SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

3 ta’ Marzu 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2008/118/KE – Skema ġenerali tad-dazju tas-sisa – Artikolu 1(2) – Taxxi indiretti addizzjonali fuq il-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa – Direttiva 2009/28/KE – Promozzjoni tal-użu tal-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli – Artikolu 1 u Artikolu 3(1) u (2), kif ukoll (3)(a), dan l-aħħar punt moqri fid-dawl tal-Artikolu 2(k) – Direttiva 2009/72/KE – Regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku – Taxxa fuq il-valur tal-produzzjoni tal-enerġija elettrika – Natura u struttura tat-taxxa – Taxxa li taffettwa bl-istess mod l-elettriku prodott minn sorsi rinnovabbli u dak prodott minn sorsi mhux rinnovabbli”

Fil-Kawża C‑220/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de la Comunidad Valenciana (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja tal-Komunità ta’ Valencia, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Frar 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Marzu 2019, fil-proċedura

Promociones Oliva Park SL

vs

Tribunal Económico Administrativo Regional (TEAR) de la Comunidad Valenciana,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, C. Lycourgos u I. Jarukaitis (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Promociones Oliva Park SL, minn J. Terrón Díaz u S. J. Llopis Nadal, abogados,

għall-Gvern Spanjol, inizjalment minn A. Rubio González, sussegwentement minn S. Centeno Huerta, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Armenia u O. Beynet kif ukoll minn P. Arenas, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE (ĠU 2009, L 9, p. 12), tal-Artikolu 1, tal-Artikolu 2(k), u tal-Artikolu 3(1) u (2), kif ukoll 3(a) tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU 2009, L 140, p. 16), u tal-Artikoli 32 sa 34 tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU 2009, L 211, p. 55).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Promociones Oliva Park SL (iktar ’il quddiem “Oliva Park”) u t-Tribunal Económico Administrativo Regional de la Comunidad Valenciana (il-Qorti Ekonomika Amministrattiva Reġjonali tal-Komunità ta’ Valencia, Spanja) (iktar ’il quddiem it-“TEAR”) dwar iċ-ċaħda ta’ talba għal rettifika tal-awtolikwidazzjonijiet tat-taxxa fuq il-valur tal-produzzjoni tal-enerġija elettrika (iktar ’il quddiem l-“IVPEE”) għas-snin 2013 sa 2016.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2008/118

3

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/118 jipprovdi:

“1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi arranġamenti ġenerali fir-rigward tad-dazju tas-sisa li jaffettwa direttament jew indirettament il-konsum tal-prodotti li ġejjin (minn hawn ’il quddiem ‘prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa’):

a)

prodotti tal-enerġija u l-elettriku koperti mid-[Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 405)];

[…]

2.   L-Istati Membri jistgħu jimponu taxxi indiretti oħrajn fuq prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa għal finijiet speċifiċi, bil-kondizzjoni li dawk it-taxxi jikkonformaw mar-regoli tat-taxxa Komunitarja applikabbli għad-dazju tas-sisa jew għat-taxxa fuq il-valur miżjud f’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-bażi tat-taxxa, il-kalkolu tat-taxxa, l-impożizzjoni tal-ħlas u l-monitoraġġ tat-taxxa, iżda ma jinkludux id-dispożizzjonijiet dwar l-eżenzjonijiet.

[…]”

Id-Direttiva 2009/28

4

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/28, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas komuni għall-promozzjoni ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli. Hija tistabbilixxi miri nazzjonali mandatorji għas-sehem globali ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija u għas-sehem ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli fit-trasport. […]”

5

L-Artikolu 2(2)(k) ta’ din id-direttiva, intitolat, “Definizzjonijiet”, jiddefinixxi l-kunċett ta’ “skema ta’ sostenn” bħala li tfisser “kull strument, skema jew mekkaniżmu applikat minn Stat Membru jew grupp ta’ Stati Membri, li jippromwovu l-użu ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli billi titnaqqas l-ispiża ta’ dik l-enerġija, b’żieda tal-prezz li bih tista’ tinbiegħ, jew b’żieda, permezz ta’ obbligu ta’ enerġija rinnovabbli jew b’mod ieħor, tal-volum ta’ din l-enerġija mixtrija. Dan jinkludi, iżda mhuwiex limitat biss għal, l-għajnuna għall-investiment, l-eżenzjonijiet jew it-tnaqqis mit-taxxi, ir-rifużzjonijiet tat-taxxa, l-iskemi ta’ sostenn għall-obbligu ta’ enerġija rinnovabbli, u l-iskemi ta’ sostenn, inklużi dawk li jużaw ċertifikati ekoloġiċi, iżda wkoll l-iskemi diretti ta’ sostenn għall-prezzijiet, inklużi tariffi “feed-in” u ħlasijiet ta’ primjums”.

6

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Miri u miżuri globali nazzjonali mandatorji għall-użu ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli”, jipprevedi:

“1.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li s-sehem ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli, ikkalkulat skont l-Artikoli 5 sa 11, fil-konsum finali gross ta’ enerġija fl-2020 jkun mill-inqas il-mira globali nazzjonali tiegħu għas-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli f’dik is-sena, kif stabbilit fit-tielet kolonna tat-tabella fil-Parti A tal-Anness I. […]

2.   L-Istati Membri għandhom jintroduċu miżuri mfassla b’mod effikaċi biex jiżguraw li s-sehem ta’ enerġija mis-sorsi rinnovabbli tkun ugwali għal jew taqbeż dawk murija fit-trajettorja indikattiva stabbilita fil-Parti B tal-Anness I.

3.   Sabiex jintlaħqu l-miri mniżżla fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu, inter alia, japplikaw il-miżuri li ġejjin:

a)

skemi ta’ sostenn;

[…]”

Id-Direttiva 2009/72

7

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/72, intitolat “Suġġett u Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli komuni għall-ġenerazzjoni, it-trasmissjoni, id-distribuzzjoni u l-provvista tal-elettriku, flimkien ma’ dispożizzjonijiet għall-ħarsien tal-konsumatur, bil-għan li jittejbu u jiġu integrati s-swieq kompetittivi tal-enerġija [fl-Unjoni Ewropea]. Din tistabbilixxi wkoll ir-regoli li jikkonċernaw l-organizzazzjoni u t-tħaddim tas-settur tal-elettriku, l-aċċess miftuħ għas-suq, il-kriterji u l-proċeduri applikabbli għal sejħat ta’ offerti u l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet, kif ukoll it-tħaddim ta’ sistemi. […]”

8

L-Artikoli 32 sa 34 tad-Direttiva 2009/72, li jinsabu fil-Kapitolu VIII tagħha, intitolat “Organizzazzjoni ta’ Aċċess għas-Sistema”, jirregolaw il-modalitajiet ta’ dan l-aċċess.

