SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
8 ta’ Lulju 2021 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 96/71/KEE – Artikolu 1(1) u l‑Artikoli 3 u 5 – Kollokament ta’ ħaddiema mwettaq fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi – Xufiera li jaħdmu fi trasport internazzjonali – Osservanza tar-rata minima ta’ ħlas fil-pajjiż ta’ kollokament – Allowance ta’ kuljum – Regolament (KE) Nru 561/2006 – Artikolu 10 – Remunerazzjoni mogħtija lill-impjegati skont il‑fjuwil ikkonsmat”
Fil-Kawża C‑428/19,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Gyulai Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u tax-Xogħol ta’ Gyula, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Mejju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Ġunju 2019, fil-proċedura
OL,
PM,
RO
vs
Rapidsped Fuvarozási és Szállítmányozási Zrt.,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, L. Bay Larsen (Relatur), C. Toader, M. Safjan u N. Jääskinen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Bobek,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal OL, PM u RO, minn Gy. Lupkovics, ügyvéd, |
– |
għal Rapidsped Fuvarozási és Szállítmányozási Zrt., minn D. Kaszás, ügyvéd, |
– |
għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér, G. Koós u M. M. Tátrai, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Franċiż, minn A.‑L. Desjonquières u C. Mosser, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u P. Huurnink, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn W. Mölls, B.‑R. Killmann u L. Havas, sussegwentement minn B.‑R. Killmann u L. Havas, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tas-6 ta’ Mejju 2021,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) kif ukoll tal-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-istazzjonar [il-kollokament] ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 431, rettifika fil-ĠU 2015, L 16, p. 66), u tal-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 (ĠU 2006, L 102, p. 1, rettifika fil-ĠU 2016, L 195, p. 83). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, OL, PM u RO u, min-naħa l-oħra, Rapidsped Fuvarozási és Szállítmányozási Zrt. (iktar ’il quddiem “Rapidsped”) dwar talba minn dawn tal-ewwel, bħala xufiera li jaħdmu fi trasport internazzjonali, intiża sabiex jiksbu mingħand Rapidsped, il-kumpannija li timpjegahom, il-ħlas ta’ salarju li jieħu inkunsiderazzjoni s-salarju minimu Franċiż skont il-ħin tax-xogħol imwettaq fi Franza. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 96/71
3 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 96/71, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi: “1. Din id-Direttiva għandha tapplika għall-impriżi stabbiliti fi Stat Membru li, fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi transnazzjonali, jimpjegaw ħaddiema skond il-paragrafu 3, fit-territorju ta’ Stat Membru. 2. Din id-Direttiva ma tapplikax għall-impriżi ta’ marina merkantili fejn għandhom x’jaqsmu l-baħħara. 3. Din id-Direttiva għandha tapplika sa fejn l-impriżi imsemmija fil-paragrafu 1 jieħdu waħda mill-miżuri transnazzjonali li ġejjin:
[…]” |
4 |
L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Tifsira”, huwa fformulat kif ġej: “1. Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, ‘ħaddiem kollokat’ ifisser ħaddiem li, għall-perjodu limitat jagħmel ix-xogħol tiegħu fit-territorju ta’ Stat Membru barra mill-Istat li normalment jaħdem fih. 2. Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjoni ta’ ħaddiem hija dik li tapplika fil-liġi ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-ħaddiem jinbagħat.” |
5 |
L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “It-termini u l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg”, jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, tkun xi tkun il-liġi li tapplika għar-relazzjoni ta’ impjieg, l-impriżi msemmija fl-Artikolu 1(1) jiggarantixxu lill-ħaddiema mibgħuta fit-territorju tagħhom it-termini u l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg li jkopru il-kwistjonijiet li ġejjin, fl-Istati Membri fejn ix-xogħol hu mwettaq, huma stabbiliti:
u/jew,
Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, il-kunċett ta’ rati minimi ta’ ħlas imsemmija fil-paragrafu 1(ċ) huwa definit mil-liġi u/jew il-prattika nazzjonali ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-ħaddiem huwa mibgħut. […] 7. Il-Paragrafi 1 sa 6 m’għandhomx iżommu l-applikazzjoni ta’ klawżoli u kundizzjonijiet ta’ impjieg jew xogħol li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema. Il-ħlas addizzjonali minħabba l-kollokament għandu jingħadd bħala parti mis-salarju minimu, barra minn dak li jitħallas bħala rimbors ta’ spejjeż minħabba l-kollokament, bħalma huma l-ispejjeż tal-vjaġġ, ta’ l-alloġġ jew ta’ l-ikel. […]” |
6 |
L-Artikolu 5 tal-istess direttiva, intitolat “Miżuri”, jipprovdi li: “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa fil-każ ta’ non‑konformità mad-Direttiva. Għandhom b’mod partikulari jiżguraw li proċeduri adegwati huma disponibbli lill-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom għat-twettiq ta’ l-obbligi taħt din id-Direttiva.” |
7 |
Skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 96/71, intitolat “Il-ġurisdizzjoni”: “Sabiex jiġi infurzat id-dritt għat-termini u l-kundizzjonijiet ta’ impjieg iggarantiti fl-Artikolu 3, il-proċeduri gudizzjarji jistgħu jinfetħu fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-ħaddiem qiegħed jew ġie kkollokat, mingħajr preġudizzju, meta applikabbli, bla ħsara, taħt konvenzjonijiet internazzjonali eżistenti dwar il-ġurisdizzjoni, li jinfetħu proċeduri fi Stat ieħor.” |
Id-Direttiva 2003/59/KE
8 |
Id-Direttiva 2003/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2003 dwar il-kwalifika inizjali u taħriġ perjodiku ta’ sewwieqa ta’ ċerti vetturi tat-triq għat-trasport ta’ prodotti jew passiggieri, li temenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 u d-Direttiva tal-Kunsill 91/439/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 76/914/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 7, p. 441, rettifika fil-ĠU 2017, L 69, p. 39) tipprovdi, fil-premessa 10 tagħha, li l-iżvilupp tas-sewqan preventiv, li jmur flimkien mar-razzjonalizzazzjoni tal-konsum tal-fjuwil, ikollu effetti pożittivi kemm għas-soċjetà kif ukoll għas-settur tat-trasport bit-triq innifsu. |
9 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, huwa redatt kif ġej: “Din id-Direttiva għandha tapplika għal xogħol ta’ sewqan magħmul minn:
minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘sewwieqa’, li jagħmlu xogħol ta’ trasport bit-triq fi ħdan il-Komunità, f’toroq miftuħa għall-pubbliku, billi jużaw:
[…]” |
10 |
L-Anness I tal-imsemmija direttiva huwa intitolat “Ħtiġiet minimi ta’ kwalifika u taħriġ”. Skont il-punt 1.3 tas-Sezzjoni 1 tiegħu, l-għarfien li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-konstatazzjoni tal-kwalifika inizjali u tat-taħriġ kontinwu tas-sewwieq mill-Istati Membri għandu jirrigwarda, b’mod partikolari, l-ottimizzazzjoni tal-konsum tal-fjuwil b’rabta mal-liċenzji C, C + E, C1, C1 + E. |
Id-Direttiva 2006/126/CE
11 |
Id-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar il-Liċenzji tas-Sewqan (ĠU 2006, L 403, p. 18) ħassret u ssostitwixxiet id-Direttiva 91/439 b’effett mid-19 ta’ Jannar 2013. Mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/126, moqri flimkien mat-tabella ta’ korrelazzjoni li tinsab fl-Anness III tad-Direttiva 2003/59, jirriżulta li l-liċenzji C, C + E, C1, C1 + E previsti minn din id-direttiva tal-aħħar jikkonċernaw vetturi li jservu b’mod partikolari għat-trasport bit-triq ta’ merkanzija, li l-massa massima awtorizzata tagħhom taqbeż it‑3.5 tunnellati. |
12 |
Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2006/126, ir-riferimenti magħmula għad-Direttiva 91/439 imħassra għandhom jinftiehmu bħala li saru għad-Direttiva 2006/126. |
Ir-Regolament Nru 561/2006
13 |
Skont l-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament Nru 561/2006, dan tal-aħħar japplika għat-trasport bit-triq b’mod partikolari ta’ merkanzija minn vetturi, inklużi vetturi bi trejlers jew semitrejlers, li l-massa massima awtorizzata tagħhom taqbeż it‑3.5 tunnellati. |
14 |
