SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tmien Awla)

9 ta’ Lulju 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni Doganali – Kodiċi Doganali tal-Unjoni – Regolament Delegat (UE) 2015/2446 – Artikolu 172(2) – Awtorizzazzjoni għall-użu tal-proċedura ta’ użu aħħari – Effett retroattiv – Kunċett ta’ ‘ċirkustanzi eċċezzjonali’ – Emenda tal-klassifikazzjoni tariffarja – Tmiem tal-validità ta’ deċiżjoni dwar informazzjoni tariffarja vinkolanti”

Fil-Kawża C‑391/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Mejju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ Mejju 2019, fil-proċedura

“Unipack” АD

vs

Direktor na Teritorialna direktsiya “Dunavska” kam Agentsiya “Mitnitsi”,

Prokuror ot Varhovna administrativna prokuratura na Republika Bulgaria,

Il-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tmien Awla),

komposta minn L. S. Rossi, President ta’ Awla, J. Malenovský u N. Wahl (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal “Unipack” АD, minn D. Dobrev u L. Angelov, advokati,

għall-Gvern Bulgaru, minn L. Zaharieva u E. Petranova, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Clotuche-Duvieusart, N. Nikolova, M. Salyková, N. Kuplewatzky u A. Caeiros, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 172(2) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat‑28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2015, L 343, p. 1, u rettifiki fil-ĠU 2016, Vol. 87, p. 35; ĠU 2017, Vol. 101, p. 164; fil-ĠU 2018, Vol. 75, p. 41).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn “Unipack” AD u d-Direktor na Teritorialna direktsia “Dunavska” kam Agentsia “Mitnitsi” (id-Direttur tad-Direttorat Territorjali “Dunavska” tal-Aġenzija tad-Dwana, il-Bulgarija) kif ukoll il-Prokuror ot Varhovna administrativna prokuratura na Republika Bulgaria (l-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija) dwar importazzjoni ta’ merkanzija mwettqa minn Unipack qabel il-preżentata tat-talba għal awtorizzazzjoni għall-użu tal-proċedura ta’ użu aħħari.

Il-kuntest legali

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013

3

L-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, u rettifiki fil-ĠU 2013, Vol. 287, p. 90, u fil-ĠU 2016, Vol. 267, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali tal-Unjoni”), dwar l-għoti ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet doganali, jipprevedi:

“1.   Kwalunkwe persuna direttament jew indirettament involuta fit-twettiq tal-formalitajiet doganali jew ta’ kontrolli doganali, fuq it-talba tal-awtoritajiet doganali u fi kwalunkwe limitu ta’ żmien speċifikat, għandha tipprovdi lil dawk l-awtoritajiet bid-dokumenti u l-informazzjoni kollha meħtieġa, f’forma xierqa, u l-għajnuna kollha meħtieġa għat-twettiq ta’ dawk il-formalitajiet jew kontrolli.

2.   Il-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni doganali, dikjarazzjoni għall-ħażna temporanja, dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul, dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ, dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni mill-ġdid jew notifika ta’ esportazzjoni mill-ġdid, minn persuna lill-awtoritajiet doganali, jew il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni jew kwalunkwe deċiżjoni oħra, tirrendi l-persuna kkonċernata responsabbli għal dan li ġej:

a)

il-preċiżjoni u l-kompletezza tal-informazzjoni mogħtija fid-dikjarazzjoni, fin-notifika jew fl-applikazzjoni;

b)

l-awtentiċità, preċiżjoni u validità ta’ kwalunkwe dokument li jappoġġa d-dikjarazzjoni, in-notifika jew l-applikazzjoni;

c)

fejn applikabbli, konformità mal-obbligi kollha marbutin mat-tqegħid tal-merkanzija inkwistjoni taħt il-proċedura doganali kkonċernata, jew mat-tmexxija tal-operazzjonijiet awtorizzati.

L-ewwel subparagrafu għandu japplika wkoll għall-għoti ta’ kwalunkwe informazzjoni fi kwalunkwe forma oħra mitluba minn, jew mogħtija lill-awtoritajiet doganali.

[…]”

4

L-Artikolu 33 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, intitolat “Deċiżjonijiet marbutin ma’ informazzjoni vinkolanti”, jipprovdi:

“1.   L-awtoritajiet doganali għandhom, wara applikazzjoni, jieħdu deċiżjonijiet marbutin mal-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi (deċiżjonijiet BTI), jew deċiżjonijiet marbutin mal-informazzjoni vinkolanti dwar l-oriġini (deċiżjonijiet BOI).

