SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

14 ta’ Mejju 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 2011/83/UE – Artikolu 6(1)(c) u (h) u (4) – Punt A, Anness I – Dritt ta’ rtirar – Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-kummerċjant dwar il-kundizzjonijiet, it-terminu u l-modalitajiet ta’ eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar – Obbligu, għall-kummerċjant, li jindika n-numru tat-telefon tiegħu ‘jekk disponibbli’ – Portata”

Fil-Kawża C‑266/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Marzu 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Marzu 2019, fil-proċedura

EIS GmbH

vs

TO,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn M. Safjan (Relatur), President tal-Awla, C. Toader u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal EIS GmbH, minn A. Rinkler, Rechtsanwalt,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Valero u M. Kellerbauer, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1)(c) u (h) u (4) tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 304, p. 64), moqri flimkien mal-punt A tal-Anness I tagħha.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn EIS GmbH, kumpannija Ġermaniża ta’ bejgħ online, u TO, wieħed mill-kompetituri tagħha, rigward it-talba, imressqa minn TO, li jeżerċita l-attività kummerċjali tiegħu bħala persuna fiżika, kontra EIS, li twaqqaf il-prattika kummerċjali tagħha li tikkonsisti li ma tindikax in-numru tat-telefon tagħha fis-sit internet tagħha fl-informazzjoni dwar id-dritt ta’ rtirar tal-konsumatur.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 4, 5, 7 u 34 tad-Direttiva 2011/83 jipprovdu:

“(4)

[…] L-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tal-kuntratti tal-konsumatur mill-bogħod u lil hinn mill-post tan-negozju hija meħtieġa għall-promozzjoni ta’ suq intern realment tal-konsumatur li jsib l-aħjar bilanċ bejn livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u l-kompetittività tal-impriżi […].

(5)

[…] [A]rmonizzazzjoni sħiħa tal-informazzjoni tal-konsumatur u d-dritt ta’ reċess [rtirar] f’kuntratt mill-bogħod u dawk li jseħħu lil hinn mill-post tan-negozju se jikkontribwixxu għal livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u għat-tħaddim aħjar tas-suq intern tan-negozju dirett lejn il-konsumatur.

[…]

(7)

L-armonizzazzjoni sħiħa ta’ wħud mill-aspetti regolatorji ewlenin għandha żżid konsiderevolment iċ-ċertezza legali kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-kummerċjanti. Kemm il-konsumaturi kif ukoll il-kummerċjanti għandhom ikunu jistgħu jorbtu fuq qafas regolatorju uniku bbażat fuq kunċetti legali definiti b’mod ċar li jirregolaw ċerti aspetti ta’ kuntratti fl-Unjoni tan-negozju dirett lejn il-konsumatur. L-effett ta’ tali armoniżżazzjoni għandu jkun li jinqerdu l-ostakli mnissla mill-frammentazzjoni tar-regoli u biex jitlesta s-suq intern f’dan il-qasam. Dawk l-ostakli jistgħu jinqerdu biss billi jitwaqqfu regoli uniformi fil-livell tal-Unjoni. Barra dan il-konsumaturi għandhom igawdu minn livell komuni għoli ta’ protezzjoni madwar l-Unjoni kollha.

[…]

(34)

Il-kummerċjant għandu jagħti lill-konsumatur informazzjoni ċara u komprensibbli qabel ma l-konsumatur jintrabat b’kuntratt mill-bogħod jew kuntratt lil hinn mill-post tan-negozju, kuntratt li ma jkunx kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju, jew kwalunkwe offerta korrispondenti. […]”

4

Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa, permezz tal-ksib ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, li tikkontribwixxi għat-tħaddim tajjeb tas-suq intern billi tagħmel approssimazzjoni ta’ ċerti aspetti tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar kuntratti konklużi bejn konsumaturi u kummerċjanti.”

5

Il-Kapitolu III ta’ din id-direttiva, intitolat “Iinformazzjoni tal-konsumatur u dritt ta’ reċess [rtirar] għal kuntratti mill-bogħod u lil hinn mill-post tan-negozju”, jinkludi l-Artikoli 6 sa 16 tiegħu.

