SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
15 ta’ April 2021 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam kriminali – Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI – Artikolu 8(2) sa (4) – Artikolu 17(1) u (2) – Artikolu 19 – Teħid inkunsiderazzjoni, għall-finijiet ta’ sentenza globali, ta’ kundanna mogħtija fi Stat Membru ieħor u li għandha tiġi eżegwita fl-Istat Membru fejn tingħata din is-sentenza – Kundizzjonijiet – Deċiżjoni Qafas 2008/675/ĠAI – Artikolu 3(3) – Kunċett ta’ ‘influwenza fuq deċiżjoni ta’ kundanna jew ta’ eżekuzzjoni’ li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fl-okkażjoni ta’ proċedimenti kriminali ġodda mibdija fi Stat Membru li ma huwiex dak fejn ingħatat din id-deċiżjoni”
Fil-Kawża C‑221/19,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Gdańsku (il-Qorti Reġjonali ta’ Gdańsk, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Frar 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Marzu 2019, fil-proċedura
AV
fil-preżenza ta’:
Pomorski Wydział Zamiejscowy Departamentu do Spraw Przestępczości Zorganizowanej i Korupcji Prokuratury Krajowej,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, N. Piçarra (Relatur), D. Šváby, S. Rodin u K. Jürimäe, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
– |
għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u T. Machovičová, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Spanjol, inizjalment minn A. Rubio González, sussegwentement minn L. Aguilera Ruiz, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u Z. Wagner, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Grünheid u L. Baumgart, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑8 ta’ Ottubru 2020,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/675/ĠAI tal‑24 ta’ Lulju 2008 dwar it-teħid in konsiderazzjoni ta’ kundanni fl-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea waqt proċedimenti kriminali ġodda (ĠU 2008, L 220, p. 32), kif ukoll tal-Artikolu 8(2) sa (4), tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 17(1) u tal-Artikolu 19 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas‑27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2008, L 327, p. 27), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2008/909”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura li għandha bħala suġġett l-għoti ta’ sentenza globali fir-rigward ta’ AV u li tkopri, b’mod partikolari, piena ta’ priġunerija mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ieħor u rrikonoxxuta għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tagħha fil-Polonja. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Deċiżjoni Qafas 2008/909
3 |
Il-premessi 6 u 15 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jistipulaw:
[…]
|
4 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni qafas jiddisponi: “Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas:
|
5 |
L-Artikolu 3 tal-imsemmija deċiżjoni qafas jiddisponi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu: “1. L-għan ta’ din id-Deċiżjoni Qafas hija li tistabbilixxi r-regoli li taħthom Stat Membru, bil-ħsieb li jiffaċilita r-riabilitazzjoni soċjali tal-persuna sentenzjata, għandu jirrikonoxxi sentenza u jinforza l-piena. […] 3. Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tapplika biss għar-rikonoxximent ta’ sentenzi u l-infurzar ta’ pieni fi ħdan it-tifsira ta’ din id-Deċiżjoni Qafas. […]” |
6 |
L-Artikolu 8 tal-istess deċiżjoni qafas, intitolat “Rikonoxximent tas-sentenza u infurzar tal-piena”, jiddisponi: “1. L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni għandha tirrikonoxxi s-sentenza li tkun ġiet trasmessa skond l-Artikolu 3a u waqt li tiġi segwita l-proċedura taħt l-Artikolu 5, u għandha minnufih tieħu l-miżuri kollha meħtieġa għall-infurzar tal-piena, sakemm ma tiddeċidix li tinvoka waħda mir-raġunijiet għal non-rikonoxximent jew non-infurzar previsti fl-Artikolu 9. 2. Fejn il-piena tkun inkompatibbli mal-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni fir-rigward tat-tul tagħha, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni tista’ tiddeċiedi li tadatta l-piena biss fejn dik il-piena taqbeż il-piena massima prevista għal reati simili taħt il-liġi nazzjonali tiegħu. Il-piena adattata m’għandhiex tkun anqas mill-piena massima prevista għal reati simili taħt il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni. 3. Fejn il-piena tkun inkompatibbli mal-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni f’termini tan-natura tagħha, l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat ta’ esekuzzjoni tista’ tadattaha għall-piena jew għall-miżura prevista taħt il-liġi tagħha stess għal reati simili. Tali piena jew miżura għandha tikkorrispondi kemm jista’ jkun possibbli mal-piena imposta fl-Istat emittenti u għalhekk l-piena m’għandhiex tiġi konvertita f’piena pekunjarja. 4. Il-piena adattata m’għandhiex taggrava l-piena li ngħatat fl-Istat emittenti fin-natura jew id-dewmien tagħha.” |
