SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

3 ta’ Diċembru 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2003/87/KE – Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra – Artikolu 3(h) – Installazzjonijiet li daħlu ġodda fis-suq – Artikolu 10a – Sistema tranżitorja ta’ allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas – Deċiżjoni 2011/278/UE – Artikolu 18(1)(c) – Livell ta’ attività relatat mal-kombustibbli – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(2) – Fattur ta’ użu tal-kapaċità applikabbli”

Fil-Kawża C‑320/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin (il-Qorti Amministrattiva ta’ Berlin, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ April 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ April 2019, fil-proċedura

Ingredion Germany GmbH

vs

Bundesrepublik Deutschland,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan (Relatur), President tal-Awla, M. Ilešič, E. Juhász, C. Lycourgos u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: D. Dittert, Kap tal-Unità,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Marzu 2020,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Ingredion Germany GmbH, minn D. Lang u L. Borchardt, Rechtsanwälte,

għall-Bundesrepublik Deutschland, minn J. Steegmann u H. Barth, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn D. Klebs, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn J.-F. Brakeland u A. Becker, sussegwentement minn A. C. Becker u B. De Meester, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Ġunju 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE tas-27 ta’ April 2011 li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 130, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Ingredion Germany GmbH u Bundesrepublik Deutschland (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja), irrappreżentata mill-Umweltbundesamt (l-Uffiċċju Federali tal-Ambjent, il-Ġermanja), dwar id-determinazzjoni tal-fattur ta’ użu tal-kapaċità applikabbli għall-finijiet tal-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (iktar ’il quddiem il-“kwoti ta’ emissjonijiet”) mingħajr ħlas installazzjoni li daħlet ġdida fis-suq li għandha subinstallazzjoni b’parametru referenzjarju ta’ kombustibbli.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2003/87

3

Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631), kif emendata bid-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 (ĠU 2009, L 140, p. 63) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2003/87”), ħolqot skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fil-livell tal-Unjoni Ewropea. Din is-sistema ilha topera mill-1 ta’ Jannar 2005 fl-Istati kollha taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). Skont l-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva, it-tielet perijodu ta’ skambju huwa mifrux fuq 8 snin, mill-2013 sal-2020 (iktar ’il quddiem it-“tielet perijodu ta’ skambju”).

4

Il-premessi 5 u 7 tad-Direttiva 2003/87 huma fformulati kif ġej:

“(5)

Il-Komunità u l-Istati Membri tagħha ftiehmu li jwettqu konġuntement dawn l-impenji li jnaqqsu l-emissjonijiet antropoġeniċi tal-gassijiet serra, [fil-kuntest tal-Protokoll ta’ Kyoto,] skond id-Deċiżjoni [tal-Kunsill] 2002/358/KE [tal-25 ta’ April 2002 dwar l-approvazzjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll ta’ Kyoto għall-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u t-twettiq konġunt ta’ l-obbligi tiegħu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 42, p. 24)]. Din id-Direttiva timmira li tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ l-impenji tal-Komunità Ewropea u ta’ l-Istati Membri tagħha b’mod iktar effettiv, permezz ta’ suq Ewropew effiċjenti fil-għoti ta’ kwoti għall-emissjoni tal-gassijiet serra, bl-inqas tnaqqis possibbli ta’ l-iżvilupp ekonomiku u tax-xogħol.

[…]

(7)

Id-disposizzjonijiet Komunitarji li għandhom x’jaqsmu ma’ l-allokazzjoni tal-kwoti mill-Istati Membri huma meħtieġa sabiex jikkontribwixxu għall-preservazzjoni ta’ l-integrità tas-suq intern u sabiex tiġi evitata id-distorsjoni tal-kompetizzjoni.”

5

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva 2003/87, intitolat “Id-definizzjonijiet”, jiddikjara:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(h)

‘istallazzjoni li daħlet ġdida fis-suq’ tfisser:

kwalunkwe istallazzjoni li tagħmel attività waħda jew iżjed indikati fl-Anness I, li tkun akkwistat permess tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-ewwel darba, wara t-30 ta’ Ġunju 2011,

kwalunkwe istallazzjoni li tagħmel attività li tiġi inkluża fl-iskema Komunitarja taħt l-Artikolu 24(1) jew (2), għall-ewwel darba, jew

kull istallazzjoni li twettaq attività waħda jew iżjed indikati fl-Anness I jew attività li tiġi inkluża fl-iskema Komunitarja taħt l-Artikolu 24(1) jew (2), li kellha estensjoni sinifikanti wara t-30 ta’ Ġunju 2011, safejn hija kkonċernata din l-estensjoni;

[…]”

6

Fil-paragrafu 1 tiegħu, l-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva, intitolat “L-irkant tal-kwoti”, jipprovdi:

“Mill-2013 ’il quddiem, l-Istati Membri għandhom jirkantaw il-kwoti kollha li ma ġewx allokati mingħajr ħlas taħt l-Artikolu 10a u 10c. […]”

7

Skont l-Artikolu 10a ta’ din id-direttiva, intitolat “Regoli tranżitorji madwar il-Komunità kollha għal allokazzjoni gratis armonizzata”:

“1.   Sal-31 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni għandha tadotta, miżuri ta’ implimentazzjoni sabiex ikunu applikabbli mal-Komunità kollha li jkunu kompletament armonizzati għall-allokazzjoni tal-kwoti […]

[…]

Il-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom, safejn ikun fattibbli, jiddeterminaw punti ta’ riferiment ex ante Komunitarji sabiex jiżguraw li l-allokazzjoni sseħħ b’mod li tagħti inċentivi għal tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gass serra u għal teknika ta’ effiċjenza fl-enerġija, billi tqis it-teknika l-aktar effiċjenti, is-sostituti, il-proċessi alternattivi ta’ produzzjoni, il-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja, l-irkupru effiċjenti tal-enerġija mill-gassijiet tal-iskart, l-użu tal-bijomassa u tal-ġabra u l-ħażna tas-CO2, fejn dawn il-faċilitajiet ikunu disponibbli, u ma għandhiex tipprovdi inċentivi biex jiżdiedu l-emissjonijiet. M’għandha ssir ebda allokazzjoni gratis fir-rigward ta’ kwalunkwe produzzjoni tal-elettriku, ħlief għall-każijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 10c u l-elettriku prodott mill-gassijiet tal-iskart.

[…]

2.   Fid-definizzjoni tal-prinċipji għall-istabbiliment tal-punti ta’ riferiment [ex ante] f’setturi jew subsetturi individwali, il-punt ta’ bidu għandu jkun ir-rendiment medju tal-istallazzjonijiet li jiffurmaw l-ogħla 10 % tal-aktar istallazzjonijiet effiċjenti f’settur jew subsettur fil-Komunità fis-snin 2007-2008. Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-partijiet interessati, inklużi s-setturi u subsetturi kkonċernati.

Ir-Regolamenti taħt l-Artikoli 14 u 15 għandhom jipprovdu għal regoli armonizzati dwar il-monitoraġġ, l-irrappurtar u l-verifika ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra relatati mal-produzzjoni bil-ħsieb li jiġu ddeterminati punti ta’ riferiment ex ante.

[…]

7.   Ħamsa fil-mija tal-kwantità totali tal-kwoti determinati taħt l-Artikoli 9 u 9a matul il-perjodu mill-2013 sal-2020 għandhomjiġu riżervati għal istallazzjonijiet li daħlu ġodda fis-suq, bħala l-massimu li jista’ jiġi allokat lill-istallazzjonijiet li daħlu ġodda fis-suq konformement mar-regoli adottati taħt il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Il-kwoti f’din ir-riżerva Komunitarja li la jkunu allokati lill-istallazzjonijiet li daħlu ġodda fis-suq u lanqas ma jkunu ntużaw taħt il-paragrafu 8, 9 jew 10 ta’ dan l-Artikolu tul il-perjodu mill-2013 sal-2020 għandhom jinbigħu b’irkant mill-Istati Membri, filwaqt li jitqies kemm l-istallazzjonijiet fl-Istati Membri jkunu bbenefikaw minn din ir-riżerva, taħt l-Artikolu 10(2) u, għall-arranġamenti dettaljati u ż-żmien, l-Artikolu 10(4), u d-dispożizzjonijiet relevanti ta’ implimentazzjoni.

[…]

Sal-31 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni għandha tadotta regoli armonizzati għall-applikazzjoni tad-definizzjoni ta’ ‘istallazzjoni li daħlet ġdida fis-suq’, b’mod partikolari fir-rigward tad-definizzjoni tal-‘estensjonijiet sinifikanti’.

[…]

11.   Suġġett għall-Artikolu 10b, l-ammont ta’ kwoti allokati gratis taħt il-paragrafi 4 sa 7 ta’ dan l-Artikolu fl-2013 għandu jkun 80 % tal-kwantità determinata konformement mal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 u mbagħad l-allokazzjoni gratis għandha tonqos kull sena b’ammonti ugwali sakemm jirriżulta f’allokazzjoni gratis ta’ 30 % fl-2020, bil-ħsieb li tintlaħaq sitwazzjoni fejn ma jkun hemm l-ebda allokazzjoni gratis fl-2027.

