SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

25 ta’ Novembru 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Artikolu 102 TFUE – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Kunċett ta’ ‘prezzijiet inġusti’ – Kumpannija ta’ mmaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur – Sitwazzjoni ta’ monopolju de facto – Pożizzjoni dominanti – Abbuż – Eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet mużikali matul festivals tal-mużika – Skala tariffarja bbażata fuq id-dħul gross mill-bejgħ ta’ biljetti tad-dħul – Relazzjoni raġonevoli mas-servizz tal-kumpannija ta’ mmaniġġjar kollettiv – Determinazzjoni tal-parti mir-repertorju mużikali tal-kumpannija ta’ mmaniġġjar kollettiv effettivament eżegwita”

Fil-Kawża C‑372/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-ondernemingsrechtbank Antwerpen (il-Qorti tal-Impriżi ta’ Antwerpen, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Frar 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Mejju 2019, fil-proċedura

Belgische Vereniging van Auteurs, Componisten en Uitgevers CVBA (SABAM),

vs

Weareone.World BVBA,

Wecandance NV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-funzjoni tiegħu ta’ Mħallef tal-Ħames Awla, M. Ilešič (Relatur), C. Lycourgos u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑27 ta’ Mejju 2020,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Belgische Vereniging van Auteurs, Componisten en Uitgevers CVBA (SABAM), minn B. Michaux, O. Sasserath, G. Ryelandt, E. Deturck u J. Vrebos, advocaten,

għal Weareone.World BVBA, minn C. Curtis, E. Monard u K. Geelen, advocaten,

għal Wecandance NV, minn P. Walravens, T. De Meese u C. Lebon, advocaten,

għall-Gvern Belġjan, minn J.‑C. Halleux, S. Baeyens, L. Van den Broeck u C. Pochet, bħala aġenti, assistiti minn P. Goffinet u S. Depreeuw, advocaten,

għall-Gvern Franċiż, minn P. Dodeller, A.‑L. Desjonquères u A. Daniel, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Samnadda, F. van Schaik u C. Zois, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑16 ta’ Lulju 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE, moqri flimkien, jekk ikun il-każ, mal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2014/26/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u l-għoti ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet fuq xogħlijiet mużikali bil-ħsieb li jintużaw online fis-suq intern (ĠU 2014, L 84, p. 72).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn il-Belgische Vereniging van Auteurs, Componisten en Uitgevers CVBA (SABAM) u Weareone.World BVBA u Wecandance NV dwar ir-royalties mitluba minn dawn tal-aħħar mis-SABAM fir-rigward tad-drittijiet tal-awtur.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessa 8 tad-Direttiva 2014/26 tiddikjara li:

“L-għan ta’ din id-Direttiva hu li tipprovdi għal koordinazzjoni tar-regoli nazzjonali li jikkonċernaw l-aċċess għall-attività ta’ mmaniġġjar tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati mill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv, il-modalitajiet għall-governanza tagħhom, u l-qafas superviżorju tagħhom […]”

4

L-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva, intitolat “Ħruġ ta’ liċenzji”, jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv u l-utenti għandhom jidħlu f’negozjati għall-ħruġ ta’ liċenzji tad-drittijiet in bona fede. L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv u l-utenti għandhom jipprovdu lil xulxin bl-informazzjoni kollha meħtieġa.

2.   It-termini għal ħruġ ta’ liċenzji għandhom ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji. […].

Id-detenturi tad-drittijiet għandhom jirċievu remunerazzjoni xierqa għall-użu tad-drittijiet tagħhom. Tariffi għal drittijiet esklussivi u għal drittijiet ta’ rimunerazzjoni għandhom ikunu raġonevoli fir-rigward ta’, inter alia, il-valur ekonomiku tal-użu tad-drittijiet innegozjati b’kunsiderazzjoni tan-natura u tal-ambitu tal-użu tax-xogħol u ta’ suġġetti oħra, kif ukoll fir-rigward tal-valur ekonomiku tas-servizz provdut mill-organizzazzjoni tal-immaniġġjar kollettiv. L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom jinformaw lill-utent ikkonċernat dwar il-kriterji użati għat-tfassil ta’ dawk it-tariffi.

[…]”

Id-dritt Belġjan

5

Id-Direttiva 2014/26 ġiet trasposta fid-dritt Belġjan permezz tal-Wet van 8 juni 2017 tot omzetting in Belgisch recht van de richtlijn 2014/26/EU van het Europees Parlement en de Raad van 26 februari 2014 betreffende het collectieve beheer van auteursrechten en naburige rechten en multiterritorjali licentieverlening van rechten inzake muziekwerken voor het online gebruik (il-Liġi tat-8 ta’ Ġunju 2017 li Tittrasponi fid-Dritt Belġjan id-Direttiva 2014/26/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u l-għoti ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet fuq xogħlijiet mużikali bil-ħsieb li jintużaw online fis-suq intern) (Belgisch Staatsblad tas‑27 ta’ Ġunju 2017, p. 68276).

6

L-Artikolu 63 ta’ din il-liġi emenda l-Artikolu XI.262 tal-Kodiċi tad-Dritt Ekonomiku kif ġej:

“§ 1.   Il-kundizzjonijiet għal ħruġ ta’ liċenzji għandhom ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji. […].

Id-detenturi tad-drittijiet għandhom jirċievu remunerazzjoni xierqa għall-użu tad-drittijiet tagħhom. It-tariffi applikati għal drittijiet esklużivi u għal drittijiet ta’ remunerazzjoni għandhom ikunu raġonevoli fir-rigward, inter alia, tal-valur ekonomiku tal-użu tad-drittijiet innegozjati, b’kunsiderazzjoni tan-natura u tal-ambitu tal-użu tax-xogħol u ta’ prestazzjonijiet oħra, kif ukoll fir-rigward tal-valur ekonomiku tas-servizz ipprovdut mill-korp ta’ mmaniġġjar kollettiv. Il-kumpanniji ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom jinformaw lill-utent ikkonċernat dwar il-kriterji użati għat-tfassil ta’ dawk it-tariffi.

