SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

17 ta’ Diċembru 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-persuni – Libertà ta’ stabbiliment – Aċċess għall-professjoni ta’ avukat – Eżenzjoni minn taħriġ u minn ċertifikat professjonali – Għoti tal-eżenzjoni – Kundizzjonijiet – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-eżenzjoni favur l-uffiċjali u l-ex uffiċjali fil-kategorija A jew assimilati li għandhom prattika professjonali tad-dritt nazzjonali, fit-territorju nazzjonali, fis-servizz pubbliku nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat jew f’organizzazzjoni internazzjonali”

Fil-Kawża C‑218/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Frar 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Marzu 2019, fil-proċedura

Adina Onofrei

vs

Conseil de l’ordre des avocats au barreau de Paris,

Bâtonnier de l’ordre des avocats au barreau de Paris,

Procureur général près la cour d’appel de Paris,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, L. Bay Larsen (Relatur), C. Toader, M. Safjan u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: R. Șereș, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Ġunju 2020,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal A. Onofrei, minn J. Jourdan u F. Abouzeid, avukati,

għall-conseil de l’ordre des avocats au barreau de Paris (il-Kunsill tal-Kamra tal-Avukati ta’ Pariġi) u għall-bâtonnier de l’ordre des avocats au barreau de Paris (ir-Rappreżentant tal-Kamra tal-Avukati ta’ Pariġi), minn H. Farge u C. Waquet, avukati,

għall-Gvern Franċiż, minn A. Daniel u A.-L. Desjonquères, bħala aġenti,

għall-Gvern Elleniku, minn M. Tassopoulou u D. Tsagkaraki, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.-R. Killmann, É. Gippini Fournier u H. Støvlbæk, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Settembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 45 u 49 TFUE, fid-dawl tal-kundizzjonijiet iffissati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-aċċess għall-professjoni ta’ avukat.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Adina Onofrei, minn naħa, u l-conseil de l’ordre des avocats de Paris (il-Kunsill tal-Kamra tal-Avukati ta’ Pariġi, Franza), il-bâtonnier de l’ordre des avocats de Paris (ir-rappreżentant tal-Kunsill tal-Kamra tal-Avukati ta’ Pariġi), kif ukoll il-procureur général près la cour d’appel de Paris (il-Prosekutur Ġenerali fi ħdan il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi), dwar it-talba tagħha għal ammissjoni fil-Kamra tal-Avukati.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt Franċiż

3

Fir-rigward tal-aċċess għall-professjoni ta’ avukat, l-Artikolu 11 tal-Liġi Nru 71–1130, tal-31 ta’ Diċembru 1971, li tirriforma ċerti professjonijiet ġudizzjarji u ġuridiċi, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 71–1130”), jipprovdi:

“Ebda persuna ma tista’ taċċedi l-professjoni ta’ avukat jekk ma tissodisfax il-kundizzjonijiet li ġejjin:

Tkun Franċiża, ta’ nazzjonalità ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew li tkun parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea […];

2 Ikunu titolari, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi adottati għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 [dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (ĠU 2005, L 255, p. 22),] kif emendata, u għal dawk li jikkonċernaw il-persuni li eżerċitaw ċerti funzjonijiet jew attivitajiet fi Franza, ta’ mill-inqas lawrja ta’ Master jew ta’ kwalifiki jew diplomi rrikonoxxuti bħala ekwivalenti għall-eżerċizzju tal-professjoni permezz ta’ digriet konġunt tar-reġistratur, tal-Ministru għall-Ġustizzja, u tal-Ministru inkarigat mill-universitajiet;

3 Ikollu ċertifikat ta’ kapaċità għall-professjoni ta’ avukat, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi msemmija fil-punt 2 […]

[…]”

4

Fir-rigward ta’ dawn id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, l-Artikolu 98 tad-Digriet Nru 91–1197, tas-27 ta’ Novembru 1991, li jorganizza l-professjoni ta’ avukat, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 91–1197”), jipprovdi:

“Huma eżentati mit-taħriġ teoretiku u prattiku u miċ-ċertifikat ta’ kapaċità għall-professjoni ta’ avukat:

[…]

4 L-uffiċjali u l-ex uffiċjali tal-kategorija A, jew il-persuni assimilati mal-uffiċjali ta’ din il-kategorija, li wettqu xogħol legali f’dik il-pożizzjoni għal mill-inqas tmien snin, f’amministrazzjoni jew f’servizz pubbliku jew f’organizzazzjoni internazzjonali;

