SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
14 ta’ Jannar 2021 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2014/24/UE – Artikolu 57(6) – Raġunijiet fakultattivi għall-esklużjoni – Miżuri meħuda mill-operatur ekonomiku sabiex tintwera l-affidabbiltà tiegħu minkejja l-eżistenza ta’ raġuni fakultattiva għall-esklużjoni – Obbligu tal-operatur ekonomiku li jipproduċi l-prova ta’ dawn il-miżuri fuq l-inizjattiva tiegħu stess – Effett dirett”
Fil-Kawża C‑387/19,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Mejju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Mejju 2019, fil-proċedura
RTS infra BVBA,
Aannemingsbedrijf Norré-Behaegel BVBA
vs
Vlaamse Gewest,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, N. Piçarra, D. Šváby (Relatur), S. Rodin u K. Jürimäe, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal RTS infra BVBA u Aannemingsbedrijf Norré-Behaegel BVBA, minn J. Goethals, advocaat, |
|
– |
għall-Gvern Belġjan, minn J.-C. Halleux kif ukoll minn L. Van den Broeck u C. Pochet, bħala aġenti, assistiti minn F. Judo u N. Goethals, advocaten, |
|
– |
għall-Gvern Estonjan, minn N. Grünberg, bħala aġent, |
|
– |
għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér, bħala aġent, |
|
– |
għall-Gvern Awstrijak, minn J. Schmoll u M. Fruhmann, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Haasbeek u P. Ondrůšek, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑17 ta’ Settembru 2020,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 57(4), (6) u (7) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku [l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi] u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68), kif emendata bir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/2170 tal-24 ta’ Novembru 2015 (ĠU 2015, L 307, p. 5) (iktar 'il quddiem id-“Direttiva 2014/24”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn RTS infra BVBA u Aannemingsbedrijf Norré-Behaegel BVBA kontra Vlaams Gewest (ir-Reġjun Fjamming, il-Belġju), dwar id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li jeskludi lil dawn iż-żewġ kumpanniji minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2014/24
|
3 |
Il-premessa 102 tad-Direttiva 2014/24 tistabbilixxi li: “[...] trid tingħata xi ftit konċessjoni għall-possibbiltà li l-operaturi ekonomiċi jistgħu jadottaw miżuri ta’ konformità li għandhom l-għan li jirrimedjaw għall-konsegwenzi ta’ kwalunkwe reat kriminali jew kondotta skorretta u li jimpedixxu b’mod effettiv milli jkun hemm iżjed okkorrenzi tal-imġiba ħażina. Dawk il-miżuri jistgħu jikkonsistu b’mod partikolari minn miżuri tal-persunal u organizzattivi bħall-qtugħ tar-rabtiet kollha ma’ persuni jew organizzazzjonijiet involuti fl-imġiba ħażina, miżuri xierqa ta’ riorganizzazzjoni tal-persunal, l-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ rapportar u kontroll, il-ħolqien ta’ struttura ta’ verifika interna għall-monitoraġġ tal-konformità u l-adozzjoni ta’ regoli interni dwar ir-responsabbiltà u l-kumpens. Fejn tali miżuri joffru garanziji suffiċjenti, l-attur ekonomiku inkwistjoni ma għandux jibqa’ jiġi eskluż minħabba dawk ir-raġunijiet waħedhom. L-operaturi ekonomiċi għandu jkollhom il- possibbiltà li jitolbu li jiġu eżaminati l-miżuri ta’ konformità li ttieħdu bil-ħsieb li jiġu ammessi għall-proċedura ta’ akkwist. Madankollu, għandha titħalla f’idejn l-Istati Membri li jiddeterminaw il-kondizzjonijiet proċedurali u sostantivi eżatti applikabbli f’tali każijiet. Huma għandhom, b’mod partikolari, ikunu liberi li jiddeċiedu jekk jippermettux lill-awtoritajiet kontraenti individwali li jwettqu l-valutazzjonijiet rilevanti jew li jagħtu s-setgħa lil awtoritajiet oħra f’livell ċentrali jew deċentralizzat f’dak il-kompitu.” |
|
4 |
L-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva, intitolat “Prinċipji tal-akkwist” [Prinċipji tal-għoti ta’ kuntratti], jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-awtoritajiet kontraenti għandhom jittrattaw lill-operaturi ekonomiċi bl-istess mod u mingħajr diskriminazzjoni u għandhom jaġixxu b’mod trasparenti u proporzjonat. [...]” |
|
5 |
L-Artikolu 57 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Raġunijiet għall-esklużjoni”, jipprovdi fil-paragrafi 4 sa 7 tiegħu: “4. L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeskludu jew jistgħu jiġu obbligati minn Stati Membri li jeskludu mill-parteċipazzjoni fi proċedura tal-akkwist kwalunkwe operatur ekonomiku fi kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin: [...]
[...]
