SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

21 ta’ Jannar 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Sanzjonijiet imposti mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni – Terminu ta’ preskrizzjoni – Atti li jinterrompu t-terminu ta’ preskrizzjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi, wara l-ftuħ ta’ investigazzjoni, il-possibbiltà li att sussegwenti ta’ konstatazzjoni jew ta’ investigazzjoni jista’ jinterrompi t-terminu l-ġdid ta’ preskrizzjoni – Prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi – Regolament (KE) Nru 1/2003 – Artikolu 25(3) – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 4(3) TUE – Artikolu 101 TFUE – Prinċipju ta’ effettività”

Fil-Kawża C‑308/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Frar 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ April 2019, fil-proċedura

Consiliul Concurenġiku ei

vs

Whiteland Import Export SRL,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tieni Awla, A. Kumin, T. von Danwitz u P. G. Xuereb, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Consiliul Concurenţei, minn B. Chiriţoiu, C. Butacu, I. Dăsculţu u C. Pântea, bħala aġenti,

għal Whiteland Import Export SRL, minn D. Schroeder, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Rumen, inizjalment minn C.-R. Canţăr, O.-C. Ichim u A. Rotăreanu, sussegwentement minn E. Gane, O.-C. Ichim u A. Rotăreanu, bħala aġenti,

għall-Gvern Lussemburgiż, inizjalment minn T. Uri u C. Schiltz, sussegwentement minn T. Uri, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Meessen u I. Rogalski, bħala aġenti,

għall-Autorité de surveillance AELE, minn C. Simpson, I. O. Vilhjálmsdóttir u C. Zatschler, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑3 ta’ Settembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(3) TUE, tal-Artikolu 101 TFUE, kif ukoll tal-Artikolu 25(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Consiliul Concurenței (il-Kunsill tal-Kompetizzjoni, ir-Rumanija) u Whiteland Import Export SRL (iktar ’il quddiem “Whiteland”) dwar deċiżjoni li timponi multa fuq din il-kumpannija għal ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 jipprevedi l-possibbiltà għall-Kummissjoni Ewropea li timponi fuq l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet tal-impriżi multi għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament jawtorizza lill-Kummissjoni timponi pagamenti ta’ penalità b’mod partikolari sabiex iġġiegħel lil dawn l-impriżi u assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jtemmu l-ksur ta’ dan it-tip.

4

L-Artikolu 25(1) u (3), tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“1.   Il-poteri konferuti fuq il-Kummissjoni mil-Artikolu 23 u 24 ħa jkun suġġett għal perjodi ta’ preskrizzjoni li ġejjin:

a)

tlett snin fil-każ ta’ ksur ta’ disposizzjonijiet li jikkonċernaw it-talba ta’ informazzjoni jew il-kondotta ta’ spezzjonijiet;

b)

ħames snin fil-każ ta’ kwalunkwe ksur ieħor.

[…]

3.   Kwalunkwe azzjoni meħuda mil-Kummissjoni jew mill-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri għall-għan ta’ l-investigazzjonijiet jew proċeduri b’rispett ta’ ksur tinterrompi t-terminu tal-preskrizzjoni għall-imposizzjoni ta’ multi jew perjodu ta’ pagamenti tal-pieni. L-interruzzjoni tal-preskrizzjoni tapplika b’effet mid-data li fiha l-azzjoni ġiet notifikata lil mill-anqas waħda mil-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ l-impriża li pparteċipaw fil-ksur. Azzjonijiet li jinterrompu l-preskrizzjoni ser jinkludu b’mod partikolari dawn li ġejjin:

a)

talba bil-miktub għal informazzjoni mil-Kummissjoni jew mill-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ l-Istat Membru;

b)

awtorizzazzjoni bil-miktub biex jagħmlu xi spezzjonijiet maħruġa lill-uffiċjali tal-Kummissjoni jew l-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ l-Istat Membru;

ċ)

il-bidu tal-proċeduri mil-Kummissjoni jew mill-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ l-Istat Membru;

d)

notifika tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni jew ta’ l-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ l-Istat Membru.”

5

Skont l-Artikolu 35(1) tal-istess regolament:

“[L]-Istati Membri ħa jinominaw l-awtorità jew l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni responsabbli għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [101 u 102 TFUE] b’tali mod li id-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament huma effettivament imħarsa. Il-miżuri neċessarji biex tagħti poter lill-awtoritajiet li japplikaw dawk l-Artikolu għandhom jittieħdu qabel 1 Mejju 2004. L-awtoritajiet nominati jistgħu jinkludu qrati.”