7 |
L-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, intitolat “Deċiżjoni dwar l-infurzar tal-piena u l-limiti ta’ żmien”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-awtorità kompetenti fl-Istat ta’ esekuzzjoni għandha tiddeċiedi malajr kemm jista’ jkun jekk tirrikonoxxix is-sentenza u tinforzax il-piena u għandha tinforma lill-Istat emittenti għaldaqstant […]” |
8 |
Taħt it-titolu “Liġi li tirregola l-infurzar”, l-Artikolu 17 ta’ din id-deċiżjoni qafas jiddisponi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu: “1. L-infurzar ta’ piena għandu jkun irregolat bil-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni. L-awtoritajiet ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni waħedhom għandhom, soġġett għall-paragrafi 2, u 3, jkunu kompetenti biex jiddeċiedu dwar il-proċeduri għall-infurzar u biex jiddeterminaw il-miżuri kollha relatati miegħu, inklużi r-raġunijiet għal liberazzjoni bikrija jew kondizzjonata. 2. L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni għandha tnaqqas il-perijodu kollu ta’ ċaħda tal-libertà diġà skontata b’konnessjoni mal-piena li fir-rigward tagħha nħarġet is-sentenza mit-tul ta’ żmien totali taċ-ċaħda tal-libertà li għandu jiġi skontat.” |
9 |
Skont l-Artikolu 19 tal-istess deċiżjoni qafas, intitolat “Amnestija, maħfra, reviżjoni tas-sentenza”: “1. Amnestija jew maħfra jistgħu jingħataw mill-Istat emittenti kif ukoll mill-Istat ta’ esekuzzjoni. 2. L-Istat emittenti biss jista’ jiddeċiedi dwar applikazzjonijiet għal reviżjoni tas-sentenza li timponi l-piena li trid tiġi infurzata taħt din id-Deċiżjoni Qafas.” |
10 |
L-Artikolu 21 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, intitolat “Informazzjoni li għandha tingħata mill-Istat ta’ esekuzzjoni”, jipprevedi: “L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni għandha tinforma mingħajr dewmien lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti permezz ta’ kwalunkwe mezz li jħalli rekord bil-miktub: […]
[…]” |
Id-Deċiżjoni Qafas 2008/675
11 |
Il-premessi 2, 5 sa 8 u 14 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 jistipulaw:
[…]
[…]
|
12 |
Skont l-Artikolu 1(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas, din hija intiża sabiex “tiddetermina l-kondizzjonijiet li taħthom, matul proċedimenti kriminali fi Stat Membru kontra persuna, kundanni preċedenti li ngħataw kontra l-istess persuna għal fatti differenti fi Stati Membri oħrajn, jittieħdu in konsiderazzjoni”. |
13 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni qafas jiddefinixxi “kundanna” bħala “kwalunkwe deċiżjoni finali ta’ qorti kriminali li tistabbilixxi ħtija ta’ reat kriminali”. |
14 |
L-Artikolu 3 tal-istess deċiżjoni qafas, intitolat “Teħid in konsiderazzjoni, matul proċedimenti kriminali ġodda, ta’ kundanna mogħtija fi Stat Membru ieħor”, huwa fformulat kif ġej: “1. Kull Stat Membru għandu jiżgura li matul proċedimenti kriminali kontra persuna, kundanni preċedenti li ngħataw kontra l-istess persuna għal fatti differenti fi Stati Membri oħrajn, li fir-rigward tagħhom inkisbet informazzjoni taħt strumenti applikabbli għal għajnuna legali reċiproka jew għall-iskambju ta’ informazzjoni estratta minn rekords kriminali, jittieħdu in konsiderazzjoni sal-livell li jittieħdu in konsiderazzjoni kundanni nazzjonali preċedenti, u li jiġu attribwiti lilhom effetti legali ekwivalenti bħal kundanni nazzjonali preċedenti, bi qbil mad-dritt nazzjonali. 2. Il-Paragrafu 1 għandu japplika fl-istadju ta’ qabel il-kawża, fl-istadju tal-kawża innifisha u fil-ħin ta’ l-eżekuzzjoni tal-kundanna, partikolarment fir-rigward tar-regoli ta’ proċedura applikabbli, inklużi dawk relatati mad-detenzjoni proviżorja, id-definizzjoni tar-reat, it-tip u l-livell tas-sentenza, u r-regoli dwar l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni. 3. It-teħid in konsiderazzjoni ta’ kundanni preċedenti mogħtija fi Stati Membri oħrajn, kif previst fil-paragrafu 1, m’għandux ikollu l-effett li jfixkel, jirrevoka jew jirrevedi kundanni preċedenti jew kwalunkwe deċiżjoni relatata ma’ l-eżekuzzjoni tagħhom mill-Istat Membru li jkun qed imexxi l-proċedimenti l-ġodda. […]” |