6

L-Artikolu 6 tal-istess direttiva, intitolat “Rekwiżiti ta’ informazzjoni għal kuntratti mill-bogħod u lil hinn mill-post tan-negozju”, jipprovdi:

“1.   Qabel ma l-konsumatur jintrabat b’ kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju, jew bi kwanlunkwe offerta korrispondenti, il-kummerċjant għandu jipprovdi lill-konsumatur l-informazzjoni li ġejja b’mod ċar u komprensibbli:

[…]

c)

l-indirizz ġeografiku fejn il-kummerċjant huwa stabbilit u n-numru tat-telefon, tal-fax u l-indirizz tal-posta elettronika tiegħu, fejn ikun disponibbli, biex il-konsumatur ikun jista’ jagħmel kuntatt malajr mal-kummerċjant u jikkomunika b’mod effikaċi miegħu u, jekk applikabbli, l-indirizz ġeografiku u l-identità tal-kummerċjant li f’ismu jkun qed jaġixxi;

[…]

h)

f’każ li jeżisti dritt ta’ reċess [rtirar], il-kundizzjonijiet, it-termini u l-proċeduri għall-eżerċizzju ta’ tali dritt skont l-Artikolu 11(1), kif ukoll il-formola standard ta’ reċess [rtirar] stabbilita fl-Anness I(B);

[…]

4.   L-informazzjoni msemmija fil-punti (h), (i) u (j) tal-paragrafu 1 tista’ tkun ipprovduta permezz tal-formola tal-istruzzjonijiet dwar ir-reċess [rtirar] stabbilita fl-Anness I(A). Il-kummerċjant ikun issodisfa r-rekwiżiti ta’ informazzjoni fil-punti (h), (i) u (j) tal-paragrafu 1 jekk ikun ippreżenta dawn l-istruzzjonijiet lill-konsumatur mimlija kif suppost.

5.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tifforma parti integrali tal-kuntratti mill-bogħod jew dawk lil hinn mill-post tan-negozju u ma għandhiex tkun modifikata għajr jekk mhux bil-ftehim espliċitu tal-partijiet kuntrattwali.

[…]”

7

L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/83, intitolat “Eżerċizzju tad-dritt ta’ reċess” [rtirar], jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Qabel ma jiskadi l-perjodu tad-dritt ta’ reċess [rtirar], il-konsumatur għandu jinforma lill-kummerċjant bid-deċiżjoni ta’ reċess [rtirar] mill-kuntratt. Għal dan il-għan, il-konsumatur jista’:

a)

juża formola standard ta’ reċess [rtirar] kif stipulata fl-Anness I(B); jew

b)

jagħmel kwalunkwe dikjarazzjoni espliċita oħra tad-deċiżjoni tiegħu li jirreċedi mill-kuntratt.

[…]”

8

L-Anness I ta’ din id-direttiva, intitolat “Informazzjoni dwar l-eżerċizzju tad-dritt ta’ reċess” [rtirar], jinkludi punt A, intitolat “Mudell ta’ istruzzjonijiet dwar ir-reċess” [rtirar], u punt B, intitolat “Formola standard ta’ reċess” [rtirar].

9

Il-punt A ta’ dan l-Anness I jinkludi b’mod partikolari l-istruzzjonijiet li l-kummerċjant għandu jsegwi sabiex jikkomunika lill-konsumatur l-informazzjoni standardizzata dwar id-dritt ta’ rtirar tiegħu u, b’mod iktar partikolari, l-istruzzjoni li ġejja:

“Daħħal l-isem, l-indirizz ġeografiku u, jekk disponibbli, in-numru tat-telefon u tal-fax u l-indirizzi tal-posta elettronika.”

10

Il-punt B tal-imsemmi Anness I jinkludi taqsima fformulata kif ġej:

“Lil [Daħħal l-isem, l-indirizz ġeografiku u, jekk disponibbli, in-numru tat-telefon u tal-fax u l-indirizzi tal-posta elettronika tal-kummerċjant].”

Id-dritt Ġermaniż

11

L-Artikolu 312d tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili, iktar ’il quddiem il-“BGB”), intitolat “Obbligi ta’ informazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“F’kuntratti lil hinn mill-post tan-negozju u f’kuntratti mill-bogħod, il-kummerċjant għandu jinforma lill-konsumatur konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 246a tal-[Einführungsgesetz zum Bürgerlichen Gesetzbuche (il-Liġi li Tintroduċi l-Kodiċi Ċivili)]. L-indikazzjonijiet ipprovduti mill-kummerċjant fl-eżekuzzjoni ta’ dan l-obbligu jagħmlu parti integrali mill-kuntratt, ħlief fil-każ ta’ ftehim speċifiku kuntrarju tal-partijiet.”