Id-dritt Rumen

6

L-Artikolu 5(1) tal-Legea concurenței nr. 21/1996 (il-Liġi dwar il-Kompetizzjoni Nru 21/1996), tal‑10 ta’ April 1996 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 88 tat‑30 ta’ April 1996), fil-verżjoni preċedenti tagħha għad-dħul fis-seħħ tal-Ordonanţa de urgenţă a Guvernului nr. 31/2015 (id-Digriet ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 31/2015) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Kompetizzjoni”), jipprovdi:

“Huma pprojbiti l-akkordji kollha bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi u l-prattiki kollha miftiehma li jkollhom bħala għan jew effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew il-ħolqien ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq Rumen jew f’parti minnu:

a)

l-iffissar dirett jew indirett tal-prezzijiet tax-xiri jew tal-bejgħ, jew kundizzjonijiet kummerċjali oħra;

[…]”

7

Skont l-Artikolu 61 ta’ din il-liġi:

“Id-dritt tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni li jimponi sanzjonijiet amministrattivi għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi huwa suġġett għat-termini ta’ preskrizzjoni segwenti:

a)

tliet snin għall-ksur imsemmi fl-Artikoli 51 u 52;

b)

ħames snin għall-ksur l-ieħor previst minn din il-liġi.

(2)   It-terminu ta’ preskrizzjoni għad-dritt ta’ rikors quddiem il-Kunsill tal-Kompetizzjoni jibda jiddekorri mill-jum li fih twettaq il-ksur. F’każ ta’ ksur kontinwu jew repetut, it-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mill-jum li fih jintemm l-aħħar att jew aġir antikompetittiv inkwistjoni.”

8

L-Artikolu 62 tal-imsemmija liġi jipprevedi:

“(1)   Kwalunkwe azzjoni mwettqa mill-Kunsill tal-Kompetizzjoni għall-finijiet tal-eżami preliminari jew il-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni dwar kwalunkwe ksur tal-liġi tinterrompi t-termini ta’ preskrizzjoni previsti mill-Artikolu 61. L-interruzzjoni tal-preskrizzjoni għandha effett mill-jum li fih il-miżura adottata mill-Kunsill tal-Kompetizzjoni tiġi kkomunikata lil minn tal-inqas operatur ekonomiku wieħed jew assoċjazzjoni waħda ta’ operaturi ekonomiċi li pparteċipaw fil-ksur.

(2)   Il-miżuri li jistgħu jiġu adottati mill-Kunsill tal-kompetizzjoni u li jinterrompu l-perijodu ta’ preskrizzjoni huma prinċipalment is-segwenti:

a)

talbiet bil-miktub għal informazzjoni;

b)

id-deċiżjoni tal-President tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni li tinfetaħ proċedura ta’ investigazzjoni;

c)

il-ftuħ ta’ proċedura ġudizzjarja.

(3)   L-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni tapplika għall-operaturi ekonomiċi kollha jew l-assoċjazzjonijiet ta’ operaturi ekonomiċi li pparteċipaw fil-ksur.

(4)   F’każ ta’ interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni, terminu ġdid ta’ preskrizzjoni tal-istess tul jibda jiddekorri mill-jum li fih il-Kunsill tal-Kompetizzjoni adotta waħda mill-miżuri skont il-paragrafu 2. Il-preskrizzjoni tiskadi l-iktar tard fil-jum li fih jiskadi terminu li jkun ekwivalenti għad-doppju tat-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli għall-ksur inkwistjoni mingħajr ma l-Kunsill tal-Kompetizzjoni jkun impona waħda mis-sanzjonijiet previsti minn din il-liġi.”

9

L-Artikolu 64 tal-Liġi dwar il-Kompetizzjoni Nru 21/1996, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mid-Digriet ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 31/2015 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Kompetizzjoni kif emendata”), li ssostitwixxa l-Artikolu 62 tal-Liġi dwar il-Kompetizzjoni, jipprovdi:

“(1)   Kwalunkwe azzjoni mwettqa mill-Kunsill tal-Kompetizzjoni għall-finijiet tal-eżami preliminari jew għall-konstatazzjoni ta’ ksur ta’ liġi tinterrompi t-termini ta’ preskrizzjoni previsti mill-Artikolu 63. [preċedentement l-Artikolu 61]. L-interruzzjoni tal-preskrizzjoni għandha effett mill-jum li fih il-miżura adottata mill-Kunsill tal-Kompetizzjoni tiġi kkomunikata lil minn tal-inqas operatur ekonomiku wieħed jew assoċjazzjoni waħda ta’ operaturi ekonomiċi li pparteċipaw fil-ksur.

(2)   Il-miżuri li jistgħu jiġu adottati mill-Kunsill tal-Kompetizzjoni u li jinterrompu l-perijodu ta’ preskrizzjoni huma prinċipalment is-segwenti:

a)

talbiet bil-miktub għal informazzjoni;

b)

id-deċiżjoni tal-President tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni li tinfetaħ proċedura ta’ investigazzjoni;

c)

it-twettiq ta’ spezzjonijiet;

d)

il-komunikazzjoni tar-rapport tal-investigazzjoni.

(3)   L-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni tapplika għall-operaturi ekonomiċi kollha jew l-assoċjazzjonijiet ta’ operaturi ekonomiċi li pparteċipaw fil-ksur.