[…]”

5

Skont l-Artikolu 5a tal-Liġi Nru 83–634 tat-13 ta’ Lulju 1983, dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-uffiċjali, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 83–634”), “[i]ċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Komunità Ewropea jew ta’ Stat ieħor li huwa parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea minbarra Franza għandhom aċċess, taħt il-kundizzjonijiet previsti fir-Regolamenti ġenerali, għall-korpi, għall-oqfsa u għall-impjiegi. Madankollu, huma ma għandhomx aċċess għall-impjiegi li l-kompiti tagħhom jew ma jistgħux jiġu sseparati mill-eżerċizzju tas-sovranità, jew jinkludu parteċipazzjoni diretta jew indiretta fl-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika tal-Istat jew ta’ awtoritajiet pubbliċi oħra.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

6

A. Onofrei, uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea, talbet li tiġi ammessa fil-kamra tal-avukati ta’ Pariġi bil-benefiċċju tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 98(4) tad-Digriet Nru 91–1197.

7

Mill-fajl li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, wara li kkonstata li A. Onofrei, li għandha lawrja ta’ Masters, diploma ta’ studji approfonditi (DEA) u dottorat fil-liġi maħruġa minn universitajiet Franċiżi, kienet tissodisfa l-kundizzjoni ta’ diploma prevista fl-Artikolu 11(2) tal-Liġi Nru 71–1130, il-kunsill tal-Kamra tal-Avukati ta’ Pariġi, madankollu, ċaħad it-talba tagħha għar-raġuni li, peress li qatt ma eżerċitat il-funzjonijiet tagħha fi ħdan amministrazzjoni jew f’servizz pubbliku li jifforma parti mir-Regolament tas-Servizz Pubbliku Franċiż u qatt ma ġiet ikkollokata ma’ amministrazzjoni Franċiża jew ma’ servizz pubbliku ma’ organizzazzjoni internazzjonali fi Franza, hija ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti għal dan l-aċċess għall-professjoni ta’ avukat permezz ta’ eżenzjoni.

8

Il-cour d’appel de Paris ikkonfermat din id-deċiżjoni. Hija bbażat ir-raġunament tagħha fuq il-premessa li tgħid li r-rieda li jiġi żgurat għarfien sodisfaċenti tad-dritt nazzjonali mill-avukat għandha l-għan li tiggarantixxi l-eżerċizzju komplet, rilevanti u effettiv tad-drittijiet tad-difiża tal-individwi, peress li, anki jekk dan id-dritt jinkludi numru ta’ regoli Ewropej, huwa xorta waħda jżomm partikolarità u ma huwiex limitat għal dawn tal-aħħar. Sussegwentement, billi kkonstatat li, fi ħdan il-Kummissjoni, A. Onofrei kienet eżerċitat funzjonijiet fil-qasam tad-dritt tal-Unjoni, dwar is-suq intern, dwar l-għajnuna mill-Istat, dwar il-prattiki antikompetittivi u dwar ir-regoli Ewropej ġodda fil-qasam tal-aħjar leġiżlazzjoni, minn dan hija ddeduċiet li A. Onofrei ma kienet tiġġustifika ebda prattika tad-dritt nazzjonali.

9

Adita b’appell fir-rigward, b’mod partikolari, tal-ksur tal-moviment liberu tal-ħaddiema u tal-libertà ta’ stabbiliment, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza) tistaqsi dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tar-rifjut ta’ ammissjoni ta’ A. Onofrei fil-kamra tal-avukati ta’ Pariġi.

10

Filwaqt li teżamina d-dritt nazzjonali, hija tikkonstata, qabel kollox, li mil-Liġi Nru 71-1130 jirriżulta li l-avukat jista’ jeżerċita l-professjoni tiegħu b’mod liberali jew bħala impjegat. Hija tirrileva wkoll li l-Artikolu 11 ta’ din il-liġi jissuġġetta l-aċċess għal din il-professjoni għall-kundizzjoni li l-kandidat ikun eżerċita ċerti funzjonijiet jew attivitajiet fi Franza u li l-Artikolu 98(4) tad-Digriet Nru 91–1197 jista’ jitqies, minn naħa, bħala li jissuġġetta l-eżenzjoni tat-taħriġ u tad-diploma, fid-dawl ta’ dan l-aċċess, għall-appartenenza għas-servizz pubbliku Franċiż biss u, min-naħa l-oħra, bħala li jissuġġetta din l-eżenzjoni għall-għarfien tad-dritt nazzjonali “ta’ oriġini Franċiża”. Minn dan, din il-qorti tiddeduċi li l-miżura nazzjonali, ikkostitwita mill-kombinazzjoni ta’ dawn it-testi, tista’ titqies li tistabbilixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-ħaddiema jew għal-libertà ta’ stabbiliment.

