjeż netti evitati, l-ispiża netta neċessarja, jew mistennija li tkun neċessarja, għall-eżekuzzjoni tal-obbligi tas-servizz pubbliku tiġi kkalkolata bħala d-differenza bejn l-ispiża netta għall-fornitur tas-servizz biex jopera bl-obbligu ta’ servizz pubbliku u l-ispiża netta jew il-profitt tal-istess fornitur biex jopera mingħajr dak l-obbligu. Trid tingħata attenzjoni xierqa lill-valutazzjoni korretta tal-ispejjeż li l-fornitur tas-servizz huwa mistenni li jevita u d-dħul li jkun mistenni li ma jirċevix, fin-nuqqas tal-obbligu ta’ servizz pubbliku. Il-kalkolu tal-ispiża netta għandu jevalwa l-benefiċċji, inklużi l-benefiċċji intanġibbli, lill-fornitur tal-SGEI.”

7

Taħt it-Taqsima 2.9, intitolata “Kundizzjonijiet addizzjonali li jistgħu jkunu neċessarji biex jiżguraw li l-iżvilupp tal-kummerċ ma jiġix affettwat sa punt tali li jkun kuntrarju għall-interessi tal-Unjoni”, il-punti 51, 52 u 56 tal-imsemmi qafas jipprovdu:

“51. Ir-rekwiżiti stabbiliti fit-taqsimiet 2.1 sa 2.8 huma normalment biżżejjed biex jiżguraw li l-għajnuna ma tfixkilx il-kompetizzjoni b’mod li jkun kuntrarju għall-interessi tal-Unjoni.

52. Huwa possibbli, madankollu, li f’xi ċirkostanzi eċċezzjonali, jista’ jkun hemm distorsjonijiet serji fil-kompetizzjoni fis-suq intern li jibqgħu ma jiġux indirizzati u l-għajnuna tista’ taffettwa l-kummerċ sa punt tali li jkun kuntrarju għall-interessi tal-Unjoni.

[…]

56. Sitwazzjoni oħra fejn tista’ tkun meħtieġa valutazzjoni aktar dettaljata hija fejn l-Istat Membru jinkariga fornitur ta’ servizz pubbliku, mingħajr proċedura kompettitiva ta’ għażla, bl-inkarigu li jipprovdi SGEI f’suq mhux riżervat fejn servizzi simili ħafna qed jiġu diġà provduti jew huma mistennija li jiġu provduti fil-futur qrib fin-nuqqas tal-SGEI. Dawk l-effetti ħżiena fuq l-iżvilupp tal-kummerċ jistgħu jkunu aktar qawwija fejn l-SGEI għandha tiġi offruta b’tariffa orħos mill-ispejjeż ta’ kwalunkwe fornitur attwali jew potenzjali, b’tali mod li l-aċċess għas-suq jiġi limitat. Il-Kummissjoni, filwaqt li tirrispetta fi sħiħ il-marġini wiesgħa ta’ diskrezzjoni tal-Istat Membru sabiex jiddefinixxi l-SGEI, tista’ madankollu teħtieġ emendi, pereżempju fir-rigward tal-allokazzjoni tal-għajnuna, meta tkun tista’ turi b’mod raġonevoli li jkun possibbli li tipprovdi l-istess SGEI b’kundizzjonijiet ekwivalenti għall-utenti, b’mod li toħloq inqas tfixkil u b’inqas spejjeż għall-Istat.”

8

Il-punt 60 tal-Qafas SIEĠ jindika, taħt it-Taqsima 2.10, intitolata “It-trasparenza”:

“Għal kull kumpens tal-SGEI li jaqa’ fl-ambitu ta’ din il-Komunikazzjoni, l-Istat Membru kkonċernat irid jippubblika l-informazzjoni segwenti fuq l-internet jew b’mod ieħor xieraq:

(a)

ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika jew ta’ strumenti xierqa oħra msemmija fil-paragrafu 14;

(b)

il-kontenut u t-terminu ta’ żmien tal-obbligi tas-servizz pubbliku;

(c)

l-impriża u, fejn applikabbli, it-territorju kkonċernat;

(d)

l-ammonti ta’ għajnuna mogħtija lill-impriża fuq bażi annwali.”

Id-dritt Pollakk

9

Fil-Polonja, id-Direttiva dwar il-Posta ġiet trasposta fil-liġi permezz tal-ustawa Prawo pocztowe (il-Liġi dwar il-Posta), tat-23 ta’ Novembru 2012 (Dz. U. tal-2012, intestatura 1529) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Posta”). Skont il-punt 30 tal-Artikolu 3 tal-Liġi dwar il-Posta, is-servizzi li jaqgħu fl-ambitu tas-servizz universali huma, f’dan l-Istat Membru, dawk li jinkludu l-kunsinni ta’ ittri u pakketti postali kif ukoll il-kunsinni għall-għomja, li ma jitwettqux mill-operatur maħtur fil-kuntest tal-obbligi tiegħu ta’ servizz universali.

10

Mill-Artikoli 45 u 46 ta’ din il-liġi jirriżulta li, bħala servizzi postali universali, it-twassil u t-tqassim ta’ ittri u ta’ pakketti postali għandhom ikunu żgurati għal kull jum tax-xogħol u mhux inqas minn ħamest ijiem fil-ġimgħa. Il-piż tal-oġġetti postali kkonċernati ma jistax jaqbeż l-2 000 gramma, filwaqt li dak tal-pakketti jista’ madankollu jitla’ sa 10000 gramma.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

11

Poczta Polska (iktar ’il quddiem “PP”) hija kumpannija b’responsabbiltà limitata Pollakka li l-uniku azzjonist tagħha huwa t-Teżor Pubbliku tar-Repubblika tal-Polonja. Fiż-żmien tal-fatti inkwistjoni, l-attività tagħha kienet tkopri, essenzjalment, is-servizzi postali universali kif ukoll dawk tal-messaġġiera, li tagħhom hija kienet l-operatur prinċipali fil-Polonja.

12

Fuq il-bażi tal-Artikolu 178(1) tal-Liġi dwar il-Posta, l-implimentazzjoni tar-riforma tas-servizz postali Pollakk ġiet fdata, fl-ewwel lok u għal perijodu ta’ tliet snin mill-1 ta’ Jannar 2013, lil PP, li għalhekk ġiet inkarigata tassumi l-obbligi ta’ fornitur tas-servizz postali universali fit-territorju Pollakk kollu.

13

L-awtoritajiet Pollakki għalhekk innotifikaw lill-Kummissjoni, fl-10 ta’ Ġunju 2014, skema ta’ għajnuna li tikkonċerna, minn naħa, mekkaniżmu ta’ tqassim tal-ispiża netta tal-obbligi ta’ servizz universali u, min-naħa l-oħra, l-istabbiliment ta’ fond ta’ kumpens, komplementari għall-istabbiliment ta’ dan il-mekkaniżmu.

14

Il-fond ta’ kumpens kien iffinanzjat, parzjalment, mill-kontribuzzjonijiet li l-operaturi postali kkonċernati kienu marbuta li jħallsu lill-imsemmi fond kif ukoll, parzjalment, mill-baġit tal-Istat.

15

B’mod partikolari, l-obbligu ta’ kontribuzzjoni previst fl-Artikolu 108(2) tal-Liġi dwar il-Posta kien intiż għall-operaturi postali li jipprovdu servizzi universali ekwivalenti, li d-dħul annwali rċevut minnhom għal dan il-għan kellu madankollu jkun ogħla minn 1 miljun zloty Pollakk (PLN) (madwar EUR 218603). Fil-każijiet kollha, l-ammont dovut minn kull operatur ikkonċernat ma setax jaqbeż, kull sena, il-limitu massimu ta’ 2 % tal-ammont tad-dħul li jkun ġej mill-provvista tagħhom tas-servizz universali.

16

Inizjalment previst sabiex ikopri l-perijodu bejn is-sena 2013 u s-sena 2026, dan il-mekkaniżmu fl-aħħar ġie limitat, permezz ta’ ittra li l-awtoritajiet kompetenti Pollakki bagħtu lill-Kummissjoni fil-5 ta’ Jannar 2015, għall-perijodu li jkopri s-snin bejn l-2013 u l-2015 (iktar ’il quddiem l-“iskema nazzjonali ta’ kumpens” jew il-“miżura inkwistjoni”).

17

L-appellanti, li jifformaw parti mill-grupp Pollakk Integer.pl S.A., kienu marbuta jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-fond ta’ kumpens.

