SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

3 ta’ Diċembru 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Restrizzjonijiet – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-operat ta’ logħob tal-flus f’ċerti postijiet – Applikabbiltà tal-Artikolu 56 TFUE – Eżistenza ta’element transkonfinali”

Fil-Kawża C‑311/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema, ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Marzu 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ April 2019, fil-proċedura

BONVER WIN, a.s.

vs

Ministerstvo financí ČR,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, N. Piçarra, D. Šváby, S. Rodin (Relatur) u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: M. Longar, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Marzu 2020,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, O. Serdula, J. Vláčil u minn T. Machovičová, bħala aġenti,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér, G. Koós u minn Zs. Wagner, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn J. M. Hoogveld u M. K. Bulterman, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Armati, P. Němečková u K. Walkerová, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ Settembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn BONVER WIN a.s., u l-Ministerstvo financí ČR (il-Ministeru għall-Finanzi tar-Repubblika Ċeka) dwar il-legalità ta’ deċiżjoni li tirtira lil din il-kumpannija l-awtorizzazzjoni li topera logħob ta’ mħatri li hija kellha fit-territorju tal-belt ta’ Děčín (ir-Repubblika Ċeka).

Il-kuntest ġuridiku

3

L-Artikolu 50(4) taz-zákon č. 202/1990 Sb., o loteriích a jiných podobných hrách (il-Liġi Nru 202/1990 dwar il-Lotteriji u Logħob ieħor Simili), tas-17 ta’ Mejju 1990 (202/1990 Sb.), jipprovdi:

“Permezz ta’ digriet ta’ applikazzjoni ġenerali, komun jista’ jirrestrinġi l-operat tal-logħob ta’ mħatri […], ta’ lotteriji u ta’ logħob ieħor simili […] biss għall-perijodi u għall-postijiet elenkati f’dan id-digriet, jiddetermina l-perijodi u l-postijiet fejn l-operat tal-lotteriji u logħob ieħor simili huwa pprojbit jew jipprojbixxi kompletament l-operat tagħhom fit-territorju kollu tal-komun.”

4

L-Artikolu 1(1) tal-obecně závazná vyhláška města Děčín č. 3/2013, o regulaci provozování sázkových her, loterií a jiných podobných her (id-Digriet ta’ Applikazzjoni Ġenerali Nru 3/2013 tal-belt ta’ Děčín, li jirregola l-Operat tal-Logħob ta’ Mħatri, Lotteriji u Logħob ieħor Simili, iktar ’il quddiem id-“Digriet ta’ Applikazzjoni Ġenerali), adottat mill-Kunsill tal-Belt ta’ Děčín fuq il-bażi tal-Artikolu 50(4) tal-Liġi Nru 202/1990 dwar il-Lotteriji u Logħob ieħor Simili, huwa fformulat kif ġej:

“Fit-territorju kollu tal-belt ta’ Děčín, bl-esklużjoni tal-każinos li jinsabu fil-postijiet elenkati fl-Anness 1 ta’ dan id-digriet, huwa pprojbit l-operat:

a)

ta’ logħob ta’ mħatri msemmi fl-Artikolu 2(i)(l), (m) u (n) tal-Liġi dwar il-Lotteriji,

b)

ta’ lotteriji u logħob ieħor simili msemmija fl-Artikolu 2(j) tal-Liġi dwar il-Lotteriji,

c)

ta’ lotteriji u logħob ieħor simili msemmija fl-Artikolu 50(3) tal-Liġi dwar il-Lotteriji.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

5

BONVER WIN hija kumpannija kummerċjali stabbilita fir-Repubblika Ċeka li topera logħob ta’ mħatri.

6

Permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2013, il-Ministeru għall-Finanzi rtira, konformement mad-Digriet ta’ Applikazzjoni Ġenerali Nru 3/2013, l-awtorizzazzjoni li BONVER WIN kellha sa dak iż-żmien għall-operat ta’ logħob ta’ mħatri fi stabbiliment li jinsab fit-territorju tal-belt ta’ Děčín, minħabba li l-post tal-operat ma kienx inkluż fost dawk elenkati fl-Anness 1 ta’ dan id-digriet.

7

BONVER WIN ressqet ilment kontra din id-deċiżjoni li ġie miċħud mill-Ministru għall-Finanzi fit-22 ta’ Lulju 2014.

