SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

12 ta’ Diċembru 2019 ( *1 )

“Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Artikoli 15 u 66 – Użu ġenwin ta’ trade mark kollettiva tal-Unjoni Ewropea – Trade mark relatata ma’ sistema ta’ ġbir u ta’ rkupru ta’ skart mill-imballaġġ – Twaħħil fuq l-ippakkjar tal-prodotti li għalihom it-trade mark hija rreġistrata”

Fil-Kawża C‑143/19 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl‑20 ta’ Frar 2019,

Der Grüne PunktDuales System Deutschland GmbH, stabbilita f’Köln (il-Ġermanja), irrappreżentata minn P. Goldenbaum, Rechtsanwältin,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn D. Hanf, bħala aġent,

konvenut fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, I. Jarukaitis, E. Juhász, M. Ilešič (Relatur) u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland GmbH (iktar ’il quddiem “DGP”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑12 ta’ Settembru 2018, Der Grüne Punkt vs EUIPO – Halston Properties (Rappreżentazzjoni ta’ ċirku b’żewġ vleġeġ) (T‑253/17, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata, EU:T:2018:909), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tagħha ppreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tal‑20 ta’ Frar 2017 (Każ R 1357/2015–5), dwar proċedimenti ta’ revoka bejn Halston Properties s. r. o. u DGP (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

Il-kuntest ġuridiku

2

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] (ĠU 2009, L 78, p. 1), ġie emendat bir-Regolament (UE) 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2015 (ĠU 2015, L 341, p. 21), li daħal fis-seħħ fit‑23 ta’ Marzu 2016. Sussegwentement, dan tħassar u ġie ssostitwit, b’effett mill‑1 ta’ Ottubru 2017, bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1). Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, dan l-appell għandu jiġi eżaminat fid-dawl tar-Regolament Nru 207/2009, fil-verżjoni inizjali tiegħu.

3

L-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-regolament kien jipprevedi:

“It-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] tagħti lill-proprjetarju d-drittijiet esklussivi fiha. Il-proprjetarju għandu l-jedd li jipprojbixxi lit-terzi persuni kollha li ma jkollhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw fil-kummerċ:

[…]

(b)

kull sinjal fejn, minħabba identiċità jew xebħ mat-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] u l-identiċità jew xebħ mal-prodotti jew is-servizzi koperti mit-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] u mis-sinjal, tkun teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-pubbliku […]

[…]”

4

L-Artikolu 15(1) tal-imsemmi regolament kien jipprovdi:

“Jekk, fi żmien ħames snin wara r-reġistrazzjoni, il-proprjetarju ma jkunx għamel użu ġenwin mit-trade mark [tal-Unjoni Ewropea fl-Unjoni] f’konnessjoni mal-prodotti jew mas-servizzi li għalihom tkun reġistrata, jew jekk dan l-użu jkun ġie sospiż għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin, it-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] għandha tkun soġġetta għas-sanzjonijiet li jipprovdi dan ir-Regolament, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet xierqa għal dan in-nuqqas ta’ użu.

[…]”

5

Skont l-Artikolu 51 tal-istess regolament:

“1.   Id-drittijiet tal-proprjetarju ta’ trade mark [tal-Unjoni Ewropea] għandhom jiġu ddikjarati bħala revokati malli ssir applikazzjoni lill-Uffiċċju jew fuq il-bażi ta’ kontrotalba fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni:

(a)

jekk, għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin, ma jkunx sar użu ġenwin mit-trade mark [fl-Unjoni] f’konnessjoni mal-prodotti jew servizzi li għalihom hija tkun reġistrata, u ma jkunx hemm raġunijiet siewja għal dan in-nuqqas ta’ użu […];

[…]

2.   Meta r-raġunijiet ta’ revoka ta’ drittijiet jeżistu biss fir-rigward ta’ xi wħud biss mill-prodotti jew servizzi li għalihom it-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] hija reġistrata, id-drittijiet tal-proprjetarju għandhom jiġu dikjarati bħala revokati fir-rigward ta’ dawk il-prodotti jew servizzi biss.”

6

L-Artikolu 66 tar-Regolament Nru 207/2009 kien jipprovdi:

“1.   Marka […] kollettiva [tal-Unjoni Ewropea] hija trade mark [tal-Unjoni Ewropea] li hija hekk msejħa meta ssir l-applikazzjoni u li hija kapaċi tiddistingwi l-prodotti jew servizzi tal-membri tal-assoċjazzjoni li hija proprjetarja ta’ dik il-marka minn dawk ta’ impriżi oħrajn. Assoċjazzjonijiet ta’ fabbrikanti, produtturi, fornituri ta’ servizzi, jew negozjanti, skont il-liġi li tirregolahom, għandhom il-kapaċità li f’isimhom stess ikollhom drittijiet u obbligi ta’ kull xorta, li jidħlu f’kuntratti jew li jwettqu atti ġuridiċi oħra u li jfittxu u li jiġu mfittxa, kif ukoll persuni ġuridiċi regolati mil-liġi pubblika, jistgħu japplikaw għal marki kollettivi [tal-Unjoni Ewropea].

[…]

3.   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament japplikaw għal marki kolletivi [tal-Unjoni Ewropea], sakemm l-Artikoli 67 sa 74 ma jipprovdux mod ieħor.”

7

Skont l-Artikolu 67 ta’ dan ir-regolament:

“1.   L-applikant għal marka […] kollettiva [tal-Unjoni Ewropea] għandu jissottometti regolamenti li jirregolaw l-użu tagħha fi żmien il-perjodu preskritt.