[…]

2.   Id-deċiżjonijiet BTI jew BOI għandhom ikunu vinkolanti biss fir-rigward tal-klassifikazzjoni tariffarja jew id-determinazzjoni tal-oriġini tal-merkanzija:

а)

għall-awtoritajiet doganali, fil-konfront tad-detentur tad-deċiżjoni, fir-rigward biss ta’ merkanzija li għaliha tlestew il-formalitajiet doganali wara d-data li fiha d-deċiżjoni ssir effettiva;

b)

għad-detentur tad-deċiżjoni, fil-konfront tal-awtoritajiet doganali, biss b’effett mid-data li fiha jkun irċeva, jew hu meqjus bħala li rċieva, in-notifika tad-deċiżjoni.

3.   Id-deċiżjonijiet BTI jew BOI għandhom ikunu validi għal perijodu ta’ tliet snin mid-data li fiha d-deċiżjoni ssir effettiva.

[…]”

5

L-Artikolu 34 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, dwar il-ġestjoni ta’ deċiżjonijiet dwar informazzjoni vinkolanti, jistipula:

“1.   Deċiżjoni BTI għandha titlef il-validità tagħha qabel tmiem il-perijodu msemmi fl-Artikolu 33(3) fejn hija ma tibqax konformi mal-liġi, bħala riżultat ta’ kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

a)

l-adozzjoni ta’ emenda għan-nomenklaturi msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 56(2);

b)

l-adozzjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 57(4);

b’effett mid-data ta’ applikazzjoni ta’ tali emenda jew miżuri.

[…]”

6

L-Artikolu 129 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, dwar l-emendar u l-invalidar tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul, huwa mfassal kif ġej:

“1.   Id-dikjarant jista’, wara li japplika, jitħalla jemenda dettall wieħed jew aktar tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul wara li tkun ġiet ppreżentata.

[…]”

7

L-Artikolu 173(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, intitolat “L-emendar ta’ dikjarazzjoni doganali” huwa fformulat kif ġej:

“Wara li japplika, id-dikjarant għandu jkun permess jemenda dettall wieħed jew aktar tad-dikjarazzjoni doganali wara li dik id-dikjarazzjoni tkun ġiet aċċettata mid-dwana. L-emenda m’għandhiex tagħmel id-dikjarazzjoni doganali applikabbli għal merkanzija oħra barra dik li kienet tkopri oriġinarjament.”

8

L-Artikolu 211 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, dwar is-sistema ta’ awtorizzazzjoni, jipprevedi:

“1.   Awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet doganali hija meħtieġa għal dan li ġej:

а)

l-użu tal-proċedura tal-ipproċessar attiv jew passiv, tal-proċedura ta’ dħul temporanju jew tal-użu aħħari;

[…]

2.   L-awtoritajiet doganali għandhom jagħtu awtorizzazzjoni b’effett retroattiv, fejn ikunu sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

а)

ikun hemm ħtieġa ekonomika ippruvata;

b)

l-applikazzjoni ma tkunx relatata ma’ attentat ta’ qerq;

c)

l-applikant, abbażi ta’ kontijiet jew ta’ kotba, ta prova li:

i)

ir-rekwiżiti kollha tal-proċedura huma sodisfatti;

ii)

fejn xieraq, il-merkanzija tista’ tkun identifikata għall-perijodu involut;

iii)

tali kontijiet jew kotba jippermettu li l-proċedura tkun kkontrollata;

d)

il-formalitajiet kollha meħtieġa sabiex tkun regolarizzata s-sitwazzjoni tal-merkanzija jistgħu jitwettqu, inkluż, fejn meħtieġ, l-invalidazzjoni tad-dikjarazzjonijiet doganali kkonċernati;

[…]

L-awtoritajiet doganali jistgħu jagħtu awtorizzazzjoni b’effett retroattiv ukoll fejn il-merkanzija li tkun tqiegħdet taħt proċedura doganali ma tkunx għadha disponibbli fil-ħin meta l-applikazzjoni għal tali awtorizzazzjoni kienet aċċettata.

[…]”

9

Skont l-Artikolu 254(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, intitolat “Proċedura ta’ użu aħħari”:

“Taħt il-proċedura ta’ użu aħħari, il-merkanzija tista’ tkun rilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa taħt eżenzjoni mid-dazju jew b’rata mnaqqsa ta’ dazju minħabba l-użu speċifiku tagħha.”