12

L-Artikolu 246a tal-Liġi li Tintroduċi l-Kodiċi Ċivili (iktar ’il quddiem l-“EGBGB”), intitolat “Obbligi ta’ informazzjoni dwar il-kuntratti lil hinn mill-post tan-negozju u l-kuntratti mill-bogħod, bl-eċċezzjoni tal-kuntratti dwar is-servizzi finanzjarji”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“(1)   Il-kummerċjant għandu, skont l-Artikolu 312d(1) tal-BGB, iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-konsumatur l-informazzjoni li ġejja:

[…]

2.

l-identità tiegħu, pereżempju l-isem kummerċjali tiegħu, kif ukoll l-indirizz tal-post fejn huwa stabbilit, in-numru tat-telefon tiegħu u, jekk ikun il-każ, in-numru tal-faks tiegħu u l-indirizz tal-posta elettronika tiegħu, kif ukoll, jekk ikun il-każ, l-indirizz u l-identità tal-kummerċjant li f’ismu qiegħed jaġixxi,

[…]

(2)   Jekk il-konsumatur għandu dritt ta’ rtirar skont l-Artikolu 312g(1) tal-BGB, il-kummerċjant għandu jinforma lill-konsumatur:

1.

dwar il-kundizzjonijiet, it-termini u l-proċedura għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar konformement mal-Artikolu 355(1) tal-BGB u mal-formola standard ta’ rtirar li tinsab fl-Anness 2,

[…]

In-negozjant jista’ jissodisfa dawn l-obbligi ta’ informazzjoni billi jissottometti l-formola tal-istruzzjoni ta’ revoka li tinsab fl-Anness 1, li tkun ġiet kompluta korrettament u fil-forma ta’ test.

(3)   Il-kummerċjant huwa obbligat ukoll li jinforma lill-konsumatur dwar

1.

li l-konsumatur ma għandux id-dritt ta’ rtirar skont il-punti 1, 2, 5 u 7 sa 13 tal-Artikolu 312g(2) tal-BGB, li jipprovdi li l-konsumatur ma jistax jirrevoka d-dikjarazzjoni ta’ volontà tiegħu,

[…]”

13

Skont l-Artikolu 3(1) tal-Gesetz gegen den unlauteren Wettbewerb (il-Liġi kontra l-Kompetizzjoni Żleali), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“UWG”):

“Il-prattiki kummerċjali żleali huma illegali […].”

14

L-Artikolu 4 (11) tal-UWG jipprovdi:

“Iwettaq att ta’ kompetizzjoni żleali, b’mod partikolari, kull min

[…]

11.

jikser dispożizzjoni legali li, fost oħrajn, hija intiża sabiex tirregola l-aġir fis-suq fl-interess tal-operaturi tas-suq”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15

Fid-29 ta’ Diċembru 2014, EIS indirizzat intimazzjoni lil TO, il-kompetitur tagħha fil-bejgħ ta’ prodotti erotiċi fuq l-internet, fejn talbitu jieqaf mill-prattika kummerċjali tiegħu li tikkonsisti b’mod partikolari fil-komunikazzjoni ta’ informazzjoni irregolari dwar id-dritt tal-konsumaturi li jeżerċitaw id-dritt ta’ rtirar tagħhom wara l-konklużjoni ta’ kuntratt. Fil-kuntest ta’ din l-intimazzjoni, EIS ordnat lil TO sabiex jibagħtilha strafbewehrte Unterlassungserklärung (impenn taħt piena ta’ pagamenti ta’ penalità), li permezz tiegħu dan tal-aħħar jimpenja ruħu li jieqaf minn din il-prattika taħt piena ta’ sanzjoni.

16

Fit-8 ta’ Jannar 2015, TO kkomunika tali impenn lil EIS. Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Jannar 2015, huwa bagħatilha, min-naħa tiegħu, intimazzjoni sabiex twaqqaf il-prattika kummerċjali tagħha li kienet tikkonsisti li ma tindikax in-numru tat-telefon fis-sit internet tagħha fl-informazzjoni dwar id-dritt ta’ rtirar tal-konsumatur.