18

Fis-26 ta’ Novembru 2015, il-Kummissjoni adottat, fuq il-bażi tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (ĠU 2015, L 248, p. 9), id-deċiżjoni kontenzjuża, li fiha hija ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fil-konfront tal-iskema nazzjonali ta’ kumpens minħabba li din kienet għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern. Skont il-Kummissjoni, konformement mal-kriterji stabbiliti fit-Taqsimiet 2.1 sa 2.8 tal-Komunikazzjoni tagħha dwar il-Qafas SIEĠ, il-miżura inkwistjoni ma hijiex ta’ natura li taffettwa l-kummerċ b’mod li jmur kontra l-interess tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-prinċipji ta’ funzjonament tal-fond ta’ kumpens ma jwasslux għal distorsjonijiet serji tal-kompetizzjoni u ma jeħtieġu għalhekk l-ebda rekwiżiti addizzjonali sabiex jiġi żgurat li l-iżvilupp tal-kummerċ ma jiġix affettwat b’mod li jkun inkompatibbli mal-interessi tal-Unjoni.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

19

Permezz ta’ rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Mejju 2016, l-appellanti ressqu żewġ rikorsi intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

20

B’deċiżjonijiet tat-28 ta’ Ottubru 2016, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza l-intervent tar-Repubblika tal-Polonja insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

21

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Novembru 2016, ir-rikorsi tal-appellanti ngħaqdu għall-finijiet tal-fażijiet bil-miktub u orali tal-proċedura kif ukoll għad-deċiżjoni li ttemm l-istanza.

22

Insostenn tar-rikorsi tagħhom, l-appellanti qajmu seba’ motivi, ibbażati, essenzjalment, fir-rigward tal-ewwel tlieta minnhom, fuq ksur tal-Artikolu 106(2) TFUE sa fejn il-Qafas SIEĠ u l-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-Posta ma ġewx osservati, fir-rigward tar-raba’ motiv, fuq ksur tal-Artikoli 7 u 8 ta’ din id-direttiva, fir-rigward tal-ħames motiv, fuq ksur tal-Artikoli 102 u 106(1) TFUE, fir-rigward tas-sitt motiv, fuq ksur tal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u, fir-rigward tas-seba’ motiv, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

23

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet kull wieħed minn dawn il-motivi u għalhekk ċaħdet ir-rikors kollu kemm hu.

It-talbiet tal-partijiet

24

L-appellanti jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri tal-appell kif ukoll għal dawk tal-proċeduri tal-ewwel istanza.

25

Il-Kummissjoni u l-Gvern Pollakk jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appelli u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

Fuq l-appelli

26

Insostenn tal-appelli tagħhom, l-appellanti jinvokaw erba’ aggravji li essenzjalment jikkoinċidu mal-ewwel ħames motivi tar-rikorsi għal annullament tagħhom. Dawn l-aggravji huma bbażati fuq ksur tal-Artikolu 106(2) TFUE, sa fejn diversi rekwiżiti tal-Qafas SIEĠ ma ġewx osservati (l-ewwel sat-tielet aggravju), fuq ksur tal-prinċipji tat-Trattat FUE dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (l-ewwel aggravju) kif ukoll fuq ksur tal-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-Posta (l-ewwel, it-tielet u r-raba’ aggravji).

Fuq l-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

27

Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jallegaw, minn naħa, ksur tal-Artikolu 106(2) TFUE, sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li r-rekwiżiti tal-punt 19 tal-Qafas SIEĠ kienu ġew osservati u, min-naħa l-oħra, ksur tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza fil-kuntest tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi kif ukoll interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva dwar il-Posta.

28

Huma jikkunsidraw li, anki meta Stat Membru jagħżel il-fornitur tas-servizz universali permezz ta’ leġiżlazzjoni, mingħajr proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, il-proċess ta’ adozzjoni u tal-pubblikazzjoni tal-liġi għandhom jiġu evalwati fid-dawl tal-osservanza tar-rekwiżiti ta’ trasparenza, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza fit-trattament. F’dan il-każ, l-awtoritajiet nazzjonali żgwidaw lill-operaturi kkonċernati billi indikaw rata ta’ kontribuzzjoni fil-fond ta’ kumpens li kienet 100 % iktar baxxa mir-rata li ġiet finalment introdotta, u b’hekk ċaħħdet lil dawn l-operaturi minn kull profitt u ġġenerat telf. Tali mod ta’ ħatra tal-fornitur tas-servizz universali jippreġudika r-rekwiżit ta’ trasparenza.

29

L-appellanti jippreċiżaw, fir-replika tagħhom, li l-ewwel aggravju huwa ammissibbli sa fejn huma indikaw espressament li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat li s-sempliċi fatt li jiġi adottat u ppubblikat l-att ġuridiku li abbażi tiegħu PP ipprovdiet is-servizz universali huwa biżżejjed sabiex jiġi konkluż li r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-punt 19 tal-Qafas SIEĠ ġew issodisfatti.

30

Il-Kummissjoni u l-Gvern Pollakk iqisu li l-ewwel aggravju huwa inammissibbli. Dan il-gvern iżid li l-imsemmi aggravju huwa, fi kwalunkwe każ, infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

31

Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1)TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Artikolu 168(1)(d) u mill-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza li jkun qiegħed jintalab l-annullament tagħha kif ukoll l-argumenti legali li jissostanzjaw b’mod speċifiku din it-talba. Appell li ma jkollux tali karatteristiċi ma jistax ikun is-suġġett ta’ evalwazzjoni ġuridika li tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-funzjoni tagħha fil-qasam ikkunsidrat u li twettaq l-istħarriġ tagħha tal-legalità (sentenza tal-1 ta’ Frar 2018, Panalpina World Transport (Holding) et vs Il-Kummissjoni, C‑271/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:59, punt 17 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32

Issa, fil-kuntest tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti, essenzjalment, jindikaw biss ir-rekwiżiti li, fil-fehma tagħhom, jirriżultaw mill-punt 19 tal-Qafas SIEĠ f’dak li jirrigwarda l-osservanza tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza, mingħajr, madankollu, ma jidentifikaw b’mod preċiż l-iżball ta’ liġi li bih hija vvizzjata s-sentenza appellata.

33

F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li jsostnu fir-replika tagħhom, il-lakuni kkonstatati fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza ma humiex koperti bl-affermazzjoni li tgħid li huwa b’mod żbaljat li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet li s-sempliċi fatt li jiġi adottat u ppubblikat l-att ġuridiku li abbażi tiegħu PP ipprovdiet is-servizz universali huwa biżżejjed sabiex jiġi konkluż li r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-punt 19 tal-Qafas SIEĠ huma ssodisfatti.

34

Barra minn hekk, l-appellanti ma jagħtu ebda indikazzjoni f’dak li jirrigwarda l-allegat ksur tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva dwar il-Posta.

35

Minn dan isegwi li l-ewwel aggravju huwa inammissibbli.

Fuq it-tieni aggravju

L-argumenti tal-partijiet

36

Fil-kuntest tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 106(2) TFUE, sa fejn hija ddeċidiet b’mod żbaljat li r-rekwiżiti tal-punti 14 u 60 tal-Qafas SIEĠ kienu ġew osservati.

37

Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, huma jikkontestaw il-punti 46 sa 48 u 51 tas-sentenza appellata u jsostnu li, sabiex jiġu osservati r-rekwiżiti tal-punt 14 tal-Qafas SIEĠ, ma huwiex biżżejjed li tiġi organizzata konsultazzjoni pubblika, iżda huwa wkoll neċessarju li jiġi pprovat li din tal-aħħar ippermettiet li jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet fil-qasam tas-servizz pubbliku kkonċernati jew li l-applikazzjoni ta’ mezz ieħor xieraq ippermettiet li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-utenti finali u tal-fornituri.

38

Issa, f’dan il-każ, ma jeżisti ebda dokument jew prova li tikkonferma ir-risposta tal-Gvern Pollakk għall-osservazzjoni magħmula mill-appellanti matul il-konsultazzjoni pubblika tax-xahar ta’ Settembru 2010, f’dak li jirrigwarda l-kritika tagħhom fir-rigward tar-rata ta’ kontribuzzjoni ta’ 1 %, li jipprova, b’mod partikolari, in-natura infondata ta’ din l-osservazzjoni.