2.   Ir-regolamenti li jirregolaw l-użu għandhom jispeċifikaw il-persuni awtorizzati biex jużaw il-marka, il-kundizzjonijiet għal adeżjoni fl-assoċjazzjoni u, fejn dawn jeżistu, il-kondizzjonijiet għall-użu tal-marka inklużi sanzjonijiet. […]”

8

Il-kontenut tal-Artikoli 9, 15, 51, 66 u 67 tar-Regolament Nru 207/2009 ġie essenzjalment riprodott fl-Artikoli 9, 18, 58, 74 u 75 tar-Regolament 2017/1001.

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża

9

Fit‑12 ta’ Ġunju 1996, DGP ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tas-sinjal figurattiv segwenti bħala trade mark kollettiva tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem it-“trade mark inkwistjoni”):

Image

10

Din ir-reġistrazzjoni ntalbet għal prodotti fil-klassijiet 1 sa 34 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Nice”), kif ukoll għal servizzi fil-klassijiet 35, 39, 40 u 42 tiegħu.

11

Il-prodotti koperti kienu jinkludu prodotti ta’ konsum regolari, bħal ikel, xorb, ilbies, prodotti tal-iġjene personali u prodotti tat-tindif, kif ukoll prodotti għall-użu professjonali, bħal prodotti intiżi għall-agrikoltura u għall-industrija.

12

Is-servizzi koperti kienu jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti:

klassi 35: “Reklamar”;

klassi 39: “Trasport; l-ippakkjar u l-ħażna ta’ oġġetti”;

klassi 40: “Trattament ta’ materjal; riċiklaġġ ta’ materjal tal-imballaġġ”;

klassi 42: “Rimi ta’ skart; ħolqien ta’ programmi tal-kompjuter għall-ipproċessar tad-data”.

13

Skont ir-regolamenti li jirregolaw l-użu annessi mal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, it-trade mark inkwistjoni nħolqot “sabiex tippermetti lill-konsumaturi u l-kummerċjanti jagħrfu l-imballaġġi li jagħmlu parti mis-[sistema ta’ riċiklaġġ ta’ DGP] u li għalihom ġiet stabbilita kontribuzzjoni għall-finanzjament tas-sistema, kif ukoll il-prodotti ppakkjati b’dan il-mod u jiddistingwuhom minn imballaġġi u prodotti oħra […]”.

14

It-trade mark inkwistjoni ġiet irreġistrata fid‑19 ta’ Lulju 1999. Sussegwentement, din ir-reġistrazzjoni ġiet imġedda.

15

Fit‑2 ta’ Novembru 2012, Halston Properties, kumpannija rregolata mid-dritt Slovakk, ressqet talba għar-revoka parzjali ta’ din it-trade mark abbażi tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, għar-raġuni li ma kienx sar użu ġenwin tal-imsemmija trade mark għall-prodotti li għalihom din kienet ġiet irreġistrata.

16

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Mejju 2015, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-EUIPO laqgħet parzjalment din it-talba. Hija ddikjarat li d-drittijiet mogħtija mit-trade mark inkwistjoni lil DGP, sa mit‑2 ta’ Novembru 2012, kienu rrevokati għall-prodotti kollha li għalihom din kienet ġiet reġistrata, bl-eċċezzjoni tal-prodotti li jikkonsistu f’imballaġġi.

17

Fit‑8 ta’ Lulju 2015, DGP appellat minn din id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

18

Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad dan l-appell.

19

Dan il-Bord tal-Appell qies li DGP ma kinitx ipproduċiet il-prova li t-trade mark inkwistjoni kienet użata b’mod konformi mal-funzjoni essenzjali tagħha, jiġifieri dik li tiggarantixxi l-identità tal-oriġini tal-prodotti li għalihom din ġiet irreġistrata. Il-konsumatur medju tal-Unjoni ma jipperċepixxix it-trade mark inkwistjoni bħala indikazzjoni tal-oriġini ta’ dawn il-prodotti, iżda jassoċja din it-trade mark ma’ aġir ekoloġiku tal-impriżi li jipparteċipaw fis-sistema ta’ riċiklaġġ ta’ DGP.

20

Anki jekk l-imballaġġ u l-prodott kienu jidhru bħala li jikkostitwixxu ħaġa sħiħa waqt il-bejgħ, l-imsemmi konsumatur jipperċepixxi din it-trade mark biss bħala indikazzjoni tal-fatt li l-imballaġġi tal-prodotti ta’ dawn l-impriżi jistgħu jinġabru u jiġu rkuprati skont din is-sistema. L-użu tal-imsemmija trade mark ma għandux l-għan li joħloq jew li jżomm suq għall-prodotti nfushom.

Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

21

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ April 2017, DGP talbet l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża u l-kundanna tal-EUIPO għall-ispejjeż.

22

Insostenn tar-rikors tagħha, DGP invokat motiv uniku, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 66 ta’ dan ir-regolament, filwaqt li sostniet li t-trade mark inkwistjoni kienet użata mhux biss għas-servizzi li għalihom din it-trade mark hija rreġistrata, iżda wkoll għall-prodotti koperti minn din ir-reġistrazzjoni.