[…]”

Id-Direttiva 2009/29

8

Fil-premessi 8, 15, u 23 u 9 tagħha, id-Direttiva 2009/29 tipprovdi:

“(8)

Filwaqt li l-esperjenza ta’ matul l-ewwel perjodu ta’ skambju ta’ kwoti turi l-potenzjal tal-iskema Komunitarja u l-finalizzazzjoni ta’ pjanijiet nazzjonali ta’ allokazzjoni għat-tieni perjdou ta’ skambju ta’ kwoti se tirriżulta f’tnaqqis sinifikanti tal-emissjonijiet sal-2012, ir-reviżjoni li saret fl-2007 kkonfermat li hija essenzjali sistema aktar armonizzata għall-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet, sabiex jiġu sfruttati aħjar il-benefiċċji ta’ skambju ta’ kwoti, biex tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern u biex tiġi faċilitata r-rabta bejn is-sistemi għall-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet. Addizzjonalment, għandha tiġi żgurata aktar prevedibbiltà, u l-ambitu tas-sistema għandu jiġi estiż billi jiddaħlu setturi u gassijiet ġodda bil-għan kemm biex jiġi rinfurzat sinjal tal-prezz tal-karbonju meħtieġ biex jistimola l-investimenti meħtieġa kif ukoll biex jinħolqu opportunitajiet ġodda għal tnaqqis, li jwasslu għal spejjeż ta’ tnaqqis globali aktar baxxi u żieda fl-effiċjenza tas-sistema.

[…]

(15)

L-isforz addizzjonali li trid tagħmel l-ekonomija Ewropea jirrikjedi fost l-oħrajn li l-iskema Komunitarja riveduta topera bl-ogħla livell possibbli ta’ effiċjenza ekonomika u abbażi tal-kondizzjonijiet ta’ allokazzjoni kompletament armonizzati ġewwa l-Komunità. L-irkant għandu għalhekk ikun il-prinċipju ta’ bażi għal allokazzjoni, għaliex huwa l-aktar wieħed faċli u meqjus b’mod ġenerali bħala s-sistema l-aktar effiċjenti ekonomikament. Dan għandu jelimina wkoll gwadanji mhux previsti u jqiegħed lill-istallazzjonijiet li daħlu ġodda fis-suq kif ukoll l-ekonomiji li għandhom espansjoni [superjuri għall-]medja fuq l-istess livell tal-istallazzjonijiet eżistenti.

[…]

(23)

Għandha tingħata allokazzjoni gratis tranżitorja għal istallazzjonijiet permezz ta’ regoli madwar il-Komunità (‘punti ta’ riferiment ex ante’) kollha sabiex tinżamm minima d-distorsjoni tal-kompetizzjoni ġewwa l-Komunità. […]”

Id-Deċiżjoni 2011/278

9

Il-premessi 12, 16, 35 u 36 tad-Deċiżjoni 2011/278 huma redatti kif ġej:

“(12)

Meta l-kisba ta’ parametru referenzjarju ta’ prodott ma kinitx fattibbli, imma jkun hemm gassijiet serra eliġibbli għall-allokazzjoni mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet, dawn il-kwoti għandhom ikunu allokati fuq il-bażi ta’ mudelli ġeneriċi ta’ riżerva. Ġiet żviluppata ġerarkija ta’ tliet mudelli ta’ riżerva sabiex ikun immassimizzat it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u l-iffrankar mill-enerġija għal mill-inqas xi partijiet mill-proċessi ta’ produzzjoni kkonċernati. Il-parametru referenzjarju tas-sħana huwa applikabbli għall-proċessi tal-konsum tas-sħana meta jintuża trasportatur tas-sħana li jista’ jitkejjel. Il-parametru referenzjarju tal-fjuwil huwa applikabbli meta tiġi kkunsmata sħana li ma tistax titkejjel. Il-valuri tal-parametri referenzjarji tas-sħana u l-fjuwil inkisbu fuq il-bażi tal-prinċipji tat-trasparenza u s-simpliċità, bl-użu tal-effiċjenza ta’ referenza ta’ fjuwil disponibbli b’mod wiesa’ li jista’ jitqies bħala t-tieni l-aħjar fir-rigward tal-effiċjenza fil-gassijiet serra, meta jitqiesu t-tekniki effiċjenti fl-enerġija. Għall-emissjonijiet minn proċessi, il-kwoti tal-emissjonijiet għandhom ikunu allokati fuq il-bażi tal-emissjonijiet storiċi. Sabiex ikun żgurat li l-allokazzjoni mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet għal tali emissjonijiet tipprovdi inċentivi biżżejjed għat-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra u biex tkun evitata kwalunkwe differenza fit-trattament tal-emissjonijiet minn proċess li huma allokati fuq il-bażi tal-emissjonijiet storiċi u dawk fi ħdan il-konfini tas-sistema ta’ parametru referenzjarju ta’ prodott, il-livell storiku tal-attività ta’ kull installazzjoni għandu jkun immultiplikat b’fattur ugwali għal 0,9700 biex ikun stabbilit in-numru tal-kwoti tal-emissjonijiet mingħajr ħlas.

[…]

(16)

L-ammont tal-kwoti li sejrin jiġu allokati mingħajr ħlas lill-installazzjonijiet eżistenti għandu jkun ibbażat fuq dejta tal-produzzjoni storika. Sabiex ikun żgurat li l-perjodu ta’ referenza ikun safejn hu possibbli rappreżentattiv taċ-ċikli industrijali, li jkopri perjodu rilevanti meta dejta ta’ kwalità tajba tkun disponibbli u li jnaqqas l-impatt ta’ ċirkostanzi speċjali, bħall-għeluq temporanju tal-installazzjonijiet, il-livelli storiċi ta’ attività kienu bbażati fuq il-produzzjoni medjana matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2005 sal-31 ta’ Diċembru 2008, jew, meta hija ogħla, fuq il-produzzjoni medjana matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2010. Huwa xieraq ukoll li titqies kwalunkwe bidla sinifikanti fil-kapaċità li seħħet fil-perjodu rilevanti. Għal parteċipanti ġodda, id-determinazzjoni tal-livelli ta’ attività għandha tkun ibbażata fuq l-użu tal-kapaċità standard ibbażata fuq informazzjoni ta’ settur speċifiku jew fuq l-użu tal-kapaċità speċifika għall-installazzjoni.

[…]

(35)

L-investimenti f’estensjonijiet sinifikanti tal-kapaċità li jagħtu aċċess għar-riserva lill-installazzjonijiet li daħlu ġodda fis-suq previsti fl-Artikolu 10a(7) tad-Direttiva [2003/87] ma għandhomx ikunu ambigwi u għandhom ikunu ta’ ċerta skala sabiex ikun evitat eżawriment bikri tar-riserva ta’ kwoti tal-emissjonijiet maħluqa għall-installazzjonijiet li daħlu ġodda fis-suq, biex ikun evitat xkiel għall-kompetizzjoni, biex ikun evitat kwalunkwe piż amministrattiv mhux xieraq u biex ikun żgurat trattament ugwali lill-installazzjonijiet fl-Istati Membri kollha. Għaldaqstant huwa xieraq li l-limitu għal bidla sinifikanti fil-kapaċità jkun iddefinit bi 10 % tal-kapaċità installata tal-installazzjoni u jkun meħtieġ li l-bidla fil-kapaċità installata tagħti bidu għal livell ta’ attività ogħla jew inqas b’mod sinifikanti tal-installazzjoni kkonċernata. Madankollu, għandhom jitqiesu estensjonijiet jew tnaqqis inkrimentali fil-kapaċità meta jkun evalwat jekk intlaħaqx dan il-livell.

(36)

Minħabba n-numru limitat ta’ kwoti fir-riżerva għal operaturi ġodda, huwa xieraq li jiġi evalwat, meta ammont konsiderevoli ta’ dawn il-kwoti jinħareġ lil operaturi ġodda, jekk aċċess ġust u ekwu għall-kwoti li jifdal għal din ir-riżerva jkunx garantit. Fid-dawl tal-eżitu ta’ din il-valutazzjoni, tista’ tiġi pprovduta l-possibbiltà għal sistema ta’ kju. It-tfassil u d-definizzjoni tal-kriterji tal-eliġibbiltà ta’ tali sistema għandhom iqisu l-prattiki differenti ta’ għoti ta’ permess fl-Istati Membri, jevitaw kull abbuż u ma jipprovdux inċentivi għal riżervi ta’ kwoti matul perjodu ta’ żmien mhux raġonevoli.”