17

EIS adixxiet lil-Landgericht Arnsberg (il-Qorti Reġjonali ta’ Arnsberg, il-Ġermanja) b’rikors intiż sabiex jiġi deċiż li TO ma kellux bażi sabiex jitlob il-waqfien tal-prattika kummerċjali msemmija fl-ittra ta’ intimazzjoni tiegħu tat-12 ta’ Jannar 2015. Permezz ta’ kontrotalba, TO talab li EIS tiġi kkundannata twaqqaf il-prattika msemmija f’din l-intimazzjoni.

18

Permezz ta’ sentenza tad-9 ta’ Lulju 2015, il-Landgericht Arnsberg (il-Qorti Reġjonali ta’ Arnsberg) ċaħdet ir-rikors ta’ EIS u laqgħet il-kontrotalba ta’ TO.

19

Permezz ta’ sentenza tat-10 ta’ Awwissu 2017, l-Oberlandesgericht Hamm (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamm, il-Ġermanja), essenzjalment ċaħdet l-appell ippreżentat minn EIS kontra l-imsemmija sentenza.

20

EIS ippreżentat appell fuq punt ta’ liġi quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), kontra s-sentenza ta’ appell.

21

Il-qorti tar-rinviju tqis li s-soluzzjoni tal-kawża prinċipali tiddependi fuq il-punt dwar jekk l-informazzjoni dwar id-dritt ta’ rtirar tal-konsumatur li EIS tipprovdi fis-sit internet tagħha tiksirx l-ewwel sentenza tal-Artikolu 312d(1) tal-BGB kif ukoll il-punt 1 tal-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 246a(1) tal-EGBGB, u t-tieni sentenza, tal-EGBGB, moqri flimkien mal-Anness 1 tal-EGBGB, u jekk, konsegwentement, din l-informazzjoni hijiex antikompetittiva, fis-sens tal-Artikolu 3 u tal-punt 11 tal-Artikolu 4 tal-UWG. F’dan ir-rigward, hija tindika li l-imsemmija dispożizzjonijiet jittrasponu fid-dritt Ġermaniż l-Artikolu 6(1)(h) u (4) tad-Direttiva 2011/83, moqri flimkien mal-Parti A tal-Anness I tagħha u li għalhekk għandhom jiġu interpretati b’mod konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet.

22

F’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, EIS setgħet tirrikorri għall-informazzjoni standardizzata fuq l-irtirar, li tinsab fil-punt A tal-Anness I tad-Direttiva 2011/83. Madankollu, EIS ma indikatx in-numru tat-telefon tagħha, minkejja li kellha linja telefonika għall-finijiet tal-attività tal-impriża tagħha. Madankollu, EIS indikat in-numru tat-telefon tagħha fil-kuntest tal-indikazzjonijiet legali li jinsabu fis-sit internet tagħha, kif ukoll, b’mod ċar u leġġibbli, fil-parti ta’ isfel tal-paġna prinċipali tal-imsemmi sit.

23

Il-qorti tar-rinviju tesponi li EIS, sa fejn hija ma tikkonkludix kuntratti bit-telefon, issostni li ma hijiex obbligata tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi linja telefonika sabiex tippermettilhom jinvokaw, jekk ikun il-każ, id-dritt ta’ rtirar tagħhom fir-rigward ta’ kuntratti konklużi mill-bogħod.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk numru tat-telefon huwiex “disponibbli”, fis-sens tal-istruzzjonijiet li għandhom jiġu segwiti sabiex tiġi kkompletata l-informazzjoni standardizzata dwar l-irtirar konformement mal-punt A tal-Anness I tad-Direttiva 2011/83, meta l-kummerċjant jindika n-numru tat-telefon tiegħu fil-kuntest tal-indikazzjonijiet legali jew meta jippreżentah b’mod ċar u leġġibbli fuq il-paġna prinċipali tas-sit internet tiegħu. F’dan ir-rigward, hija tqis li għalkemm il-kummerċjant ma jippreċiżax b’mod ċar li dan in-numru ma huwiex intiż sabiex jintuża sabiex isiru dikjarazzjonijiet dwar l-irtirar tal-kuntratt, l-imsemmi numru tat-telefon għandu jitqies bħala li huwa “disponibbli”, fis-sens tal-punt A tal-Anness I tad-Direttiva 2011/83.