Id-dritt Pollakk
15 |
L-Artikolu 85(4) tal-kodeks karny (il-Kodiċi Kriminali) tas‑6 ta’ Ġunju 1997 (Dz. U. Nru 88, intestatura 553), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, huwa fformulat kif ġej: “Il-piena globali ma tkoprix il-pieni mogħtija fis-sentenzi msemmija fl-Artikolu 114a tal-Kodiċi Kriminali.” |
16 |
L-Artikolu 114a(1) tal-Kodiċi Kriminali jiddisponi: “Tikkostitwixxi wkoll sentenza ta’ kundanna l-kundanna definittiva għat-twettiq ta’ reat, mogħtija minn qorti kriminali kompetenti fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, ħlief jekk, bis-saħħa tad-dritt kriminali Pollakk, dan l-att ma jikkostitwixxix reat, jekk l-awtur ma jkunx suġġett għal piena jew jekk tkun ingħatat piena mhux speċifikata fil-liġi.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
17 |
Fil‑31 ta’ Lulju 2018, AV, ċittadin Pollakk, ressaq talba quddiem il-qorti tar-rinviju, is-Sąd Okręgowy w Gdańsku (il-Qorti Reġjonali ta’ Gdańsk, il-Polonja), għall-għoti ta’ sentenza globali li tinkludi żewġ pieni ta’ priġunerija li AV kien suġġett għalihom, jiġifieri, minn naħa, dik mogħtija mil-Landgericht Lüneburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Lüneburg, il-Ġermanja), permezz ta’ sentenza tal‑15 ta’ Frar 2017, irrikonoxxuta għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tagħha fil-Polonja permezz ta’ digriet tal-qorti tar-rinviju, tat‑12 ta’ Jannar 2018, li AV għandu jiskonta mill‑1 ta’ Settembru 2016 sad‑29 ta’ Novembru 2021, kif ukoll, min-naħa l-oħra, dik mogħtija mill-qorti tar-rinviju, permezz ta’ sentenza tal‑24 ta’ Frar 2010, li AV għandu jiskonta mid‑29 ta’ Novembru 2021 sat‑30 ta’ Marzu 2030. |
18 |
Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-klassifikazzjoni ġuridika tal-atti li taw lok għas-sentenza tal-Landgericht Lüneburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Lüneburg) tikkorrispondi għal dik imwettqa mid-dritt Pollakk u li t-tul tal-piena ta’ priġunerija li għandha tiġi eżegwita fil-Polonja, minħabba r-rikonoxximent ta’ dik is-sentenza, huwa identiku għal dak tal-piena mogħtija mill-qorti Ġermaniża, jiġifieri ħames snin u tliet xhur. |
19 |
Fit-talba tiegħu intiża għall-għoti ta’ sentenza globali, AV isostni li, peress li s-sentenza mogħtija mil-Landgericht Lüneburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Lüneburg) kienet ġiet irrikonoxxuta għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tagħha fil-Polonja, il-kundizzjonijiet sabiex tingħata sentenza globali li tkopri din il-kundanna kienu ssodisfatti. |
20 |
Il-qorti tar-rinviju tesponi li s-sentenza globali tinsab fil-fruntiera bejn sentenza fuq il-mertu u l-eżekuzzjoni ta’ kundanna u li din tkopri kundanni li saru definittivi, bl-għan li “tikkoreġi r-reazzjoni legali” għar-reati mwettqa, li setgħu kienu s-suġġett ta’ proċedura unika, u, għalhekk, li “tirrazzjonalizza l-pieni”. Hija tenfasizza li s-sentenza globali ma tikkostitwixxix indħil fis-sentenzi individwali kkonċernati, peress li din ma tippreġudikax l-elementi essenzjali tagħhom, b’mod partikolari d-determinazzjoni tal-ħtija tal-awtur ta’ reat partikolari, iżda tippermetti li tiġi evalwata l-attività delittwali kollha tal-persuna li kienet is-suġġett ta’ diversi kundanni, u li t-tul biss tagħhom jista’ jinbidel. Din il-qorti tindika wkoll li, meta jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet, huwa obbligatorju li tingħata sentenza globali. |
21 |
Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 85(4) tal-Kodiċi Kriminali, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, moqri flimkien mal-Artikolu 114a tal-istess kodiċi, jipprojbixxi l-għoti ta’ sentenza globali li tkopri kundanni mogħtija fil-Polonja u kundanni mogħtija fl-Istati Membri l-oħra rrikonoxxuti għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tagħhom fil-Polonja. |
22 |
Fil-fehma tagħha, tali projbizzjoni timplika li persuna li tkun ġiet ikkundannata diversi drabi fi Stat Membru wieħed tkun tinsab f’sitwazzjoni iktar favorevoli minn persuna li tkun ġiet ikkundannata fi Stati Membri differenti. Mill-banda l-oħra, it-teħid inkunsiderazzjoni, fil-kuntest ta’ sentenza globali, ta’ kundanni mogħtija fi Stat Membru ieħor u rrikonoxxuti, konformement mad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tagħhom fl-Istat Membru fejn tingħata s-sentenza globali, jiżgura, fuq il-livell tal-Unjoni, ugwaljanza fit-trattament tal-persuni li jinsabu f’sitwazzjoni simili u jsaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri. |