9

L-Artikolu 32 ta’ din id-direttiva, intitolat “Aċċess minn parti terza”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tiġi stabbilita sistema ta’ aċċess għal terzi għas-sistemi ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni tal-elettriku, li għandha tiġi applikata oġġettivament u mingħajr diskriminazzjoni bejn l-utenti tan-network.

10

L-Artikolu 33 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Ftuħ tas-suq u reċiproċità”, jirrigwarda l-ftuħ tas-suq tal-elettriku u r-reċiproċità, u l-Artikolu 34 tal-istess direttiva, intitolat “Linji diretti”, jikkonċerna miżuri li jiżguraw l-aċċess għal-linji diretti għall-produtturi kollha tal-elettriku, fornituri tal-elettriku u klijenti eliġibbli stabbiliti fit-territorju ta’ Stat Membru kkonċernat.

Id-dritt Spanjol

11

Il-preambolu tal-Ley 15/2012 de medidas fiscales para la sostenibilidad energética (il-Liġi 15/2012 dwar Miżuri Fiskali għall-Użu Sostenibbli tal-Enerġija), tas‑27 ta’ Diċembru 2012 (BOE Nru 312 tat‑28 ta’ Diċembru 2012, p. 88081), jipprovdi:

“I. L-għan ta’ din il-liġi huwa li s-sistema fiskali tagħna tiġi adattata għal użu iktar effikaċi u rispettuż tal-ambjent u għall-iżvilupp sostenibbli […].

[…]

Din il-liġi hija prinċipalment ibbażata fuq l-Artikolu 45 tal-Kostituzzjoni […]. Għalhekk, wieħed mill-assi ta’ din ir-riforma fiskali huwa li jiġu internalizzati l-ispejjeż ambjentali li jirriżultaw mill-produzzjoni tal-elettriku […]. Din il-liġi għandha sservi ta’ stimulu sabiex intejbu l-livelli ta’ effiċjenza fl-enerġija u fl-istess waqt niżguraw ġestjoni aħjar tar-riżorsi naturali u nkomplu ntejbu l-mudell il-ġdid ta’ żvilupp sostenibbli, kemm minn aspett ekonomiku u soċjali, kif ukoll minn aspett ambjentali.

[…]

Għal dan il-għan, din il-liġi tistabbilixxi tliet taxxi ġodda: l-[IVPEE] […]

II. F’dan is-sens u bil-għan ukoll li tingħata prijorità lill-bilanċ baġitarju, it-Titolu I ta’ din il-liġi jistabbilixxi taxxa fuq il-valur tal-produzzjoni tal-enerġija elettrika, diretta u ta’ natura reali, li hija imposta fuq it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ produzzjoni u ta’ introduzzjoni ta’ enerġija elettrika fis-sistema tal-elettriku Spanjola.

Din it-taxxa hija imposta fuq il-kapaċità ekonomika tal-produtturi tal-enerġija elettrika li l-installazzjonijiet tagħhom, minn naħa, jikkawżaw investimenti kbar magħmula fis-sistemi ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni tal-enerġija elettrika sabiex ikunu jistgħu jevakwaw l-enerġija li huma jipprovdu lil dawn tal-aħħar u, min-naħa l-oħra, iwasslu, huma stess jew minħabba l-eżistenza stess u l-iżvilupp ta’ dawn is-sistemi, effetti inkonfutabbli fuq l-ambjent, filwaqt li jiġġeneraw spejjeż kunsiderevoli li huma neċessarji għaż-żamma tal-garanzija ta’ provvista. It-taxxa tapplika għall-produzzjoni tal-installazzjonijiet kollha ta’ produzzjoni tal-elettriku.”

12

L-Artikolu 1 ta’ din il-liġi jipprevedi:

“L-[IVPEE] hija kontribuzzjoni ta’ natura diretta u reali li hija imposta fuq it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ produzzjoni u ta’ introduzzjoni ta’ enerġija elettrika (produzzjoni netta tal-enerġija) fis-sistema tal-elettriku permezz ta’ kull waħda mill-installazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 ta’ din il-liġi.”

13

L-Artikolu 2 tal-imsemmija liġi, dwar il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-IVPEE, jipprovdi li din it-taxxa tapplika fit-territorju Spanjol kollu.

14

L-Artikolu 4(1) u (2) tal-Liġi 15/2012 jiddefinixxi l-fatt taxxabbli tal-IVPEE kif ġej:

“1.   Il-fatt taxxabbli huwa kkostitwit mill-produzzjoni u l-introduzzjoni fis-sistema tal-elettriku, inkluża s-sistema tal-elettriku peninsulari u t-territorji insulari u ekstrapeninsulari, ta’ enerġija elettrika (produzzjoni netta tal-enerġija) f’wieħed mill-installazzjonijiet imsemmija fit-Titolu IV tal-Ley 54/1997 del Sector Eléctrico [(il-Liġi 54/1997 dwar is-Settur tal-Elettriku), tas‑27 ta’ Novembru 1997 (BOE Nru 285, tat-28 ta’ Novembru 1997, p. 35097)].

2.   Il-produzzjoni netta, fis-sens ta’ din il-liġi, tikkorrispondi għall-enerġija mkejla fil-parametri tal-alternaturi, li minnha jitnaqqas il-konsum awżiljarju għall-ġenerazzjoni tal-elettriku u t-telf imġarrab sal-punt tal-konnessjoni mas-sistema.”

15

Skont l-Artikolu 5 tal-Liġi 15/2012:

“Huma persuni taxxabbli, il-persuni fiżiċi u ġuridiċi u l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 35(4) tal-Ley 58/2003 General Tributaria [(il-Liġi 58/2003 dwar il-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxi), tas‑17 ta’ Diċembru 2003 (BOE Nru 302, tat‑18 ta’ Diċembru 2003, p. 44987)], li jeżerċitaw l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 4.”

16

L-Artikolu 6 tal-Liġi 15/2012 jipprovdi:

“1.   Il-valur taxxabbli tat-taxxa huwa kkostitwit mill-ammont totali li għandu jinġabar mill-persuna taxxabbli għall-produzzjoni u l-introduzzjoni ta’ enerġija elettrika (produzzjoni netta tal-enerġija) fis-sistema tal-elettriku għal kull installazzjoni, matul il-perijodu ta’ tassazzjoni.

Għal dan il-għan, il-kalkolu tal-ammont totali jinkludi r-remunerazzjoni prevista fis-sistemi ekonomiċi kollha li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tal-[Liġi 54/1997], matul il-perijodu taxxabbli korrispondenti, kif ukoll ir-remunerazzjoni prevista fis-sistema ekonomika speċifika fil-każ ta’ attivitajiet ta’ produzzjoni u ta’ introduzzjoni ta’ enerġija elettrika fis-sistema tal-elettriku fit-territorji insulari u ekstrapeninsulari.”

17

Skont l-Artikolu 8 tal-Liġi 15/2012, ir-rata ta’ taxxa tal-IVPEE hija ta’ 7 %.