[...] 5. [...] Fi kwalunkwe ħin matul il-proċedura, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeskludu jew jiġu obbligati mill-Istati Membri li jeskludu, operatur ekonomiku fejn jinsab li l-operatur huwa, fid-dawl ta’ atti li saru jew li ma sarux, qabel jew inkella matul il-proċedura, f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 4. 6. Kwalunkwe operatur ekonomiku li qiegħed f’waħda mis- sitwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 4 jista’ jipprovdi evidenza, bil għan li l-miżuri meħudin mill-operatur ekonomiku jkunu biżżejjed biex juru l-affidabbiltà tiegħu minkejja l-eżistenza ta’ raġuni rilevanti għall-esklużjoni. Jekk tali evidenza titqies bħala suffiċjenti, l-operatur ekonomiku kkonċernat ma għandux ikun eskluż mill-proċedura tal-akkwist. Għal dan il-għan, l-operatur ekonomiku għandu jagħti prova li hu ħallas jew impenja ruħu li jħallas kumpens fir-rigward ta’ kwalunkwe dannu maħluq mir-reat jew mill-kondotta ħażina tiegħu, li ċċara l-fatti u ċ-ċirkostanzi b’mod komprensiv billi kkollabora b’mod attiv mal-awtoritajiet investigattivi u li ħa miżuri konkreti tekniċi, organizzattivi u tal-persunal li huma adegwati sabiex jipprevjenu reati jew kondotta ħażina ulterjuri. Il-miżuri meħuda mill-operaturi ekonomiċi għandhom ikunu evalwati b’kont meħud tal-gravità u ċ-ċirkostanzi partikolari tar-reat jew tal-kondotta ħażina. Fejn il-miżuri jitqiesu bħala mhux suffiċjenti, l-operatur ekonomiku għandu jirċievi dikjarazzjoni tar-raġunijiet għal dik id-deċiżjoni. Operatur ekonomiku li jkun ġie eskluż b’sentenza finali milli jipparteċipa fi proċeduri tal-għoti ta’ akkwist jew ta’ konċessjoni ma għandux ikun intitolat li jagħmel użu mill-possibbiltà provduta taħt dan il-paragrafu matul il-perijodu ta’ esklużjoni li jirriżulta minn dik is-sentenza fl-Istati Membri fejn is-sentenza tkun daħlet fis-seħħ. 7. Permezz ta’ liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva u b’kont meħud għad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jispeċifikaw il-kondizzjonijiet implimentattivi ta’ dan l-Artikolu. B’mod partikolari, huma għandhom jiddeterminaw il-perijodu massimu tal-esklużjoni jekk ma ttieħdet l- ebda miżura, kif speċifikat fil-paragrafu 6, mill-operatur ekonomiku biex juri l-affidabbiltà tiegħu. Fejn il-perijodu ta’ esklużjoni ma jkunx ġie stabbilit permezz ta’ sentenza finali, dak il-perijodu ma għandux ikun itwal minn ħames snin mid-data tal- kundanna bis-sentenza finali fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 u tliet snin mid-data tal-avveniment rilevanti fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 4.” |
|
6 |
L-Artikolu 59 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dokument Ewropew ta’ Akkwist Uniku”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu: “1. Fil-mument tas-sottomissjoni ta’ talbiet għall-parteċipazzjoni jew tal-offerti, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jaċċettaw id-Dokument Ewropew ta’ Akkwist Uniku (DEAU) li jikkonsisti minn awtodikjarazzjoni aġġornata bħala evidenza preliminari b’sostituzzjoni għal ċertifikati maħruġin minn awtoritajiet pubbliċi jew terzi persuni li jikkonfermaw li l-operatur ekonomiku rilevanti jissodisfa kwalunkwe waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin:
[...] Id-Dokument Ewropew ta’ Akkwist Uniku għandu jikkonsisti f’dikjarazzjoni formali mill-operatur ekonomiku li r-raġuni rilevanti għall-esklużjoni ma tapplikax u/jew li l-kriterju rilevanti ta’ għażla huwa ssodisfat u għandu jipprovdi l-informazzjoni rilevanti kif meħtieġa mill-awtorità kontraenti. Id-Dokument Ewropew ta’ Akkwist Uniku għandu wkoll jidentifika l-awtorità pubblika jew it-terza persuna responsabbli għall-ħruġ tad-dokumenti ta’ sostenn u għandu jkun fih dikjarazzjoni formali li jgħid li l-operatur ekonomiku ser ikun jista’, fuq talba u mingħajr dewmien, jipprovdi dawk id-dokumenti ta’ sostenn. [...] 2. Id-Dokument Ewropew ta’ Akkwist Uniku għandu jitfassal abbażi ta’ formula standard. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi dik il-formula standard permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. [...]” |
|
7 |
L-Artikolu 69 tad-Direttiva 2014/24, intitolat “Offerti baxxi wisq” jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-awtoritajiet kontraenti għandhom jesiġu li l-operaturi ekonomiċi jispjegaw il-prezz jew l-ispejjeż proposti fl-offerta meta l-offerti jkunu jidhru baxxi b’mod mhux normali fir- rigward tax-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi.” |
|
8 |
L-Artikolu 90(1) tad-Direttiva 2014/24 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-direttiva mhux iktar tard mit-18 ta’ April 2016, filwaqt li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 91 tal-imsemmija direttiva jipprovdi li d-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132). hija mħassra b’effett mit‑18 ta’ April 2016. |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/7
|
9 |
Il-punt C tal-Parti III tal-Anness 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/7 tal-5 ta’ Jannar 2016 li jistabbilixxi formola standard għad-Dokument Ewropew Uniku għall-Akkwist (ĠU 2016, L 3, p. 16) jinkludi, b’mod partikolari, iż-żewġ taqsimiet li ġejjin:
|
Id-dritt Belġjan
|
10 |
Il-punt 4 tal-Artikolu 61(2) tad-Digriet Irjali tal‑15 ta’ Lulju 2011, dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi fis-setturi klassiċi (Belgisch Staatsblad, 9 ta’ Awwissu 2011, p. 44862), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi: “B’mod konformi mal-Artikolu 20 tal-Liġi [tal‑15 ta’ Ġunju 2006, dwar il-kuntratti pubbliċi u ċerti kuntratti għal xogħlijiet, għal provvista u għal servizzi (Moniteur belge tal‑15 ta’ Frar 2007, p. 7355)], jista’ jiġi eskluż mill-aċċess għas-suq, fi kwalunkwe stadju tal-proċedura, il-kandidat jew l-offerent: [...]
