SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

5 ta’ Marzu 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti – Koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikoli 3 u 11 – Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae – Benefiċċji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament – Klassifikazzjoni – Benefiċċju tal-mard – Benefiċċju tal-invalidità – Benefiċċju tal-qgħad – Persuna li ma baqgħetx affiljata mas-sigurtà soċjali ta’ Stat Membru wara li tkun temmet hemmhekk l-attività professjonali tagħha u tkun ittrasferiet ir-residenza tagħha fi Stat Membru ieħor – Talba intiża sabiex tibbenefika minn allowance għar-riabilitazzjoni fl-Istat Membru ta’ residenza u ta’ impjieg – Rifjut – Determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli”

Fil-Kawża C‑135/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Diċembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ Frar 2019, fil-proċedura

Pensionsversicherungsanstalt

vs

CW,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn L. S. Rossi, President tal-Awla, F. Biltgen (Relatur) u N. Wahl, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Pensionsversicherungsanstalt, minn J. Milchram, A. Ehm u T. Mödlagl, Rechtsanwälte,

għal CW, minn A. Pfeiffer, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Awstrijak, minn J. Schmoll, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Van Hoof u B.– R. Killmann, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 465/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 (ĠU 2012, L 149, p. 4) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 883/2004”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Pensionsversicherungsanstalt (l-Uffiċċju tal-Pensjonijiet, l-Awstrija) u CW dwar l-għoti ta’ allowance għar-riabilitazzjoni.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Oqsma koperti” jipprevedi, fil-pararagfu 1 tiegħu:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-fergħat li ġejjin tas-sigurtà soċjali:

a)

benefiċċji marbutin mal-mard;

[…]

ċ)

benefiċċji marbutin ma’ l-invalidità;

[…]

h)

benefiċċji mogħtija lil persuni li ma jkunux impjegati [li huma qiegħda];

[…]”

4

L-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament, li jistabbilixxi r-regoli ġenerali għad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli, jipprevedi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

“1.   Il-persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss. Din il-leġislazzjoni għandha tkun determinata skont dan it-Titolu.

2.   Għall-għanijiet ta’ dan it-Titolu, persuni li qegħdin jirċievu benefiċċji fi flus minħabba jew bħala konsegwenza ta’ l-attività tagħhom bħala persuni impjegati jew bħala persuni impjegati għal rashom, għandhom jitqiesu bħallikieku qegħdin iwettqu din l-attività. Dan ma japplikax għal pensjonijiet marbuta ma’ l-invalidità, pensjonijiet ta’ l-età, pensjonijiet tas-superstiti jew għal pensjonijiet marbutin ma inċidenti fuq il-post tax-xogħol jew ma’ mard marbut max-xogħol jew għal benefiċċji fi flus marbutin ma’ mard li jkopru trattament għal perjodu mhux determinat.

3.   Bla ħsara għall-Artikolu 12 sa 16:

a)

persuna li twettaq attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha fi Stat Membru għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat Membru;

b)

persuna impjegata maċ-ċivil għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li għalih hija suġġetta l-amministrazzjoni li timpjegah jew li timpjegaha;

ċ)

persuna li tirċievi benefiċċji minħabba li ma taħdimx skond l-Artikolu 65 taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru fejn għandha r-residenza tagħha, għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat Membru;

d)

persuna msejħa jew imsejħa mill-ġdid biex isservi fil-forzi armati jew biex tagħmel servizz maċ-ċivil fi Stat Membru, għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat Membru;

e)

kull persuna oħra li għaliha ma japplikawx is-subparagrafi (a) sa (d) għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru fejn għandha r-residenza tagħha: dan iżda mingħajr ħsara għal disposizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament li jiggarantixxu benefiċċji taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ Stati Membri oħra.”