10

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jistipula:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

‘installazzjoni eżistenti’ tfisser kwalunkwe installazzjoni li twettaq waħda jew aktar mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I tad-Direttiva [2003/87] jew xi attività inkluża fl-iskema tal-Unjoni għall-ewwel darba skont l-Artikolu 24 ta’ dik id-Direttiva li

(i)

kisbet permess għall-emissjoni tal-gassijiet serra qabel it-30 ta’ Ġunju 2011 jew,

(ii)

li qiegħda fil-fatt topera, li kisbet il-permessi ambjentali rilevanti kollha, inkluż permess previst fid-Direttiva 2008/1/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġiż (ĠU 2008, L 24, p. 8)], fejn applikabbli sat-30 ta’ Ġunju 2011 u ssodisfat sat-30 ta’ Ġunju 2011, il-kriterji l-oħrajn kollha ddefiniti fl-ordni legali nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat li fuq il-bażi tiegħu l-installazzjoni kienet tkun intitolata li tirċievi l-permess tal-gassijiet serra.

[…]

(n)

‘bidu ta’ attività normali’ tfisser l-ewwel jum ivverifikat u approvat ta’ perjodu kontinwu ta’ 90 jum, jew, meta ċ-ċiklu ta’ produzzjoni eżistenti fis-settur kkonċernat ma jipprevedix produzzjoni kontinwa, l-ewwel jum f’perjodu ta’ 90 jum maqsum f’ċikli ta’ produzzjoni ta’ setturi speċifiċi, li matulhom l-installazzjoni tħaddem mill-inqas 40 % tal-kapaċità li t-tagħmir ikun imfassal biex jakkomoda, filwaqt li jkunu meqjusa, fejn applikabbli, il-kundizzjonijiet operattivi speċifiċi għall-installazzjoni.

[…]”

11

L-Artikolu 6 tal-imsemmija deċiżjoni, intitolat “Diviżjoni f’subinstallazzjonijiet”, jipprevedi:

“1.   Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, l-Istati Membri għandhom jaqsmu kull installazzjoni eliġibbli għall-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva [2003/87] f’subinstallazzjoni waħda jew aktar minn dawn li ġejjin, kif meħtieġ:

(a)

subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju ta’ prodott;

(b)

subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju tas-sħana;

(c)

subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju tal-fjuwil;

(d)

subinstallazzjoni tal-emissjonijiet minn proċess

[…]”

12

Il-Kapitolu II ta’ din l-istess direttiva, intitolat “Installazzjonijiet Eżistenti”, jinkludi l-Artikoli 5 sa 14 tagħha.

13

Fil-paragrafu 3 tiegħu, l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 2011/278, intitolat “Il-ġbir tad-dejta bażi ta’ referenza”, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jeħtieġu lill-operatur biex jissottometti l-kapaċità installata inizjali ta’ kull subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjaru ta’ prodott, iddeterminat kif ġej:

(a)

fil-prinċipju, il-kapaċità installata inizjali għandha tkun il-medja tat-2 l-ogħla volumi ta’ produzzjoni kull xahar fil-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2005 sal-31 ta’ Diċembru 2008 jekk wieħed jassumi li s-subinstallazzjoni ilha topera f’din it-tagħbija għal 720 siegħa kull xahar għal 12-il xahar kull sena;

(b)

Meta ma jkunx possibbli li jiddeterminaw il-kapaċità installata inizjali skont il-punt (a), għandha tiġi mwettqa verifika sperimentali tal-kapaċità tas-subinstallazzjoni taħt is-sorveljanza ta’ verifikatur sabiex tiżgura li l-parametri użati jkunu tipiċi għas-settur ikkonċernat u li r-riżultati tal-verifika sperimentali jkunu rappreżentattivi.”

14

Skont l-Artikolu 9 ta’ din id-deċiżjoni, intitolat “Il-livell storiku ta’ attività”:

“1.   Għall-installazzjonijiet eżistenti, l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-livelli storiċi ta’ attività għal kull installazzjoni għall-perjodu ta’ referenza mill-1 ta’ Jannar 2005 sal-31 ta’ Diċembru 2008, jew, meta jkunu ogħla, għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2010, fuq il-bażi tad-dejta miġbura skont l-Artikolu 7.

2.   Il-livell storiku ta’ attività relatat mal-prodott għandu, għal kull prodott li għalih kien stabbilit parametru referenzjarju ta’ prodott kif imsemmi fl-Anness I, jirreferi għall-produzzjoni medjana annwali storika ta’ dan il-prodott fl-installazzjoni kkonċernata matul il-perjodu ta’ referenza.

3.   Il-livell storiku ta’ attività relatat mas-sħana għandu jirreferi għall-importazzjoni minn installazzjoni koperta mill-iskema tal-Unjoni, il-produzzjoni medjana annwali storika, jew it-tnejn li huma, waqt il-perjodu ta’ referenza, ta’ sħana li titkejjel u li tiġi kkunsmata għall-produzzjoni ta’ prodotti, għall-produzzjoni tal-enerġija mekkanika li ma tintużax għall-produzzjoni tal-elettriku, għat-tisħin jew it-tkessiħ bl-eċċezzjoni tal-konsum għall-produzzjoni tal-elettriku, jew esportata għal installazzjonijiet jew entità oħra mhux koperta mill-iskema tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-esportazzjoni għall-produzzjoni tal-elettriku espressa f’terajoule kull sena.

4.   Il-livell storiku ta’ attività relatat mal-fjuwil għandu jirreferi għall-konsum medjan annwali storiku ta’ fjuwils użati għall-produzzjoni tas-sħana li ma titkejjilx u li tiġi kkunsmata għall-produzzjoni ta’ prodotti, għall-produzzjoni tal-enerġija mekkanika li ma tintużax għall-produzzjoni tal-elettriku, għat-tisħin jew għat-tkessiħ bl-eċċezzjoni tal-konsum għall-produzzjoni tal-elettriku, inkluż l-ivvampjar għas-sikurezza, matul il-perjodu ta’ referenza u espressa f’terajoule kull sena.

[…]

6.   Għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valuri medjani msemmija fil-paragrafi 1 sa 5 għandhom jitqiesu biss is-snin kalendarji li matulhom l-installazzjoni kienet qiegħda topera għal mill-inqas jum.

Jekk l-installazzjoni kienet qiegħda topera għal inqas minn sentejn kalendarji matul iż-żewġ perjodi ta’ referenza relevanti, il-livelli storiċi ta’ attività għandhom ikunu kkalkolati fuq il-bażi tal-kapaċità installata inizjali determinata skont il-metodoloġija stabbilita fl-Artikolu 7(3) ta’ kull subinstallazzjoni mmultiplikata bil-fattur tal-utilizazzjoni tal-kapaċità rilevanti ddeterminat skont l-Artikolu 18(2).”

15

L-Artikolu 10 tal-istess deċiżjoni, intitolat “L-allokazzjoni fil-livell ta’ installazzjoni”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Fuq il-bażi tad-dejta miġbura skont l-Artikolu 7, l-Istati Membri għandhom, għal kull sena, jikkalkolaw in-numru ta’ kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas mill-2013 ’il quddiem lil kull installazzjoni eżistenti fit-territorju tagħhom skont il-paragrafi 2 sa 8.

2.   Għall-fini ta’ din il-kalkolazzjoni, l-Istati Membri għandhom l-ewwel jiddeterminaw in-numru annwali preliminari tal-kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas lil kull subinstallazzjoni separatament kif ġej:

(a)

għal kull subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju ta’ prodott, in-numru annwali preliminari tal-kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas għal sena partikolari għandu jikkorrispondi mal-valur ta’ dan il-parametru referenzjarju ta’ prodott hekk kif imsemmi fl-Anness I immultiplikat bil-livell storiku ta’ attività relatat mal-prodott rilevanti;

(b)

għal:

(i)

is-subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju tas-sħana, in-numru annwali preliminari tal-kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas għal sena partikolari għandu jikkorrispondi għall-valur tal-parametri referenzjarji tas-sħana li tista’ titkejjel kif imsemmi fl-Anness I immultiplikat bil-livell storiku ta’ attività relatat mas-sħana għall-konsum tas-sħana li titkejjel;

(ii)

is-subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju tal-fjuwil, in-numru annwali preliminari tal-kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas għal sena partikolari għandu jikkorrispondi mal-valur tal-parametri referenzjarji tal-fjuwil kif imsemmi fl-Anness I immultiplikat bil-livell storiku ta’ attività relatat mal-fjuwil għall-fjuwil ikkunsmat;

(iii)

is-subinstallazzjoni ta’ emissjonijiet minn proċess, in-numru annwali preliminari tal-kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas għal sena partikolari għandu jikkorrispondi mal-livell storiku ta’ attività relatat mal-proċess immultiplikat b’0,9700.

[…]”

16

Il-Kapitolu IV tad-Deċiżjoni 2011/278, intitolat “Installazzjonijiet li jidħlu ġodda fis-suq u Installazzjonijiet li jagħlqu”, jinkludi l-Artikoli 17 sa 24 tagħha.