[...]” |
|
11 |
L-Artikolu 70 tal-Liġi tas‑17 ta’ Ġunju 2016, dwar il-kuntratti pubbliċi (Belgisch Staatsblad, 14 ta’ Lulju 2016, p. 44219), li daħlet fis-seħħ fit‑30 ta’ Ġunju 2017 (iktar ’il quddiem il-“Liġi tas‑17 ta’ Ġunju 2016”), jipprovdi: “Kwalunkwe kandidat jew offerent li jsib ruħu f’xi waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 67 jew 69 jista’ jipproduċi provi li juru li l-miżuri li jkun ħa huma biżżejjed sabiex juru l-affidabbiltà tiegħu minkejja l-eżistenza ta’ raġuni rilevanti għall-esklużjoni. Jekk l-awtorità kontraenti tqis li dawn il-provi huma suffiċjenti, il-kandidat jew l-offerent inkwistjoni ma huwiex eskluż mill-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt. Għal dan il-għan, il-kandidat jew l-offerent għandu jipproduċi prova li hu ħallas jew intrabat li jħallas il-kumpens li jikkorrispondi ma’ kwalunkwe dannu kkawżat minħabba reat kriminali jew nuqqas, li jkun iċċara l-fatti u ċ-ċirkustanzi b’mod komprensiv billi jkun ikkollabora b’mod attiv mal-awtoritajiet investigattivi u li jkun adotta miżuri tekniċi, organizzattivi u tal-persunal konkreti, li huma adegwati sabiex jipprevjenu reati kriminali jew nuqqasijiet ġodda.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
12 |
Permezz ta’ avviż ta’ kuntratt ippubblikat, fil‑11 ta’ Mejju 2016, fil-Bulletin der Aanbestedingen (il-Bullettin tal-Aġġudikazzjonijiet) u, fit‑13 ta’ Mejju 2016, fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, l-afdeling Wegen en Verkeer Oost-Vlaanderen (it-Taqsima tat-Toroq u taċ-Ċirkulazzjoni ta’ Vlaanderen tal-Lvant, il-Belġju) tal-Agentschap Wegen en Verkeer van het Vlaamse (l-Aġenzija tat-Toroq u taċ-Ċirkulazzjoni tar-Reġjun Fjamming, il-Belġju), niedet proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet għall-iżvilupp mill-ġdid tal-intersezzjoni Nieuwe Steeweg (N60) u ta’ mezzi ta’ aċċess u ta’ ħruġ mill-E17 lejn De Pinte. L-avviż ta’ kuntratt kien ifakkar b’mod partikolari r-raġunijiet għall-eskużjoni previsti fl-Artikolu 61(1) u (2) tad-Digriet Irjali tal‑15 ta’ Lulju 2011, dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi fis-setturi klassiċi, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, fosthom il-“kondotta professjonali serjament skorretta”. |
|
13 |
Wara s-sottomissjoni ta’ sitt offerti, fosthom dik tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ir-Reġjun Fjamming, permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Ottubru 2016, eskluda lil dawn tal-aħħar mill-parteċipazzjoni fil-kuntratt u tah lill-impriża li ppreżentat l-offerta regolari l-iktar baxxa. |
|
14 |
Ir-Reġjun Fjamming immotiva l-esklużjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali bil-fatt li, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratti preċedenti mogħtija mill-istess awtorità kontraenti bħal fil-kawża prinċipali, huma kienu wettqu “kondotta professjonali serjament skorretta” li kienet is-suġġett ta’ penalitajiet għall-parti l-kbira u li kienet tikkonċerna aspetti importanti għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt li għalih huma sa dak iż-żmien issottomettew. F’dan il-kuntest, ir-Reġjun Fjamming qies li n-nuqqasijiet kuntrattwali serji u ripetuti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali qajmu dubji u inċertezzi fir-rigward tal-kapaċità tagħhom li jiżguraw eżekuzzjoni korretta tal-kuntratt il-ġdid. |
|
15 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali adixxew il-qorti tar-rinviju sabiex jiksbu l-annullament tad-deċiżjoni tat‑13 ta’ Ottubru 2016. F’dan ir-rigward huma jsostnu li, qabel ma ġew miċħuda minħabba kondotta professjonali serjament skorretta allegata, huma jmisshom kellhom il-possibbiltà li jiddefendu ruħhom f’dan ir-rigward u li juru għalhekk li kienu rrimedjaw il-konsegwenzi ta’ dawn in-nuqqasijiet permezz ta’ miżuri korrettivi xierqa, hekk kif dan huwa previst fl-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24, li għandu effett dirett. |
|
16 |
L-awtorità kontraenti tikkontesta l-effett dirett ta’ din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk hija ssostni li, minkejja li daħlet fis-seħħ biss fit‑30 ta’ Ġunju 2017, jiġifieri wara d-data ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni tat‑13 ta’ Ottubru 2016, il-Liġi tas‑17 ta’ Ġunju 2016 tipprevedi preċiżament, fl-Artikolu 70 tagħha, li l-operatur ekonomiku kkonċernat għandu jiddikjara fuq inizjattiva tiegħu stess il-miżuri korrettivi meħuda. Peress li d-Direttiva 2014/24 ma tipprevedi ebda dispożizzjoni fir-rigward tal-mument u tal-mod kif għandha tiġi prodotta l-prova tal-miżuri korrettivi meħuda, l-awtorità kontraenti tfittex li tintrabat, f’tali ċirkustanzi, mal-Artikolu 70 tal-Liġi tas‑17 ta’ Ġunju 2016. |
|
17 |