11

Il-qorti tar-rinviju tqis li għandu jiġi ddeterminat, preliminarjament, jekk l-imsemmija miżura hijiex applikabbli mingħajr distinzjoni għaċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti jew ta’ stabbiliment u għaċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra jew jekk hijiex ta’ natura diskriminatorja.

12

F’dan ir-rigward, din il-qorti tirrileva, b’mod partikolari, li mill-Artikolu 5a tal-Liġi Nru 83-634 jirriżulta li, bl-eċċezzjoni ta’ ċerti impjiegi fir-rigward tal-eżerċizzju tas-sovranità jew tal-prerogattivi ta’ awtorità pubblika, iċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni għandhom aċċess għas-servizz pubbliku Franċiż, b’tali mod li l-eżenzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija suġġetta għall-appartenenza għal amministrazzjoni li, minkejja li hija nazzjonali, hija miftuħa, fil-parti l-kbira, għaċ-ċittadini kollha tal-Istati Membri.

13

Madankollu, fid-dawl tal-fatt li l-benefiċċju ta’ din l-eżenzjoni huwa bbażat fuq il-kriterji bbażati fuq l-eżerċizzju ta’ ċerti funzjonijiet jew attivitajiet fi Franza, fuq l-għarfien tad-dritt nazzjonali u fuq l-appartenenza għas-servizz pubbliku Franċiż, minn dan isegwi li, de facto, l-imsemmija eżenzjoni tista’ tingħata biss lill-membri tal-amministrazzjoni Franċiża li jkunu eżerċitaw l-attività professjonali tagħhom fit-territorju Franċiż, li l-maġġoranza kbira tagħhom hija ta’ nazzjonalità Franċiża, u li din tiġi rrifjutata lill-membri tal-persunal tas-servizz pubbliku tal-Unjoni, anki jekk dawn kienu wettqu, barra mit-territorju Franċiż, attivitajiet legali fil-qasam tad-dritt nazzjonali “ta’ oriġini Franċiża”. Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ titqies li tistabbilixxi diskriminazzjoni indiretta minħabba n-nazzjonalità. Dan jippreżumi li s-servizz pubbliku Franċiż u s-servizz pubbliku tal-Unjoni jistgħu jitqiesu bħala entitajiet oġġettivament paragunabbli.

14

Finalment, il-qorti tar-rinviju tikkonkludi li, fi kwalunkwe każ, sabiex ir-restrizzjonijiet ikkunsidrati jkunu jistgħu jiġu ġġustifikati minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali jew minn raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika, dawn għandhom ikunu xierqa sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal-għan imfittex u ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq. F’din il-perspettiva, hija tenfasizza li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma timponi, għall-finijiet tal-eżami ta’ talba għal eżenzjoni mit-taħriġ u mid-diploma, l-għarfien, mill-kandidat, ta’ ebda qasam tad-dritt nazzjonali speċifikament relatat mal-organizzazzjoni tal-qrati nazzjonali jew mal-proċedura quddiemhom.

15

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-prinċipju li skontu t-Trattat [KEE] li, wara emenda, sar it-Trattat [FUE], ħoloq l-ordinament ġuridiku tiegħu stess, integrat fis-sistemi ġuridiċi tal-Istati Membri u li huwa impost fuq il-qrati tagħhom, jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħmel l-għoti ta’ eżenzjoni mill-kundizzjonijiet ta’ taħriġ u ta’ lawrja previsti, fil-prinċipju, għall-aċċess għall-professjoni ta’ avukat, [dipendenti fuq]rekwiżit ta’ għarfien biżżejjed, mill-awtur tat-talba għal eżenzjoni, tad-dritt nazzjonali ta’ oriġini Franċiż, u b’hekk teskludi li jittieħed inkunsiderazzjoni għarfien simili tad-dritt biss tal-Unjoni Ewropea?