8

Għaldaqstant, BONVER WIN ippreżentat rikors quddiem il-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga, ir-Repubblika Ċeka), li ċaħdet ir-rikors. Din il-qorti rrilevat, għal dak li jikkonċerna l-argument dwar l-inkompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni, li din tal-aħħar ma tapplikax għas-sitwazzjoni ta’ BONVER WIN, sa fejn din il-kumpannija ma għamlitx użu mid-dritt tagħha għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

9

BONVER WIN ippreżentat appell ta’ kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju fejn sostniet li l-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga) kienet wettqet żball meta kkonkludiet li d-dritt tal-Unjoni ma kienx applikabbli għall-kawża prinċipali. Hija ssostni li l-fatt, ikkorroborat minn ċertifikat stabbilit minn xhud, li parti mill-klijentela tal-istabbiliment tagħha f’Děčín, belt li tinsab madwar 25 km mill-fruntiera Ġermaniża, kienet komposta minn ċittadini ta’ Stati Membri oħra, jirrendi applikabbli l-Artikolu 56 TFUE.

10

Il-qorti tar-rinviju, li tindika l-eżistenza ta’ diverġenza fil-ġurisprudenza tagħha dwar l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi għal sitwazzjonijiet paragunabbli ma’ dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tenfasizza li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ twassal għal restrizzjoni tal-libertà tad-destinatarji tas-servizzi. Din il-qorti tosserva, minn naħa, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li s-servizzi li fornitur stabbilit fi Stat Membru jipprovdi, mingħajr ma jiċċaqlaq, lil destinatarju stabbilit fi Stat Membru ieħor jikkostitwixxu provvista ta’ servizzi transkonfinali u li tali destinatarji jistgħu wkoll ikunu turisti jew persuni li jiċċaqalqu fil-kuntest ta’ vjaġġ ta’ studju.

11

Min-naħa l-oħra, hija tqis li tali leġiżlazzjoni, li tapplika mingħajr distinzjoni għaċ-ċittadini nazzjonali u għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra, ma tistax, bħala regola ġenerali, taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet dwar il-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE ħlief sa fejn din tapplika għal sitwazzjonijiet li għandhom rabta mal-kummerċ bejn l-Istati Membri.

12

Il-qorti tar-rinviju tqis madankollu li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat l-applikabbiltà tal-Artikolu 56 TFUE għal sitwazzjonijiet li fihom fornitur joffri s-servizzi tiegħu bit-telefon jew bl-internet kif ukoll għal dawk li jirrigwardaw gruppi ta’ turisti li jikkostitwixxu destinatarji ta’ servizzi, hija ma stabbilixxietx b’mod ċar jekk dan l-artikolu huwiex applikabbli minħabba s-sempliċi fatt li grupp ta’ ċittadini ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jista’ juża jew juża fi Stat partikolari servizz ipprovdut prinċipalment liċ-ċittadini nazzjonali. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tiddubita li żjara okkażjonali ta’ ċittadin wieħed ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni fi stabbiliment li jipprovdi ċerti servizzi twassal awtomatikament għall-applikabbiltà tal-Artikolu 56 TFUE għal kull leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola b’mod ġenerali dan is-settur nazzjonali ta’ servizzi.

13

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, minn naħa, jekk għandhiex tiġi stabbilita fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, bħalma jeżisti fil-qasam tal-moviment liberu tal-merkanzija, regola de minimis, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ rabta suffiċjenti tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Jekk tali regola tiġi stabbilita, leġiżlazzjoni, li tapplika mingħajr distinzjoni għall-fornituri kollha li jeżerċitaw l-attività tagħhom fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, li għandha effett marġinali fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE. Min-naħa l-oħra, din il-qorti tistaqsi jekk għandux jiġi traspost, fil-kuntest tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, it-tagħlim tas-sentenza tal-24 ta’ Novembru 1993, Keck u Mithouard (C‑267/91 u C‑268/91, EU:C:1993:905), u li jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE l-miżuri applikabbli mingħajr distinzjoni, li jaffettwaw bl-istess mod, fid-dritt u fil-fatt, lill-fornituri kollha ta’ servizzi li jeżerċitaw l-attività tagħhom fit-territorju nazzjonali.

14

F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikoli 56 [TFUE et seq.] japplikaw għal leġiżlazzjoni nazzjonali (digriet komunali ta’ applikazzjoni ġenerali) li tipprojbixxi f’parti minn komun servizz determinat, minħabba biss li parti mill-klijenti tal-fornitur ta’ servizzi kkonċernati minn din il-leġiżlazzjoni tista’ toriġina jew toriġina minn Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea?