17

L-Artikolu 17 ta’ din id-deċiżjoni, intitolat “Applikazzjoni għal allokazzjoni mingħajr ħlas”, jipprovdi:

“1.   Meta ssir applikazzjoni għal installazzjoni li tidħol ġdida fis-suq, l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw fuq il-bażi tar-regoli preżenti l-ammont tal-kwoti li għandhom ikunu allokati mingħajr ħlas meta l-installazzjoni kkonċernata tkun bdiet l-attività normali u l-kapaċità installata inizjali tagħha tkun ġiet determinata.

2.   L-Istati Membri għandhom jaċċettaw biss applikazzjonijiet li huma sottomessi lill-awtorità kompetenti fi żmien sena wara l-bidu tal-operazzjoni normali tal-installazzjoni jew subinstallazzjoni kkonċernata.

3.   L-Istati Membri għandhom jiddividu l-installazzjoni ikkonċernata f’subinstallazzjonijiet skont l-Artikolu 6 ta’ din id-Deċiżjoni u għandhom jirrikjedu lill-operatur li jissottometti, flimkien mal-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-informazzjoni u d-dejta rilevanti kollha rigward kull parametru elenkat fl-Anness V separatament għal kull subinstallazzjoni lill-awtorità kompetenti. Jekk ikun meħtieġ, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-operatur jissottometti aktar dejta mhux miġbura f’daqqa.

4.   Għall-installazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3 (h) tad-Direttiva [2003/87], bl-eċċezzjoni tal-installazzjonijiet li kellhom estensjoni sinifikanti wara t-30 ta’ Ġunju 2011, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-operatur jiddetermina l-kapaċità installata inizjali ta’ kull subinstallazzjoni skont il-metodoloġija stabbilita fl-Artikolu 7(3) billi jintuża perjodu kontinwu ta’ 90 jum fuq il-bażi ta’ liema l-bidu tal-operazzjoni normali huwa ddeterminat bħala referenza. L-Istati Membri għandhom japprovaw din il-kapaċità installata inizjali ta’ kull subinstallazzjoni qabel jikkalkulaw l-allokazzjoni lill-installazzjoni.

[…]”

18

L-Artikolu 18 tal-imsemmija deċiżjoni, intitolat “Il-livelli ta’ attività”, jipprevedi:

“1.   Għal installazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3 (h) tad-Direttiva [2003/87], bl-eċċezzjoni ta’ installazzjonijiet li kellhom estenzjoni sinifikanti wara t-30 ta’ Ġunju 2011, l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-livelli [ta’ attività] ta’ kull installazzjoni kif ġej:

(a)

il-livell ta’ attività relatat mal-prodott għandu, għal kull prodott li għalih kien stabbilit parametru referenzjarju ta’ prodott kif imsemmi fl-Anness I, ikun il-kapaċità tal-produzzjoni inizjali installata għall-produzzjoni ta’ dan il-prodott tal-installazzjoni kkonċernata immultiplikata bil-fattur ta’ utilizzazzjoni tal-kapaċità standard rilevanti;

(b)

il-livell ta’ attività relatat mas-sħana għandu jkun il-kapaċità installata inizjali għall-importazzjoni minn installazzjonijiet koperti mill-iskema tal-Unjoni, il-produzzjoni, jew it-tnejn li huma, tas-sħana li titkejjel ikkunsmata fil-konfini tal-installazzjoni għall-produzzjoni ta’ prodotti,għall-produzzjoni tal-enerġija mekkanika li ma tkunx użata għall-produzzjoni tal-elettriku, għat-tisħin jew it-tkessiħ bl-eċċezzjoni tal-konsum għall-produzzjoni tal-elettriku jew esportata lejn installazzjoni jew entità oħra mhux koperta mill-iskema tal-Unjoni bl-eċċezzjoni tal-esport għall-produzzjoni tal-elettriku mmultiplikata bil-fattur ta’ utilizzazzjoni tal-kapaċità rilevanti;

(c)

il-livell ta’ attività relatat mal-fjuwil għandu jkun il-kapaċità installata inizjali tal-konsum tal-fjuwils użati għall-produzzjoni ta’ sħana li ma titkejjilx ikkunsmata għall-produzzjoni ta’ prodotti,għall-produzzjoni tal-enerġija mekkanika li ma tkunx użata għall-produzzjoni tal-elettriku, għat-tisħin jew għat-tkessiħ bl-eċċezzjoni tal-konsum għall-produzzjoni tal-elettriku, inkluż l-ivvampjar tas-sigurtà tal-installazzjoni kkonċernata mmultiplikata bil-fattur ta’ utilizzazzjoni tal-kapaċità applikabbli;

(d)

il-livell ta’ attività relatat malproċess tal-emissjonijiet għandu jkun il-kapaċità installata inizjali għall-produzzjoni tal-emissjonijiet minn proċess tal-unità ta’ proċess immultiplikata bil-fattur tal-utilizzazzjoni tal-kapaċità rilevanti.

2.   Il-fattur ta’ utilizzazzjoni tal-kapaċità standard imsemmi fil-paragrafu 1 (a) għandu jkun stabbilit u ppubblikat mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-ġbir tad-dejta mwettaq mill-Istati Membri skont l-Artikolu 7 ta’ din id-Deċiżjoni. Għal kull parametru referenzjarju tal-prodott stabbilit fl-Anness I, għandu jkun it-80 perċentili tal-fatturi medji annwali tal-kapaċità ta’ utilizzazzjoni tal-installazzjonijiet kollha li jipproduċu l-prodott ikkonċernat. Il-fattur medju annwali tal-kapaċità ta’ utilizzazzjoni għal kull installazzjoni li tipproduċi l-prodott ikkonċernat għandu jikkorrispondi għall-produzzjoni medja annwali tal-perjodu 2005 sa 2008 diviż bil-kapaċità installata inizjali.

Il-fattur tal-utilizzazzjoni tal-kapaċità rilevanti msemmi fil-paragrafi 1 (b) sa (d) għandu jkun stabbilit mill-Istati Membri fuq il-bażi tal-informazzjoni ssostanzjata kif jixraq u vverifikata b’mod indipendenti rigward l-attività normali, il-manutenzjoni, iċ-ċiklu ta’ produzzjoni komuni, it-tekniki effiċjenti fl-użu tal-enerġija u l-utilizzazzjoni tipika maħsuba tal-kapaċità tal-installazzjoni fis-settur ikkonċernat meta mqabbel ma’ informazzjoni speċifika għas-settur.

[…]”

19

Skont l-Artikolu 19 ta’ din l-istess deċiżjoni, intitolat “L-allokazzjonijiet lill-installazzjonijiet li daħlu ġodda fis-suq”:

“1.   Għall-finijiet tal-allokazzjoni tal-kwoti tal-emissjonijiet lil installazzjonijiet li daħlu ġodda fis-suq, bl-eċċezzjoni tal-allokazzjonijiet lill-installazzjonijiet imsemmija fit-tielet inċiż tal-Artikolu 3(h) tad-Direttiva [2003/87], l-Istati Membri għandhom jikkalkulaw in-numru annwali preliminari tal-kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas mal-bidu tal-attività normali tal-installazzjoni għal kull subinstallazzjoni separatament, kif ġej:

(a)

għal kull subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju ta’ prodott, in-numru annwali preliminari tal-kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas għal sena partikolari għandu jikkorrispondi mal-valur ta’ dak il-parametru referenzjarju ta’ prodott immultiplikat bil-livell ta’ attività relatat mal-prodott;

(b)

għal kull subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju tas-sħana, in-numru annwali preliminari tal-kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas għandu jikkorrispondi mal-valur tal-parametru referenzjarju tas-sħana għal din is-sħana li titkejjel kif imsemmi fl-Anness I immultiplikat bil-livell ta’ attività relatat mas-sħana;

(c)

għal kull subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju tal-fjuwil, in-numru annwali preliminari tal-kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas għandu jikkorrispondi mal-valur tal-parametru referenzjarju tal-fjuwil kif imsemmi fl-Anness I immultiplikat bil-livell ta’ attività relatat mal-fjuwil;

(d)

għal kull subinstallazzjoni ta’ emissjonijiet minn proċess, in-numru annwali preliminari tal-kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas għal sena partikolari għandu jikkorrispondi mal-livell storiku ta’ attività relatat mal-proċess immultiplikat b’0,9700.

L-Artikolu 10(4) sa (6) u (8), 11, 12, 13 u 14 ta’ din id-Deċiżjoni għandu japplika mutatis mutandis għall-kalkolu tan-numru annwali preliminari tal-kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas.

[…]

4.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien rigward l-ammont annwali preliminari totali ta’ kwoti ta’ emissjonijiet allokati mingħajr ħlas. L-allokazzjonijiet tal-emissjonijiet mir-riżerva tal-installazzjonijiet li daħlu ġodda fis-suq maħluqa skont l-Artikolu 10a(7) tad-Direttiva [2003/87] għandhom ikunu allokati fuq il-bażi ta’ min jiġi l-ewwel, jinqeda l-ewwel fir-rigward tal-irċevuta ta’ din in-notifika.

