SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

13 ta’ Jannar 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Settur tal-ħalib u tal-prodotti mill-ħalib – Kwoti – Imposta addizzjonali – Regolament (KE) Nru 1788/2003 – Kunsinni li jaqbżu l-kwantità ta’ referenza disponibbli għall-produttur – Ġbir tal-kontribuzzjoni għall-imposta addizzjonali mix-xerrej – Rimbors tal-imposta żejda – Regolament (KE) Nru 595/2004 – Artikolu 16 – Kriterji għal ridistribuzzjoni tal-imposta żejda”

Fil-Kawża C‑377/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ April 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ Mejju 2019, fil-proċedura

Benedetti Pietro e Angelo Ss,

Capparotto Giampaolo e Lorenzino Ss,

Gonzo Dino Ss,

Mantovani Giuseppe e Giorgio Ss,

Azienda agricola Padovani Luigi,

Azienda agricola La Pila di Mastrotto Piergiorgio e C. Ss,

Azienda agricola Mastrotto Giuseppe,

Soc. agr. semplice F.lli Isolan

vs

Agenzia per le Erogazioni in Agricoltura (AGEA),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Ewwel Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, I. Ziemele (Relatriċi), T. von Danwitz, P. G. Xuereb u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Benedetti Pietro e Angelo Ss, Capparotto Giampaolo e Lorenzino Ss, Gonzo Dino Ss, Mantovani Giuseppe e Giorgio Ss, Azienda agricola Padovani Luigi, Azienda agricola La Pila di Mastrotto Piergiorgio e C. Ss u Azienda agricola Mastrotto Giuseppe, minn M. Aldegheri, avvocatessa,

, minn M. Aldegheri, avvocato,

għal Soc. agr. semplice F.lli Isolan, minn M. Aldegheri u E. Ermondi, avvocate,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Bianchi, A. Dawes u F. Moro, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 16 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 595/2004 tat‑30 ta’ Marzu 2004 li jniżżel regoli dettaljati biex japplika r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1788/2003 li jistabbilixxi imposta fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 43, p. 333).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Benedetti Pietro e Angelo Ss, Capparotto Giampaolo e Lorenzino Ss, Gonzo Dino Ss, Mantovani Giuseppe e Giorgio Ss, Azienda agricola Padovani Luigi, Azienda agricola La Pila di Mastrotto Piergiorgio e C. Ss, Azienda agricola Mastrotto Giuseppe u Soc. agr. semplice F.lli Isolan, li huma produtturi Taljani tal-ħalib u, min-naħa l-oħra, l-Agenzia per le Erogazioni in Agricoltura (AGEA) (l-Aġenzija għall-Għoti ta’ Għajnuna fis-Settur Agrikolu, l-Italja) rigward il-kalkolu tal-imposta addizzjonali li għandha titħallas minn dawn il-produtturi għall-perijodu ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-ħalib u tal-prodotti mill-ħalib bejn l‑1 ta’ April 2005 u l‑31 ta’ Marzu 2006 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ referenza”).

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

Matul is-sena 1984, minħabba li kompla jeżisti żbilanċ bejn l-offerta u d-domanda fis-settur tal-ħalib, skema ta’ imposta addizzjonali f’dan is-settur, li kienet ibbażata fuq il-prinċipju li imposta kienet dovuta għal kwantitajiet ta’ ħalib u/jew ta’ ekwivalenti tal-ħalib li kienu jaqbżu kwantità ta’ referenza li għandha tiġi ddeterminata, ġiet stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 856/84 tal‑31 ta’ Marzu 1984 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 804/68 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib (ĠU 1984, L 90, p. 10). Fl-istess jum ġie adottat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 857/84 li jistabbilixxi regoli ġenerali għall-applikazzjoni tat-taxxa msemmija fl-Artikolu 5c tar-Regolament (KEE) Nru 804/68 fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib (ĠU 1984, L 90, p. 13).

4

L-iskema ta’ imposta addizzjonali ġiet estiża diversi drabi, b’mod partikolari bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3950/92 tat‑28 ta’ Diċembru 1992 li jistabbilixxi imposta addizzjonali fuq il-ħalib u l-prodotti tal-ħalib (ĠU 1992, L 405, p. 1), u r-regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tagħha ġew suċċessivament previsti mir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 536/93 tad‑9 ta’ Marzu 1993 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tal-imposta addizzjonali fis-settur tal-ħalib u prodotti mill-ħalib (ĠU 1993, L 57, p. 12), kif ukoll mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1392/2001 tad‑9 ta’ Lulju 2001 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 3950/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 33, p. 104).

5

B’mod partikolari, għal finijiet ta’ semplifikazzjoni u ta’ kjarifika, ir-Regolament Nru 3950/92 tħassar u ġie ssostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1788/2003 tad‑29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi taxxa fil-qasam tal-ħalib u l-prodotti mill-ħalib (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 40, p. 391, rettifika fil-ĠU 2008, L 110, p. 16), li, min-naħa tiegħu, tħassar u ġie ssostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat‑22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU 2007, L 299, p. 1), b’effett mill‑1 ta’ April 2008.

6

It-tilwima fil-kawża prinċipali hija rregolata, ratione temporis, mir-Regolament Nru 1788/2003 kif ukoll mir-Regolament Nru 595/2004 li ħassar ir-Regolament Nru 1392/2001.