Fil-każ ta’ risposta pożittiva, għall-finijiet tal-applikabbiltà tal-Artikolu 56 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, huwa suffiċjenti li tiġi invokata l-eventwali preżenza ta’ klijenti minn Stat Membru ieħor jew il-fornitur ta’ servizzi huwa obbligat li jipprova r-realtà tal-provvista ta’ servizzi lil klijenti li joriġinaw minn Stati Membri oħrajn?

2)

Għandu effett, b’xi mod, għar-risposta għall-ewwel domanda magħmula:

a)

li r-restrizzjoni potenzjali għall-provvista libera tas-servizzi tkun kunsiderevolment limitata, u dan, kemm fuq il-livell ġeografiku kif ukoll fuq il-livell materjali (l-eventwali applikabbiltà tal-eċċezzjoni de minimis);

b)

li ma jidhirx ċar li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tirregola b’mod differenti, fid-dritt jew fil-fatt, is-sitwazzjoni tal-operaturi li jipprovdu servizzi b’mod ewlieni liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea, minn naħa, u dik tal-operaturi li jimmiraw lill-klijenti nazzjonali, min-naħa l-oħra?”

Fuq id-domandi preliminari

15

Permezz tad-domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk u, jekk ikun il-każ, taħt liema kundizzjonijiet, l-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għas-sitwazzjoni ta’ kumpannija stabbilita fi Stat Membru li tkun tilfet l-awtorizzazzjoni tagħha sabiex topera logħob tal-ażżard, wara d-dħul fis-seħħ, f’dan l-Istat Membru, ta’ leġiżlazzjoni li tiddetermina l-postijiet li fihom huwa permess li jiġi organizzat tali logħob, li tapplika mingħajr distinzjoni għall-fornituri kollha li jeżerċitaw l-attività tagħhom fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, kemm jekk dawn il-fornituri jipprovdu servizzi liċ-ċittadini nazzjonali u kif ukoll jekk liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra, meta din il-kumpanija ssostni li parti mill-klijentela tagħha toriġina minn Stat Membru differenti minn dak li fih hija stabbilita.

16

Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu jitfakkar li leġiżlazzjonijiet nazzjonali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li japplikaw mingħajr distinzjoni għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri differenti, ma jistgħux, bħala regola ġenerali, jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet dwar il-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE ħlief sa fejn dawn japplikaw għal sitwazzjonijiet li għandhom rabta mal-kummerċ bejn l-Istati Membri (sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Berlington Hungary et, C‑98/14, EU:C:2015:386, punt 24, u d-digriet tal-4 ta’ Ġunju 2019, Pólus Vegas, C‑665/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:477, punt 17).

17

Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma japplikawx għal sitwazzjoni fejn l-elementi kollha jkunu limitati ġewwa Stat Membru wieħed (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten, C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

18

Fid-dawl ta’ dan, għandu jitfakkar li l-Artikolu 56 TFUE jeżiġi l-eliminazzjoni ta’ kwalunkwe restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, anki jekk din ir-restrizzjoni tapplika mingħajr distinzjoni għall-fornituri nazzjonali u għal dawk ta’ Stati Membri oħra, meta din tkun ta’ natura li tipprojbixxi, tfixkel jew tagħmel inqas attraenti l-attivitajiet tal-fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, fejn huwa jkun jipprovdi legalment servizzi analogi. Barra minn hekk, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi hija ta’ benefiċċju kemm għall-fornitur kif ukoll għad-destinatarju tas-servizzi (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, C‑42/07, EU:C:2009:519, punt 51 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Din tinkludi l-libertà tad-destinatarji ta’ servizzi li jmorru fi Stat Membru ieħor sabiex jibbenefikaw minn servizz hemmhekk, mingħajr ma jiġu mfixkla minn restrizzjonijiet, u t-turisti għandhom jitqiesu li huma destinatarji ta’ servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-31 ta’ Jannar 1984, Luisi u Carbone, 286/82 u 26/83, EU:C:1984:35, punt 16; tat-2 ta’ Frar 1989, Cowan, 186/87, EU:C:1989:47, punt 15, kif ukoll tat-2 ta’ April 2020, Ruska Federacija, C‑897/19 PPU, EU:C:2020:262, punt 52).