Il-Kummissjoni tista’ tirrifjuta l-ammont preliminari annwali totali tal-kwoti ta’ emissjonijiet allokati mingħajr ħlas għall-installazzjoni kkonċernata. Jekk il-Kummissjoni ma tirrifjutax dan l-ammont preliminari annwali totali tal-kwoti ta’ emissjonijiet allokati mingħajr ħlas, l-Istat Membru kkonċernat għandu jipproċedi għad-determinazzjoni tal-ammont annwali finali ta’ kwoti ta’ emissjonijiet allokati mingħajr ħlas.

[…]”

Id-Deċiżjoni 2013/447/UE

20

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/447/UE tal-5 ta’ Settembru 2013 dwar il-fattur ta’ utilizzazzjoni standard tal-kapaċità skont l-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni 2011/278/UE (ĠU 2013, L 240, p. 23), telenka, fl-anness tagħha, il-fatturi ta’ użu tal-kapaċità standard li japplikaw għat-tielet perijodu ta’ skambju għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-livell ta’ attività tal-installazzjonijiet li jidħlu ġodda fis-suq li jaqgħu taħt parametru referenzjarju ta’ prodott.

Id-dritt Ġermaniż

21

L-Artikolu 9(1) tat-Treibhausgas-Emissionshandelsgesetz (il-Liġi dwar l-Iskambju ta’ Drittijiet ta’ Emissjoni ta’ Gassijiet Serra) tal-21 ta’ Lulju 2011 (BGBl. 2011 I, p. 1475, iktar ’il quddiem it-“TEHG”), huwa fformulat b’dan il-mod:

“L-operaturi tal-installazzjonijiet għandhom jirċievu allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ drittijiet ta’ emissjonijiet skont il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 10a(1) sa (5), (7) u (11) sa (20) tad-Direttiva [2003/87] fil-verżjoni tagħha fis-seħħ u skont dawk stabbiliti fid-Deċiżjoni [2011/278].”

22

L-Artikolu 34(1) tat-TEHG, fil-verżjoni tagħha tat-18 ta’ Jannar 2019 (BGBl. 2019 I, p. 37), jistipula:

“L-Artikoli 1 sa 36 fil-verżjoni tagħhom applikabbli sal-24 ta’ Jannar 2019 inklużi għandhom jibqgħu japplikaw, għat-[tielet perijodu ta’ skambju], għal gassijiet serra emessi minħabba attivitajiet fi ħdan it-tifsira tal-Anness 1. […]”

23

L-Artikolu 2 tal-Verordnung über die Zuteilung von Treibhausgas-Emissionberechtigungen in der Handelsperiode 2013 bis 2020 (ir-Regolament dwar l-Allokazzjoni tal-Kwoti ta’ Emissjonijiet ta’ Gassijiet Serra għall-Perijodu ta’ Skambju 2013 sal-2020), tas-26 ta’ Settembru 2011 (BGBl. 2011 I, p. 1921, iktar ’il quddiem iz-“ZuV 2020”), intitolat “Definizzjoni”, jipprovdi:

“Minbarra d-definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 3 tat-[TEHG], id-definizzjonijet li ġejjin huma applikabbli għall-finijiet ta’ dan ir-regolament:

[…]

2. Dħul fis-servizz regolari

tfisser l-ewwel jum ta’ perijodu kontinwu ta’ 90 jum, jew, meta ċ-ċiklu ta’ produzzjoni normali fis-settur ikkonċernat ma jipprevedix produzzjoni kontinwa, l-ewwel jum f’perijodu ta’ 90 jum maqsum f’ċikli ta’ produzzjoni fis-settur, li matulu l-installazzjoni tħaddem mill-inqas 40 % tal-kapaċità ta’ produzzjoni li t-tagħmir ikun imfassal biex jakkomoda, filwaqt li jkunu meqjusa, fejn applikabbli, il-kundizzjonijiet operattivi speċifiċi tal-installazzjoni;

[…]

10. Installazzjonijiet ġodda

L-installazzjonijiet li daħlu ġodda fis-suq kollha skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(h) tad-Direttiva [2003/87];

[…]

27. Element ta’ allokazzjoni b’valur ta’ emissjonijiet ta’ kombustibbli

Ġbir flimkien tal-flussi tad-dħul, tal-flussi tal-ħruġ u tal-emissjonijiet relatati, mhux koperti minn element ta’ allokazzjoni skont il-punti 28 jew 30, fil-każ ta’ produzzjoni ta’ sħana li ma tistax titkejjel permezz ta’ kombustjoni ta’ kombustibbli, meta s-sħana li ma tistax titkejjel,

a)

hija użata għall-produzzjoni ta’ prodotti, ta’ enerġija mekkanika, ta’ tisħin jew ta’ tkessiħ jew

b)

tiġi prodotta permezz tal-ivvampjar għas-sikurezza, sa fejn l-awtorizzazzjoni tal-kombustjoni assoċjata ta’ kombustibbli pilota u ta’ ammonti li jvarjaw ħafna ta’ gassijiet minn proċess jew residwi tkun prevista fil-liġi bil-għan li l-installazzjonijiet jiġu meħlusa esklużivament fil-każ ta’ perturbazzjonijiet tal-operat jew ċirkustanzi oħra eċċezzjonali;

bl-esklużjoni tas-sħana li ma tistax titkejjel użata għall-produzzjoni tal-elettriku jew esportata għall-produzzjoni tal-elettriku;

[…]”

24

Skont l-Artikolu 16 taz-ZuV 2020, intitolat “Applikazzjoni għall-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ drittijiet ta’ emissjonijiet”, jipprovdi:

“(1)   L-applikazzjonijiet għall-allokazzjoni mingħajr ħlas tal-installazzjonijiet li daħlu ġodda fis-suq għandhom jiġu ppreżentati f’terminu ta’ sena b’effett mill-bidu tal-operat normali tal-installazzjoni u, f’każ ta’ żieda sinjifikattiva fil-kapaċità, f’terminu ta’ sena b’effett mill-bidu tal-operat immodifikat.

[…]

(4)   B’deroga mill-Artikolu 4, il-kapaċità installata inizjali għall-installazzjonijiet ġodda tikkorrispondi, għal kull element ta’ allokazzjoni, għall-medja, estrapolata fuq sena kalendarja, tal-ikbar żewġ kwantitajiet mensili prodotti matul il-perijodu kontinwu ta’ 90 ġurnata li abbażi tiegħu jiġi stabbilit il-bidu tal-operat normali.

[…]”

25

L-Artikolu 17 ta’ din iz-ZuV 2020, intitolat “Livelli ta’ attività tal-installazzjonijiet li daħlu ġodda fis-suq”, jipprovdi:

(1)   Għall-elementi ta’ allokazzjoni tal-installazzjonijiet ġodda li għandhom jiġu stabbiliti skont l-Artikolu 3, il-livelli ta’ attività rilevanti għall-allokazzjoni tal-kwoti għandhom jiġu stabbiliti kif ġej:

[…]

3. il-livell ta’ attività relatat mal-kombustibbli ta’ element ta’ allokazzjoni b’valur ta’ emissjonijiet ta’ kombustibbli huwa ugwali għall-kapaċità installata inizjali tal-element ta’ allokazzjoni kkonċernat immultiplikat bil-fattur tal-użu tal-kapaċità applikabbli;

[…]

(2)   Il-fattur tal-użu tal-kapaċità applikabbli msemmi fil-punti 2 sa 4 tal-paragrafu 1, għandu jiġi stabbilit abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-applikant fuq:

1. l-użu effettiv tal-element ta’ allokazzjoni sal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni u fuq l-operat previst tal-installazzjoni jew tal-element tal-allokazzjoni, il-perijodi ta’ manutenzjoni u ċ-ċikli ta’ produzzjoni previsti tagħhom,

2. l-użu ta’ teknika b’effiċjenza għolja ta’ enerġija u effiċjenti mill-perspettiva tal-gassijiet serra li jistgħu jaffettwaw il-fattur tal-użu tal-kapaċità applikabbli tal-installazzjoni,

3. l-użu tal-kapaċità tipika fis-setturi kkonċernati.

[…]”

26

L-Artikolu 18 ta’ din l-istess ZuV 2020, intitolat “Allokazzjoni għall-installazzjonijiet li daħlu ġodda fis-suq”, huwa fformulat b’dan il-mod:

“(1)   Għall-allokazzjoni ta’ kwoti lill-installazzjonijiet ġodda, l-awtorità kompetenti għandha tikkalkola n-numru annwali provviżorju ta’ kwoti li għandhom jiġu allokati mingħajr ħlas fil-bidu tal-operat normali tal-installazzjoni għas-snin li jifdal tal-perijodu ta’ skambju 2013 sa 2020 kif ġej u separatament għal kull element ta’ allokazzjoni:

[…]

3.   għal kull element ta’ allokazzjoni b’valur ta’ emissjonijiet ta’ kombustibbli, in-numru annwali provviżorju ta’ kwoti li għandhom jiġu allokati mingħajr ħlas għandu jkun ugwali għall-prodott tal-valur ta’ emissjonijiet ta’ kombustibbli u tal-livell ta’ attività relatat mal-kombustibbli;

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

27

Ingredion Germany topera installazzjoni f’Hamburg (il-Ġermanja) intiża għall-produzzjoni ta’ prodotti tal-lamtu. Din l-installazzjoni tinkludi, bħala subinstallazzjonijiet, apparat ġdid ta’ tisħin tal-arja u ġeneratur ġdid tal-fwar. Din l-installazzjoni tuża l-fwar u l-gass naturali sabiex tiġġenera sħana għall-produzzjoni tal-lamtu.