Ir‑Regolament Nru 1392/2001

7

L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1392/2001 kien ifformulat kif ġej:

“1.   Meta approprjat, l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-kategoriji ta’ prijorità ta’ produtturi kif imsemmi fl‑Artikolu 2(4) tar-Regolament [Nru 3950/92] abbażi ta’ kriterju objettiv wieħed jew iktar minn dawn li ġejjin, skond il-prijorità:

(a)

rikonoxximent formali mill-awtorità kumpetenti ta’ l-Istat Membru li l-imposta kollha jew parti minnha kienet mitluba b’mod żbaljat;

(b)

il-post ġeografiku ta’ l-azjenda, u primarjament żoni bil-muntanji […]

(ċ)

id-densità massima tal-ħażna fuq l-azjenda għall-iskopijiet ta’ produzzjoni estensiva tal-bhejjem;

(d)

l-ammont li bih il-kwantità individwali ta’ referenza hija maqbuża;

(e)

il-kwantità ta’ referenza tal-produttur.

2.   Meta r-riżorsi finanzjarji disponibbli għal perjodu partikolari mhumiex użati wara li l-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1 ikunu ġew applikati, l-Istat Membru għandu jadotta kriterja objettivi oħra wara li jikkonsulta lill-Kummissjoni [Ewropea].”

Ir‑Regolament Nru 1788/2003

8

Il-premessi 5, 12 u 22 tar-Regolament Nru 1788/2003 jipprovdu:

“(5)

It-taxxa għandha tkun stabbilita fuq livell disswassiv u għandha titħallas mill-Istati Membri jekk il-kwantità tar-referenza nazzjonali tkun inqabżet. L-Istat Membru, imbagħad, għandu jaqsam il-piż tal-ħlas fost il-prodotturi li jkunu wasslu biex jinqabeż il-limitu. F’rabta ma’ l-Istat Membru, dawn ta’ l-aħħar għandhom ikunu responsabbli għall-ħlas tal-kontribuzzjoni tagħhom tat-taxxa dovuta minħabba li dawn ikunu qabżu l-kwantità disponibbli tagħhom.

[…]

(12)

Biex ikun żgurat li l-iskema tkun qed taħdem tajjeb, il-kontribuzzjoni għat-taxxa dovuta mill-produtturi għandha tinġabar mix-xerrejja, li jkunu fl-aħjar posizzjoni biex jagħmlu t-transazzjonijiet meħtieġa. Għalhekk dawn għandhom jingħataw il-mezzi biex jiżguraw li dawn ikunu jistgħu tabilħaqq jiġbru din il-kontribuzzjoni. Bil-maqlub ta’ dan, kull ammont miġbur li jkun jaqbeż it-taxxa dovuta mill-Istat Membru għandu jintuża biex dan jiffinanzja l-programmi ta’ ristrutturar nazzjonali u/jew jitħallas lura lil ċerti kategoriji ta’ produtturi jew lil dawk li jkunu jinsabu f’sitwazzjoni mhux tas-soltu. Madankollu, fejn jinsab li l-ebda taxxa mhi dovuta mill-Istat Membru, kull avvanzi li jkunu nġabru għandhom jitħallsu lura.

[…]

(22)

L-għan ewlieni tat-taxxa msemmija f’dan ir-Regolament huwa li jirranġa u jsaħħaħ is-suq fil-prodotti tal-ħalib. Id-dħul li jkun ġej minn din it-taxxa għandu għalhekk jintuża biex tkun iffinanzjata n-nefqa fil-qasam tal-ħalib.”

9

L-Artikolu 1(1) u (2) ta’ dan ir-regolament, intitolat “L-Għan” jipprevedi:

“1.   Għal [ħdax] il-perjodu konsekuttiv ta’ tnax-il xahar li jibdew mill‑1 ta’ April 2004 […], qed tiddaħħal hawnhekk taxxa […] fuq il-ħalib tal-baqra u tal-prodotti mill-ħalib li jkunu tqiegħdu fis-suq matul il-perjodu ta’ tnax-il xahar ikkonċernat fi kwantitajiet iżjed mill-kwantitajiet ta’ referenza nazzjonali ffissati fl-Anness I.

2.   Dawn il-kwantitajiet għandhom jinqasmu bejn il-produtturi fi qbil ma’ l-Artikolu 6, li jiddistingwi bejn it-twassil u l-bejgħ dirett kif imfisser fl-Artikolu 5. Kull żejjed li jkun hemm fil-kwantità tar-referenza nazzjonali u t-taxxa li tirriżulta għandhom ikunu stabbiliti minn kull Stat Membru fuq livell nazzjonali u fi qbil mal-Kapitlu 3, waqt li ssir differenza bejn it-twassil u l-bejgħ dirett.”

10

Skont l-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, intitolat “Il-Kontribuzzjoni tal-produtturi għat-taxxa dovuta”:

“I-taxxa għandha tkun allokata kollha kemm hi, fi qbil mad-diżposizzjonijiet ta’ l-Artikli 10 u 12, bejn il-produtturi li jkunu wasslu biex ikun hemm iż-żejjed fil-kwantitajiet tar-referenza nazzjonali msemmija fl-Artikolu 1(2).

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10(3) u l-Artikolu 12(1) u f’rabta ma’ l-Istat Membru, il-produtturi għandhom ikunu responsabbli għall-ħas tal-kontribuzzjoni tagħhom tat-taxxa dovuta. Din għandha tinħadem fi qbil mad-diżposizzjonijiet tal-Kapitlu 3, minħabba li dawn ikunu qabżu l-kwantitajiet tar-referenza disponibbli tagħhom.”