Id-dritt Awstrijak

5

L-Allgemeines Sozialversicherungsgesetz (il-Kodiċi Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali, BGBl. 189/1955), fil-verżjoni tiegħu ta’ qabel id-dħul fis-seħħ, fl‑1 ta’ Jannar 2014, tas-Sozialrechts-Änderungsgesetz 2012 (il-Liġi tal-2012 li Temenda Ċerti Dispożizzjonijiet tad-Dritt Soċjali, BGBl. I, 3/2013), kien jipprevedi li l-pensjoni ta’ invalidità setgħet ukoll tingħata, għal żmien determinat, lill-affiljati mwielda wara l‑31 ta’ Diċembru 1963, li jisabu f’sitwazzjoni ta’ invalidità temporanja.

6

Il-Kodiċi Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mil-liġi tal-2012 li Temenda Ċerti Dispożizzjonijiet tad-Dritt Soċjali (iktar ’il quddiem l-“ASVG”), issa jirriżerva l-benefiċċju tal-pensjoni ta’ invalidità biss għall-persuni li ma għandhomx iktar l-intenzjoni li jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol minħabba, prinċipalment, in-natura permanenti tal-invalidità tagħhom, u jipprevedi fil-każ ta’ invalidità temporanja, il-ħlas ta’ allowance għar-riabilitazzjoni u allowance għall-konverżjoni.

7

L-allowance għar-riabilitazzjoni titħallas mill-korp ta’ assigurazzjoni għall-mard kompetenti matul ir-riabilitazzjoni medika.

8

Konformement mal-punt 1(d) tal-Artikolu 8(1) tal-ASVG, il-benefiċjarji tal-allowance għar-riabilitazzjoni huma biss parzjalment affiljati mas-sistema legali tas-sigurtà soċjali, jiġifieri biss mal-assigurazzjoni għall-mard.

9

L-Artikolu 143a tal-ASVG, dwar l-allowance għar-riabilitazzjoni, jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“(1)   Il-persuni li, fuq talba tagħhom, kisbu deċiżjoni li tikkonstata li huma [għandhom sitwazzjoni ta’ invalidità temporanja għal tul prevedibbli ta’ mill-inqas sitt xhur u li ma jistgħux jibbenefikaw la minn miżuri ta’ riabilitazzjoni professjonali u lanqas minn persjoni tal-irtirar] għandhom dritt għal allowance għar-riabilitazzjoni sa mid-data ta’ riferiment […] għat-tul tal-invalidità tagħhom (inkapaċità għax-xogħol) temporanja. Il-persistenza tal-invalidità (inkapaċità għax-xogħol) temporanja għandha tiġi vverifikata mill-korp tal-assigurazzjoni tal-mard kull darba li jkun neċessarju u, fi kwalunkwe każ, mill-inqas sena wara l-għoti tal-allowance għar-riabilitazzjoni jew tal-aħħar perizja fil-kuntest tal-ġestjoni tal-fajl, billi jsir rikors għall-Kompetenzzentrum Begutachtung (id-Dipartiment Ċentrali ta’ Perizja tal-Kompetenzi) […] Il-konstatazzjoni tad-dritt li wieħed jirċievi l-allowance għar-riabilitazzjoni kif ukoll is-sospensjoni tiegħu huma s-suġġett ta’ deċiżjoni tal-korp ta’ assigurazzjoni tal-pensjoni.

(2)   L-allowance għar-riabilitazzjoni hija dovuta sal-ammont tal-allowance għall-mard […], u, mit-tlieta u erbgħin jum, sal-ammont tal-allowance għall-mard addizzjonali […], li kien dovut skont l-aħħar attività professjonali li tiġġustifika affiljazzjoni mas-sistema legali tal-assigurazzjoni tal-mard […]”

10

L-Artikolu 143 tal-ASVG, dwar il-ġestjoni tal-fajls, jipprevedi:

“Il-korpi ta’ assigurazzjoni għall-mard għandhom jagħtu lill-persuni affiljati mas-sistema legali ta’ assigurazzjoni msemmija fil-punt 1(d) tal-Artikolu 8(1) sostenn sħiħ, sabiex jiġi żgurat, għat-tranżizzjoni bejn trattament mediku u r-riabilitazzjoni sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid il-kapaċità tax-xogħol, proċess ta’ trattament b’mod konformi mal-istat tax-xjenza medika, u sabiex ikun jista’ jsir żvolġiment bl-aħjar mod possibbli tal-istadji neċessarji tal-kopertura. F’dan il-kuntest, matul it-trattament mediku u r-riabilitazzjoni għall-finijiet tal-istabbiliment mill-ġdid tal-kapaċità tax-xogħol, il-persuna affiljata għandha tiġi sostnuta u akkumpanjata fil-kuntest tal-koordinazzjoni tal-miżuri li għandhom jittieħdu għall-istabbiliment, wara li jiġu identifikati l-ħtiġijiet, ta’ pjan individwali ta’ kopertura, u permezz tal-implimentazzjoni tiegħu mid-diversi fornituri. Fil-kuntest tal-ġestjoni tal-fajls, għandu jiġi żgurat li l-affiljati jissottomettu ruħhom regolarment għal perizji mad-Dipartiment Ċentralizzat ta’ Perizja tal-Kompetenzi […]. Għal dan il-għan, il-korpi ta’ assigurazzjoni għall-mard għandhom jiftiehmu fi żmien xieraq mad-dipartiment tal-impjieg u mal-Uffiċċju tal-Pensjonijiet kompetenti. L-Uffiċċju tal-Pensjonijiet jista’ jitlob l-istabbiliment ta’ perizja mid-Dipartiment Ċentralizzat tal-Perizja ta’ Kompetenzi fil-kuntest tas-sistema ta’ ġestjoni tal-fajls.”

11

Skont l-Artikolu 255 tal-ASVG, id-dritt għal assigurat li jirċievi allowance għar-riabilitazzjoni huwa suġġett b’mod partikolari għall-kundizzjoni li jkollu invalidità temporanja ta’ tul prevedibbli ta’ sitt xhur minimu.

Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

Il-konvenuta fil-kawża prinċipali, li twieldet matul l-1965, hija ta’ nazzjonalità Awstrijaka.

13

Wara li rrisjediet u ħadmet fl-Awstrija, matul l-1990 il-persuna kkonċernata ċċaqalqet ir-residenza tagħha għall-Ġermanja fejn ilha tirrisjedi minn dak iż-żmien u fejn hija eżerċitat attività professjonali sal-2013. Hija akkwistat fl-Awstrija u fil-Ġermanja, rispettivament, 59 xahr u 235 xahar ta’ assigurazzjoni.

14

Fit‑18 ta’ Ġunju 2015, peress li ma baqgħetx iktar affiljata mas-sistema legali tas-sigurtà soċjali Awstrijaka minn meta ċċaqaqlet għall-Ġermanja, il-konvenuta fil-kawża prinċipali ressqet talba quddiem l-Uffiċċju tal-Pensjonijiet intiża għall-għoti ta’ pensjoni ta’ invalidità jew, fin-nuqqas ta’ dan, ta’ miżuri ta’ riabilitazzjoni medika u ta’ allowance għar-riabilitazzjoni jew, fin-nuqqas ta’ dan, ta’ miżuri ta’ riadattament professjonali.

15

L-Uffiċċju tal-Pensjonijiet ċaħad it-talba għar-raġuni li l-konvenuta fil-kawża prinċipali ma kinitx f’sitwazzjoni ta’ invalidità u li, fi kwalunkwe każ, hija ma kinitx taqa’ taħt is-sistema legali tas-sigurtà soċjali Awstrijaka u ma kinitx uriet rabta ta’ prossimità suffiċjenti mal-imsemmija sistema.

16

Il-konvenuta fil-kawża prinċipali ppreżentat rikors kontra dan ir-rifjut quddiem il-Landesgericht Salzburg als Arbeits- und Sozialgericht (il-Qorti Reġjonali ta’ Salzburg, bħala Qorti tad-Dritt Industrijali u tad-Dritt tas-Sigurtà Soċjali, l-Awstrija).