Sabiex tkun tista’ tevalwa l-fondatezza tar-rikors ippreżentat quddiemha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 57(4), (6) u (7) tad-Direttiva 2014/24 jipprekludix li operatur ekonomiku jkun jista’ jiġi eskluż minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt minħabba kondotta professjonali serjament skorretta mingħajr ma jkun ġie mistieden minn qabel mill-awtorità kontraenti jew mid-dokumenti tal-kuntratt sabiex jipproduċi l-prova li huwa jibqa’ affidabbli minkejja dan in-nuqqas. |
|
18 |
Il-qorti tar-rinviju tindika li, sa fejn il-klassifikazzjoni tal-kondotta professjonali serjament skorretta invokata kontra l-offerent ikkonċernat taqa’ taħt l-evalwazzjoni libera tal-awtorità kontraenti, din tal-aħħar tista’ tirriżulta li ma tantx hija prevedibbli għall-offerent. Barra minn hekk, skont din il-qorti, l-operaturi ekonomiċi ma humiex inklinati li jappoġġaw forma ta’ awtoakkuża billi jipprovdu elenkar ta’ nuqqasijiet li jistgħu eventwalment jiġu kklassifikati mill-awtorità kontraenti bħala “kondotta serjament skorretta”. Għaldaqstant, li tiġi żgurata proċedura kontradittorja jista’ jiffavorixxi l-kompetizzjoni fil-proċess ta’ għoti tal-kuntratt. Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-fatt li l-inizjattiva titħalla lill-operatur ekonomiku sabiex jipproduċi l-prova tal-miżuri korrettivi meħuda jippermetti trasparenza ikbar, iktar u iktar peress li dan l-operatur jaf, minħabba t-tul massimu ta’ esklużjoni, kemm għandu żmien, fuq inizjattiva tiegħu stess, sabiex jagħmel dikjarazzjoni dwar miżuri korrettivi. |
|
19 |
Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din l-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf ukoll jekk id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tad-Direttiva 2014/24 għandhomx effett dirett. B’mod partikolari, hija tistaqsi jekk jistax jitqies li ċerti elementi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jikkostitwixxu, fil-qasam ta’ awtoriabilitazzjoni, garanziji minimi li jippermettu li jiġu kklassifikati bħala “suffiċjentement preċiżi u inkundizzjonati” sabiex jingħataw effett dirett. |
|
20 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Osservazzjonijiet preliminari
|
21 |
L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, peress li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24, li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba, ma jikkorrispondu ma’ ebda dispożizzjoni li tinsab fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi sad-data ta’ adozzjoni u ta’ dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva, id-domandi preliminari magħmula jistgħu jkunu rilevanti biss fl-ipoteżi li l-imsemmija direttiva tkun applikabbli għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Il-qorti tar-rinviju tqis li dan huwa l-każ minħabba l-fatt li l-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ kuntratt fil‑11 u fit‑13 ta’ Mejju 2016 seħħet wara t‑18 ta’ April 2016, data li fiha, b’mod konformi mal-Artikoli 90 u 91 tagħha, id-Direttiva 2014/24, minn naħa, kellha tiġi trasposta mill-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, ħassret id-Direttiva 2004/18. |
|
22 |
Madankollu, mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan l-avviż ta’ kuntratt ġie ppreċedut minn avviż ta’ informazzjoni minn qabel, li ġie ppubblikat fis‑17 ta’ Ottubru 2015, data li fiha d-Direttiva 2004/18 kienet għadha applikabbli. |
|
23 |
F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-direttiva applikabbli, bħala prinċipju, hija dik fis-seħħ fid-data li fiha l-awtorità kontraenti tagħżel it-tip ta’ proċedura li għandha tiġi segwita u tiddeċiedi definittivament il-kwistjoni ta’ jekk hemmx jew le obbligu li ssir sejħa għal offerti qabel l-għoti ta’ kuntratt pubbliku. Min-naħa l-oħra, ma humiex applikabbli d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li t-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha jkun skada wara din id-data (sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2019, Tedeschi u Consorzio Stabile Istant Service, C‑402/18, EU:C:2019:1023, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
24 |
F’dan il-każ, fid-dawl tal-fatt li l-avviż ta’ informazzjoni minn qabel ġie ppubblikat qabel id-data ta’ skadenza stabbilita għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/24, filwaqt li l-avviż ta’ kuntratt sar wara din id-data, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika f’liema data l-awtorità kontraenti għażlet it-tip ta’ proċedura li kellha l-intenzjoni ssegwi u ddeċidiet definittivament il-kwistjoni dwar jekk kienx hemm jew le obbligu li ssir sejħa għal offerti minn qabel għall-għoti tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
Fuq l-ewwel domanda
|
25 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi prassi ta’ Stat Membru li tipprovdi li l-operatur ekonomiku kkonċernat huwa marbut li jipproduċi spontanjament, waqt it-tressiq tat-talba tiegħu għal parteċipazzjoni jew tal-offerta tiegħu fil-kuntest tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku, il-prova tal-miżuri korrettivi meħuda sabiex tintwera l-affidabbiltà tiegħu minkejja l-eżistenza, fir-rigward tiegħu, ta’ raġuni fakultattiva għall-esklużjoni prevista fl-Artikolu 57(4) ta’ din id-direttiva, peress li tali obbligu la jirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli u lanqas mid-dokumenti tal-kuntratt. |