11

L-Artikolu 5 tal-istess regolament, intitolat “Id-Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(i)

[…] ‘kwantità nazzjonali tar-referenza’ tfisser il-kwantità tar-referenza ffissata fl-Anness I għal kull Stat Membru;

(j)

‘kwantità individwali tar-referenza’ tfisser il-kwantità tar-referenza ta’ produttur fl-1 ta’ April ta’ kull perjodu ta’ tnax-il xahar;

(k)

[…] ‘kwantità tar-referenza disponibbli’ tfisser il-kwantità tar-referenza disponibbli għall-produtturi fil‑31 ta’ Marzu tal-perjodu ta’ tnax-il xahar li għalihom trid tinħadem it-taxxa, waqt li jitqiesu t-trasferimenti kollha, il-bejgħ, il-bidliet u l-allokazzjonijiet temporanji mill-ġdid li hemm imsemmija f’dan ir-Regolament li jkunu saru matul dak il-perjodu ta’ tnax-il xahar.”

12

Il-Kapitolu 3 ta’ dan ir-regolament, dwar il-kalkolu tal-imposta, jinkludi l-Artikoli 8 sa 12 tal-imsemmi regolament. L-Artikolu 10 tal-istess regolament, intitolat “It-Taxxa fuq it-twassil”, jipprevedi fit-tielet paragrafu tiegħu:

“Kull kontribuzzjoni ta’ produttur għall-ħlas tat-taxxa għandha tkun stabbilita b’deċiżjoni mill-Istat Membru, wara li kull parti mhix użata tal-kwantità tar-referenza lokali li tkun ġiet allokata għat-twassil tkun jew ma tkunx ġiet allokata mill-ġdid, fi proporzjon għall-kwantitajiet tar-referenza individwali ta’ kull produttur jew skont kriterji oġġettivi li għandhom jitwaqqfu mill-Istati Membri:

a)

jew fuq livell lokali fuq il-bażi ta’ l-ammont li bih kull kwantità tar-referenza ta’ produttur tkun inqabżet,

b)

jew l-ewwel fuq il-livell tax-xerrej u minn hemm ’il quddiem fuq livell nazzjonali meta jkun xieraq.”

13

L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1788/2003, intitolat “Ir-Rwol tax-xerrejja”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Ix-xerrejja għandhom ikunu resposnabbli biex jiġbru mingħand il-produtturi l-kontribuzzjonijiet dovuti mingħand dawn ta’ l-aħħar minħabba t-taxxa. Huma għandhom ukoll iħallsu lill-entità kompetenti ta’ l-Istat Membru, qabel data u wara proċedura li għandha titwaqqaf fi qbil ma’ l-Artikolu 23(2), l-ammont ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet li jkunu tnaqqsu mill-prezz tal-ħalib imħallas lill-prodottur responsabbli mill-kwantitajiet żejda jew, jekk ma jagħmlux dan, nġabru b’mezzi oħra xierqa.

[…]

3.   Fejn, matul il-perjodu tar-referenza, il-kwantitajiet imwassla minn produttur ikunu jaqbżu dik il-kwantità tar-referenza disponibbli tal-produttur, l-Istat Membru rilevanti jista’ jiddeċiedi li x-xerrej għandu jnaqqas parti mill-prezz tal-ħalib li l-produttur ikkonċernat ikun wassallu fi kwantitajiet aktar mill-kwantità tar-referenza, billi jkun hemm avvanz fuq il-kontribuzzjoni tal-produttur, fi qbil ma’ regoli dettaljati stabbiliti mill-Istat Membru. […]”

14

L-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament, intitolat “L-ammonti żejda li jkunu tħallsu jew dawk li ma jkunux tħallsu”, li jinsab fil-Kapitolu 4 dwar l-amministrazzjoni tal-imposta, jipprevedi:

“1.   Fejn, fil-każ ta’ twassil jew bejgħ dirett, it-taxxa tinstab li għandha titħallas u l-kontribuzzjoni miġbura mill-produttur tkun ikbar minn dik it-taxxa, l-Istat Membru jista’:

a)

juża b’mod sħiħ jew parzjalment dak l-ammont żejjed biex dan jiffinanzja l-miżuri msemmija fl-Artikolu 18(1)(a), u/jew

b)

jerġa’ jqassamha mill-ġdid, parzjalment jew b’mod sħiħ, lill-produtturi li jaqgħu fi ħdan il-kategoriji ta’ prijorità stabbiliti mill-Istat Membru fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u fi ħdan il-perjodu li għandu jkun stabbilit fi qbil mal-proċedura li hemm fl-Artikolu 23(2), jew dawk li jkunu affettwati b’sitwazzjoni mhix tas-soltu li tkun ġejja minħabba regola lokali li ma tkunx marbuta ma’ l-iskema preżenti.

2.   Fejn isir magħruf li l-ebda taxxa m’għandha titħallas, kull avvanzi miġbura mix-xerrejja jew l-Istat Membru għandhom jitħallsu lura sa mhux aktar tard mit-tmiem tal-perjodu ta’ tnax-il xahar ta’ wara.

3.   Fejn ix-xerrej ma jilħaqx l-obbligu li jiġbor il-kontribuzzjoni tal-produtturi għat-taxxa fi qbil ma’ l-Artikolu 11, l-Istat Membru jista’ jiġbor l-ammonti mhux imħallsa mingħand il-produtturi, mingħajr preġudizzju għal xi penali li dan jista’ jimponi fuq ix-xerrej li jkun naqas.

4.   Fejn il-produttur jew ix-xerrej jonqos milli jħares il-limitu taż-żmien għall-ħlas, dawn għandhom iħallsu lill-Istat Membru l-interessi fuq l-arretrati li għandhom jiġu ffissati fi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 23(2).”