[…]”

Il-kawżi prinċipali u d-domanda preliminari

7

Is-SABAM hija kumpannija kummerċjali bi skop ta’ lukru, li, minħabba l-pożizzjoni tagħha ta’ soċjetà unika għall-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur fil-Belġju, għandha f’dan it-territorju monopolju de facto fis-suq tal-ġbir u tat-tqassim tal-ħlasijiet dovuti abbażi tad-drittijiet tal-awtur għar-riproduzzjoni u l-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet mużikali.

8

Weareone.World u Wecandance organizzaw, rispettivament mis-snin 2005 u 2013, il-festivals annwali Tomorrowland u Wecandance. Matul diversi edizzjonijiet ta’ dawn l-avvenimenti, intużaw xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur, li l-ġestjoni tagħhom hija żgurata mis-SABAM.

9

Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, il-livell tat-tariffi mitluba mis-SABAM mingħand dawn l-organizzaturi ta’ festivals huwa ddeterminat abbażi tat-tariffa msejħa “211” tas-SABAM (iktar ’il quddiem it-“tariffa 211”).

10

It-tariffa 211, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawżi prinċipali, tinkludi żewġ listi differenti, li l-applikazzjoni tagħhom hija mħollija għall-għażla libera tas-SABAM. Din tal-aħħar tista’ tapplika kemm “tariffa minima”, ikkalkolata abbażi tas-superfiċji tal-ħoss jew abbażi tan-numru ta’ postijiet bilqiegħda disponibbli, jew, kif kien il-każ f’dan il-każ, “tariffa bażika”.

11

It-tariffa bażika hija kkalkolata abbażi tad-dħul gross miksub mill-bejgħ ta’ biljetti, inkluż tal-valur tal-biljetti li jkunu ngħataw bħala korrispettiv tal-isponsorizzazzjoni, wara t-tnaqqis tal-ispejjeż ta’ riżervazzjoni, tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) u tat-taxxi komunali eventwali dovuti jew, alternattivament, abbażi tal-baġit artistiku, jiġifieri l-ammonti mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-artisti għall-eżekuzzjoni tal-programm tagħhom, meta t-total ta’ dan il-baġit artistiku jeċċedi d-dħul gross li jirriżulta mill-bejgħ tal-biljetti. Din it-tariffa bażika tinkludi tmien porzjonijiet distinti ta’ dħul, li għalihom tiġi applikata rata ta’ tariffa digressiva.

12

Organizzatur ta’ festival jista’ jikseb tnaqqis applikat fuq l-imsemmija tariffa bażika, skont il-proporzjon ta’ xogħlijiet mużikali li ġejjin mir-repertorju tas-SABAM li jiġu effettivament eżegwiti waqt l-avveniment. B’hekk, dment li l-organizzatur ikun ikkomunika lis-SABAM, f’terminu stabbilit, il-lista ta’ xogħlijiet eżegwiti waqt l-avveniment, dan tal-aħħar ikun jista’ jikseb tnaqqis applikat fuq it-tariffa bażika, bil-mod segwenti: jekk inqas minn 1/3 tax-xogħlijiet mużikali eżegwiti joriġinaw mir-repertorju tas-SABAM, din tal-aħħar tapplika 1/3 tat-tariffa bażika; jekk inqas minn 2/3 tax-xogħlijiet mużikali eżegwiti joriġinaw mir-repertorju tas-SABAM, din tal-aħħar tapplika 2/3 tat-tariffa bażika; fl-aħħar, jekk tal-inqas 2/3 tax-xogħlijiet mużikali eżegwiti joriġinaw mill-imsemmi repertorju, is-SABAM tapplika t-tariffa bażika fit-totalità tagħha (iktar ’il quddiem ir-“regola 1/3–2/3”).

13

Permezz ta’ ċitazzjonijiet tat‑13 ta’ April u tal‑5 ta’ Mejju 2017, is-SABAM ressqet, quddiem il-qorti tar-rinviju, azzjonijiet kontra, minn naħa, Weareone.World u, min-naħa l-oħra, Wecandance sabiex dawn tal-aħħar jiġu kkundannati jħallsuha somom li jikkorrispondu għall-ħlas tad-drittijiet tal-awtur li għalihom huma responsabbli dawn l-organizzaturi ta’ festivals skont it-tariffa bażika prevista fit-tariffa 211, rispettivament għall-edizzjonijiet tal-2014, 2015 u 2016 tal-festival Tomorrowland u għall-edizzjonijiet mill‑2013 sal‑2016 tal-festival Wecandance.

14

Quddiem il-qorti tar-rinviju, Weareone.World u Wecandance kkontestaw il-legalità tat-tariffa 211 minħabba li l-ħlasijiet ikkalkolati abbażi ta’ din it-tariffa ma jikkorrispondux għall-valur ekonomiku tas-servizzi pprovduti mis-SABAM, bi ksur tal-Artikolu 102 TFUE.

15

B’mod partikolari, dawn l-organizzaturi ta’ festivals sostnew, l-ewwel nett, li r-regola 1/3–2/3 ma hijiex preċiża biżżejjed. F’dan ir-rigward, huwa possibbli, permezz ta’ teknoloġiji moderni, li jiġu identifikati b’mod iktar preċiż ix-xogħlijiet mużikali li ġejjin mir-repertorju tas-SABAM li huma effettivament eżegwiti kif ukoll it-tul tagħhom.

16

It-tieni nett, l-organizzaturi tal-festivals jallegaw li s-SABAM tikkalkola t-tariffa bażika abbażi tad-dħul gross mill-bejgħ ta’ biljetti jew abbażi tal-baġit artistiku mingħajr, madankollu, ma tippermettilhom inaqqsu minn dan id-dħul gross l-ispejjeż kollha sostnuti għall-organizzazzjoni ta’ dawn il-festivals li ma għandhomx relazzjoni max-xogħlijiet mużikali eżegwiti waqt dawn l-avvenimenti.