Ir-Regolament Delegat 2015/2446

10

L-Artikolu 172 tar-Regolament Delegat 2015/2446, intitolat “Effett retroattiv”, jipprovdi:

“1.   Meta l-awtoritajiet doganali jagħtu awtorizzazzjoni b’effett retroattiv skont l-Artikolu 211(2) tal-Kodiċi [Doganali tal-Unjoni], l-awtorizzazzjoni għandha tidħol fis-seħħ mhux iktar kmieni mid-data ta’ aċċettazzjoni tal-applikazzjoni.

2.   F’ċirkostanzi eċċezzjonali, l-awtoritajiet doganali jistgħu jippermettu li l-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tidħol fis-seħħ mhux iktar kmieni minn sena, fil-każ ta’ merkanzija koperta minn Anness 71‑02 tliet xhur, qabel id-data ta’ aċċettazzjoni tal-applikazzjoni.

[…]”

Ir-Regolament (KE) Nru 925/2009

11

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 925/2009 tal‑24 ta’ Settembru 2009 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerta fuljetta tal-aluminju li joriġinaw mill-Armenja, mill-Brażil u mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2009, L 262, p. 1) jipprevedi, fl-Artikolu 1 tiegħu:

“1.   Dazju anti-dumping definittiv huwa b’dan impost fuq l-importazzjonijiet ta’ fuljetta tal-aluminju ta’ ħxuna ta’ mhux inqas minn 0,008 mm u mhux aktar minn 0,018 mm, mingħajr appoġġ, mhux maħduma aktar milli rrumblati, f’rollijiet ta’ wisa’ ta’ mhux aktar minn 650 mm u li ma jiżnux aktar minn 10 kilogrammi u li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex76071119 (kodiċi TARIC 7607111910) u li joriġinaw mill-Armenja, il-Brażil u r-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ir-‘RPĊ’).

2.   Ir-rata tad-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett u ħieles mal-fruntiera Komunitarja, qabel id-dazju, tal-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 u manifatturati mill-kumpaniji mniżżla hawn taħt għandha tkun kif ġej:

Il-pajjiż

Il-kumpannija

Id-dazju Anti-Dumping

Il-Kodiċi Addizzjonali TARIC

[…]

[…]

[…]

[…]

RPĊ

[…]

[…]

[…]

Il-kumpanniji l-oħrajn kollha

30,0 %

A 999

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]”

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/271

12

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/271 tas‑16 ta’ Frar 2017 li jestendi d-dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament Nru 925/2009 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerta fuljetta tal-aluminju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta’ ċerta fuljetta tal-aluminju ftit modifikata (ĠU 2017, L 40, p. 51) jistipula, fl-Artikolu 1 tiegħu:

“1.   Id-dazju antidumping definittiv applikabbli għall-‘kumpaniji l-oħrajn kollha’ impost mill-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 925/2009 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerta fuljetta tal-aluminju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina minn issa huwa estiż għall-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’

fuljetta tal-aluminju ta’ ħxuna mhux anqas minn 0,007 mm u anqas minn 0,008 mm, indipendentement mill-wisa’ tar-rombli, sew jekk ittemprata jew le, li bħalissa taqa’ fil-kodiċi NM ex76071119 (TARIC code 7607111930) jew

[…]

4.   Il-prodott deskritt fil-paragrafu 1 għandu jiġi eżentat mid-dazju antidumping definittiv jekk jiġi importat għal użi oħrajn għajr għall-użu domestiku. Tali eżenzjoni għandha tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet stipulati fid-dispożizzjonijiet doganali relevanti tal-Unjoni dwar il-proċedura tal-użu finali, b’mod partikolari fl-Artikolu 254 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

13

L-impriża Unipack hija attiva fil-manifattura ta’ imballaġġ imħallat ta’ prodotti likwidi u bl-ingrossa. Fit‑28 ta’ Settembru 2015, hija ngħatat, mill-awtoritajiet doganali Bulgari, deċiżjoni dwar informazzjoni tariffarja vinkolanti, fis-sens tal-Artikolu 33 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, għal perijodu ta’ sitt snin u dwar il-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija “fuljetta tal-aluminjum” li kienet taqa’ taħt il-kodiċi TARIC 7607111990.