Ir‑Regolament Nru 595/2004

15

Ir-Regolament Nru 595/2004 jgħid fil-premessa 1 tiegħu:

“L-iskema għall-imposta fis-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib ġie estiż skond ir-Regolament [Nru 1788/2003] għal ħdax-il perjodu konsekuttiv ta’ tnax-il xahar kull wieħed mill‑1 ta’ April 2004. Regoli dettaljati għandhom ikunu stabbiliti biex jieħdu kont tad-dispożizzjonijiet il-ġodda ta’ dak ir-Regolament. Dawk ir-regoli dettaljati għandhom jinkorporaw ukoll, b’miżura qawwija, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament [Nru 1392/2001]. Ir-Regolament [Nru 1392/2001] għandu għalhekk jitħassar.”

16

L-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Notifika ta’ l-imposta”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fil-każ ta’ kunsinni, l-awtorità kompetenti għandha tinnotifika jew tikkonferma lix-xerrejja l-kontribuzzjonijiet għall-imposta mħallsa minnhom wara li jirriallokaw, jew le, b’deċiżjoni ta’ l-Istat Membru, il-kwantitajiet ta’ referenza mhux użati jew b’mod dirett lill-produtturi involuti jew, skond il-każ, lix-xerrejja bil-ħsieb ta’ l-allokazzjoni sussegwenti fost il-produtturi involuti.”

17

L-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament, intitolat “Limitu ta’ żmien għall-ħlas”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Qabel l-1 ta’ Settembru ta’ kull sena, ix-xerrejja u, fil-każ ta’ bejgħ dirett, il-produtturi responsabbli għall-imposta għandhom iħallsu l-awtorità kompetenti l-ammont dovut skond ir-regoli stabbiliti mill-Istat Membru.”

18

Skont l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 595/2004, intitolat “Kriterji għal taqsim ġdid mod ieħor ta’ l-imposta ż-żejda”:

“1.   Meta ikun xieraq, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kategoriji ta’ prijorità tal-produtturi msemmija fl-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament [Nru 1788/2003], fuq il-bażi ta’ wieħed jew aktar mill-kriterji oġġettivi li ġejjin, skond ordni ta’ prijorità:

(a)

rikonoxximent formali mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru li l-imposta kollha jew parti minnha kienet iddebitata b’mod ħażin;

(b)

il-lokalità ġeografika ta’ l-azjenda, u primarjament żoni tal-muntanji […]

(ċ)

id-densità massima ta’ l-istokk ta’ l-azjenda għall-iskopijiet ta’ produzzjoni estensiva tal-bhejjem;

(d)

il-persentaġġ li bih il-kwantità ta’ referenza individwali tinqabeż;

(e)

il-kwantità ta’ referenza tal-produttur.

2.   Meta l-imposta ż-żejda, imsemmija fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament [Nru 1788/2003], disponibbli għall-perjodu stabbilit, ma jkunx sar użu minnha wara t-taqsim ġdid mod ieħor skond il-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Istat Membru għandu jadotta kriterji oġġettivi oħra wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni.

It-taqsim ġdid mod ieħor ta’ l-imposta ż-żejda għandu jitlesta 15-il xahar wara t-tmiem tal-perjodu ta’ 12-il xahar li ssemma mill-aktar tard.”

19

L-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li l-imposta tkun iddebitata b’mod korrett u li jaqa’ fuq il-produtturi li kkontribwew għall-eċċess.”

Ir‑Regolament (KE) Nru 1468/2006

20

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1468/2006 tal‑4 ta’ Ottubru 2006, li jemenda r-Regolament Nru 595/2004 (ĠU 2008, L 338M, p. 526, rettifika fil-ĠU 2009, L 76M, p. 291), li daħal fis-seħħ fit‑12 ta’ Ottubru 2006, jgħid fil-premessa 5 tiegħu:

“Skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament [Nru 595/2004], l-Istati Membri jiddeterminaw il-kategoriji ta prijorità tal-produtturi għad-distribuzzjoni mill-ġdid tad-dazju żejjed abbażi ta’ wieħed jew aktar kriterji objettivi. L-esperjenza turi li l-Istati Membri jeħtieġu aktar ċarezza u flessibbiltà għad-definizzjoni tal-kategoriji ta’ prijorità.”

21

L-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 595/2004, kif emendat bir-Regolament Nru 1468/2006 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 595/2004 kif emendat”), huwa fformulat kif ġej:

“1.   Meta jkun xieraq, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kategoriji ta’ prijorità tal-produtturi msemmija fl-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament [Nru 1788/2003], fuq il-bażi ta’ wieħed jew aktar mill-kriterji oġġettivi li ġejjin:

(a)

rikonoxximent formali mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li l-imposta kollha jew parti minnha kienet iddebitata b’mod ħażin;

(b)

il-lokalità ġeografika tal-azjenda, u primarjament żoni tal-muntanji […]

(ċ)

id-densità massima tal-istokk tal-azjenda għall-iskop ta’ produzzjoni estensiva tal-bhejjem;

(d)

il-kwantità ta’ referenza individwali tinqabeż b’inqas minn 5 % jew inqas minn 15000 [kilogrammi], skont liema jkun l-inqas;

(e)

il-livell tal-kwantità ta’ referenza individwali ikun inqas minn 50 % tal-medja nazzjonali ta’ kwantità ta’ referenza individwali;

(f)

kriterji objettivi oħra adottati mill-Istat Membru wara li jikkonsulta mal-Kummissjoni.

2.   It-taqsim ġdid mod ieħor tal-imposta ż-żejda għandu jitlesta ħmistax-il xahar wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tnax-il xahar li ssemma mill-aktar tard.”

