Kawża C‑130/19

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri

vs

Karel Pinxten

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Qorti Plenarja) tat-30 ta’ Settembru 2021

“Artikolu 286(6) TFUE – Ksur tal-obbligi li jirriżultaw mill-kariga ta’ Membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri – Tneħħija tad-dritt għall-pensjoni – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Regolarità tal-investigazzjoni tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) – Proċedura interna għall-Qorti tal-Awdituri – Attività inkompatibbli mal-funzjonijiet ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri – Spejjeż tal-missjoni u allowances ta’ kuljum – Spejjeż ta’ rappreżentanza u ta’ ospitalità – Użu tal-karozza uffiċjali – Użu tas-servizz ta’ xufier – Kunflitt ta’ interessi – Proporzjonalità tas-sanzjoni”

  1. Il-Qorti tal-Awdituri – Obbligi tal-Membri – Ksur – Fatti eżaminati fil-kuntest ta’ proċedura kriminali – Klassifikazzjoni legali tal-imsemmija fatti mwettqa mil-qorti nazzjonali li ma torbotx lill-qorti tal-Unjoni

    (Artikolu 286(6) TFUE)

    (ara l-punti 86 sa 88)

  2. Il-Qorti tal-Awdituri – Obbligi tal-Membri – Ksur – Proċedura – Assenza ta’ dritt għal azzjoni legali kontra d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Deċiżjoni mogħtija fl-ewwel u l-aħħar istanza – Ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Assenza

    (Artikolu 286(6) TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47)

    (ara l-punti 122 sa 124)

  3. Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) – Investigazzjonijiet – Dritt għal smigħ tal-persuna kkonċernata – Portata

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 883/2013, Artikolu 9(4))

    (ara l-punti 168 sa 170)

  4. Il-Qorti tal-Awdituri – Obbligi tal-Membri – Ksur – Proċedura – Terminu għall-preżentata tal-kawża mil-Qorti tal-Awdituri – Terminu raġonevoli – Evalwazzjoni każ b’każ

    (Artikolu 286(6) TFUE

    (ara l-punti 219, 220 u 230)

  5. Il-Qorti tal-Awdituri – Obbligi tal-Membri – Obbligi li jirriżultaw mill-kariga tagħhom – Kunċett – Obbligi ddefiniti fid-dritt primarju u speċifikati fir-regoli interni adottati mill-istituzzjoni kkonċernata – Ksur – Nuqqas ta’ ċertu livell ta’ gravità – Portata

    (Artikoli 285 u 286(3), (4) u (6) TFUE)

    (ara l-punti 234 sa 245)

  6. Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Kundizzjonijiet – Assigurazzjonijiet preċiżi pprovduti mill-amministrazzjoni – Limiti

    (ara l-punti 365 sa 370, 372 sa 374)

  7. Il-Qorti tal-Awdituri – Obbligi tal-Membri – Obbligi li jirriżultaw mill-kariga tagħhom – Ksur – Eżerċizzju ta’ attività mhux iddikjarata li hija inkompatibbli mal-funzjonijiet ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri – Użu b’mod abbużiv tar-riżorsi ta’ dik l-istituzzjoni sabiex jiġu ffinanzjati attivitajiet mingħajr rabta mal-funzjonijiet ta’ Membru tal-imsemmija istituzzjoni – Ħolqien ta’ kunflitt ta’ interessi fil-kuntest ta’ relazzjoni mal-kap ta’ entità awditjata – Nuqqasijiet ta’ livell ta’ gravità notevoli

    (Artikolu 286(6) TFUE)

    (ara l-punt 880 u d-dispożittiv 4)

  8. Il-Qorti tal-Awdituri – Obbligu tal-Membri – Obbligi li jirriżultaw mill-kariga tagħhom – Ksur – Sanzjoni – Tneħħija tad-dritt għall-pensjoni – Elementi ta’ evalwazzjoni – Proporzjonalità

    (Artikolu 286(6) TFUE)

    (ara l-punti 881 sa 905, u d-dispożittiv 5)

Sunt

Il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li ex Membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri kiser l-obbligi li jirriżultaw mill-kariga tiegħu fi ħdan dik l-istituzzjoni. Qegħdin jitneħħewlu żewġ terzi mid-dritt għall-pensjoni tiegħu.