39

Anki jekk il-Qorti Ġenerali ma siltitx il-konklużjonijiet xierqa, ir-raġunijiet indikati fil-punt 137 tas-sentenza appellata juru sa liema punt din il-konsultazzjoni pubblika kienet ta’ natura illużorja u ma ħaditx debitament inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet tal-utenti u lanqas dawk tal-fornituri. Fil-fatt, iż-żieda tar-rata ta’ kontribuzzjoni minn 1 % sa 2 % kellha l-effett li ċċaħħad lill-operaturi alternattivi obbligati jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-ispiża netta ta’ kważi l-profitti kollha magħmula, li timponi fuq il-fornitur tas-servizz universali l-obbligu li jkopri 95 % tat-totalità tal-ispiża netta, kif ukoll li tnaqqas għall-minimu l-kontribuzzjoni tat-Teżor pubbliku u li effettivament tgħaddi l-finanzjament kollu lis-suq, minkejja n-natura mħallta tal-fond ta’ kumpens (parteċipazzjoni tal-operaturi u tal-baġit tal-Istat).

40

Barra minn hekk, l-appellanti jikkontestaw l-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 48 tas-sentenza appellata, li tgħid li, peress li l-operaturi setgħu jesprimu ruħhom dwar ir-rata ta’ kontribuzzjoni ta’ 1 %, ma kienx neċessarju, de facto, li tiġi mġedda l-konsultazzjoni dwar ir-rata ta’ kontribuzzjoni emendata ta’ 2 %. Fil-fatt, huwa evidenti li l-ammont tar-rata, bejn wieħed u ieħor għoli, huwa importanti għall-osservazzjonijiet u għall-pożizzjonijiet magħmula matul il-konsultazzjoni pubblika, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li l-evalwazzjoni tagħha għandha tiġi kkorrelatata mal-profittabbiltà tal-attività kkonċernata. Issa, il-pożizzjoni tal-Qorti Ġenerali tneħħi kull utilità mill-konsultazzjoni pubblika peress li l-pożizzjonijiet tal-operaturi kkonsultati jistgħu jiġu kompletament injorati u peress li din il-konsultazzjoni tista’ twassal għal deċiżjoni li tikkontradiċi l-pożizzjonijiet espressi waqt din tal-aħħar, kif ġara fil-każ ineżami.

41

Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju, dwar ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-punt 60 tal-Qafas SIEĠ, l-appellanti jallegaw, minn naħa, li, kuntrarjament għal dak li tafferma l-Qorti Ġenerali, fil-punt 54 tas-sentenza appellata, minn dan il-punt 60 jirriżulta b’mod ċar li r-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika għandhom jiġu ppubblikati separatament. Fi kwalunkwe każ, il-Gvern Pollakk ma ppubblikax tali riżultati la separatament u lanqas flimkien mal-pubblikazzjoni tal-Liġi dwar il-Posta.

42

Min-naħa l-oħra, mill-punti 14 sa 16 tal-Qafas SIEĠ jirriżulta b’mod ċar li, sabiex iwettaq l-obbligi tiegħu, il-Gvern Pollakk kellu jippubblika mhux biss il-mandat li jagħti l-provvista tas-servizz universali lil PP, jiġifieri l-Liġi dwar il-Posta, li tippreċiża l-obbligi tas-servizz pubbliku u l-metodi ta’ kalkolu tal-kumpens, iżda wkoll ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika.

43

Il-Gvern Pollakk jikkunsidra li l-ewwel parti tat-tieni appell hija inammissibbli sa fejn il-kwistjonijiet dwar jekk konsultazzjoni ġdida kinitx neċessarja jew le, jekk il-kumpanniji appellanti setgħux utilment jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom u liema kienu l-motivazzjonijiet tal-awtoritajiet Pollakki huma kwistjonijiet ta’ natura fattwali. Il-Kummissjoni u dan il-gvern iqisu, barra minn hekk, li dan it-tieni aggravju kif ukoll it-tielet parti tat-tielet aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

44

Fir-rigward tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, ibbażata fuq ksur tal-punt 14 tal-Qafas SIEĠ, l-appellanti jsostnu, essenzjalment, li, sabiex jikkonformaw ruħhom ma’ dan il-punt 14, ma huwiex biżżejjed li tiġi organizzata konsultazzjoni pubblika, iżda huwa wkoll neċessarju li jiġi pprovat li din tal-aħħar ippermettiet li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-utenti finali u tal-fornituri. Issa, f’sitwazzjoni fejn l-ammont tar-rata ta’ kumpens irdoppja meta mqabbel mal-ammont diskuss waqt il-konsultazzjoni pubblika, il-pożizzjoni tal-Qorti Ġenerali, li ma kienx neċessarju li tiġi mġedda l-konsultazzjoni, twassal sabiex din il-konsultazzjoni tiġi mċaħħda minn kull utilità.

45

B’mod preliminari, għandu jiġi rrilevat, kif ġustament fakkret il-Qorti Ġenerali, fil-punt 44 tas-sentenza appellata, li fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha skont l-Artikolu 106(2) TFUE, il-Kummissjoni tista’ tadotta regoli ta’ kondotta sabiex tistabbilixxi l-kriterji li abbażi tagħhom hija għandha l-intenzjoni tevalwa l-kompatibbiltà, mas-suq intern, ta’ miżuri ta’ għajnuna relatati mal-ġestjoni ta’ SIEĠ, previsti mill-Istati Membri. Bl-adozzjoni ta’ tali regoli ta’ kondotta, bħal dawk tal-Qafas SIEĠ, u bit-tħabbir permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom, li hija kienet ser tapplikahom minn dak iż-żmien ’il quddiem għall-każijiet ikkonċernati minnhom, il-Kummissjoni tillimita ruħha fl-eżerċizzju tal-imsemmija setgħa diskrezzjonali u ma tistax, bħala prinċipju, titbiegħed minn dawn ir-regoli mingħajr ma tiġi ssanzjonata, jekk ikun il-każ, minħabba ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jew dak ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (ara, b’ analoġija, is-sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2016, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑431/14 P, EU:C:2016:145, punti 68 sa 69, u tad-19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punti 3940).

46

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-punt 14 tal-Qafas SIEĠ, “[g]ħall-fini tal-applikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti f’dan il-Qafas, l-Istati tal-EFTA għandhom juru li taw konsiderazzjoni xierqa lill-bżonnijiet tas-servizz pubbliku appoġġjati permezz ta’ konsultazzjoni pubblika jew strumenti adatti oħra biex jittieħed kont tal-interessi tal-utenti u tal-fornituri. Dan ma japplikax fejn ikun ċar li konsultazzjoni ġdida mhux ser twassal għal żieda sinifikanti fil-valur ta’ konsultazzjoni reċenti”.

47

Hemm lok, għalhekk, li jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali ġustament affermat, fil-punt 46 tas-sentenza appellata, li mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-organizzazzjoni ta’ konsultazzjoni pubblika ma hijiex obbligatorja, peress li tali proċedura tikkostitwixxi biss, fil-fatt, wieħed mill-mezzi xierqa li l-Istat Membru jista’ juża għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet tas-servizz pubbliku kkonċernat u għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi tal-utenti u tal-fornituri ta’ servizz.

48

Barra minn hekk, fil-punti 47 u 48 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, sa fejn, matul il-konsultazzjoni pubblika tax-xahar ta’ Settembru 2010, l-appellanti setgħu effettivament isostnu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-kundizzjonijiet relatati mal-funzjonament tal-fond ta’ kumpens, billi huma setgħu, b’mod partikolari, jesprimu n-nuqqas ta’ qbil tagħhom fir-rigward ta’ rata iktar baxxa mir-rata finalment adottata, billi jsostnu li huma kienu diġà jsibuha eċċessiva, konsultazzjoni ġdida ma kienet tagħti, fuq dan il-punt, “ebda valur miżjud sinjifikattiv”, fis-sens tal-punt 14 tal-Qafas SIEĠ.

49

Issa, għandu jiġi kkonstatat li, billi għamlet hekk, il-Qorti Ġenerali applikat il-punt 14 tal-Qafas SIEĠ mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi, sa fejn hija eżaminat il-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tal-elementi rilevanti tal-proċess ippreżentat quddiemha u, b’mod partikolari, fid-dawl tal-konsultazzjoni pubblika tax-xahar ta’ Settembru 2010, kienx evidenti li konsultazzjoni pubblika ġdida ma kinitx tagħti valur miżjud sinjifikattiv, konformement mat-tieni sentenza ta’ dan il-punt 14. Barra minn hekk, l-appellanti bl-ebda mod ma jsostnu li l-Qorti Ġenerali użat, f’dan ir-rigward, kriterju ġuridiku differenti minn dak meħtieġ fl-imsemmi punt 14.