Id‑dritt Taljan

Id‑Digriet‑Liġi Nru 49/2003

22

Id-decreto-legge n. 49 – Riforma della normativa in tema di applicazione del prelievo supplementare nel settore del latte e dei prodotti lattiero-caseari (id-Digriet-Liġi Nru 49 li Jirriforma l-Leġiżlazzjoni dwar l-Applikazzjoni tal-Imposta Addizzjonali fis-Settur tal-Ħalib u tal-Prodotti mill-Ħalib), tat‑28 ta’ Marzu 2003 (GURI Nru 75, tal‑31 ta’ Marzu 2003), ikkonvertit f’liġi, b’emendi, bil-Liġi Nru 119, tat‑30 ta’ Mejju 2003 (GURI Nru 124, tat‑30 ta’ Mejju 2003), (iktar ’il quddiem id-“Digriet‑Liġi Nru 49/2003”), jipprevedi, fl-Artikolu 5(1) u (2) tiegħu:

“1.   Fi żmien xahar wara x-xahar ta’ referenza, ix-xerrejja għandhom jittrażmettu lir-reġjuni u lill-provinċji awtonomi li ħarġulhom awtorizzazzjoni d-data li tirriżulta mill-aġġornament tar-reġistru mensili miżmum b’applikazzjoni tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 1392/2001, anki meta huma ma ħadux kunsinna ta’ ħalib. Ix-xerrejja għandhom inaqqsu l-imposta addizzjonali, ikkalkolata abbażi tal-Artikolu 1 tar-[Regolament Nru 3950/92], kif emendat, fir-rigward tal-ħalib ikkunsinnat b’eċċedent tal-kwantità ta’ referenza individwali allokata għal kull produttur ikkonċernat, b’teħid inkunsiderazzjoni ta’ varjazzjonijiet matul il-perijodu. […]

2.   Fi żmien 30 jum mill-iskadenza tal-perijodu msemmi fil-punt 1, […], ix-xerrejja għandhom iħallsu l-ammonti mnaqqsa fil-kont kurrenti miftuħ għal dan il-għan mal-istituzzjoni finanzjarja tal-AGEA u jibagħtu lir-reġjuni u lill-provinċji awtonomi l-kopja tal-provi ta’ ħlas jew ta’ depożiti msemmija fil-punt 6.”

23

L-Artikolu 9 tad-Digriet‑Liġi Nru 49/2003, intitolat “Rimbors tal-imposta żejda”, jipprovdi:

“1.   Fl-aħħar ta’ kull perijodu, l-AGEA:

a)

għandha tfassal dikjarazzjoni tal-kunsinni tal-ħalib magħmula u l-ammont totali tal-imposta mħallsa mix-xerrejja wara l-eżekuzzjoni tal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 5;

b)

għandha tikkalkola l-imposta nazzjonali totali dovuta lill-Unjoni Ewropea għall-produzzjoni eċċedenti fil-kunsinni;

c)

għandha tikkalkola l-ammont tal-imposta żejda;

[…]

3.   L-ammont imsemmi fil-punt 1(c), imnaqqas bl-ammont imsemmi fil-paragrafu 2, għandu jinqasam bejn il-produtturi li għandhom kwoti li ħallsu l-imposta, skont il-kriterji u fl-ordni li ġejjin:

a)

bejn il-produtturi li fir-rigward tagħhom it-totalità jew parti mill-imposta applikata lilhom inġabret indebitament jew ma għadhiex dovuta;

b)

bejn il-produtturi li l-operat tagħhom jinsab fiż-żoni muntanjużi […]

c)

bejn il-produtturi li l-operat tagħhom jinsab fiż-żoni żvantaġġati […]

c‑bis) bejn il-produtturi li jkunu sofrew, b’applikazzjoni ta’ deċiżjoni tal-awtorità sanitarja kompetenti, projbizzjoni ta’ movimenti ta’ annimali f’żoni milquta minn mard li jittieħed, għal mill-inqas 90 jum matul perijodu ta’ kummerċjalizzazzjoni, u li, għal din ir-raġuni, kienu mġiegħla jipproduċu kwantità superjuri […]

4.   Jekk is-somma tal-imsemmija rimborsi tkun inqas mill-ammont previst fil-punt 3, il-bilanċ għandu jinqasam bejn il-produtturi li għandhom kwoti li ħallsu l-imposta, ħlief għal dawk li eċċedew il-kwantità ta’ referenza individwali tagħhom b’iktar minn 100 fil-mija, skont il-kriterji u fl-ordni li ġejjin […]”

Id-Digriet‑Liġi Nru 157/2004

24

Fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, id-decreto-legge n. 157 - Disposizioni urgenti per l’etichettatura di alcuni prodotti agroalimentari, nonché in materia di agricoltura e pesca (id-Digriet‑Liġi Nru 157 - Miżuri urġenti ta’ ttikkettjar ta’ ċerti prodotti agroalimentari, kif ukoll fil-qasam tal-agrikoltura u tas-sajd), tal‑24 ta’ Ġunju 2004 (GURI Nru 147, tal‑25 ta’ Ġunju 2004), ikkonvertit f’liġi, b’emendi, permezz tal-Liġi Nru 204, tat‑3 ta’ Awwissu 2004 (GURI Nru 186, tal‑10 ta’ Awwissu 2004) (iktar ’il quddiem id-“Digriet‑Liġi Nru 157/2004”), jipprevedi, fl-Artikolu 2(3):

“Skont l-Artikolu 9 [tad-Digriet‑Liġi Nru 49/2003], ammonti mħallsa żejda tal-imposta mħallsa kull xahar mill-produtturi b’mod regolari mal-pagamenti għandhom jitħallsu lura lill-produtturi. Fl-aħħar ta’ dik l-operazzjoni, jekk il-bilanċ totali tal-allokazzjonijiet tal-imposta li għandhom isiru jirriżulta ogħla mill-ammont tal-imposta dovuta lill-[Unjoni], biż-żieda ta’ 5 %, l-AGEA għandha tikkanċella l-imposta mħallsa żejda għall-produtturi li għadhom ma għamlux il-ħlasijiet ta’ kull xahar, billi tapplika l-kriterji ta’ prijorità previsti fl-Artikolu 9(3) u (4), bla ħsara għas-sanzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(5) tal-istess digriet‑liġi.”