14

Dan il-kodiċi tariffarju tħassar fl‑1 ta’ Ġunju 2016, u għalhekk għamel id-deċiżjoni dwar informazzjoni tariffarja vinkolanti mogħtija qabel, obsolita. Sussegwentement saru disa’ importazzjonijiet ġodda minn Unipack fi kważi għaxar xhur, mingħajr din l-impriża ma ħadet inkunsiderazzjoni tat-tħassir tal-kodiċi preċedenti TARIC 7607111990 u mingħajr l-awtoritajiet Bulgari ma pprekludew importazzjonijiet taħt kodiċi TARIC żbaljat.

15

Fit‑13 u s‑27 ta’ Ġunju 2017, Unipack għamlet żewġ importazzjonijiet ta’ fuljetti tal-aluminju li joriġinaw miċ-Ċina, iddikjarati taħt il-kodiċi TARIC 7607111993. Permezz ta’ deċiżjoni tad-Direttur tad-Dwana ta’ Svishtov (il-Bulgarija) tal‑4 ta’ Settembru 2017, il-kodiċi TARIC iddikjarat b’dan il-mod ġie emendat u l-kodiċi TARIC 7607111930 nżamm.

16

Din id-deċiżjoni wasslet lill-awtoritajiet doganali Bulgari jimponu dazji doganali addizzjonali, peress li l-merkanzija kkonċernata issa kienet suġġetta għal dazju antidumping ta’ 30 % skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/271.

17

Fit‑13 ta’ Settembru 2017, id-Direttur tad-Dwana ta’ Svishtov laqa’ t-talba ppreżentata fit‑18 ta’ Awwissu 2017 minn Unipack, intiża sabiex tikseb l-awtorizzazzjoni li tuża l-proċedura ta’ użu aħħari, b’effett mill‑31 ta’ Awwissu 2017.

18

Permezz ta’ rikors quddiem l-Administrativen sad Veliko Tarnovo (il-Qorti Amministrattiva ta’ Veliko Tarnovo, il-Bulgarija), Unipack ikkontestat id-data tal-bidu ta’ teħid ta’ effett tad-deċiżjoni ta’ għoti tal-proċedura ta’ użu aħħari u talbet li din il-proċedura tiġi applikata b’mod retroattiv, mit‑13 ta’ Ġunju 2017, għall-merkanzija “fuljetti tal-aluminju”, billi użat l-eżistenza ta’ “ċirkostanzi eċċezzjonali”, fis-sens tal-Artikolu 172 tar-Regolament Delegat 2015/2446.

19

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑31 ta’ Mejju 2018, l-Administrativen sad Veliko Tarnovo (il-Qorti Amministrattiva ta’ Veliko Tarnovo) irriformat id-deċiżjoni kkontestata, billi tatha effett retroattiv mid-data tal-preżentata tat-talba ta’ Unipack, jiġifieri t‑18 ta’ Awwissu 2017, u ċaħdet il-kumplament ta’ din it-talba. Unipack appellat fil-kassazzjoni minn din id-deċiżjoni quddiem il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija).

20

Peress li qieset li s-soluzzjoni tat-tilwima li hija adita biha teħtieġ interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “ċirkustanzi eċċezzjonali” li jinsab fl-Artikolu 172(2) tar-Regolament Delegat 2015/2446, il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Iċ-ċirkustanzi segwenti għandhom jitqiesu bħala ċirkustanzi eċċezzjonali, fis-sens tal-Artikolu 172(2) tar-[Regolament Delegat 2015/2446], li jiġġustifikaw l-għoti, taħt l-Artikolu 211(2) [tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni], ta’ awtorizzazzjoni retroattiva għall-applikazzjoni, taħt l-Artikolu 254 tal-[Kodiċi Doganali tal-Unjoni], tal-proċedura ta’ użu aħħari għal importazzjoni ta’ merkanzija mwettqa qabel it-tressiq tat-talba għall-awtorizzazzjoni għall-applikazzjoni ta’ din il-proċedura: l-ewwel nett, id-deċiżjoni b’informazzjoni tariffarja vinkolanti fir-rigward ta’ din il-merkanzija, mogħtija lid-detentur tal-proċedura, ma baqgħetx valida minħabba l-emendi introdotti fin-Nomenklatura Magħquda; it-tieni nett, matul perijodu (ta’ madwar 10 xhur) bejn il-mument li fih ma baqgħetx valida l-imsemmija deċiżjoni [dwar informazzjoni tariffarja vinkolanti] u l-importazzjoni li fir-rigward tagħha ntalbet il-proċedura ta’ użu aħħari, kienu twettqu diversi (speċifikament, disgħa) importazzjonijiet ta’ merkanzija mingħajr ma l-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda ddikjarat ma ġie kkoreġut mill-awtoritajiet doganali u, it-tielet nett, il-merkanzija ntużat għal skop eżentat mid-dazju antidumping?”