23

DGP enfasizzat b’mod partikolari li din it-trade mark hija mwaħħla fuq imballaġġi li jifformaw, flimkien mal-prodott imballat, unità ta’ bejgħ waħda u li hija l-istess. L-utenti tal-imsemmija trade mark ma humiex fornituri ta’ imballaġġi, iżda produtturi jew distributuri ta’ prodotti. It-trade mark inkwistjoni tindika li dawn il-prodotti ġejjin minn impriżi li ntrabtu li l-imballaġġi jiġu ttrattati skont is-sistema ta’ DGP. Barra minn hekk, peress li din it-trade mark hija assoċjata, mill-pubbliku, ma’ aġir ekoloġiku tal-imsemmija produtturi u distributuri, din tindika “karatteristika intanġibbli” tal-prodotti.

24

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan ir-rikors.

25

L-ewwel nett, hija indikat il-kriterji li fir-rigward tagħhom kellu jiġi evalwat jekk kienx sar użu ġenwin tat-trade mark inkwistjoni

26

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 26 tas-sentenza appellata, li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li “isir użu ġenwin ta’ trade mark meta din tintuża, konformement mal-funzjoni essenzjali tagħha li hija li tiġi ggarantita l-identità tal-oriġini tal-prodotti u tas-servizzi li għalihom hija ġiet irreġistrata, sabiex toħloq jew iżżomm suq tal-bejgħ għal dawn il-prodotti u servizzi, bl-esklużjoni ta’ użu ta’ natura simbolika li l-uniku skop tiegħu huwa ż-żamma tad-drittijiet mogħtija mit-trade mark”, u li “bl-istess mod, il-funzjoni essenzjali ta’ trade mark kollettiva tal-Unjoni Ewropea hija li tiddistingwi l-prodotti jew is-servizzi tal-membri tal-assoċjazzjoni li hija l-proprjetarja tagħhom minn dawk ta’ impriżi oħrajn”

27

Fil-punti 27 sa 29 ta’ din is-sentenza, hija fakkret li l-eżami tan-natura ġenwina tal-użu tat-trade mark għandu jikkonsisti f’evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ ineżami, bħan-natura tal-prodotti jew tas-servizzi koperti mit-trade mark u l-użu meqjus bħala ġġustifikat fis-settur ekonomiku kkonċernat sabiex jinħolqu jew jinżammu partijiet tas-suq.

28

Sussegwentement, filwaqt li osservat, fil-punt 33 tas-sentenza appellata, li kien sar użu ġenwin tat-trade mark inkwistjoni inkwantu trade mark kollettiva f’diversi Stati Membri tal-Unjoni fuq imballaġġi ta’ prodotti, il-Qorti Ġenerali qieset, bħall-Bord tal-Appell, li l-użu ġenwin ta’ din it-trade mark fuq l-imballaġġi ma jimplikax il-prova ta’ użu ġenwin għall-prodotti.

29

Il-Qorti Ġenerali ppreċiżat, fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, li l-pubbliku rilevanti huwa, f’dan il-każ, prinċipalment magħmul mill-pubbliku ġenerali u, fil-punt 38 tal-imsemmija sentenza, hija ikkonstatat li dan il-pubbliku jidentifika t-trade mark inkwistjoni bħala li tindika li l-imballaġġi jistgħu jinġabru u jiġu rkuprati skont ċerta sistema.

30

Fil-punti segwenti tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li t-trade mark inkwistjoni ma tindikax, min-naħa l-oħra, l-oriġini tal-prodotti.

31

F’dan ir-rigward, fil-punt 41 tas-sentenza appellata hija indikat li, “huwa minnu li t-trade mark [inkwistjoni], konformement mal-funzjoni tagħha bħala trade mark kollettiva, tagħmel riferiment għall-fatt li l-produttur jew id-distributur tal-prodotti […] jagħmel parti mis-sistema ta’ ftehim ta’ liċenzjar ta[’DGP] u juri, konsegwentement, ċertu aġir ekoloġiku ta’ din l-impriża”. Dan premess, il-pubbliku rilevanti jista’ jiddistingwi bejn trade mark li tindika l-oriġini kummerċjali tal-prodott u trade mark li tindika l-irkupru tal-iskart mill-imballaġġ. Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li “l-prodotti nfishom huma regolarment identifikati permezz ta’ trade marks li jappartjenu għal kumpanniji differenti”.

32

Fil-punt 42 ta’ dik is-sentenza l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li “l-użu tat-trade mark [inkwistjoni] bħala trade mark kollettiva li tidentifika l-prodotti tal-membri tal-assoċjazzjoni billi tiddistingwihom mill-prodotti li ġejjin minn impriżi li ma jagħmlux parti minn din l-assoċjazzjoni ser jitqies mill-pubbliku rilevanti bħala użu li jirrigwarda l-ippakkjar. […] [L]-aġir ekoloġiku tal-impriża minħabba l-affiljazzjoni tagħha mas-sistema ta’ ftehim ta’ liċenzjar ta[’ DGP], ser tiġi attribwita mill-pubbliku rilevanti għall-possibbiltà tat-trattament ekoloġiku tal-ippakkjar u mhux għal tali trattament tal-prodott ippakkjat innifsu, li jista’ jirriżulta li huwa inadattat għal trattament ekoloġiku”.