18

L-Artikolu 10 ta’ din il-liġi jipprevedi:

“1.   Il-persuni taxxabbli huma obbligati jwettqu l-awtolikwidazzjoni tat-taxxa u jħallsu l-ammont tagħha matul ix-xahar ta’ Novembru ta’ wara x-xahar li fih din issir dovuta […]

2.   Bejn l‑1 u l‑20 tax-xhur ta’ Mejju, ta’ Settembru, ta’ Novembru u ta’ Frar tas-sena ta’ wara, il-persuni taxxabbli li jwettqu l-fatt taxxabbli għandhom iwettqu ħlas iffrazzjonat li jikkorrispondi għall-perijodu ta’ tliet, sitt, disa’ jew tnax-il xahar ta’ kull sena kalendarja […]

3.   Il-pagamenti ffrazzjonati għandhom jiġu kkalkolati abbażi tal-valur tal-produzzjoni netta tal-enerġija elettrika mwettqa mill-bidu tal-perijodu ta’ tassazzjoni sal-aħħar tal-perijodu ta’ tliet, ta’ sitt, ta’ disa’ jew ta’ tnax-il xahar imsemmi fil-paragrafu preċedenti, billi tiġi applikata r-rata ta’ taxxa prevista fl-Artikolu 8 ta’ din il-liġi […]

Għal dan il-għan, jitqies bħala l-valur tal-produzzjoni l-ammont totali li għandu jinġabar mill-persuna taxxabbli għall-produzzjoni u l-introduzzjoni ta’ enerġija elettrika (produzzjoni netta tal-enerġija) fis-sistema tal-elettriku għal kull installazzjoni, matul il-perijodu korrispondenti.

[…]”

19

It-tieni dispożizzjoni addizzjonali ta’ din il-liġi tipprevedi:

“Kull sena, il-liġi dwar il-baġits ġenerali tal-Istat tipprevedi li l-ispejjeż tas-sistema tal-elettriku msemmija fl-Artikolu 13 tal-[Liġi 54/1997] ikunu ffinanzjati permezz ta’ ammont ekwivalenti għas-somma tal-fatturi li ġejjin:

a)

stima tal-ammonti annwali miġbura fir-rigward ta’ taxxi u ħlasijiet inklużi f’din il-liġi;

[…]”

20

Fir-risposta tagħha għat-talba għal kjarifika indirizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja lill-qorti tar-rinviju skont l-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju indikat, fir-rigward tar-remunerazzjoni tal-attività ta’ produzzjoni tal-elettriku li tikkostitwixxi l-bażi taxxabbli tal-IVPEE skont l-Artikolu 6 tal-Liġi 15/2012, li din ir-remunerazzjoni kienet inizjalment irregolata mill-Artikolu 16 tal-Liġi 54/1997, li ġiet emendata parzjalment mir-Real Decreto-ley 9/2013 por el que se adoptan medidas urgentes para garantizar la estabilidad financiera del sistema eléctrico (id-Digriet-Liġi Rjali 9/2013 dwar Miżuri Urġenti għall-Garanzija tal-Istabbiltà Finanzjarja tas-Sistema tal-Elettriku), tat‑12 ta’ Lulju 2013 (BOE Nru 167, tat‑13 ta’ Lulju 2013, p. 52106), u li din il-liġi ġiet issostitwita bil-Ley 24/2013 del Sector Eléctrico (il-Liġi 24/2013, dwar is-Settur tal-Elettriku), tas‑26 ta’ Diċembru 2013 (BOE Nru 310, tas‑27 ta’ Diċembru 2013, p. 105198), li daħlet fis-seħħ fit‑28 ta’ Diċembru 2013.

21

Il-qorti tar-rinviju ppreċiżat, f’din ir-risposta, li, skont il-paragrafu 1 tal-ewwel dispożizzjoni tranżitorja tal-Liġi 24/2013, sakemm ir-regoli ta’ implimentazzjoni tagħha neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ wħud mid-dispożizzjonijiet tagħha ma kinux ġew adottati, id-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Liġi 54/1997 baqgħu japplikaw. Għaldaqstant, fir-rigward tas-snin 2013 sa 2016, il-leġiżlazzjoni li tirregola r-remunerazzjoni tal-attività ta’ produzzjoni tal-elettriku fis-sens tal-Liġi 15/2012 kienet, fir-rigward tal-punti kollha li jeħtieġu regoli ta’ applikazzjoni u li għalihom dawn ir-regoli ma kinux ġew adottati qabel l-iskadenza ta’ dawn is-snin finanzjarji, dik li tirriżulta mil-Liġi 54/1997. F’dan ir-rigward, mit-tweġibiet mogħtija mill-persuni kkonċernati f’din il-proċedura għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li l-komponenti ta’ din ir-remunerazzjoni previsti mil-Liġijiet 15/2012 u 54/1997 huma essenzjalment l-istess.

22

Skont l-Artikolu 14(5) u (7) tal-Liġi 24/2013:

“5.   Ir-remunerazzjoni tal-attività ta’ produzzjoni tinkludi l-elementi li ġejjin:

a)

l-enerġija elettrika nnegozjata fis-swieq ta’ ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata. L-enerġija elettrika nnegozjata fis-suq ta’ ġurnata bil-quddiem u fis-swieq bl-irkant tal-istess ġurnata titħallas abbażi tal-prezz tal-bilanċ bejn l-offerta u d-domanda tal-enerġija elettrika f’dawn is-swieq, miksuba permezz ta’ mekkaniżmi implimentati.

L-enerġija elettrika nnegozjata fis-swieq bilaterali, fiżiċi jew futuri għandha titħallas abbażi tal-prezz tat-tranżazzjonijiet konklużi b’mod definittiv fis-swieq inkwistjoni. Dan l-element ta’ remunerazzjoni huwa ddefinit billi jittieħed inkunsiderazzjoni t-telf subit fuq is-sistemi kif ukoll l-ispejjeż ikkawżati mill-perturbazzjonijiet tal-funzjonament normali tas-sistema ta’ offerti;

b)

is-servizzi ta’ bbilanċjar, inklużi s-servizzi mhux frekwenti u s-servizzi tal-ibbilanċjar tas-sistema, meħtieġa sabiex tiġi żgurata provvista adegwata għall-konsumatur;

[…]

c)

skont il-każ, ir-remunerazzjoni abbażi tal-mekkaniżmu ta’ kapaċità […]

d)

skont il-każ, ir-remunerazzjoni addizzjonali msemmija fil-paragrafu 6 għall-attività ta’ produzzjoni ta’ enerġija elettrika fis-sistema tal-elettriku tat-territorji ekstrapeninsulari;

e)

skont il-każ, ir-remunerazzjoni speċifika msemmija fil-paragrafu 7 għall-produzzjoni ta’ enerġija elettrika minn sorsi rinnovabbli, minn koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja u minn residwi.

