SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

16 ta’ Lulju 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2004/80/KE – Artikolu 12(2) – Skemi nazzjonali ta’ kumpens għal vittmi ta’ kriminalità intenzjonali vjolenti li jiżguraw kumpens ġust u xieraq – Kamp ta’ applikazzjoni – Vittma residenti fit-territorju tal-Istat Membru li fih twettaq id-delitt intenzjonali vjolenti – Obbligu li din il-vittma taqa’ taħt l-iskema nazzjonali ta’ kumpens – Kunċett ta’ ‘kumpens ġust u xieraq’ – Responsabbiltà tal-Istati Membri fil-każ ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni”

Fil-Kawża C‑129/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Jannar 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ Frar 2019, fil-proċedura

Presidenza del Consiglio dei Ministri

vs

BV,

fil-preżenza ta’:

Procura della Repubblica di Torino,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, J.‑C. Bonichot, M. Vilaras (Relatur), E. Regan, M. Safjan, P. G. Xuereb, L. S. Rossi u I. Jarukaitis, Presidenti ta’ Awla, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, C. Toader, D. Šváby, C. Lycourgos u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑2 ta’ Marzu 2020,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal BV, minn V. Zeno‑Zencovich, U. Oliva, F. Bracciani u M. Bona, avvocati,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Palatiello, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn C. Ladenburger, E. Montaguti u M. Heller, sussegwentement minn C. Ladenburger, G. Gattinara, E. Montaguti u M. Heller, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑14 ta’ Mejju 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/80/KE tad‑29 ta’ April 2004 li għandha x’taqsam ma’ kupens għal vittmi ta’ delitti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 65).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Presidenza del Consiglio dei Ministri (l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, l-Italja) u BV, fir-rigward tal-kwistjoni ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali kkonstatata minn BV kontra r-Repubblika Taljana minħabba dannu allegatament ikkawżat lil BV minħabba l-ommissjoni tat-traspożizzjoni, fid-dritt Taljan, tad-Direttiva 2004/80.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 1 sa 3, 6 sa 8 u 10 tad-Direttiva 2004/80 jiddikjaraw:

“(1)

Wieħed mill-għanijiet tal-[Unjoni] Ewropea huwa li tabolixxi, bħal bejn l-Istati Membri, ostakli għaċ-ċaqliq liberu ta’ persuni u servizzi.

(2)

Il-Qorti tal-Ġustizzja żammet [fis-sentenza tat‑2 ta’ Frar 1989, Cowan (186/87, EU:C:1989:47)] li, fejn liġi [tal-Unjoni] tiggarantixxi għal persuna naturali l-liberta li tmur ġo Stat Membru ieħor, il-protezzjoni ta’ dik il-persuna mill-periklu fl-Istat Membru msemmi, fuq l-istess bażi bħal dik ta’ ċittadini nazzjonali u persuni li jgħixu hemm, hija corollary ta’ dik il-liberta ta’ ċaqliq. Miżuri sabiex jiġi faċilitat kumpens lil vittmi ta’ delitti għandhom jiffurmaw parti mir-rejalizzazzjoni ta’ dan l-għan.

(3)

Fil-laqgħa tiegħu f’Tampere [(il-Finlandja)] fil‑15 u s‑16 ta’ Ottubru 1999, il-Kunsill Ewropew sejjaħ għat-tfassil ta’ livelli stabbiliti minimi dwar il-protezzjoni ta’ vittmi ta’ delitti, b’mod partikolari fuq l-aċċess ta’ vittmi tad-delitti għall-ġustizza u d-drittijiet tagħhom għal kumpens għal ħsarat, inkluż spejjeż legali.

[…]

(6)

Vittmi tad-delitti fl-Unjoni Ewropea għandhom jiġu ntitolati għal kumpens bil-fier [ġust] u xieraq għall-ħsarat li jkunu soffrew, mingħajr ma jingħata każ ta’ fejn [fl-Unjoni] Ewropea jkun ġie kommess id-delitt.

(7)

Din id-Direttiva tfassal sistema ta’ koperazzjoni biex jiġi faċiliat aċċess għal kumpens ta’ vittmi ta’ delitti f’sitwazzjonijiet tal-qsim tal-fruntieri, li għandha topera fuq il-bażi ta’ skemi ta’ l-Istati Membri fuq kumpens ta’ vittmi ta’ delitti vjolenti u intenzjonali, kommessi fit-territorji rispettivi tagħhom. Għalhekk, mekkaniżmu ta’ kumpens għandu jkun fis-seħħ fl-Istati Membri kollha.