33

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 44 u 45 tas-sentenza appellata, li l-użu tat-trade mark inkwistjoni lanqas ma kien intiż li joħloq jew li jżomm suq għall-prodotti. Din it-trade mark hija magħrufa biss mill-konsumatur bħala l-indikazzjoni li l-imballaġġ ser ikun, bis-saħħa tal-kontribuzzjoni tal-produttur jew tad-distributur tal-prodott, mormi u rkuprat jekk dan il-konsumatur jieħu dan l-imballaġġ f’punt ta’ ġbir lokali. Għaldaqstant, it-twaħħil tal-imsemmija trade mark fuq l-imballaġġ ta’ prodott jindika sempliċement il-fatt li l-produttur jew id-distributur ta’ dan il-prodott jaġixxi skont ir-rekwiżit preskritt mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, li abbażi tiegħu l-obbligu ta’ rkupru tal-iskart mill-imballaġġ jaqa’ fuq l-impriżi. Skont il-Qorti Ġenerali, fil-każ ftit probabbli fejn il-konsumatur jiddeċiedi li jixtri prodott abbażi biss tal-kwalità tal-imballaġġ, xorta jibqa’ l-fatt li din it- trade mark toħloq jew iżżomm suq mhux f’dak li jirrigwarda dan il-prodott, iżda biss f’dak li jirrigwarda l-imballaġġ tiegħu.

It-talbiet tal-partijiet

34

DGP titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tiddeċiedi b’mod definittiv billi tilqa’ t-talbiet imressqa fl-ewwel istanza jew, sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, u

tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

35

L-EUIPO jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell, u

tikkundanna lill-DGP għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

36

Insostenn tal-appell tagħha, DGP tinvoka, essenzjalment, aggravju uniku, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 66 ta’ dan ir-regolament.

L-argumenti tal-partijiet

37

Skont DGP, il-Qorti Ġenerali interpretat ħażin l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “użu ġenwin”, fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009, hekk kif tirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u naqset milli tieħu debitament inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi tat-trade marks kollettivi tal-Unjoni Ewropea, stabbiliti fl-Artikolu 66 ta’ dan ir-regolament. Is-sentenza appellata hija, għaldaqstant, ivvizzjata bi żbalji ta’ liġi.

38

DGP tosserva, b’mod partikolari, li l-Qorti Ġenerali qieset bħala irrilevanti l-fatt, minkejja li ġie kkonstatat fil-punti 41 u 42 tas-sentenza appellata, li l-użu tat-trade mark inkwistjoni jindika lill-pubbliku rilevanti li l-prodotti li fuq l-imballaġġi tagħhom din it-trade mark hija mwaħħla joriġinaw kollha minn impriżi li kienu affiljati mas-sistema ta’ DGP u li dan l-użu jindika aġir ekoloġiku komuni ta’ dawn l-impriżi

39

Peress li eskludiet tali elementi, li huma relatati mal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti li għalihom it-trade mark inkwistjoni hija rreġistrata, mill-evalwazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ “użu ġenwin” ta’ din it-trade mark, il-Qorti Ġenerali naqset milli tibbaża din l-evalwazzjoni fuq il-funzjoni essenzjali tat-trade marks kollettivi tal-Unjoni Ewropea. Dan l-iżball ta’ liġi sussegwentement wassalha sabiex tqis li l-użu tat-trade mark inkwistjoni ma kienx jirrigwarda l-prodotti li għalihom din kienet ġiet irreġistrata, iżda kien irriżervat għall-imballaġġi tagħhom, minkejja li kien paċifiku li l-utenti tat-trade mark inkwistjoni jikkummerċjalizzaw prodotti u ma humiex produtturi jew distributuri ta’ materjal tal-imballaġġ.

40

Skont DGP, fid-dritt tat-trade marks, il-prodotti u l-ippakkjar tagħhom għandhom, meta dawn jifformaw ħaġa sħiħa u huma mibjugħa bħala unità waħda u li hija l-istess, jiġu evalwati flimkien. L-evalwazzjoni li wettqet il-Qorti Ġenerali hija bbażata fuq approċċ kuntrarju, li wassalha, fil-punti 44 u 45 tas-sentenza, tqis mingħajr applikazzjoni tal-kriterji ta’ evalwazzjoni rilevanti li l-użu tat-trade mark kollettiva inkwistjoni ma jridx jilħaq l-għan li jinħoloq jew li jinżamm suq għall-prodotti tal-membri tal-assoċjazzjoni li hija l-proprjetarja ta’ din it-trade mark.

41

L-iżbalji mwettqa mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata fir-rigward tal-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ użu ġenwin huma iktar enfasizzati mir-raġuni, li tinsab fil-punt 41 ta’ dik is-sentenza, li l-prodotti koperti “huma regolarment identifikati permezz ta’ trade marks li jappartjenu għal kumpanniji differenti”. F’dan ir-rigward, DGP tosserva li huwa komuni li trade mark kollettiva tintuża għal prodotti ta’ impriżi differenti u li huwa evidenti li dawn iwaħħlu trade marks individwali fuq il-prodotti tagħhom jew fuq l-ippakkjar ta’ dawn il-prodotti. Issa, dan l-użu simultanju tat-trade mark kollettiva u ta’ trade marks individwali bl-ebda mod ma jikkostitwixxi indizju ta’ assenza ta’ użu ġenwin tat-trade mark kollettiva.

42

L-EUIPO jqis li l-aggravju uniku, sa fejn ma huwiex inammissibbli, huwa fi kwalunkwe każ infondat.

43

Sabiex ikun jista’ jiġi kkonstatat li sar “użu ġenwin” ta’ trade mark kollettiva għall-prodotti li għalihom din hija rreġistrata, huwa neċessarju li din it-trade mark tintuża “bħala” trade mark kollettiva għal dawn il-prodotti.

