SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

25 ta’ Novembru 2020 ( *1 )

[Test rettifikat permezz ta’ digriet tal-20 ta’ Jannar 2021]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Konsegwenzi tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola – Sostituzzjoni tal-klawżola inġusta – Modalità ta’ kalkolu tar-rata ta’ interessi varjabbli – Ammissibbiltà – Riferiment tal-partijiet għan-negozjati”

Fil-Kawża C‑269/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Cluj (il-Qorti tal-Appell ta’ Cluj, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Frar 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Marzu 2019, fil-proċedura

Banca B. SA

vs

A.A.A.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, L. Bay Larsen, C. Toader, M. Safjan u N. Jääskinen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara l-istedina magħmula lill-partijiet fil-kawża prinċipali u lill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sabiex iwieġbu bil-miktub għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Banca B. SA, minn R. Trăilescu, I.‑C. Şerban, D. Cristea u E. Tudose, avocați,

għal A.A.A., minn C. Neamţ, avocată,

[Kif rettifikat permezz ta’ digriet tal-20 ta’ Jannar 2021]

għall-Gvern Rumen, inizjalment minn C.‑R. Canţăr, E. Gane, O.‑C. Ichim u L. Liţu, sussegwentement minn E. Gane, O.‑C. Ichim u L. Liţu, bħala aġenti,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn Z. Lavery u S. Brandon, bħala aġenti, assistiti minn A. Howard, barrister,

[Kif rettifikat permezz ta’ digriet tal-20 ta’ Jannar 2021]

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Gheorghiu u N. Ruiz García, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Banca B. SA, stabbiliment bankarju, u A.A.A. dwar in-natura allegatament inġusta u n-nullità assoluta ta’ diversi klawżoli li jinsabu f’kuntratt ta’ kreditu dwar l-għoti ta’ self personali konkluż minn A.A.A. ma’ dan l-istabbiliment.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Mill-erbgħa u għoxrin premessa tad-Direttiva 93/13 jirriżulta li l-awtoritajiet ġudizzjarji u l-organiżmi amministrattivi tal-Istati Membri għandu jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom mezzi adegwati u effettivi sabiex iwaqqfu l-applikazzjoni ta’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi.

4

L-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.”

5

Skont l-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

6

L-Artikolu 7(1) tal-istess direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

Id-dritt Rumen

7

Il-Legea nr. 193/2000 privind clauzele abuzive din contractele încheiate între comercianți și consumatori (il-Liġi Nru 193/2000, dwar il-Klawżoli Inġusti fil-Kuntratti Konklużi bejn il-Bejjiegħa jew Fornituri u l-Konsumaturi, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 193/2000”) tittrasponi fid-dritt Rumen id-Direttiva 93/13.

8

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 tal-Liġi Nru 193/2000, il-klawżoli inġusti inklużi fil-kuntratt u kkonstatati personalment jew permezz ta’ organi legalment awtorizzati ma jipproduċux effetti fil-konfront tal-konsumatur, u l-kuntratt ikompli japplika, bil-kunsens ta’ dan tal-aħħar, biss jekk dan ikun għadu possibbli wara t-tneħħija tal-imsemmija klawżoli.

9

Skont l-Artikolu 7 tal-imsemmija liġi, sa fejn il-kuntratt ma jistax jibqa’ jipproduċi l-effetti tiegħu wara t-tneħħija tal-klawżoli kkunsidrati bħala inġusti, il-konsumatur għandu d-dritt li jeżiġi x-xoljiment tal-kuntratt u jista’, jekk ikun il-każ, jitlob id-danni.

10

L-Artikolu 9c tal-Ordonanța Guvernului nr. 21/1992 privind protecția Consumatorilor (id-Digriet ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 21/1992, dwar il-Protezzjoni tal-Konsumaturi), introdott bil-punt 9 tal-Artikolu II tal-Ordonanța de urgență a Guvernului nr. 174/2008 (id-Digriet ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 174/2008) jipprovdi li, fil-kuntest tal-kuntratti konklużi mal-konsumaturi, il-fornituri ta’ servizzi finanzjarji għandhom josservaw ir-regoli li ġejjin, esposti kif ġej fil-punt (g):

“ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw għall-kuntratti ta’ kreditu b’rata varjabbli:

1.   il-varjazzjoni tar-rata ta’ interessi għandha tkun indipendenti mir-rieda tal-fornitur tas-servizzi finanzjarji u għandha tkun relatata ma’ varjazzjonijiet f’indiċijiet ta’ riferiment verifikabbli, imsemmija fil-kuntratt, jew l-emendi leġiżlattivi li jimponu tali varjazzjoni;

2.   ir-rata ta’ interessi tista’ tvarja skont ir-rata ta’ riferiment tal-fornitur tas-servizzi finanzjarji, bil-kundizzjoni li din tal-aħħar tkun unika għall-prodotti finanzjarji kollha intiżi għall-persuni fiżiċi proposti mill-operatur ekonomiku inkwistjoni u ma tiżdiedx lil hinn minn ċertu livell stabbilit kuntrattwalment.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