K. Pinxten kien Membru tal-Qorti tal-Awdituri bejn l-1 ta’ Marzu 2006 u t-30 ta’ April 2018, u wettaq żewġ mandati.

F’din il-kwalità, K. Pinxten ibbenefika b’mod partikolari mir-rimbors ta’ diversi spejjeż u minn karozza uffiċjali. Bejn is-sena 2006 u Marzu 2014, il-Qorti tal-Awdituri, barra minn hekk, assenjat xufier għad-dispożizzjoni ta’ K. Pinxten.

Il-Qorti tal-Awdituri indikat li, matul is-sena 2016, waslitilha informazzjoni dwar diversi irregolaritajiet gravi attribwiti lil K. Pinxten. Fit-18 ta’ Lulju 2016, K. Pinxten ġie informat bid-denunzja li kienet saret fil-konfront tiegħu.

Fl-14 ta’ Ottubru 2016, is-Segretarju Ġenerali tal-Qorti tal-Awdituri, li kien qiegħed jaġixxi fuq istruzzjonijiet mill-President ta’ dik l-istituzzjoni, bagħat fajl lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) dwar l-attivitajiet ta’ K. Pinxten li kienu wasslu għal nefqa possibbilment indebita min-naħa tal-baġit tal-Unjoni.

Fit-2 ta’ Lulju 2018, il-Qorti tal-Awdituri rċeviet ir-rapport finali tal-OLAF li bih ġiet konkluża l-investigazzjoni. Dan ir-rapport ikkonkluda, fir-rigward ta’ K. Pinxten, li kien hemm abbuż mir-riżorsi tal-Qorti tal-Awdituri fil-kuntest ta’ attivitajiet mingħajr rabta mal-funzjonijiet tiegħu, abbuż minn karti tal-fjuwil u mill-kuntratt ta’ assigurazzjoni tal-vetturi fuq il-karozza uffiċjali tiegħu, assenzi inġustifikati, nuqqas ta’ dikjarazzjoni ta’ attivitajiet esterni, it-trażmissjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali u l-eżistenza ta’ kunflitti ta’ interessi. Barra minn hekk, peress li qies li xi wħud mill-fatti żvelati mill-investigazzjoni setgħu jikkostitwixxu reati kriminali, l-OLAF bagħat l-informazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Lussemburgu.

Wara li bagħat lill-Qorti tal-Awdituri osservazzjonijiet bil-miktub, K. Pinxten instema’, fis-26 ta’ Novembru 2018, mill-Membri ta’ dik l-istituzzjoni fil-kuntest ta’ sessjoni in camera. Fid-29 ta’ Novembru 2018, matul laqgħa in camera, il-Qorti tal-Awdituri ddeċidiet li tressaq il-każ ta’ K. Pinxten quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 286(6) TFUE ( 1 ).

Fl-istess ħin, fid-dawl tal-informazzjoni mibgħuta mill-OLAF, il-procureur d’État près le tribunal d’arrondissement de Luxembourg (il-Prosekutur Pubbliku fi ħdan il-Qorti Distrettwali tal-Lussemburgu, il-Lussemburgu), b’ittra tal-1 ta’ Ottubru 2018, talab li l-Qorti tal-Awdituri tneħħi l-immunità minn proċeduri legali ta’ K. Pinxten. Dik l-istituzzjoni laqgħet din it-talba fil-15 ta’ Novembru 2018.

Permezz tar-rikors tagħha, ippreżentat fil-15 ta’ Frar 2019, il-Qorti tal-Awdituri talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li K. Pinxten ma kienx baqa’ jissodisfa l-obbligi li jirriżultaw mill-kariga tiegħu u, konsegwentement, timponi s-sanzjoni prevista fl-Artikolu 286(6) TFUE.

Bil-Qorti Plenarja bħala l-kulleġġ ġudikanti, li huwa l-iktar kulleġġ solenni tagħna, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, b’mod partikolari, li K. Pinxten kiser l-obbligi li jirriżultaw mill-kariga tiegħu ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri f’dak li jirrigwarda:

l-eżerċizzju mhux iddikjarat u illegali ta’ attività fi ħdan il-korp ta’ tmexxija ta’ partit politiku;

l-użu abbużiv tar-riżorsi tal-Qorti tal-Awdituri sabiex jiffinanzja attivitajiet mhux marbuta mal-funzjonijiet ta’ Membru ta’ dik l-istituzzjoni sa fejn indikat fis-sentenza;

l-użu ta’ karta tal-fjuwil għax-xiri ta’ fjuwil intiż li jintuża f’vetturi li jappartjenu lil terzi, u

il-ħolqien ta’ kunflitt ta’ interessi fil-kuntest ta’ relazzjoni mal-kap ta’ entità awditjata.

Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-ilmenti ppreżentati mill-Qorti tal-Awdituri f’dak li jirrigwarda:

l-eżerċizzju allegatament mhux iddikjarat u illegali ta’ attività ta’ amministratur ta’ soċjetà tad-dritt ċivili li tiġġestixxi proprjetà immobbli;

il-konservazzjoni u l-użu ta’ karta tal-fjuwil minn wild ta’ K. Pinxten meta dan il-wild ma kienx għadu membru tad-dar tiegħu;

allegazzjonijiet ta’ dikjarazzjonijiet foloz dwar inċident lill-assigurazzjoni fil-kuntest ta’ inċidenti li jinvolvu l-vettura uffiċjali u x-xufier assenjat lill-uffiċċju ta’ K. Pinxten.

Fid-dawl ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li K. Pinxten għandhom jitneħħewlu żewġ terzi mid-dritt għall-pensjoni tiegħu sa mid-data tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża, jiġifieri b’effett mit-30 ta’ Settembru 2021.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikors, il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad suċċessivament l-argumenti kollha ta’ K. Pinxten dwar, l-ewwel, l-inkompatibbiltà tal-proċedura mad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, it-tieni, l-irregolarità tal-investigazzjoni tal-OLAF, it-tielet, l-irregolarità tal-proċedura segwita fi ħdan il-Qorti tal-Awdituri sabiex tiġi awtorizzata l-preżentata tar-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u, ir-raba’, id-dewmien li bih dan ir-rikors ġie ppreżentat. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-imsemmi rikors huwa ammissibbli.

Fir-rigward tal-mertu tar-rikors, wara li fakkret in-natura tal-obbligi li jirriżultaw mill-kariga ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li l-kunċett ta’ “obbligi li joħorġu mill-kariga tagħhom”, fis-sens tal-Artikolu 286(6) TFUE, għandu jinftiehem b’mod wiesa’. Fid-dawl tar-responsabbiltajiet għolja fdati lilhom, il-Membri tal-Qorti tal-Awdituri għandhom josservaw l-iktar standards rigorużi fil-qasam tal-aġir u għandhom, f’kull mument, jagħtu preċedenza lill-interess ġenerali tal-Unjoni mhux biss fuq l-interessi nazzjonali iżda wkoll fuq l-interessi personali. F’din il-perspettiva, l-obbligi tal-Membri tal-Qorti tal-Awdituri stabbiliti fid-dritt primarju huma riprodotti u kkonkretizzati fir-regoli interni adottati minn dik l-istituzzjoni, li magħhom dawn il-Membri għandhom jikkonformaw ruħhom b’mod rigoruż.

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina l-provi kollha li ġew prodotti quddiemha, kemm mill-Qorti tal-Awdituri, li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tan-nuqqas li hija qiegħda tallega fil-konfront ta’ K. Pinxten, kif ukoll minn dan tal-aħħar. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha b’mod partikolari tevalwa l-eżattezza materjali u l-affidabbiltà ta’ dawn il-provi, sabiex tiddetermina jekk humiex suffiċjenti sabiex jiġi kkonstatat nuqqas ta’ ċertu livell ta’ gravità fis-sens tal-Artikolu 286(6) TFUE.

B’hekk, wara li eżaminat il-provi kollha prodotti mill-Qorti tal-Awdituri u minn K. Pinxten, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li, billi eżerċita attività mhux iddikjarata fi ħdan il-korp li jmexxi partit politiku, attività li hija inkompatibbli mal-funzjonijiet tiegħu ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri, billi uża b’mod abbużiv ir-riżorsi ta’ dik l-istituzzjoni sabiex jiffinanzja attivitajiet mingħajr rabta mal-funzjonijiet ta’ Membru ta’ din tal-aħħar ( 2 ) u billi aġixxa b’mod li jista’ joħloq kunflitt ta’ interessi ma’ entità awditjata, K. Pinxten huwa responsabbli għal nuqqasijiet ta’ livell ta’ gravità notevoli u għalhekk kiser l-obbligi li jirriżultaw mill-kariga tiegħu ta’ Membru tal-imsemmija istituzzjoni, fis-sens tal-Artikolu 286(6) TFUE.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-ksur ta’ dawn l-obbligi jitlob, bħala prinċipju, l-applikazzjoni ta’ sanzjoni skont din id-dispożizzjoni. Skont din id-dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ timponi sanzjoni li tikkonsisti fit-tneħħija mill-kariga jew fit-tneħħija tad-dritt għall-pensjoni tal-persuna kkonċernata jew ta’ benefiċċji oħra minflokha.