17

Permezz ta’ sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2017, din il-qorti rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ invalidità temporanja tal-konvenuta fil-kawża prinċipali għal perijodu stmat ta’ sitt xhur, minn tal-inqas, mit‑18 ta’ Ġunju 2015 u qieset li hija kellha tibbenefika, min-naħa tas-sigurtà soċjali Awstrijaka, minn miżuri ta’ riabilitazzjoni medika u minn allowance għar-riabilitazzjoni għat-tul tal-invalidità temporanja tagħha. L-imsemmija qorti, min-naħa l-oħra, ċaħdet l-imsemmi rikors fir-rigward tat-talba għall-għoti ta’ pensjoni ta’ invalidità u ta’ miżuri ta’ riadattament professjonali.

18

Permezz ta’ sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2018, l-Oberlandesgericht Linz als Berufungsgericht in Arbeits- und Sozialrechtssachen (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Linz, bħala Qorti tal-Appell fil-Qasam tad-Dritt Industrijali u tad-Dritt Soċjali, l-Awstrija) ċaħdet l-appell ippreżentat mill-Uffiċċju tal-Pensjonijiet kontra din is-sentenza.

19

L-Uffiċċju tal-Pensjonijiet mar quddiem l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija) b’appell għal Reviżjoni sabiex it-talba tal-konvenuta fil-kawża prinċipali tiġi miċħuda kollha fl-intier tagħha.

20

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-konvenuta fil-kawża prinċipali ssostni li hija fi stat ta’ inkapaċità għax-xogħol u għandha relazzjoni ta’ prossimità mal-Awstrija sa fejn hija għandha n-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru, kisbet hemmhekk perijodi ta’ assigurazzjoni, tgħix qrib l-Awstrija u għandha kuntatti regolari ma’ membri tal-familja tagħha li jgħixu hemm.

21

Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li, konformement mal-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex issir distinzjoni bejn it-tipi differenti ta’ benefiċċji previsti mir-Regolament Nru 883/2004, l-allowance għar-riabilitazzjoni tikkostitwixxi pjuttost benefiċċju tal-mard, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tal-imsemmi regolament.

22

Fil-fatt, minbarra li jkopri r-riskju ta’ inkapaċità temporanja, u mhux ta’ inkapaċità permanenti jew fit-tul, dan il-benefiċċju huwa marbut mill-qrib ma’ miżuri ta’ riabilitazzjoni medika orjentati lejn l-irkupru tal-kapaċitajiet u għandu l-għan li jikkumpensa t-telf ta’ dħul matul il-perijodu li fih il-persuna kkonċernata għandha tissuġġetta ruħha għal miżuri ta’ riabilitazzjoni medika. Fl-aħħar nett, il-metodu ta’ kalkolu ta’ dan il-benefiċċju huwa bbażat fuq dak tal-allowance tal-mard.

23

B’hekk, għall-qorti tar-rinviju, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis li l-allowance għar-riabilitazzjoni tikkostitwixxi effettivament benefiċċju tal-mard, il-konvenuta fil-kawża prinċipali, li tirrisjedi fil-Ġermanja, ma taqax taħt il-leġiżlazzjoni Awstrijaka, iżda taħt il-leġiżlazzjoni Ġermaniża. Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004, huwa l-Istat Membru ta’ residenza li huwa kompetenti f’dak li jirrigwarda l-benefiċċji tal-mard.

24

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-allowance għal riabilitazzjoni għandha ċerti karatteristiċi li jistgħu jqabbluh ma’ benefiċċju tal-invalidità. B’hekk, l-għoti ta’ din l-allowance ikun suġġett għall-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet lis-sistema legali tal-assigurazzjoni (mard u pensjoni) u jippreżupponi l-iskadenza ta’ ċertu perijodu ta’ stennija. Barra minn hekk, hija tista’ tintalab biss permezz tat-tressiq ta’ talba għal pensjoni ta’ invalidità quddiem il-korp ta’ assigurazzjoni tal-pensjoni.