17

F’dan il-kuntest, dawn l-organizzaturi jirrilevaw li d-dħul mill-bejgħ ta’ biljetti ma għandux rabta mal-valur ekonomiku tas-servizz ipprovdut mis-SABAM, peress li din tal-aħħar tista’ titlob, għall-użu tal-istess xogħlijiet tar-repertorju tagħha, remunerazzjoni ogħla matul l-avvenimenti li d-dritt tad-dħul tagħhom huwa ogħla. Issa, id-dispożizzjoni tal-persuni li jiffrekwentaw il-festival li jħallsu tali ammont ikbar għad-dħul tirriżulta minn fatturi indipendenti mis-servizzi tas-SABAM, bħall-isforzi tal-organizzaturi biex jagħmlu l-festival “esperjenza totali”, l-infrastruttura proposta jew inkella l-kwalità tal-artisti jew tal-prestaturi.

18

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-kwistjoni li tqum hija dwar jekk it-tariffa applikata mis-SABAM hijiex kompatibbli mal-Artikolu 102 TFUE kif ukoll mal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2014/26. B’mod partikolari, hija tistaqsi b’liema preċiżjoni għandha ssir tariffa stabbilita minn korp li jokkupa pożizzjoni dominanti sabiex dan ma jkunx tista’ jitqies li qiegħed jeżerċita abbuż minn tali pożizzjoni dominanti minħabba l-impożizzjoni ta’ tariffa inġusta.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ondernemingsrechtbank Antwerpen (il-Qorti tal-Impriżi ta’ Antwerpen, il-Belġju) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 102 TFUE, kemm meqjus flimkien ma’ jew mingħajr l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2014/26 […], għandu jiġu interpretat fis-sens li jkun hemm abbuż minn pożizzjoni dominanti meta kumpannija ta’ mmaniġġjar tad-drittijiet tal-awtur li jkollha monopolju de facto fi Stat Membru tapplika fir-rigward tal-organizzaturi ta’ avvenimenti mużikali, għad-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ kompożizzjonijiet mużikali, struttura ta’ remunerazzjoni, ibbażata b’mod partikolari fuq id-dħul mill-bejgħ,

1.

li tuża tariffa fissa f’biċċiet minflok tariffa kkalkolata fuq il-parti speċifika (bl-għajnuna ta’ għodod tekniċi avvanzati) tar-repertorju mużikali protett mill-kumpannija ta’ mmaniġġjar li jiġi eżegwit matul l-avveniment?

2.

li torbot ukoll ir-remunerazzjonijiet tal-liċenzja ma’ elementi esterni, bħall-prezz tad-dħul, il-prezz tal-affarijiet tal-ikel u tax-xorb, il-baġit artistiku għal dawk li jagħtu l-prestazzjoni mużikali kif ukoll il-baġit għal funzjonijiet oħra, bħad-dekor?”

Fuq id-domanda preliminari

20

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, din tal-aħħar għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża mressqa quddiemha. Minn din il-perspettiva, huwa l-obbligu, jekk ikun il-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu ġew ippreżentati lilha (sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2019, IT Development, C‑666/18, EU:C:2019:1099, punt 26, u tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Nederlands Uitgeversverbond u Groep Algemene Uitgevers, C‑263/18, EU:C:2019:1111, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

21

F’dan il-każ, hemm lok li jiġi rrilevat li, għalkemm il-qorti tar-rinviju qiegħda tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE, jekk ikun il-każ moqri flimkien mal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2014/26, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-domanda ta’ din il-qorti tirrigwarda speċifikament l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “abbuż ta’ pożizzjoni dominanti”, li ma jidhirx espressament f’dan l-Artikolu 16 u lanqas f’xi dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva, peress li din tal-aħħar għandha b’mod partikolari bħala għan, skont il-premessa 8 tagħha, li tikkoordina r-regoli nazzjonali dwar l-aċċess tal-korpi ta’ mmaniġġjar kollettiv għall-attività ta’ mmaniġġjar tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati, il-modalitajiet ta’ tmexxija ta’ dawn il-korpi kif ukoll il-kuntest tas-sorveljanza tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li d-domanda tal-qorti tar-rinviju tiġi eżaminata esklużivament fid-dawl tal-Artikolu 102 TFUE, filwaqt li madankollu l-imsemmi Artikolu 16 jinkludi, fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 tiegħu, kriterji rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk tali korp jimponix, waqt il-ġbir tat-tariffi dovuti abbażi tad-drittijiet tal-awtur, tariffi inġusti.

22

Għandu jiġi rrilevat ukoll li, permezz tat-tieni parti ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi speċifikament lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-rabta stabbilita, fit-tariffa 211, bejn, minn naħa, il-ħlasijiet mitluba u, min-naħa l-oħra, “elementi esterni”, bħalma huma l-prezz tad-dħul, il-prezz tal-konsum, il-baġit artistiku għall-interpreti jew il-prestaturi kif ukoll il-baġit għal xogħol ieħor, bħalma huwa d-dekorazzjoni.