L-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi: “Impriża tat-trasport ma għandhiex tagħti lix-xufiera li timpjega jew li jkunu għad-disposizzjoni tagħha xi ħlas, anke jekk ikun fil-forma ta’ bonus jew żieda mal-paga, li jkun relatat mad-distanza tal-vjaġġ li jkun sar u/jew l-ammont ta’ merkanzija li nġarret jekk dak il-ħlas ikun tali li jista’ jipperikola s-sigurtà fit-triq u/jew jinkoraġġixxi ksur ta’ dan ir-Regolament.” |
Ir-Regolament Nru 44/2001
15 |
L-Artikolu 68 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42) kien jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li dan ir-regolament jissostitwixxi, bejn l-Istati Membri, il-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata bil-konvenzjonijiet suċċessivi dwar l-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda ma’ din il-konvenzjoni (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”), ħlief għal dak li jikkonċerna ċerti territorji ta’ Stati Membri, u, fil-paragrafu 2 tiegħu, li, sa fejn dan ir-regolament jissostitwixxi bejn l-Istati Membri d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, kull riferiment għaliha jinftiehem bħala li huwa riferiment għall-imsemmi regolament. |
Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012
16 |
Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1) jipprovdi, fil-premessa 8 tiegħu: “Fit-22 ta’ Diċembru 2000, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 44/2001 li jissostitwixxi l-[Konvenzjoni ta’ Brussell] fir-rigward tat-territorji tal-Istati Membri koperti mit-TFUE, […] fost l-Istati Membri minbarra d-Danimarka. Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/325/KE [tas-27 ta’ April 2006 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 2006, L 294M, p. 8),] il-Komunità kkonkludiet ftehim mad-Danimarka li jiżgura l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament [Nru 44/2001] fid-Danimarka. […]” |
17 |
Skont l-Artikolu 21(1)(a) ta’ dan ir-regolament, persuna li timpjega ddomiċiljata fit-territorju ta’ Stat Membru tista’ titressaq quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn hija ddomiċiljata. |
18 |
Skont l-Artikolu 62(1) tal-istess regolament, sabiex jiġi ddeterminat jekk parti jkollhiex domiċilju fit-territorju tal-Istat Membru li l-qrati tiegħu jkunu aditi bil-kwistjoni, il-qorti għandha tapplika l-liġi interna tagħha. |
19 |
Skont l-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 1215/2012, dan ir-regolament iħassar ir-Regolament Nru 44/2001. Ir-riferimenti għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala li saru għar-Regolament Nru 1215/2012. |
Id-dritt Ungeriż
20 |
L-Artikolu 3(2) tal-a Munka Törvénykönyvérġl szóló 2012. Évi I. törvény (il-Liġi Nru I tal-2012 li tistabbilixxi l-Kodiċi tax-Xogħol, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tax-Xogħol”), jipprovdi li, sakemm ma jkunx ipprovdut mod ieħor, dan tal-aħħar għandu japplika meta l-ħaddiem abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu fl-Ungerija. |
21 |
L-Artikolu 285 tal-Kodiċi tax-Xogħol huwa fformulat kif ġej: “1. Il-ħaddiema u l-persuni li jimpjegaw jistgħu jressqu azzjoni quddiem qorti li tirriżulta mir-relazzjoni ta’ xogħol jew minn din il-liġi, filwaqt li s-sindakati u l-kumitati tal-impriża jistgħu jressqu azzjoni li tirriżulta minn din il-liġi, minn ftehim kollettiv jew minn ftehim tal-impriża. […] 4. Skont l-Artikolu 295, il-ħaddiema jistgħu wkoll iressqu azzjonijiet quddiem il-qrati Ungeriżi fir-rigward tas-sigħat maħduma fl-Ungerija.” |
22 |
L-Artikolu 295(1) ta’ dan il-kodiċi jipprovdi: “Jekk, abbażi ta’ ftehim konkluż ma’ terz, persuna li timpjega barranija tirrekluta ħaddiem fit-territorju tal-Ungerija billi tistabbilixxi relazzjoni ta’ xogħol li għaliha ma tapplikax din il-liġi bis-saħħa tal-Artikolu 3(2) tagħha, ir-regoli tad-dritt Ungeriż, inklużi d-dispożizzjonijiet tal-ftehim kollettiv applikabbli għar-relazzjoni ta’ xogħol, japplikaw għal din ir-relazzjoni ta’ xogħol, bla ħsara għall-paragrafu 4, f’dak li jirrigwarda:
|
23 |
Skont l-Artikolu 299 tal-imsemmi kodiċi, dan għandu l-għan li jittrasponi, b’mod partikolari, id-Direttiva 96/71 fid-dritt intern. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
24 |