It‑tilwima fil‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

25

Fit‑2 ta’ Ottubru 2006, l-AGEA bagħtet lix-xerrej Latte Più Srl, kumpannija rregolata mid-dritt Taljan, komunikazzjoni li tikkonċerna, għall-perijodu ta’ referenza, l-imposti addizzjonali dovuti mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

26

Minn din il-komunikazzjoni jirriżulta li, skont l-Artikolu 9 u l-Artikolu 10(27) u (28) tad-Digriet‑Liġi Nru 49/2003, kienu saru kalkoli bil-għan li jsir, għall-benefiċċju tal-produtturi, ir-rimbors tal-imposta żejda relatata mal-kunsinni ta’ ħalib tal-baqar matul is-sena tal-ħalib 2005/2006, abbażi tal-kwantitajiet ta’ referenza individwali kif ukoll tad-dikjarazzjonijiet ta’ kull xahar ta’ kunsinna u ta’ ħlas ippreżentati mill-impriżi xerrejja. Skont l-imsemmija komunikazzjoni, il-produtturi li ssodisfaw b’mod sħiħ l-obbligu ta’ ħlas tal-imposta addizzjonali kienu ser jibbenefikaw mill-imsemmi rimbors, abbażi tad-dikjarazzjonijiet ta’ ħlas ippreżentati mix-xerrejja u wara li dawn ikunu ġew ivverifikati.

27

Fl-anness tal-komunikazzjoni msemmija fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, l-AGEA kienet hemżet skeda intitolata “Lista tal-imposti għal kull xerrej – Perijodu 2005/2006”, li tindika, għal kull produttur, l-ammonti tal-imposti diġà mħallsa u kkonfermati kif ukoll l-ammonti li għandhom jitħallsu lura, ikkalkolati skont l-Artikolu 9(3) u (4) tad-Digriet‑Liġi Nru 49/2003. F’dan ir-rigward, l-AGEA ppreċiżat li l-impriża li tixtri kienet obbligata tħallas is-somom imħallsa lura lill-produtturi li wettqu l-kunsinni u, fil-kwalità ta’ surroga tal-produtturi, li tħallas lill-AGEA s-somom meħtieġa f’din l-iskeda, sabiex l-AGEA tkun tista’ tosserva l-obbligu, impost fuq ir-Repubblika Taljana, li tagħti lura dawn l-ammonti lill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG).

28

Permezz ta’ rikors ippreżentat quddiem it-Tribunale amministrativo regionale del Lazio – sede di Roma (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio – sede ta’ Ruma, l-Italja), ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbu l-annullament ta’ din il-komunikazzjoni, billi sostnew, b’mod partikolari, li, billi stabbilixxa s-sistema ta’ ħlas lura prevista fl-Artikolu 2(3) tad-Digriet-Liġi Nru 157/2004, il-leġiżlatur Taljan kien kiser l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1788/2003 kif ukoll l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 595/2004.

29

Peress li dan ir-rikors ġie miċħud, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali adixxew lill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), il-qorti tar-rinviju.

30

Fir-rigward tar-ridistribuzzjoni tal-imposta żejda, dik il-qorti tindika b’mod partikolari li, għalkemm il-leġiżlatur Taljan ippreveda kategorija prijoritarja ta’ produtturi abbażi tal-kriterju oġġettiv previst fl-Artikolu 9(3)(a) tad-Digriet-Liġi Nru 49/2003, jiġifieri “il-produtturi li fir-rigward tagħhom it-totalità jew parti mill-imposta applikata lilhom inġabret indebitament jew ma għadhiex dovuta”, huwa jidher li ppreveda wkoll, fl-Artikolu 2(3) tad-Digriet-Liġi Nru 157/2004, kategorija prijoritarja ta’ produtturi li, mhux biss jissodisfaw l-imsemmi kriterju oġġettiv, iżda li għalihom, barra minn hekk, l-imposta tħallset b’mod regolari fuq bażi mensili.

31

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, skont id-Digriet-Liġi Nru 157/2004, il-fażi tal-ħlas tal-imposta lill-AGEA, li taqa’ taħt ir-responsabbiltà u l-azzjoni tax-xerrej, hija marbuta ma’ dik tal-ħlas lura lill-produttur tal-imposta indebitament miġbura, sa fejn, fil-kuntest tal-ħlasijiet lura, dan id-digriet‑liġi jagħti “dritt” prijoritarju lill-produtturi li fir-rigward tagħhom ix-xerrej mhux biss irċieva, iżda wkoll ħallas, kull xahar u fuq bażi regolari, l-imposta lill-AGEA.

32

Il-qorti tar-rinviju tqis ukoll li, b’mod differenti mill-qafas leġiżlattiv inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2019, Caseificio Sociale San Rocco et (C‑46/18, EU:C:2019:706), id-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti Nru 1788/2003 u Nru 595/2004 ta lok għall-obbligu, u mhux is-sempliċi fakultà, għax-xerrej li jżomm f’ras il-għajn, bħala imposta addizzjonali, is-somom dovuti mill-produtturi li jkunu wettqu kunsinni żejda ta’ ħalib, li, f’din il-kawża, ikun jiġġustifika li ssir lill-Qorti tal-Ġustizzja domanda differenti u awtonoma minn dawk magħmula fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza.