(4)   F’każ ta’ interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni, terminu ġdid ta’ preskrizzjoni tal-istess tul jibda jiddekorri mill-jum li fih il-Kunsill tal-Kompetizzjoni jadotta waħda mill-miżuri skont il-paragrafu 2. Il-preskrizzjoni tiskadi l-iktar tard fil-jum li fih jiskadi terminu li jkun ekwivalenti għad-doppju tat-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli għall-ksur inkwistjoni mingħajr ma l-Kunsill tal-kompetizzjoni jkun impona waħda mis-sanzjonijiet previsti minn din il-liġi.

(5)   It-terminu ta’ preskrizzjoni għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet huwa sospiż għaż-żmien kollu li fih id-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni tkun suġġetta għal proċedura pendenti quddiem qorti.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Settembru 2009, il-Kunsill tal-Kompetizzjoni fetaħ ex officio investigazzjonijiet fis-suq bl-imnut tal-ikel kontra diversi operaturi ekonomiċi u l-fornituri tagħhom, fosthom Whiteland, sabiex jiġi stabbilit jekk dawn l-impriżi kinux kisru r-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni. Fit‑18 ta’ Lulju 2012, dawn l-investigazzjonijiet differenti ġew magħquda.

11

Fit‑12 ta’ Awwissu 2014, il-Kunsill tal-Kompetizzjoni bagħat ir-rapport tal-investigazzjoni tiegħu lil Whiteland. Fit‑23 ta’ Ottubru 2014, saret seduta quddiem din l-awtorità f’seduta plenarja.

12

Fid‑9 ta’ Diċembru 2014, fi tmiem id-deliberazzjoni tiegħu, il-Kunsill tal-Kompetizzjoni stabbilixxa verbal ta’ deċiżjoni li fih ġie kkonstatat li l-impriżi li kienu s-suġġett tal-investigazzjonijiet kienu wettqu ksur tar-regoli tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni kif ukoll tal-Artikolu 101 TFUE. Fil-fatt, huma ġew akkużati li kkonkludew, matul is-snin 2006 sa 2009, ftehimiet antikompetittivi intiżi sabiex joħolqu distorsjoni u jxekklu l-kompetizzjoni fis-suq rilevanti, bl-iffissar tal-prezz ta’ bejgħ u ta’ bejgħ mill-ġdid tal-prodotti tal-fornituri.

13

Permezz tad-Deciżjoni Nru 13, tal‑14 ta’ April 2015, il-Kunsill tal-Kompetizzjoni impona multi fuq dawn l-impriżi (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni 13/2015”). Il-multa imposta fuq Whiteland ġiet stabbilita għal 2324484 leu (RON) (madwar EUR 513000), ugwali għal 0.55 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha tal‑2013.

14

Whiteland ippreżentat rikors għal annullament kontra d-Deċiżjoni 13/2015 quddiem il-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija), sa fejn din id-deċiżjoni kienet tikkonċernaha.

15

Insostenn tar-rikors tagħha, Whiteland sostniet, b’mod partikolari, li s-setgħa tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni li jimponi sanzjoni fuqha kienet suġġetta għat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin imsemmi fl-Artikolu 61(1) tal-Liġi dwar il-Kompetizzjoni u li, f’dan il-każ, il-preskrizzjoni kienet skadiet meta din l-awtorità nazzjonali adottat id-Deċiżjoni 13/2015.

16

Permezz ta’ sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2016, il-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija) laqgħet ir-rikors ta’ Whiteland u annullat id-Deċiżjoni 13/2015 sa fejn din kienet tikkonċerna lil din il-kumpannija.

17

Fil-fatt, wara li kkonstatat li t-terminu ta’ preskrizzjoni kien beda jiddekorri fil‑15 ta’ Lulju 2009, data li fiha l-ksur allegat fil-konfront ta’ Whiteland kien intemm, din il-qorti kkunsidrat li d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-investigazzjoni tas‑7 ta’ Settembru 2009 kienet interrompiet it-terminu ta’ preskrizzjoni u kienet tat bidu għal terminu ta’ preskrizzjoni ġdid, li kien jiskadi fis‑7 ta’ Settembru 2014, b’tali mod li l-preskrizzjoni kienet skadiet meta, fl‑14 ta’ April 2015, il-Kunsill tal-Kompetizzjoni adotta d-Deċiżjoni 13/2015.

18

L-imsemmija qorti ċaħdet l-argument tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni li l-ftehim antikompetittiv li kien jinvolvi lil Whiteland kien ġie estiż permezz ta’ ftehim addizzjonali sal‑31 ta’ Diċembru 2009, b’mod partikolari, minħabba l-fatt li, fid-Deċiżjoni 13/2015, il-Kunsill tal-Kompetizzjoni stess kien indika li l-aħħar att antikompetittiv imwettaq minn Whiteland kien imur lura għall‑15 ta’ Lulju 2009.