19

F’dan ir-rigward, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li s-servizzi li fornitur stabbilit fi Stat Membru jipprovdi, mingħajr ma jiċċaqlaq, lil destinatarju stabbilit fi Stat Membru ieħor jikkostitwixxu provvista ta’ servizzi transkonfinali, fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE (sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Berlington Hungary et., C‑98/14, EU:C:2015:386, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

20

Min-naħa l-oħra, huwa irrilevanti li r-restrizzjoni fir-rigward ta’ fornitur ta’ servizzi hija imposta mill-Istat Membru tal-oriġini tiegħu. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tikkonċerna mhux biss ir-restrizzjonijiet stabbiliti mill-Istat ospitanti iżda wkoll dawk stabbiliti mill-Istat ta’ oriġini (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 1995, Alpine Investments, C‑384/93, EU:C:1995:126, punt 30).

21

Għandu jiġi rrilevat li, kif ġie enfasizzat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, it-Trattat jindirizza r-restrizzjonijiet imposti fir-rigward tal-fornituri ta’ servizzi u dawk imposti fir-rigward tad-destinatarji ta’ servizzi b’mod identiku. Għaldaqstant, ladarba s-sitwazzjoni tkun taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE, kemm id-destinatarju kif ukoll il-fornitur ta’ servizz ikunu jistgħu jinvokaw l-imsemmi artikolu.

22

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-dritt għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi jista’ jiġi invokat minn impriża fir-rigward tal-Istat li fih tkun stabbilita, meta s-servizzi jkunu pprovduti lil destinatarji stabbiliti fi Stat Membu ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 1995, Alpine Investments, C‑384/93, EU:C:1995:126, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

Għandu, madankollu, jitfakkar li, adita minn qorti nazzjonali fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li fiha l-elementi kollha huma limitati ġewwa Stat Membru wieħed, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax, mingħajr indikazzjoni ta’ din il-qorti minbarra l-fatt li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tapplika mingħajr distinzjoni għaċ-ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat u għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn, tqis li t-talba għall-interpretazzjoni preliminari li tirrigwarda d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertajiet fundamentali hija neċessarja għaliha għas-soluzzjoni tat-tilwima pendenti quddiemha. Fil-fatt, l-elementi konkreti li jippermettu li tiġi stabbilita rabta bejn is-suġġett jew iċ-ċirkustanzi ta’ tilwima, li l-elementi kollha tagħha huma limitati ġewwa l-Istat Membru kkonċernat, u l-Artikolu 56 TFUE għandhom jirriżultaw mid-deċiżjoni tar-rinviju (sentenza tal-15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten, C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 54 u d-digriet tal-4 ta’ Ġunju 2019, Pólus Vegas, C‑665/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:477, punt 21).

24

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-eżistenza ta’ sitwazzjoni transkonfinali ma tistax tiġi preżunta minħabba s-sempliċi raġuni li ċittadini tal-Unjoni minn Stati Membri oħra jistgħu jagħmlu użu mill-possibbiltajiet ta’ servizzi offruti b’dan il-mod (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-4 ta’ Ġunju 2019, Pólus Vegas, C‑665/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:477, punt 24).

25

Fil-każ ineżami jsegwi li sempliċi allegazzjoni ta’ fornitur ta’ servizzi, li parti mill-klijentela tiegħu hija minn Stat Membru differenti minn dak fejn huwa stabbilit, ma hijiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ sitwazzjoni transkonfinali, li tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE. Sabiex tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari dwar is-sitwazzjoni ta’ dan il-fornitur, il-qorti nazzjonali għandha turi l-fondatezza ta’ din l-allegazzjoni fid-deċiżjoni tar-rinviju.

26

Għal dak li jirrigwarda l-eventwali rilevanza tan-numru ta’ klijenti minn Stat Membru ieħor, hemm lok li tiġi miċħuda, kif ippropona l-Avukat Ġenerali fil-punt 82 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-idea li għandha tiġi introdotta regola de minimis fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

27

Għaldaqstant, għandu jiġi rrilevat li ċirkustanzi bħan-numru ta’ klijenti barranin li użaw is-servizzi, il-volum ta’ servizzi pprovduti jew il-portata limitata tar-restrizzjoni potenzjali għall-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fuq il-livell ġeografiku jew fuq il-livell materjali, ma jaffettwawx l-applikabbiltà tal-Artikolu 56 TFUE.