23

Madankollu, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-ħlasijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġew ikkalkolati abbażi tad-dħul gross mill-bejgħ tal-biljetti, u mhux abbażi tal-baġit artistiku tal-organizzaturi. Barra minn hekk, il-kwistjoni dwar jekk l-ispejjeż sostnuti mill-organizzaturi, b’mod partikolari għad-dekorazzjoni, għandhomx ikunu jistgħu, kuntrarjament għal dak li huwa previst mit-tariffa 211, jitnaqqsu mid-dħul gross miksub mill-bejgħ tal-biljetti tad-dħul għall-finijiet tal-kalkolu tat-tariffa dovuta hija speċifikament is-suġġett tad-domanda magħmula.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 102 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li tikkostitwixxi abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, fis-sens ta’ dan l-artikolu, l-impożizzjoni, minn kumpannija ta’ mmaniġġjar kollettiv li għandha monopolju de facto fi Stat Membru, fuq l-organizzaturi ta’ avvenimenti mużikali, għad-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet mużikali, ta’ skala tariffarja li fiha, minn naħa, il-ħlasijiet dovuti abbażi tad-dritt tal-awtur huma kkalkolati fuq il-bażi ta’ tariffa applikata għad-dħul gross mill-bejgħ ta’ biljetti tad-dħul, mingħajr ma jkunu jistgħu jitnaqqsu minn dan id-dħul l-ispejjeż kollha marbuta mal-organizzazzjoni tal-festival li ma humiex marbuta max-xogħlijiet mużikali li jiġu eżegwiti fih, u, min-naħa l-oħra, tintuża sistema ta’ ħlas fiss f’biċċiet sabiex tiddetermina, fost dawn ix-xogħlijiet, il-parti minn dawn tal-aħħar li hija meħuda mir-repertorju ta’ din il-kumpannija ta’ mmaniġġjar.

25

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE, huwa inkompatibbli mas-suq intern u pprojbit, sa fejn il-kummerċ bejn l-Istati Membri jista’ jiġi affettwat, il-fatt li impriża waħda jew iktar tisfrutta b’mod abbużiv pożizzjoni dominanti fis-suq intern jew f’parti sostanzjali minnu. Kif jirriżulta mill-punt (a) tat-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu, l-impożizzjoni ta’ kundizzjonijiet inġusti ta’ tranżazzjoni minn impriża f’sitwazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti tikkostitwixxi abbuż minnha.

26

Qabelxejn, jeħtieġ li jitfakkar li kumpannija ta’ mmaniġġjar kollettiv, bħas-SABAM, tikkostitwixxi impriża li għaliha japplika l-Artikolu 102 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, OSA, C‑351/12, EU:C:2014:110, punt 80).

27

Fil-fatt, peress li tali kumpannija ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha monopolju tal-ġestjoni fit-territorju ta’ Stat Membru tad-drittijiet tal-awtur relatati ma’ kategorija ta’ xogħlijiet protetti, għandu jiġi kkunsidrat li hija għandha pożizzjoni dominanti f’parti sostanzjali tas-suq intern, fis-sens ta’ dan l-artikolu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, OSA, C‑351/12, EU:C:2014:110, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Fir-rigward tal-ħlasijiet mitluba minn kumpanniji ta’ mmaniġġjar kollettiv, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li l-aġir ta’ tali impriżi jista’ jikkostitwixxi abbuż u, għaldaqstant, jaqa’ taħt il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 102 TFUE jekk, meta jiġu biex jiffissaw il-livell ta’ ħlasijiet, tali kumpanniji jipprattikaw prezz eċċessiv mingħajr rabta raġonevoli mal-valur ekonomiku tas-servizz ipprovdut minn dawn il-kumpanniji, li jikkonsisti fit-tpoġġija, għad-dispożizzjoni tal-utenti, tar-repertorju sħiħ ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur immaniġġjati mill-imsemmija kumpanniji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Diċembru 2008, Kanal 5 u TV 4, C‑52/07, EU:C:2008:703, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata; tas‑27 ta’ Frar 2014, OSA, C‑351/12, EU:C:2014:110, punt 88; kif ukoll tal‑14 ta’ Settembru 2017, Autortiesību un komunicēšanās konsultāciju aģentūra – Latvijas Autoru apvienība, C‑177/16, EU:C:2017:689, punt 35).

29

Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina n-natura possibbilment eċċessiva ta’ tali ħlasijiet, fid-dawl tal-każ konkret li tkun adita bih u billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ April 1987, Basset, 402/85, EU:C:1987:197, punt 19, u tat‑13 ta’ Lulju 1989, Tournier, 395/87, EU:C:1989:319, punt 32).

30

Fil-kuntest ta’ din id-determinazzjoni, hija għandha, b’mod partikolari, tieħu inkunsiderazzjoni n-natura partikolari tad-drittijiet tal-awtur kif ukoll li tfittex ekwilibriju adegwat bejn l-interess tal-awturi ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur li jirċievu remunerazzjoni għall-użu ta’ dawn ix-xogħlijiet u dak tal-utenti li jkunu jistgħu jużaw l-imsemmija xogħlijiet f’kundizzjonijiet raġonevoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2008, Kanal 5 u TV 4, C‑52/07, EU:C:2008:703, punti 3031). Sabiex jiġi vverifikat jekk il-livell tat-tariffi imposti mill-kumpannija ta’ mmaniġġjar kollettiv huwiex ekwu mill-perspettiva kemm tad-dritt tal-awturi għal remunerazzjoni adegwata kif ukoll tal-interessi leġittimi tal-utenti, hemm lok, b’mod partikolari, li jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-valur ekonomiku tas-servizz ta’ mmaniġġjar kollettiv bħala tali, iżda wkoll in-natura u l-portata tal-użu tax-xogħlijiet, kif ukoll il-valur ekonomiku maħluq minn dan l-użu.