33

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“F’sitwazzjoni bħalma hija dik [inkwistjoni fil-kawża prinċipali], l-Artikolu 16 tar-Regolament [Nru 595/2004] jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali bħal dik tal-Artikolu 9 tad-Digriet Liġi Nru 49/2003 moqri flimkien mal-Artikolu 2(3) tad-Digriet Liġi Nru 157/2004 tal‑24 ta’ Ġunju 2004, li tipprevedi, bħala kriterju għall-identifikazzjoni tal-kategorija prijoritarja [ta’ produtturi] li lilha għandha tiġi rrestitwita imposta indebitament irċevuta, dak ta’ jekk ix-xerrej wettaqx ħlas regolari ta’ kull xahar [tal-imposta]?”

Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

34

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑4 ta’ Lulju 2019, il-proċedura f’din il-kawża ġiet sospiża sakemm tingħata d-deċiżjoni li tagħlaq il-proċedura fil-Kawża C‑46/18, Caseificio Sociale San Rocco et.

35

Wara l-għoti tas-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2019, Caseficio Sociale San Rocco et (C‑46/18, EU:C:2019:706), il-Qorti tal-Ġustizzja staqsiet lill-qorti tar-rinviju jekk xtaqitx iżżomm jew tirtira t-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, u din tal-aħħar ma weġbitx.

36

Il-proċedura f’din il-kawża tkompliet fl‑1 ta’ Lulju 2020.

Fuq id‑domanda preliminari

37

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tikkonstata u tevalwa l-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali kif ukoll li tiddetermina l-portata eżatta tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali (sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Fonds du Logement de la Région de Bruxelles-Capitale, C‑632/18, EU:C:2019:833, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). Hija biss il-Qorti tal-Ġustizzja li hija awtorizzata tagħti deċiżjonijiet dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal-Unjoni fid-dawl tas-sitwazzjoni fattwali u legali kif deskritta mill-qorti tar-rinviju, sabiex tagħti lil din tal-aħħar l-informazzjoni utli għas-soluzzjoni tat-tilwima mressqa quddiemha (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Onofrei,C‑218/19, EU:C:2020:1034, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Konsegwentement, minkejja li l-Gvern Taljan jikkontesta l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali magħmula mill-qorti tar-rinviju, li tgħid li l-Artikolu 2(3) tad-Digriet‑Liġi Nru 157/2004 jistabbilixxi kategorija prijoritarja ta’ produtturi li fir-rigward tagħhom mhux biss l-imposta għandha tinġabar indebitament, kif jipprevedi l-Artikolu 9(3)(a) tad-Digriet-Liġi Nru 49/2003, iżda li fir-rigward tagħhom ukoll ix-xerrej għandu jkun irċieva u ħallas, kull xahar u b’mod regolari, l-imposta lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru, għandha tingħata risposta għad-domanda magħmula abbażi tal-premessa, esposta fid-deċiżjoni tar-rinviju, li d-dritt Taljan jistabbilixxi tali kategorija.

39

Għaldaqstant, id-domanda magħmula għandha tinftiehem bħala li hija intiża, essenzjalment, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 595/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha bħala effett li r-rimbors tal-imposta żejda miġbura għandu jibbenefika, bi prijorità, lill-produtturi li fir-rigward tagħhom ix-xerrejja ssodisfaw l-obbligu tagħhom ta’ ħlas fix-xahar ta’ din l-imposta.

40

Kif jirriżulta mill-formulazzjoni tiegħu, l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 1788/2003 jipprevedi li, meta jiġi stabbilit, għall-kunsinni jew għall-bejgħ diretti, li l-imposta hija dovuta u li l-kontribuzzjoni miġbura mill-produtturi hija ogħla mill-ammont dovut, l-Istat Membru jista’ jirrimborsa l-ammont żejjed miġbur parzjalment jew kollu lill-produtturi li jidħlu fil-kategoriji prijoritarji stabbiliti mill-Istat Membru abbażi ta’ kriterji oġġettivi u f’termini li għandhom jiġu stabbiliti jew li huma kkonfrontati b’sitwazzjoni eċċezzjonali li tirriżulta minn dispożizzjoni nazzjonali li ma għandha l-ebda rabta mal-iskema ta’ imposta addizzjonali.

41

Skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1788/2003, meta jiġi stabbilit li l-ebda imposta ma hija dovuta, il-ħlasijiet bil-quddiem ta’ kontribuzzjoni eventwalment miġbura mix-xerrej jew mill-Istat Membru għandhom jiġu rrimborsati mhux iktar tard mit-tmiem tal-perijodu ta’ tnax-il xahar segwenti.

42

Il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 1788/2003 huma ppreċiżati fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 595/2004, li jistabbilixxi l-kriterji ta’ ridistribuzzjoni tal-imposta żejda. Skont din l-aħħar dispożizzjoni, l-Istati Membri jistabbilixxu l-kategoriji prijoritarji ta’ produtturi msemmija fl-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 1788/2003, skont kriterju oġġettiv wieħed jew iktar elenkati fil-punti (a) sa (e) tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 595/2004 skont l-ordni ta’ prijorità. Fl-Artikolu 16(1)(a) tar-Regolament Nru 595/2004 hemm il-kriterju dwar ir-rikonoxximent formali mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-ġbir indebitu tal-imposta kollha jew ta’ parti minnha.