25

Il-qorti tar-rinviju żżid madankollu li l-allowance għar-riabilitazzjoni hija distinta minn pensjoni jew minn allowance ta’ dipendenza minħabba l-għan tagħha kif ukoll il-mod kif hija kkonċepita. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li bid-differenza ta’ benefiċċji tal-mard, benefiċċji li għandhom risjku ta’ dipendenza ma humiex, bħala regola ġenerali, intiżi li jitħallsu għal żmien qasir (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2011, da Silva Martins, C‑388/09, EU:C:2011:439, punti 48 u 77 sa 79). Issa, l-allowance għar-riabilitazzjoni ma hijiex intiża għat-tul u l-miżuri ta’ riabilitazzjoni medika huma intiżi sabiex jippermettu lill-persuna kkonċernata tidħol mill-ġdid fis-suq tax-xogħol nazzjonali fil-futur prevedibbli u sabiex b’hekk tiġi evitata inkapaċità għax-xogħol fit-tul.

26

Il-qorti tar-rinviju tqis, barra minn hekk, li jekk, fid-dawl tal-għan tiegħu, l-allowance għar-riabilitazzjoni tista’, prima facie, titqabbel ma’ benefiċċju tal-qgħad fis-sens tal-Artikolu 3(1)(h) tar-Regolament Nru 883/2004 (sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 1987, Campana, 375/85, EU:C:1987:253), tali klassifikazzjoni għandha, fir-realtà, tiġi eskluża peress li ma teżistix rabta bejn id-dritt għall-allowance għar-riabilitazzjoni u l-qgħad jew ir-riskju tal-qgħad.

27

Il-qorti tar-rinviju żżid li, għalkemm ma hemmx, a priori, benefiċċju li jixbah l-allowance għar-riabilitazzjoni Awstrijaka fil-Ġermanja, din iċ-ċirkustanza ma hijiex tali li tirrestrinġi l-moviment liberu f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament [Nru 883/2004], l-allowance Awstrijaka għar-riabilitazzjoni għandha titqies

bħala benefiċċju marbut mal-mard skont l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament, jew

bħala benefiċċju marbut mal-invalidità skont l-Artikolu 3(1)(ċ) tar-Regolament, jew

bħala benefiċċju tal-qgħad skont l-Artikolu 3(1)(h) tar-Regolament?

2)

Fid-dawl tad-dritt primarju, ir-Regolament [Nru 883/2004] għandu jiġi interpretat fis-sens li, bħala l-Istat ta’ residenza preċedenti u l-Istat ta’ impjieg preċedenti, Stat Membru huwa obbligat iħallas benefiċċji bħall-allowance Awstrijaka għar-riabilitazzjoni lil persuna li hija residenti fi Stat Membru ieħor jekk dik il-persuna tkun ikkompletat il-parti l-kbira tal-perijodi ta’ assigurazzjoni marbuta mal-fergħat tal-mard u tal-pensjoni bħala impjegat fl-Istat Membru l-ieħor (wara t-trasferiment ta’ residenza lejn dak il-pajjiż snin qabel) u li minn dakinhar ma rċeviet l-ebda benefiċċju mill-iskema ta’ assigurazzjoni għall-mard u għall-pensjoni tal-Istat preċedenti ta’ residenza u ta’ impjieg?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

29

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk benefiċċju bħall-allowance għar-riabilitazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxix benefiċċju tal-mard, benefiċċju tal-invalidità jew benefiċċju tal-qgħad, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a), (ċ) u (h) tar-Regolament Nru 883/2004.

30

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-benefiċċji ta’ sigurtà soċjali għandhom jiġu kkunsidrati, indipendentement mill-karatteristiċi speċifiċi fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali differenti, bħala jkunu tal-istess natura meta s-suġġett u l-iskop tagħhom, kif ukoll il-bażi li fuqu jiġu kkalkulati u l-kundizzjonijiet sabiex jingħataw, ikunu identiċi. Min-naħa l-oħra, karatteristiċi li huma purament formali ma għandhomx jitqiesu li huma elementi kostituttivi għall-klassifikazzjoni tal-benefiċċji (sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2018, Czerwiński, C‑517/16, EU:C:2018:350, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