Fl-assenza ta’ preċiżazzjoni, fl-Artikolu 286(6) TFUE, dwar il-portata tat-tneħħija tad-dritt għall-pensjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ timponi t-tneħħija totali jew parzjali ta’ dan id-dritt. Din is-sanzjoni għandha, madankollu, tkun proporzjonata mal-gravità tal-ksur tal-obbligi li jirriżultaw mill-kariga ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li serje ta’ ċirkustanzi huma ta’ natura li jistabbilixxu li l-irregolaritajiet imputabbli lil K. Pinxten huma ta’ gravità ta’ livell partikolarment għoli. B’hekk, matul iż-żewġ mandati tiegħu ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri, K. Pinxten, l-ewwel nett, kiser b’mod deliberat u repetut ir-regoli applikabbli fi ħdan dik l-istituzzjoni, u b’hekk kiser b’mod sistematiku l-iktar obbligi fundamentali li jirriżultaw mill-kariga tiegħu. Sussegwentement, K. Pinxten ta’ spiss ipprova jaħbi dan il-ksur tal-imsemmija regoli. Barra minn hekk, l-irregolaritajiet imwettqa minn K. Pinxten kellhom, fil-parti l-kbira, l-effett li jikkontribwixxu għall-arrikkiment personali tiegħu. Barra minn hekk, l-aġir adottat minn K. Pinxten impona fuq il-Qorti tal-Awdituri dannu kunsiderevoli mhux biss fuq il-livell finanzjarju, iżda wkoll f’dak li jikkonċerna l-immaġni u r-reputazzjoni tagħha. Fl-aħħar nett, il-funzjoni speċifika li għandha l-Qorti tal-Awdituri, inkarigata li teżamina l-legalità u r-regolarità tal-infiq tal-Unjoni kif ukoll li tiżgura l-ġestjoni finanzjarja tajba ( 3 ), tkompli żżid il-gravità tal-irregolaritajiet imwettqa minn K. Pinxten.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tosserva li elementi oħra jistgħu jnaqqsu r-responsabbiltà ta’ K. Pinxten. Minn naħa, huwa kiseb id-dritt għall-pensjoni tiegħu abbażi tax-xogħol li huwa wettaq matul tnax-il sena ta’ servizz fi ħdan il-Qorti tal-Awdituri. Issa, il-kwalità ta’ dan ix-xogħol ma ġietx ikkontestata u K. Pinxten kien saħansitra elett mill-Membri l-oħra bħala dekan tal-Awla III tal-Qorti tal-Awdituri mis-sena 2011. Min-naħa l-oħra, għalkemm il-ksur imwettaq minn K. Pinxten fir-rigward tal-obbligi li jirriżultaw mill-kariga tiegħu jaqa’ qabel kollox taħt l-għażla personali li huwa ma setax ma jkunx jaf li kienet inkompatibbli mal-iktar obbligi fundamentali li jirriżultaw mill-kariga tiegħu, xorta jibqa’ l-fatt li t-twettiq ta’ dawn l-irregolaritajiet kien ġie aġevolat min-nuqqas ta’ preċiżjoni tar-regoli interni ta’ dik l-istituzzjoni u kien possibbli minħabba n-nuqqasijiet tal-kontrolli stabbiliti minnha.

Fid-dawl tal-elementi kollha eżaminati, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li tkun qiegħda ssir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ jekk jiġi deċiż li għandhom jitneħħew żewġ terzi tad-dritt għall-pensjoni ta’ K. Pinxten mid-data tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża.


( 1 ) L-Artikolu 286(6) TFUE jipprovdi: “Membru tal-Qorti ta’ l-Awdituri jista’ jitneħħa mill-kariga tiegħu jew jittneħħielu d-dritt tiegħu għall-pensjoni jew benefiċċji oħra minflokha biss jekk il-Qorti tal-Ġustizzja, fuq talba tal-Qorti ta’ l-Awdituri, ssib li m’għadux jissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa, jew li mhux qieħed jaqdi, l-obbligazzjonijiet tal-kariga tiegħu.”

( 2 ) Sensiela ta’ irregolaritajiet marbuta mal-ispejjeż tal-missjoni u mal-allowances ta’ kuljum, mal-ispejjeż ta’ rappreżentanza u ta’ ospitalità kif ukoll mal-użu tal-vettura uffiċjal u tas-servizz ta’ xufier.

( 3 ) Artikolu 287(2) TFUE.