OL, PM, u RO (iktar ’il quddiem ix-“xufiera inkwistjoni fil-kawża prinċipali”) ikkonkludew kull wieħed minnhom fit-12 ta’ Ġunju 2015, fis-7 ta’ Lulju 2016 u fis-26 ta’ Awwissu 2016, rispettivament, kuntratt tax-xogħol relatat ma’ impjieg ta’ xufier ta’ trakkijiet ma’ Rapidsped, kumpannija li għandha s-sede tagħha fl-Ungerija. |
25 |
Dawn il-kuntratti, li huma redatti b’mod uniformi, jistipulaw li, minkejja li l-ħaddiem għandu l-kompitu, minbarra li jwettaq trasport internazzjonali ta’ merkanzija, li jwettaq trasport nazzjonali ta’ merkanzija, huwa għandu normalment iwettaq ix-xogħol tiegħu f’postijiet li jkunu ta’ spiss u prinċipalment barra mill-pajjiż, mingħajr madankollu ma x-xogħol imwettaq barra mill-pajjiż ikun ta’ natura permanenti. |
26 |
Skont id-dritt Ungeriż, il-ħaddiem għandu dritt għal allowances ta’ kuljum għax-xogħol imwettaq barra mill-pajjiż. Mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja u, b’mod partikolari, minn dokument ta’ informazzjoni tal-ħaddiema maħruġ minn Rapidsped, jirriżulta li l-ammont ta’ dawn l-allowances ikun għoli skont kemm ikun twil il-perijodu ta’ kollokament tal-ħaddiem barra mill-pajjiż, li, skont il-kuntratt, seta’ jvarja, bħala prinċipju, minn tlieta sa ħames ġimgħat, skont l-għażla tal-ħaddiem. Dan l-istess dokument jippreċiża li l-imsemmija allowances kienu intiżi sabiex ikopru l-ispejjeż sostnuti barra mill-pajjiż. |
27 |
Barra minn hekk, il-kuntratti tax-xogħol tax-xufiera inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu jipprevedu għalihom, meta jwettqu ekonomija fl-użu tal-fjuwil, bonus, għad-diskrezzjoni tal-persuna li timpjega, ibbażat fuq formula li tqabbel il-konsum tal-fjuwil mad-distanza koperta. |
28 |
Ix-xufiera inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu jwettqu xogħolhom billi jmorru Franza permezz ta’ minibus. Matul il-perijodu kollu tal-kollokament, is-servizzi ta’ tqassim ta’ Rapidsped kienu jistabbilixxu l-kompiti tat-trasport li kellhom jitwettqu, jiġifieri f’liema data, permezz ta’ liema vettura u skont liema vjaġġi l-merkanzija kellha tiġi ttrasportata. Minħabba r-regoli dwar il-kabotaġġ, l-imsemmija xufiera kienu jaqsmu l-fruntiera diversi drabi. |
29 |
Fil-bidu ta’ kull perijodu ta’ kollokament, Rapidsped kienet tipprovdi lix-xufiera inkwistjoni fil-kawża prinċipali dikjarazzjoni ċċertifikata minn nutar Ungeriż u ċertifikat ta’ kollokament tal-Ministeru tax-Xogħol Franċiż li jistabbilixxi li s-salarju tagħhom fis-siegħa kien jammonta għal EUR 10.40, jiġifieri iktar mis-salarju minimu fis-siegħa applikabbli għas-settur tat-trasport bit-triq, li kien stabbilit fl-ammont ta’ EUR 9.76 fis-siegħa. |
30 |
Ix-xufiera inkwistjoni fil-kawża prinċipali ppreżentaw azzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Gyulai Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u tax-Xogħol ta’ Gyula, l-Ungerija), kontra Rapidsped minħabba li s-salarju tagħhom li jikkorrispondi għall-ħin tax-xogħol imwettaq fi Franza ma kienx jilħaq is-salarju minimu Franċiż. |
31 |
Skont il-kuntratti tax-xogħol tax-xufiera inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dawn effettivament irċevew, matul is-sena 2018, salarju mensili ta’ EUR 545 gross, jiġifieri EUR 3.24 fis-siegħa. Fir-rigward tad-differenza ta’ EUR 6.52 fis-siegħa bejn is-salarju minimu Franċiż u s-salarju fis-siegħa rċevut mill-imsemmija xufiera, Rapidsped issostni quddiem il-qorti tar-rinviju li din kienet koperta mill-ammont tal-allowances ta’ kuljum u tal-bonus tal-ekonomija fl-użu tal-fjuwil li kienu tħallsu lilhom, peress li dawn kienu jagħmlu parti mis-salarju tagħhom, fatt li dawn ix-xufiera jikkontestaw. |
32 |
Skont il-qorti tar-rinviju, jekk jitqies li d-Direttiva 96/71 tapplika għat-trasport internazzjonali ta’ merkanzija, is-sitwazzjoni li hija s-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali taqa’ taħt din id-direttiva, peress li l-persuna li timpjega rreġistrata fl-Ungerija, Rapidsped, tikkolloka ħaddiema Ungeriżi, ix-xufiera inkwistjoni fil-kawża prinċipali, impjegati skont id-dritt tax-xogħol Ungeriż fi Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea, f’isimha u taħt id-direzzjoni tagħha, sabiex jipprovdu servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija lill-klijenti tal-post ta’ kollokament. Il-ħaddiema, matul il-perijodu kollu, kienu f’relazzjoni ta’ xogħol ma’ Rapidsped, responsabbli għall-kollokament. |