6.   Il-Gvern jista’ jiddefinixxi element ta’ remunerazzjoni addizzjonali sabiex ikopri d-differenza bejn l-ispejjeż ta’ investiment u tal-operat tal-attività ta’ produzzjoni ta’ enerġija elettrika mwettqa fis-sistemi tal-elettriku tat-territorji ekstrapeninsulari u d-dħul miksub minn din l-attività ta’ produzzjoni […]

7.   Eċċezzjonalment, il-Gvern jista’ jistabbilixxi sistema ta’ remunerazzjoni speċifika intiża li tinkoraġġixxi l-produzzjoni minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, minn koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja u minn residwi, meta jkun hemm obbligu li jintlaħqu l-għanijiet tal-enerġija previsti minn direttivi jew minn dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni Ewropea jew meta l-introduzzjoni ta’ tali skema tippresupponi tnaqqis fl-ispiża enerġetika u fid-dipendenza tal-enerġija esterna […]

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

23

Oliva Park ippreżentat lil Oficina Gestora de Impuestos Especiales de Valencia (l-Uffiċċju ta’ Ġestjoni tad-Dazju tas-Sisa ta’ Valencia, Spanja) talba għal rettifika tal-awtolikwidazzjonijiet tal-IVPEE għas-snin 2013 sa 2016 kif ukoll talba għar-rimbors ta’ ammont ta’ EUR 12 609.58.

24

Peress li dawn it-talbiet ma ntlaqgħux, Oliva Park ressqet ilment quddiem it-TEAR, li ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Settembru 2017.

25

Oliva Park ippreżentat rikors kontenzjuż quddiem it-Tribunal Superior de Justicia de la Comunidad Valenciana (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja tal-Komunità ta’ Valencia, Spanja) kontra din l-aħħar deċiżjoni.

26

Insostenn tar-rikors tagħha, Oliva Park issostni, b’mod partikolari, li l-IVPEE tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttivi 2008/118, 2009/28 u 2009/72.

27

Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tal-allegata inkompatibbiltà tal-IVPEE mad-Direttiva 2008/118, Oliva Park issostni li din it-taxxa, li tiżdied ma’ taxxi oħra imposti fuq l-istess beni jew servizz, tikkostitwixxi fil-fatt taxxa indiretta imposta fuq il-produzzjoni ta’ enerġija elettrika minn sorsi rinnovabbli, bil-konsegwenza li din tiġi żvantaġġata meta mqabbla mal-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi mhux rinnovabbli, mingħajr ma tagħmel distinzjoni skont l-intensità u t-tniġġis tal-ambjent. Din il-kumpannija tinvoka wkoll l-assenza ta’ skop komportamentali tal-IVPEE u l-ksur tal-libertà tas-suq u tal-libertà ta’ intrapriża.

28

Min-naħa tiegħu, il-Gvern Spanjol jikkontesta dan l-argument billi jsostni li l-IVPEE hija kontribuzzjoni diretta imposta fuq il-produzzjoni u l-introduzzjoni tal-enerġija elettrika fis-sistema tal-elettriku, mingħajr riperkussjoni fuq il-konsumatur, li għandha għan ambjentali speċifiku mingħajr rabta mal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, peress li l-produtturi tal-enerġija rinnovabbli ma humiex suġġetti għal diskriminazzjoni fir-rigward tal-possibbiltà li jirkupraw l-ispiża tal-IVPEE. Għalhekk, din it-taxxa ma tiksirx id-dritt tal-Unjoni.

29

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li diversi raġunijiet jwassluha sabiex tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, għalkemm l-IVPEE hija rregolata bħala taxxa diretta, in-natura tagħha u l-elementi essenzjali tagħha huma speċifiċi għal taxxa indiretta. Bl-istess mod, għalkemm din it-taxxa għandha uffiċjalment għan ambjentali, din hija essenzjalment taxxa mingħajr finijiet speċifiċi, intiża għall-ġbir ta’ dħul, u mhux taxxa komportamentali. Fl-aħħar nett, minbarra li l-produzzjoni ta’ enerġija elettrika minn sorsi rinnovabbli hija suġġetta għal diskriminazzjoni, l-IVPEE toħloq distorsjoni fis-suq intern tal-enerġija elettrika u ma tiħux inkunsiderazzjoni l-kompetizzjoni libera.

30

Din il-qorti tirrileva li, għalkemm il-Liġi 15/2012 ħolqot l-IVPEE bħala taxxa diretta li għandha bħala għan, kif jippreċiża l-preambolu tagħha, “l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż ambjentali li jirriżultaw mill-produzzjoni tal-enerġija elettrika”, hija tqis madankollu li din l-għażla ma tikkorrispondix għan-natura vera tagħha. Fil-fatt, fl-ewwel lok, din it-taxxa ma tiħux inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi proprji tal-persuna taxxabbli, is-sors ta’ produzzjoni tal-elettriku jew ukoll l-intensità tal-użu tas-sistemi ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni.

31

Fit-tieni lok, b’differenza mit-taxxi diretti, il-valur taxxabbli tagħha ma huwiex dħul nett, iżda dħul gross tal-persuni taxxabbli, peress li din it-taxxa hija imposta fuq ir-remunerazzjonijiet ekonomiċi kollha bbażati fuq l-attività ta’ produzzjoni u ta’ introduzzjoni tal-enerġija elettrika fis-sistema.

32

Fit-tielet lok, filwaqt li l-prinċipju ta’ progressività jeżiġi li l-operatur ekonomiku li jniġġes iktar iħallas, ir-rata tal-IVPEE hija ta’ 7 % għall-persuni taxxabbli kollha.

33

Fir-raba’ lok, ebda eżenzjoni jew akkreditazzjoni ma hija prevista skont l-użu ta’ sorsi rinnovabbli għall-produzzjoni tal-elettriku jew l-impatt tal-attivitajiet tal-persuni taxxabbli fuq l-ambjent. L-operaturi li jipproduċu l-elettriku minn sorsi mhux rinnovabbli huma għalhekk iffavoriti.

34

Fil-ħames lok, il-konklużjoni li l-IVPEE tikkostitwixxi taxxa indiretta hija kkorroborata mill-fatt li l-amministrazzjoni tal-ġbir ta’ din it-taxxa hija d-Dependencia de Aduanas e Impuestos Especiales de la Agencia Tributaria (id-Direttorat tad-Dwana u tas-Sisa tal-Amministrazzjoni Fiskali, Spanja), peress li d-dazji tas-sisa huma, mid-definizzjoni tagħhom stess, taxxi indiretti.

35

Fis-sitt lok, il-piż fiskali li jirrappreżenta l-IVPEE huwa sostnut mill-konsumaturi permezz tal-prezz finali tal-elettriku. Barra minn hekk, is-sistema ta’ remunerazzjoni tal-installazzjonijiet ta’ produzzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli inkludiet espressament din it-taxxa bħala spiża tal-operat li għandha tiġi sostnuta mill-konsumaturi.