31

F’dan ir-rigward, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li għandu jiġi evalwat jekk hemmx sproporzjon eċċessiv bejn l-ispiża effettivament sostnuta u l-prezz effettivament mitlub u, jekk iva, li jiġi eżaminat jekk hemmx impożizzjoni ta’ prezz inġust kemm fuq livell assolut kif ukoll b’paragun mas-servizzi kompetituri, hija rrilevat ukoll li jeżistu metodi oħra li jippermettu li tiġi ddeterminata n-natura eċċessiva eventwali ta’ prezz (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2017, Autortiesību un komunicēšanās konsultāciju aģentūra – Latvijas Autoru apvienība, C‑177/16, EU:C:2017:689, punti 3637 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32

Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-ħlasijiet imposti mill-kumpanniji ta’ mmaniġġjar kollettiv, dawn il-metodi jistgħu, b’mod partikolari, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali, fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, jagħmlu paragun bejn il-prezz li n-natura ġusta tiegħu hija kkontestata u indizji ta’ referenza, bħall-prezzijiet ipprattikati fil-passat mill-impriża dominanti għall-istess servizzi fl-istess suq rilevanti, il-prezzijiet ipprattikati minn tali impriża għal servizzi oħra jew fir-rigward ta’ kategoriji differenti ta’ klijenti, jew inkella l-prezzijiet ipprattikati minn impriżi oħra għal servizzi paragunabbli fi swieq nazzjonali oħra, dment madankollu li dan il-paragun isir fuq bażi omoġenja (ara f’dan is-sens, fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ din l-aħħar imsemmija bażi ta’ paragun, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2017, Autortiesību un komunicēšanās konsultāciju aģentūra – Latvijas Autoru apvienība, C‑177/16, EU:C:2017:689, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li hemm lok li tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

34

Fl-ewwel lok, din tixtieq tkun taf jekk tikkostitwixxix abbuż minn pożizzjoni dominanti, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, l-impożizzjoni minn kumpannija ta’ mmaniġġjar kollettiv fuq l-organizzaturi ta’ avvenimenti mużikali ta’ skala tariffarja li fiha l-ħlasijiet dovuti abbażi tad-drittijiet tal-awtur huma kkalkolati fuq il-bażi ta’ tariffa applikata għad-dħul gross mill-bejgħ ta’ biljetti tad-dħul, mingħajr ma jistgħu jitnaqqsu minn dan id-dħul l-ispejjeż kollha marbuta mal-organizzazzjoni tal-festival li ma humiex relatati max-xogħlijiet mużikali li jiġu eżegwiti hemmhekk.

35

Quddiem dik il-qorti, Weareone.World u Wecandance sostnew, fil-fatt, kif tfakkar fil-punt 17 ta’ din is-sentenza, minn naħa, li d-dħul mill-bejgħ ta’ biljetti ma huwiex relatat mal-valur ekonomiku tas-servizz ipprovdut mis-SABAM, peress li din tal-aħħar tista’ titlob, għall-użu tal-istess xogħlijiet tar-repertorju tagħha, remunerazzjoni ogħla matul avvenimenti li d-dritt ta’ dħul tagħhom huwa ogħla.

36

Min-naħa l-oħra, il-livell tad-dħul gross ta’ festivals bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirriżulta mill-isforzi tal-organizzaturi sabiex jagħmlu dawn il-festivals “esperjenza totali”, mill-infrastruttura proposta jew inkella mill-kwalità tal-artisti-interpreti jew tal-prestaturi. Issa, dawn l-elementi, li s-SABAM tirrifjuta t-tnaqqis tagħhom mill-ammont tad-dħul gross għall-finijiet tal-kalkolu tal-ħlasijiet dovuti mill-organizzaturi ta’ festivals, ma humiex relatati mas-servizz ekonomiku pprovdut minnha.

37

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-kumpannija ta’ mmaniġġjar kollettiv tistax tikser l-Artikolu 102 TFUE billi timponi fuq l-organizzaturi ta’ festivals skala tariffarja ta’ ħlasijiet ikkalkolata fuq il-bażi tad-dħul gross miksub mill-bejgħ tal-biljetti tad-dħul, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkunsidrat, fir-rigward ta’ ħlasijiet miġbura bħala remunerazzjoni tad-drittijiet tal-awtur għall-eżekuzzjoni pubblika, fid-diskoteki, ta’ xogħlijiet mużikali rreġistrati u li l-ammont tagħhom kien ikkalkolat fuq il-bażi ta’ dħul gross ta’ dawn id-diskoteki, li tali ħlasijiet għandhom jitqiesu bħala li jikkostitwixxu użu normali tad-drittijiet tal-awtur u li l-ġbir tagħhom ma jikkostitwixxix, fih innifsu, aġir abbużiv, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ April 1987, Basset, 402/85, EU:C:1987:197, punti 15, 18, 2021, kif ukoll tat-13 ta’ Lulju 1989, Tournier, 395/87, EU:C:1989:319, punt 45).

38

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, fir-rigward tal-ġbir ta’ ħlasijiet li jikkorrispondu għal perċentwali tad-dħul ta’ xandara tat-televiżjoni li jirriżultaw mix-xandir ta’ xandiriet intiżi għall-pubbliku ġenerali, mir-reklamar jew mill-abbonamenti, li, sa fejn tali ħlasijiet huma kkalkolati abbażi tad-dħul tax-xandara tat-televiżjoni, dawn għandhom, bħala prinċipju, rabta raġonevoli mal-valur ekonomiku tas-servizz ipprovdut mill-kumpannija ta’ mmaniġġjar kollettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2008, Kanal 5 u TV 4, C‑52/07, EU:C:2008:703, punti 3437).

39

Tali ġurisprudenza, li minnha jirriżulta li skala tariffarja ta’ ħlasijiet ta’ kumpannija ta’ mmaniġġjar kollettiv ibbażata fuq perċentwali tad-dħul minn avveniment mużikali għandha titqies li tikkostitwixxi użu normali tad-drittijiet tal-awtur u għandha, bħala prinċipju, relazzjoni raġonevoli mal-valur ekonomiku tas-servizz ipprovdut minn din il-kumpannija, tista’ tiġi trasposta għal skala tariffarja ta’ ħlasijiet, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ikkalkolata abbażi tad-dħul gross mill-bejgħ tal-biljetti tad-dħul ta’ festival, b’tali mod li l-impożizzjoni, minn kumpannija ta’ mmaniġġjar kollettiv, ta’ tali skala tariffarja ma tikkostitwixxix, fiha nnifisha, aġir abbużiv, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE.