|
26 |
F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24, kwalunkwe operatur ekonomiku li jkun b’mod partikolari kkonċernat minn waħda mir-raġunijiet fakultattivi għall-esklużjoni msemmija fl-Artikolu 57(4) ta’ din id-direttiva jista’ jipproduċi provi sabiex juri li l-miżuri li huwa jkun ħa huma suffiċjenti sabiex juru l-affidabbiltà tiegħu, filwaqt li huwa ppreċiżat li, jekk dawn il-provi huma meqjusa suffiċjenti, l-operatur ekonomiku kkonċernat ma jistax jiġi eskluż mill-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt għal tali raġuni. Għalhekk din id-dispożizzjoni tintroduċi mekkaniżmu ta’ miżuri korrettivi (self-cleaning) billi tagħti f’dan ir-rigward dritt lill-operaturi ekonomiċi li l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu waqt it-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva, fl-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti minn din tal-aħħar (ara, b’analoġija, fir-rigward tal-Artikolu 38(9) tad-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU 2014, L 94, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2015, L 114, p. 24 u fil-ĠU 2018, L 82, p. 17), li huwa ekwivalenti għall-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Vert Marine,C‑472/19, EU:C:2020:468, punti 16 u 17). |
|
27 |
Għandu jiġi rrilevat li la l-formulazzjoni tal-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24 u lanqas il-premessa 102 ta’ din id-direttiva ma jispeċifikaw b’liema mod u lanqas f’liema stadju tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt tista’ tiġi prodotta l-prova tal-miżuri korrettivi. |
|
28 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-formulazzjoni waħedha tal-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24, il-possibbiltà mogħtija lill-operaturi ekonomiċi li jipproduċu l-prova tal-miżuri korrettivi meħuda tista’ tiġi eżerċitata wkoll kemm fuq inizjattiva tagħhom kif ukoll fuq l-inizjattiva tal-awtorità kontraenti, kif ukoll tista’ tiġi eżerċitata kemm waqt it-tressiq tat-talba għal parteċipazzjoni jew tal-offerta kif ukoll fi stadju ulterjuri tal-proċedura. |
|
29 |
Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-għan li għandu jintlaħaq fl-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24. Fil-fatt, billi tipprevedi li kull operatur ekonomiku għandu jkun jista’ jipproduċi l-prova tal-miżuri korrettivi, din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tenfasizza l-importanza marbuta mal-affidabbiltà tal-operatur ekonomiku kif ukoll li tiġi żgurata evalwazzjoni oġġettiva tal-operaturi ekonomiċi u kompetizzjoni effettiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Vert Marine, C‑472/19, EU:C:2020:468, punt 22). Issa, dan l-għan jista’ jintlaħaq meta tiġi prodotta l-prova tal-miżuri korrettivi, fi kwalunkwe stadju tal-proċedura qabel it-teħid ta’ deċiżjoni tal-aġġudikazzjoni, peress li l-essenzjal huwa li l-operatur ekonomiku jkollu l-possibbiltà li jsostni u li jitlob li jiġu eżaminati l-miżuri li, fil-fehma tiegħu, jippermettu li tiġi rrimedjata raġuni ta’ esklużjoni li tikkonċernah. |
|
30 |
Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata wkoll mill-kuntest li jidħol fih l-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24. F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, skont l-Artikolu 57(7) ta’ din id-direttiva, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din id-direttiva u, għaldaqstant, tal-paragrafu 6 tiegħu għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni. Issa, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali li huma għandhom waqt id-determinazzjoni tal-modalitajiet proċedurali tal-Artikolu 57(6) tal-imsemmija direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Vert Marine, C‑472/19, EU:C:2020:468, punt 23), l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-prova tal-miżuri korrettivi għandha tiġi prodotta spontanjament mill-operatur ekonomiku kkonċernat meta jressaq it-talba tiegħu għal parteċipazzjoni jew l-offerta tiegħu, kif ukoll jistgħu jipprevedu li tali prova tista’ tiġi prodotta wara li dan l-operatur ekonomiku jkun ġie formalment mistieden jagħmel dan mill-awtorità kontraenti fi stadju ulterjuri tal-proċedura. |
|
31 |
Din is-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri hija madankollu bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/24 li jipprevedu l-possibbiltà għall-operaturi li jipproduċu spontanjament il-prova tal-miżuri korrettivi meta jressqu t-talba għal parteċipazzjoni fil-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku jew l-offerta tagħhom. Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 59(1)(a) tad-Direttiva 2014/24 jipprevedi li l-awtoritajiet kontraenti għandhom jaċċettaw, meta jressqu tali talbiet jew tali offerti, id-DEAU, dokument li permezz tiegħu l-operatur ekonomiku jiddikjara fuq l-unur li huwa kkonċernat minn raġuni għall-esklużjoni u li jkun ħa miżuri ta’ awtoriabilitazzjoni, bla ħsara għal verifiki sussegwenti. |