28

B’mod partikolari, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-libertà msemmija f’dan l-artikolu tista’ tiġi invokata kemm fis-sitwazzjonijiet ikkaratterizzati mill-eżistenza ta’ destinatarju wieħed tas-servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Frar 1989, Cowan, 186/87, EU:C:1989:47, punti 1520) kif ukoll f’dawk fejn ikun hemm numru indefinit ta’ destinatarji ta’ servizzi li jużaw numru indefinit ta’ servizzi pprovduti minn fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Mejju 1995, Alpine Investments, C‑384/93, EU:C:1995:126, punt 22, kif ukoll tas-6 ta’ Novembru 2003, Gambelli et., C‑243/01, EU:C:2003:597, punti 5455).

29

Kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 80 tal-konklużjonijiet tiegħu, jekk l-applikabbiltà tal-Artikolu 56 TFUE tkun tiddependi fuq kriterju kwantitattiv dan jipperikola l-applikazzjoni uniformi ta’ dan l-artikolu fi ħdan l-Unjoni, b’tali mod li tali kriterju ma jistax jiġi aċċettat.

30

Barra minn hekk, il-perspettiva tal-qorti tar-rinviju li miżura ta’ applikazzjoni ġenerali li tipprojbixxi, ħlief għall-eċċezzjonijiet li hija tiddetermina, l-operat tal-logħob tal-ażżard fit-territorju ta’ komun ta’ Stat Membru, li taffettwa, fid-dritt jew fil-fatt, bl-istess mod lill-fornituri kollha stabbiliti fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, kemm jekk dawn il-fornituri jipprovdu servizzi liċ-ċittadini nazzjonali u kemm jekk liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra, ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 56 TFUE, ma tistax tintlaqa’.

31

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita d-dritt li jiġi operat logħob tal-azzard jew ta’ flus għal ċerti postijiet tista’ tikkostitwixxi ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li jaqa’ taħt l-Artikolu 56 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2003, Anomar et., C‑6/01, EU:C:2003:446, punti 6566).

32

Fil-każ ineżami, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-belt ta’ Děčín, li tinsab madwar 25 km mill-fruntiera Ġermaniża, hija post magħżul miċ-ċittadini Ġermaniżi u li BONVER WIN ipproduċiet provi, fil-kuntest tal-proċedura nazzjonali, intiżi sabiex jistabbilixxu li parti mill-klijentela tagħha kienet komposta minn persuni minn Stati Membri oħra, b’tali mod li ma jistax jiġi sostnut li l-eżistenza ta’ klijentela barranija hija purament ipotetika.

33

Għaldaqstant, bla ħsara għall-verifika, mill-qorti tar-rinviju, tal-provi prodotti minn BONVER WIN, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Artikolu 56 TFUE japplika f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

34

Madankollu, din il-konstatazzjoni hija bla ħsara għall-kompatibbiltà eventwali tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-imsemmi artikolu. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma ġietx adita bil-kwistjoni dwar jekk dan l-artikolu jipprekludix tali leġiżlazzjoni u lanqas ma għandha informazzjoni rilevanti li tippermetti li l-qorti tar-rinviju tingħata indikazzjonijiet utli f’dan ir-rigward.

35

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tkun li l-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għas-sitwazzjoni ta’ kumpannija stabbilita fi Stat Membru, li tkun tilfet l-awtorizzazzjoni tagħha sabiex topera logħob tal-ażżard wara d-dħul fis-seħħ, f’dan l-Istat Membru, ta’ leġiżlazzjoni li tiddetermina l-postijiet li fihom huwa permess li jiġi organizzat tali logħob, li tapplika mingħajr distinzjoni għall-fornituri kollha li jeżerċitaw l-attività tagħhom fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, kemm jekk dawn il-fornituri jipprovdu servizzi liċ-ċittadini nazzjonali u kemm jekk liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn, meta parti mill-klijentela tagħha tkun minn Stat Membru differenti minn dak li fih tkun stabbilita.

Fuq l-ispejjeż

36

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għas-sitwazzjoni ta’ kumpannija stabbilita fi Stat Membru, li tkun tilfet l-awtorizzazzjoni tagħha sabiex topera logħob tal-ażżard wara d-dħul fis-seħħ, f’dan l-Istat Membru, ta’ leġiżlazzjoni li tiddetermina l-postijiet li fihom huwa permess li jiġi organizzat tali logħob, li tapplika mingħajr distinzjoni għall-fornituri kollha li jeżerċitaw l-attività tagħhom fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, kemm jekk dawn il-fornituri jipprodu servizzi liċ-ċittadini nazzjonali u kemm jekk liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn, meta parti mill-klijentela tagħha tkun minn Stat Membru differenti minn dak li fih tkun stabbilita.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-proċedura: iċ-Ċek