50

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li l-appellanti jallegaw, essenzjalment, kif jirriżulta mill-punti 39 u 40 ta’ din is-sentenza, li żieda fir-rata ta’ kumpens ta’ 100 %, bejn ir-rata li ġiet diskussa matul il-konsultazzjoni pubblika tax-xahar ta’ Settembru 2010 u dik finalment adottata fid-deċiżjoni kkontestata mill-awtoritajiet Pollakki kompetenti, tfisser li konsultazzjoni pubblika ġdida neċessarjament kien ikollha valur miżjud sinjifikattiv iwassal sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tintalab tistħarreġ evalwazzjoni fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali.

51

Issa, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex kompetenti sabiex tistħarreġ tali evalwazzjoni fil-kuntest ta’ appell, ħlief fil-każ ta’ żnaturament li, f’dan il-każ, ma ġiex allegat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2019, LS Cable & System vs Il-Kummissjoni, C‑596/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:1025, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

Konsegwentement, l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda.

53

Fir-rigward tat-tieni parti ta’ dan it-tieni aggravju, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li kisret, fil-punt 54 tas-sentenza appellata, ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-punt 60 tal-Qafas SIEĠ. Għalhekk, minn naħa, minn dan il-punt 60 jirriżulta b’mod ċar li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika għandhom jiġu ppubblikati separatament. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset li l-Gvern Pollakk issodisfa l-obbligu tiegħu li jippubblika r-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika billi ppubblika l-Liġi dwar il-Posta.

54

Skont il-punt 60(a) tal-Qafas SIEĠ, għal kull kumpens ta’ SIEĠ li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Qafas SIEĠ, l-Istat Membru kkonċernat għandu jippubblika permezz tal-internet jew permezz ta’ kull mezz ieħor xieraq imsemmi fil-punt 14 ta’ dan il-qafas, b’mod partikolari, ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika.

55

Fil-punt 54 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat, qabelxejn, li, fil-premessa 158 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kkonstatat, mingħajr żball ta’ fatt, li l-Liġi dwar il-Posta Pollakka kienet ġiet ippubblikata. Sussegwentement, hija qieset li mill-punt 60 tal-Qafas SIEĠ ma jirriżultax obbligu għall-Istat Membru li jippubblika r-riżultati tal-konsultazzjonijiet pubbliċi separatament. Fl-aħħar nett, hija ddeduċiet mill-fatt li, skont il-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-punti 46 sa 50 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni setgħet validament tqis li r-rekwiżiti ta’ trasparenza msemmija fil-punt 14 tal-Qafas SIEĠ kienu ġew osservati, li tali konklużjoni tagħha korrispondenti li tinsab fil-premessa 160 tad-deċiżjoni kontenzjuża ma hijiex żbaljata.

56

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-formulazzjoni tal-punt 60(a) tal-Qafas SIEĠ jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, l-Istati Membri ma humiex obbligati jippubblikaw ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika separatament, peress li dawn ir-riżultati jistgħu jidhru, pereżempju, fl-att li permezz tiegħu Stat Membru jafda r-responsabbiltà għall-ġestjoni tas-SIEĠ lill-impriża kkonċernata.

57

Madankollu, il-fatt li l-Liġi dwar il-Posta, li ma huwiex ikkontestat li tinkludi l-elementi essenzjali relatati mal-modalitajiet tal-kalkolu tal-kumpens u mal-ammont ta’ dan tal-aħħar, ġiet ippubblikata ma jimplikax neċessarjament li r-Repubblika tal-Polonja kkonformat ruħha mal-obbligu, previst fil-punt 60(a) tal-Qafas SIEĠ, li tippubblika r-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika, f’dan il-każ dik tax-xahar ta’ Settembru 2010.

58

F’dan ir-rigward, il-Gvern Pollakk isostni li dan l-obbligu ġie effettivament issodisfatt sa fejn il-kunċett ta’ “riżultati tal-konsultazzjoni pubblika”, fis-sens ta’ dan il-punt 60(a), jikkorrispondi, fil-fatt, għad-deċiżjoni tal-għoti ta’ kumpens speċifiku skont modalitajiet speċifiċi u li, konsegwentement, il-pubblikazzjoni ta’ dawn l-aħħar elementi, li jinsabu fil-Liġi dwar il-Posta, tfisser li l-imsemmija riżultati ġew ippubblikati wkoll.

59

Madankollu, hemm lok li jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-formulazzjoni ċara tal-punt 60(a) tal-Qafas SIEĠ, tali interpretazzjoni tal-obbligu ta’ pubblikazzjoni tar-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika, fis-sens ta’ dan il-punt, ma tistax tintlaqa’. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, meta Stat Membru jiddeċiedi li jissodisfa l-obbligu ta’ pubblikazzjoni tar-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika permezz tal-pubblikazzjoni tal-att li permezz tiegħu tiġi fdata l-ġestjoni ta’ SIEĠ, din il-pubblikazzjoni għandha, sabiex dan l-obbligu ma jiġix imċaħħad mill-effettività tiegħu, tirreferi espressament, b’livell ta’ dettall suffiċjenti, għar-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika mwettqa fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tal-imsemmi att.

60

Minn dan isegwi li l-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tinsab fl-ewwel sentenza tal-punt 54 tas-sentenza appellata, li tgħid li l-Kummissjoni kkonstatat, mingħajr żball ta’ fatt, li l-Liġi dwar il-Posta “kienet ġiet ippubblikata”, ma hijiex biżżejjed sabiex tiġġustifika l-konklużjoni li l-Gvern Pollakk kien ikkonforma mal-obbligu ta’ pubblikazzjoni tar-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika tax-xahar ta’ Settembru 2010, fis-sens tal-punt 60(a) tal-Qafas SIEĠ.

61

L-istess jgħodd għall-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tinsab fl-aħħar sentenza tal-punt 54 tas-sentenza appellata li tgħid li l-fatt li l-Kummissjoni setgħet validament tqis li r-rekwiżiti ta’ trasparenza, imsemmija fil-punt 14 tal-Qafas SIEĠ, kienu ġew osservati jippermetti li jiġi konkluż li din tal-aħħar ma wettqitx żball meta ddikjarat li r-rekwiżit ta’ trasparenza kien ġie ssodisfatt.

62

Fil-fatt, ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-imsemmi punt 14, dwar il-prova tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet fil-qasam tas-servizz pubbliku kkonċernati permezz ta’ konsultazzjoni pubblika jew mezzi oħra xierqa, ma jistgħux jiġu assimilati mar-rekwiżit ta’ trasparenza, previst fil-punt 60(a) tal-Qafas SIEĠ, li jikkonċerna speċifikament il-pubblikazzjoni tar-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika. Għaldaqstant, il-fatt li Stat Membru kkonforma ruħu mar-rekwiżiti tal-punt 14 tal-Qafas SIEĠ ma jimplikax neċessarjament li huwa kkonforma ruħu wkoll mal-obbligu ta’ trasparenza, fis-sens tal-punt 60(a) ta’ dan il-qafas.

63

Mill-kunsiderazzjonijiet premessi jirriżulta li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 54 tas-sentenza appellata, wettqet diversi żbalji ta’ liġi f’dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-punt 60 tal-Qafas SIEĠ.

64

Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali ma huwiex tali li jinvalida s-sentenza appellata jekk id-dispożittiv tagħha jidher fondat fid-dawl ta’ raġunijiet oħra ta’ dritt (sentenza tal-21 ta’ Settembru 2017, Easy Sanitary Solutions u EUIPO vs Group Nivelles, C‑361/15 P u C‑405/15 P, EU:C:2017:720, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65

F’dan il-każ, mill-premessa 122 tad-deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li r-Repubblika tal-Polonja ma kellhiex għalfejn tipprova li hija kienet, konformement mar-rekwiżiti tal-punt 14 tal-Qafas SIEĠ, ħadet debitament inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet fil-qasam tas-servizz pubbliku, billi wettqet konsultazzjoni pubblika jew b’mezzi oħra xierqa, peress li l-obbligi ta’ servizz pubbliku attribwiti lil PP kienu jikkorrispondu għar-rekwiżiti fil-qasam tas-servizzi postali universali li jirriżultaw mid-Direttiva dwar il-Posta. Il-Kummissjoni kkonstatat ukoll, fl-imsemmija premessa 122, li konsultazzjoni pubblika dwar il-Liġi dwar il-Posta kif ukoll dwar ir-regolamenti ta’ implimentazzjoni ta’ din il-liġi ġiet, fi kwalunkwe każ, organizzata. F’dan ir-rigward, l-użu tal-kliem bl-Ingliż “in any event” juri li din il-konstatazzjoni tal-aħħar tal-Kummissjoni tidher li saret għall-finijiet ta’ kompletezza.