|
32 |
Madankollu, id-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 59 tad-Direttiva 2014/24, dwar id-DEAU ma jipprekludux li l-Istati Membri milli jiddeċiedu, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali mfakkra fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, li jħallu lill-awtorità kontraenti l-inizjattiva li titlob il-prova tal-miżuri korrettivi wara t-tressiq tat-talba għal parteċipazzjoni jew tal-offerta, u dan anki jekk it-talba għal parteċipazzjoni jew l-offerta tkun akkumpanjata minn DEAU. |
|
33 |
Mill-interpretazzjoni testwali, teleoloġika u sistematika tal-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24, kif tirriżulta mill-punti 27 sa 30 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li din id-dispożizzjoni la tipprekludi li l-prova tal-miżuri korrettivi tiġi prodotta mill-operatur ekonomiku kkonċernat fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq it-talba speċifika tal-awtorità kontraenti u lanqas milli tiġi prodotta matul it-tressiq tat-talba għal parteċipazzjoni jew tal-offerta jew fi stadju ulterjuri tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt. |
|
34 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi ppreċiżat li, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 57(7) tad-Direttiva 2014/24, l-Istati Membri għandhom, meta jiddeterminaw il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 57, josservaw id-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, huma għandhom josservaw mhux biss il-prinċipji għall-għoti ta’ kuntratti stabbiliti fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2014/24, li fosthom hemm, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ trasparenza u ta’ proporzjonalità, iżda wkoll il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, li, bħala prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li d-dritt għal smigħ f’kull proċedura huwa parti integrali minnu, japplika meta l-amministrazzjoni tipproponi li tadotta fil-konfront ta’ persuna att li jikkawżalha preġudizzju, bħal deċiżjoni ta’ esklużjoni adottata fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt (sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Prequ’ Italia, C‑276/16, EU:C:2017:1010, punti 45 u 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
35 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu l-ewwel nett jitfakkar, minn naħa, li, skont il-prinċipju ta’ trasparenza, il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet kollha tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt għandhom jiġu fformulati b’mod ċar, preċiż u univokali fl-avviż ta’ kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt b’mod li l-operaturi ekonomiċi kollha jkunu raġonevolment informati u normalment diliġenti sabiex jifhmu l-portata eżatta tagħhom u sabiex jinterpretawhom bl-istess mod (sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2016, Connexxion Taxi Services, C‑171/15, EU:C:2016:948, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). Min-naħa l-oħra, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jimponi li l-operaturi ekonomiċi kkonċernati minn kuntratt pubbliku jkollhom l-istess opportunitajiet fil-formulazzjoni tal-offerti tagħhom, ikunu jafu eżattament ir-restrizzjonijiet tal-proċedura u jiġu żgurati fil-fatt li l-istess rekwiżiti japplikaw għall-kompetituri kollha (sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2016, Connexxion Taxi Services, C‑171/15, EU:C:2016:948, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
36 |
Minn dan jirriżulta li, meta Stat Membru jipprevedi li l-prova tal-miżuri korrettivi tista’ tiġi prodotta biss spontanjament mill-operatur ekonomiku meta jressaq it-talba għal parteċipazzjoni jew l-offerta, mingħajr possibbiltà, għal dan l-operatur, li jipproduċi tali prova fi stadju ulterjuri tal-proċedura, il-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ ugwaljanza fit-trattament jeżiġu, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva, essenzjalment, fil-punti 66 u 67 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-operaturi ekonomiċi jiġu informati b’mod miftuħ minn qabel, b’mod ċar, preċiż u univokali, bl-eżistenza ta’ tali obbligu, li din l-informazzjoni tirriżulta direttament mid-dokumenti tal-kuntratt jew minn riferiment, f’dawn id-dokumenti, għal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti. |
|
37 |