Fuq id-domanda preliminari

21

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 172(2) tar-Regolament Delegat 2015/2446 għandux jiġi interpretat fis-sens li jistgħu jiġu kklassifikati bħala “ċirkustanzi eċċezzjonali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għall-finijiet tal-għoti, skont l-Artikolu 254 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, ta’ awtorizzazzjoni retroattiva għall-użu tal-proċedura ta’ użu aħħari, kif prevista f’din id-dispożizzjoni tal-aħħar, elementi bħat-tmiem kmieni tal-validità ta’ deċiżjoni dwar informazzjoni tariffarja vinkolanti minħabba emenda tan-Nomenklatura Magħquda, l-assenza ta’ reazzjoni tal-awtoritajiet doganali quddiem importazzjonijiet b’kodiċi żbaljat, jew il-fatt li l-merkanzija ntużat għal għan eżentat mid-dazju antidumping.

22

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni huwa bbażat fuq sistema dikjarattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2011, DP grup, C‑138/10, EU:C:2011:587, punti 3334) sabiex kemm jista’ jkun jiġu limitati l-formalitajiet u l-kontrolli doganali filwaqt li jiġu evitati l-frodi jew l-irregolaritajiet li jistgħu jikkawża preġudizzju għall-baġit tal-Unjoni. Huwa minħabba l-importanza li għandhom dawn id-dikjarazzjonijiet minn qabel għall-funzjonament tajjeb tal-Unjoni doganali li l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, fl-Artikolu 15 tiegħu, jobbliga lid-dikjaranti jipprovdu informazzjoni eżatta u kompleta.

23

Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-proċedura ta’ użu aħħari prevista fl-Artikolu 254 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, din tippermetti r-rilaxx għal ċirkulazzjoni ħielsa ta’ merkanzija b’eżenzjoni totali jew parzjali ta’ dazji minħabba l-użu speċifiku tagħha. Hija bbażata fuq sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, li tilqa’ l-preżentata ta’ talba mill-operaturi kkonċernati, konformement mal-Artikoli 211 u 254 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 172 tar-Regolament Delegat 2015/2446, meta tingħata, din l-awtorizzazzjoni jkollha effett l-iktar kmieni mid-data meta tiġi aċċettata t-talba. Huwa biss b’mod ta’ deroga, meta jkun hemm “ċirkustanzi eċċezzjonali”, li l-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jipprevedi li awtorizzazzjoni jista’ jkollha effett qabel id-data meta tiġi aċċettata t-talba.

24

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 1(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/271 jipprevedi li din l-istess sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tal-użu aħħari partikolari tapplika għat-talbiet ta’ eżenzjoni minn dazju antidumping dwar l-importazzjonijiet ta’ ċerti kategoriji ta’ fuljetti ta’ aluminju intiżi għal użu li ma huwiex domestiku. Dan ir-regolament jipprovdi għalhekk mhux biss li l-leġiżlazzjoni doganali tibqa’ applikabbli, iżda jissuġġetta wkoll l-eżenzjoni minn dazju antidumping għall-osservanza tal-kundizzjonijiet dwar l-użu tal-proċedura ta’ użu aħħari previst fl-Artikolu 254 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.

25

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li ebda waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali ma tikkontesta l-assenza ta’ dikjarazzjoni minn qabel, jew il-fatt li saru importazzjonijiet taħt kodiċi tariffarji żbaljati, mingħajr ma ntużat il-possibbiltà ta’ emenda prevista fl-Artikoli 129 u 173 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.

26

Għaldaqstant, għandhom jiġu eżaminati t-tliet ċirkustanzi invokati fd-deċiżjoni ta’ rinviju sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn jistgħux jikkostitwixxu “ċirkustanzi eċċezzjonali”, fis-sens tal-Artikolu 172(2) tar-Regolament Delegat 2015/2446.

27

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-emenda tal-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija importata u tat-tmiem kmieni tal-validità tad-deċiżjonijiet dwar informazzjoni vinkolanti li jirriżulta minn dan, għandu jiġi kkonstatat li importatur ma jistax jibbenefika minn dan sabiex jevadi l-obbligu li jipprovdi informazzjoni eżatta u kompleta previst fl-Artikolu 15 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni. Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 34(1)(a) ta’ dan il-kodiċi, il-validità ta’ deċiżjoni dwar informazzjoni tariffarja tispiċċa minn meta din ma tkunx iktar konformi mad-dritt, b’mod partikolari mal-fatt ta’ emenda tan-nomenklatura bħal dik li seħħet fil-kawża prinċipali. Operatur ekonomiku għaldaqstant ma jistax jinvoka l-ksur ta’ din l-emenda sabiex jibgħat dikjarazzjonijiet ineżatti jew jevadi l-obbligu ta’ dikjarazzjoni minn qabel.