66

Issa, fil-punt 50 tas-sentenza appellata, li ma ġietx ikkontestata mill-appellanti fil-kuntest tal-appelli tagħhom, il-Qorti Ġenerali kkonfermat l-imsemmija evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tinsab fil-premessa 122 tad-deċiżjoni kontenzjuża, fis-sens li, peress li l-awtoritajiet Pollakki kkonformaw ruħhom mar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-Direttiva dwar il-Posta, huma ma kellhomx iktar jikkonformaw ruħhom mal-obbligi previsti fil-punt 14 tal-Qafas SIEĠ.

67

Minn dan isegwi li l-iżbalji mwettqa mill-Qorti Ġenerali u kkonstatati fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-punt 60 tal-Qafas SIEĠ, b’mod partikolari dik dwar il-pubblikazzjoni tar-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika msemmija fl-imsemmi punt 14 ta’ dan il-qafas, fis-sens ta’ dan il-punt 60(a), ma humiex ta’ natura li jaffettwaw il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali fir-rigward taċ-ċaħda tar-rikors tal-appellanti.

68

Mill-kunsiderazzjonijiet premessi jirriżulta li t-tieni parti tat-tieni aggravju ma tistax tintlaqa’ u li dan l-aggravju tal-aħħar għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq it-tielet aggravju

L-argumenti tal-partijiet

69

It-tielet aggravju, li huwa maqsum f’erba’ partijiet, huwa bbażat, minn naħa, fuq ksur tal-Artikolu 106(2) TFUE, sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li r-rekwiżiti tal-punt 52 tal-Qafas SIEĠ kienu ġew osservati, u, min-naħa l-oħra, fuq ksur tal-Artikolu 7(1) u (3) sa (5) tad-Direttiva dwar il-Posta.

70

Fir-rigward tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, l-appellanti jikkontestaw il-punti 84 sa 86 tas-sentenza appellata u jsostnu, essenzjalment, in-natura diskriminatorja tal-fond ta’ kumpens kif ukoll it-traspożizzjoni inkorretta tal-Artikolu 7(3) u (4) tad-Direttiva dwar il-Posta imwettqa mill-Gvern Pollakk.

71

Il-pożizzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex koerenti, sa fejn hija kkunsidrat li s-servizzi ta’ kurrier ma kinux jikkostitwixxu servizzi ekwivalenti għas-servizzi universali, filwaqt li ddeċidiet li dan kien il-każ, mill-perspettiva tal-konsumaturi, fir-rigward tas-servizzi li jaqgħu taħt is-servizz universali.

72

L-ewwel nett, l-appellanti jiddikjaraw li, fir-rigward tal-modalitajiet ta’ provvista ta’ dawn is-servizzi, tal-iffissar tat-tariffi tagħhom u ta’ rekwiżiti legali oħra, ma teżisti ebda konverġenza bejn is-servizz universali u s-servizzi li jaqgħu taħt is-servizz universali. Dawn iż-żewġ tipi ta’ servizzi huma fundamentalment differenti.

73

B’mod partikolari, qabelxejn, is-servizz universali għandu jiġi pprovdut b’mod uniformi u skont tqassim determinat tal-uffiċċji tal-posta kif ukoll abbażi ta’ rata speċifika ta’ trasport ta’ oġġetti postali. Issa, il-fornituri tas-servizzi li jaqgħu taħt is-servizz universali ma huma suġġetti għal ebda waħda minn dawn ir-restrizzjonijiet.

74

Sussegwentement, is-servizz universali għandu jiġi pprovdut bi prezzijiet raġonevoli vvalidati mill-awtorità regolatorja nazzjonali postali, filwaqt li l-fornituri tas-servizzi li jaqgħu taħt is-servizz universali huma liberi li jiffissaw il-prezzijiet ta’ dawn is-servizzi. Issa, il-Kummissjoni użat perċentwali uniformi għal dawn iż-żewġ tipi ta’ servizzi filwaqt li r-riżultati ta’ kontabbiltà ta’ PP abbażi tal-provvista tal-imsemmija tipi ta’ servizzi huma differenti ħafna. Dawn ir-riżultati juru n-natura żbaljata tal-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar trattament identiku tas-servizz universali u tas-servizzi li jaqgħu taħt is-servizz universali minħabba l-karatteristiċi tagħhom allegatament simili.

75

Fl-aħħar nett, is-servizz universali jeżiġi li l-operatur jiggarantixxi li jaċċedi għall-kaxxa tal-ittri għall-ġbir tal-oġġetti postali u d-distribuzzjoni ta’ oġġetti postali, mill-inqas darba kull jum tax-xogħol u mhux inqas minn ħamest ijiem fil-ġimgħa, ħlief għall-vaganzi pubbliċi u b’mod li jippermetti lil min jibgħat il-posta jikseb konferma ta’ rċevuta ta’ posta rreġistrata. Issa, il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma timponix tali rekwiżit fuq is-servizzi li jaqgħu taħt is-servizz universali, peress li l-imsemmi rekwiżit jista’ jirriżulta mill-obbligi kuntrattwali tal-operatur, mingħajr, madankollu, ma huwa karatteristika kostituttiva ta’ dawn is-servizzi.

76

It-tieni nett, l-appellanti jsostnu n-natura ineżatta u kuntrarja għall-prinċipji matematiċi tal-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali magħmula fil-punt 85 tas-sentenza appellata minħabba li l-perċentwali mħallsa minn PP lill-fond ta’ kumpens ma tista’ fl-ebda każ tkun ogħla mill-kontribuzzjoni tal-operaturi postali l-oħra.

77

It-tielet nett, fir-rigward tal-punt 86 tas-sentenza appellata, huma jfakkru li s-servizz universali huwa pprovdut fl-interess ġenerali f’kundizzjonijiet ta’ kważi monopolju, filwaqt li s-servizzi li jaqgħu taħt is-servizz universali jikkostitwixxu parti mis-suq liberalizzat li huwa kkaratterizzat minn kompetizzjoni qawwija.

78

Fil-kuntest tat-tieni parti tat-tielet aggravju, huma jallegaw li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 7(5) tad-Direttiva dwar il-Posta minħabba n-natura sproporzjonata tal-fond ta’ kumpens.

79

L-ewwel nett, waqt l-eżami tar-rikors, il-Qorti Ġenerali injorat kompletament il-kwistjoni dwar id-diverġenza bejn l-ispiża medja ponderata tal-kapital (SMPK), adottata għall-kalkolu tal-finanzjament tal-ispiża netta, stabbilita għal 10.82 %, u r-rata ta’ profittabbiltà tas-servizzi ekwivalenti li fuqha l-Kummissjoni bbażat ruħha sabiex tiddetermina n-natura proporzjonata tal-kontribuzzjoni ta’ 2 % tad-dħul. Sa fejn l-ispiża minima tal-kapital ġiet iffissata għal 10.82 % għall-parti mis-suq tas-servizzi postali, ikun manifestament kontradittorju li wieħed jikkunsidra, kif għamlet il-Kummissjoni, imbagħad il-Qorti Ġenerali, li rata ta’ profittabbiltà ta’ 5.5 % għas-servizzi ekwivalenti tippermetti li tiġi adottata rata ta’ kontribuzzjoni ta’ 2 %, bħala rata li ma tikkostitwixxix fattur ta’ esklużjoni mis-suq tal-kompetituri effettivi u lanqas fattur li jiddisswadihom milli jidħlu fih.

80

It-tieni nett, l-appellanti jikkunsidraw li l-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali ma humiex ikkorroborati mill-provi f’dan il-każ. Minn naħa, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni ma kellhiex informazzjoni oħra ħlief dik dwar ir-rata ta’ profittabbiltà ta’ PP, il-konklużjonijiet dedotti minnha kienu, fi kwalunkwe każ, ineżatti.

81

Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kellha tipprevedi li s-sena 2013 kienet l-ewwel sena tal-liberalizzazzjoni tas-suq tas-servizzi postali u li, konsegwentement, iż-żieda tal-kompetizzjoni fis-suq tas-servizzi li jaqgħu taħt is-servizz universali kellha tkun akkumpanjata minn tnaqqis fil-profittabbiltà.