Meta jkun hemm lok li ssir distinzjoni bejn il-kategoriji differenti ta’ benefiċċji ta’ sigurtà soċjali, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni r-riskju kopert minn kull benefiċċju (sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2018, Czerwiński, C‑517/16, EU:C:2018:350, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

B’hekk, benefiċċju tal-mard, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tal-imsemmi regolament, huwa ddestinat, bħala regola ġenerali, li jkopri r-riskju marbut ma’ stat patoloġiku li jinvolvi sospensjoni temporanja tal-attivitajiet tal-persuna kkonċernata (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2011, Stewart, C‑503/09, EU:C:2011:500, punt 37).

33

Min-naħa l-oħra, benefiċċju tal-invalidità, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(ċ) tar-regolament imsemmi, huwa intiż, bħala regola ġenerali, sabiex ikopri r-riskju ta’ inkapaċità ta’ livell stabbilit, meta jkun probabbli li din l-inkapaċità tkun permanenti jew fit-tul (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2011, Stewart, C‑503/09, EU:C:2011:500, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Benefiċċju tal-qgħad ikopri, min-naħa tiegħu, ir-riskju marbut mat-telf ta’ dħul subit mill-ħaddiem wara li jkun tilef l-impjieg tiegħu, għalkemm ikun għadu kapaċi jaħdem. Benefiċċju mogħti wara li jseħħ dan ir-riskju, jiġifieri t-telf tal-impjieg, u li ma jkunx iktar dovut minħabba t-tmiem ta’ din is-sitwazzjoni, minħabba l-eżerċizzju ta’ attività bi ħlas mill-persuna kkonċernata, għandu jitqies li jikkostitwixxi benefiċċju tal-qgħad (sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2013, Hliddal u Bornand, C‑216/12 u C‑217/12, EU:C:2013:568, punt 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk benefiċċju bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandux jitqies bħala benefiċċju tal-mard, benefiċċju tal-invalidità jew benefiċċju tal-qgħad, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a), (ċ) u (h) tar-Regolament Nru 883/2004.

36

L-ewwel nett, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-allowance għar-riabilitazzjoni hija dovuta indipendentement mill-fatt jekk il-persuna kkonċernata teżerċitax jew le attività professjonali, b’tali mod li dan il-benefiċċju ma jistax jiġi kklassifikat bħala benefiċċju tal-qgħad, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(h) ta’ dan ir-regolament.

37

Fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-allowance għar-riabilitazzjoni bħala benefiċċju tal-invalidità jew benefiċċju tal-mard, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 255b tal-ASVG, l-allowance għar-riabilitazzjoni titħallas f’każ ta’ invalidità ta’ tul prevedibbli ta’ sitt xhur u meta l-persuna kkonċernata ma tissodisfax il-kundizzjonijiet sabiex tibbenefika minn pensjoni tal-irtirar.

38

Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 143(1) tal-ASVG, il-persistenza tal-invalidità temporanja hija kkontrollata b’mod regolari u, fil-każ fejn jiġi kkonstatat li l-invalidità spiċċat, il-benefiċċju tal-allowance għar-riabilitazzjoni huwa sospiż jew jintemm.

39

Minn dan isegwi li benefiċċju bħall-allowance għar-riabilitazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu l-għan li jkopri r-riskju ta’ inkapaċità temporanja u għandu, għaldaqstant, jitqies bħala benefiċċju tal-mard, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tal-imsemmi regolament.

40

Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-fatt li, skont l-Artikolu 143(1) u (2) u l-Artikolu 143 tal-ASVG, l-allowance għar-riabilitazzjoni titħallas mill-korp ta’ assigurazzjoni għall-mard u li l-ammont tagħha huwa bbażat fuq dak tal-allowance għall-mard.

41

Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li benefiċċju bħall-allowance għar-riabilitazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi benefiċċju tal-mard, skont l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 883/2004.