28

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-possibbiltà li wieħed jibbenefika mill-attitudni tal-awtoritajiet doganali li kkonsistiet f’li jaċċettaw dikjarazzjonijiet li jagħmlu riferiment għal kodiċi żbaljati, sabiex tiġi ġġustifikata l-assenza ta’ emenda tal-kodiċi tariffarju ddikjarat, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tiċħad tali argument, billi enfasizzat li operatur diliġenti, li jkun ħa konoxxenza ta’ regolament ta’ klassifikazzjoni ppubblikat f’Il‑Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, ma jistax sempliċement ikompli l-importazzjoni tal-merkanzija tiegħu taħt kodiċi żbaljat għas-sempliċi raġuni li din il-klassifikazzjoni ġiet aċċettata mill-amministrazzjoni doganali (sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2008, Heuschen & Schrouff Oriëntal Foods Trading vs Il‑Kummissjoni, C‑38/07 P, EU:C:2008:641, punt 64).

29

Fit-tielet lok, fir-rigward taċ-ċirkustanza li l-merkanzija intużat għal għal għan eżentat mid-dazju antidumping, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-Artikolu 1(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/271, prodott bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali “għandu jiġi eżentat mid-dazju antidumping definittiv jekk jiġi importat għal użi oħrajn għajr [dak ta’ fuljuetta tal-aluminju] għall-użu domestiku”, sakemm jiġu osservati d-dispożizzjonijiet doganali dwar il-proċedura tal-użu aħħari, b’mod partikolari fl-Artikolu 254 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni. Konsegwentement, għalkemm l-użu tal-merkanzija huwa raġuni għal eżenzjoni mid-dazju antidumping, dan ma jistax jippermetti li jiġi ġġustifikat il-ksur, mill-importatur, tas-sistema ta’ talba għal eżenzjoni minn dazju antidumping stabbilit b’dan ir-regolament.

30

Minn dan isegwi li ebda waħda miċ-ċirkustanzi msemmija mill-qorti tar-rinviju ma tista’ tikkostitwixxi “ċirkustanza eċċezzjonali”, fis-sens tal-Artikolu 172(2) tar-Regolament Delegat 2015/2446, u ma huwiex neċessarju li dan il-kunċett jiġi ddefinit iktar. Fil-fatt, il-ksur tal-obbligi stabbiliti mill-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u l-atti li jirriżultaw minnu ma jistgħux jiġġustifikaw trattament iktar favorevoli tal-operatur ekonomiku fl-oriġini ta’ dan il-ksur.

31

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 172(2) tar-Regolament Delegat 2015/2446 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “ċirkustanzi eċċezzjonali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għall-finijiet tal-għoti, skont l-Artikolu 254 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, ta’ awtorizzazzjoni retroattiva għall-użu tal-proċedura ta’ użu aħħari, kif prevista f’din id-dispożizzjoni tal-aħħar, elementi bħat-tmiem kmieni tal-validità ta’ deċiżjoni dwar informazzjoni tariffarja vinkolanti minħabba emenda tan-Nomenklatura Magħquda, l-assenza ta’ reazzjoni tal-awtoritajiet doganali quddiem importazzjonijiet b’kodiċi żbaljat, jew il-fatt li l-merkanzija ntużat għal għan eżentat mid-dazju antidumping.

Fuq l-ispejjeż

32

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 172(2) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat‑28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “ċirkustanzi eċċezzjonali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għall-finijiet tal-għoti, skont l-Artikolu 254 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, ta’ awtorizzazzjoni retroattiva għall-użu tal-proċedura ta’ użu aħħari, kif prevista f’din id-dispożizzjoni tal-aħħar, elementi bħat-tmiem kmieni tal-validità ta’ deċiżjoni dwar informazzjoni tariffarja vinkolanti minħabba emenda tan-Nomenklatura Magħquda, l-assenza ta’ reazzjoni tal-awtoritajiet doganali quddiem importazzjonijiet b’kodiċi żbaljat, jew il-fatt li l-merkanzija ntużat għal għan eżentat mid-dazju antidumping.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.