23 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Okręgowy w Gdańsku (il-Qorti Reġjonali ta’ Gdańsk) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Osservazzjonijiet preliminari
24 |
Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm, bħala prinċipju, il-leġiżlazzjoni kriminali u r-regoli proċedurali kriminali nazzjonali li jirregolaw is-sentenza globali jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, dawn huma obbligati jeżerċitaw din il-kompetenza b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, Rimšēvičs u BĊE vs Il‑Latvja, C‑202/18 u C‑238/18, EU:C:2019:139, punt 57). |
25 |
Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, fid-dritt Pollakk, sentenza globali għandha tingħata meta l-kundizzjonijiet sabiex tiġi imposta piena globali jkunu ssodisfatti fir-rigward ta’ diversi kundanni li jkunu saru definittivi. Jidher ukoll li sentenza globali ma taffettwax id-dikjarazzjoni ta’ ħtija magħmula minn dawn il-kundanni, li saret definittiva, iżda tbiddel il-quantum tal-piena jew tal-pieni imposti. |
26 |
Barra minn hekk, mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li sentenza globali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonsisti f’li tikkonverti f’piena ġdida unika waħda jew iktar pieni mogħtija preċedentement kontra l-persuna kkonċernata, twassal neċessarjament għal riżultat iktar favorevoli għall-persuna kkonċernata. Fil-fatt, wara diversi kundanni, il-persuna kkonċernata tista’ tkun suġġetta għal piena globali li l-quantum tagħha huwa inqas minn dak li jirriżulta mis-somma tal-pieni differenti li jirriżultaw minn kundanni distinti preċedenti. F’każ bħal dan, il-qorti għandha marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tiddetermina l-livell tal-piena permezz tat-teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni jew tal-personalità tal-persuna kkonċernata, jew inkella ta’ ċirkustanzi attenwanti jew aggravanti. |
27 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha ssir distinzjoni bejn tali sentenza globali u l-miżuri ta’ eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Awwissu 2017, Zdziaszek, C‑271/17 PPU, EU:C:2017:629, punt 85). |
28 |
F’dan il-każ, it-talba mressqa minn AV intiża għall-għoti ta’ sentenza globali għandha, b’mod partikolari, bħala suġġett il-piena ta’ priġunerija ta’ ħames snin u tliet xhur, mogħtija kontrih permezz ta’ sentenza tal-Landgericht Lüneburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Lüneburg) tal‑15 ta’ Frar 2017, li ġiet irrikonoxxuta għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tagħha fil-Polonja permezz ta’ digriet tal-qorti tar-rinviju. |
29 |
Peress li r-rikonoxximent tal-imsemmija sentenza mill-qorti tar-rinviju u l-eżekuzzjoni fil-Polonja tal-kundanna imposta kontra AV huma rregolati mid-Deċiżjoni Qafas 2008/909, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 1 u tal-Artikolu 3(3) tagħha, għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok it-tieni domanda, li tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ din id-deċiżjoni qafas. |
Fuq it-tieni domanda
30 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 8(2) sa (4), tal-Artikolu 17(1) u (2) u tal-Artikolu 19 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jippermettu l-għoti ta’ sentenza globali li tkopri mhux biss kundanna waħda jew iktar mogħtija preċedentement kontra l-persuna kkonċernata fl-Istat Membru fejn tingħata din is-sentenza globali, iżda wkoll kundanna waħda jew iktar mogħtija kontriha fi Stat Membru ieħor u li jiġu eżegwiti, bis-saħħa ta’ din id-deċiżjoni qafas, fl-ewwel Stat Membru. |
31 |
F’dan ir-rigward, fir-rigward, fl-ewwel lok, tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas, minnhom jirriżulta li l-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, fis-sens tal-Artikolu 1(d) tagħha, tista’ tadatta l-kundanna mogħtija fl-Istat emittenti, fis-sens tal-punt (c) tal-istess artikolu, biss jekk it-tul tagħha jkun inkompatibbli mad-dritt tal-Istat ta’ eżekuzzjoni u meta dan ikun ogħla mill-piena massima prevista mid-dritt ta’ dan l-Istat għal reati simili. It-tul adattat tal-kundanna ma jistax ikun inqas minn dak tal-piena massima prevista mid-dritt tal-Istat ta’ eżekuzzjoni għal reati simili (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, SF (Mandat ta’ arrest Ewropew – Garanzija ta’ ritorn fl-Istat ta’ eżekuzzjoni), C‑314/18, EU:C:2020:191, punt 64). |