2)

L-Artikoli 45 u 49 [TFUE] jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżerva l-eżenzjoni mill-kundizzjonijiet ta’ taħriġ u ta’ lawrja previsti, fil-prinċipju, għall-aċċess għall-professjoni ta’ avukat, lil ċerti membri tal-persunal tas-servizz pubbliku tal-istess Stat Membru li, f’dik il-kapaċità, eżerċitaw fi Franza attivitajiet ġuridiċi f’amministrazzjoni jew f’servizz pubbliku jew f’organizzazzjoni internazzjonali, u teskludi mill-benefiċċju ta’ din l-eżenzjoni l-membri tal-persunal jew l-ex membri tal-persunal tas-servizz pubbliku Ewropew li eżerċitaw f’din il-kariga attivitajiet ġuridiċi f’qasam wieħed jew iktar tad-dritt tal-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea?”

Fuq id-domandi preliminari

16

Fir-rigward tal-“eżenzjoni mill-kundizzjonijiet ta’ taħriġ u ta’ diploma previsti, bħala prinċipju, għall-aċċess għall-professjoni ta’ avukat” li tissemma’ fiż-żewġ domandi preliminari, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat, fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, li dawn it-termini jirreferu għall-eżenzjoni, prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 98 tad-Digriet Nru 91–1197, mit-taħriġ teoretiku u prattiku żgurat miċ-ċentri reġjonali ta’ taħriġ professjonali, kif ukoll miċ-ċertifikat ta’ kapaċità għall-professjoni ta’ avukat.

17

F’dak li jirrigwarda l-kundizzjoni li tgħid li l-eżenzjoni mit-taħriġ teoretiku u prattiku, kif ukoll miċ-ċertifikat ta’ kapaċità għall-professjoni ta’ avukat, sabiex jingħata aċċess għall-professjoni ta’ avukat, għandha tiġi indirizzata, skont il-formulazzjoni tat-tieni domanda, lil ċerti membri tal-persunal tas-servizz pubbliku Franċiż, il-Gvern Franċiż jikkontesta din l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u jsostni li l-imsemmija kundizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod wiesa’ sabiex tinkludi fiha l-funzjonijiet pubbliċi Ewropej jew ta’ Stati Membri oħra minbarra s-servizz pubbliku Franċiż.

18

Għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja biss hija awtorizzata tagħti deċiżjonijiet fuq l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal-Unjoni fid-dawl tas-sitwazzjoni fattwali u legali kif deskritta mill-qorti tar-rinviju, sabiex tagħti lil din tal-aħħar l-informazzjoni utli għas-soluzzjoni tal-kawża li tressqet quddiemha (ara s-sentenza tas-6 ta’ Lulju 2017, Air Berlin, C‑290/16, EU:C:2017:523, punt 41).

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tiġi eżaminata t-tieni domanda billi wieħed jibda mill-premessa, li hija dik tal-qorti tar-rinviju, li tgħid li l-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti fil-kuntest tal-kawża prinċipali tipprevedi li l-eżenzjoni mit-taħriġ teoretiku u prattiku, kif ukoll miċ-ċertifikat ta’ kapaċità għall-professjoni ta’ avukat, sabiex jingħata aċċess għall-professjoni ta’ avukat, hija indirizzata biss għal ċerti membri tal-persunal tas-servizz pubbliku Franċiż.

20

Barra minn hekk, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tiegħu, mid-digriet tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jidher li l-espressjoni “għarfien tad-dritt Franċiż”, li tinsab fil-formulazzjoni tal-ewwel domanda, għandha, fir-realtà, tinftiehem fis-sens tal-“prattika tad-dritt Franċiż”. Skont il-qorti tar-rinviju, effettivament, minn ġurisprudenza tal-Conseil constitutionnel (il-Qorti Kostituzzjonali, Franza) jirriżulta li huwa preċiżament permezz tal-prattika ta’ attività jew ta’ funzjoni ta’ natura legali matul perijodu suffiċjenti fit-territorju nazzjonali li l-leġiżlatur ried jiggarantixxi l-kompetenzi fil-qasam tad-dritt Franċiż tal-persuni li jeżerċitaw il-professjoni ta’ avukat.