Fuq it-tieni domanda

42

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament Nru 883/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha persuna li ma baqgħetx affiljata mas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru ta’ oriġini tagħha wara li tkun waqqfet l-attività professjonali tagħha hemmhekk u tkun ittrasferixxiet ir-residenza tagħha fi Stat Membru ieħor, fejn hija ħadmet u akkwistat il-parti l-kbira tal-perijodi ta’ assigurazzjoni tagħha, tiġi rrifjutata mill-organu kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini tagħha l-allowance għar-riabilitazzjoni inkwistjoni.

43

Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li filwaqt li hija l-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru li tiddetermina l-kundizzjonijiet għall-eżistenza tad-dritt ta’ affiljazzjoni f’sistema ta’ sigurtà soċjali, l-Istati Membri għandhom madankollu, meta jistabbilixxu tali kundizzjonijiet, jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fis-seħħ. B’mod partikolari, ir-regoli dwar il-kunflitt previsti mir-Regolament Nru 883/2004 jimponu ruħhom b’mod imperattiv fuq l-Istati Membri u dawn tal-aħħar għaldaqstant ma għandhomx il-possibbiltà li jiddeterminaw sa liema punt il-leġiżlazzjoni tagħhom stess jew dik ta’ Stat Membru ieħor hija applikabbli (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Inspecteur van de Belastingdienst, C‑631/17, EU:C:2019:381, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Konsegwentement, il-kundizzjonijiet tal-eżistenza tad-dritt li wieħed jaffilja ruħu ma’ sistema ta’ sigurtà soċjali ma jistax ikollhom l-effett li jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni l-persuni li, skont ir-Regolament Nru 883/2004, din il-leġiżlazzjoni tapplika għalihom (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Inspecteur van de Belastingdienst, C‑631/17, EU:C:2019:381, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 883/2004, il-persuni li għalihom japplika dan ir-regolament huma suġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss, peress li din il-leġiżlazzjoni hija ddeterminata konformement mat-Titolu II tal-imsemmi regolament.

46

Id-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 883/2004, li jagħmlu parti minnhom l-Artikoli 11 sa 16 tiegħu, jikkostitwixxu sistema kompleta u uniformi ta’ regoli ta’ kunflitt ta’ liġi li għandhom l-għan mhux biss li jevitaw l-applikazzjoni simultanja ta’ diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali u l-kumplikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw minnu, iżda wkoll li jipprekludu li l-persuni li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament jiġu mċaħħda mill-protezzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni li tkun applikabbli għalihom (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Inspecteur van de Belastingdienst, C‑631/17, EU:C:2019:381, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 883/2004, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għan ta’ dik id-dispożizzjoni huwa li tiddetermina, suġġett għall-Artikoli 12 sa 16 ta’ dak ir-regolament, il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-persuni li jinsabu f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punti (a) sa (e) ta’ dan l-Artikolu 11(3) (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Inspecteur van de Belastingdienst, C‑631/17, EU:C:2019:381, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Fir-rigward tas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-konvenuta fil-kawża prinċipali, li hija ta’ nazzjonalità Awstrijaka, tirrisjedi fil-Ġermanja, fejn ilha ma teżerċita iktar attività professjonali sa mill-2013.

49

Issa, persuna bħall-konvenuta fil-kawża prinċipali ma taqax a priori la taħt ir-regoli speċjali previsti fl-Artikoli 12 sa 16 tar-Regolament Nru 883/2004, dwar il-persuni li huma s-suġġett ta’ kollokament, li jeżerċitaw attività f’żewġ Stati Membri jew iktar, li għażlu assigurazzjoni volontarja jew fakultattiva kontinwata jew li huma membri tal-persunal bil-kuntratt tal-istituzzjonijiet Ewropej, u lanqas ma taqa’ taħt is-sitwazzjonijiet previsti fl-Artikolu 11(3)(a) sa (d) ta’ dan ir-regolament, li jikkonċernaw il-persuni li jeżerċitaw attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha fi Stat Membru, l-uffiċjali, il-persuni li jibbenefikaw minn benefiċċji tal-qgħad u l-persuni li huma msejħa jew imsejħa mill-ġdid li jagħtu servizz fil-forzi aramti jew sabiex iwettqu servizz ċivili fi Stat Membru, li hija madankollu l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan.