36

Minn dan isegwi, skont il-qorti tar-rinviju, li l-IVPEE għandha karatteristiċi speċifiċi ta’ taxxa fuq il-konsum, peress li l-elementi essenzjali tagħha għandhom mingħajr dubju relazzjoni mal-konsum. Fil-fatt, hija imposta fuq l-enerġija elettrika prodotta u introdotta fis-sistema tal-elettriku għall-użu tagħha minn suġġetti ekonomiċi distinti tal-produttur, peress li l-konsum awżiljarju għall-ġenerazzjoni tal-elettriku u t-telf sal-punt ta’ konnessjoni mas-sistema huma esklużi espressament mill-valur taxxabbli tiegħu.

37

Il-qorti tar-rinviju tqis ukoll li l-IVPEE tmur kontra d-dritt tal-Unjoni minħabba l-assenza ta’ għan speċifiku tiegħu. Fil-fatt, minkejja l-indikazzjoni, li tinsab fil-preambolu tal-Liġi 15/2012, li din it-taxxa għandha bħala għan l-armonizzazzjoni tal-ordni fiskali Spanjol għall-finijiet ta’ użu iktar effikaċi u rispettuż tal-ambjent, il-ġbir tagħha ma għandu l-ebda għan speċifiku jew komportamentali u huwa intiż mhux sabiex jiffinanzja politika ambjentali konkreta iżda biss sabiex jiġbor dħul. F’dan ir-rigward, l-impożizzjoni tal-IVPEE hija intiża sabiex tissodisfa l-ispejjeż għoljin ħafna neċessarji għaż-żamma tal-garanzija tal-provvista u, b’mod partikolari, sabiex jitħallsu l-attivitajiet ta’ produzzjoni, ta’ trażmissjoni, ta’ distribuzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-enerġija elettrika. Iktar minn hekk, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) iddeċidiet li ebda wieħed mill-elementi strutturali tal-IVPEE ma jirrifletti għan ambjentali.

38

Barra minn hekk, il-fatt taxxabbli ta’ din it-taxxa huwa nieqes minn kull rabta mal-għan ambjentali u ma jagħmel ebda distinzjoni skont l-impatt fuq l-ambjent tat-teknoloġija użata għall-produzzjoni tal-elettriku.

39

Il-qorti tar-rinviju tesprimi wkoll dubji dwar il-kompatibbiltà tal-IVPEE mal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2009/28. Fil-fatt, peress li l-impożizzjoni ma hijiex proporzjonata mal-ispejjeż, dan jista’ jkollu bħala effett li jiskoraġġixxi l-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli.

40

Barra minn hekk, peress li l-enerġija importata fi Spanja ma hijiex suġġetta għall-IVPEE, din it-taxxa tiffavorixxi lill-produtturi tal-elettriku ta’ Stati Membri oħra u għalhekk tagħti lok għal distorsjoni tal-kompetizzjoni, ipprojbita mill-Artikolu 107(1) TFUE. Il-ħolqien ta’ tali vantaġġ antikompetittiv favur produtturi mhux nazzjonali jaffettwa wkoll il-moviment liberu tal-merkanzija, il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, irregolati mid-Direttiva 2009/72, li jeżiġi li l-aċċess ta’ terzi għas-sistema inkwistjoni jiġi żgurat b’mod oġġettiv u nondiskriminatorju.

41

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Superior de Justicia de la Comunidad Valenciana (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja tal-Komunità ta’ Valencia) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari sussegwenti:

“1)

L-Artikolu 1.2 tad-Direttiva 2008/118/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi taxxa formalment diretta bħalma hija l-IVPEE li, fid-dawl tan-natura vera tagħha, jirriżulta li hija taxxa indiretta mingħajr skop speċifiku, intiża esklużivament sabiex jiġi ġġenerat dħul, mingħajr ma l-kwalifika mogħtija lilha mid-dritt nazzjonali ma tkun tista’ tieħu l-preċedenza fuq l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, li hija rregolata mill-għanijiet rispettivi ta’ dan l-ordinament ġuridiku u skont il-karatteristiċi oġġettivi tat-taxxa?

2)

Minkejja l-kwalifikazzjoni tal-IVPEE bħala taxxa ambjentali, l-għan essenzjali ta’ din it-taxxa huwa li jiġi ġġenerat dħul, billi tintaxxa bl-istess mod attivitajiet ta’ produzzjoni u ta’ inkorporazzjoni ta’ enerġija elettrika fis-sistema ta’ enerġija elettrika irrispettivament mill-intensità u mill-effett tagħhom fuq l-ambjent, bi ksur tal-Artikoli 1, 3(1), (2) u (3)(a), dan tal-aħħar moqri fid-dawl tal-Artikolu 2(k) tad-Direttiva [2009/28]?

3)

Għandu jitqies li l-prinċipju ta’ kompetizzjoni libera u l-promozzjoni tal-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli jipprekludu l-IVPEE, sa fejn din tal-aħħar tipprevedi l-istess trattament fiskali kemm għall enerġija ġġenerata minn sorsi mhux rinnovabbli kif ukoll għal dik iġġenerata minn sorsi rinnovabbli, b’diskriminazzjoni ta’ dawn tal-aħħar u bi ksur tal-iskema ta’ għajnuna prevista fl-Artikolu 2(k) u fid-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-Direttiva 2009/28?

4)

Fl-aħħar nett, l-imsemmi prinċipju ta’ kompetizzjoni libera u l-Artikoli [32 sa 34] tad-Direttiva 2009/72/KE jipprekludu l-IVPEE, sa fejn din tippermetti diskriminazzjoni pożittiva għall-produtturi mhux nazzjonali tal-enerġija elettrika, bi preġudizzju għall-produtturi Spanjoli, b’distorsjoni tas-suq intern tal-enerġija elettrika u ta’ aċċess għan-netwerk?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

42

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-impożizzjoni ta’ taxxa imposta fuq il-produzzjoni u l-introduzzjoni ta’ enerġija elettrika fis-sistema tal-elettriku fit-territorju nazzjonali u li l-valur taxxabbli tagħha huwa kkostitwit mill-ammont totali tad-dħul tal-persuna taxxabbli li jirriżulta mit-twettiq ta’ dawn l-attivitajiet.

43

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fil-preambolu tal-Liġi 15/2012, l-IVPEE hija kklassifikata bħala taxxa diretta imposta fuq it-“twettiq ta’ attivitajiet ta’ produzzjoni u ta’ introduzzjoni tal-enerġija elettrika fis-sistema tal-elettriku”, jiġifieri l-“kapaċità ekonomika tal-produtturi tal-enerġija elettrika”. Il-Gvern Spanjol jippreċiża f’dan ir-rigward li din it-taxxa ġiet maħsuba bħala taxxa diretta u li l-piż tagħha ma jistax jiġi ttrasferit fuq il-konsumatur finali, fid-dawl tal-funzjonament tas-suq Spanjol tal-elettriku.