25

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li ċ-ċirkustanza li l-kummerċjant ma jużax in-numru tat-telefon użat għall-finijiet tal-attività tal-impriża tiegħu sabiex jikkonkludi kuntratti mill-bogħod ma teskludix id-disponibbiltà ta’ dan in-numru tat-telefon sabiex jirċievi dikjarazzjonijiet ta’ rtirar min-naħa tal-konsumaturi.

26

Minbarra dan, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li din il-kawża tikkonċerna unikament il-kwistjoni tar-riċezzjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-konsumaturi dwar l-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar tagħhom, b’differenza mill-kawża li fiha l-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja domandi li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva 2011/83 u li tat lok għas-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2019, Amazon EU (C-649/17, EU:C:2019:576), dwar l-obbligi ta’ informazzjoni prekuntrattwali.

27

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Numru tat-telefon huwa “disponibbli” fis-sens tal-istruzzjonijiet għall-ikkompletar tal-formola mudell tal-informazzjoni dwar id-drittijiet għall-irtirar b’mod konformi mal-[punt] A tal-Anness I tad-Direttiva 2011/83/UE jekk il-kummerċjant jindika dan in-numru tat-telefon fil-kuntest tal-informazzjoni legali jew jekk jippreżentah b’mod ċar u espliċitu fuq il-paġna prinċipali tas-sit internet tiegħu?

2)

Numru tat-telefon huwa “disponibbli” fis-sens tal-istruzzjonijiet għall-ikkompletar tal-formola mudell tal-informazzjoni dwar id-drittijiet għall-irtirar b’mod konformi mal-[punt] A tal-Anness I tad-Direttiva 2011/83/UE, jekk il-kummerċjant, minkejja li juża l-linja telefonika għan-negozju, ma jużax din il-linja sabiex jikkonkludi kuntratti mill-bogħod u għalhekk lanqas ma jagħmilha disponibbli għall-finijiet tal-annullament ta’ kuntratti mill-bogħod, jiġifieri sabiex jirċievi dikjarazzjonijiet ta’ rtirar?”

Fuq id-domandi preliminari

28

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, minn naħa, jekk l-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva 2011/83 għandux jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn in-numru tat-telefon ta’ kummerċjant jidher fis-sit internet tiegħu u jintuża għall-finijiet tal-attività tal-impriża tiegħu, dan in-numru għandux jitqies bħala li huwa “disponibbli”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u, min-naħa l-oħra, jekk l-Artikolu 6(1)(c) u (h), kif ukoll il-paragrafu 4 ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-punt A tal-Anness I tagħha għandux jiġi interpretat fis-sens li n-negozjant, li jipprovdi lill-konsumatur, qabel ma dan ikun marbut b’kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju tiegħu, l-informazzjoni dwar il-modalitajiet ta’ eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar, billi f’dan ir-rigward ikollu rikors għall-informazzjoni standardizzata li tinsab fl-imsemmi punt A tal-Anness I, huwiex obbligat li jsemmi numru tat-telefon, b’mod li dan il-konsumatur ikun jista’ jikkomunikalu d-deċiżjoni possibbli tiegħu li jagħmel użu minn dan id-dritt.

29

L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva 2011/83, qabel ma l-konsumatur ikun marbut b’kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju jew b’offerta tal-istess tip, il-kummerċjant għandu jipprovdih, b’mod ċar u komprensibbli, bl-informazzjoni li tikkonċerna l-indirizz ġeografiku fejn il-kummerċjant huwa stabbilit kif ukoll in-numru tat-telefon tiegħu, in-numru tal-faks tiegħu u l-indirizz tal-posta elettronika tiegħu, meta dawn ikunu disponibbli, sabiex il-konsumatur ikun jista’ jikkuntattjah malajr u jikkomunika miegħu b’mod effiċjenti u, jekk ikun il-każ, l-indirizz ġeografiku kif ukoll l-identità tal-kummerċjant li f’ismu jkun qiegħed jaġixxi.