28

Fit-8 ta’ Awwissu 2014, għat-tielet perijodu ta’ skambju, Ingredion Germany applikat mad-Deutsche Emissionsthandelsstelle (id-Dipartiment Ġermaniż tal-Iskambju ta’ Kwoti ta’ Emissjonijiet, iktar ’il quddiem id-“DEHSt”) għall-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas għall-installazzjoni l-ġdida, komposta, minn naħa, minn allokazzjoni skont il-valur tal-emissjonijiet tas-sħana u, min-naħa l-oħra, minn allokazzjoni skont il-valur tal-emissjonijiet tal-kombustibbli.

29

Fir-rigward ta’ din tal-aħħar, id-DEHSt l-ewwel nett ibbaża ruħu, skont id-data pprovduta minn Ingredion Germany, fuq fattur ta’ użu tal-kapaċità applikabbli ta’ 109 %. Fil-fatt, il-kapaċità installata inizjali ġiet iddeterminata abbażi tal-kwantitajiet prodotti fi żmien 90 jum mid-dħul fis-servizz regolari, f’mument meta l-installazzjoni kienet għadha ma laħqitx il-kapaċità ta’ produzzjoni prevista. Dan huwa għaliex l-użu effettiv tal-kapaċità matul il-perijodu ta’ referenza ta’ bejn il-15 ta’ Awwissu 2013 u l-20 ta’ Ġunju 2014 kien ta’ iktar minn 100 % tal-kapaċità installata inizjali.

30

Permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Settembru 2015, id-DEHSt alloka lil Ingredion Germany 124908 kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas għat-tielet perijodu ta’ skambju. Skont il-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni, id-DEHSt kien, inizjalment, innotifika l-kwantità allokata lill-Kummissjoni billi applika fattur ta’ użu tal-kapaċità ta’ 109 %. Issa, fid-deċiżjoni tagħha tal-24 ta’ Marzu 2015 [C(2015) 1733 finali], il-Kummissjoni kienet ċaħdet koeffiċjent ta’ użu tal-kapaċità applikabbli ta’ 100 % jew iktar għal tliet installazzjonijiet Ġermaniżi oħra. Konsegwentement, id-DEHSt beda jibbaża ruħu fuq fattur ta’ użu tal-kapaċità ta’ 99.9 %.

31

L-oppożizzjoni mressqa minn Ingredion Germany, fit-30 ta’ Settembru 2015, quddiem id-DEHSt kontra d-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar tal-1 ta’ Settembru 2015 ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Lulju 2017.

32

Permezz tar-rikors tagħha ppreżentat fid-9 ta’ Awwissu 2017 quddiem il-Verwaltungsgericht Berlin (il-Qorti Amministrattiva ta’ Berlin, il-Ġermanja), Ingredion Germany żammet it-talba tagħha għal allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas għall-installazzjonijiet li daħlu ġodda fis-suq.

33

Il-qorti tar-rinviju tindika li s-soluzzjoni tal-kawża mressqa quddiemha tiddependi mill-kwistjoni dwar jekk, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni 2011/278, il-fattur ta’ użu tal-kapaċità applikabbli huwiex limitat għal valur ta’ inqas minn 100 % għall-finijiet tal-imsemmija allokazzjoni.

34

F’dan ir-rigward, din il-qorti tqis li l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma ssemmix eventwali limitazzjoni tal-valur tal-fattur ta’ użu tal-kapaċità applikabbli. F’dan il-każ, fattur ta’ użu tal-kapaċità applikabbli iktar għoli jirriżulta minn informazzjoni kkorroborata u vverifikata b’mod indipendenti, li tirrigwarda mhux biss l-operat normali previst, iżda wkoll dak effettiv, tal-installazzjoni sal-preżentata ta’ tali talba. B’differenza mill-installazzjonijiet eżistenti, id-determinazzjoni tal-kapaċità installata inizjali għall-installazzjonijiet li daħlu ġodda fis-suq hija bbażata, konformement mal-Artikolu 17(4) tad-Deċiżjoni 2011/278, fuq perijodu ta’ 90 jum wara l-bidu tal-operat normali u mhux fuq perijodu ta’ erba’ snin, previst, bħala prinċipju, fl-Artikolu 7(3)(a) ta’ din id-deċiżjoni, b’mod li jista’ jokkorri iktar frekwentement li l-operat normali previst ma jkunx għadu ntlaħaq matul dan il-perijodu ta’ 90 jum.

35

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tosserva wkoll li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(2) tal-imsemmija deċiżjoni jirreferi għall-użu tal-kapaċità tipika tas-settur ikkonċernat li, bħala regola ġenerali, għandu jkun inqas minn 100 %. Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 18(1)(a) tad-Deċiżjoni 2011/278, fattur ta’ użu tal-kapaċità standard huwa applikat għall-installazzjonijiet li jidħlu ġodda fis-suq li għandhom subinstallazzjonijiet b’parametru referenzjarju ta’ prodott, liema fattur, kif stabbilit fid-Deċiżjoni 2013/447, dejjem għandu valur ta’ inqas minn 100 %.

36

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Berlin (il-Qorti Amministrattiva ta’ Berlin) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 18(1)(c) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni [2011/278], moqri flimkien mal-Artikolu 3(h) u mal-Artikolu 10a tad-Direttiva [2003/87], għandhom jiġu interpretati fis-sens li, għal installazzjonijiet li jidħlu ġodda fis-suq, il-fattur ta’ użu tal-kapaċità applikabbli għal-livell ta’ attività relatat mal-fjuwil għandu jkun limitat għal valur ta’ inqas minn 100 %?”

Fuq id-domanda preliminari

37

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni 2011/278 għandux jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas lill-installazzjonijiet li jidħlu ġodda fis-suq, il-fattur ta’ użu tal-kapaċita applikabbli huwa limitat għal valur ta’ inqas minn 100 %.

38

F’dan ir-rigward, preliminarjament għandu jitfakkar li d-Direttiva 2003/87 għandha l-għan li tistabbilixxi sistema ta’ skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet intiża għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-atmosfera għal livell li jipprekludi kull interferenza antropoġenika perikoluża tal-klima u li l-għan finali tagħha huwa l-protezzjoni tal-ambjent (sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2019, ExxonMobil Production Deutschland, C‑682/17, EU:C:2019:518, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Din l-iskema hija bbażata fuq loġika ekonomika, li tħeġġeġ lil kull installazzjoni parteċipanti fiha jemetti kwantità ta’ gassijiet serra li hija inqas mill-kwoti li ġew inizjalment mogħtija lilha, sabiex tittrasferixxi l-bqija tagħhom lil installazzjoni oħra li tkun ipproduċiet kwantità ta’ emissjonijiet ikbar mill-kwoti allokati (sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2019, ExxonMobil Production Deutschland, C‑682/17, EU:C:2019:518, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

L-adozzjoni tad-Direttiva 2003/87 għalhekk kienet tfittex li jitnaqqsu, sa mhux iktar tard mill-2020, l-emissjonijiet globali ta’ gassijiet serra tal-Unjoni b’minn tal-inqas 20 % meta mqabbla mal-livelli tagħhom fis-sena 1990, f’kundizzjonijiet ekonomikament effikaċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2019, ExxonMobil Production Deutschland, C‑682/17, EU:C:2019:518, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Għal dan il-għan, l-Artikolu 10a ta’ din id-direttiva jipprevedi, għall-installazzjonijiet li jaqgħu taħt ċertu setturi ta’ attivitajiet, l-allokazzjoni kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas ta’, li l-kwantità tagħhom, skont l-Artikolu 10a(11), għandha titnaqqas gradwalment matul it-tielet perijodu ta’ skambju, bil-għan li tintlaħaq l-abolizzjoni totali ta’ dawn il-kwoti mingħajr ħlas sas-sena 2027 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2019, ExxonMobil Production Deutschland, C‑682/17, EU:C:2019:518, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

Kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikolu 10(1) tal-imsemmija direttiva u mill-premessa 15 tad-Direttiva 2009/29, sabiex jinkiseb tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, l-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet għaldaqstant hija progressivament maħsuba li tissejjes esklużivament fuq il-prinċipju tal-bejgħ bl-irkant, li, skont il-leġiżlatur tal-Unjoni, huwa ġeneralment meqjus bħala s-sistema l-iktar effiċjenti mill-perspettiva ekonomika (sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2019, ExxonMobil Production Deutschland, C‑682/17, EU:C:2019:518, punt 66).