32 |
Fl-ipoteżi fejn in-natura tal-kundanna mogħtija fl-Istat emittenti tkun inkompatibbli mad-dritt tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, l-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jippermetti wkoll lill-awtorità kompetenti ta’ dan tal-aħħar li tadatta din il-kundanna għall-piena jew għall-miżura prevista mid-dritt tagħha stess għal reati simili, bil-kundizzjoni li l-kundanna adattata tikkorrispondi kemm jista’ jkun possibbli mal-kundanna mogħtija fl-Istat emittenti. Fi kwalunkwe każ, din tal-aħħar ma tistax tiġi kkonvertita f’sanzjoni pekunjarja. |
33 |
Fi kwalunkwe każ, konformement mal-Artikolu 8(4) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 il-kundanna adattata ma tistax taggrava l-kundanna mogħtija fl-Istat emittenti f’dak li jirrigwarda n-natura jew it-tul tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, SF (Mandat ta’ arrest Ewropew – Garanzija ta’ ritorn fl-Istat ta’ eżekuzzjoni), C‑314/18, EU:C:2020:191, punt 64). |
34 |
Barra minn hekk, kull deċiżjoni ta’ adattament tal-kundanna meħuda skont l-Artikolu 8(2) u (3) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 għandha, skont l-Artikolu 21(e) tagħha, tiġi kkomunikata bil-miktub lill-awtorità kompetenti tal-Istat emittenti, billi jiġu indikati l-motivi. |
35 |
L-Artikolu 8(2) sa (4) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 għalhekk jistabbilixxi kundizzjonijiet stretti għall-adattament, mill-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, tal-kundanna imposta fl-Istat emittenti, kundizzjonijiet li jikkostitwixxu l-uniċi eċċezzjonijiet għall-obbligu ta’ prinċipju, li din l-awtorità għandha, bis-saħħa tal-Artikolu 8(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas, li tirrikonoxxi s-sentenza li tkun ġiet trażmessa lilha u li tadotta mingħajr dewmien il-miżuri kollha neċessarji għall-eżekuzzjoni tal-kundanna li t-tul u n-natura tagħha jkunu jikkorrispondu għal dawk previsti fis-sentenza mogħtija fl-Istat emittenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Novembru 2016, Ognyanov, C‑554/14, EU:C:2016:835, punt 36, u tal‑11 ta’ Jannar 2017, Grundza, C‑289/15, EU:C:2017:4, punt 42). |
36 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 8(2) sa (4) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li sentenza globali tkopri kundanna waħda jew iktar mogħtija fi Stati Membri oħra u li huma eżegwiti, bis-saħħa ta’ din id-deċiżjoni qafas, fl-Istat Membru fejn tingħata din is-sentenza globali, sakemm din tal-aħħar ma twassalx għal adattament tat-tul jew tan-natura tal-imsemmija kundanni li jaqbeż il-limiti stretti previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet. |
37 |
Soluzzjoni kuntrarja twassal, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 115 tal-konklużjonijiet tiegħu, għal differenza fit-trattament mhux iġġustifikata bejn il-persuni li kienu suġġetti għal diversi kundanni fi Stat Membru wieħed u dawk li ġew ikkundannati f’diversi Stati Membri meta, fiż-żewġ każijiet, il-kundanni jiġu eżegwiti fl-istess Stat Membru. Issa, kif tistipula l-premessa 6 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, din għandha tiġi implimentata u applikata b’mod li tiżgura l-osservanza tal-prinċipji ġenerali ta’ ugwaljanza, ta’ ekwità u ta’ raġonevolezza. |
38 |
Barra minn hekk, tali differenza fit-trattament tolqot, f’dan il-każ, ċittadin tal-Unjoni li eżerċita d-dritt ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri mogħti lilu mill-Artikolu 21 TFUE. Issa, kif tistipula l-premessa 15 ta’ din id-deċiżjoni qafas, din għandha tiġi applikata b’mod konformi ma’ dan id-dritt. |
39 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, minn naħa, mill-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jirriżulta li l-eżekuzzjoni ta’ kundanna, bis-saħħa ta’ din id-deċiżjoni qafas, hija rregolata mid-dritt tal-Istat ta’ eżekuzzjoni ladarba l-persuna kkundannata tkun ġiet ittrasferita lill-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat u li dawn tal-aħħar huma, bħala prinċipju, l-uniċi kompetenti sabiex jiddeċiedu l-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni u jiddeterminaw il-miżuri relatati magħha, inkluż fir-rigward tar-raġunijiet għal-liberazzjoni bikrija jew kundizzjonali. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 111 tal-konklużjonijiet tiegħu, din id-dispożizzjoni tkopri miżuri intiżi sabiex jiżguraw l-eżekuzzjoni materjali ta’ piena ta’ priġunerija u sabiex tiġi żgurata l-integrazzjoni soċjali mill-ġdid tal-persuna kkundannata. Issa, sentenza globali, bħal dik fil-kawża prinċipali – li, kif jirriżulta mill-punt 27 ta’ din is-sentenza, għandha tiġi distinta minn miżuri ta’ eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija – ma tistax titqies li hija koperta mill-Artikolu 17(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909. |