(8)

Il-biċċa ‘l kbira ta’ l-Istati Membri diġa stabbilixxew dawn l-iskemi ta’ kumpens, xi wħud minnhom fi twettieq ta’ l-obbligazzjonijiet tagħhom skond il-Konvenzjoni Ewropea […] dwar il-kumpens ta’ vittmi ta’ delitt[, iffirmata fi Strasbourg fl‑24 ta’ Novembru 1983].

[…]

(10)

Vittmi tad-delitti ħafna drabi ma jkunux jistgħu jiksbu kumpens minn min iwettaq id-delitt, minħabba li dak li jwettaq id-delitt jista’ ma jkollux il-meżżi meħtieġa biex jissodisfa ġudizzju fuq ħsarat jew minħabba li dak l-jwettaq id-delitt ma jkunx jista’ jiġi identifikat jew mixli.”

4

Id-Direttiva 2004/80 hija komposta minn tliet kapitoli. Il-Kapitolu I, intitolat “Aċċess għal kumpens f’sitwazzjonijiet ta’ qsim il-fruntieri”, jinkludi l-Artikoli 1 sa 11. Il-Kapitolu II, intitolat “Skemi nazzjonali dwar il-kumpens”, huwa kkostitwit mill-Artikolu 12. Il-Kapitolu III, intitolat “Disposizzjonijiet ta’ implimentazzjoni”, jinkludi l-Artikoli 13 sa 21.

5

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/80 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn delitt internazzjonali vjolenti jkun ġie kommess fi Stat Membru ieħor għajr l-Istat Membru fejn l-applikant għal kumpens ikun residenti abitwalment, l-applikant għandu jkollu d-dritt li jissottometti l-applikazzjoni lil awtorità jew kull korp ieħor fl-Istat Membru msemmi l-aħħar.”

6

Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, il-kumpens għandu jitħallas mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun twettaq id-delitt.

7

L-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.   Ir-regoli dwar aċċess għal kumpens f’sitwazzjonijiet ta’ qsim il-fruntiera mfassla minn din id-Direttiva għandhom joperaw fuq il-bażi ta’ skemi ta’ l-Istati Membri fuq kumpens għal vittmi ta’ delitti vjolenti internazzjonali [intenzjonali] kommessi fit-territorji rispettivi tagħhom.

2.   L-Istati Membri kollha għandhom jiżguraw li r-regoli nazzjonali tagħhom jipprovdu għall-eżistenza ta’ skema ta’ kumpens lil vittmi ta’ delitti vjolenti internazzjonali kommessi fit-territorji rispettivi tagħhom, li tiggarantixxi kumpens bil-fier [ġust] u xieraq għal vittmi.”

8

L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2004/80, intitolat “Implimentazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa’ l‑1 ta’ Jannar 2006 l-aktar tard, bl-eċċezzjoni ta’ l-Artikolu 12(2), li fil-każ tiegħu id-data ta’ konformita għandha tkun l‑1 ta’ Lulju 2005. Għandhom jgħarrfu bihom lill-Kummissjoni [Ewropea] fil-pront.”

Id-dritt Taljan

9

Il-legge n. 122 – Disposizioni per l’adempimento degli obblighi derivanti dall’appartenenza dell’Italia all’Unione europea – Legge europea 2015‑2016 (il-Liġi Nru 122 li Tistabbilixxi Dispożizzjonijiet għat-Twettiq tal-Obbligi li Jirriżultaw mis-Sħubija tal-Italja fl-Unjoni Ewropea – Dritt Ewropew 2015‑2016) tas‑7 ta’ Lulju 2016 (GURI Nru 158 tat‑8 ta’ Lulju 2016), li daħlet fis-seħħ fit‑23 ta’ Lulju 2016, ġiet adottata mir-Repubblika Taljana bl-għan, b’mod partikolari, li tikkonforma ruħha mal-obbligu tagħha li jirriżulta mill-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80.