Fil-5 ta’ Ġunju 2007, A.A.A. kkonkluda kuntratt ta’ kreditu dwar l-għoti ta’ self personali ma’ Banca B. Dan il-kuntratt kien iggarantit b’ipoteka tal-ewwel grad, fl-ammont ta’ EUR 182222, li minnu EUR 179000 kienu jikkorrispondu għas-self personali msejjaħ “Maxicredit” b’rata fissa għal sena u EUR 3222 kienu jikkorrispondu għall-kummissjoni tal-għoti ta’ dan is-self, għal perijodu ta’ 300 xahar.

12

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-klawżoli kuntrattwali li ġejjin kienu applikabbli għall-imsemmi kuntratt:

l-Artikolu 5 tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni kien jistabbilixxi rata ta’ interessi annwali ta’ 7.4 % għall-ewwel sena tas-self, imbagħad rata ta’ interessi attwali li tikkorrispondi għar-rata ta’ riferiment varjabbli stabbilita fl-edifiċċji tal-istabbiliment bankarju miżjuda b’1.5 punt perċentwali;

konformement mal-Artikolu 2.6 tal-kundizzjonijiet ġenerali għall-għoti tas-self annessi ma’ dan il-kuntratt, matul il-perijodu tas-self, ir-rata ta’ interessi attwali setgħet tinbidel skont l-evoluzzjoni tas-“servizz uniku tad-dejn tal-klijent” fir-rigward ta’ dan l-istabbiliment;

skont l-Artikolu 2.10(a) ta’ dawn il-kundizzjonijiet ġenerali, matul il-perijodu tas-self, l-istabbiliment bankarju seta’ jbiddel l-interessi mingħajr il-kunsens ta’ min jissellef, skont l-ispiża tal-finanzjament tas-self, filwaqt li r-rata ta’ interessi l-ġdida kienet applikabbli mid-data tal-bidla tagħha għall-bilanċ tas-self. Il-bidla tar-rata ta’ interessi varjabbli wasslet sabiex jiġu kkalkolati mill-ġdid l-interessi dovuti;

konformement mal-Artikolu 2.10(b) tal-imsemmija kundizzjonijiet ġenerali, għas-self b’rata ta’ interessi varjabbli ddeterminat skont indiċi ta’ riferiment, il-LIBOR jew l-Euribor, ir-rata ta’ interessi setgħet tiġi mibdula skont l-evoluzzjoni ta’ dan l-indiċi;

skont l-Artikolu 2.11 tal-istess kundizzjonijiet ġenerali, ir-rata ta’ interessi reviżibbli ġdida ta’ kull sitt xhur kienet indikata fl-edifiċċji tal-istabbiliment bankarju b’effett mid-data ta’ applikazzjoni tal-bidla u r-rata ta’ interessi li rriżultat minnha kienet applikata għall-bilanċ tas-self eżistenti fid-data tal-bidla;

fil-każ ta’ linji ta’ kreditu, il-persuna li tissellef kienet tieħu konjizzjoni tal-bidla tar-rata ta’ interessi annwali kif ukoll l-iskeda tal-ħlas lura aġġornata permezz ta’ ittra rreġistrata b’dikjarazzjoni ta’ rċevuta jew permezz ta’ rendikont mogħti mingħajr ħlas lill-persuna li tissellef fl-istabbiliment bankarju;

jekk, wara l-bidla fir-rata ta’ interessi minn dan l-istabbiliment, min jissellef ma jħallasx lura l-bilanċ tas-self u l-interessi relatati miegħu f’terminu ta’ għaxart ijiem mid-data ta’ meta jsir jaf, huwa jitqies li aċċetta r-rata ta’ interessi l-ġdida.

13

Fit-9 ta’ Ġunju 2017, A.A.A. ppreżenta rikors kontra Banca B. quddiem it-Tribunalul Specializat Cluj (il-Qorti Speċjalizzata ta’ Cluj, ir-Rumanija) sabiex din tikkonstata n-natura inġusta u, għaldaqstant, in-nullità assoluta tal-klawżoli tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni relatati mar-rata ta’ interessi varjabbli u tannulla, konsegwentement, l-iskeda stabbilita skont dawn il-klawżoli. Huwa talab ukoll li dik il-qorti tordna lill-konvenuta temenda l-imsemmija klawżoli u tikkundannaha tħallas lura l-ammont żejjed ta’ ħlas li jirriżulta mill-konstatazzjoni tan-natura inġusta tagħhom. Quddiem l-imsemmija qorti, A.A.A. sostna b’mod partikolari li l-klawżoli inkwistjoni kienu jippermettu lil Banca B. tibdel arbitrarjament l-ammont ta’ din ir-rata, u b’hekk ippreġudikat l-interessi leġittimi tiegħu bħala konsumatur.

14

Permezz ta’ sentenza tat-23 ta’ Jannar 2018, dik il-qorti laqgħet parzjalment ir-rikors ta’ A.A.A. Hija kkonstatat b’mod partikolari n-nullità assoluta parzjali tal-klawżola li tinsab fl-Artikolu 5 tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni, fir-rigward tal-mekkaniżmu ta’ determinazzjoni tar-rata ta’ interessi varjabbli, li skontha r-rata ta’ interessi attwali tikkorrispondi għar-rata ta’ riferiment varjabbli indikata fl-edifiċċji tal-istabbiliment bankarju, kif ukoll tal-Artikolu 2.6, tal-Artikolu 2.10(a) u tal-Artikolu 2.11, artikoli previsti fil-punt 12 ta’ din is-sentenza. In-nullità assoluta tal-klawżola li tinsab fl-Artikolu 2.10(b) tal-imsemmi kuntratt ġiet ikkonstatata sa fejn l-istabbiliment bankarju kellu biss il-possibbiltà, u mhux l-obbligu, li jirrevedi r-rata ta’ interessi varjabbli skont l-indiċijiet ta’ riferiment imsemmija fil-kuntratt, jiġifieri l-LIBOR jew l-Euribor.

15

Barra minn hekk, Banca B. ġiet ordnata tippreċiża l-kontenut tal-klawżola dwar l-interessi tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni, billi tiddefinixxi, skont l-indikazzjonijiet tal-imsemmija qorti, il-komponenti u l-ammont ta’ dawn l-interessi. Minn naħa, il-marġni previst fl-Artikolu 5 tal-kuntratt kellu jiġi ffissat għal 1.5 punt perċentwali flimkien mal-indiċi Euribor 6 xhur. Min-naħa l-oħra, il-metodu ta’ bidla tar-rata ta’ interessi kellu jiddependi esklużivament fuq l-indiċi ta’ riferiment Euribor 6 xhur b’marġni fiss tal-istabbiliment bankarju, li seta’ jiġi mibdul biss bi ftehim bil-miktub tal-partijiet, b’tali mod li l-bidla tar-rata ta’ interessi kienet tiddependi fuq varjazzjonijiet fl-indiċi Euribor 6 xhur.

16

Skont it-Tribunalul Specializat Cluj (il-Qorti Speċjalizzata ta’ Cluj), il-fatt li tiġi eskluża l-klawżola li tagħti lill-istabbiliment bankarju d-dritt esklużiv li jikkontrolla l-mekkaniżmu ta’ aġġustament tar-rata ta’ interessi varjabbli, mingħajr ma jiġu ppreċiżati l-konsegwenzi ta’ din il-konstatazzjoni, iwassal fil-prattika sabiex jinbidel il-kuntratt, sa fejn ir-rata ta’ interessi tkun stabbilita fil-livell li kienet applikabbli matul l-ewwel sena tas-self. Tali sitwazzjoni tkun partikolarment favorevoli għall-bejjiegħ jew fornitur u trendi inutli kwalunkwe negozjati fuq dan il-punt bejn il-partijiet fil-kuntratt. Barra minn hekk, dik il-qorti rrilevat li l-istabbiliment ta’ rata ta’ interessi fissa jikkostitwixxi bidla fil-kuntratt li tmur kontra l-ftehim tal-partijiet, li qablu dwar rata ta’ interessi varjabbli, kif ukoll id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 969 tal-Kodiċi Ċivili li jistabbilixxi l-osservanza tal-impenji kuntrattwali (pacta sunt servanda).

17

Barra minn hekk, fl-assenza, waqt il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni, ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tirregola d-determinazzjoni tar-rata ta’ interessi fil-kuntratti ta’ self b’garanzija ipotekarja, it-Tribunalul Specializat Cluj (il-Qorti Speċjalizzata ta’ Cluj) applikat b’analoġija d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi msemmija fil-punt 10 ta’ din is-sentenza dwar il-modalitajiet ta’ determinazzjoni tar-rata ta’ interessi, li ma kinux applikabbli ratione temporis f’din il-kawża.

18

Fil-15 ta’ Ottubru 2018, Banca B. appellat minn dik is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Curtea de Apel Cluj (il-Qorti tal-Appell ta’ Cluj, ir-Rumanija).

19

Quddiem dik il-qorti, Banca B. essenzjalment issostni li l-qorti tal-ewwel istanza bidlet il-metodu ta’ kalkolu tar-rata ta’ interessi inkwistjoni għall-perijodu kollu tas-self, b’mod li injorat ir-rieda tal-partijiet waqt il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni. Meta ddeċidiet hekk, hija marret lil hinn mill-kompetenzi tas-setgħa ġudizzjarja u kisret il-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja. Banca B. issostni wkoll li l-qorti tal-ewwel istanza bbażat b’mod żbaljat id-deċiżjoni tagħha fuq dispożizzjonijiet li ma kinux fis-seħħ meta dan il-kuntratt ġie konkluż.

20

Il-qorti tar-rinviju tesponi li l-qrati Rumeni interpretaw u applikaw b’mod diverġenti l-Artikolu 6 tal-Liġi Nru 193/2000, li jittrasponi fid-dritt Rumen l-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/13, f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, id-determinazzjoni tal-konsegwenzi tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli li jiddefinixxu l-mekkaniżmu tal-iffissar tar-rata ta’ interessi varjabbli b’riferiment għal kriterji mhux trasparenti.

21

Peress li kuntratt ta’ self konkluż minn konsumatur ma’ bejjiegħ jew fornitur ma jistax legalment jissussisti meta dan tal-aħħar jitlef id-dritt tiegħu li jirċievi interessi, l-ewwel nett, xi wħud mill-qrati jikkunsidraw li huma l-partijiet għall-kuntratt li għandhom jinnegozjaw in bona fide, b’mod reali u effettiv, il-klawżola dwar il-metodu tal-iffissar tar-rata ta’ interessi, b’tali mod li l-kuntratt konkluż minnhom jista’ jkompli jeżisti. Qrati oħra ordnaw l-applikazzjoni, fl-iskadenza tal-perijodu li matulu kienet prevista rata ta’ interessi fissa, ta’ rata ta’ interessi komposta mill-marġni fiss stipulat fil-kuntratt ta’ self, b’effett mit-tieni sena tas-self, miżjud b’indiċi oġġettiv, trasparenti u verifikabbli, bħall-Euribor. Hemm ukoll linja ġurisprudenzjali li tipprovdi li l-interessi huma komposti, b’effett mit-tieni sena, esklużivament mill-marġni fiss stipulat fil-kuntratt, li jinżamm. Fl-aħħar, ċerti qrati jikkunsidraw li l-klawżola dwar il-metodu ta’ kalkolu tar-rata ta’ interessi applikabbli għall-ewwel sena għandha tkompli tapplika.

22

Skont il-qorti tar-rinviju, id-determinazzjoni tal-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola li tiddefinixxi l-mekkaniżmu ta’ ffissar tar-rata ta’ interessi varjabbli hija essenzjali għas-soluzzjoni tat-tilwima pendenti quddiemha. Minn naħa, din id-determinazzjoni hija meħtieġa sabiex tiġi stabbilita r-rata ta’ interessi applikabbli fir-relazzjoni legali tal-partijiet fil-kuntratt għall-futur. Min-naħa l-oħra, din hija neċessarja sabiex dik il-qorti tkun tista’ tiddeċiedi fuq il-kap tat-talbiet ta’ A.A.A. intiżi sabiex Banca B. tiġi kkundannata tħallas lura l-ammont ta’ ħlas żejjed bħala interessi. B’mod iktar speċifiku, għandu jiġi ddeterminat jekk il-ħlas żejjed jikkorrispondix għad-differenza bejn l-interessi effettivament imħallsa minn dan il-konsumatur u dawk ikkalkolati abbażi ta’ marġni ffissat ta’ 1.5 punt perċentwali flimkien mal-indiċi Euribor 6 xhur wara l-ewwel sena tas-self, għad-differenza bejn l-interessi effettivament imħallsa minnu u dawk ikkalkolati abbażi tal-perċentwali fissa stabbilita għall-ewwel sena tas-self jew għad-differenza bejn l-interessi effettivament imħallsa u r-rata ta’ interessi ffissata mill-qorti fid-dawl tal-punti ta’ fatt tal-kuntratt tas-self.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel Cluj (il-Qorti tal-Appell ta’ Cluj) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva [93/13] għandu jiġi interpretat fis-sens li, wara l-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola li tiddefinixxi l-mekkaniżmu għall-istabbiliment tar-rata ta’ interessi varjabbli li ssegwi l-formula tal-“marġini fiss u r-rata ta’ interessi ta’ referenza applikata minn bank abbażi ta’ kriterji mhux trasparenti” f’kuntratt ta’ self li japplika rata ta’ interessi fissa limitata għall-ewwel sena u rata varjabbli għas-snin sussegwenti, skont din il-formula, il-qorti nazzjonali tista’ tirrevedi l-kuntratt billi tistabbilixxi metodu għall-kalkolu tar-rata ta’ interessi varjabbli skont indizji ta’ referenza trasparenti (LIBOR jew Euribor) u tal-marġini fiss tal-bank, fid-dawl tal-fatti inklużi fil-kuntratt ta’ self, sabiex tiżgura protezzjoni aħjar tal-konsumatur?

2)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13/KEE għandu jiġi interpretat fis-sens li, wara l-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ tali klawżola, il-qorti nazzjonali tista’ tapplika, permezz ta’ proċess ġudizzjarju, rata ta’ interessi fissa billi tagħmel riferiment għall-marġini fissa prevista għat-tieni sena tal-kuntratt jew għar-rata ta’ interessi fissa prevista għall-ewwel sena?

3)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni domanda, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva [93/13] u l-prinċipju ta’ effettività għandhom jiġu interpretati fis-sens li, wara l-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ tali klawżola, dawn jipprekludu lill-qorti nazzjonali milli tistieden lill-partijiet jinnegozjaw sabiex jistabbilixxu rata ta’ interessi ġdida, mingħajr ma tipprovdi kwalunkwe indizji?

4)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tielet domanda, liema soluzzjonijiet konformi mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva [93/13] jippermettu li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-konsumaturi?”

Fuq id-domandi preliminari

24

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija l-kompetenza ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi t-tilwima li hija adita biha. Minn din il-perspettiva, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, skont il-każ, li għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li huma mressqa quddiemha (sentenzi tas-7 ta’ Awwissu 2018, Smith, C‑122/17, EU:C:2018:631, punt 34, kif ukoll tat-3 ta’ Marzu 2020, Gómez del Moral Guasch, C‑125/18, EU:C:2020:138, punt 27).

25

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex mistoqsija dwar il-kriterji ta’ evalwazzjoni dwar in-natura inġusta tal-klawżoli li jirregolaw il-mekkaniżmu ta’ ffissar tal-metodu ta’ kalkolu tar-rata ta’ interessi varjabbli tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, id-domandi magħmula f’din il-kawża jirrigwardaw biss il-konsegwenzi tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ tali klawżoli kuntrattwali.

26

Barra minn hekk, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, permezz ta’ dawn id-domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, dik il-qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li, wara l-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli li jiddefinixxu l-mekkaniżmu ta’ ffissar tar-rata ta’ interessi varjabbli f’kuntratt ta’ self bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali u meta dan il-kuntratt ma jistax jibqa’ fis-seħħ wara t-tneħħija tal-klawżoli inġusti kkonċernati u ma hemm ebda dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ta’ natura supplenti li tista’ tissostitwixxi l-imsemmija klawżoli, din id-dispożizzjoni tipprekludi lill-qorti nazzjonali milli tiffissa metodu ġdid ta’ kalkolu tar-rata ta’ interessi jew milli tistieden lill-partijiet jinnegozjaw sabiex jiffissaw tali metodu ġdid ta’ kalkolu ta’ din ir-rata, mingħajr ma tinkwadra dawn in-negozjati.

27

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandhom jiġu mfakkra, preliminarjament, il-bażijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi fil-qasam tal-klawżoli kuntrattwali ta’ natura inġusta li jirriżultaw mid-Direttiva 93/13, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

28

Is-sistema ta’ protezzjoni implimentata mid-Direttiva 93/13 hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbel mal-bejjiegħ jew fornitur fir-rigward kemm tas-setgħa ta’ negozjar kif ukoll tal-livell ta’ informazzjoni, sitwazzjoni li twasslu sabiex jaderixxi mal-kundizzjonijiet redatti minn qabel mill-bejjiegħ jew fornitur, mingħajr ma jkun jista’ jeżerċita influwenza fuq il-kontenut tagħhom. Fid-dawl ta’ tali sitwazzjoni ta’ inferjorità, din id-direttiva tobbliga lill-Istati Membri jipprovdu mekkaniżmu li jiżgura li kull klawżola kuntrattwali li ma kinitx is-suġġett ta’ negozjati individwali tkun tista’ tiġi mistħarrġa sabiex tiġi evalwata n-natura possibbilment inġusta tagħha (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2019, Dziubak, C‑260/18, EU:C:2019:819, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

F’dan il-kuntest, għandu qabelxejn jitfakkar li, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, hija l-qorti nazzjonali li għandha teskludi l-applikazzjoni ta’ klawżoli inġusti sabiex dawn ma jipproduċux effetti vinkolanti fil-konfront tal-konsumatur, sakemm il-konsumatur ma joġġezzjonax għal dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2020, Gómez del Moral Guasch, C‑125/18, EU:C:2020:138, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, il-kuntratt għandu jibqa’ japplika, bħala prinċipju, mingħajr ebda bidla oħra ħlief dik li tirriżulta mit-tħassir tal-klawżoli inġusti, sa fejn, skont ir-regoli tad-dritt intern, tali tkomplija tal-kuntratt tkun legalment possibbli (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2019, GT, C‑38/17, EU:C:2019:461, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

Konsegwentement, meta l-qorti nazzjonali tikkonstata n-nullità ta’ klawżola inġusta f’kuntratt bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, dik il-qorti ma tistax tikkompleta l-kuntratt billi tirrevedi l-kontenut ta’ din il-klawżola (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2020, Gómez del Moral Guasch, C‑125/18, EU:C:2020:138, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, li kieku l-qorti nazzjonali tkun tista’ tirrevedi l-kontenut tal-klawżoli inġusti li jinsabu f’tali kuntratt, tali possibbiltà tkun tista’ tippreġudika t-twettiq tal-għan fuq żmien twil imsemmi fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13. Din il-possibbiltà tikkontribwixxi sabiex telimina l-effett dissważiv eżerċitat fuq il-bejjiegħa jew fornituri bis-sempliċi u pur nuqqas ta’ applikazzjoni fir-rigward tal-konsumatur ta’ tali klawżoli inġusti, sa fejn dawn jibqgħu inklinati li jużaw l-imsemmija klawżoli, filwaqt li jkunu jafu li, anki kieku dawn kellhom jiġu ddikjarati invalidi, il-kuntratt jista’ madankollu jitkompla, sa fejn ikun neċessarju, mill-qorti nazzjonali, b’mod li jiggarantixxi l-interessi tal-imsemmija bejjiegħa jew fornituri (sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito, C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 69; tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai, C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 79; tas-26 ta’ Marzu 2019, Abanca Corporación Bancaria u Bankia, C‑70/17 u C‑179/17, EU:C:2019:250, punt 54; kif ukoll tat-3 ta’ Marzu 2020, Gómez del Moral Guasch, C‑125/18, EU:C:2020:138, punt 60).

32

Min-naħa l-oħra, meta kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur ma jkunx jista’ jibqa’ applikabbli wara t-tħassir ta’ klawżola inġusta, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 ma jipprekludix lill-qorti nazzjonali, b’applikazzjoni ta’ prinċipji tad-dritt tal-kuntratti, milli tħassar il-klawżola inġusta billi tissostitwixxiha b’dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali ta’ natura supplenti f’sitwazzjonijiet fejn it-tħassir tal-klawżola inġusta jobbliga lill-qorti tannulla l-kuntratt fl-intier tiegħu, li jesponi lill-konsumatur għal konsegwenzi partikolarment dannużi, b’mod li jiġi ppenalizzat dan tal-aħħar (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai, C‑26/13, EU:C:2014:282, punti 80 u 83; tas-26 ta’ Marzu 2019, Abanca Corporación Bancaria u Bankia, C‑70/17 u C‑179/17, EU:C:2019:250, punt 56; tat-3 ta’ Ottubru 2019, Dziubak, C‑260/18, EU:C:2019:819, punt 48; u tat-3 ta’ Marzu 2020, Gómez del Moral Guasch, C‑125/18, EU:C:2020:138, punt 61).

33

Tali sostituzzjoni hija kompletament iġġustifikata fid-dawl tal-iskop tad-Direttiva 93/13. Fil-fatt, din hija konformi mal-għan tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, peress li din id-dispożizzjoni għandha t-tendenza li tissostitwixxi l-bilanċ formali li l-kuntratt jistabbilixxi bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-kontraenti b’bilanċ reali ta’ natura li jistabbilixxi l-ugwaljanza mill-ġdid bejn dawn tal-aħħar u mhux li jannulla l-kuntratti kollha li fihom klawżoli inġusti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai, C‑26/13, EU:C:2014:282, punti 8182 u l-ġurisprudenza ċċitata; tas-26 ta’ Marzu 2019, Abanca Corporación Bancaria u Bankia, C‑70/17 u C‑179/17, EU:C:2019:250, punt 57; kif ukoll tat-3 ta’ Marzu 2020, Gómez del Moral Guasch, C‑125/18, EU:C:2020:138, punt 62).

34

Li kieku, f’sitwazzjoni bħal dik deskritta fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, il-qorti nazzjonali ma setgħetx tissostitwixxi klawżola inġusta b’dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ta’ natura supplenti u kienet marbuta tannulla l-kuntratt kollu kemm hu, il-konsumatur jista’ jkun espost għal konsegwenzi partikolarment dannużi, b’mod li n-natura dissważiva li tirriżulta mill-annullament tal-kuntratt tirriskja li tiġi ppreġudikata. Fil-fatt, fir-rigward ta’ kuntratt ta’ self, tali annullament ikollu, bħala prinċipju, il-konsegwenza li l-ammont tas-self li jkun għad fadal jitħallas isir dovut immedjatament fi proporzjonijiet li x’aktarx jeċċedu l-kapaċitajiet finanzjarji tal-konsumatur, u, minn dan il-fatt, ikollu t-tendenza li jippenalizza lilu iktar milli lill-kreditur li, konsegwentement, ma jiġix skoraġġut milli jdaħħal tali klawżoli fil-kuntratti li huwa joffri (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai, C‑26/13, EU:C:2014:282, punti 8384; tas-26 ta’ Marzu 2019, Abanca Corporación Bancaria u Bankia, C‑70/17 u C‑179/17, EU:C:2019:250, punt 58; kif ukoll tat-3 ta’ Marzu 2020, Gómez del Moral Guasch, C‑125/18, EU:C:2020:138, punt 63).