33 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Gyulai Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u tax-Xogħol ta’ Gyula) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq ir-raba’ domanda
34 |
Permezz tar-raba’ domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 96/71 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija applikabbli għall-provvisti ta’ servizzi tranżnazzjonali fis-settur tat-trasport bit-triq. |
35 |
Għandu jitfakkar li, fil-punt 41 tas-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2020, Federatie Nederlandse Vakbeweging (C‑815/18, EU:C:2020:976), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan kien il-każ. |
36 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li għar-raba’ domanda tingħata r-risposta li d-Direttiva 96/71 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija applikabbli għall-provvisti ta’ servizzi tranżnazzjonali fis-settur tat-trasport bit-triq. |
Fuq l-ewwel domanda
37 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 96/71, moqri flimkien mal-Artikoli 3 u 5 ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-ksur, mill-persuna li timpjega stabbilita fi Stat Membru, tad-dispożizzjonijiet ta’ Stat Membru ieħor fir-rigward tas-salarju minimu jista’ jiġi invokat kontra din il-persuna li timpjega minn ħaddiema kkollokati tal-ewwel Stat Membru, quddiem qorti tiegħu. |
38 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sabiex tiġi żgurata l-osservanza ta’ nukleu ta’ regoli imperattivi ta’ protezzjoni minima, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, tkun xi tkun il-liġi applikabbli għar-relazzjoni ta’ xogħol, l-impriżi stabbiliti fi Stat Membru għandhom jiggarantixxu, fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi tranżnazzjonali, lill-ħaddiema kkollokati fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg applikabbli fit-territorju tiegħu f’dak li jirrigwarda l-oqsma elenkati f’din id-dispożizzjoni u, b’mod partikolari, ir-rati minimi ta’ ħlas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Frar 2015, Sähköalojen ammattiliitto, C‑396/13, EU:C:2015:86, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
39 |
Fir-rigward tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 96/71, it-tieni paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw b’mod partikolari li l-ħaddiema kkollokati jkollhom proċeduri adegwati għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-obbligi previsti minn din id-direttiva. Għaldaqstant, l-imsemmija ħaddiema għandhom ikunu jistgħu jinvokaw quddiem il-qrati l-osservanza tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg imsemmija fl-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva, bħal dik dwar ir-rati minimi ta’ ħlas. |
40 |
L-Artikolu 6 tad-Direttiva 96/71 jipprovdi li, minbarra l-fakultà għall-ħaddiema kkollokati li jressqu, fi Stat Membru li l-qrati tiegħu għandhom ġurisdizzjoni skont il-konvenzjonijiet internazzjonali eżistenti fil-qasam tal-ġurisdizzjoni, azzjoni ġudizzjarja sabiex jinvokaw id-dritt għall-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg iggarantiti mill-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, dawn il-ħaddiema jistgħu wkoll iressqu tali azzjoni quddiem il-qrati kompetenti tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huma ġew jew kienu kkollokati. |
41 |
Minn dan isegwi li l-Artikolu 3(1) kif ukoll l-Artikoli 5 u 6 tad-Direttiva 96/71 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jiggarantixxu lill-ħaddiem ikkollokat, tkun xi tkun il-liġi applikabbli għar-relazzjoni ta’ xogħol, id-dritt li jinvoka u li jsostni, quddiem waħda mill-qrati kompetenti msemmija fil-punt preċedenti, id-dispożizzjonijiet tal-Istat Membru ospitanti dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg li jikkonċernaw il-kwistjonijiet elenkati f’din l-ewwel dispożizzjoni u, b’mod partikolari, ir-rati minimi ta’ ħlas. |