19

Fl-aħħar nett, din l-istess qorti ppreċiżat li, skont interpretazzjoni stretta tar-regoli nazzjonali li jirregolaw it-termini ta’ preskrizzjoni, il-miżuri meħuda mill-Kunsill tal-Kompetizzjoni wara d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-investigazzjoni ma setgħux jinterrompu t-terminu ta’ preskrizzjoni ġdid u, għaldaqstant, din id-deċiżjoni hija l-aħħar att ta’ din l-awtorità li tista’ tinterrompi dan it-terminu. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 25(3) tar-Regolament Nru 1/2003 japplika biss għall-Kummissjoni u ma jirregolax it-termini ta’ preskrizzjoni fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ multi mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni.

20

Fid‑19 ta’ Jannar 2016, il-Kunsill tal-Kompetizzjoni ppreżenta appell quddiem l-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija) kontra s-sentenza tal-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest).

21

Il-Kunsill tal-Kompetizzjoni espona, essenzjalment, li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-qorti tal-appell, kull pass proċedurali intiż għall-konstatazzjoni tal-ksur għandu l-effett li jinterrompi t-terminu ta’ preskrizzjoni. Barra minn hekk, l-interpretazzjoni li d-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ investigazzjoni hija l-aħħar att li jinterrompi t-terminu ta’ preskrizzjoni twassal għal applikazzjoni mhux uniformi tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni u tar-regoli tal-kompetizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, sa fejn, b’differenza mil-Liġi dwar il-Kompetizzjoni, l-Artikolu 25(3) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprevedi li l-atti li jinterrompu t-terminu ta’ preskrizzjoni huma b’mod partikolari dawk intiżi għall-konstatazzjoni tal-ksur.

22

Preliminarjament, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, għalkemm il-Liġi dwar il-Kompetizzjoni kif emendata issa tipprevedi li kull miżura meħuda mill-Kunsill tal-Kompetizzjoni għall-eżami preliminari jew għall-konstatazzjoni ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tinterrompi t-termini ta’ preskrizzjoni, il-liġi applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali hija l-Liġi dwar il-Kompetizzjoni.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, din il-qorti tistaqsi dwar jekk l-interpretazzjoni stretta tal-Liġi dwar il-Kompetizzjoni, kif adottata mill-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest), li tipprovdi li huma biss il-miżuri meħuda mill-Kunsill tal-Kompetizzjoni għall-finijiet ta’ eżami preliminari jew għall-ftuħ ta’ investigazzjoni li jinterrompu t-terminu ta’ preskrizzjoni, hijiex kompatibbli mal-Artikolu 4(3) TUE, mal-Artikolu 101 TFUE u mal-prinċipju ta’ effettività, u jekk tali interpretazzjoni stretta ta’ din il-liġi nazzjonali twassalx għal applikazzjoni mhux uniformi tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni.

24

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li jeżistu żewġ linji ġurisprudenzjali fil-livell nazzjonali, fejn l-ewwel waħda hija favur interpretazzjoni stretta tar-regoli nazzjonali li jirregolaw it-termini ta’ preskrizzjoni, filwaqt li t-tieni waħda tagħti interpretazzjoni flessibbli tal-imsemmija regoli.

25

Skont l-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ linji ġurisprudenzjali, l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003 jikkonċerna biss is-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni li timponi sanzjonijiet għal ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u, konsegwentement, ma huwiex applikabbli għall-Kunsill tal-Kompetizzjoni. Għall-kuntrarju, għat-tieni linja ġurisprudenzjali, għandha teżisti korrispondenza bejn l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003 u r-regoli tad-dritt nazzjonali fil-qasam tal-preskrizzjoni, fid-dawl tar-rekwiżit ta’ koerenza bejn ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni u r-regoli nazzjonali, b’mod partikolari meta d-dispożizzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-preskrizzjoni jittrasponu l-acquis tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni.

26

Minn dan il-qorti tar-rinviju tiddeduċi li hija għandha tistabbilixxi, b’mod definittiv, jekk l-interpretazzjoni stretta tal-Artikoli 61 u 62 tal-Liġi dwar il-Kompetizzjoni, li ngħatat mill-Curtea de Appel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest), għandhiex tiġi adottata jew jekk, fid-dawl tal-Artikolu 4(3) TUE u tal-Artikolu 101(1) TFUE, id-dispożizzjonijiet nazzjonali għandhomx jingħataw interpretazzjoni iktar wiesgħa u konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni.

27

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tosserva li r-Regolament Nru 1/2003 ma jirregolax it-termini ta’ preskrizzjoni fil-qasam tal-impożizzjoni ta’ multi mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u li, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jindika l-qrati kompetenti u jirregola l-modalitajiet proċedurali tar-rikorsi intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet li l-partijiet f’kawża għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni.

28

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali ma għandhomx jippreġudikaw l-applikazzjoni effettiva tal-Artikoli 101 u 102 TFUE mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni.