40

Fil-fatt, billi timponi tali skala tariffarja, is-SABAM tfittex għan leġittimu fir-rigward tad-dritt tal-kompetizzjoni, jiġifieri s-salvagwardja tad-drittijiet u tal-interessi tal-membri tagħha fir-rigward tal-utenti tax-xogħlijiet mużikali tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 1989, Tournier, 395/87, EU:C:1989:319, punt 31).

41

Barra minn hekk, il-ħlasijiet li jirriżultaw minn tali skala tariffarja jirrappreżentaw il-kontroparti dovuta għall-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ dawn ix-xogħlijiet mużikali. Issa, din il-kontroparti għandha tiġi analizzata fid-dawl tal-valur ta’ dan l-użu fil-kummerċ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2008, Kanal 5 u TV 4, C‑52/07, EU:C:2008:703, punt 36), li jiddependi b’mod partikolari min-numru reali ta’ persuni li jgawdu mix-xogħlijiet protetti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et, C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punt 109 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata) u mill-portata tal-użu tax-xogħlijiet mużikali għall-avveniment inkwistjoni.

42

It-tieni nett, fir-rigward tal-isforzi tal-organizzaturi sabiex jagħmlu dawn il-festivals “esperjenza totali”, tal-infrastruttura proposta jew inkella l-kwalità tal-artisti-interpreti jew prestaturi, ma jistax jiġi eskluż, kif sostnew Weareone.World u Wecandance, li tali investimenti jista’ jkollhom effett fuq id-drittijiet tad-dħul li jistgħu jintalbu u, għaldaqstant, fuq il-livell tal-ħlas li jista’ leġittimament jintalab mis-SABAM.

43

Madankollu, din iċ-ċirkustanza ma tistax tqiegħed f’dubju l-konklużjoni misluta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 39 ta’ din is-sentenza.

44

Fil-fatt, minn naħa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 63 u 68 tal-konklużjonijiet tiegħu, din il-ġurisprudenza ngħatat fir-rigward tat-tariffi ta’ ħlasijiet imposti minn kumpanniji ta’ mmaniġġjar kollettiv fuq l-utenti abbażi tad-dħul mill-bejgħ gross tagħhom, mingħajr tnaqqis tal-ispejjeż kollha magħmula fil-kuntest tas-servizzi tagħhom, u dan minkejja l-fatt li dan id-dħul mill-bejgħ seta’ jiddependi, b’mod mhux negliġibbli, minn elementi estranji għall-użu ta’ xogħlijiet mużikali protetti. Għalhekk, fatturi bħal dawk imsemmija fil-punt 42 ta’ din is-sentenza ma jipprekludux, bħala tali, il-kalkolu tat-tariffi dovuti lil soċjetà għall-immaniġġjar kollettiv abbażi ta’ tali skala tariffarja, sakemm din tal-aħħar tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, u b’mod partikolari dawk imsemmija fil-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 41 ta’ din is-sentenza.

45

Min-naħa l-oħra, jista’ jkun partikolarment diffiċli, fost l-imsemmija fatturi, li jiġu ddeterminati, b’mod oġġettiv, l-elementi speċifiċi li ma għandhomx rabta max-xogħlijiet mużikali eżegwiti, u, għaldaqstant, mal-provvista tal-kumpannija ta’ mmaniġġjar kollettiv, jew ukoll li jiġi kkwantifikat, bl-istess mod, il-valur ekonomiku tagħhom, kif ukoll l-effett tagħhom fuq id-dħul mill-bejgħ ta’ biljetti għall-festivals inkwistjoni.

46

Barra minn hekk, l-impożizzjoni fuq soċjetà għall-immaniġġjar kollettiv tal-obbligu, fil-każijiet kollha, li tieħu inkunsiderazzjoni tali elementi, partikolarment eteroġenji u suġġettivi, fl-istabbiliment ta’ skala tariffarja ta’ ħlasijiet għall-użu ta’ xogħlijiet mużikali protetti u li twettaq il-verifika konkreta tagħhom, taħt piena ta’ klassifikazzjoni eventwali ta’ din l-iskala tariffarja bħala abbużiva fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, tista’ twassal għal żieda sproporzjonata tal-ispejjeż sostnuti għall-finijiet tal-immaniġġjar tal-kuntratti u tas-sorveljanza tal-użu tax-xogħlijiet mużikali protetti mid-dritt tal-awtur.

47

Minn dan isegwi li l-impożizzjoni minn kumpannija ta’ mmaniġġjar kollettiv ta’ skala tariffarja li fiha l-ħlasijiet dovuti abbażi tad-drittijiet tal-awtur huma kkalkolati abbażi ta’ tariffa bbażata fuq id-dħul gross mill-bejgħ ta’ biljetti tad-dħul, mingħajr ma jistgħu jitnaqqsu minn dan id-dħul l-ispejjeż kollha relatati mal-organizzazzjoni ta’ tali avvenimenti, ma tikkostitwixxix, fiha nnifisha, aġir abbużiv, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE.

48

Minkejja l-kunsiderazzjonijiet preċedenti, kif tfakkar fil-punti 28 u 29 ta’ din is-sentenza, l-impożizzjoni, minn kumpannija ta’ mmaniġġjar kollettiv, ta’ skala tariffarja ta’ ħlasijiet ibbażata fuq id-dħul gross miksub mill-bejgħ tal-biljetti tad-dħul tista’ taqa’ taħt il-projbizzjoni msemmija f’dan l-artikolu jekk il-livell tal-ħlas effettivament iffissat skont din l-iskala tariffarja ma jkollux relazzjoni raġonevoli mal-valur ekonomiku tas-servizz ipprovdut, fatt li għandu jiġi ddeterminat mill-qorti nazzjonali fid-dawl tal-każ konkret li bih hija tkun adita u li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, inkluż ir-rata tal-ħlas stabbilita u d-dħul fiskali li fuqu hija kkalkolata din ir-rata.