42 |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 21(1)(a) tar-Regolament Nru 1215/2012, li għalih jirreferi indirettament l-Artikolu 6 tad-Direttiva 96/71 b’riferiment għal “konvenzjonijiet internazzjonali eżistenti dwar il-ġurisdizzjoni”, persuna li timpjega ddomiċiljata fit-territorju ta’ Stat Membru tista’ titressaq quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn ikollha d-domiċilju tagħha. |
43 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 62(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprovdi li, sabiex jiġi ddeterminat jekk parti jkollhiex domiċilju fit-territorju tal-Istat Membru li l-qrati tiegħu jkunu aditi bil-kwistjoni, il-qorti għandha tapplika l-liġi interna tagħha. |
44 |
Għalhekk, f’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, sabiex tistabbilixxi jekk għandhiex ġurisdizzjoni skont ir-Regolament Nru 1215/2012, jekk il-persuna li timpjega lix-xufiera inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhiex titqies li hija ddomiċiljata fl-Ungerija skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru. |
45 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 6 tad-Direttiva 96/71, moqrija flimkien mal-Artikolu 5 tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jeżiġu li l-ksur, mill-persuna li timpjega stabbilita fi Stat Membru, tad-dispożizzjonijiet ta’ Stat Membru ieħor fir-rigward tas-salarju minimu jista’ jiġi invokat kontra din il-persuna li timpjega minn ħaddiema kkollokati tal-ewwel Stat Membru, quddiem qorti ta’ dan l-Istat Membru, jekk din ikollha ġurisdizzjoni. |
Fuq it-tieni domanda
46 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 96/71 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-allowances ta’ kuljum intiżi sabiex ikopru l-ispejjeż sostnuti matul it-tul tal-kollokament tal-ħaddiema barra mill-pajjiż għandhom jitqiesu li jagħmlu parti mis-salarju minimu. |
47 |
F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat, minn naħa, li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71 jirreferi espressament għal-leġiżlazzjoni jew għall-prassi nazzjonali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun ikkollokat il-ħaddiem għad-determinazzjoni tar-rata minima ta’ ħlas imsemmija fl-ewwel subparagrafu Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva (sentenza tat-12 ta’ Frar 2015, Sähköalojen ammattiliitto, C‑396/13, EU:C:2015:86, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
48 |
Min-naħa l-oħra, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(7) tal-imsemmija direttiva jippreċiża, fir-rigward tal-allowances speċifiċi għall-kollokament, sa fejn dawn l-elementi ta’ remunerazzjoni huma kkunsidrati bħala li jifformaw parti mis-salarju minimu fil-kuntest tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg stabbiliti fl-Artikolu 3 tal-istess direttiva (sentenza tat-12 ta’ Frar 2015, Sähköalojen ammattiliitto, C‑396/13, EU:C:2015:86, punt 33). |
49 |
Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk allowance ta’ kuljum, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tifformax parti mis-salarju minimu, fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/71, għandu jitfakkar li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 96/71, allowance għandha tiġi kklassifikata bħala “allowance speċifika għall-kollokament” li tagħmel parti mis-salarju minimu meta din ma titħallasx lill-ħaddiema bħala rimbors tal-ispejjeż effettivament sostnuti minħabba l-kollokament. |
50 |
F’dan il-każ, anki jekk l-allowance ta’ kuljum inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija deskritta, fin-nota ta’ informazzjoni stabbilita minn Rapidsped għall-persunal tagħha, bħala intiża sabiex tkopri l-ispejjeż sostnuti barra mill-pajjiż mill-ħaddiema kkollokati, xorta jibqa’ l-fatt li l-ammont ta’ din l-allowance jvarja skont jekk dan il-kollokament idumx tlieta, erbgħa jew ħames ġimgħat, jew iktar. Issa, dan it-tieni element, b’mod partikolari n-natura fissa u progressiva tal-imsemmija allowance, jidher li jindika li din tal-aħħar għandha l-għan mhux li tkopri l-ispejjeż sostnuti mill-ħaddiema barra mill-pajjiż, iżda pjuttost, bħall-allowance inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-12 ta’ Frar 2015, Sähköalojen ammattiliitto (C‑396/13, EU:C:2015:86, punt 48), il-kumpens tal-inkonvenjenzi dovuti għall-kollokament, li jikkonsistu fit-tneħħija ta’ dawn il-ħaddiema mill-ambjent abitwali tagħhom. |