29

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“L-Artikolu 4(3) TUE u l-Artikolu 101 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens [:]

[1]

li jimponu fuq l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri, li jagħtu, lir-regoli nazzjonali li jirregolaw il-preskrizzjoni tad-dritt tal-Kunsill tal-kompetizzjoni li jimponi sanzjonijiet amministrattivi, interpretazzjoni konformi mal-leġiżlazzjoni li tinsab fl-Artikolu 25(3) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, u

[2]

li jipprekludu li r-regoli tad-dritt nazzjonali jiġu interpretati fis-sens li b’att li jinterrompi l-preskrizzjoni wieħed għandu jifhem biss l-att formali ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni dwar prattika antikompetittiva, mingħajr ma l-azzjonijiet ulterjuri mwettqa għall-finijiet tat-tkomplija ta’ din il-prattika jaqgħu fl-istess kategorija tal-atti li jinterrompu l-preskrizzjoni?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

30

Għandu jitfakkar, preliminarjament, li, għalkemm ċerti atti tad-dritt sekondarju tal-Unjoni, bħad-deċiżjonijiet qafas, kif ukoll, f’ċerti ċirkustanzi d-direttivi, ma jipproduċux effett dirett, in-natura vinkolanti tagħhom madankollu twassal, għall-qrati nazzjonali, għal obbligu ta’ interpretazzjoni konformi mad-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Novembru 1990, Marleasing, C‑106/89, EU:C:1990:395, punti 6 u 8, kif ukoll tat‑8 ta’ Novembru 2016, Ognyanov, C‑554/14, EU:C:2016:835, punt 58).

31

Għall-kuntrarju, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, regolament tal-Unjoni huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha. Issa, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li kull qorti nazzjonali adita fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, bħala korp ta’ Stat Membru, għandha l-obbligu, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, li tapplika b’mod sħiħ id-dritt tal-Unjoni direttament applikabbli u tipproteġi d-drittijiiet li dan jagħti lill-individwi, billi ma tapplikax kull dispożizzjoni nazzjonali li tikser il-liġi nazzjonali, irrispettivament minn jekk tkunx preċedenti jew sussegwenti għar-regola tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten, C‑409/06, EU:C:2010:503, punt 55).

32

Konsegwentement, l-eventwali rilevanza tal-Artikolu 25(3) tar-Regolament Nru 1/2003 fil-kuntest ta’ din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari, li skontha l-preskrizzjoni fil-qasam tal-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ pagamenti ta’ penalità hija interrotta minn kull att tal-Kummissjoni jew ta’ awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru intiż għall-investigazzjoni jew għall-konstatazzjoni tal-ksur, tiddependi esklużivament mill-kwistjoni dwar jekk din id-dispożizzjoni hijiex applikabbli għas-sitwazzjoni fattwali fil-kawża prinċipali.

33

Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li l-qrati nazzjonali huma obbligati japplikaw l-Artikolu 25(3) tar-Regolament Nru 1/2003 għall-preskrizzjoni tas-setgħat ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni fil-qasam tal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

34

F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, sa fejn it-termini tagħha ma jispeċifikawx b’mod espliċitu l-portata tagħha, bħalma huwa l-każ hawnhekk tal-Artikolu 25(3) tar-Regolament Nru 1/2003, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Fġigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság, C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 113).

35

F’dak li jirrigwarda l-kuntest li fih jinsab l-Artikolu 25(3) tar-Regolament Nru 1/2003, għandu jitfakkar li l-Artikolu 25(1) ta’ dan ir-regolament jissuġġetta s-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi u pagamenti ta’ penalità għal ksur għad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2011, ThyssenKrupp Nirosta vs Il-Kummissjoni, C‑352/09 P, EU:C:2011:191, punt 166).

36

Issa, peress li l-formulazzjoni tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1/2003 tirreferi esklużivament għas-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni skont l-Artikoli 23 u 24 ta’ dan ir-regolament, u li dawn l-artikoli tal-aħħar jirregolaw biss is-setgħat li għandha din l-istituzzjoni fil-qasam tas-sanzjonijiet, ma jirriżultax mill-kuntest tal-Artikolu 25(3) tal-imsemmi regolament li din id-dispożizzjoni hija applikabbli għall-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni.

37

Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 50 u 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, fis-sistema ddeċentralizzata tal-implimentazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, li fiha l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni japplikaw direttament dawn ir-regoli, id-determinazzjoni tar-regoli ta’ preskrizzjoni fil-qasam tal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet minn dawn l-awtoritajiet taqa’, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, fuq l-Istati Membri. F’dan il-kuntest, l-imsemmija awtoritajiet huma suġġetti għar-regoli nazzjonali ta’ preskrizzjoni, b’tali mod li ma huwiex neċessarju, fil-prinċipju, li japplikaw għalihom ir-regoli ta’ preskrizzjoni previsti fil-livell tal-Unjoni u applikabbli għall-Kummissjoni.

38

Fir-rigward tal-għan tal-Artikolu 25(3) tar-Regolament Nru 1/2003, għandu jiġi rrilevat li l-għan tal-Artikolu 25 ta’ dan ir-regolament huwa li tiġi stabbilita leġiżlazzjoni li tirregola t-termini li fihom il-Kummissjoni għandha d-dritt, mingħajr ma tippreġudika r-rekwiżit fundamentali ta’ ċertezza legali, timponi multi u pagamenti ta’ penalità fuq l-impriżi li jkunu s-suġġett ta’ proċeduri ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

39

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 25(3) tar-Regolament Nru 1/2003 ma jipprovdix regoli ta’ preskrizzjoni dwar is-setgħat tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni fil-qasam tal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet.