21

B’hekk, permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 45 u 49 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżerva l-benefiċċju ta’ eżenzjoni mill-kundizzjonijiet ta’ taħriġ professjonali u ta’ pussess taċ-ċertifikat ta’ kapaċità għall-professjoni ta’ avukat, previsti, bħala prinċipju, għall-aċċess għall-professjoni ta’ avukat, lil ċerti membri tal-persunal tas-servizz pubbliku ta’ Stat Membru li jkunu eżerċitaw f’din il-kwalità, f’dan l-Istat Membru, attivitajiet legali fil-qasam tad-dritt nazzjonali f’amministrazzjoni jew f’servizz pubbliku jew f’organizzazzjoni internazzjonali, u li tipprekludi mill-benefiċċju ta’ din l-eżenzjoni lill-uffiċjali, lill-membri tal-persunal jew lill-ex membri tal-persunal tas-servizz pubbliku tal-Unjoni li jkunu eżerċitaw attivitajiet legali f’din il-kwalità, f’qasam wieħed jew iktar li jifformaw parti mid-dritt tal-Unjoni.

22

B’hekk mill-fajl li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex ikun jista’ jibbenefika mill-opportunità li tippermetti l-aċċess għall-professjoni ta’ avukat, kemm bħala impjegat kif ukoll bħala persuna li taħdem għal rasha, mingħajr ma jgħaddi minn taħriġ teoretiku u prattiku mogħti miċ-ċentri reġjonali ta’ taħriġ professjonali kif ukoll permezz tal-kisba taċ-ċertifikat ta’ kapaċità għall-professjoni ta’ avukat, il-kandidat għandu jissodisfa tliet kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri li jkun ġej mis-servizz pubbliku Franċiż, ikun ħadem fi Franza fi ħdan amministrazzjoni pubblika jew fi ħdan organizzazzjoni internazzjonali u jkun ipprattika d-dritt Franċiż.

23

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-eżerċizzju ta’ attivitajiet fil-kuntest tal-professjoni rregolata ta’ avukat, normalment imħallsa jew mill-klijent jew mill-uffiċċju fejn jaħdem l-avukat, jaqa’ taħt l-Artikolu 49 TFUE. Sa fejn ir-remunerazzjoni tista’ tieħu l-forma ta’ salarju, l-Artikolu 45 TFUE jista’ japplika wkoll (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2003, Morgenbesser, C‑313/01, EU:C:2003:612, punti 4360).

24

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ aċċess għal professjoni, l-Istati Membri għandhom id-dritt jiddefinixxu l-għarfien u l-kwalifiki neċessarji sabiex tiġi eżerċitata din il-professjoni u li jirrikjedu l-preżentazzjoni ta’ diploma li jiċċertifika l-pussess ta’ dan l-għarfien u dawn il-kwalifiki (sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 2009, Peśla, C‑345/08, EU:C:2009:771, punt 34, u tas-6 ta’ Ottubru 2015, Brouillard, C‑298/14, EU:C:2015:652, punt 48).

25

Peress li l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-professjoni ta’ avukat ta’ persuna, bħal A. Onofrei, li ma għandha l-awtorizzazzjoni li teżerċita din il-professjoni f’ebda Stat Membru, ma humiex, sa llum, suġġetti għal armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex jiddefinixxu dawn il-kundizzjonijiet.

26

Minn dan jirriżulta li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tissuġġetta l-aċċess għall-funzjoni ta’ avukat għall-pussess tal-għarfien u tal-kwalifiki meqjusa bħala neċessarji.

27

Madankollu, l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom f’dan il-qasam b’osservanza tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE u d-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati f’dan ir-rigward ma jistgħux jikkostitwixxu ostakolu inġustifikat għall-eżerċizzju effettiv tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mill-Artikoli 45 TFUE u 49 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2009, Peśla, C‑345/08, EU:C:2009:771, punt 35).

28

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-moviment liberu tal-persuni ma jintlaħaqx kompletament jekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jirrifjutaw il-benefiċċju tal-imsemmija dispożizzjonijiet lil dawk iċ-ċittadini tagħhom stess li jkunu użaw il-faċilitajiet previsti mid-dritt tal-Unjoni u li jkunu kisbu, favur dawn tal-aħħar, kwalifiki professjonali fi Stat Membru differenti minn dak li huma ċittadini tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Brouillard, C‑298/14, EU:C:2015:652, punt 27).

29

Din il-kunsiderazzjoni tapplika wkoll meta ċittadin ta’ Stat Membru li jkun studja u li jkun irrisjeda fi Stat Membru ieħor ikun kiseb, fi Stat Membru differenti minn dawn, esperjenza professjonali li huwa għandu l-intenzjoni li jinvoka fl-Istat Membru li fih huwa studja u rrisjeda (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Brouillard, C‑298/14, EU:C:2015:652, punt 27).

30

Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikoli 45 u 49 TFUE jipprekludu, bħala prinċipju, miżura nazzjonali, dwar il-kundizzjonijiet ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ esperjenza professjonali għall-finijiet tal-aċċess għall-professjoni ta’ avukat, miksuba fi Stat Membru differenti mill-Istat Membru awtur ta’ din il-miżura, li tista’ tfixkel jew tagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju, miċ-ċittadini tal-Unjoni, inklużi dawk tal-Istat Membru awtur tal-imsemmija miżura, tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE.

31

Issa, peress li, hekk kif imsemmi fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, il-leġiżlazzjoni Franċiża tissuġġetta l-benefiċċju tal-opportunità li tippermetti l-aċċess għall-professjoni ta’ avukat, kemm bħala impjegat kif ukoll bħala persuna li taħdem għal rasha, mingħajr ma jsir it-taħriġ teoretiku u prattiku mogħti miċ-ċentri reġjonali ta’ taħriġ professjonali kif ukoll permezz tal-kisba taċ-ċertifikat ta’ kapaċità għall-professjoni ta’ avukat, għat-tliet kundizzjonijiet kumulattivi mfakkra fl-imsemmi punt, hija tikkostitwixxi miżura li tista’ tostakola jew tirrendi inqas attraenti l-eżerċizzju, miċ-ċittadini tal-Unjoni, inklużi dawk tal-Istat Membru awtur tal-miżura, tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE bħal dawk previsti mill-Artikoli 45 u 49 TFUE.

32

Restrizzjoni għal-libertà ta’ moviment tista’ tiġi aċċettata biss bil-kundizzjoni, fl-ewwel lok, li tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali u, fit-tieni lok, li tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jimplika li din tkun xierqa sabiex tiggarantixxi, b’mod koerenti u sistematiku, it-twettiq tal-għan imfittex u li din ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Novembru 2009, Presidente del Consiglio dei Ministri, C‑169/08, EU:C:2009:709, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2020, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Tagħlim Superjuri), C‑66/18, EU:C:2020:792, punt 178 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Il-Kunsill tal-Kamra tal-Avukati ta’ Pariġi u r-Reġistratur tal-Kamra tal-Avukati ta’ Pariġi, kif ukoll il-Gvern Franċiż isostnu, essenzjalment, li l-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija ġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali relatati mal-protezzjoni tad-destinatarji tas-servizzi ġuridiċi u mal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Il-Gvern Franċiż, b’mod partikolari, josserva li l-kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, li għalihom il-leġiżlazzjoni Franċiża tissuġġetta l-aċċess għall-professjoni ta’ avukat b’eżenzjoni mill-obbligu li persuna jkollha ċertifikat ta’ kapaċità għall-professjoni ta’ avukat, huma xierqa sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal-għan li huma jsegwu u huma neċessarji għal dan il-għan. Fil-fatt, peress li l-individwi ma humiex huma stess f’pożizzjoni li jivverifikaw il-kwalità tas-servizzi pprovduti, huwa għalhekk il-leġiżlatur li għandu joħloq il-kundizzjonijiet ta’ kwalità għolja ta’ servizzi, sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tagħhom. Bl-istess mod, il-qrati, sabiex jiffunzjonaw bl-aħjar mod, għandu jkollhom professjonisti legali affidabbli, imħarrġa u kompetenti.

34

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, il-protezzjoni tal-konsumaturi, b’mod partikolari tad-destinatarji tas-servizzi legali pprovduti minn professjonisti legali, u, min-naħa l-oħra, l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja huma għanijiet li jinsabu fost dawk li jistgħu jitqiesu li jikkostitwixxu raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjonijiet kemm għall-libertà li jiġu pprovduti servizzi (sentenza tat-18 ta’ Mejju 2017, Lahorgue, C‑99/16, EU:C:2017:391, punt 34) kif ukoll, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 66 tal-konklużjonijiet tiegħu, għal-libertà ta’ moviment tal-ħaddiema u għal-libertà ta’ stabbiliment (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 1984, Klopp, 107/83, EU:C:1984:270, punt 20, kif ukoll tad-19 ta’ Frar 2002, Wouters et, C‑309/99, EU:C:2002:98, punt 122).

35

Issa, il-kundizzjonijiet li taħthom il-leġiżlazzjoni Franċiża teżenta, b’mod partikolari, lid-detenturi ta’ lawrja ta’ Masters fid-dritt jew ta’ titoli jew diplomi rrikonoxxuti bħala ekwivalenti għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat mill-kisba taċ-ċertifikat ta’ kapaċità għal din il-professjoni, jiġifieri li jkunu ġew mis-servizz pubbliku Franċiż, ikunu eżerċitaw fi Franza bħala membru tal-persunal f’din il-funzjoni u jkunu pprattikaw id-dritt Franċiż, ma jidhrux, bħala tali, li ma humiex xierqa sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal-għanijiet kemm ta’ protezzjoni tad-destinatarji tas-servizzi legali kif ukoll ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

36

Madankollu, fir-rigward tan-natura proporzjonata ta’ dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li, peress li huma intiżi biex jiżguraw, hekk kif jirriżulta mill-fajl li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, li l-avukat għandu għarfien sodisfaċenti tad-dritt nazzjonali sabiex jiggarantixxi l-għanijiet kemm ta’ protezzjoni tad-destinatarji tas-servizzi legali kif ukoll ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, il-kundizzjonijiet li bihom il-kandidat għandu jkun ġie mis-servizz pubbliku Franċiż u għandu jkun eżerċita fi Franza bħala membru tal-persunal f’din il-funzjoni jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet. F’dan il-każ, ma jistax jiġi eskluż, a priori, li kandidat li jkun ġej minn servizz pubbliku differenti minn dak Franċiż, b’mod partikolari mis-servizz pubbliku tal-Unjoni, bħal A. Onofrei, ikun ipprattika d-dritt Franċiż barra mit-territorju Franċiż b’mod li jkun kiseb għarfien sodisfaċenti fih, a fortiori meta, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma timponi, għall-finijiet tal-eżami ta’ talba għal eżenzjoni mit-taħriġ u mid-diploma, il-konoxxenza, mill-kandidat, ta’ ebda qasam fid-dritt nazzjonali speċifikament b’rabta mal-organizzazzjoni tal-qrati nazzjonali jew mal-proċeduri quddiemhom.

37

Fir-rigward tal-kundizzjoni li tgħid li l-kandidat għandu jkun eżerċita d-dritt Franċiż, għandu jiġi rrilevat li Stat Membru huwa, fi kwalunkwe każ, fid-dritt, meta jiddefinixxi l-għarfien neċessarju għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat, li jeżiġi għarfien sodisfaċenti tad-dritt nazzjonali, peress li l-awtorizzazzjoni għall-eżerċizzju ta’ din il-professjoni tinkludi l-possibbiltà li jiġu pprovduti pariri jew assistenza li tikkonċerna d-dritt nazzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2009, Peśla, C‑345/08, EU:C:2009:771, punt 46, u, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Koller, C‑118/09, EU:C:2010:805, punt 39).

38

Għalhekk kien ikun mixtieq li l-leġiżlatur Franċiż jistabbilixxi, b’mod awtonomu, l-istandards ta’ kwalità tiegħu f’dan il-qasam u, għaldaqstant, li jikkunsidra li għarfien sodisfaċenti tad-dritt Franċiż, li jagħti d-dritt li tiġi eżerċitata l-professjoni ta’ avukat, seta’ jinkiseb permezz ta’ prattika ta’ dan id-dritt għal mill-inqas tmien snin.

39

F’dan il-kuntest, miżura li teskludi li għarfien sodisfaċenti tad-dritt Franċiż, li jagħti d-dritt li tiġi eżerċitata l-professjoni ta’ avukat, jista’ jinkiseb permezz ta’ prattika tad-dritt tal-Unjoni biss ma tistax titqies li hija sproporzjonata fid-dawl tal-għanijiet imsemmija fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, sakemm hija ma teskludix li tittieħed inkunsiderazzjoni r-rilevanza tal-oqsma li fihom il-persuna kkonċernata ħadmet fi ħdan amministrazzjoni pubblika li ma hijiex Franċiża.

40

B’mod partikolari, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 77 u 78 tal-konklużjonijiet tiegħu, fil-kuntest tal-attività tiegħu fi ħdan istituzzjoni Ewropea, uffiċjal jew membru tal-persunal jista’ jintalab jeżerċita funzjonijiet li għandhom rabta mill-qrib mad-dritt nazzjonali tal-Istati Membri.

41

Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-effettività tal-Artikoli 45 u 49 TFUE ma timponix li l-aċċess għal attività professjonali fi Stat Membru jkun suġġett għal rekwiżiti inferjuri għal dawk meħtieġa minn persuni li ma jkunux għamlu użu mil-libertajiet ta’ moviment tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2009, Peśla, C‑345/08, EU:C:2009:771, punt 50).

42

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li l-Artikoli 45TFUE u 49 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżerva l-benefiċċju ta’ eżenzjoni mill-kundizzjonijiet ta’ taħriġ professjonali u ta’ pussess taċ-ċertifikat ta’ kapaċità għall-professjoni ta’ avukat, previsti, bħala prinċipju, għall-aċċess għall-professjoni ta’ avukat, għal ċerti membri tal-persunal tas-servizz pubbliku ta’ Stat Membru li jkunu eżerċitaw f’din il-kwalità, f’dan l-Istat Membru, f’amministrazzjoni jew f’servizz pubbliku jew f’organizzazzjoni internazzjonali, u li tipprekludi mill-benefiċċju ta’ din l-eżenzjoni lill-uffiċjali, lill-membri tal-persunal jew lill-ex membri tal-persunal tas-servizz pubbliku tal-Unjoni Ewropea li jkunu eżerċitaw f’din il-kwalità fi ħdan istituzzjoni tal-Unjoni u barra mit-territorju Franċiż.

ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżerva l-benefiċċju ta’ tali eżenzjoni għall-kundizzjoni li l-persuna kkonċernata tkun eżerċitat attivitajiet legali fil-qasam tad-dritt nazzjonali, u li teskludi mill-benefiċċju ta’ din l-eżenzjoni lill-uffiċjali, lill-membri tal-persunal jew lill-ex membri tal-persunal tas-servizz pubbliku tal-Unjoni Ewropea li jkunu eżerċitaw f’din il-kwalità attivitajiet legali f’qasam wieħed jew iktar li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni, sakemm hija ma teskludix it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ attivitajiet legali li jinkludu l-prattika tad-dritt nazzjonali.

Fuq l-ispejjeż

43

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 45TFUE u 49 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

 

jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżerva l-benefiċċju ta’ eżenzjoni mill-kundizzjonijiet ta’ taħriġ professjonali u ta’ pussess taċ-ċertifikat ta’ kapaċità għall-professjoni ta’ avukat, previsti, bħala prinċipju, għall-aċċess għall-professjoni ta’ avukat, għal ċerti membri tal-persunal tas-servizz pubbliku ta’ Stat Membru li jkunu eżerċitaw f’din il-kwalità, f’dan l-Istat Membru, f’amministrazzjoni jew f’servizz pubbliku jew f’organizzazzjoni internazzjonali, u li tipprekludi mill-benefiċċju ta’ din l-eżenzjoni lill-uffiċjali, lill-membri tal-persunal jew lill-ex membri tal-persunal tas-servizz pubbliku tal-Unjoni Ewropea li jkunu eżerċitaw f’din il-kwalità fi ħdan istituzzjoni tal-Unjoni u barra mit-territorju Franċiż.

ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżerva l-benefiċċju ta’ tali eżenzjoni għall-kundizzjoni li l-persuna kkonċernata tkun eżerċitat attivitajiet legali fil-qasam tad-dritt nazzjonali, u li teskludi mill-benefiċċju ta’ din l-eżenzjoni lill-uffiċjali, lill-membri tal-persunal jew lill-ex membri tal-persunal tas-servizz pubbliku tal-Unjoni Ewropea li jkunu eżerċitaw f’din il-kwalità attivitajiet legali f’qasam wieħed jew iktar li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni, sakemm hija ma teskludix it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ attivitajiet legali li jinkludu l-prattika tad-dritt nazzjonali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.