51 |
Barra minn hekk, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li din l-allowance titħallas bħala rimbors tal-ispejjeż effettivament sostnuti, bħall-ispejjeż tal-ivvjaġġar, tal-akkomodazzjoni jew tal-ikel. |
52 |
Madankollu, għandu jitfakkar li ż-żidiet u s-supplimenti, li ma humiex iddefiniti bħala elementi li jagħmlu parti mis-salarju minimu mil-leġiżlazzjoni jew il-prassi nazzjonali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-ħaddiem huwa kkollokat, u li jimmodifikaw ir-relazzjoni bejn ix-xogħol tal-ħaddiem, minn naħa, u l-korrispettiv li dan jirċievi, min-naħa l-oħra, ma jistgħux, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 96/71, jitqiesu li huma elementi bħal dawn. Fil-fatt, huwa kompletament normali li, jekk il-persuna li timpjega teżiġi li l-ħaddiem jagħmel xogħol addizzjonali jew sigħat ta’ xogħol f’kundizzjonijiet partikolari, dan ix-xogħol supplimentari jiġi kkumpensat lill-ħaddiem mingħajr ma tali kumpens jitqies fil-kalkolu tas-salarju minimu (sentenza tal-14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑341/02, EU:C:2005:220, punti 39 u 40). |
53 |
F’dan il-każ, fin-nuqqas tal-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha l-informazzjoni rilevanti kollha, hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq il-verifiki neċessarji f’dan ir-rigward. |
54 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 96/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li allowance ta’ kuljum li l-ammont tagħha jvarja skont it-tul tal-kollokament tal-ħaddiem tikkostitwixxi allowance speċifika għall-kollokament li tagħmel parti mis-salarju minimu, sakemm ma titħallasx bħala rimbors tal-ispejjeż effettivament sostnuti minħabba l-kollokament, bħalma huma l-ispejjeż tal-ivvjaġġar, tal-akkomodazzjoni jew tal-ikel jew sakemm ma tikkorrispondix għal żieda li timmodifika r-relazzjoni bejn ix-xogħol tal-ħaddiem, minn naħa, u l-korrispettiv li dan jirċievi, min-naħa l-oħra. |
Fuq it-tielet domanda
55 |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 561/2006 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li impriża tat-trasport bit-triq tagħti lix-xufiera bonus ikkalkolat fuq l-ekonomija li tkun saret fil-forma ta’ tnaqqis tal-konsum ta’ fjuwil b’rabta mat-traġitt imwettaq. |
56 |
Skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 561/2006, impriżi tat-trasport ma jistgħux jagħtu lix-xufiera li jimpjegaw jew li jkunu għad-dispożizzjoni tagħhom xi ħlas skont id-distanza koperta u/jew il-volum ta’ merkanzija ttrasportata, anki jekk dan il-ħlas ikun fil-forma ta’ bonus jew żieda fis-salarju, jekk tali ħlas ikun ta’ natura li jista’ jipperikola s-sigurtà fit-toroq u/jew jinkoraġġixxi ksur ta’ dan ir-regolament. |
57 |
Għalhekk, l-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni tippreżupponi li jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet. Minn naħa, ir-remunerazzjoni tax-xufiera, anki jekk tingħata fil-forma ta’ bonus jew ta’ żidiet fis-salarju, għandha tiġi kkalkolata skont id-distanza koperta u/jew skont il-volum ta’ merkanzija ttrasportata. Min-naħa l-oħra, tali remunerazzjoni għandha tkun ta’ natura li tikkomprometti s-sigurtà fit-toroq u/jew tinkoraġġixxi l-ksur tar-Regolament Nru 561/2006. |
58 |
Barra minn hekk, jista’ jiġi nnotat li mid-Direttiva 2003/59, u b’mod partikolari mill-premessa 10 u mill-Anness I tagħha, moqrija flimkien mad-Direttiva 2006/126, jirriżulta li r-rekwiżit li x-xufiera ta’ vetturi li jservu għat-trasport bit-triq ta’ merkanzija, li l-massa tagħha taqbeż it-3.5 tunnellati u li taqa’ taħt ir-Regolament Nru 561/2006, ikunu mħarrġa sabiex jottimizzaw il-konsum tal-fjuwil huwa ta’ natura li jkollu effetti pożittivi kemm għall-kumpannija kif ukoll għas-settur tat-trasport bit-triq innifsu. |
59 |
Għaldaqstant, peress li d-dritt tal-Unjoni jeżiġi li x-xufiera tal-imsemmija vetturi jkollhom il-kapaċità li jsuqu b’mod razzjonali u ekonomiku, l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 561/2006 ma jistax jitqies li jipprojbixxi, bħala prinċipju, lill-impriżi tat-trasport milli jippromwovu dan it-tip ta’ sewqan permezz ta’ inċentiv pekunjarju fil-forma ta’ bonus. |