40

F’dan il-każ, il-kawża prinċipali tirrigwarda r-regoli ta’ preskrizzjoni applikabbli għal tali awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni li għandha s-setgħa li timponi sanzjonijiet fil-każ ta’ ksur, b’mod partikolari, tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, b’tali mod li l-Artikolu 25(3) tar-Regolament Nru 1/2003 ma huwiex applikabbli għal din il-kawża.

41

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qrati nazzjonali ma humiex obbligati japplikaw l-Artikolu 25(3) tar-Regolament Nru 1/2003 għall-preskrizzjoni tas-setgħat ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni fil-qasam tal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

Fuq it-tieni domanda

42

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(3) TUE u l-Artikolu 101 TFUE, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, kif interpretata mill-qrati nazzjonali kompetenti, li abbażi tagħha d-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ investigazzjoni, adottata mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, dwar ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, hija l-aħħar att ta’ din l-awtorità li jista’ jkollu l-effett li jinterrompi t-terminu ta’ preskrizzjoni relatat mas-setgħa tagħha li timponi sanzjonijiet u jeskludi li att sussegwenti ta’ konstatazzjoni jew ta’ investigazzjoni jista’ jinterrompi dan it-terminu.

43

Għandu jiġi rrilevat qabel kollox li la d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE fil-qasam tal-kompetizzjoni u lanqas, kif jirriżulta mir-risposta għall-ewwel domanda preliminari, dawk tar-Regolament Nru 1/2003 ma jipprevedu regoli ta’ preskrizzjoni fil-qasam tal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, kemm taħt id-dritt tal-Unjoni kif ukoll taħt id-dritt nazzjonali tagħhom.

44

Barra minn hekk, l-Artikolu 35(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jippreċiża espressament li kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jagħti lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali s-setgħa li japplikaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE.

45

Għalhekk, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni vinkolanti tad-dritt tal-Unjoni f’dan il-qasam, huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu u japplikaw ir-regoli nazzjonali ta’ preskrizzjoni fil-qasam tal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, inklużi l-modalitajiet ta’ sospensjoni u/jew ta’ interruzzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2011, Pfleiderer, C‑360/09, EU:C:2011:389, punt 23).

46

Madankollu, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, jekk l-istabbiliment u l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, dawn għandhom jeżerċitaw din il-kompetenza b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ effettività. Għalhekk, huma ma jistgħux jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u, speċifikament, fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, huma għandhom jiżguraw li r-regoli li huma jistabbilixxu jew japplikaw ma jippreġudikawx l-applikazzjoni effettiva tal-Artikoli 101 u 102 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2011, Pfleiderer, C‑360/09, EU:C:2011:389, punt 24). Fil-fatt, l-awtoritajiet innominati konformement mal-Artikolu 35(1) tar-Regolament Nru 1/2003 għandhom jiżguraw l-applikazzjoni effettiva ta’ dawn l-artikoli fl-interess ġenerali (sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2010, VEBIC, C‑439/08, EU:C:2010:739, punt 56).

47

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 4(3) TUE, l-Istati Membri huma obbligati li ma jippreġudikawx bil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom l-applikazzjoni sħiħa u uniformi tad-dritt tal-Unjoni u li ma jiħdux jew ma jżommux fis-seħħ miżuri li jistgħu jeliminaw l-effett utli tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 1992, Batista Morais, C‑60/91, EU:C:1992:140, punt 11 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Madankollu, l-iffissar ta’ termini ta’ preskrizzjoni raġonevoli fil-qasam tal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni fl-interess taċ-ċertezza legali, li jipproteġi kemm lill-impriżi kkonċernati kif ukoll lil dawn l-awtoritajiet, huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, tali termini ma humiex ta’ natura li jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2016, Stadt Wiener Neustadt, C‑348/15, EU:C:2016:882, punt 41).

49

Għalhekk, ir-regoli nazzjonali li jistabbilixxu t-termini ta’ preskrizzjoni għandhom jiġu kkonċepiti b’mod li jiġi stabbilit bilanċ bejn, minn naħa, l-għanijiet li tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u li tiġi żgurata l-ipproċessar tan-negozju f’terminu raġonevoli bħala prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, l-implimentazzjoni effettiva u effikaċi tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, sabiex jiġi osservat l-interess pubbliku intiż sabiex jiġi evitat li l-funzjonament tas-suq intern ikun distort minn ftehimiet jew prattiki li jagħmlu ħsara lill-kompetizzjoni.

50

Sabiex jiġi ddeterminat jekk sistema nazzjonali ta’ preskrizzjoni tistabbilixxix tali bilanċ, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha ta’ din is-sistema (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Cogeco Communications, C‑637/17, EU:C:2019:263, punt 45), li jistgħu jinkludu, b’mod partikolari, id-data li minnha jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni, it-tul ta’ dan it-terminu kif ukoll il-modalitajiet ta’ sospensjoni jew ta’ interruzzjoni tiegħu.