43

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 595/2004 jipprevedi li meta l-ammont żejjed miġbur, imsemmi fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1788/2003, disponibbli għall-perjodu speċifiku, ma jkunx intuża totalment wara r-ridistribuzzjoni magħmula skont il-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 595/2004, l-Istat Membru għandu jadotta kriterji oġġettivi oħra wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni.

44

Għalhekk, mill-formulazzjoni nnifisha tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 595/2004 jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu kriterji addizzjonali għal dawk iddefiniti fl-Artikolu 16(1) ta’ dan ir-regolament biss fil-każ fejn ir-ridistribuzzjoni mwettqa konformement ma’ dawn il-kriterji ma tkunx eżawrixxiet l-ammont żejjed miġbur imsemmi fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1788/2003.

45

Tali interpretazzjoni hija kkorroborata mill-kuntest leġiżlattiv li jagħmel parti minnu l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 595/2004.

46

B’dan il-mod, l-ewwel, dan l-Artikolu 16 jistabbilixxi l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 1788/2003. Issa, minn din l-aħħar dispożizzjoni jirriżulta li, għalkemm l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jirrimborsaw jew le l-ammont żejjed miġbur, ir-rimbors, jekk huma jiddeċiedu hekk, isir lill-produtturi li jidħlu fil-kategoriji prijoritarji stabbiliti mill-Istat Membru abbażi tal-kriterji oġġettivi li għandhom jiġu stabbiliti skont il-proċedura indikata f’dan ir-regolament jew li huma kkonfrontati b’sitwazzjoni eċċezzjonali li tirriżulta minn dispożizzjoni nazzjonali li ma għandha l-ebda rabta mal-iskema ta’ imposta addizzjonali. Minn dan isegwi li l-marġni ta’ diskrezzjoni rriżervat għall-Istat Membru għad-determinazzjoni tal-kategoriji prijoritarji huwa limitat mill-kriterji stabbiliti fir-Regolament Nru 595/2004.

47

It-tieni, mill-premessa 1 tar-Regolament Nru 595/2004 jirriżulta li d-dispożizzjonijiet ta’ dan jintegraw fil-parti l-kbira d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1392/2001. Il-formulazzjoni tal-Artikolu 16(1) u tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 595/2004 hija analoga għal dik tal-Artikolu 9(1) u (2) tar-Regolament Nru 1392/2001.

48

Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kriterji previsti fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1392/2001 kienu eżawrjenti u li l-Istati Membri setgħu jżidu kriterji addizzjonali biss fil-każ fejn l-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, b’ordni ta’ prijorità, ma kinitx teżawrixxi l-finanzjament disponibbli għal perijodu speċifiku (sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2019, Caseficio Sociale San Rocco et, C‑46/18, EU:C:2019:706, punt 38).

49

It-tielet, kif jirriżulta mill-premessa 5 tar-Regolament Nru 1468/2006, dan ir-regolament emenda l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 595/2004 sabiex jirrispondi għal-bżonn tal-Istati Membri għal iktar ċarezza u flessibbiltà fid-determinazzjoni tal-kategoriji prijoritarji. L-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 595/2004 kif emendat ma għadux jipprevedi li l-kriterji oġġettivi li huma riprodotti f’din id-dispożizzjoni għandhom jiġu applikati b’ordni ta’ prijorità u jipprevedi, fil-punt (f) tiegħu, il-possibbiltà għall-Istati Membri li jadottaw kriterji oġġettivi oħra wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni. Hija biss din id-dispożizzjoni, li daħlet fis-seħħ wara l-adozzjoni tal-komunikazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif prevista fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, li neħħiet il-kundizzjoni li l-Istati Membri setgħu jżidu kriterji addizzjonali ma’ dawk previsti fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 595/2004 biss fil-każ fejn l-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji msemmija l-aħħar, b’ordni ta’ prijorità, ma kinitx teżawrixxi l-finanzjament disponibbli għal perijodu speċifiku.

50

Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-kriterji previsti fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 595/2004, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ matul il-perijodu ta’ referenza, huma eżawrjenti u li l-Istati Membri setgħu jżidu kriterji addizzjonali biss fil-każ fejn l-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, b’ordni ta’ prijorità, ma kinitx teżawrixxi l-finanzjament disponibbli għal perijodu speċifiku.

51

Issa, l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 595/2004 ma jsemmix, bħala kriterju ta’ ridistribuzzjoni tal-imposta żejda, il-fatt ta’ appartenenza għall-kategorija tal-produtturi tal-ħalib li fir-rigward tagħhom ix-xerrejja tal-ħalib wettqu l-obbligu tagħhom ta’ ħlas regolari fix-xahar tal-imposta addizzjonali lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru.

52

Konsegwentement, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 595/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha bħala effett li r-rimbors tal-ammont żejjed miġbur tal-imposta addizzjonali għandu jibbenefika, bi prijorità, lill-produtturi li fir-rigward tagħhom ix-xerrejja ssodisfaw l-obbligu tagħhom li jħallsu kull xahar din l-imposta.

Fuq l‑ispejjeż

53

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn ir-raġunijiet, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 16(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 595/2004 tat‑30 ta’ Marzu 2004 li jniżżel regoli dettaljati biex japplika r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1788/2003 li jistabbilixxi imposta fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha bħala effett li r-rimbors tal-ammont żejjed miġbur tal-imposta addizzjonali għandu jibbenefika, bi prijorità, lill-produtturi li fir-rigward tagħhom ix-xerrejja ssodisfaw l-obbligu tagħhom li jħallsu kull xahar din l-imposta.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.