40 |
Min-naħa l-oħra, il-paragrafu 2 tal-istess artikolu jobbliga lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni li jnaqqsu kompletament il-perijodu ta’ priġunerija diġà skontat mill-persuna kkundannata fl-Istat emittenti qabel it-trasferiment tagħha mit-tul totali tal-priġunerija li għandha tiġi eżegwita fl-Istat ta’ eżekuzzjoni. |
41 |
Minn dan isegwi li l-Artikolu 17(1) u (2) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li sentenza globali tkopri kundanna waħda jew iktar mogħtija fi Stati Membri oħra u li jiġu eżegwiti, bis-saħħa ta’ din id-deċiżjoni qafas, fl-Istat Membru fejn tingħata din is-sentenza globali, sakemm dan tal-aħħar josserva l-obbligu, previst fl-imsemmi paragrafu 2, li jitnaqqas kompletament il-perijodu ta’ priġunerija diġà skontat, jekk ikun il-każ, mill-persuna kkundannata fl-Istat emittenti, mit-tul totali tal-priġunerija li għandha tiġi eżegwita fl-Istat ta’ eżekuzzjoni. |
42 |
Fit-tielet lok, fir-rigward tal-Artikolu 19 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, minn naħa, il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jipprevedi li l-amnestija u l-maħfra jistgħu jingħataw kemm mill-Istat emittenti kif ukoll mill-Istat ta’ eżekuzzjoni. Kif jirriżulta mill-Artikolu 21(f) ta’ din id-deċiżjoni qafas, l-amnestija u l-maħfra itemmu l-eżekuzzjoni ta’ piena. Issa, sentenza globali, bħal dik deskritta fil-punti 25 u 26 ta’ din is-sentenza, ma għandhiex l-għan li ttemm tali eżekuzzjoni. |
43 |
Min-naħa l-oħra, bis-saħħa tal-Artikolu 19(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, huwa biss l-Istat emittenti li jista’ jiddeċiedi dwar ir-rikors għal reviżjoni tas-sentenza li timponi l-piena jew il-miżura li ċċaħħad il-libertà li, bis-saħħa ta’ din id-deċiżjoni qafas, għandha tiġi eżegwita fi Stat Membru ieħor. Issa, sentenza globali, kif deskritta fil-punti 25 u 26 ta’ din is-sentenza, ma jista’ jkollha la l-għan u lanqas l-effett li tirrevedi l-kundanni mogħtija fi Stati Membri oħra u li huma eżegwiti, skont l-imsemmija deċiżjoni qafas, fl-Istat Membru fejn tingħata din is-sentenza globali. |
44 |
Minn dan isegwi li l-Artikolu 19 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li sentenza globali tkopri kundanna waħda jew iktar mogħtija fi Stati Membri oħra u li jiġu eżegwiti, bis-saħħa ta’ din id-deċiżjoni qafas, fl-Istat Membru fejn tingħata din is-sentenza globali, sakemm din ma twassalx għal reviżjoni ta’ dawn il-kundanni. |
45 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li d-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 8(2) sa (4), tal-Artikolu 17(1) u (2) u tal-Artikolu 19 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu l-għoti ta’ sentenza globali li tkopri mhux biss kundanna waħda jew iktar mogħtija preċedentement kontra l-persuna kkonċernata fl-Istat Membru fejn tingħata din is-sentenza globali, iżda wkoll kundanna waħda jew iktar mogħtija kontriha fi Stat Membru ieħor u li jiġu eżegwiti, bis-saħħa ta’ din id-deċiżjoni qafas, fl-ewwel Stat Membru. Madankollu, tali sentenza globali ma tistax twassal għal adattament tat-tul jew tan-natura ta’ dawn l-aħħar kundanni li jaqbeż il-limiti stretti previsti fl-Artikolu 8(2) sa (4) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, għal ksur tal-obbligu, impost mill-Artikolu 17(2) tagħha, li jitnaqqas kompletament il-perijodu ta’ priġunerija diġà skontat, jekk ikun il-każ, mill-persuna kkundannata fl-Istat emittenti, mit-tul totali tal-priġunerija li għandha tiġi eżegwita fl-Istat ta’ eżekuzzjoni, jew għal reviżjoni tal-kundanni mogħtija kontriha fi Stat Membru ieħor, bi ksur tal-Artikolu 19(2) tal-imsemmija deċiżjoni qafas. |
Fuq l-ewwel domanda
46 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675, moqri fid-dawl tal-premessa 14 tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti l-għoti ta’ sentenza globali li tkopri mhux biss kundanna waħda jew iktar mogħtija preċedentement kontra l-persuna kkonċernata fl-Istat Membru fejn tingħata din is-sentenza globali, iżda wkoll kundanna waħda jew iktar mogħtija kontriha fi Stat Membru ieħor u li jiġu eżegwiti, bis-saħħa tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, fl-ewwel Stat Membru, sakemm l-imsemmija sentenza globali ma jkollhiex l-effett li tinfluwenza l-kundanna mogħtija f’dan it-tieni Stat Membru jew kwalunkwe deċiżjoni relatata mal-eżekuzzjoni tagħha, li tirrevokaha jew li teżaminaha mill-ġdid, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675. |