51

Għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-karatteristiċi partikolari tal-kawżi li jaqgħu taħt id-dritt tal-kompetizzjoni u, b’mod iktar partikolari, il-fatt li dawn il-kawżi jeħtieġu, bħala prinċipju, it-twettiq ta’ analiżi fattwali u ekonomika kumplessa (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Cogeco Communications, C‑637/17, EU:C:2019:263, punt 46).

52

Għaldaqstant, leġiżlazzjoni nazzjonali li tiffissa d-data li minnha jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni, it-tul ta’ dan it-terminu u l-modalitajiet ta’ sospensjoni jew ta’ interruzzjoni tiegħu għandha tiġi adattata għall-ispeċifiċitajiet tad-dritt tal-kompetizzjoni u għall-għanijiet tal-implimentazzjoni tar-regoli ta’ dan id-dritt mill-persuni kkonċernati, sabiex ma tiġix ippreġudikata l-effettività sħiħa tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Cogeco Communications, C‑637/17, EU:C:2019:263, punt 47).

53

Issa, sistema nazzjonali ta’ preskrizzjoni li, għal raġunijiet inerenti għaliha, tipprekludi b’mod sistemiku l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet effettivi u dissważivi għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni hija ta’ natura li tirrendi l-applikazzjoni tar-regoli ta’ dan id-dritt prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2019, Dzivev et, C‑310/16, EU:C:2019:30, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

54

F’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprevedi li t-terminu ta’ preskrizzjoni fil-qasam ta’ sanzjonijiet għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni huwa ta’ ħames snin, li dan it-terminu jibda jiddekorri mill-ġurnata li fiha l-ksur intemm, li jista’ jiġi interrott minn ċerti atti tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni u li l-preskrizzjoni tagħlaq mhux iktar tard mill-ġurnata li fiha terminu ekwivalenti għad-doppju tat-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli għall-ksur jiskadi mingħajr ma tkun ġiet imposta sanzjoni.

55

Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont interpretazzjoni stretta tar-regoli nazzjonali li jirregolaw it-termini ta’ preskrizzjoni fiż-żmien tal-fatti tal-kawża prinċipali, adottata minn parti mill-ġurisprudenza nazzjonali, u b’mod partikolari mill-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest) fil-kuntest tal-proċedura fil-kawża prinċipali, id-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ investigazzjoni intiża għall-investigazzjoni jew għall-konstatazzjoni ta’ ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni hija l-aħħar att tal-awtorità tal-kompetizzjoni li jista’ jkollu l-effett li jinterrompi t-terminu ta’ preskrizzjoni relatat mas-setgħa tagħha li timponi sanzjonijiet u l-ebda wieħed mill-atti adottati sussegwentement għall-investigazzjoni jew għall-konstatazzjoni tal-ksur ma jkun qatt jista’ jinterrompi dan it-terminu, anki meta l-adozzjoni ta’ tali atti tikkostitwixxi stadju importanti tal-investigazzjoni u turi r-rieda ta’ din l-awtorità li tikkonstata l-ksur.

56

Tali interpretazzjoni stretta tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, li tipprojbixxi b’mod assolut l-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni permezz ta’ atti adottati sussegwentement fil-kuntest tal-investigazzjoni, tidher li tista’ tikkomprometti l-implimentazzjoni effettiva mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, sa fejn din l-interpretazzjoni jista’ jkollha riskju sistematiku ta’ impunità tal-fatti li jikkostitwixxu ksur ta’ dan id-dritt. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, kif ġie enfasizzat fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, li l-kawżi li jaqgħu taħt id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jeħtieġu, bħala prinċipju, it-twettiq ta’ analiżi fattwali u ekonomika kumplessa. Għalhekk, f’numru sinjifikattiv ta’ każijiet li għandhom livell għoli ta’ kumplessità, tali atti, li neċessarjament itawlu t-tul tal-proċedura, jistgħu jirriżultaw indispensabbli.

57

Hija l-qorti nazzjonali, fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, li għandha tivverifika jekk l-interpretazzjoni tas-sistema nazzjonali ta’ preskrizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, imsemmija fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, għandhiex, fid-dawl tal-elementi kollha tas-sistema nazzjonali ta’ preskrizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, riskju sistematiku ta’ impunità tal-fatti li jikkostitwixxu tali reati.