30

Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 6(1)(h) ta’ din id-direttiva, meta jeżisti d-dritt ta’ rtirar, il-kummerċjant huwa obbligat li jibgħat lill-konsumatur, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, l-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet, it-terminu u l-modalitajiet għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, konformement mal-Artikolu 11(1) tal-imsemmija direttiva, kif ukoll il-formola standard ta’ rtirar li tinsab fil-punt B tal-Anness I tagħha.

31

Konformement mal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2011/83, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(1)(h) sa (j) tista’ tiġi pprovduta permezz ta’ informazzjoni standard dwar l-irtirar li tinsab fil-punt A tal-Anness I ta’ din id-direttiva. Huwa ppreċiżat ukoll li l-kummerċjant huwa meqjus li osserva l-obbligi ta’ informazzjoni stabbiliti fl-imsemmi Artikolu 6(1)(h) sa (j), jekk huwa jkun ipprovda l-imsemmija informazzjoni lill-konsumatur, ikkompletata b’mod korrett.

32

Il-punt A tal-Anness I tad-Direttiva 2011/83 jinkludi b’mod partikolari l-istruzzjonijiet li l-kummerċjant għandu jsegwi sabiex jikkomunika lill-konsumatur l-informazzjoni standardizzata dwar id-dritt ta’ rtirar tiegħu u, b’mod iktar partikolari, l-istruzzjoni li ġejja:

“Daħħal l-isem, l-indirizz ġeografiku u, jekk disponibbli, in-numru tat-telefon u tal-fax u l-indirizzi tal-posta elettronika.”

33

F’dan ir-rigward, mis-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2019, Amazon EU (C‑649/17, EU:C:2019:576), jirriżulta, essenzjalment, li l-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva 2011/83 għandu jiġi interpretat fis-sens, minn naħa, li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-kummerċjant, qabel ma jikkonkludi ma’ konsumatur kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju, imsemmi fil-punti 7 u 8 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, li jipprovdi, fiċ-ċirkustanzi kollha, in-numru tat-telefon tiegħu. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija dispożizzjoni ma timplikax obbligu għall-kummerċjant li jistabbilixxi linja telefonika sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jikkuntattjawh u timponi li dan in-numru jiġi kkomunikat biss fil-każijiet fejn dan il-kummerċjant diġà jkollu dawn il-mezzi ta’ komunikazzjoni mal-konsumaturi.

34

B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’din is-sentenza, li għalkemm l-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva 2011/83 ma jiddeterminax in-natura preċiża tal-mezz ta’ komunikazzjoni li għandu jiġi stabbilit mill-kummerċjant, din id-dispożizzjoni neċessarjament tobbliga lill-kummerċjant li jagħmel disponibbli lil kull konsumatur mezz ta’ komunikazzjoni li jippermetti lil dan tal-aħħar li jikkuntattjah malajr u li jikkomunika miegħu b’mod effikaċi (sentenza tal-10 ta’ Lulju 2019, Amazon EU, C-649/17, EU:C:2019:576, punt 46).

35

Obbligu inkundizzjonat li jagħmel disponibbli lill-konsumatur, fiċ-ċirkustanzi kollha, numru tat-telefon sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jikkuntattjaw lill-kummerċjant jidher sproporzjonat, b’mod partikolari fil-kuntest ekonomiku tal-operat ta’ ċerti impriżi, b’mod partikolari l-iżgħar impriżi, li jistgħu jfittxu li jnaqqsu l-ispejjeż operattivi tagħhom billi jorganizzaw il-bejgħ jew il-provvista ta’ servizzi mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju (sentenza tal-10 ta’ Lulju 2019, Amazon EU, C‑649/17, EU:C:2019:576, punt 48).

36

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punti 33 sa 35 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-kummerċjant li jikkonkludi ma’ konsumatur kuntratt permezz ta’ sit internet u li ma jużax, għal dan il-għan, it-telefon, filwaqt li jkollu linja telefonika għall-bżonnijiet tal-ġestjoni tal-aspetti l-oħra tal-attività tal-impriża tiegħu, ma huwiex, bħala prinċipju, obbligat li jikkomunika n-numru mogħti lil din il-linja telefonika lil dan il-konsumatur, meta jiddeċiedi li jirrikorri għall-informazzjoni standard li tinsab fil-punt A tal-Anness I tad-Direttiva 2011/83, li hija intiża li tiffaċilita lill-imsemmi konsumatur l-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar tiegħu.