47 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat qabelxejn li d-Deċiżjoni Qafas 2008/675 għandha l-għan, skont l-Artikolu 1(1) tagħha, li tiddetermina l-kundizzjonijiet li fihom il-kundanni, fis-sens tal-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni qafas, mogħtija preċedentement fi Stat Membru fil-konfront ta’ persuna, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-każ ta’ proċedura kriminali ġdida mibdija fi Stat Membru ieħor fil-konfront ta’ din l-istess persuna għal fatti differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 2017, Beshkov, C‑171/16, EU:C:2017:710, punt 25, u tal‑5 ta’ Lulju 2018, Lada, C‑390/16, EU:C:2018:532, punt 27). Kif jirriżulta mill-premessa 2 ta’ din id-deċiżjoni qafas, l-għan tagħha huwa li tippermetti l-evalwazzjoni tal-passat kriminali tal-persuna kkonċernata. |
48 |
Għaldaqstant, id-Deċiżjoni Qafas 2008/675 ma hijiex intiża, kif tistipula l-premessa 6 tagħha, sabiex teżegwixxi, fi Stat Membru, id-deċiżjonijiet ġudizzjarji mogħtija fl-Istati Membri l-oħra (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2017, Beshkov, C‑171/16, EU:C:2017:710, punt 45). |
49 |
Hija intiża, kif jirriżulta mill-premessi 5 sa 8 tagħha, sabiex kull Stat Membru jfittex li jorbot mal-kundanni kriminali preċedenti mogħtija fi Stat Membru ieħor effetti legali ekwivalenti għal dawk li huma marbuta ma’ kundanni nazzjonali preċedenti konformement mad-dritt nazzjonali tiegħu. |
50 |
Konformement ma’ dan l-għan, l-Artikolu 3(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas, moqri fid-dawl tal-premessa 5 tagħha, jimponi fuq l-Istati Membri li jiżguraw li, fil-każ ta’ proċedura kriminali ġdida mibdija kontra persuna, il-kundanni preċedenti mogħtija fi Stat Membru ieħor kontriha għal fatti differenti, li għalihom tkun inkisbet informazzjoni permezz ta’ strumenti applikabbli fil-qasam tal-assistenza ġudizzjarja jew tal-iskambju ta’ informazzjoni estratta minn rekords kriminali, minn naħa, jittieħdu inkunsiderazzjoni sa fejn il-kundanni nazzjonali preċedenti jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-dritt nazzjonali u, min-naħa l-oħra, jiġu attribwiti lilhom effetti ekwivalenti għal dawk marbuta ma’ dawn il-kundanni tal-aħħar konformement ma’ dan id-dritt, u dan fis-sens ta’ effetti fattwali jew ta’ dritt proċedurali jew sostantiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 2017, Beshkov, C‑171/16, EU:C:2017:710, punt 26, u tal‑5 ta’ Lulju 2018, Lada, C‑390/16, EU:C:2018:532, punt 28). |
51 |
L-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 jispeċifika li dan l-obbligu għandu japplika fl-istadju ta’ qabel il-proċedura kriminali, fl-istadju tal-proċedura kriminali nnifisha u fl-istadju tal-eżekuzzjoni tal-kundanna, partikolarment fir-rigward tar-regoli proċedurali applikabbli, inklużi dawk relatati mal-klassifikazzjoni tar-reat, it-tip u l-livell tal-piena involuta, kif ukoll ir-regoli li jirregolaw l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni (sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 2017, Beshkov, C‑171/16, EU:C:2017:710, punt 27, u tal‑5 ta’ Lulju 2018, Lada, C‑390/16, EU:C:2018:532, punt 29). |
52 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-Deċiżjoni Qafas 2008/675 hija applikabbli għal proċedura nazzjonali li hija intiża sabiex timponi, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tagħha, piena ta’ priġunerija totali, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-piena imposta fuq persuna mill-qorti nazzjonali kif ukoll dik imposta fil-kuntest ta’ kundanna preċedenti mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ieħor kontra l-istess persuna għal fatti differenti (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2017, Beshkov, C‑171/16, EU:C:2017:710, punt 29). |
53 |