58

Jekk dan jirriżulta li huwa l-każ, hija, bħala prinċipju, il-qorti tar-rinviju, mingħajr ma tistenna li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tiġi emendata permezz ta’ leġiżlazzjoni jew permezz ta’ kwalunkwe proċedura kostituzzjonali oħra, li għandha tagħti effett sħiħ lill-obbligi msemmija fil-punt 47 ta’ din is-sentenza billi tinterpreta din il-leġiżlazzjoni sa fejn huwa possibbli fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari, tar-regoli ta’ dan id-dritt fil-qasam ta’ kompetizzjoni, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, jew billi ma tapplikax, jekk ikun meħtieġ, l-imsemmija leġiżlazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Kolev et, C‑612/15, EU:C:2018:392, punt 66 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

59

F’dan il-każ, għalkemm il-Liġi dwar il-Kompetizzjoni kif emendata issa tipprevedi li kull miżura meħuda mill-Kunsill tal-Kompetizzjoni għall-finijiet ta’ eżami preliminari jew għall-finijiet ta’ konstatazzjoni ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tinterrompi t-termini ta’ preskrizzjoni, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din il-liġi ma hijiex applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali u li din tibqa’ suġġetta għal-Liġi dwar il-Kompetizzjoni.

60

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju, b’teħid inkunsiderazzjoni tad-dritt intern kollu u b’applikazzjoni tal-metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu, li għandha tinterpreta d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn ikun possibbli, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tat-test u tal-għan tal-Artikolu 101 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Jannar 2007, ITC, C‑208/05, EU:C:2007:16, punt 68, u tat‑13 ta’ Lulju 2016, Pöpperl, C‑187/15, EU:C:2016:550, punt 43)

61

Issa, il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt intern, li jipprovdi li l-qorti nazzjonali hija obbligata tagħti lid-dritt intern, sa fejn ikun possibbli, interpretazzjoni konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, huwa inerenti għas-sistema tat-Trattati, sa fejn jippermetti lill-qorti nazzjonali tiżgura, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni meta tiddeċiedi t-tilwima li tkun adita biha (sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tas-Sala Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 159).

62

Madankollu, il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali għandu ċerti limiti. B’dan il-mod, l-obbligu għall-qorti nazzjonali, li tirreferi għall-kontenut tad-dritt tal-Unjoni meta tinterpreta u tapplika r-regoli rilevanti tad-dritt nazzjonali huwa limitat mill-prinċipji ġenerali tad-dritt, li jinkludu l-prinċipju ta’ ċertezza legali, u ma jistax iservi ta’ bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2016, Pöpperl, C‑187/15, EU:C:2016:550, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63

Il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni nazzjonali, sa fejn din tkun kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, għandhiex tibqa’ mhux applikata tqum biss jekk ebda interpretazzjoni konformi ta’ din id-dispożizzjoni ma tirriżulta li hija possibbli (sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Smith, C‑122/17, EU:C:2018:631, punt 41).

64

Issa, f’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li tali interpretazzjoni tidher li hija possibbli, fatt li, madankollu, għandu jiġi vverifikat b’mod definittiv mill-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, peress li, kif ġie rrilevat fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, din il-qorti stess indikat li kienu jeżistu żewġ linji ta’ ġurisprudenza fuq livell nazzjonali, fejn l-ewwel waħda hija favur interpretazzjoni stretta tar-regoli nazzjonali li jirregolaw it-termini ta’ preskrizzjoni, filwaqt li t-tieni waħda hija favur interpretazzjoni flessibbli tal-imsemmija regoli, minn dan jirriżulta li l-imsemmija qorti għandha marġni suffiċjentement estiż f’dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni li hija tista’ tagħti lid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

65

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(3) TUE u l-Artikolu 101 TFUE, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, kif interpretata mill-qrati nazzjonali kompetenti, li abbażi tagħha d-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ investigazzjoni, adottata mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, li tirrigwarda ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni hija l-aħħar att ta’ din l-awtorità li jista’ jkollha bħala effett li jinterrompi t-terminu ta’ preskrizzjoni relatat mas-setgħa tagħha li timponi sanzjonijiet u jeskludi li att sussegwenti ta’ konstatazzjoni jew ta’ investigazzjoni jista’ jinterrompi dan it-terminu, meta jirriżulta, fid-dawl tal-elementi tas-sistema ta’ preskrizzjoni inkwistjoni, li tali esklużjoni tippreżenta riskju sistematiku ta’ impunità tal-fatti li jikkostitwixxu tali ksur, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

Dwar l-ispejjeż

66

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qrati nazzjonali ma humiex obbligati li japplikaw l-Artikolu 25(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] għall-preskrizzjoni tas-setgħat ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni fil-qasam tal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

 

2)

L-Artikolu 4(3) TUE u l-Artikolu 101 TFUE, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, kif interpretata mill-qrati nazzjonali kompetenti, li abbażi tagħha d-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ investigazzjoni, adottata mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, li tirrigwarda ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni hija l-aħħar att ta’ din l-awtorità li jista’ jkollha bħala effett li jinterrompi t-terminu ta’ preskrizzjoni relatat mas-setgħa tagħha li timponi sanzjonijiet u jeskludi li att sussegwenti ta’ konstatazzjoni jew ta’ investigazzjoni jista’ jinterrompi dan it-terminu, meta jirriżulta, fid-dawl tal-elementi tas-sistema ta’ preskrizzjoni inkwistjoni, li tali esklużjoni tippreżenta riskju sistematiku ta’ impunità tal-fatti li jikkostitwixxu tali ksur, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

 

Reġistratur


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.