60 |
Madankollu, tali bonus ma jkunx kompatibbli mal-imsemmija dispożizzjoni jekk, minflok ma jkun marbut biss mal-ekonomija fl-użu tal-fjuwil, huwa jikkumpensa tali ekonomija skont id-distanza koperta u/jew skont il-volum ta’ merkanzija li għandha tiġi ttrasportata skont modalitajiet li jinċentivaw lix-xufier jaġixxi b’mod li jista’ jikkomprometti s-sigurtà fit-toroq u/jew iwettaq ksur tar-Regolament Nru 561/2006. |
61 |
Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet dwar il-portata tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 561/2006, il-karatteristiċi u l-effetti tal-bonus inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
62 |
Għal kull skop utli, għandu jiġi rrilevat li l-ekonomija fl-użu tal-fjuwil tiddependi minn numru kbir ta’ fatturi, b’tali mod li s-sempliċi ipoteżi li bonus għall-ekonomija fl-użu tal-fjuwil jista’ jinkoraġġixxi lil ċerti xufiera jsuqu bil-magna mitfija jew mingħajr gass (freewheel) fin-niżliet ma tistax tippermetti, waħedha, li jiġi konkluż li tali bonus jikser il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 561/2006. |
63 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 561/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, bħala prinċipju, li impriża tat-trasport bit-triq tagħti lix-xufiera bonus ikkalkolat fuq l-ekonomija mwettqa fil-forma ta’ tnaqqis tal-konsum tal-fjuwil b’rabta mat-traġitt imwettaq. Madankollu, tali bonus jikser il-projbizzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni jekk, minflok ma jkun marbut biss mal-ekonomija fl-użu tal-fjuwil, jikkumpensa tali ekonomija skont id-distanza koperta u/jew skont il-volum tal-merkanzija li għandha tiġi ttrasportata skont modalitajiet li jinċentivaw lix-xufier jaġixxi b’mod li jista’ jikkomprometti s-sigurtà fit-toroq jew iwettaq ksur tar-Regolament Nru 561/2006. |
Fuq il-ħames domanda
64 |
Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk direttiva li ma ġietx trasposta fid-dritt nazzjonali tistax toħloq fil-konfront ta’ individwu obbligu li jista’ jiġi invokat kontrih quddiem qorti minn individwu ieħor. |
65 |
F’dan ir-rigward, minkejja li hija ġurisprudenza stabbilita li, meta interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali tirriżulta li tkun impossibbli, lanqas dispożizzjoni ċara, preċiża u inkundizzjonata ta’ direttiva intiża sabiex tagħti drittijiet jew timponi obbligi fuq individwi ma tista’ tiġi applikata bħala tali fil-kuntest ta’ tilwima li tkun esklużivament bejn individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2018, Smith, C‑122/17, EU:C:2018:631, punti 41 u 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), għandu jiġi kkonstatat, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 74 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju la pprovdiet preċiżazzjonijiet dwar ir-raġunijiet li wassluha sabiex tagħmel din id-domanda u lanqas dwar ir-rabta eżistenti bejn id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 96/71, li, barra minn hekk, ma ġewx identifikati minn dik il-qorti, u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali. |
66 |
Issa, skont l-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tinkludi b’mod partikolari “espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll il-konnessjoni li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali.” |
67 |
Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tkun tista’ twettaq il-missjoni tagħha skont it-Trattati fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, huwa indispensabbli li l-qrati nazzjonali jispjegaw ir-raġunijiet preċiżi li għalihom huma jqisu li risposta għad-domandi tagħhom hija neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali (digriet tal-14 ta’ April 2021, Casa di Cura Città di Parma, C‑573/20, mhux ippubblikat, EU:C:2021:307, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
68 |
Minn dan isegwi li l-ħames domanda hija inammissibbli. |
Fuq l-ispejjeż
69 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.