82

Barra minn hekk, l-appellanti jikkontestaw il-pożizzjoni tal-Qorti Ġenerali li hija biss is-sena 2013, li effettivament tikkostitwixxi l-unika sena li matulha l-appellanti laħqu r-rata ta’ profittabbiltà prevista mill-Kummissjoni, li hija rilevanti għal dawn il-kawżi peress li, bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma setgħetx tkun taf jekk l-ispiża netta seħħitx ukoll għas-sena 2015.

83

Fl-aħħar nett, l-istabbiliment tal-fond ta’ kumpens jeżiġi wkoll l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ protezzjoni kontra vantaġġi eċċessivi. Fil-fatt, il-fond ta’ kumpens għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-profitti magħmula mill-operatur maħtur fis-snin sussegwenti, b’mod partikolari meta l-fornitur ma jkunx ġie nnominat permezz ta’ kompetizzjoni, kif ukoll is-sitwazzjoni partikolari tas-suq matul il-fażi inizjali tal-liberalizzazzjoni tiegħu.

84

Fil-kuntest tat-tielet parti tat-tielet aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 7(5) tad-Direttiva dwar il-Posta billi ma rrikonoxxietx in-nuqqas ta’ trasparenza tal-proċess ta’ ħolqien tal-fond ta’ kumpens. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali invokat b’mod żbaljat is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2014, Crown Equipment (Suzhou) u Crown Gabelstapler vs Il-Kunsill (T‑643/11, EU:T:2014:1076).

85

Huma jfakkru li huma sostnew quddiem il-Qorti Ġenerali li l-forma finali tal-fond u l-kontribuzzjoni massima għall-finanzjament (2 % tad-dħul) ma kinux is-suġġett ta’ proċedura konsultattiva u li l-persuni kkonċernati ma setgħux jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom. Għalhekk, hija l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2009, Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il-Kunsill (C‑141/08 P, EU:C:2009:598), li hija rilevanti f’dan il-każ għaliex ma jistax jiġi eskluż li l-Gvern kien ibiddel il-pożizzjoni tiegħu kieku l-persuni kkonċernati setgħu jesprimu l-opinjoni tagħhom f’dak li jirrigwarda l-irduppjar tar-rata massima ta’ parteċipazzjoni fil-finanzjament.

86

Fir-rigward tar-raba’ parti tat-tielet aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 153 sa 156 tas-sentenza appellata, kisret l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva dwar il-Posta minħabba ksur tal-kundizzjoni dwar il-piż finanzjarju inġust.

87

Qabelxejn, l-appellanti jqisu li, b’mod kuntrarju għas-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑222/08, EU:C:2010:583), u tas-6 ta’ Ottubru 2010, Base et (C‑389/08, EU:C:2010:584), il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi li, peress li l-ispiża netta tiġġenera telf, l-ammont ta’ dan tal-aħħar jikkostitwixxi awtomatikament piż inġust għal PP. Din il-preżunzjoni tfisser li la l-ammont tat-telf u lanqas il-karatteristiċi stess ta’ PP, bħall-kwalità tat-tagħmir tagħha, is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tagħha jew is-sehem tagħha mis-suq, ma għandhom jiġu eżaminati fir-rigward tal-kundizzjoni relatata mal-piż inġust.

88

Fid-dawl tal-konverġenza wiesgħa tal-leġiżlazzjonijiet tal-Unjoni dwar il-finanzjament tas-servizz universali fis-suq tat-telekomunikazzjonijiet u fis-suq postali, il-pożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja espressa fis-sentenzi hawn fuq imsemmija għandha tittieħed inkunsiderazzjoni f’dan il-każ. F’dan ir-rigward, il-metodu segwit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex tiġi ffinanzjata l-ispiża netta tas-servizz universali huwa inkompatibbli mal-mudell ta’ finanzjament previst fid-Direttiva dwar il-Posta.

89

Il-pożizzjoni tal-appellanti fir-rigward tal-mod kif jiġi kkalkolat il-piż inġust tal-operatur innominat hija, barra minn hekk, ikkonfermata mir-Rapport tal-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej fil-qasam tas-servizzi postali tal-2012, intitolat “Net Cost calculation and Evaluation of a Reference Scenario” (Kalkolu tal-Ispiża Netta u Evalwazzjoni tax-Xenarju ta’ Riferiment), kif ukoll mid-duttrina.

90

Sussegwentement, huma jallegaw ksur tal-prinċipju ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni, minħabba li, fil-Polonja, il-qrati nazzjonali aditi b’rikorsi kontra d-deċiżjonijiet tal-awtorità regolatorja nazzjonali dwar is-suq postali ma jieħdux inkunsiderazzjoni t-talbiet għal deċiżjoni preliminari indirizzati lill-Qorti tal-Ġustizzja matul il-proċedura.

91

Fl-aħħar nett, il-leġiżlazzjoni nazzjonali hija ta’ natura insuffiċjenti għaliex, bħala prinċipju, fil-kuntest tal-proċedura ta’ stħarriġ, id-deċiżjoni fuq il-mertu ma hijiex eżaminata.

92

L-appellanti jindikaw, fir-replika tagħhom, li, fil-kuntest tal-ewwel, tat-tieni u tar-raba’ partijiet tat-tielet aggravju, huma identifikaw espressament ir-raġunijiet tas-sentenza appellata u li huma ppreżentaw ukoll argumenti intiżi mhux għal kontestazzjoni tal-fatti, iżda għall-klassifikazzjoni ġuridika żbaljata mwettqa mill-Qorti Ġenerali tas-servizzi li jaqgħu taħt is-servizz universali kif ukoll sabiex juru li l-Qorti Ġenerali wettqet applikazzjoni żbaljata tad-dritt tal-Unjoni f’dak li jirrigwarda l-ksur tal-Artikolu 7(1) u (3) sa (5) tad-Direttiva dwar il-Posta.

93

Il-Kummissjoni tqis li l-ewwel, it-tieni u r-raba’ partijiet tat-tielet aggravju huma inammissibbli u li, fi kwalunkwe każ, dan l-aggravju, kollu kemm hu, huwa infondat. Fir-rigward tal-Gvern Pollakk, huwa jikkunsidra li l-aggravju huwa kollu kemm hu inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

94

Fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tielet aggravju, l-appellanti jikkontestaw, essenzjalment, il-punti 84 sa 86 tas-sentenza appellata u jsostnu n-natura diskriminatorja tal-fond ta’ kumpens kif ukoll it-traspożizzjoni inkorretta tal-Artikolu 7(3) u (4) tad-Direttiva dwar il-Posta imwettqa mill-Gvern Pollakk.

95

Għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li l-argumenti mressqa mill-appellanti, u miġbura fil-qosor fil-punti 70 sa 77 ta’ din is-sentenza, insostenn tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, huma intiżi, essenzjalment, sabiex jikkontestaw l-evalwazzjoni fattwali tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fil-punti 84 u 85 tas-sentenza appellata, fir-rigward tan-natura interkambjabbli tas-servizzi postali universali u tas-servizzi postali ekwivalenti kif ukoll tal-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-kontribuzzjoni pagabbli minn PP.

96

Issa, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Qorti Ġenerali għandha l-kompetenza esklużiva sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti u kif ukoll sabiex tevalwa l-provi. Għalhekk, l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi ma tikkostitwixxix, bla ħsara għall-każ ta’ żnaturament tagħhom, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (sentenza tat-13 ta’ Frar 2020, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni (Mergħat permanenti), (C‑252/18 P, EU:C:2020:95), punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

97

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti ma jallegaw ebda żnaturament tal-fatti jew tal-provi eżaminati mill-Qorti Ġenerali.

98

It-tieni nett, fir-rigward tal-allegazzjoni dwar il-punt 86 tas-sentenza appellata, l-appellanti ma jindikawx b’ċarezza suffiċjenti l-iżball ta’ liġi li wettqet il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, li, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, jipprekludi lill-Qorti tal-Ġustizzja milli teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità tal-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali.

99

Minn dan isegwi li l-ewwel parti tat-tielet aggravju hija, kollha kemm hi, inammissibbli u għandha tiġi miċħuda.