44

Minn dan isegwi li ma huwiex biżżejjed li t-trade mark inkwistjoni kienet intużat f’relazzjoni kwalunkwe mal-prodotti li għalihom din hija rreġistrata. Skont l-EUIPO, għall-kuntrarju, għandu jkun hemm rabta oġġettiva u suffiċjentement konkreta bejn it-trade mark kollettiva u l-prodotti kkonċernati. Fl-assenza ta’ tali rabta, għandu jiġi konkluż li t-trade mark kollettiva ma tintużax b’mod konformi mal-funzjoni essenzjali tagħha, li hija dik li tiddistingwi l-prodotti jew is-servizzi tal-membri tal-assoċjazzjoni li hija l-proprjetarja tagħha minn dawk ta’ impriżi oħra.

45

F’dan il-każ, tali rabta ma teżistix. L-appartenenza ta’ produtturi u ta’ distributuri għas-sistema ta’ DGP tirrigwarda biss l-imballaġġi, jiġifieri l-ippakkjar tal-prodotti, u mhux il-prodotti nnifishom. Il-fatt li l-prodott u l-ippakkjar tiegħu jikkostitwixxu unità ta’ bejgħ ma jbiddel xejn.

46

Għaldaqstant kien b’mod korrett li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-użu tat-trade mark inkwistjoni jagħti lill-pubbliku rilevanti indikazzjonijiet dwar l-imballaġġ u mhux dwar il-prodott imballat.

47

L-argument ta’ DGP dwar użu simultanju ta’ trade marks individwali u kollettivi huwa irrilevanti. F’dan ir-rigward, l-EUIPO josserva li, indipendentement mill-eżistenza ta’ tali ċirkustanza, l-użu ġenwin tat-trade mark kollettiva għall-prodotti li għalihom din hija rreġistrata għandu jiġi stabbilit.

48

L-EUIPO jaqbel ukoll mal-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-punt dwar jekk l-użu tat-trade mark inkwistjoni setax kien intiż li joħloq jew li jżomm suq għall-prodotti li għalihom it-trade mark inkwistjoni hija rreġistrata. F’dan ir-rigward, huwa josserva li r-rekwiżit relatat mal-għan li jinħoloq jew li jinżamm suq għall-prodotti japplika kemm għat-trade marks kollettivi kif ukoll għat-trade marks individwali. F’dan il-każ, it-twaħħil tat-trade mark inkwistjoni fuq l-ippakkjar tal-prodotti jista’ jkun rilevanti fid-deċiżjoni ta’ xiri tal-konsumatur biss minħabba l-imballaġġ. Dan juri li l-użu ta’ din it-trade mark ma huwiex intiż li joħloq jew li jżomm suq għall-prodotti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

49

Fl-assenza ta’ dispożizzjoni kuntrarja prevista fl-Artikoli 67 sa 74 tar-Regolament Nru 207/2009, l-Artikoli 15 u 51 ta’ dan ir-regolament jagħmlu, bis-saħħa tal-Artikolu 66(3) tal-imsemmi regolament, parti mid-dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar li japplikaw għat-trade marks kollettivi tal-Unjoni Ewropea.

50

Għaldaqstant, skont l-imsemmija Artikoli 15 u 51, id-drittijiet mogħtija minn tali trade mark lill-proprjetarju tagħha għandhom jiġu ddikjarati bħala rrevokati meta, matul perijodu kontinwu ta’ ħames snin u fl-assenza ta’ raġuni ġġustifikata għal nuqqas ta’ użu, ma jkunx sar użu ġenwin tat-trade mark fl-Unjoni fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom hija rreġistrata. Jekk din ir-raġuni ta’ revoka tkun teżisti biss għal parti mill-imsemmija prodotti jew servizzi, ir-revoka għandha tiġi ddikjarata għall-prodotti jew għas-servizzi kkonċernati.

51

Għalkemm il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar l-użu ta’ trade mark huma ta’ natura fattwali u għalhekk, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tal-fatti, ma jistgħux jiġu kkontestati fil-kuntest ta’ appell, aggravju bbażat fuq ksur tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009 huwa madankollu ammissibbli meta dan jirrigwarda l-kriterji li fir-rigward tagħhom il-Qorti Ġenerali għandha tevalwa l-eżistenza ta’ użu ġenwin fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ottubru 2017, EUIPO vs Cactus, C‑501/15 P, EU:C:2017:750, punt 64). Dan huwa l-każ hawnhekk, peress li l-aggravju uniku jirrigwarda l-kriterji li fir-rigward tagħhom għandha tiġi evalwata l-eżistenza ta’ użu ġenwin, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, ta’ trade mark kollettiva tal-Unjoni Ewropea, fid-dawl tal-karatteristiċi ta’ din it-tip ta’ trade mark.

52

Fuq il-mertu, għandu jitfakkar li, hekk kif enfasizzat il-Qorti Ġenerali fil-punt 26 tas-sentenza appellata, il-funzjoni essenzjali ta’ trade mark kollettiva tal-Unjoni Ewropea hija li tiddistingwi l-prodotti jew is-servizzi tal-membri tal-assoċjazzjoni li hija proprjetarja tagħha minn dawk ta’ impriżi oħra (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, The Tea Board vs EUIPO, C‑673/15 P sa C‑676/15 P, EU:C:2017:702, punt 63).