Sussegwentement, id-dritt għal smigħ jimplika li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 90 u 91 tal-konklużjonijiet tiegħu, dawn l-operaturi għandhom ikunu f’pożizzjoni, sabiex ikunu jistgħu jesprimu, b’mod utli u effettiv, il-fehma tagħhom f’din it-talba jew f’din l-offerta, li jidentifikaw, waħedhom, ir-raġunijiet għall-esklużjoni li jistgħu jintużaw fil-konfront tagħhom mill-awtorità kontraenti fir-rigward tal-informazzjoni li tinsab fid-dokumenti tal-kuntratt u l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar dan is-suġġett. |
|
38 |
Fl-aħħar nett, sa fejn dan ma jikkostitwixxix ostakolu irraġonevoli għall-eżerċizzju tas-sistema ta’ miżuri korrettivi, l-obbligu għall-operaturi ekonomiċi li jipproduċu spontanjament il-prova tal-miżuri korrettivi fit-talba tagħhom għal parteċipazzjoni jew fl-offerta tagħhom huwa, peress li jiġi eżerċitat fil-kundizzjonijiet imfakkra fil-punti 36 u 37 ta’ din is-sentenza, konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li skontu r-regoli stabbiliti mill-Istati Membri jew mill-awtoritajiet kontraenti fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/24, bħar-regoli intiżi li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 57 ta’ din id-direttiva, ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet previsti minn din l-istess direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Tim, C‑395/18, EU:C:2020:58, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
39 |
F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif indikat il-qorti tar-rinviju, għalkemm ir-Renju tal-Belġju ttraspona fid-dritt nazzjonali tiegħu, permezz tal-Artikolu 70 tal-Liġi tas‑17 ta’ Ġunju 2016, l-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24 billi ppreċiża li l-prova tal-miżuri korrettivi għandha tiġi prodotta fuq l-inizjattiva tal-operatur ekonomiku, din il-liġi ma kinitx daħlet fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ kuntratt u lanqas fid-data tas-sottomissjoni tal-offerta tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għalkemm fakkru r-raġunijiet għall-esklużjoni previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ f’dak iż-żmien, id-dokumenti tal-kuntratt ma indikawx espressament li tali prova kellha tiġi prodotta spontanjament mill-operatur ekonomiku kkonċernat. |
|
40 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, u bla ħsara għall-obbligu li għandhom ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, skont rekwiżiti ta’ trasparenza u ta’ lealtà, li jinformaw lill-awtorità kontraenti b’kondotta professjonali serjament skorretta li huma kienu wettqu fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratti preċedenti mogħtija mill-istess awtorità kontraenti, dawn ir-rikorrenti setgħu raġonevolment jistennew, abbażi biss tal-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24, li huma jiġu mistiedna sussegwentement mill-awtorità kontraenti sabiex jipproduċu l-prova tal-miżuri korrettivi meħuda sabiex jirrimedjaw kwalunkwe raġuni fakultattiva għall-esklużjoni li din l-awtorità setgħet tirrileva. |
|
41 |
Mill-punti 34 sa 37 tas-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Delta Antrepriză de Construcinvalidi ii invalidi i Montaj 93 (C‑267/18, EU:C:2019:826), li tirrigwarda leġiżlazzjoni nazzjonali li ma ppreċiżatx jekk il-prova tal-miżuri korrettivi kellhiex tiġi prodotta b’mod spontanju jew le mill-operatur ekonomiku u lanqas f’liema stadju tal-proċedura hija kellha tiġi prodotta jirriżulta wkoll li, jekk huma l-operaturi ekonomiċi li għandhom jinformaw lill-awtorità kontraenti, minn meta titressaq it-talba tagħhom għal parteċipazzjoni jew l-offerta tagħhom, bix-xoljiment ta’ kuntratt preċedenti minħabba nuqqas serju, l-awtorità kontraenti, meta tikkonkludi li kienet teżisti raġuni għall-esklużjoni li twassal għal tali xoljiment jew li kien hemm ħabi ta’ informazzjoni dwar tali xoljiment, għandha madankollu tħalli l-possibbiltà lill-operaturi kkonċernati li jipproduċu l-prova tal-provi korrettivi meħuda. |
|
42 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel domanda għandha tiġi risposta li l-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi prassi li permezz tagħha operatur ekonomiku huwa obbligat li jipproduċi b’mod spontanju, waqt it-tressiq tat-talba tiegħu għal parteċipazzjoni jew tal-offerta tiegħu, il-prova tal-miżuri korrettivi meħuda sabiex tintwera l-affidabbiltà tiegħu minkejja l-eżistenza, fir-rigward tiegħu, ta’ raġuni fakultattiva għall-esklużjoni msemmija fl-Artikolu 57(4) ta’ din id-direttiva, peress li tali obbligu la jirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli u lanqas mid-dokumenti tal-kuntratt. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 57(6) tal-imsemmija direttiva ma jipprekludix tali obbligu meta dan ikun previst b’mod ċar, preċiż u univokali fil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli u meta dan jiġi mgħarraf lill-operatur ekonomiku kkonċernat permezz tad-dokumenti tal-kuntratt. |
Fuq it-tieni domanda
|
43 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipproduċi effett dirett. |
|
44 |