100

It-tieni parti tat-tielet motiv hija bbażata fuq allegat ksur tal-Artikolu 7(5) tad-Direttiva dwar il-Posta minħabba n-natura sproporzjonata tal-fond ta’ kumpens. Issa, l-istess bħal fir-rigward ta’ parti mill-argumentazzjoni dwar l-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, dik insostenn ta’ din it-tieni parti hija intiża, essenzjalment, sabiex tikkontesta evalwazzjoni fattwali tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-eżami tal-proporzjonalità tal-fond ta’ kumpens, imwettaq minn din tal-aħħar, fid-dawl tal-provi li ġew ippreżentati lilha, mingħajr ma tallega xi żnaturament f’dan ir-rigward.

101

Konsegwentement, it-tieni parti tat-tielet aggravju hija wkoll inammissibbli u għandha, għaldaqstant, tiġi miċħuda.

102

Permezz tat-tielet parti tat-tielet aggravju, l-appellanti jsostnu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 7(5) tad-Direttiva dwar il-Posta billi ma rrikonoxxietx in-nuqqas ta’ trasparenza tal-proċess ta’ ħolqien tal-fond ta’ kumpens.

103

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punti 45 sa 52 ta’ din is-sentenza, dwar l-eżami tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonkludiet, fil-punti 47 u 48 tas-sentenza appellata, li l-appellanti setgħu utilment isostnu l-osservazzjonijiet tagħhom u li konsultazzjoni ġdida ma kienet iġġib “ebda valur miżjud sinjifikattiv”, fis-sens tal-punt 14 tal-qafas SIEĠ, meta mqabbla mal-konsultazzjoni pubblika tax-xahar ta’ Settembru 2010.

104

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u mingħajr ma l-Qorti tal-Ġustizzja għandha bżonn tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tat-tielet parti tat-tielet aggravju, għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn, fil-kuntest ta’ din il-parti, l-appellanti la jallegaw u lanqas juru li l-obbligu li jiġi osservat il-prinċipju ta’ trasparenza, previst fl-Artikolu 7(5) tad-Direttiva dwar il-Posta, jeżiġi, f’dan il-każ, konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati iktar estensiva minn dik li tirriżulta mill-punt 14 tal-Qafas SIEĠ, ir-raġunijiet esposti fil-punti 45 sa 51 ta’ din is-sentenza huma suffiċjenti sabiex jiġi kkonstatat li l-imsemmija parti hija infondata.

105

Ir-raba’ parti tat-tielet aggravju hija bbażata fuq il-fatt li, fil-punti 153 sa 156 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva dwar il-Posta minħabba ksur tal-kundizzjoni dwar il-piż finanzjarju inġust.

106

Għandu jiġi rrilevat, bħalma jsostnu l-Kummissjoni u l-Gvern Pollakk, li, minkejja l-fatt li l-appellanti jirriproduċu u jindikaw il-punti kkontestati tas-sentenza appellata, din ir-raba’ parti għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

107

Fil-fatt, fir-rigward tal-parti tal-argumentazzjoni mressqa mill-appellanti fil-kuntest tal-imsemmija raba’ parti li hija miġbura fil-qosor fil-punti 87 sa 89 u 91 ta’ din is-sentenza, hemm lok li jiġi rrilevat li, permezz ta’ din l-argumentazzjoni, huma jillimitaw ruħhom, essenzjalment, għal kontestazzjoni tal-kontenut tad-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll dak tal-Liġi dwar il-Posta, mingħajr ma jsemmu, fl-ebda mument, b’mod iddettaljat, l-evalwazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali u mingħajr ma jindikaw kif din wettqet żball ta’ liġi.

108

Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-argumenti ta’ appell li jikkritikaw mhux is-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali wara talba għall-annullament ta’ deċiżjoni, iżda d-deċiżjoni li l-annullament tagħha ġie mitlub quddiem il-Qorti Ġenerali huma manifestament inammissibbli (digriet tas-27 ta’ Settembru 2012, Brighton Collectibles vs UASI u Felmar, C‑624/11 P, mhux ippubblikat, EU:C:2012:598, punt 35).

109

Fir-rigward tal-argument dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni, miġbur fil-qosor fil-punt 90 ta’ din is-sentenza, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-appellanti naqsu milli jidentifikaw b’mod preċiż l-iżball ta’ liġi li bih hija vvizzjata s-sentenza appellata.

110

Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi enfasizzat li r-raba’ parti tat-tielet aggravju hija wkoll infondata.

111

L-appellanti jikkontestaw, essenzjalment, il-metodu użat mill-awtoritajiet Pollakki, li ġie kkonfermat mill-Kummissjoni, li skontu, peress li l-ispiża netta tal-provvista tas-servizzi universali tiġġenera telf għall-fornitur ta’ dawn is-servizzi, l-ammont ta’ dan it-telf jikkostitwixxi piż finanzjarju inġust għal dan il-fornitur, fis-sens tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva dwar il-Posta. B’mod partikolari, l-appellanti jqisu li l-eżami tal-kundizzjoni relatata mal-“piż finanzjarju inġust” għandu jikkorrispondi għal dak meħtieġ mill-Kummissjoni, b’mod partikolari fis-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑222/08, EU:C:2010:583, punti 4950), u tas-6 ta’ Ottubru 2010, Base et (C‑389/08, EU:C:2010:584, punti 4243), dwar il-qasam komparabbli tas-servizz universali tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, li jimplika analiżi tas-sitwazzjoni speċifika tal-impriża kkonċernata fuq il-bażi ta’ sensiela ta’ fatturi, bħal, b’mod partikolari, il-kwalità tat-tagħmir tagħha, is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tagħha jew is-sehem tagħha mis-suq.

112

F’dan ir-rigward, hemm lok, l-ewwel nett, li jitfakkar li, fil-punt 153 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, ikkonstatat li, konformement mal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva dwar il-Posta, il-Liġi dwar il-Posta teżiġi li l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tiddetermina jekk l-obbligi ta’ servizz universali jikkostitwixxux piż finanzjarju inġust għall-fornitur maħtur. Skont il-Qorti Ġenerali, dan huwa l-każ hawnhekk, sa fejn mill-premessa 16 tad-deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta li huwa r-Regolatur Postali Pollakk li għandu jwettaq din l-evalwazzjoni skont il-Liġi dwar il-Posta li implimentat l-imsemmija Direttiva dwar il-Posta.

113

Issa, din l-aħħar affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-obbligu ta’ dan ir-regolatur postali li jivverifika jekk l-obbligi ta’ servizz universali jikkostitwixxux, fis-sens tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva dwar il-Posta, piż finanzjarju inġust għall-fornitur maħtur ma ġietx ikkontestata mill-appellanti.

114

It-tieni nett, fil-punt 156 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-miżura inkwistjoni ma tagħti lok għal ebda dritt awtomatiku għal kumpens għall-ispiża netta tal-obbligi ta’ servizz universali ta’ PP, sa fejn, kif jirriżulta mill-premessi 16, 84 sa 87 u 144 tad-deċiżjoni kontenzjuża, dan id-dritt jingħata biss jekk il-provvisti tas-servizz universali jwasslu għal telf ta’ kontabbiltà. F’dan il-punt 156, il-Qorti Ġenerali żżid li dan id-dritt għal kumpens jikkorrispondi għall-ammont l-iktar baxx mill-ammonti relatati mat-telf ta’ kontabbiltà li jirriżulta mill-provvisti tas-servizz universali, jew mal-ispiża netta tal-obbligi tas-servizz universali li jimplika, kif irrilevat il-Kummissjoni fil-premessa 144 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li l-miżura inkwistjoni hija iktar restrittiva mill-Qafas SIEĠ, peress li dan tal-aħħar ippermetta potenzjalment kumpens totali tal-ispiża netta tal-obbligi tas-servizz universali.

115

Issa, jekk jitqies li l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑222/08, EU:C:2010:583), u tas-6 ta’ Ottubru 2010, Base et (C‑389/08, EU:C:2010:584), hija applikabbli fil-kuntest tal-interpretazzjoni tad-Direttiva dwar il-Posta, għandu, minn naħa, jiġi rrilevat li l-konstatazzjoni, fil-punt 156 tas-sentenza appellata, li d-dritt għal kumpens jingħata biss jekk il-provvisti tas-servizzi universali jinvolvu telf ta’ kontabbiltà għall-impriża inkarigata bil-provvista ta’ dawn is-servizzi tippermetti li jiġi kkunsidrat li l-kriterju użat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ din il-ġurisprudenza, jiġifieri li l-piż ikkonċernat huwa, għall-impriża inkwistjoni, ta’ “natura eċċessiva fid-dawl tal-kapaċità tagħha li ssostnih”, ġie ssodisfatt.