53

Għalhekk, bid-differenza ta’ trade mark individwali, trade mark kollettiva ma għandhiex il-funzjoni li tindika lill-konsumatur liema hija “l-identità ta’ oriġini” tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom din hija rreġistrata, peress li din il-funzjoni, li hija intiża li tiggarantixxi lill-konsumatur li l-prodotti jew is-servizzi kkonċernati ġew immanifatturati jew ipprovduti taħt il-kontroll ta’ impriża unika li lilha tista’ tiġi attribwita r-responsabbiltà għall-kwalità tagħhom, hija speċifika għat-trade marks individwali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2017, W. F. Gözze Frottierweberei u Gözze, C‑689/15, EU:C:2017:434, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 66 tar-Regolament Nru 207/2009 bl-ebda mod ma jeżiġi li l-manifatturi, il-produtturi, il-fornituri jew in-negozjanti li jaffiljaw ruħhom mal-assoċjazzjoni li hija l-proprjetarja ta’ trade mark kollettiva tal-Unjoni Ewropea jagħmlu parti mill-istess grupp ta’ kumpanniji li jimmanifattura jew jipprovdi prodotti jew servizzi taħt kontroll uniku. Dan ir-regolament ma jipprekludix li l-membri ta’ tali assoċjazzjoni jkunu kompetituri li kull wieħed minnhom juża’ t-trade mark kollettiva li tindika l-affiljazzjoni tiegħu mal-imsemmija assoċjazzjoni, minn naħa, u trade mark individwali li tindika l-identità ta’ oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi tiegħu, min-naħa l-oħra.

55

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, imfakkra fil-punt 26 tas-sentenza appellata, jirriżulta wkoll li trade mark tkun is-suġġett ta’ użu ġenwin meta din tintuża, b’konformità mal-funzjoni essenzjali tagħha, sabiex toħloq jew iżżomm suq għall-prodotti u għas-servizzi li għalihom din hija rreġistrata (ara, b’mod partikolari, fir-rigward tat-trade marks individwali, is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2003, Ansul, C‑40/01, EU:C:2003:145, punt 43, u tat‑3 ta’ Lulju 2019, Viridis Pharmaceutical vs EUIPO, C‑668/17 P, EU:C:2019:557, punt 38).

56

Din il-ġurisprudenza tapplika, mutatis mutandis, għat-trade marks kollettivi tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, dawn it-trade marks, bħat-trade marks individwali, huma parti mill-kummerċ. L-użu tagħhom għandu għalhekk, sabiex ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala “ġenwin”, fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009, jaqa’ effettivament taħt l-għan tal-impriżi kkonċernati li joħolqu jew li jżommu suq għall-prodotti u għas-servizzi tagħhom.

57

Minn dan isegwi li trade mark kollettiva tal-Unjoni Ewropea tkun is-suġġett ta’ użu ġenwin meta din tintuża b’mod konformi mal-funzjoni essenzjali tagħha, li hija li tiddistingwi l-prodotti jew is-servizzi tal-membri tal-assoċjazzjoni li hija l-proprjetarja tagħha minn dawk ta’ impriżi oħra, sabiex jinħoloq jew jinżamm suq għal dawn il-prodotti u għal dawn is-servizzi.

58

B’mod iktar partikolari, isir użu ta’ tali trade mark b’mod konformi mal-funzjoni essenzjali tagħha mill-mument li din tippermetti lill-konsumatur jifhem li l-prodotti jew is-servizzi koperti ġejjin minn impriżi li huma affiljati mal-assoċjazzjoni, proprjetarja tat-trade mark, u jiddistingwi b’dan il-mod dawn il-prodotti jew servizzi minn dawk li ġejjin minn impriżi li ma humiex affiljati magħha.

59

Issa, fil-punt 41 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali aċċettat li t-trade mark inkwistjoni, konformement mal-funzjoni tagħha bħala trade mark kollettiva, tirreferi għall-fatt li l-produttur jew id-distributur tal-prodotti kontenzjużi jagħmel parti mis-sistema ta’ ftehim ta’ liċenzjar tal-appellanti.

60

Minn dan isegwi li tali trade mark kollettiva hija użata b’mod konformi mal-funzjoni essenzjali tagħha, mingħajr ma tali konklużjoni tista’ tiġi kkontestata, fid-dawl ta’ dak li ġie indikat fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, permezz tal-affermazzjoni, li tinsab fil-punt 41 tas-sentenza appellata, li l-pubbliku rilevanti jista’ perfettament jiddistingwi bejn trade mark li tindika l-oriġini kummerċjali tal-prodott u trade mark li tindika l-irkupru tal-iskart mill-imballaġġ tal-prodott innifsu.

61

Il-Qorti Ġenerali ċertament irrilevat ukoll, fil-punt 44 tas-sentenza appellata, li l-appellanti ma rnexxiliex tipprova li l-użu tat-trade mark inkwistjoni kien intiż li joħloq jew li jżomm suq għall-prodotti kontenzjużi, b’tali mod li ma setax jeżisti użu ġenwin tagħha fir-rigward ta’ dawn il-prodotti.

62

Madankollu, sabiex jiġi ddeterminat jekk dan ir-rekwiżit kienx issodisfatt, kien hemm lok, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jiġi eżaminat jekk it-trade mark inkwistjoni hijiex effettivament użata “fis-suq” tal-prodotti jew tas-servizzi koperti. Dan l-eżami kellu jitwettaq billi jiġu evalwati, b’mod partikolari, l-użi kkunsidrati bħala ġġustifikati fis-settur ekonomiku kkonċernat sabiex jinżammu jew jinħolqu partijiet tas-suq favur prodotti jew servizzi protetti mit-trade mark, in-natura ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi, il-karatteristiċi tas-suq, kif ukoll il-portata u l-frekwenza tal-użu tat-trade mark (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑11 ta’ Marzu 2003, Ansul, C‑40/01, EU:C:2003:145, punti 3743, kif ukoll tat‑3 ta’ Lulju 2019, Viridis Pharmaceutical vs EUIPO, C‑668/17 P, EU:C:2019:557, punti 3941).