50

Għaldaqstant, il-konvenuta fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ aplikazzjoni tal-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004, li tapplika għall-persuni kollha minbarra dawk koperti mill-Artikolu 11(3)(a) sa (d) ta’ dan ir-regolament, li fosthom jinsabu, b’mod partikolari, il-persuni ekonomikament mhux attivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Inspecteur van de Belastingdienst, C‑631/17, EU:C:2019:381, punti 35 u 40).

51

Issa, skont l-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004, il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija dik tal-Istat Membru ta’ residenza tal-persuna kkonċernata, jiġifieri, f’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża.

52

Fid-dawl tar-regola ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni soċjali stabbilita fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 883/2004, imfakkra fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, u ta’ dik, li tinsab fl-Artikolu 11(3)(e) ta’ dan ir-regolament, li tgħid li persuna li ma teżerċitax attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha hija suġġetta biss għal-leġiżlazzjoni soċjali tal-Istat Membru ta’ residenza tagħha (sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2019, Zyla, C‑272/17, EU:C:2019:49, punt 41), persuna li tinsab f’sitwazzjoni fejn, bħal fil-kawża prinċipali, wara li ma tkun għada affiljata mas-sigurtà soċjali fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħha wara li tkun temmet l-attività professjonali tagħha u wara li ċaqalqet ir-residenza tagħha fi Stat Membru ieħor, ma taqax ikar fis-sistema ta’ sigurtà soċjali tal-Istat ta’ orġini tagħha.

53

B’hekk, f’dan il-każ, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punti 43, 44 u 46 ta’ din is-sentenza, il-korp kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini tal-konvenuta fil-kawża prinċipali, jiġifieri r-Repubblika tal-Awstrija, ma jistax jiġi kkritikat li rrifjuta lil din ta l-aħħar il-benefiċċju tal-mard bħall-allowance għar-riabilitazzjoni. Fil-fatt, dan ir-rifjut ma kellux il-konsegwenza li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni persuna li għaliha din il-leġiżlazzjoni tkun applikabbli skont ir-Regolament Nru 883/2004 u, għaldaqstant, li ċċaħħadha mill-protezzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni li tkun applikabbli għaliha.

54

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-Regolament Nru 883/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix sitwazzjoni li fiha persuna li ma baqgħetx affiljata mas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru ta’ oriġini tagħha wara li tkun temmet l-attività professjonali tagħha u tkun ittrasferixxiet ir-residenza tagħha fi Stat Membru ieħor, fejn hija ħadmet u akkwistat il-parti l-kbira tal-perijodi ta’ assigurazzjoni tagħha, tiġi rrifjutata mill-organu kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini tagħha l-għoti ta’ benefiċċji bħall-allowance għar-ribailitazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, meta din il-persuna taqa’ mhux taħt il-leġiżlazzjoni tal-imsemmi Stat ta’ oriġini, iżda taħt dik tal-Istat Membru fejn tinsab ir-residenza tagħha.

Fuq l-ispejjeż

55

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Benefiċċju bħall-allowance għar-riabilitazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi benefiċċju tal-mard, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 465/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012.

 

2)

Ir-Regolament Nru 883/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix sitwazzjoni li fiha persuna li ma baqgħetx affiljata mas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru ta’ oriġini tagħha wara li tkun temmet l-attività professjonali tagħha u tkun ittrasferixxiet ir-residenza tagħha fi Stat Membru ieħor, fejn hija ħadmet u akkwistat il-parti l-kbira tal-perijodi ta’ assigurazzjoni tagħha, tiġi rrifjutata mill-organu kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini tagħha l-benefiċċju ta’ allowance għar-ribailitazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, meta din il-persuna taqa’ mhux taħt il-leġiżlazzjoni tal-imsemmi Stat ta’ oriġini, iżda taħt dik tal-Istat Membru fejn tinsab ir-residenza tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.