44

Madankollu, il-qorti tar-rinviju, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, tqis li, minkejja din il-klassifikazzjoni ta’ taxxa diretta, l-IVPEE tikkostitwixxi, fid-dawl tal-karatteristiċi tagħha stess, taxxa indiretta li l-piż fiskali tagħha jiġi ttrasferit fuq il-konsumatur finali tal-elettriku, u jaqa’, bħala tali, taħt l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118.

45

F’dan ir-rigward, il-klassifikazzjoni ta’ tassazzjoni, ta’ taxxa, ta’ dritt jew ta’ impożizzjoni fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni hija kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja skont il-karatteristiċi oġġettivi tal-impożizzjoni, indipendentement mill-klassifikazzjoni li tingħatalha fid-dritt nazzjonali (sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2017, IRCCS – Fondazione Santa Lucia, C‑189/15, EU:C:2017:17, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

Għaldaqstant, sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, għandu jiġi ddeterminat jekk l-IVPEE tistax tiġi kklassifikata bħala taxxa indiretta addizzjonali imposta fuq prodott suġġett għad-dazju tas-sisa, f’dan il-każ l-elettriku, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118.

47

Skont l-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva, din tistabbilixxi s-sistema ġenerali tad-dazji tas-sisa imposta direttament jew indirettament fuq il-konsum ta’ ċerti prodotti sottomessi għad-dazji tas-sisa, li fosthom hemm l-elettriku, li jaqa’ taħt id-Direttiva 2003/96. L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118 jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu, għal finijiet speċifiċi, jimponu taxxi indiretti addizzjonali fuq il-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa, bil-kundizzjoni li dawn l-impożizzjonijiet ikunu josservaw ir-regoli tat-tassazzjoni tal-Unjoni applikabbli għad-dazji tas-sisa jew għat-taxxa fuq il-valur miżjud.

48

Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118, li huwa intiż li jieħu inkunsiderazzjoni d-diversità tat-tradizzjonijiet fiskali tal-Istati Membri f’dan il-qasam u tar-rikors frekwenti għall-impożizzjonijiet indiretti għall-implimentazzjoni ta’ politiki mhux baġitarji, jippermetti lill-Istati Membri jistabbilixxu, minbarra d-dazju tas-sisa minimu, impożizzjonijiet indiretti oħra li għandhom għan speċifiku. Il-kunċett ta’ “taxxi indiretti addizzjonali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jirreferi għalhekk għal taxxi indiretti imposti fuq il-konsum ta’ prodotti elenkati fl-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva, minbarra d-“dazji tas-sisa”, fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, u li huma imposti għal finijiet speċifiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Kernkraftwerke Lippe-Ems, C‑5/14, EU:C:2015:354, punti 58 u 59).

49

Għalhekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-IVPEE tistax taqa’ taħt l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118, għandu jiġi vverifikat jekk din it-taxxa tikkostitwixxix taxxa indiretta imposta direttament jew indirettament fuq il-konsum tal-elettriku previst mid-Direttiva 2003/96 (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Kernkraftwerke Lippe-Ems, C‑5/14, EU:C:2015:354, punti 60).

50

F’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-fatt li jiġġenera l-IVPEE huwa l-produzzjoni u l-introduzzjoni ta’ elettriku fis-sistema tal-elettriku, jiġifieri l-produzzjoni netta tal-enerġija, peress li din hija ddefinita, fis-sens tal-liġi 15/2012, bħala l-enerġija li minnha jitneħħew il-konsum awżiljarju għall-ġenerazzjoni tal-elettriku u t-telf subit sal-punt ta’ konnessjoni mas-sistema.

51

Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-IVPEE tinġabar mhux direttament mingħand operaturi ekonomiċi tal-elettriku, iżda mingħand operaturi ekonomiċi li jipproduċuh u jintroduċuh fis-sistema (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Kernkraftwerke Lippe-Ems, C‑5/14, EU:C:2015:354, punt 64).

52

Ċertament, il-piż ekonomiku ta’ taxxa jista’, bħala prinċipju, jitħallas indirettament kollu kemm hu mill-konsumatur finali tal-elettriku meta l-produttur jinkludi l-ammont ta’ din it-taxxa fil-prezz ta’ kull kwantità ta’ prodott irrilaxxata għall-konsum b’mod li din it-taxxa tkun newtrali għal dan il-produttur (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Kernkraftwerke Lippe-Ems, C‑5/14, EU:C:2015:354, punt 64).

53

Madankollu, dan ma huwiex il-każ f’din is-sitwazzjoni.

54

Fil-fatt, l-ewwel nett, kif osservat il-qorti tar-rinviju, ma jeżistix mekkaniżmu formali ta’ riperkussjoni tat-taxxa. F’tali sitwazzjoni, il-fatt li l-applikazzjoni tal-IVPEE timplika żieda tal-prezz tal-enerġija u, sussegwentement, tal-fattura tal-elettriku għall-konsumaturi finali kollha, ma jidhirx, waħdu, suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li din it-taxxa tinkombi integralment lil dawn il-konsumaturi. Fil-każ kuntrarju, kull taxxa sostnuta mill-produtturi tal-elettriku li għandha effett, anki minimu, fuq il-prezz finali tal-elettriku mħallas mill-konsumaturi, għandha titqies bħala taxxa indiretta, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118, minkejja l-assenza ta’ rabta diretta u inseparabbli bejn tali taxxa u l-konsum tal-elettriku.

55

It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat, fir-rigward tal-modalitajiet ta’ kalkolu tal-IVPEE, li l-valur taxxabbli ta’ din it-taxxa huwa kkostitwit mill-ammont totali li għandu jinġabar mill-persuna taxxabbli għall-produzzjoni u l-introduzzjoni ta’ elettriku fis-sistema tal-elettriku, li fir-rigward tagħha tiġi applikata rata ta’ tassazzjoni uniformi ta’ 7 %.

56

Kif jirriżulta mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kalkolu ta’ dan l-ammont jinkludi, skont l-Artikolu 6 tal-Liġi 15/2012, ir-remunerazzjoni tal-attività ta’ produzzjoni tal-elettriku. Skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Liġijiet 54/1997 u 24/2013, din ir-remunerazzjoni tinkludi l-enerġija elettrika nnegozjata fis-swieq ta’ ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata, li titħallas abbażi tal-prezz tal-bilanċ bejn l-offerta u d-domanda, is-servizzi ta’ aġġustament neċessarji sabiex tiġi ggarantita provvista adegwata tal-konsumatur, ir-remunerazzjoni abbażi tal-mekkaniżmi ta’ kapaċità kif ukoll ir-remunerazzjonijiet addizzjonali għall-attivitajiet rispettivi ta’ produzzjoni tal-elettriku fit-territorji ekstrapeninsulari u ta’ produzzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli.