63

Issa, għalkemm il-Qorti Ġenerali effettivament semmiet dawn il-kriterji fil-punt 27 tas-sentenza appellata, għandu madankollu jiġi kkonstatat li, sussegwentement, hija naqset milli tapplikahom għall-każ inkwistjoni.

64

Hekk kif jirriżulta mill-punti 3 u 41 tas-sentenza appellata, kien paċifiku quddiem il-Qorti Ġenerali li t-trade mark inkwistjoni ġiet irreġistrata għal prodotti differenti ħafna, li jaqgħu taħt firxa wiesgħa ta’ kategoriji ta’ prodotti tal-klassijiet 1 sa 34, fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, u li l-prodotti hekk koperti huma imballati waqt it-tqegħid għall-bejgħ tagħhom. Kien ukoll paċifiku li dawn l-imballaġġi jsiru, wara li l-konsumatur ikun neħħa l-imballaġġ jew uża l-prodott, skart.

65

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 41 u 42 ta’ dik is-sentenza, li l-użu tat-trade mark inkwistjoni huwa effettivament ipperċepit mill-pubbliku rilevanti bħala li jindika l-fatt li l-manifatturi u d-distributuri tal-prodotti koperti affiljaw ruħhom mas-sistema komuni ta’ trattament ekoloġiku stabbilita minn DGP, u li din is-sistema tippermetti lill-konsumatur, fil-każ ta’ xiri ta’ dawn il-prodotti, jieħu l-iskart mill-imballaġġ f’punt ta’ ġbir lokali għall-finijiet tar-rimi u tal-irkupru tiegħu. Il-Qorti Ġenerali qieset ukoll, fil-punt 44 tal-imsemmija sentenza, li billi jaġixxu b’dan il-mod, l-imsemmija manifatturi u distributuri jikkonformaw ruħhom mal-obbligu, impost fuqhom bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, li jikkontribwixxu għall-irkupru tal-iskart mill-imballaġġ ta’ prodotti.

66

Filwaqt li għaldaqstant ikkonstatat li l-impriżi affiljati mas-sistema ta’ DGP jindikaw b’mod effettiv, permezz tat-twaħħil tat-trade mark inkwistjoni fuq l-ippakkjar tal-prodotti tagħhom, is-sistema ta’ ġbir u ta’ rkupru tal-iskart mill-imballaġġ li huma jipparteċipaw fiha fil-kwalità tagħhom ta’ manifatturi u ta’ distributuri, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 44 u 45 tas-sentenza appellata, li ma kienx stabbilit li l-użu tat-trade mark inkwistjoni kien effettivament jaqa’ taħt l-għan ta’ dawn l-impriżi li joħolqu jew li jżommu suq għall-prodotti tagħhom.

67

Skont il-kriterji ta’ evalwazzjoni stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 62 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kellha, qabel ma tasal għal din il-konklużjoni u tiddeċiedi għaldaqstant favur ir-revoka tad-drittijiet tal-proprjetarju fuq it-trade mark inkwistjoni għal kważi l-prodotti kollha li għaldhom din hija rreġistrata, teżamina jekk l-użu debitament ipprovat f’dan il-każ, jiġifieri t-twaħħil tat-trade mark inkwistjoni fuq l-ippakkjar tal-prodotti tal-impriżi affiljati mas-sistema ta’ DGP, huwiex meqjus, fis-setturi ekonomiċi kkonċernati, bħala ġġustifikat sabiex jinżammu jew jinħolqu partijiet tas-suq favur prodotti.

68

Tali eżami, li kellu jirrigwarda wkoll in-natura tal-prodotti kkonċernati u l-karatteristiċi tas-swieq li fihom dawn huma mibjugħa, huwa nieqes fis-sentenza appellata. Il-Qorti Ġenerali ċertament ikkonstatat li l-konsumatur jifhem li s-sistema ta’ DGP tirrigwarda l-ġbir lokali u l-irkupru tal-imballaġġi tal-prodotti u mhux il-ġbir jew l-irkupru tal-prodotti nnifishom, iżda ma eżaminatx debitament jekk l-indikazzjoni lill-konsumatur, waqt il-bejgħ tal-prodotti, tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ tali sistema ta’ ġbir lokali u ta’ rimi ekoloġiku tal-iskart mill-imballaġġ, tidhirx, fis-setturi ekonomiċi kkonċernati jew f’xi wħud minnhom, iġġustifikata sabiex jinżammu jew jinħolqu partijiet tas-suq favur prodotti.

69

Għalkemm ma setax, f’dan ir-rigward, ikun mistenni li l-Qorti Ġenerali twettaq dan l-eżami separatament għal kull waħda mid-deskrizzjonijiet iddettaljati tal-prodotti inklużi fl-att ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni, kien madankollu importanti, minħabba d-diversità tal-prodotti kkonċernati minn tali trade mark, li jsir eżami li jiddistingwi kategoriji differenti ta’ prodotti skont in-natura tagħhom u l-karatteristiċi tas-swieq, u li jevalwa, għal kull waħda minn dawn il-kategoriji ta’ prodotti, jekk l-użu tat-trade mark inkwistjoni riedx jilħaq effettivament l-għan li jinżammu jew li jinħolqu partijiet tas-suq.