116

Min-naħa l-oħra, hemm lok li jiġi kkonstatat li mill-punt 25 tal-Qafas SIEĠ, li għalih tirreferi l-premessa 144 tad-deċiżjoni kontenzjuża, imsemmi mill-Qorti Ġenerali fil-punt 156 tas-sentenza appellata, jirriżulta li l-ammont tal-kumpens jista’ wkoll jiġi kkalkolat permezz tal-metodu tal-“ispiża netta evitata”, li jikkonsisti fil-kalkolu tal-ispiża netta neċessarja, attwali jew mistennija, għall-eżekuzzjoni tal-obbligi tas-servizz pubbliku, u li tikkorrispondi għad-differenza bejn l-ispiża netta sostnuta mill-fornitur meta jwettaq dawn l-obbligi u l-ispiża jew il-profitt nett tal-istess fornitur meta huwa ma jwettaqhomx. Għalhekk, fid-dawl tal-formulazzjoni ta’ dan il-punt 25, tali metodu ta’ kalkolu jista’ jwassal, bħala prinċipju, għal kumpens għall-ispiża tal-obbligi tas-servizz universali anki fl-assenza ta’ telf finanzjarju min-naħa tal-fornitur tal-obbligi tas-servizz pubbliku.

117

Issa, l-appellanti ma kkontestawx li, kif irrilevat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 156 tas-sentenza appellata, dan il-metodu ta’ kalkolu tad-dritt għal kumpens huwa inqas restrittiv minn dak applikat mir-Repubblika tal-Polonja fil-kuntest tal-Liġi dwar il-Posta u eżaminat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża.

118

Għandu jingħad ukoll, f’dan ir-rigward, li l-Qafas Komunitarju għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens tas-servizz pubbliku (ĠU 2005, C 297, p. 4) applikabbli għaż-żmien tal-fatti rilevanti fil-kuntest tal-kawżi ta’ waslu għas-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑222/08, EU:C:2010:583), u tas-6 ta’ Ottubru 2010, Base et (C‑389/08, EU:C:2010:584), invokati mill-appellanti, ma kienx jipprevedi tali metodu relatat mal-“ispiża netta evitata”, u dan jikkonferma li din il-ġurisprudenza ma hijiex, fi kwalunkwe każ, deċiżiva għall-eżami tal-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ dawn l-appelli.

119

Mill-kunsiderazzjonijiet premessi jirriżulta li r-raba’ parti tat-tielet aggravju hija inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondata, u għalhekk għandha tiġi miċħuda.

120

Konsegwentement, sa fejn ebda waħda mill-partijiet tat-tielet aggravju ma ġiet milqugħa, dan it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq ir-raba’ aggravju

L-argumenti tal-partijiet

121

Permezz tar-raba’ aggravju tagħhom, li jirrigwarda l-punt 167 tas-sentenza appellata, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva dwar il-Posta, sa fejn aċċettat il-finanzjament tal-ispiża tas-servizz universali permezz ta’ ċertu numru ta’ drittijiet esklużivi u speċjali mogħtija lil PP.

122

Huma jenfasizzaw li d-drittijiet esklużivi u speċjali, minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar il-Posta, li PP baqgħet tibbenefika minnhom, ġew espressament iddikjarati fid-deċiżjoni kontenzjuża, fil-premessi 52 sa 56 tagħha, u li l-eżistenza tagħhom ma kinitx tikkostitwixxi element kontenzjuż. Għaldaqstant, sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ dawn is-servizzi, ma kienx neċessarju li jitressqu argumenti li jistgħu jistabbilixxu li dawn ma kinux jaqgħu taħt il-kategorija tad-drittijiet imsemmija f’dan l-Artikolu 8. Għal dan l-għan, kien ikun biżżejjed li wieħed janalizza l-imsemmi artikolu, ħaġa li l-Qorti Ġenerali naqset li tagħmel. Huma jżidu li wħud minn dawn id-drittijiet esklużivi u speċjali ma għandhom ebda rabta funzjonali mas-servizz universali.

123

Fir-replika tagħhom, huma jaffermaw li wrew li, kuntrarjament għal dak li ddikjarat il-Qorti Ġenerali, mill-ilment li huma ressqu quddiem il-Kummissjoni jirriżulta li d-drittijiet esklużivi mogħtija lil PP ma kinux ammissibbli fid-dawl tal-leġiżlazzjoni settorjali dwar is-servizz universali. Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza rilevanti, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-eżami, b’mod partikolari, tar-regoli ta’ finanzjament settorjali tas-servizz universali kien iġġustifikat. F’dan ir-rigward, huma jfakkru li l-kwistjoni tad-drittijiet esklużivi hija funzjonalment marbuta mal-għajnuna inkwistjoni mogħtija lil PP.

124

Il-Kummissjoni u l-Gvern Pollakk iqisu li dan ir-raba’ aggravju huwa inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

125

Fil-punt 167 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-appellanti ma ressqu ebda argument li jista’ jistabbilixxi li d-drittijiet mogħtija lil PP, kif speċifikati fil-premessi 51 sa 56 tad-deċiżjoni kontenzjuża, ma jaqgħux taħt l-eċċezzjoni prevista espressament fl-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar il-Posta u, għaldaqstant, li jista’ jistabbilixxi l-iżball ikkostitwit mill-allegat ksur ta’ din id-direttiva.

126

F’dan ir-rigward, fil-kuntest tar-raba’ aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu, essenzjalment, li d-drittijiet esklużivi u speċjali mogħtija lil PP kienu msemmija fid-deċiżjoni kontenzjuża u li l-eżistenza tagħhom ma kinitx tikkostitwixxi element kontenzjuż, li kien jimplika li ma kienx neċessarju li jitressqu argumenti li jistgħu jistabbilixxu li dawn ma jaqgħux taħt il-kategorija tad-drittijiet imsemmija fl-imsemmi Artikolu 8 tad-Direttiva dwar il-Posta.

127

Issa, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li, b’dan il-mod, l-appellanti, mingħajr ma jinvokaw xi żnaturament tal-argumentazzjoni tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali, la jallegaw ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt u lanqas tar-regoli tal-proċedura applikabbli fil-qasam tal-oneru u tal-amministrazzjoni tal-prova.

128

Min-naħa l-oħra, l-argument li d-drittijiet mogħtija lil PP kienu jikkostitwixxu drittijiet esklużivi u speċjali suġġetti għall-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva dwar il-Posta, u li, għaldaqstant, ma jaqgħux taħt l-eċċezzjoni tal-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva ma jistax jirnexxi.

129

Fil-fatt, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva dwar il-Posta, l-Istati Membri ma għandhomx jagħtu jew iżommu fis-seħħ drittijiet esklużivi jew speċjali għall-istabbiliment u għall-provvista ta’ servizzi postali. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva jikkostitwixxi eċċezzjoni għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, sa fejn jipprevedi li dawn tal-aħħar ma jippreġudikawx id-dritt tal-Istati Membri li jorganizzaw, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, it-tqegħid tal-kaxxi tal-ittri fit-toroq pubbliċi, il-ħruġ ta’ bolli postali u s-servizz ta’ posta rreġistrata użat fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi.

130

Għalhekk, mir-rabta bejn id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(1) u tal-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar il-Posta jirriżulta li l-eżistenza ta’ drittijiet esklużivi jew speċjali, li jaqgħu, bħala prinċipju, taħt il-projbizzjoni msemmija fl-imsemmi Artikolu 7(1) ma timplikax neċessarjament li tali drittijiet ma jistgħux jappartjenu għad-diversi kategoriji ta’ servizzi, imsemmija fl-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva u li din il-projbizzjoni ma tippreġudikax.

131

Konsegwentement, hemm lok li jiġi konkluż li r-raba’ aggravju jiġi miċħud.

132

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha premessi jirriżulta li, sa fejn ebda aggravju tal-appelli ma ntlaqa’, dawn tal-aħħar għandhom jiġu miċħuda.

Fuq l-ispejjeż

133

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

134

L-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-imsemmija regoli, jipprevedi li l-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

135

Peress li Inpost Paczkomaty u Inpost tilfu l-appell tagħhom u l-Kummissjoni u l-Gvern Pollakk talbu li dawn għandhom jiġu kkundannati għall-ispejjeż, hemm lok li dawn il-kumpanniji jiġu kkundannati għall-ispejjeż ta’ dawn l-appelli.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appelli huma miċħudin.

 

2)

Inpost Paczkomaty sp. z o.o. u Inpost S.A. huma kkundannati għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.