49

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk tikkostitwixxix abbuż minn pożizzjoni dominanti, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, l-impożizzjoni minn kumpannija ta’ mmaniġġjar kollettiv fuq l-organizzaturi ta’ avvenimenti mużikali ta’ ħlasijiet ibbażati fuq skala tariffarja li fiha tintuża sistema b’rata fissa f’partijiet, bħal dik prevista mir-regola 1/3–2/3, sabiex tiġi ddeterminata, fost ix-xogħlijiet eżegwiti, il-parti minn dawn tal-aħħar ibbażata fuq ir-repertorju ta’ din il-kumpannija ta’ mmaniġġjar.

50

Kif diġà kellha l-okkażjoni li tenfasizza l-Qorti tal-Ġustizzja, il-ħlas applikat minn korp ta’ mmaniġġjar kollettiv għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-kwantità ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-dritt tal-awtur realment użati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Diċembru 2008, Kanal 5 u TV 4, C‑52/07, EU:C:2008:703, punt 39, kif ukoll tas-16 ta’ Lulju 2009, Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni, C‑385/07 P, EU:C:2009:456, punt 143).

51

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, f’dan il-każ, li t-tariffa 211 tieħu inkunsiderazzjoni, sa ċertu punt, il-kwantità ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur realment eżegwiti, peress li, hekk kif tfakkar fil-punt 12 ta’ din is-sentenza, ir-regola 1/3–2/3 tippermetti lill-organizzatur ta’ festival jikseb tnaqqis b’rata fissa tat-tariffa bażika skont il-proporzjon ta’ xogħlijiet mużikali li joriġinaw mir-repertorju tas-SABAM li huma effettivament eżegwiti waqt l-avveniment ikkonċernat.

52

Madankollu, jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-applikazzjoni ta’ skala tariffarja ta’ ħlasijiet li tieħu inkunsiderazzjoni l-kwantità ta’ xogħlijiet mużikali effettivament eżegwiti tista’ tkun ta’ natura abbużiva meta jkun jeżisti metodu alternattiv li jippermetti li jiġi identifikat u kkwantifikat b’mod iktar preċiż l-użu ta’ dawn ix-xogħlijiet u meta dan il-metodu jista’ jilħaq l-istess għan leġittimu, li huwa dak tal-protezzjoni tal-interessi tal-awturi, kompożituri u pubblikaturi tal-mużika, mingħajr, madankollu, ma jkun jinvolvi żieda sproporzjonata fl-ispejjeż sostnuti għall-finijiet tal-immaniġġjar tal-kuntratti u tas-sorveljanza tal-użu tax-xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2008, Kanal 5 u TV 4, C‑52/07, EU:C:2008:703, punt 40).

53

Issa, jidher li r-regola 1/3–2/3 tieħu inkunsiderazzjoni biss b’mod impreċiż ħafna l-kwantità ta’ xogħlijiet mużikali effettivament eżegwiti li joriġinaw mir-repertorju tas-SABAM. Fil-fatt, kif irrilevaw Wecandance, Weareone.World u l-Kummissjoni Ewropea, din ir-regola għandha l-effett li s-SABAM tirċievi, b’mod kważi sistematiku, dħul li jista’ jkun kunsiderevolment ogħla minn dak li jikkorrispondi għal tali kwantità.

54

Is-SABAM issostni, f’dan ir-rigward, li t-teknoloġija attwali ta’ identifikazzjoni hija oneruża ħafna u li spejjeż ta’ ġestjoni addizzjonali jirriżultaw mill-obbligu tagħha li tidentifika b’mod iktar preċiż, sa mill-fażi tal-ġbir, il-parti tar-repertorju tagħha li hija użata mill-organizzatur.

55

Kif jirriżulta mill-punt 29 ta’ din is-sentenza, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, fid-dawl tal-każ konkret li jkollha quddiemha u billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, inkluż, f’kawża bħal dik prinċipali, id-disponibbiltà u l-affidabbiltà tad-data pprovduta, dwar l-użu tax-xogħlijiet li jaqgħu taħt ir-repertorju tas-soċjetà kollettiva inkwistjoni, kif ukoll l-għodod teknoloġiċi eżistenti, jekk jeżistix metodu alternattiv li jippermetti li dan l-użu jiġi identifikat u kkwantifikat b’mod iktar preċiż, fid-dawl tal-kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 52 tas-sentenza odjerna.

56

F’dan il-każ, jidher li diversi elementi jikkonfermaw il-possibbiltà, għas-SABAM, li tuża tali metodu ieħor, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

57

Fil-fatt, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li r-regola 1/3–2/3 teħtieġ, għall-applikazzjoni tagħha, determinazzjoni preċiża tal-parti tax-xogħlijiet eżegwiti li toriġina mir-repertorju tas-SABAM, peress li din ir-regola ma hijiex implimentata mis-SABAM, hekk kif tfakkar fil-punt 12 ta’ din is-sentenza, sakemm l-organizzatur ikun ikkomunika lil din tal-aħħar, f’terminu determinat, il-lista ta’ xogħlijiet effettivament eżegwiti waqt l-avveniment inkwistjoni, sabiex jippermetti lis-SABAM tiddetermina jekk inqas minn terz jew inqas minn żewġ terzi tax-xogħlijiet eżegwiti joriġinawx mir-repertorju tagħha. Issa, bħala prinċipju, tali lista tippermetti determinazzjoni iktar preċiża tal-proporzjon tax-xogħlijiet eżegwiti li jirriżultaw mir-repertorju tas-SABAM.

58

It-tieni nett, Wecandance u Weareone.World semmew żviluppi tekniċi, b’mod partikolari l-iżvilupp ta’ softwer ta’ rikonoxximent mużikali, li jippermettu li jiġu identifikati bi preċiżjoni x-xogħlijiet eżegwiti li ġejjin mir-repertorju tas-SABAM. Issa, ma jistax jiġi eskluż li tali għodod teknoloġiċi huma kapaċi jidentifikaw u jikkwantifikaw b’mod iktar preċiż ix-xogħlijiet eżegwiti.

59

Fl-aħħar nett, it-tielet nett, Weareone.World semmiet l-eżistenza ta’ metodi oħra ta’ identifikazzjoni u ta’ kwantifikazzjoni tax-xogħlijiet eżegwiti approvati mis-SABAM f’verżjonijiet oħra tat-tariffa 211, bħall-użu ta’ impriża ta’ kontroll approvata jew ukoll is-sostituzzjoni, fuq bażi temporanja, tar-regola 1/3–2/3 b’regola li tippermetti li jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod iktar preċiż il-proporzjon ta’ xogħlijiet mużikali eżegwiti li joriġinaw mir-repertorju tagħha.

60

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma tikkostitwixxix abbuż minn pożizzjoni dominanti, fis-sens ta’ dan l-artikolu, l-impożizzjoni, minn soċjetà għall-immaniġġjar kollettiv li għandha monopolju de facto fi Stat Membru, fuq l-organizzaturi ta’ avvenimenti mużikali, għad-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet mużikali, ta’ skala tariffarja li fiha:

minn naħa, il-ħlasijiet dovuti abbażi tad-drittijiet tal-awtur huma kkalkolati abbażi ta’ tariffa applikata għad-dħul gross mill-bejgħ ta’ biljetti tad-dħul, mingħajr ma jistgħu jitnaqqsu minn dan id-dħul l-ispejjeż kollha marbuta mal-organizzazzjoni tal-festival li ma għandhomx relazzjoni max-xogħlijiet mużikali mwettqa hemmhekk, dment li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ ineżami, il-ħlasijiet effettivament imposti mill-kumpannija ta’ mmaniġġjar skont din l-iskala tariffarja ma jkunux ta’ natura eċċessiva fid-dawl, b’mod partikolari, tan-natura u tal-portata tal-użu tax-xogħlijiet, tal-valur ekonomiku ġġenerat minn dan l-użu u tal-valur ekonomiku tas-servizzi ta’ din il-kumpannija ta’ mmaniġġjar, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali, u

min-naħa l-oħra, tintuża sistema b’rata fissa f’partijiet sabiex jiġi ddeterminat, fost ix-xogħlijiet mużikali eżegwiti, il-parti minn dawn tal-aħħar li hija meħuda mir-repertorju ta’ din il-kumpannija ta’ mmaniġġjar, dment li ma jkunx jeżisti metodu ieħor li jippermetti li jiġi identifikat u kkwantifikat b’mod iktar preċiż l-użu ta’ dawn ix-xogħlijiet u li jkun jista’ jilħaq l-istess għan leġittimu, jiġifieri l-protezzjoni tal-interessi tal-awturi, tal-kompożituri u tal-edituri tal-mużika, mingħajr madankollu ma jkun hemm żieda sproporzjonata fl-ispejjeż imġarrba għal finijiet ta’ sorveljanza tal-użu ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur; hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika dan, fid-dawl tal-każ konkret li jkollha quddiemha u billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, inklużi d-disponibbiltà u l-affidabbiltà tad-data pprovduta kif ukoll l-għodod teknoloġiċi eżistenti.

Fuq l-ispejjeż

61

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma tikkostitwixxix abbuż minn pożizzjoni dominanti, fis-sens ta’ dan l-artikolu, l-impożizzjoni, minn soċjetà għall-immaniġġjar kollettiv li għandha monopolju de facto fi Stat Membru, fuq l-organizzaturi ta’ avvenimenti mużikali, għad-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet mużikali, ta’ skala tariffarja li fiha:

 

minn naħa, il-ħlasijiet dovuti abbażi tad-drittijiet tal-awtur huma kkalkolati abbażi ta’ tariffa applikata għad-dħul gross mill-bejgħ ta’ biljetti tad-dħul, mingħajr ma jistgħu jitnaqqsu minn dan id-dħul l-ispejjeż kollha marbuta mal-organizzazzjoni tal-festival li ma għandhomx relazzjoni max-xogħlijiet mużikali mwettqa hemmhekk, dment li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ ineżami, il-ħlasijiet effettivament imposti mill-kumpannija ta’ mmaniġġjar skont din l-iskala tariffarja ma jkunux ta’ natura eċċessiva fid-dawl, b’mod partikolari, tan-natura u tal-portata tal-użu tax-xogħlijiet, tal-valur ekonomiku ġġenerat minn dan l-użu u tal-valur ekonomiku tas-servizzi ta’ din il-kumpannija ta’ mmaniġġjar, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali, u

min-naħa l-oħra, tintuża sistema b’rata fissa f’partijiet sabiex jiġi ddeterminat, fost ix-xogħlijiet mużikali eżegwiti, il-parti minn dawn tal-aħħar li hija meħuda mir-repertorju ta’ din il-kumpannija ta’ mmaniġġjar, dment li ma jkunx jeżisti metodu ieħor li jippermetti li jiġi identifikat u kkwantifikat b’mod iktar preċiż l-użu ta’ dawn ix-xogħlijiet u li jkun jista’ jilħaq l-istess għan leġittimu, jiġifieri l-protezzjoni tal-interessi tal-awturi, tal-kompożituri u tal-edituri tal-mużika, mingħajr madankollu ma jkun hemm żieda sproporzjonata fl-ispejjeż imġarrba għal finijiet ta’ sorveljanza tal-użu ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur; hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika dan, fid-dawl tal-każ konkret li jkollha quddiemha u billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, inklużi d-disponibbiltà u l-affidabbiltà tad-data pprovduta kif ukoll l-għodod teknoloġiċi eżistenti.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.