SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)
1 ta’ Ottubru 2020 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 98 – Possibblità għall-Istati Membri li japplikaw rata mnaqqsa ta’ VAT għal ċerti kunsinni ta’ beni u provvisti ta’ servizzi – Anness III, punt 1 – Kunċetti ta’ ‘prodotti tal-ikel għall-konsum mill-bniedem’ u ta’ ‘prodotti li normalment jintużaw sabiex jissupplimentaw jew jissostitwixxu prodotti tal-ikel’ – Prodotti afrodiżijaċi”
Fil-Kawża C‑331/19,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ April 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ April 2019, fil-proċedura
Staatsecretaris van Financiën
vs
X,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),
komposta minn I. Jarukaitis, President tal-Awla, E. Juhász (Relatur) u M. Ilešič, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għall-Gvern Olandiż, minn M. L. Noort u M. K. Bulterman, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Roels u L. Lozano Palacios, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ Frar 2020,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 1 tal-Anness III tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn l-iStaatssecretaris van Financiën (is-Segretarju tal-Istat għall-Finanzi, il-Pajjiżi l-Baxxi) u X, dwar l-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) prevista għall-oġġetti tal-ikel għal prodotti kkummerċjalizzati u użati bħala afrodiżijaċi, magħmula essenzjalment minn elementi ta’ oriġini veġetali jew annimali u kkunsmati oralment. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002,
3 |
Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 463, rettifika fil-ĠU 2014, L 327, p. 9 u fil-ĠU 2016, L 227, p. 5), jipprovdi, fl-Artikolu 1 tiegħu, intitolat “Għan u kamp ta’ applikazzjoni”: “1. Dan ir-Regolament jipprovdi l-bażi għall-assigurazzjoni ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u l-interessi tal-konsumatur li għandhom x’jaqsmu ma’ l-ikel, waqt li jingħata kont b’mod partikolari tad-diversità fil-provvista ta’ l-ikel inklużi prodotti tradizzjonali, waqt li jiġi żgurat it-tħaddim effettiv tas-suq intern. Jistabbilixxi prinċipji komuni u responsabbiltajiet, il-mezzi ta’ provvista ta’ bażi xjentifika soda, arranġamenti effiċjenti ta’ organizzazzjoni u proċeduri biex isostni it-teħid ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel u l-għalf. 2. Għall-għanijiet tal-paragrafu 1, dan ir-Regolament jipprovdi l-prinċipji ġenerali li jirregolaw b’mod ġenerali l-ikel u l-għalf, u b’mod partikolari s-sigurtà ta’ l-ikel u l-għalf, fil-livell tal-[Unjoni Ewropea] u dak nazzjonali. Dan jistabbilixxi l-Awtorita Ewropea għas-Sigurta ta’ l-Ikel [(EFSA)]. Jipprovdi l-proċeduri għal kwistjonijiet b’impatt dirett jew indirett dwar is-sigurtà ta’ l-ikel u l-għalf. […]” |
4 |
L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjoni ta’ ‘ikel’”, jipprevedi: “Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, ‘ikel’ (jew ‘oġġetti ta’ l-ikel’) tfisser kull sustanza jew prodott, sew jekk ipproċessat, parzjalment ipproċessat jew mhux ipproċessat, maħsub li jkun, jew raġonevolment mistenni li jittiekel mill-bniedem. ‘Ikel’ tinkludi xorb, chewing gum u kull sustanza oħra, inkluż ilma, intenzjonalment inkorporati fl-ikel matul il-manifattura tiegħu, tħejjija jew trattament. Tinkludi ilma wara l-punt ta’ konformità kif definit fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 98/83/KE [tal-Kunsill tat-3 ta’ Novembru 1998 dwar il-kwalità ta’ l-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15, Vol. 4, p. 90)], mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti tad-Direttivi tal-Kunsill 80/778/KEE [tal-15 ta’ Lulju 1980 dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (ĠU 1980, L 229, p. 11)] u 98/83/KE. ‘Ikel’ ma jinkludix:
|
5 |
L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, intitolat “Għanijiet ġenerali” jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu: “Il-liġi dwar l-ikel għandha ssegwi wieħed jew aktar mill-għanijiet ġenerali ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u s-saħħa u l-protezzjoni ta’ l-interessi tal-Konsumatur, inklużi prattiki ġusti fin-negozju ta’ l-ikel, waqt li jingħata kont ta’, fejn japplika, l-protezzjoni tas-saħħa u l-benessri ta’ l-annimali, is-saħħa tal-pjanti u l-ambjent.” |
Id-Direttiva tal-VAT
6 |
Skont l-Artikolu 96 tad-Direttiva tal-VAT, l-Istati Membri għandhom japplikaw rata normali ta’ VAT stabbilita minn kull Stat Membru li hija l-istess għall-kunsinna ta’ oġġetti u għall-provvista ta’ servizzi. |
7 |
L-Artikolu 97 ta’ din id-direttiva jipprovdi li r-rata normali ma tistax tkun inqas minn 15 %. |
8 |
L-Artikolu 98(1) u (2) tal-imsemmija direttiva jipprevedi: “1. L-Istati Membri jistgħu japplikaw jew rata mnaqqsa waħda jew żewġ rati mnaqqsa. 2. Ir-rati mnaqqsa għandhom japplikaw biss għall-provvisti ta’ merkanzija jew servizzi fil-kategoriji stabbiliti fl-Anness III. […]” |
9 |
L-Anness III tad-Direttiva tal-VAT, li jinkludi l-lista tal-kunsinni ta’ beni u l-provvista ta’ servizzi li għalihom jistgħu japplikaw ir-rati mnaqqsa ta’ VAT imsemmija fl-Artikolu 98, jinkludi, fil-punti 1 sa 4 tiegħu:
[…]” |
Id-dritt Olandiż
10 |
Fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali, skont l-Artikolu 9(2)(a) tal-Wet houdende vervanging van de bestaande omzetbelasting door een omzetbelasting volgens het stelsel van heffing over de toegevoegde waarde (il-Liġi li Tissostitwixxi t-Taxxa Eżistenti fuq id-Dħul mill-Bejgħ b’Taxxa fuq id-Dħul mill-Bejgħ skont is-Sistema ta’ Taxxa fuq il-Valur Miżjud), tat-28 ta’ Ġunju 1968 (Stb. 1968, Nru 329), ir-rata ta’ VAT kienet ta’ 6 % għall-kunsinni ta’ oġġetti li jidhru fit-Tabella I ta’ din il-liġi. |
11 |
Il-punt a.1 ta’ din it-tabella jsemmi:
[…]” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
12 |
X, imprenditur suġġett għall-VAT, jikkummerċjalizza, fil-ħanut tiegħu ta’ prodotti erotiċi, b’mod partikolari, kapsuli, qtar, trab u sprays, ippreżentati bħala afrodiżijaċi li jżidu l-libido. Dawn il-prodotti, li jikkonsistu essenzjalment minn elementi ta’ oriġini veġetali jew annimali, huma intiżi għall-konsum mill-bniedem u jintużaw oralment. |
13 |
Bejn l-2009 u l-2013, il-persuna taxxabbli applikat, fir-rigward ta’ dawn il-prodotti, ir-rata mnaqqsa tal-VAT li tapplika għall-prodotti tal-ikel. |
14 |
Peress li qieset li dawn ma kinux “prodotti tal-ikel”, fis-sens tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni dwar il-VAT, l-amministrazzjoni fiskali kkontestat l-applikazzjoni ta’ din ir-rata għall-istess prodotti u ddeċidiet li toħroġ avviż ta’ aġġustament. |
15 |
Il-persuna taxxabbli kkontestat tali deċiżjoni tal-amministrazzjoni fiskali quddiem ir-Rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi). |
16 |
Fl-appell, il-Gerechtshof Den Haag (il-Qorti tal-Appell ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi) laqgħet ir-rikors tal-persuna taxxabbli, billi qieset li l-użu tal-prodotti inkwistjoni bħala afrodiżijaċi ma jipprekludix it-tassazzjoni tagħhom skont ir-rata mnaqqsa prevista għall-prodotti tal-ikel. Din il-qorti ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li dawn il-prodotti huma intiżi għal użu orali u huma magħmula minn ingredjenti li jistgħu jinsabu fil-prodotti tal-ikel. Barra minn hekk, hija indikat li d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti tal-ikel” hija tant wiesgħa li setgħet tkopri prodotti li ma humiex direttament assoċjati ma’ prodotti tal-ikel, bħalma huma l-ħelu, iċ-chewing-gums jew il-kejkijiet. |
17 |
Is-Segretarju tal-Istat għall-Finanzi ppreżenta appell fil-kassazzjoni kontra s-sentenza tal-Gerechtshof Den Haag (il-Qorti tal-Appell ta’ Den Haag) quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi). |
18 |
Peress li qieset li s-soluzzjoni tal-kawża quddiemha teħtieġ l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT, il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
19 |
Permezz tad-domandi tagħha, li jaqbel li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, kif għandhom jiġu interpretati l-kunċetti ta’ “prodotti tal-ikel maħsuba għall-konsum mill-bniedem” u ta’ “prodotti normalment użati biex jissupplimentaw jew jissostitwixxu prodotti tal-ikel”, li jinsabu fil-punt 1 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT. |
20 |
Skont l-Artikolu 96 tad-Direttiva tal-VAT, kull Stat Membru għandu japplika l-istess rata normali ta’ VAT għall-kunsinna ta’ oġġetti u għall-provvista ta’ servizzi. |
21 |
B’deroga minn dan il-prinċipju, l-Artikolu 98(1) ta’ din id-direttiva jirrikonoxxi lill-Istati Membri l-possibbiltà li japplikaw rata waħda jew tnejn imnaqqsa ta’ VAT. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 98(2) tal-imsemmija direttiva, ir-rati mnaqqsa tal-VAT jistgħu jiġu applikati biss għall-kunsinni ta’ oġġetti u għall-provvisti ta’ servizzi fil-kategoriji li jinsabu fl-Anness III tal-istess direttiva. |
22 |
B’mod iktar partikolari, il-punt 1 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT jippermetti lill-Istati Membri japplikaw rata mnaqqsa ta’ VAT, b’mod partikolari, għall-“oġġetti tal-ikel (inkluż ix-xorb imma eskluż ix-xorb alkoħoliku) għall-konsum mill-bnedmin u mill-annimali” kif ukoll għall-“prodotti normalment maħsuba li jkunu użati biex jissupplimentaw jew jissostitwixxu l-oġġetti ta’ l-ikel”. |
23 |
Id-Direttiva tal-VAT ma tinkludix definizzjoni tal-kunċett ta’ “oġġetti tal-ikel għall-konsum mill-bniedem”, u lanqas ta’ “prodotti normalment maħsuba li jkunu użati biex jissupplimentaw jew jissostitwixxu l-oġġetti ta’ l-ikel” u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 tal-15 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni għad-Direttiva 2006/112/KE (ĠU 2011, L 77, p. 1), lanqas ma jipprevedi definizzjoni ta’ dawn il-kunċetti. Barra minn hekk, la d-Direttiva tal-VAT u lanqas ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 ma jagħmlu riferiment għad-dritt tal-Istati Membri f’dan ir-rigward. |
24 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kunċetti ta’ “ikel maħsub għall-konsum mill-bniedem” u ta’ “prodotti normalment użati biex jissupplimentaw jew jissostitwixxu l-oġġetti tal-ikel”, li jinsabu fil-punt 1 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT, għandhom jiġu interpretati konformement mat-tifsira normali tal-kliem li jikkomponuhom fil-lingwaġġ ta’ kuljum, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw dawn it-termini u l-għanijiet intiżi mil-leġiżlazzjoni li minnha jagħmel parti l-kliem imsemmi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Spiegel Online, C‑516/17, EU:C:2019:625, punt 65). |
25 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tas-sens komuni fil-lingwa ta’ kuljum tal-kliem li jikkostitwixxi l-istess kunċetti, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li, kif l-Avukat Ġenerali essenzjalment enfasizza fil-punti 18, 19 u 27 tal-konklużjonijiet tiegħu, bħala prinċipju jikkostitwixxu “prodotti tal-ikel għall-konsum mill-bniedem” il-prodotti kollha li fihom nutrijenti kostituttivi, enerġetiċi u regolatorji tal-ġisem tal-bniedem, neċessarji għaż-żamma, għall-funzjonament u għall-iżvilupp ta’ dan l-organiżmu, ikkonsmati sabiex jagħtuh dawn in-nutrijenti. |
26 |
Peress li din il-funzjoni nutrittiva hija determinanti sabiex prodott ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala “prodott tal-ikel għall-konsum mill-bniedem”, skont is-sens abitwali fil-lingwa ta’ kuljum ta’ dawn it-termini, huwa irrilevanti jekk dan il-prodott għandux jew le effetti ta’ benefiċċju għas-saħħa, kemm jekk l-inġestjoni tiegħu timplika jew le ċertu pjaċir għall-konsumatur u li l-użu tiegħu jaqa’ f’kuntest soċjali partikolari. Għaldaqstant, il-fatt li l-konsum tal-imsemmi prodott għandu effetti pożittivi fuq il-libido tal-persuna li tinġerixxih huwa irrilevanti f’dan ir-rigward. |
27 |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tas-sens komuni fil-lingwa ta’ kuljum tal-kliem “prodotti normalment użati biex jissupplimentaw jew jissostitwixxu l-ikel”, għandu jiġi rrilevat li dawn it-termini jkopru l-prodotti li l-konsum tagħhom jagħti wkoll nutrijenti kostituttivi, enerġetiċi u regolatorji lill-ġisem tal-bniedem, neċessarji għaż-żamma, għall-funzjonament u għall-iżvilupp ta’ dan l-organiżmu. |
28 |
Għandu jiġi kkonstatat li tali funzjoni nutrittiva ma tistax tkun nieqsa f’din il-kategorija ta’ prodotti peress li dawn il-prodotti għandhom l-għan li jikkompletaw jew jissostitwixxu l-prodotti tal-ikel. |
29 |
Peress li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ prodotti għandhom l-istess funzjoni nutrittiva, ma hemmx, konsegwentement, raġuni sabiex jiġu ttrattati b’mod differenti għall-finijiet tal-VAT u li japplikaw għalihom sistemi differenti tal-VAT. |
30 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kuntest li jaqgħu fih il-kunċetti ta’ “prodotti tal-ikel għall-konsum mill-bniedem” u ta’ “prodotti normalment użati biex jissupplimentaw jew jissostitwixxu prodotti tal-ikel”, li jinsabu fil-punt 1 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punti 20 sa 22 ta’ din is-sentenza, dawn iż-żewġ kunċetti jindikaw prodotti li l-kunsinna tagħhom hija suġġetta għal rata mnaqqsa ta’ VAT, fatt li jikkostitwixxi deroga mill-prinċipju tal-applikazzjoni tar-rata normali tal-VAT. Għaldaqstant, għandhom jiġu interpretati b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Segler-Vereinigung Cuxhaven, C‑715/18, EU:C:2019:1138, punt 25). |
31 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “ikel” li tinsab fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 178/2002 ma hijiex rilevanti għall-finijiet tad-definizzjoni ta’ dawn il-kunċetti, peress li dan ir-regolament, li għandu bħala għan, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tiegħu, il-protezzjoni tas-saħħa, jirrigwarda s-sustanzi kollha li jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-ikel. Għalhekk, l-imsemmi regolament isemmi, permezz tal-kunċett partikolarment wiesa’ ta’ “oġġetti ta’ l-ikel”, kull sustanza maħsuba sabiex tiġi inġestita jew raġonevolment tista’ tiġi inġestita mill-bniedem, inklużi x-xorb alkoħoliku u l-ilma. Għalhekk, dan il-kunċett għandu portata li teċċedi dik tal-kunċett ta’ “prodotti tal-ikel għall-konsum mill-bniedem” jew tal-kunċett ta’ “prodotti normalment użati biex jissupplimentaw jew jissostitwixxu prodotti tal-ikel”, li jinsab fil-punt 1 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT. |
32 |
Barra minn hekk, la l-kunċett ta’ “oġġetti tal-ikel” u lanqas dak ta’ “prodotti normalment użati biex jissupplimentaw jew jissostitwixxu l-prodotti tal-ikel”, li jinsab fil-punt 1 ta’ dan l-anness, ma jistgħu jkopru prodotti mediċinali, peress li l-Anness III tad-Direttiva tal-VAT isemmi b’mod distint, fil-punt 3 tiegħu, il-“prodotti farmaċewtiċi”. |
33 |
Fit-tielet lok, fir-rigward tal-għan intiż mill-Anness III tad-Direttiva tal-VAT, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, billi stabbilixxa l-Anness III tad-Direttiva tal-VAT, il-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq li l-oġġetti essenzjali kif ukoll l-oġġetti u s-servizzi li jikkorrispondu għal għanijiet soċjali jew kulturali, sa fejn dawn ma jippreżentawx jew ma jippreżentawx wisq riskji ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, jistgħu jkunu suġġetti għal rata mnaqqsa ta’ VAT (sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑161/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:355, punt 25). |
34 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-għan ta’ dan l-anness huwa li jagħmel inqas oneruż, u, konsegwentement, iktar aċċessibbli għall-konsumatur finali, li finalment iħallas il-VAT, ċerti oġġetti meqjusa bħala partikolarment neċessarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2017, Oxycure Belgium, C‑573/15, EU:C:2017:189, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
35 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, kull prodott intiż għall-konsum mill-bniedem li jagħti lill-ġisem tal-bniedem nutrijenti neċessarji għaż-żamma, għall-funzjonament u għall-iżvilupp ta’ dan l-organiżmu, jaqa’ taħt il-kategorija li tinsab fil-punt 1 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT, anki jekk il-konsum ta’ dan il-prodott huwa intiż ukoll li jipproduċi effetti oħra. |
36 |
Min-naħa l-oħra, prodott li ma jkunx fih nutrijenti jew li jkun fih fi kwantità kompletament negliġibbli u li l-konsum tiegħu jservi biss sabiex jipproduċi effetti differenti minn dawk neċessarji għaż-żamma, għall-funzjonament jew għall-iżvilupp tal-ġisem tal-bniedem ma jistax jaqa’ taħt din il-kategorija. |
37 |
Għalkemm mill-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jidher li jirriżulta li dan huwa l-każ fir-rigward tal-prodotti afrodiżijaċi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan. |
38 |
Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għan intiż mill-Anness III tad-Direttiva tal-VAT li l-oġġetti essenzjali jiġu suġġetti għal rata mnaqqsa ta’ VAT sabiex ikunu iktar aċċessibbli għall-konsumatur finali. |
39 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-kunċetti ta’ “prodotti tal-ikel maħsuba għall-konsum mill-bniedem” u ta’ “prodotti normalment użati biex jissupplimentaw jew jissostitwixxu l-ikel”, li jinsabu fil-punt 1 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jkopru l-prodotti kollha li fihom nutrijenti kostituttivi, tal-enerġija u regolatorji tal-ġisem tal-bniedem, neċessarji għaż-żamma, għall-funzjonament u għall-iżvilupp ta’ dan l-organu, ikkunsmati sabiex jipprovduh b’dawn in-nutrijenti. |
Fuq l-ispejjeż
40 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
Il-kunċetti ta’ “prodotti tal-ikel maħsuba għall-konsum mill-bniedem” u ta’ “prodotti normalment użati biex jissupplimentaw jew jissostitwixxu l-ikel”, li jinsabu fil-punt 1 tal-Anness III tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jkopru l-prodotti kollha li fihom nutrijenti kostituttivi, tal-enerġija u regolatorji tal-ġisem tal-bniedem, neċessarji għaż-żamma, għall-funzjonament u għall-iżvilupp ta’ dan l-organu, ikkunsmati sabiex jipprovduh b’dawn in-nutrijenti. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.