70

F’dan ir-rigward, xi wħud mis-setturi ekonomiċi kkonċernati jirrigwardaw prodotti ta’ konsum regolari, bħal ikel, xorb, prodotti tal-iġjene personali u prodotti tat-tindif, li jistgħu jiġġeneraw kuljum skart mill-imballaġġ li l-konsumatur għandu jeħles minnu. Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li l-indikazzjoni mill-manifattur jew mid-distributur, fuq l-imballaġġ tal-prodotti ta’ dan it-tip, tal-affiljazzjoni ma’ sistema ta’ ġbir lokali u ta’ trattament ekoloġiku tal-iskart mill-imballaġġ tista’ tinfluwenza d-deċiżjonijiet ta’ xiri tal-konsumaturi u, b’hekk, tikkontribwixxi għaż-żamma jew għall-ħolqien ta’ partijiet tas-suq relatati ma’ dawn il-prodotti.

71

Issa, fil-punt 45 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha tafferma, b’mod ġenerali u għall-prodotti kontenzjużi kollha, li, anki jekk l-għażla tal-konsumatur kienet influwenzata mill-kwalità tal-imballaġġ tal-prodott ikkonċernat, it-trade mark inkwistjoni toħloq jew iżżomm suq fir-rigward tal-operaturi ekonomiċi l-oħra biss f’dak li jirrigwarda l-imballaġġ u mhux il-prodott ikkonċernat. Tali raġunament ma huwiex ibbażat fuq il-kriterji mfakkra fil-punt 62 ta’ din is-sentenza u jwassal, barra minn hekk, sabiex jitqies, b’mod kontradittorju, li, anki fil-każ fejn l-użu tat-trade mark inkwistjoni jikkontribwixxi għax-xiri tal-prodotti li fuq l-ippakkjar tagħhom titwaħħal din it-trade mark, dan l-użu għandu jitqies bħala li ma għandux rabta maż-żamma jew mal-ħolqien ta’ suq għal dawn il-prodotti.

72

Għandu jiġi rrilevat ukoll li n-neċessità, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura ġenwina tal-użu ta’ trade mark, ta’ eżami li jieħu debitament inkunsiderazzjoni n-natura tal-prodotti jew tas-servizzi koperti kif ukoll il-karatteristiċi tas-swieq rispettivi tagħhom u li jiddistingwi, konsegwentement, diversi tipi ta’ prodotti jew ta’ servizzi meta dawn tal-aħħar ikunu differenti ħafna, tirrifletti b’mod adegwat l-importanza tas-suġġett tal-imsemmija evalwazzjoni. Din tal-aħħar tiddetermina, fil-fatt, jekk id-drittijiet li proprjetarju ta’ trade mark għandu fuqha humiex irrevokati u, jekk iva, għal liema prodotti jew servizzi din ir-revoka hija ddikjarata.

73

F’dan l-aħħar rigward, huwa ċertament importanti li tiġi żgurata l-osservanza tar-rekwiżit ta’ użu li effettivament irid jilħaq l-għan li jinħoloq jew li jinżamm suq għall-prodotti u għas-servizzi li għalihom hija rreġistrata t-trade mark, sabiex il-proprjetarju tagħha ma jibqax indebitament protett għal prodotti jew servizzi li l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom ma hijiex verament promossa minn din it-trade mark. Madankollu, huwa importanti wkoll li l-proprjetarji tat-trade marks u, fil-każ ta’ trade mark kollettiva, il-membri tagħhom ikunu jistgħu, b’mod debitament protett, jużaw is-sinjal tagħhom fil-kummerċ.

74

Peress li naqset milli twettaq l-eżami msemmi fil-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 62 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “użu ġenwin”, fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009.

75

Konsegwentement, l-aggravju uniku huwa fondat u s-sentenza appellata għandha tiġi annullata.

Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

76

Mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li, meta l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

77

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi neċessarji sabiex tiddeċiedi definittivament il-motiv uniku tar-rikors fl-ewwel istanza.

78

Mid-deċiżjoni kontenzjuża, li l-kontenut tagħha huwa indikat fil-punti 19 u 20 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li l-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO bbaża ruħu fuq raġunijiet li jikkorrispondu, essenzjalment, għal dawk li jinsabu fis-sentenza appellata. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali essenzjalment irriproduċiet ir-raġunament ta’ dan il-Bord tal-Appell. Hekk kif jirriżulta mill-punt 74 ta’ din is-sentenza, dan ir-raġunament huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi inkwantu jinterpreta ħażin il-portata tal-kunċett ta’ “użu ġenwin”, fis-sens tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 207/2009.

79

Għaldaqstant, id-deċiżjoni kontenzjuża għandha tiġi annullata.

Fuq l-ispejjeż

80

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

81

Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

82

Peress li DGP talbet li l-EUIPO jiġi kkundannat għall-ispejjeż u peress li dan tal-aħħar tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, l-ispejjeż sostnuti minn DGP kemm fil-kuntest ta’ dan l-appell kif ukoll f’dak tal-proċedura tal-ewwel istanza.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑12 ta’ Settembru 2018, Der Grüne Punkt vs EUIPO – Halston Properties (Rappreżentazzjoni ta’ ċirku b’żewġ vleġeġ) (T‑253/17, EU:T:2018:909), hija annullata.

 

2)

Id-deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tal‑20 ta’ Frar 2017 (Każ R 1357/2015–5), hija annullata.

 

3)

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti minn Der Grüne Punkt - Duales System Deutschland GmbH kemm fil-kuntest ta’ dan l-appell kif ukoll f’dak tal-proċedura tal-ewwel istanza.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.