F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-każijiet kollha fejn id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi, huwa possibbli li dawn jiġu invokati quddiem il-qrati nazzjonali kontra l-Istat Membru kkonċernat, kemm meta dan ikun astjena milli jittrasponi d-direttiva fid-dritt nazzjonali fit-termini previsti, kemm meta jkun wettaq traspożizzjoni żbaljata tagħhom (sentenza tat-13 ta’ Frar 2019, Human Operator, C‑434/17, EU:C:2019:112, punt 38). |
|
45 |
F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta essenzjalment mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-Liġi tas‑17 ta’ Ġunju 2016 intiża sabiex tittrasponi d-Direttiva 2014/24 fid-dritt Belġjan daħlet fis-seħħ biss fit‑30 ta’ Ġunju 2017, jiġifieri f’data sussegwenti għad-data ta’ skadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, it‑18 ta’ April 2016. Għaldaqstant, il-kwistjoni tal-effett dirett tal-Artikolu 57(6) tal-imsemmija direttiva hija rilevanti. |
|
46 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni hija, minn naħa, inkundizzjonata meta din tistabbilixxi obbligu li ma huwa kkwalifikat b’ebda kundizzjoni u lanqas ma huwa suġġett, fl-eżekuzzjoni tiegħu jew fl-effetti tiegħu, għall-intervent ta’ att kemm tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni kemm tal-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, li tkun biżżejjed preċiża sabiex tiġi invokata minn parti fil-kawża u tiġi applikata mill-qorti meta tistabbilixxi obbligu f’termini inekwivokabbli (sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2010, Gassmayr, C‑194/08, EU:C:2010:386, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
47 |
Minbarra dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, anki jekk direttiva tħalli lill-Istati Membri ċerta marġni ta’ diskrezzjoni meta jadottaw il-modalitajiet tal-implimentazzjoni tagħha, dispożizzjoni ta’ din id-direttiva tista’ titqies bħala li għandha natura inkundizzjonata u preċiża minn meta timponi fuq l-Istati Membri, f’termini inekwivokabbli, obbligu ta’ riżultat preċiż u li ma jinkludi ebda kundizzjoni rigward l-applikazzjoni tar-regola li din tistabbilixxi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punti 104 u 105, kif ukoll tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Fuß, C‑243/09, EU:C:2010:609, punti 57 u 58). |
|
48 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkunsidrat li, billi jipprevedi li kull operatur ekonomiku jista’ jipproduċi provi sabiex juri li l-miżuri li huwa ħa huma biżżejjed sabiex juru l-affidabbiltà tiegħu minkejja l-eżistenza ta’ raġuni għall-esklużjoni li tikkonċernah, l-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24 jagħti lill-operaturi ekonomiċi dritt li, minn naħa, huwa fformulat f’termini inekwivokabbli u, min-naħa l-oħra, jimponi fuq l-Istati Membri obbligu ta’ riżultat li, anki jekk il-kundizzjonijiet materjali u proċedurali għall-applikazzjoni tiegħu għandhom jiġu adottati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 57(7) ta’ din id-direttiva, ma huwiex dipendenti fuq traspożizzjoni fid-dritt intern sabiex ikun jista’ jiġi invokat mill-operatur ekonomiku kkonċernat u applikat favur dan tal-aħħar. |
|
49 |
Fil-fatt, indipendentement mill-modalitajiet għall-applikazzjoni konkreti tal-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24, din id-dispożizzjoni tipprevedi b’mod suffiċjentement preċiż u inkundizzjonat, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, li l-operatur ekonomiku kkonċernat ma jistax jiġi eskluż mill-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt jekk jasal sabiex jistabbilixxi, għas-sodisfazzjon tal-awtorità kontraenti, li l-miżuri korrettivi meħuda jistabbilixxu mill-ġdid l-affidabbiltà tiegħu minkejja l-eżistenza ta’ raġuni għall-esklużjoni li tikkonċernah. B’konsegwenza, l-Artikolu 57(6) ta’ din id-direttiva jipprevedi, għall-benefiċċju ta’ dan l-operatur ekonomiku, protezzjoni minima indipendentement mill-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-Istati Membri fid-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet proċedurali ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Lulju 1994, Faccini Dori, C‑91/92, EU:C:1994:292, punt 17, kif ukoll tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punt 105). Dan għandu japplika iktar u iktar peress li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 102 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 57(6) tal-imsemmija direttiva jadotta l-elementi fundamentali tas-sistema ta’ miżuri korrettivi u tad-dritt mogħtija lill-operatur ekonomiku billi jindika l-elementi minimi li għandhom jiġu pprovati kif ukoll il-kriterji ta’ evalwazzjoni li għandhom jiġu osservati. |
|
50 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, it-tieni domanda għandha tiġi risposta li l-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipproduċi effett dirett. |
Fuq l-ispejjeż
|
51 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż