SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

15 ta’ April 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Artikolu 27 – Rimedju ġudizzjarju – Teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi sussegwenti għad-deċiżjoni ta’ trasferiment – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva”

Fil-Kawża C‑194/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Frar 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Frar 2019, fil-proċedura

H. A.

vs

État belge,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi Presidenta, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, E. Regan, M. Ilešič, L. Bay Larsen (Relatur), A. Kumin u N. Wahl, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, S. Rodin, F. Biltgen, K. Jürimäe, C. Lycourgos u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos

Reġistratur: M. Krausenböck, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑9 ta’ Novembru 2020,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal H. A., minn J. Hardy, advocaat, kif ukoll minn M. El Khoury u I. Fontignie, avocates,

għall-Gvern Belġjan, minn C. Pochet, M. Jacobs u P. Cottin, bħala aġenti, assistiti minn D. Matray, J. Matray, S. Matray u C. Piront, avocats,

għall-Gvern Olandiż, minn K. Bulterman u C. S. Schillemans, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Wils u M. Condou-Durande, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑2 ta’ Frar 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”), kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn H. A., ċittadin ta’ Stat terz, u l-État belge (l-Istat Belġjan), dwar id-deċiżjoni tal-Office des étrangers (l-Uffiċċju għall-Barranin, il-Belġju), li tiċħad l-applikazzjoni għall-ażil ta’ H. A. u li tordnalu li jitlaq mit-territorju Belġjan.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2013/32/UE

3

L-Artikolu 46(1) u (3) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60), jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti jkollhom id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal, kontra dawn li ġejjin:

(a)

deċiżjoni meħuda dwar l-applikazzjoni tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali, inkluża deċiżjoni:

(i)

li tikkunsidra applikazzjoni bħala bla bażi fir-rigward ta’ status ta’ rifuġjat u/jew status ta’ protezzjoni sussidjarja,

(ii)

li tikkunsidra applikazzjoni bħala inammissibbli […]

(iii)

meħuda fuq il-fruntiera jew fiż-żoni ta’ tranżitu ta’ Stat Membru […]

(iv)

li ma jsirx eżami […]

(b)

rifjut li l-eżami ta’ applikazzjoni jinfetaħ mill-ġdid wara li tkun twaqqfet […]

(c)

deċiżjoni li tirtira l-protezzjoni internazzjonali […]

[…]

3.   Sabiex ikunu konformi mal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li rimedju effettiv jipprovdi għal eżami sħiħ u ex nunc ta’ kemm il-fatti kif ukoll il-punti tal-liġi […] ta’ mill-inqas fi proċeduri ta’ appell quddiem qorti jew tribunal ta’ prima istanza.”

Ir-Regolament Dublin III

4

Il-premessi 4, 5 u 19 tar-Regolament Dublin III huma redatti kif ġej:

“(4)

Il-konklużjonijiet [tal-Kunsill Ewropew, adottati waqt il-laqgħa speċjali tiegħu] ta’ Tampere [(il-Finlandja) fil‑15 u fis‑16 ta’ Ottubru 1999] ddikjaraw ukoll li s-[Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil] għandha tinkludi, fit-terminu qasir, metodu ċar u li jiffunzjona biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-asil.

(5)

Metodu tali għandu jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi u ġusti kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-persuni kkonċernati. B’mod partikolari, dan il-metodu għandu jiddetermina minnufih l-Istat Membru responsabbli, biex ikun iggarantit aċċess effettiv għall-proċeduri għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali u ma jkunx kompromess l-għan tal-ipproċessar bil-ħeffa ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali.

[…]

(19)

Sabiex tkun garantita il-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-individwi kkonċernati,, għandhom ikun stabbiliti salvagwardji legali u d-dritt għal rimedju effettiv fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar it-trasferimenti lejn l-Istat Membru responsabbli, f’konformità, b’mod partikolari mal-Artikolu 47 tal-[Karta]. Sabiex jiġi żgurat li jiġi rispettat id-dritt internazzjonali, rimedju effettiv kontra tali deċiżjonijiet għandu jkopri kemm l-analiżi tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament kif ukoll l-eżami tas-sitwazzjoni legali u fattwali fl-Istat Membru li għalih jiġi ttrasferit l-applikant.”

5

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(g)

‘membri tal-familja’ tfisser, sakemm il-familja diġà kienet teżisti fil-pajjiż ta’ oriġini, dawn il-membri tal-familja tal-applikant li huma preżenti fit-territorju tal-Istati Membri:

il-konjuġi tal-applikant jew is-sieħeb mhux miżżewweġ tiegħu jew tagħha f’relazzjoni stabbli […]

it-tfal minorenni ta’ koppji msemmija fl-ewwel inċiż jew tal-applikant […]

meta l-applikant ikun minorenni u mhux miżżewweġ, il-missier, l-omm jew adult ieħor responsabbli għall-applikant […]

meta l-benefiċarju ta’ protezzjoni internazzjonali jkun minorenni u mhux miżżewweġ, il-missier, l-omm jew adult ieħor responsabbli għalih […]”

6

L-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament jiddisponi:

“Jekk l-applikant għandu membru tal-familja fi Stat Membru li l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tiegħu f’dak l-Istat Membru tkun għadha ma kenitx suġġetta għall-ewwel deċiżjoni fir-rigward tas-sustanza, dak l-Istat Membru għandu jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, sakemm il-persuni kkonċernati esprimew ix-xewqa tagħhom bil-miktub.”

7

L-Artikolu 17 tal-istess regolament jippreċiża:

“1.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 3(1), kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għandu minn ċittadin ta’ pajjiż terz [jew persuna apolida], ukoll jekk it-tali eżami ma jaqax taħt ir-responsabbilta tiegħu taħt il-kriterji preskritti f’dan ir-Regolament.

[…]

2.   L-Istat Membru li fih issir l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali […], jew l-Istat Membru responsabbli jista’, fi kwalunkwe ħin qabel ma tittieħed l-ewwel deċiżjoni rigward is-sustanza, jitlob Stat Membru ieħor biex jieħu f’idejh l-applikazzjoni sabiex jġib flimkien kwalunkwe relazzjonijiet familjari, għal raġunijiet umanitarji bbażati b’mod partikolari fuq konsiderazzjonijiet familjari u kulturali, ukoll fejn dan l-Istat Membru l-ieħor mhux responsabbli skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 8 sa 11 u 16. Il-persuni kkonċernati għandhom juru li jaqblu bil-miktub.

[…]”

8

L-Artikolu 27 tar-Regolament Dublin III huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-applikant […] għandu jkollu d-dritt għal rimedju effettiv, fil-forma ta’ appell jew reviżjoni, fil-fatt u fil-liġi, mid-deċiżjoni tat-trasferiment, quddiem qorti jew tribunal.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu għal perijodu ta’ żmien raġonevoli li fih l-applikant jew il-persuna kkonċernata jista’ jeżerċita d-dritt għal rimedju effettiv skont il-paragrafu 1.

3.   Għall-iskopijiet ta’ appelli kontra, jew reviżjonijiet ta’, -deċiżjonijiet ta’ trasferiment, l-Istati Membri għandhom jipprevedu fil-liġi nazzjonali tagħhom li:

(a)

l-appell jew ir-reviżjoni tagħti lill-applikant id-dritt li jibqa’ fl-Istat Membru kkonċernat sakemm jintlaħaq l-eżitu tal-appell jew ir-reviżjoni; jew

(b)

it-trasferiment huwa sospiż awtomatikament u tali sospensjoni tiskadi wara ċertu perijodu ta’ żmien raġonevoli, f’liema żmien qorti jew tribunal, wara skrutinju mill-qrib u rigoruż, tkun ħadet deċiżjoni dwar jekk għandux jingħata effett sospensiv lil appell jew reviżjoni; jew

(c)

il-persuna kkonċernata jkollha l-opportunità li titlob f’perijodu ta’ żmien raġonevoli lil qorti jew tribunal biex jissospendi l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment sakemm jintlaħaq l-eżitu tal-appell jew reviżjoni tiegħu/tagħha L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm rimedju effettiv billi jissospendu t-trasferiment sakemm tittieħed deċiżjoni rigward l-ewwel talba għal sospensjoni. […]

4.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li jaġixxu ex officio fis-sospensjoni tal-implimentazzjoni tad-deċiżjoni tat-trasferiment sakemm iseħħ l-eżitu tal-appell jew reviżjoni.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuna kkonċernata għandha aċċess għall-assistenza legali u, fejn neċessarju, assistenza lingwistika.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-assistenza legali tingħata fuq talba mingħajr ħlas fejn il-persuna kkonċernata ma tistax tħallas l-ispejjeż involuti. […]”

Id-dritt Belġjan

9

L-Artikolu 39/2 tal-loi du 15 décembre 1980 sur l’accès au territoire, le séjour, l’établissement et l’éloignement des étrangers (il-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980 dwar l-Aċċess għat-Territorju, ir-Residenza, l-Istabbiliment u t-Tneħħija tal-Barranin) (Moniteur belge tal‑31 ta’ Diċembru 1980, p. 14584), jiddisponi fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Il-[Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin, il-Belġju)] għandu jiddeċiedi, permezz ta’ sentenzi, dwar l-annullament tar-rikorsi l-oħra għal ksur ta’ rekwiżiti proċedurali sostanzjali, jew preskritti taħt piena ta’ invalidità, eċċess jew użu ħażin ta’ poter.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10

H. A. ppreżenta, fit‑22 ta’ Mejju 2017, applikazzjoni għall-ażil fil-Belġju.

11

Wara li sema’ lil H. A. fil‑31 ta’ Mejju 2017, l-Uffiċċju għall-Barranin talab lill-awtoritajiet Spanjoli, fit‑22 ta’ Ġunju ta’ wara, jieħdu t-teħid inkarigu ta’ dan tal-aħħar.

12

Fl‑4 ta’ Lulju 2017, l-awtoritajiet Spanjoli laqgħu din it-talba għat-teħid inkarigu ta’ H. A.

13

Fl‑1 ta’ Awwissu 2017, l-Uffiċċju għall-Barranin ċaħad l-applikazzjoni għall-ażil ippreżentata minn H. A. u ordnalu jitlaq mit-territorju Belġjan.

14

H. A. kkontesta din id-deċiżjoni quddiem il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin, permezz ta’ rikors ippreżentat fil‑25 ta’ Awwissu 2017, billi sostna b’mod partikolari li ħuh kien wasal il-Belġju fit‑22 ta’ Awwissu preċedenti, li dan kien ippreżenta applikazzjoni għall-ażil u li kien indispensabbli li l-applikazzjonijiet rispettivi tagħhom jiġu eżaminati flimkien sabiex tiġi żgurata l-ekwità tal-proċedura.

15

Permezz ta’ sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2017, dik il-qorti ċaħdet dan ir-rikors. Din is-sentenza kienet, parzjalment, ibbażata fuq il-konstatazzjoni li l-elementi relatati mal-wasla ta’ ħu H. A. fil-Belġju kienu sussegwenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża tal-Uffiċċju għall-Barranin u ma setgħux, minħabba f’hekk, jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-legalità ta’ din id-deċiżjoni.

16

Fit‑28 ta’ Diċembru 2017, H. A. ppreżenta appell ta’ kassazzjoni kontra l-imsemmija sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. Insostenn ta’ dan l-appell, huwa jsostni li l-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin kiser id-dritt tiegħu għal rimedju effettiv, kif jirriżulta mill-Artikolu 27 tar-Regolament Dublin III u mill-Artikolu 47 tal-Karta, peress li dan kien irrifjuta li jieħu inkunsiderazzjoni elementi sussegwenti għal deċiżjoni ta’ trasferiment għall-finijiet tal-eżami tal-legalità tagħha.

17

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 27 tar-[Regolament Dublin III], meħud waħdu u flimkien mal-Artikolu 47 tal-[Karta], għandu jiġi interpretat bħala li jobbliga, sabiex jiġi ggarantit dritt għal rikors effettiv, lill-qorti nazzjonali tieħu inkunsiderazzojni, fejn xieraq, elementi suċċessivi għad-deċiżjoni ta’ ‘trasferiment Dublin’?”

Fuq il-persistenza tas-suġġett tal-kawża prinċipali

18

Il-Gvern Belġjan isostni li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari. Fil-fatt, H. A. ma għadx għandu interess li jappella fil-kassazzjoni, peress li l-awtoritajiet Belġjani kienu bdew, fil‑31 ta’ Jannar 2019, l-eżami tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali, u wara kienu tawh l-ażil, fit‑28 ta’ Awwissu ta’ wara.

19

Meta mitluba mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tindikalha jekk hija kkunsidratx li risposta għad-domanda tagħha kienet għadha neċessarja sabiex tiddeċiedi dwar il-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju wieġbet li hija xtaqet iżżomm it-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha.

20

Din il-qorti ppreċiżat b’mod partikolari, f’dan ir-rigward, li l-appell ta’ kassazzjoni fil-kawża prinċipali għad għandu suġġett, sa fejn jirrigwarda deċiżjoni ġudizzjarja, li ebda ċirkustanza ta’ fatt ma tista’ tneħħi mill-ordinament ġuridiku. Madankollu, hija tqis li, jekk l-elementi invokati mill-Gvern Belġjan kienu eżatti, il-kwistjoni tal-persistenza tal-interess ta’ H. A. li jikseb il-kassazzjoni tas-sentenza appellata fil-kawża prinċipali tista’ effettivament tqum. Madankollu, ma huwiex possibbli għall-imsemmija qorti li tiddeċiedi ex officio u mingħajr dibattitu kontradittorju li dan l-interess sparixxa u li r-risposta għad-domanda magħmula ma għadhiex neċessarja għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

21

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom għas-soluzzjoni tal-kawżi li jkunu tressqu quddiemhom (sentenzi tat‑12 ta’ Marzu 1998, Djabali, C‑314/96, EU:C:1998:104, punt 17, kif ukoll tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 69).

22

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti l-ġudizzju tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Openbaar Ministerie (Falsifikazzjoni ta’ dokumenti), C‑510/19, EU:C:2020:953, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

Peress li l-qorti tar-rinviju tqis li hija dejjem għandha, skont ir-regoli proċedurali tad-dritt Belġjan, tiddeċiedi fuq il-kawża prinċipali, għandu jiġi kkunsidrat li din il-kawża għadha pendenti quddiem din il-qorti u li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda magħmula tibqa’ utli għas-soluzzjoni tal-imsemmija kawża.

24

Għaldaqstant, hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari.

Fuq id-domanda preliminari

25

Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III, jekk ikun il-każ moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-qorti adita b’rikors għal annullament kontra deċiżjoni ta’ trasferiment ma tistax, fil-kuntest tal-eżami ta’ dan ir-rikors, tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi sussegwenti għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

26

Preliminarjament, sa fejn il-Gvern Belġjan sostna, waqt is-seduta, li r-regoli proċedurali tad-dritt Belġjan kienu konformi mad-dritt tal-Unjoni, sa fejn dawn jipprevedu li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni hija obbligata tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-eżami ta’ rikors għal annullament kontra deċiżjoni ta’ trasferiment, iċ-ċirkustanzi sussegwenti għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni li huma determinanti għall-applikazzjoni korretta tar-Regolament Dublin III, hemm lok li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tat-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn il-qrati tal-Unjoni u dawk nazzjonali, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv li taħtu jaqgħu d-domandi preliminari, hekk kif iddefinit mid-deċiżjoni tar-rinviju. Għalhekk, l-eżami ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari ma jistax isir fid-dawl tal-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali invokat mill-Gvern ta’ Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2016, New Valmar, C‑15/15, EU:C:2016:464, punt 25).

27

Issa, il-qorti tar-rinviju stabbilixxiet b’mod ċar li, skont l-interpretazzjoni tagħha tad-dritt Belġjan, qorti amministrattiva għandha tiddeċiedi, fil-kuntest tal-eżami ta’ rikors għal annullament ippreżentat kontra deċiżjoni ta’ trasferiment, dwar il-legalità ta’ din id-deċiżjoni kif ittieħdet mill-awtorità amministrattiva kkonċernata, jiġifieri abbażi tal-informazzjoni fil-pussess ta’ din l-awtorità, mingħajr ma tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi sussegwenti għall-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni.

28

L-interpretazzjoni tar-regoli proċedurali tad-dritt Belġjan difiża mill-Gvern Belġjan ma tistax, konsegwentement, tiġi aċċettata mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-finijiet ta’ din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari.

29

Barra minn hekk, il-Gvern Belġjan u dak Olandiż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea sostnew li ċ-ċirkustanzi sussegwenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment inkwistjoni fil-kawża prinċipali invokati minn H. A. ma kinux determinanti għall-applikazzjoni korretta tar-Regolament Dublin III.

30

F’dan ir-rigward, huwa minnu li, bla ħsara għall-użu eventwali, mill-Istat Membru kkonċernat, ta’ klawżola diskrezzjonali prevista fl-Artikolu 17 tar-Regolament Dublin III, il-wasla fl-Istat Membru rikjedenti ta’ ħu applikant għal protezzjoni internazzjonali ma tistax, fid-dawl tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “membri tal-familja” li tinsab fil-punt (g) tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, tiġġustifika l-applikazzjoni tal-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament, dwar l-ipoteżi fejn l-applikant ikollu, fi Stat Membru, membru tal-familja li jkun ressaq applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali f’dak l-Istat Membru li tkun għadha ma ġietx suġġetta għall-ewwel deċiżjoni fir-rigward tal-mertu.

31

Madankollu, din il-konstatazzjoni ma hijiex ta’ natura li tipprovdi lill-qorti tar-rinviju risposta suffiċjenti sabiex tiddeċiedi dwar l-appell ta’ kassazzjoni li hija adita bih, peress li din il-qorti ppreċiżat li, fil-kuntest tal-eżami ta’ dan l-appell ta’ kassazzjoni, hija għandha tiddetermina jekk il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barrani kienx obbligat jieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi sussegwenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment kontenzjuża, mingħajr ma tkun tista’ tevalwa jekk iċ-ċirkustanzi konkretament invokati minn H. A. quddiem din l-aħħar qorti jistgħux jew le jkollhom effett fuq id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli.

32

Fid-dawl tal-problematika li tressqet quddiem il-qorti tar-rinviju fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III jipprevedi li l-persuna suġġetta għal deċiżjoni ta’ trasferiment għandha dritt għal rimedju effettiv, fil-forma ta’ appell minn din id-deċiżjoni jew ta’ reviżjoni, fil-fatt u fil-liġi, tal-imsemmija deċiżjoni quddiem qorti.

33

Il-portata ta’ dan ir-rimedju hija ppreċiżata fil-premessa 19 ta’ dan ir-regolament, li tindika li, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tad-dritt internazzjonali, ir-rimedju effettiv stabbilit mill-imsemmi regolament kontra d-deċiżjonijiet ta’ trasferiment għandu jirrigwarda, minn naħa, l-eżami tal-applikazzjoni tal-istess regolament u, min-naħa l-oħra, l-eżami tas-sitwazzjoni fattwali u legali fl-Istat Membru li għalih jiġi ttrasferit l-applikant (sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Shiri, C‑201/16, EU:C:2017:805, punt 37, kif ukoll tat‑2 ta’ April 2019, H. u R., C‑582/17 u C‑583/17, EU:C:2019:280, punt 39).

34

Fid-dawl, b’mod partikolari, tal-evoluzzjoni ġenerali li għaddiet minnha s-sistema ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minħabba l-adozzjoni tar-Regolament Dublin III u l-għanijiet imfittxija minn dan ir-regolament, l-Artikolu 27(1) tal-imsemmi regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rimedju li huwa jipprevedi kontra deċiżjoni ta’ trasferiment għandu jkun jista’ jirrigwarda kemm l-osservanza tar-regoli li jattribwixxu r-responsabbiltà li tiġi eżaminata applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali kif ukoll il-garanziji proċedurali previsti mill-istess regolament (sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Shiri, C‑201/16, EU:C:2017:805, punt 38, kif ukoll tat‑2 ta’ April 2019, H. u R., C‑582/17 u C‑583/17, EU:C:2019:280, punt 40).

35

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fid-dawl, minn naħa, tal-għan imsemmi fil-premessa 19 tar-Regolament Dublin III li tiġi żgurata, konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta, protezzjoni effikaċi tal-persuni kkonċernati u, min-naħa l-oħra, dak li tiġi żgurata b’ħeffa d-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali msemmija fil-premessa 5 ta’ dan ir-regolament, l-applikant għandu jkollu rimedju ġudizzjarju effettiv u rapidu li jippermettilu jinvoka ċirkustanzi sussegwenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tat-trasferiment, meta t-teħid inkunsiderazzjoni tagħhom huwa deċiżiv għall-applikazzjoni korretta tal-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Shiri, C‑201/16, EU:C:2017:805, punt 44, u tal‑25 ta’ Jannar 2018Hasan, C‑360/16, EU:C:2018:35, punt 31).

36

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-applikant għal protezzjoni internazzjonali kkonċernat jinvoka ċirkustanzi sussegwenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment, fil-kuntest tar-rikors dirett kontra din id-deċiżjoni, tissodisfa dan l-obbligu li jiġi previst rimedju ġudizzjarju rapidu u effettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Shiri, C‑201/16, EU:C:2017:805, punt 45, u tal‑25 ta’ Jannar 2018, Hasan, C‑360/16, EU:C:2018:35, punt 32).

37

Madankollu, din il-ġurisprudenza tal-aħħar ma timplikax, madankollu, li l-Istati Membri għandhom, skont l-Artikolu 27 tar-Regolament Dublin III, neċessarjament jorganizzaw is-sistema ta’ appell tagħhom b’mod li r-rekwiżit ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi determinanti wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment, imsemmi fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, ikun iggarantit fil-kuntest tal-eżami tar-rikors li jippermetti li tiġi kkontestata l-legalità tad-deċiżjoni ta’ trasferiment.

38

Fil-fatt, il-leġiżlatur tal-Unjoni armonizza biss ċerti modalitajiet proċedurali tal-appell mid-deċiżjoni ta’ trasferiment jew tar-reviżjoni, fil-fatt u fil-liġi, ta’ din id-deċiżjoni quddiem qorti li għandu jkollha l-persuna kkonċernata.

39

F’dan ir-rigward, għalkemm l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III u l-premessa 19 tiegħu jikkontribwixxu sabiex jiddefinixxu s-suġġett ta’ dan l-appell u jipprevedu li dan għandu jkun jista’ jiġi eżerċitat quddiem qorti, l-Artikolu 27(2) sa (6) ta’ dan ir-regolament jipprovdi biss preċiżazzjonijiet fir-rigward tat-terminu li fih l-imsemmi appell għandu jkun jista’ jiġi eżerċitat, il-kundizzjonijiet għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment fil-każ tal-preżentata ta’ tali appell u l-assistenza legali li minnha għandha tkun tista’ tibbenefika l-persuna kkonċernata.

40

Għall-kuntrarju, l-Artikolu 27 tar-Regolament Dublin III ma jippreċiżax jekk id-dritt għal azzjoni legali li huwa jipprevedi jimplikax neċessarjament li l-qorti adita biha tista’ twettaq eżami ex nunc tal-legalità tad-deċiżjoni ta’ trasferiment.

41

Il-formulazzjoni ta’ dan l-Artikolu 27 hija differenti minn dik tal-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, adottata fl-istess jum bħar-Regolament Dublin III fil-kuntest tar-reviżjoni ġenerali tas-sistema Ewropea komuni tal-ażil, li tipprovdi li r-rimedju effettiv miftuħ kontra l-atti msemmija fl-Artikolu 46(1) ta’ din id-direttiva, li fosthom ma humiex inklużi d-deċiżjonijiet ta’ trasferiment, jipprevedi “eżami sħiħ u ex nunc ta’ kemm il-fatti kif ukoll il-punti tal-liġi”.

42

Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-assenza ta’ regoli tal-Unjoni fil-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-proċeduri tal-azzjonijiet ġudizzjarji intiżi sabiex jiggarantixxu l-protezzjoni tad-drittijiet tal-partijiet fil-kawża, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, sakemm, madankollu, dawn il-proċeduri ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt nazzjonali (il-prinċipju ta’ ekwivalenza), u ma jirrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (il-prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Ġunju 2002, HI, C‑92/00, EU:C:2002:379, punt 67; tat‑13 ta’ Diċembru 2017, El Hassani, C‑403/16, EU:C:2017:960, punt 26; kif ukoll tad‑9 ta’ Settembru 2020, Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides (Ċaħda ta’ applikazzjoni sussegwenti - Terminu għall-preżentata ta’ rikors) (C‑651/19, EU:C:2020:681), punt 34).

43

Għandu jitfakkar ukoll li l-Istati Membri, meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, huma obbligati jiżguraw ir-rispett tad-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jikkostitwixxi affermazzjoni mill-ġdid tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Deutsche Umwelthilfe, C‑752/18, EU:C:2019:1114, punt 34).

44

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-prinċipju ta’ ekwivalenza, dan jirrikjedi li r-regoli kollha applikabbli għar-rikorsi japplikaw mingħajr distinzjoni għall-azzjonijiet ibbażati fuq il-ksur tad-dritt tal-Unjoni u għal dawk, simili, ibbażati fuq il-ksur tad-dritt nazzjonali (sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2017, Aquino, C‑3/16, EU:C:2017:209, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-prinċipju ta’ effettività, għandu jiġi enfasizzat li rikors għal annullament ippreżentat kontra deċiżjoni ta’ trasferiment, li fil-kuntest tiegħu l-qorti adita ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi sussegwenti għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni li huma determinanti għall-applikazzjoni korretta tar-Regolament Dublin III, ma jiżgurax protezzjoni ġudizzjarja suffiċjenti, li tippermetti lill-persuna kkonċernata teżerċita d-drittijiet li hija tislet minn dan ir-regolament u mill-Artikolu 47 tal-Karta.

46

Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 82 u 85 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma jistax jiġi eskluż li protezzjoni ġudizzjarja suffiċjenti tista’ tiġi ggarantita, fil-kuntest tas-sistema ġudizzjarja nazzjonali kkunsidrata kollha kemm hi, taħt forom differenti minn dawk tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi determinanti wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment fl-okkażjoni tal-eżami tar-rikors intiż sabiex jiġi żgurat l-istħarriġ tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni.

47

Sabiex tingħata protezzjoni ġudizzjarja suffiċjenti lill-persuna kkonċernata, rimedju ġudizzjarju speċifiku, distint mir-rikors imsemmi fil-punt preċedenti, għandu jiggarantixxi, fil-prattika, lil din il-persuna l-possibbiltà li tikseb li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru rikjedenti ma jkunux jistgħu, meta ċirkustanza sussegwenti għad-deċiżjoni ta’ trasferiment tostakola l-eżekuzzjoni tagħha, jipproċedu għat-trasferiment tal-imsemmija persuna lejn Stat Membru ieħor. L-imsemmi rimedju għandu jiżgura wkoll li, meta ċirkustanza sussegwenti għad-deċiżjoni ta’ trasferiment timplika r-responsabbiltà tal-Istat Membru rikjedenti, l-awtoritajiet kompetenti tiegħu jkunu obbligati li jadottaw id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex jirrikonoxxu din ir-responsabbiltà u sabiex jibdew mingħajr dewmien l-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata mill-istess persuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Shiri, C‑201/16, EU:C:2017:805, punt 43).

48

Minn dan isegwi li l-eżerċizzju tar-rikors speċifiku li jippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi sussegwenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment li huma determinanti għall-applikazzjoni korretta tar-Regolament Dublin III għandu jkun possibbli wara li jseħħu tali ċirkustanzi, iżda mingħajr ma dan l-eżerċizzju jkun suġġett għall-fatt li l-persuna kkonċernata tiġi mċaħħda mil-libertà jew li l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment ikkonċernata tkun imminenti.

49

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III, moqri fid-dawl tal-premessa 19 tiegħu, u l-Artikolu 47 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-qorti adita b’rikors għal annullament kontra deċiżjoni ta’ trasferiment ma tistax, fil-kuntest tal-eżami ta’ dan ir-rikors, tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi sussegwenti għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni li huma determinanti għall-applikazzjoni korretta ta’ dan ir-regolament, sakemm din il-leġiżlazzjoni ma tipprevedix għal rimedju speċifiku li jinkludi eżami ex nunc tas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata, li r-riżultati tiegħu jorbtu lill-awtoritajiet kompetenti, li jista’ jiġi eżerċitat wara l-okkorrenza ta’ tali ċirkustanzi u li, b’mod partikolari, ma huwiex suġġett la għaċ-ċaħda tal-libertà ta’ dik il-persuna u lanqas għaċ-ċirkustanza li l-eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni hija imminenti.

Fuq l-ispejjeż

50

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 27(1) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, moqri fid-dawl tal-premessa 19 tiegħu, u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-qorti adita b’rikors għal annullament kontra deċiżjoni ta’ trasferiment ma tistax, fil-kuntest tal-eżami ta’ dan ir-rikors, tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi sussegwenti għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni li huma determinanti għall-applikazzjoni korretta ta’ dan ir-regolament, sakemm din il-leġiżlazzjoni ma tipprevedix għal rimedju speċifiku li jinkludi eżami ex nunc tas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata, li r-riżultati tiegħu jorbtu lill-awtoritajiet kompetenti, li jista’ jiġi eżerċitat wara l-okkorrenza ta’ tali ċirkustanzi u li, b’mod partikolari, ma huwiex suġġett la għaċ-ċaħda tal-libertà ta’ dik il-persuna u lanqas għaċ-ċirkustanza li l-eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni hija imminenti.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.