43

Konformement mal-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87, il-Kummissjoni stabbilixxiet, permezz tad-Deċiżjoni 2011/278, ir-regoli armonizzati fuq il-livell tal-Unjoni għall-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas. Mill-Artikolu 10a(2) jirriżulta li, f’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tistabbilixxi parametri referenzjarji skont is-settur jew subsettur.

44

Huwa f’dan il-kuntest li l-Artikolu 19(1) ta’ din id-deċiżjoni jipprevedi li, għall-installazzjonijiet li jidħlu ġodda fis-suq, kif iddefiniti fl-Artikolu 3(h) tad-Direttiva 2003/87, u bl-eċċezzjoni ta’ dawk imsemmija fit-tielet inċiż ta’ din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jikkalkolaw in-numru annwali provviżorju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet allokati mingħajr ħlas billi l-valur ta’ dawn il-parametri referenzjarji jiġi mmultiplikat bil-livell ta’ attività ta’ kull subinstallazzjoni. Għal dan il-għan, l-Istati Membri huma obbligati li jagħmlu distinzjoni, skont l-Artikolu 6 ta’ din l-istess deċiżjoni, bejn is-subinstallazzjonijiet skont l-attività tagħhom, sabiex ikun jista’ jiġi stabbilit jekk għandux jiġi applikat “parametru referenzjarju ta’ prodott”, “parametru referenzjarju ta’ sħana” jew “parametru referenzjarju ta’ kombustibbli” jew ukoll fattur speċifiku għas-“subinstallazzjonijiet tal-emissjonijiet minn proċess”.

45

F’dan ir-rigward, konformement mal-Artikolu 18(1)(c) tad-Deċiżjoni 2011/278, il-livell ta’ attività relatat mal-kombustibbli, li huwa rilevanti fil-kuntest tat-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkorrispondi, bħalma huwa previst għas-sħana u għall-emissjonijiet minn proċess, skont il-paragrafu 1(b) u (d) ta’ dan l-artikolu, għall-kapaċità installata inizjali tal-installazzjoni kkonċernata mmultiplikata bil-fattur ta’ użu tal-kapaċità applikabbli.

46

Għaldaqstant, sabiex tiġi evalwata l-portata tad-dritt tal-installazzjonijiet li jidħlu ġodda fis-suq li jiġu allokati kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas, għandu jiġi eżaminat jekk dan il-fattur ta’ użu tal-kapaċità applikabbli huwiex limitat għal valur ta’ inqas minn 100 %.

47

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni 2011/278 jippreċiża l-modalitajiet rigwardanti d-determinazzjoni tal-imsemmi fattur u l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għal dan il-għan.

48

Din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-fattur tal-użu tal-kapaċità applikabbli fuq il-bażi ta’ informazzjoni ssostanzjata kif jixraq u vverifikata b’mod indipendenti rigward l-operat normali previst għall-installazzjoni, il-manutenzjoni tagħha, iċ-ċiklu ta’ produzzjoni komuni tagħha, it-tekniki effiċjenti fl-użu tal-enerġija u l-użu tipiki tas-settur ikkonċernat, meta mqabbel mal-informazzjoni speċifika għas-settur. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija dispożizzjoni ma tinkludi ebda preċiżazzjoni dwar il-valur, bħala tali, ta’ dan il-fattur.

49

Minn dan isegwi li l-kliem tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni 2011/278 ma jipprovdix indikazzjoni determinanti li tippermetti li tiġi deċiża l-kwistjoni tal-eventwali limitazzjoni tal-imsemmi fattur għal valur ta’ inqas minn 100 %.

50

F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont ġurisprudenza stabbilita, jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-istruttura ġenerali tad-Direttiva 2003/87 u tad-Deċiżjoni 2011/278 kif ukoll l-għanijiet li dawn iridu jilħqu (sentenza tat-18 ta’ Jannar 2018, INEOS, C‑58/17, EU:C:2018:19, punt 35 u l-ġurisprudenza stabbilita).

51

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-istruttura ġenerali ta’ din id-direttiva u ta’ din id-deċiżjoni, id-dispożizzjonijiet dwar l-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas favur installazzjoni li tidħol ġdida fis-suq, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li għandha subinstallazzjoni b’parametru referenzjarju ta’ kombustibbli jistgħu jitqabblu ma’ dawk applikabbli għall-installazzjonijiet eżistenti, minn naħa, u għall-installazzjonijiet li jidħlu ġodda fis-suq li għandhom subinstallazzjonijiet li jaqgħu taħt parametru referenzjarju ieħor, min-naħa l-oħra.

52

Qabelxejn, fir-rigward tal-installazzjonijiet eżistenti, li huma ddefiniti fl-Artikolu 3(a) tal-imsemmija deċiżjoni, għandu jiġi osservat li l-premessa 16 ta’ din l-istess deċiżjoni tistipula li l-kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas allokati lilhom għandhom ikunu bbażati fuq id-data ta’ produzzjoni storika skont perijodu ta’ referenza li, sa fejn possibbli, ikun jirrappreżenta ċikli industrijali, għandu jkun ikopri perijodu rilevanti li għalih hija rilevanti data ta’ kwalità tajba u għandu jnaqqas l-inċidenzi ta’ ċirkustanzi partikolari bħall-għeluq temporanju tal-installazzjonijiet.

53

Għal dan il-għan, għandu jiġi kkonstatat li l-kapaċità installata inizjali tal-installazzjonijiet eżistenti ma hijiex, bħala prinċipju, data meħuda inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tan-numru annwali provviżorju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet li jiġu allokati lilhom mingħajr ħlas.

54

Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 10(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2011/278, dan il-kalkolu għandu jsir permezz tal-multiplikazzjoni tal-parametru referenzjarju applikabbli għas-subinstallazzjoni kkonċernata bil-livell ta’ attività storika tagħha.

55

F’dan ir-rigward, kif previst fl-Artikolu 9(1) ta’ din id-deċiżjoni, l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-livelli ta’ attività storiċi ta’ kull installazzjoni għall-perijodu ta’ referenza mill-1 ta’ Jannar 2005 sal-31 ta’ Diċembru 2008 jew, jekk dawn il-livelli huma ogħla, għall-perijodu ta’ referenza mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2010.

56

Il-paragrafi 2 sa 5 ta’ dan l-artikolu jippreċiżaw, barra minn hekk, li l-livell ta’ attività storika jikkorrispondi għall-valur medju ta’ fattur speċifiku għal kull parametru referenzjarju, li, fir-rigward tal-kombustibbli, jikkonsisti, konformement mal-paragrafu 4 tal-imsemmi artikolu, fil-konsum annwali storiku tal-kombustibbli użati għall-produzzjoni ta’ sħana li ma tistax titkejjel ikkonsmata għall-finijiet ta’ ċerti attivitajiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni matul il-perijodu ta’ referenza.

57

Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li, fid-dawl tal-iskema applikabbli għalihom, l-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas lill-installazzjonijiet eżistenti ssir abbażi ta’ data rappreżentattiva tal-operat effettiv ta’ dawn l-installazzjonijiet.

58

Min-naħa l-oħra, mill-premessa 16 tad-Deċiżjoni 2011/278 jirriżulta wkoll li din l-iskema ma testendix għall-installazzjonijiet li jidħlu ġodda fis-suq, li fir-rigward tagħhom huwa espressament previst li l-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas hija suġġetta għal metodu ta’ kalkolu distint.

59

Min-naħa l-oħra, kif tfakkar fil-punti 44 sa 45 ta’ din is-sentenza, l-allokazzjoni inkwistjoni favur l-installazzjonijiet li jidħlu ġodda fis-suq titwettaq abbażi tal-kapaċità installata inizjali tal-installazzjonijiet ikkonċernati.

60

Għandu jiġi osservat, b’mod partikolari, li konformement mal-Artikolu 17(4) ta’ din id-deċiżjoni, din il-kapaċità installata inizjali għandha tiġi ddeterminata skont il-metodu indikat fl-Artikolu 7(3), li jipprevedi li, bħala prinċipju, l-imsemmija kapaċità inizjali għandha tikkorrispondi għall-medja tal-ikbar żewġ volumi ta’ produzzjoni ta’ kull xahar matul perijodu partikolari, billi jintuża bħala referenza l-perijodu kontinwu ta’ 90 jum li jservi ta’ bażi għad-determinazzjoni tal-bidu tal-operat normali.

61

Barra minn hekk, il-bidu tal-operat normali huwa ddefinit fl-Artikolu 3(n) tal-imsemmija deċiżjoni bħala l-ewwel jum ivverifikat u approvat ta’ perijodu kontinwu ta’ 90 jum, jew, meta ċ-ċiklu ta’ produzzjoni abitwali fis-settur ikkonċernat ma jipprevedix produzzjoni kontinwa, l-ewwel jum f’perijodu ta’ 90 jum maqsum f’ċikli ta’ produzzjoni ta’ setturi speċifiċi, li matulhom l-installazzjoni tħaddem mill-inqas 40 % tal-kapaċità li t-tagħmir ikun imfassal biex jakkomoda, filwaqt li jkunu meqjusa, fejn applikabbli, il-kundizzjonijiet operattivi speċifiċi għall-installazzjoni.