F’dan il-kuntest, konformement mal-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675, it-teħid inkunsiderazzjoni, fil-każ ta’ proċedura kriminali ġdida, ta’ kundanni preċedenti mogħtija fi Stat Membru ieħor la jista’ jkollu l-effett li jinfluwenza dawn il-kundanni preċedenti jew kull deċiżjoni relatata mal-eżekuzzjoni tagħhom fl-Istat Membru li fih tiżvolġi l-proċedura kriminali l-ġdida, u lanqas li jirrevoka jew li jeżamina mill-ġdid l-imsemmija kundanni, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kif ġew mogħtija (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 2017, Beshkov, C‑171/16, EU:C:2017:710, punt 44, u tal‑5 ta’ Lulju 2018, Lada, C‑390/16, EU:C:2018:532, punt 39). |
54 |
F’dan ir-rigward, il-premessa 14 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675 tippreċiża li “indħil” f’deċiżjoni jew fl-eżekuzzjoni tagħha, fis-sens tal-Artikolu 3(3) tagħha, tkopri, inter alia, “sitwazzjonijiet fejn, skond id-dritt nazzjonali tat-tieni Stat Membru, is-sanzjoni imposta f’sentenza preċedenti għandha tiġi assorbita minn jew inkluża f’sanzjoni oħra, li mbagħad għandha tiġi effettivament eżegwita, sal-punt li l-ewwel sentenza ma tkunx diġà ġiet eżegwita jew l-eżekeżekuzzjoni tagħha ma tkunx ġiet trasferita lit-tieni Stat Membru”. |
55 |
B’hekk, mill-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675, moqri fid-dawl tal-premessa 14 tagħha, jirriżulta li, l-ewwel, is-sitwazzjonijiet li fihom tiġi imposta piena globali ma humiex esklużi bħala tali mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni qafas u, it-tieni, l-għoti ta’ piena globali jista’ jinfluwenza l-kundanna preċedenti jew l-eżekuzzjoni tagħha meta l-ewwel kundanna tkun għadha ma ġietx eżegwita jew ma tkunx ġiet ittrasferita lit-tieni Stat Membru għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tagħha. |
56 |
Konsegwentement, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 83 u 84 tal-konklużjonijiet tiegħu, peress li kundanna kriminali preċedenti, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mogħtija fl-ewwel Stat Membru, ġiet trażmessa u rrikonoxxuta, konformement mad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tagħha fit-tieni Stat Membru, il-fatt li din il-kundanna tittieħed inkunsiderazzjoni hemmhekk għall-finijiet tal-għoti ta’ sentenza globali la jista’ jkollu l-effett li “jinfluwenza” din il-kundanna jew l-eżekuzzjoni tagħha, u lanqas li “jirrevokaha” jew li “jeżaminaha mill-ġdid”, fis-sens tal-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675, sakemm din is-sentenza globali tosserva, fir-rigward tal-imsemmija kundanna, il-kundizzjonijiet u l-limiti li jirriżultaw mill-Artikolu 8(2) u (4), mill-Artikolu 17(2) u mill-Artikolu 19(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, kif imfakkra fil-punti 36, 41 u 44 ta’ din is-sentenza. |
57 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, sabiex jiġi żgurat li l-kundanni preċedenti mogħtija fi Stat Membru ieħor jingħataw effetti ekwivalenti għal dawk marbuta ma’ kundanni nazzjonali preċedenti, il-qorti adita fil-kuntest ta’ proċedura kriminali ġdida, bħall-proċedura ta’ sentenza globali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija, bħala prinċipju, obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni l-kundanna preċedenti mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ieħor bl-istess mod li hija tieħu inkunsiderazzjoni kundanna preċedenti mogħtija minn qorti tal-Istat Membru li fih hija tinsab, sakemm ikun hemm osservanza tal-kundizzjonijiet u tal-limiti rrilevati fil-punt preċedenti. |
58 |
Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għan li għandu jintlaħaq mid-Deċiżjoni Qafas 2008/675, kif imfakkar fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, intiż sabiex jiġi evitat, sa fejn huwa possibbli, li l-persuna kkonċernata tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli milli kieku l-kundanna kriminali preċedenti inkwistjoni kienet kundanna nazzjonali. |
59 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/675, moqri fid-dawl tal-premessa 14 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti l-għoti ta’ sentenza globali li tkopri mhux biss kundanna waħda jew iktar mogħtija preċedentement kontra l-persuna kkonċernata fl-Istat Membru fejn tingħata din is-sentenza globali, iżda wkoll kundanna waħda jew iktar mogħtija kontriha fi Stat Membru ieħor u li jiġu eżegwiti, bis-saħħa tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, fl-ewwel Stat Membru, bil-kundizzjoni li l-imsemmija sentenza globali tosserva, fir-rigward ta’ dawn il-kundanni tal-aħħar, il-kundizzjonijiet u l-limiti li jirriżultaw mill-Artikolu 8(2) u (4), mill-Artikolu 17(2) u mill-Artikolu 19(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas. |
Fuq l-ispejjeż
60 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il‑Pollakk.