37

Madankollu, f’sitwazzjoni fejn in-numru tat-telefon tal-kummerċjant jidher fis-sit internet tiegħu b’tali mod li tissuġġerixxi, f’għajnejn il-konsumatur medju, jiġifieri konsumatur normalment informat u raġonevolment attent u avżat (sentenza tal-11 ta’ Settembru 2019, Romano, C‑143/18, EU:C:2019:701, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata), li dan il-kummerċjant juża dan in-numru għall-finijiet tal-kuntatti tiegħu mal-konsumaturi, l-imsemmi numru għandu jitqies bħala li huwa “disponibbli” sabiex jikkuntattja dan il-kummerċjant, fis-sens tal-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva 2011/83. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta n-numru tat-telefon huwa indikat fis-sit internet fit-taqsima intitolata “Kuntatt”.

38

Sa fejn, fil-każ imsemmi fil-punt preċedenti, in-numru tat-telefon tal-kummerċjant għandu jitqies bħala li huwa “disponibbli”, fis-sens tal-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva 2011/83, u fejn dan il-kummerċjant jiddeċiedi li jinkludi, fis-sit internet tiegħu, l-informazzjoni standardizzata dwar l-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar tal-konsumatur, riprodotta fil-punt A tal-Anness I ta’ din id-direttiva, l-imsemmi numru tat-telefon għandu jitqies bħala li huwa “disponibbli” ukoll fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni u għandu jidher fost din l-informazzjoni.

39

Din l-interpretazzjoni hija konformi mal-għanijiet tad-Direttiva 2011/83. Fil-fatt, mill-Artikolu 1 tagħha, moqri fid-dawl tal-premessi 4, 5 u 7 tagħha jirriżulta li din id-direttiva hija intiża sabiex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi billi tiggarantixxi l-informazzjoni tagħhom u s-sigurtà tagħhom fit-tranżazzjonijiet mal-kummerċjanti.

40

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, id-domandi magħmula għandhom jiġu risposti li l-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva 2011/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn in-numru tat-telefon ta’ kummerċjant jidher fis-sit internet tiegħu b’tali mod li tissuġġerixxi, f’għajnejn il-konsumatur medju, jiġifieri konsumatur normalment informat u raġonevolment attent u avżat, li dan il-kummerċjant juża dan in-numru tat-telefon għall-finijiet tal-kuntatti tiegħu mal-konsumaturi, l-imsemmi numru tat-telefon għandu jitqies bħala li huwa “disponibbli”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. F’tali każ, l-Artikolu 6(1)(c) u (h) kif ukoll (4) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-punt A tal-Anness I tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kummerċjant li jipprovdi lill-konsumatur, qabel ma dan ikun marbut b’kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju, l-informazzjoni dwar il-modalitajiet għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar, billi jirrikorri għal dan il-għan għall-informazzjoni standardizzata li tinsab fl-imsemmi punt A tal-Anness I, huwa obbligat li jsemmi l-istess numru tat-telefon f’din l-informazzjoni, b’mod li dan il-konsumatur ikun jista’ jikkomunikalu d-deċiżjoni possibbli tiegħu li jagħmel użu minn dan id-dritt permezz tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

41

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn in-numru tat-telefon ta’ kummerċjant jidher fis-sit internet tiegħu b’tali mod li tissuġġerixxi, f’għajnejn il-konsumatur medju, jiġifieri konsumatur normalment informat u raġonevolment attent u avżat, li dan il-kummerċjant juża dan in-numru tat-telefon għall-finijiet tal-kuntatti tiegħu mal-konsumaturi, l-imsemmi numru tat-telefon għandu jitqies bħala li huwa “disponibbli”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. F’tali każ, l-Artikolu 6(1)(c) u (h) kif ukoll (4) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-punt A tal-Anness I tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kummerċjant li jipprovdi lill-konsumatur, qabel ma dan ikun marbut b’kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju, l-informazzjoni dwar il-modalitajiet għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar, billi jirrikorri għal dan il-għan għall-informazzjoni standardizzata li tinsab fl-imsemmi punt A tal-Anness I, huwa obbligat li jsemmi l-istess numru tat-telefon, b’mod li dan il-konsumatur ikun jista’ jikkomunikalu d-deċiżjoni possibbli tiegħu li jagħmel użu minn dan id-dritt permezz tiegħu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.