62

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi dedott mingħajr ambigwità mill-qosor tal-perijodu ta’ referenza kif ukoll mil-livell baxx ta’ kapaċità magħżula, li ġie espressament magħżul li l-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas lill-installazzjonijiet li jidħlu ġodda ma tkunx tiddependi fuq data li tkun neċessarjament rappreżentattiva tal-operat effettiv tal-installazzjonijiet ikkonċernati.

63

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2019, ExxonMobil Production Deutschland, C‑682/17, EU:C:2019:518, punt 90 u l-ġurisprudenza).

64

F’dan ir-rigward, fid-dawl tas-sitwazzjonijiet li huma partikolari għalihom, żewġ skemi distinti ġew stabbiliti, minn naħa, għall-finijiet tal-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas lill-installazzjonijiet eżistenti u, min-naħa l-oħra, għall-installazzjonijiet li jidħlu ġodda fis-suq.

65

Minn dan isegwi li, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma jistax jiġi sostnut li l-fattur ta’ użu tal-kapaċità applikabbli huwa intiż, jekk ikun il-każ billi jilħaq valur ta’ iktar minn 100 %, sabiex jiżgura li, bħal fil-każ tal-installazzjonijiet eżistenti, l-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas għall-benefiċċju tal-installazzjonijiet li jidħlu ġodda fis-suq issir abbażi ta’ data li tirrifletti l-użu effettiv tal-kapaċità tal-installazzjoni kkonċernata.

66

Sussegwentement, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni 2011/278 fid-dawl tal-istruttura ġenerali tad-Direttiva 2003/87 u ta’ din id-deċiżjoni, għandha tiġi evalwata s-sitwazzjoni ta’ installazzjoni li tidħol ġdida fis-suq, bħal Ingredion Germany, li jkollha subinstallazzjoni b’parametru referenzjarju ta’ kombustibbli fid-dawl ta’ dik li fiha jinsabu l-installazzjonijiet li jidħlu ġodda fis-suq li jkollhom subinstallazzjonijiet li jaqgħu taħt parametri referenzjarji oħra.

67

Kif tfakkar, fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, għall-finijiet tal-kalkolu tan-numru annwali provviżorju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet allokati mingħajr ħlas lill-installazzjonijiet li jidħlu ġodda fis-suq, għandu jiġi ddeterminat jekk is-subinstallazzjonijiet ikkonċernati jaqgħux taħt parametru referenzjarju ta’ prodott, parametru referenzjarju ta’ sħana jew parametru referenzjarju ta’ kombustibbli jew inkella jekk dawn humiex subinstallazzjonijiet b’emissjonijiet minn proċess.

68

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat li d-definizzjonijiet, li jinsabu fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2011/278, tas-subinstallazzjonijiet b’parametru referenzjarju ta’ prodott, b’parametru referenzjarju tas-sħana, b’parametru referenzjarju tal-kombustibbli u b’emissjonijiet minn proċess huma reċiprokament esklużivi (sentenza tat-18 ta’ Jannar 2018, INEOS, C‑58/17, EU:C:2018:19, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69

Hekk kif jirriżulta mill-premessa 12 ta’ din id-deċiżjoni, huwa biss fil-każijiet fejn ma kienx possibbli li jiġi kkalkolat parametru referenzjarju ta’ prodott, iżda fejn ġew iġġenerati emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jistgħu jagħtu lok għall-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas, li jkun neċessarju li dawn il-kwoti jiġu allokati abbażi tat-tliet għażliet oħra msejħa “ta’ riżerva”, skont l-ordni ġerarkika hekk iddeterminata, sabiex ikun immassimizzat it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u l-iffrankar mill-enerġija għal mill-inqas xi partijiet mill-proċessi ta’ produzzjoni kkonċernati (sentenza tat-18 ta’ Jannar 2018, INEOS, C‑58/17, EU:C:2018:19, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70

Fil-kuntest tal-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas lill-installazzjonijiet li jidħlu ġodda fis-suq, u b’mod partikolari fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell ta’ attività tal-installazzjonijiet ikkonċernati, għandha ssir distinzjoni bejn is-subinstallazzjonijiet b’parametru referenzjarju ta’ prodott, minn naħa, u l-installazzjonijiet b’parametru referenzjarju ta’ sħana, b’parametru referenzjarju ta’ kombustibbli jew ta’ emissjonijiet minn proċess, min-naħa l-oħra.

71

Fil-fatt, filwaqt li, għal dak li jirrigwarda lil dawn tal-aħħar, kif jirriżulta mill-Artikolu 18(1)(b) sa (d) tad-Deċiżjoni 2011/278, id-determinazzjoni tal-livell ta’ attività tiddependi mill-fattur ta’ użu tal-kapaċità applikabbli, dan ma huwiex il-każ ta’ installazzjonijiet li jidħlu ġodda fis-suq li għandhom installazzjoni b’parametru referenzjarju ta’ prodott. F’dak li jikkonċerna lil dawn tal-aħħar, l-Artikolu 18(1)(a) ta’ din id-deċiżjoni jipprevedi li l-livell ta’ attività relatat mal-prodott jikkorrispondi għall-kapaċità installata inizjali tal-installazzjoni kkonċernata għall-produzzjoni ta’ dan il-prodott, immultiplikata bil-fattur ta’ użu tal-kapaċità standard.

72

Kif jirriżulta mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(2) tal-imsemmija deċiżjoni, dan il-fattur ta’ użu tal-kapaċità standard għandu jkun stabbilit u ppubblikat mill-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kif stabbilit mid-Deċiżjoni 2013/447 għat-tielet perijodu ta’ skambju, il-valur tal-imsemmi fattur ta’ użu tal-kapaċità rilevanti huwa inqas minn 100 % għal kull wieħed mill-parametri referenzjarji ta’ prodott.

73

Minn dan jirriżulta li qari tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni 2011/278 fid-dawl tad-dispożizzjonijiet dwar id-determinazzjoni tal-livell ta’ attività tal-installazzjonijiet li jidħlu ġodda fis-suq li għandhom installazzjonijiet b’parametru referenzjarju ta’ prodott jipprekludi li jiġi sostnut li l-valur tal-fattur tal-użu tal-kapaċità applikabbli jista’ jkun ta’ 100 % jew iktar.

74

Fil-fatt, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 43 sa 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma tistax tiġi adottata interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li tgħid li, meta l-implimentazzjoni ta’ parametru referenzjarju ta’ prodott, li bħala prinċipju hija prevista minn din id-deċiżjoni, tkun irriżultat impossibbli, l-applikazzjoni, bħala għażla ta’ riżerva, ta’ parametru referenzjarju ieħor tista’ twassal, fir-rigward tal-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas, għal trattament iktar favorevoli tal-installazzjonijiet li jidħlu ġodda fis-suq li joperaw subinstallazzjonijiet b’paramentru referenzjarju ta’ sħana, ta’ kombustibbli jew ta’ emissjonijiet minn proċess, għad-detriment tal-installazzjonijiet li jidħlu ġodda fis-suq li joperaw subinstallazzjonijiet b’parametru referenzjarju ta’ prodott.

75

Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma kkorroborati mill-għanijiet segwiti mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

76

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għalkemm, hekk kif tfakkar fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, l-għan prinċipali tad-Direttiva 2003/87 huwa li l-emissjonijiet tal-gassijiet serra jitnaqqsu b’mod sostanzjali, dan l-għan għandu jintlaħaq filwaqt li jiġu osservati sensiela ta’ għanijiet sekondarji. Kif jesponu l-premessi 5 u 7 ta’ din id-direttiva, dawn l-għanijiet sekondarji huma, b’mod partikolari, il-preżervazzjoni tal-iżvilupp ekonomiku u tal-impjiegi kif ukoll dik tal-integrità tas-suq intern u tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2016, DK Recycling und Roheisen vs Il-Kummissjoni, C‑540/14 P, EU:C:2016:469, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77

Issa, l-eżistenza ta’ inugwaljanza fit-trattament mhux oġġettivament iġġustifikata bejn il-kategoriji ta’ installazzjonijiet li jidħlu ġodda fis-suq imsemmija fil-punt 74 ta’ din is-sentenza hija ta’ natura li tostakola t-twettiq tal-imsemmija għanijiet sekondarji.

78

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni 2011/278 għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas lill-installazzjonijiet li jidħlu ġodda fis-suq, il-fattur ta’ użu tal-kapaċità applikabbli huwa limitat għal valur ta’ inqas minn 100 %.

Dwar l-ispejjeż

79

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE tas-27 ta’ April 2011 li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas lill-installazzjonijiet li jidħlu ġodda fis-suq, il-fattur ta’ użu tal-kapaċità applikabbli huwa limitat għal valur ta’ inqas minn 100 %.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.