57

Il-partijiet ikkonċernati kollha indikaw, fir-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, li ċerti partijiet li jikkostitwixxu l-bażi taxxabbli tal-IVPEE, kif elenkati fil-punt preċedenti, ma jiddependux mill-kwantità ta’ elettriku effettivament prodott u introdott fis-sistema. Kif indika l-Gvern Spanjol, dan huwa b’mod partikolari l-każ tas-servizzi ta’ aġġustament, li fil-kuntest tagħhom titħallas id-disponibbiltà ta’ ċerta kapaċità ta’ produzzjoni, kif ukoll mekkaniżmi ta’ kapaċità, li fil-kuntest tagħhom l-ammont li jikkostitwixxi r-remunerazzjoni tal-produtturi kkonċernati huwa ffissat għal ċerta somma ta’ euro għal kull megawatt u huwa bbażat, rispettivament, fuq it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ċerta kapaċità ta’ produzzjoni kif ukoll fuq id-daqs u l-kapaċità ta’ produzzjoni tal-fabbrika. Skont dan il-gvern, dan huwa wkoll il-każ tar-remunerazzjonijiet speċifiċi għall-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli, mill-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja u minn residwi, kif ukoll għall-produzzjoni tal-elettriku fit-territorji ekstrapeninsulari, li għalihom huwa previst ħlas addizzjonali meta mqabbel mad-dħul fis-suq tal-elettriku rċevut mill-produtturi kkonċernati.

58

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-IVPEE hija kkalkolata biss skont il-kwalità ta’ produttur tal-elettriku, fuq il-bażi tad-dħul tal-persuni parzjalment fissi u għalhekk indipendentement mill-kwantità ta’ elettriku effettivament prodott u introdott fis-sistema tal-elettriku. Għaldaqstant, ma tistax tiġi kkonstatata rabta diretta u inseparabbli bejn din it-taxxa u l-konsum tal-elettriku.

59

Konsegwentement, peress li l-IVPEE ma tikkostitwixxix taxxa indiretta li hija imposta direttament jew indirettament fuq il-konsum tal-elettriku previst fid-Direttiva 2003/96, din ma taqax taħt l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118 (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Kernkraftwerke Lippe‑Ems, C‑5/14, EU:C:2015:354, punt 66).

60

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-impożizzjoni ta’ taxxa imposta fuq il-produzzjoni u l-introduzzjoni ta’ enerġija elettrika fis-sistema tal-elettriku fit-territorju nazzjonali u li l-valur taxxabbli tagħha huwa kkostitwit mill-ammont totali tad-dħul tal-persuna taxxabbli li jirriżulta mit-twettiq ta’ dawn l-attivitajiet, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-kwantità ta’ elettriku effettivament prodott u introdott f’din is-sistema.

Fuq it-tieni u t-tielet domanda

61

Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1 u l-Artikolu 3(1) u (2) kif ukoll (3)(a) tad-Direttiva 2009/28, dan l-aħħar punt moqri fid-dawl tal-Artikolu 2(k) ta’ din id-direttiva, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-impożizzjoni ta’ taxxa imposta b’rata unika fuq il-produzzjoni tal-elettriku u l-introduzzjoni tiegħu f’din is-sistema tal-elettriku, inkluż meta dan l-elettriku jkun prodott minn sorsi rinnovabbli, u li għandha bħala għan mhux il-protezzjoni tal-ambjent, iżda ż-żieda tad-dħul baġitarju.

62

Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li d-Direttiva 2009/28, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, għandha l-għan li tiddefinixxi qafas komuni għall-promozzjoni tal-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, billi tistabbilixxi, b’mod partikolari, għanijiet nazzjonali vinkolanti dwar il-parti tal-enerġija prodotta minn tali sorsi fil-konsum finali gross tal-enerġija.

63

Għalhekk, skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jiżguraw li s-sehem tal-enerġija prodott minn sorsi rinnovabbli fil-konsum finali tal-enerġija tagħhom fl‑2020 jikkorrispondi minn tal-inqas għall-għan nazzjonali globali, kif previst fil-parti A tal-Anness I tal-imsemmija direttiva, li għandu jkun koerenti mal-għan li, fil-konsum finali gross tal-enerġija tal-Unjoni, tintlaħaq parti mill-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli ta’ mill-inqas 20 %.

64

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/28, l-Istati Membri huma marbuta jimplimentaw miżuri mfassla b’mod effikaċi sabiex jiggarantixxu li s-sehem ta’ enerġija tagħhom prodotta minn sorsi rinnovabbli tkun minn tal-inqas ugwali għal dik prevista fit-“trajettorja indikattiva” stabbilita fil-Parti B tal-Anness I ta’ din id-direttiva.

65

Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, l-Istati Membri jistgħu, skont l-Artikolu 3(3)(a) tad-Direttiva 2009/28, japplikaw skemi ta’ sostenn, fis-sens tal-punt (k) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tagħha, fejn dawn tal-aħħar jistgħu jallokaw għajnuna għall-investiment, jistabbilixxu eżenzjonijiet jew tnaqqis fiskali, jipprevedu rimborsi tat-taxxa jew anki jimponu obbligu li tintuża l-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli.

66

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-IVPEE jista’ jkollha l-effett li tiskoraġġixxi l-produzzjoni tal-enerġija elettrika minn sorsi rinnovabbli, peress li hija imposta fuq il-produtturi nazzjonali kollha u hija kkalkolata mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż tal-produzzjoni.

67

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/28 imsemmija fil-punti 62 sa 65 ta’ din is-sentenza ma tipprojbixxi lill-Istati Membri milli jistabbilixxu taxxa, bħall-IVPEE, li hija imposta fuq il-produzzjoni tal-elettriku u l-introduzzjoni tiegħu fis-sistema, inkluż meta dan l-elettriku jkun prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Elecdey Carcelen et, C‑215/16, C‑216/16, C‑220/16 u C‑221/16, EU:C:2017:705, punt 30).

68

Fil-fatt, kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2009/28, u b’mod partikolari mit-terminu “jistgħu”, l-Istati Membri b’ebda mod ma huma obbligati, sabiex jippromwovu l-użu tal-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli, jadottaw skemi ta’ sostenn u lanqas, a fortiori, jekk jiddeċiedu li jadottaw tali skemi, li jikkonċepixxu tali skemi f’għamla ta’ eżenzjonijiet jew ta’ tnaqqis fiskali. Għaldaqstant, huma għandhom marġni ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-miżuri li huma jqisu xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet vinkolanti nazzjonali totali stabbiliti fl-Artikolu 3(1) u (2) tal-imsemmija direttiva, moqri flimkien mal-Anness I tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2017, Elecdey Carcelen et, C‑215/16, C‑216/16, C‑220/16 u C‑221/16, EU:C:2017:705, punti 31 u 32, kif ukoll tal‑11 ta’ Lulju 2019, Agrenergy u Fusignano Due, C‑180/18, C‑286/18 u C‑287/18, EU:C:2019:605, punt 27).