35

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprekludi li jiġu rrimedjati l-lakuni ta’ kuntratt, li jirriżultaw mit-tneħħija ta’ klawżoli inġusti li jinsabu fih, abbażi biss ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ natura ġenerali, li ma kinux is-suġġett ta’ evalwazzjoni speċifika tal-leġiżlatur bl-għan li jiġi stabbilit bilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi kollha tal-partijiet kontraenti u li, minħabba f’hekk, ma jibbenefikawx mill-preżunzjoni ta’ assenza ta’ natura inġusta, li tipprevedi li l-effetti espressi f’att leġiżlattiv huma kkompletati, b’mod partikolari, bl-effetti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ ekwità jew ta’ użanzi, li ma humiex dispożizzjonijiet supplenti u lanqas dispożizzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ qbil tal-partijiet għall-kuntratt (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2019, Dziubak, C‑260/18, EU:C:2019:819, punti 6162).

36

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar is-setgħat li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jagħti lill-qorti nazzjonali fil-każ fejn il-kuntratt ma jkunx jista’ jibqa’ jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti, iżda fejn il-qorti nazzjonali ma tkunx tista’ tissostitwixxi lil dawn tal-aħħar b’dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ta’ natura supplenti.

37

Għalkemm il-formulazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 ma tipprovdi ebda indikazzjoni f’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-għan tad-Direttiva 93/13 huwa li tagħti livell għoli ta’ protezzjoni lill-konsumaturi. B’mod partikolari, il-leġiżlatur tal-Unjoni indika espressament, fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13, moqri fid-dawl tal-erbgħa u għoxrin premessa tagħha, li l-awtoritajiet, b’mod partikolari ġudizzjarji, għandu jkollhom mezzi adegwati u effettivi sabiex iwaqqfu l-applikazzjoni ta’ klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi.

38

F’din il-perspettiva, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 31 sa 34 ta’ din is-sentenza, il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola li tinsab f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur għandhom jippermettu t-twettiq ta’ żewġ għanijiet. Minn naħa, il-qorti għandha tiżgura li tkun tista’ tiġi stabbilita mill-ġdid l-ugwaljanza bejn il-partijiet għall-kuntratt li l-applikazzjoni ta’ klawżola inġusta fil-konfront tal-konsumatur tkun ipperikolat. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi żgurat li l-bejjiegħ jew fornitur jiġi skoraġġut milli jinkludi tali klawżoli fil-kuntratti li huwa joffri lill-konsumaturi.

39

Issa, id-Direttiva 93/13 ma hijiex intiża sabiex tirrakkomanda soluzzjonijiet uniformi f’dak li jirrigwarda l-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali. Għalhekk, sa fejn, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, il-klawżoli inġusti ma jistgħux jorbtu lill-konsumaturi, dawn l-għanijiet setgħu jintlaħqu, skont il-każ u l-kuntest ġuridiku nazzjonali, bis-sempliċi nuqqas ta’ applikazzjoni fir-rigward tal-konsumatur tal-klawżola inġusta kkonċernata jew, meta l-kuntratt ma setax jibqa’ jeżisti mingħajr din il-klawżola, bis-sostituzzjoni tagħha b’dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali ta’ natura supplenti.

40

Madankollu, dawn il-konsegwenzi tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali ma humiex ta’ natura eżawrjenti.

41

B’hekk, meta l-qorti nazzjonali tqis li l-kuntratt ta’ self inkwistjoni ma jistax, skont id-dritt tal-kuntratti, jibqa’ legalment fis-seħħ wara t-tneħħija tal-klawżoli inġusti kkonċernati u meta ma tkun teżisti ebda dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ta’ natura supplenti jew dispożizzjoni applikabbli fil-każ ta’ ftehim tal-partijiet għall-kuntratt li tista’ tissostitwixxi l-imsemmija klawżoli, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, sa fejn il-konsumatur ma jkunx esprima x-xewqa tiegħu li jżomm il-klawżoli inġusti u sa fejn l-annullament tal-kuntratt jesponi lil dan il-konsumatur għal konsegwenzi partikolarment dannużi, il-livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, li għandu jiġi żgurat skont id-Direttiva 93/13, jeżiġi li, sabiex il-bilanċ reali bejn id-drittijiet u l-obbligi reċiproċi tal-partijiet kontraenti jiġi rripristinat, il-qorti nazzjonali għandha tieħu, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt nazzjonali tagħha fl-intier tiegħu, il-miżuri kollha neċessarji sabiex tipproteġi lill-konsumatur mill-konsegwenzi partikolarment dannużi li l-annullament tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni jikkawża, b’mod partikolari minħabba l-eżiġibbiltà immedjata tal-kreditu tal-bejjiegħ jew fornitur fil-konfront tiegħu.