69

Għaldaqstant, il-possibbiltà għall-Istati Membri, prevista fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2009/28, li jadottaw skemi ta’ sostenn intiżi li jippromwovu l-użu ta’ enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli, skont il-każ, fl-għamla ta’ eżenzjonijiet jew ta’ tnaqqis fiskali, b’ebda mod ma timplika li dawn huma preklużi milli jintaxxaw l-impriżi li jiżviluppaw tali sorsi ta’ enerġija (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Elecdey Carcelen et, C‑215/16, C‑216/16, C‑220/16 u C‑221/16, EU:C:2017:705, punt 33).

70

Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 1 u l-Artikolu 3(1) u (2), kif ukoll il-paragrafu 3(a) tad-Direttiva 2009/28, dan l-aħħar punt moqri fid-dawl tal-Artikolu 2(k) ta’ din id-direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni li tipprevedi l-impożizzjoni ta’ taxxa imposta b’rata unika fuq il-produzzjoni tal-elettriku u l-introduzzjoni tiegħu f’din is-sistema tal-elettriku, inkluż meta dan l-elettriku jkun prodott minn sorsi rinnovabbli, u li għandha bħala għan mhux il-protezzjoni tal-ambjent, iżda ż-żieda tad-dħul baġitarju.

Fuq ir-raba’ domanda

71

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 107(1) TFUE u l-Artikoli 32 sa 34 tad-Direttiva 2009/72 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-impożizzjoni ta’ taxxa imposta fuq il-produzzjoni u l-introduzzjoni ta’ elettriku fis-sistema tal-elettriku fit-territorju ta’ Stat Membru, fil-każ fejn din it-taxxa ma tkunx applikabbli għall-introduzzjoni, f’din is-sistema, tal-elettriku prodott fl-Istati Membri l-oħra.

72

Il-qorti tar-rinviju tindika, f’dan ir-rigward, li l-IVPEE tiffavorixxi l-produtturi tal-elettriku stabbiliti fl-Istati Membri l-oħra, peress li hija imposta biss fuq il-produtturi nazzjonali, u minn dan tikkonkludi li teżisti distorsjoni tal-kompetizzjoni, bi ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE.

73

Sa fejn mir-risposta għall-ewwel domanda jirriżulta li l-IVPEE tikkostitwixxi taxxa diretta imposta fuq l-attività ta’ produzzjoni u ta’ introduzzjoni ta’ elettriku fis-sistema tal-elettriku, għandu jitfakkar li, għalkemm it-tassazzjoni diretta taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, dawn tal-aħħar għandhom madankollu jeżerċitawha b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Tankreederei I, C‑287/10, EU:C:2010:827, punt 14).

74

F’dan ir-rigward, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-Artikolu 107(1) TFUE, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-taxxi ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, sakemm dawn ma jkunux jikkostitwixxux il-metodu ta’ finanzjament ta’ miżura ta’ għajnuna, b’tali mod li jagħmlu parti integrali minn din il-miżura (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2018, Carrefour Hypermarchés et, C‑510/16, EU:C:2018:751, punt 14 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

75

Madankollu, f’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li d-dħul li joriġina mill-ġbir tal-IVPEE jikkostitwixxi l-mod ta’ finanzjament ta’ miżura ta’ għajnuna mill-Istat, fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza. Minn dan isegwi li din it-taxxa ma tistax titqies bħala li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat.

76

Fir-rigward, fit-tieni lok, tad-Direttiva 2009/72, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikoli 32 sa 34 ta’ din id-direttiva jirrigwardaw il-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni fil-qasam tas-suq intern tal-elettriku billi jirregolaw l-aċċess ta’ terzi għan-network b’mod oġġettiv u nondiskriminatorju.

77

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tindika li l-leġiżlazzjoni dwar l-IVPEE tippermetti diskriminazzjoni pożittiva tal-produtturi tal-enerġija elettrika mhux nazzjonali, għad-detriment tal-produtturi Spanjoli, b’distorsjoni tas-suq intern tal-enerġija elettrika u tal-aċċess għas-sistema.

78

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, sa fejn id-Direttiva 2009/72 ma tikkostitwixxix miżura relatata mal-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet fiskali tal-Istati Membri, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni msemmi fl-Artikoli 32 sa 34 ta’ din id-direttiva ma japplikax għal leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi taxxa imposta fuq il-produzzjoni u l-introduzzjoni ta’ elettriku fis-sistema tal-elettriku fit-territorju ta’ Stat Membru (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, UNESA et, C‑80/18 sa C‑83/18, EU:C:2019:934, punt 51).

79

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 107(1) TFUE u l-Artikoli 32 sa 34 tad-Direttiva 2009/72 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-impożizzjoni ta’ taxxa nazzjonali imposta fuq il-produzzjoni u l-introduzzjoni ta’ elettriku fis-sistema tal-elettriku fit-territorju ta’ Stat Membru, fil-każ fejn din it-taxxa ma tkunx applikabbli għall-introduzzjoni, f’din is-sistema, tal-elettriku prodott fl-Istati Membri l-oħra.

Fuq l-ispejjeż

80

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118 tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-impożizzjoni ta’ taxxa imposta fuq il-produzzjoni u l-introduzzjoni ta’ enerġija elettrika fis-sistema tal-elettriku fit-territorju nazzjonali u li l-valur taxxabbli tagħha huwa kkostitwit mill-ammont totali tad-dħul tal-persuna taxxabbli li jirriżulta mit-twettiq ta’ dawn l-attivitajiet, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-kwantità ta’ elettriku effettivament prodott u introdott f’din is-sistema.

 

2)

L-Artikolu 1 u l-Artikolu 3(1) u (2), kif ukoll il-paragrafu 3(a) tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE, dan l-aħħar punt moqri fid-dawl tal-Artikolu 2(k) ta’ din id-direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni li tipprevedi l-impożizzjoni ta’ taxxa imposta b’rata unika fuq il-produzzjoni tal-elettriku u l-introduzzjoni tiegħu f’din is-sistema tal-elettriku, inkluż meta dan l-elettriku jkun prodott minn sorsi rinnovabbli, u li għandha bħala għan mhux il-protezzjoni tal-ambjent, iżda ż-żieda tad-dħul baġitarju.

 

3)

l-Artikolu 107(1) TFUE u l-Artikoli 32 sa 34 tad-Direttiva 2009/72 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-impożizzjoni ta’ taxxa nazzjonali imposta fuq il-produzzjoni u l-introduzzjoni ta’ elettriku fis-sistema tal-elettriku fit-territorju ta’ Stat Membru, fil-każ fejn din it-taxxa ma tkunx applikabbli għall-introduzzjoni, f’din is-sistema, tal-elettriku prodott fl-Istati Membri l-oħra.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.