42

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, xejn ma jipprekludi b’mod partikolari lill-qorti nazzjonali milli tistieden lill-partijiet jinnegozjaw bl-għan li jiffissaw il-modalitajiet ta’ kalkolu tar-rata ta’ interessi, sakemm tiffissa l-qafas ta’ dawn in-negozjati u sakemm dawn ikunu intiżi sabiex jistabbilixxu bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti bilanċ reali li b’mod partikolari jieħu inkunsiderazzjoni l-għan tal-protezzjoni tal-konsumatur li fuqu hija bbażata d-Direttiva 93/13.

43

Fil-fatt, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà fakkret, dik il-qorti għandha, sa fejn possibbli, tapplika d-dritt intern tagħha b’mod li jkunu jistgħu jinsiltu l-konsegwenzi kollha li, skont id-dritt nazzjonali, jirriżultaw mill-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżola inkwistjoni sabiex jintlaħaq ir-riżultat stabbilit mill-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, jiġifieri li l-konsumatur ma jkunx marbut bi klawżola inġusta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Jőrös, C‑397/11, EU:C:2013:340, punti 5253). L-istess japplika fir-rigward tad-determinazzjoni, wara l-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola, tal-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn din il-konstatazzjoni sabiex jiġi żgurat, konformement mal-għan ta’ din id-direttiva, livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur.

44

Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li s-setgħat tal-qorti ma jistgħux jestendu lil hinn minn dak li huwa strettament neċessarju sabiex jiġi stabbilit mill-ġdid il-bilanċ kuntrattwali bejn il-partijiet għall-kuntratt u b’hekk jiġi protett il-konsumatur mill-konsegwenzi li partikolarment jikkawżaw preġudizzju li l-annullament tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni jista’ jikkawża. Fil-fatt, li kieku l-qorti setgħet tbiddel jew timmodera l-kontenut tal-klawżoli inġusti liberament, tali setgħa tkun ta’ natura li tikkomprometti t-twettiq tal-għanijiet kollha msemmija fil-punt 38 ta’ din is-sentenza.

45

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li, wara li tiġi kkonstatata n-natura inġusta tal-klawżoli li jiddefinixxu l-mekkaniżmu ta’ ffissar tar-rata ta’ interessi varjabbli f’kuntratt ta’ self bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali u meta dan il-kuntratt ma jkunx jista’ jibqa’ fis-seħħ wara t-tneħħija tal-klawżoli inġusti kkonċernati, l-annullament tal-imsemmi kuntratt ikollu konsegwenzi partikolarment dannużi għall-konsumatur u ma tkun teżisti ebda dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ta’ natura supplenti, il-qorti nazzjonali għandha, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt intern tagħha fl-intier tiegħu, tieħu l-miżuri neċessarji kollha sabiex tipproteġi lill-konsumatur mill-konsegwenzi partikolarment dannużi li l-annullament tal-imsemmi kuntratt jista’ jikkawża. F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, xejn ma jipprekludi b’mod partikolari lill-qorti nazzjonali milli tistieden lill-partijiet jinnegozjaw bl-għan li jiffissaw il-modalitajiet ta’ kalkolu tar-rata ta’ interessi, sakemm hija tistabbilixxi l-qafas ta’ dawn in-negozjati u sakemm dawn ikunu intiżi sabiex jistabbilixxu bilanċ reali bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti fid-dawl b’mod partikolari tal-għan tal-protezzjoni tal-konsumatur li fuqu hija bbażata d-Direttiva 93/13.

Fuq l-ispejjeż

46

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur għandu jiġi interpretat fis-sens li, wara l-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżoli li jiddefinixxu l-mekkaniżmu tal-iffissar tar-rata ta’ interessi varjabbli f’kuntratt ta’ self bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali u meta dan il-kuntratt ma jkunx jista’ jibqa’ fis-seħħ wara t-tħassir tal-klawżoli inġusti kkonċernati, meta l-annullament tal-imsemmi kuntratt ikollu konsegwenzi partikolarment dannużi għall-konsumatur u meta ma tkun teżisti ebda dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ta’ natura supplenti, il-qorti nazzjonali għandha, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt intern tagħha fl-intier tiegħu, tieħu l-miżuri neċessarji kollha sabiex tipproteġi lill-konsumatur mill-konsegwenzi partikolarment dannużi li l-annullament tal-imsemmi kuntratt jista’ jikkawża. F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, xejn ma jipprekludi b’mod partikolari lill-qorti nazzjonali milli tistieden lill-partijiet jinnegozjaw bl-għan li jiffissaw il-modalitajiet ta’ kalkolu tar-rata ta’ interessi, sakemm hija tistabbilixxi l-qafas ta’ dawn in-negozjati u sakemm dawn ikunu intiżi sabiex jistabbilixxu bilanċ reali bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti fid-dawl b’mod partikolari tal-għan tal-protezzjoni tal-konsumatur li fuqu hija bbażata d-Direttiva 93/13.

 

Firem


( *1 ) Langue de procédure : le roumain.