10

L-Artikolu 11 ta’ din il-liġi, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 122”), jirrikonoxxi dritt għal kumpens mir-Repubblika Taljana lill-vittma ta’ delitt intenzjonali mwettaq bi vjolenza fuq il-persuna tagħha, inkluż aggressjoni sesswali, kif ukoll lill-aventi kawża ta’ din il-vittma, jekk hija tkun mietet bħala riżultat ta’ dan id-delitt. Dan il-kumpens huwa stabbilit skont l-iskala ddeterminata permezz ta’ digriet ministerjali, adottat skont l-Artikolu 11(3) tal-Liġi Nru 122, fil-limiti tal-baġit allokat lill-fond speċjali msemmi fl-Artikolu 14 ta’ din il-liġi u jekk ċerti kundizzjonijiet, previsti fl-Artikolu 12 tal-imsemmija liġi, jiġu ssodisfatti.

11

Dan id-dritt għal kumpens jibbenefika wkoll lil kull vittma ta’ delitt intenzjonali vjolenti mwettaq wara t‑30 ta’ Ġunju 2005 u qabel id-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 122. Talba għal kumpens minn tali vittma kellha titressaq, taħt piena ta’ dekadenza, sat‑30 ta’ Settembru 2019.

12

Adottat skont l-Artikolu 11(3) tal-Liġi Nru 122, id-decreto ministeriale – Determinazione degli importi dell’indennizzo alle vittime dei reati intenzionali violenti (id-Digriet Ministerjali li Jistabbilixxi l-Ammonti ta’ Kumpens li Għandhom Jitħallsu lill-Vittmi ta’ Delitti Vjolenti Intenzjonali) tal‑31 ta’ Awwissu 2017 (GURI Nru 237 tal‑10 ta’ Ottubru 2017), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet Ministerjali tal‑31 ta’ Awwissu 2017”), jiddetermina l-ammonti ta’ kumpens lill-vittmi ta’ delitti intenzjonali vjolenti skont l-iskala li ġejja:

“(a) fir-rigward tad-delitt ta’ qtil, fl-ammont fiss ta’ EUR 7200, u, fil-każ ta’ qtil imwettaq minn konjuġi, inkluż wieħed li huwa separat jew divorzjat, jew minn persuna li hija, jew kienet, marbuta emottivament mal-parti leża, fl-ammont fiss ta’ EUR 8200 esklużivament għal ulied il-vittma; (b) fir-rigward tad-delitt ta’ aggressjoni sesswali li sar riferiment għalih fl-Artikolu 609a tal-Kodiċi Kriminali, għajr fejn titqajjem iċ-ċirkustanza attenwanti ta’ inqas gravità fl-ammont fiss ta’ EUR 4800; (c) fir-rigward tad-delitti oħrajn minbarra dawk li sar riferiment għalihom fis-subparagrafi (a) u (b), sa massimu ta’ EUR 3000 bħala rimbors tal-ispejjeż ta’ kura medika.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13

Fil-lejl ta’ bejn il‑15 u s‑16 ta’ Ottubru 2005, BV, ċittadina Taljana residenti l-Italja, kienet vittma ta’ aggressjonijiet sesswali mwettqa fit-territorju Taljan. L-awturi ta’ dawn l-aggressjonijiet ġew ikkundannati għal pieni ta’ priġunerija kif ukoll għall-ħlas, lil BV, tas-somma ta’ EUR 50000 bħala danni. Madankollu, peress li l-imsemmija awturi ħarbu, din l-aħħar somma ma setgħetx tiġi rkuprata.

14

Fix-xahar ta’ Frar 2009, BV ressqet kawża kontra l-Uffiċċju tal-Prim Ministru quddiem it-Tribunale di Torino (il-Qorti Distrettwali ta’ Torino, l-Italja) sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tar-Repubblika Taljana talli ma implimentatx b’mod korrett u sħiħ l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 2004/80, b’mod partikolari dak previst fl-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva.

15

Permezz ta’ sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2010, it-Tribunale di Torino (il-Qorti Distrettwali ta’ Torino) laqgħet it-talbiet ta’ BV u kkundannat lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru jħallasha s-somma ta’ EUR 90000, flimkien mal-interessi legali u l-ispejjeż legali.

16

L-Uffiċċju tal-Prim Ministru ppreżenta appell kontra dik is-sentenza quddiem il-Corte di appello di Torino (il-Qorti tal-Appell ta’ Torino, l-Italja). Din il-qorti, permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Jannar 2012, bidlet is-sentenza tat-Tribunale di Torino (il-Qorti Distrettwali ta’ Torino), billi naqqset l-ammont tal-kumpens għal EUR 50000, u kkonfermat il-kumplament ta’ dik is-sentenza.

17

L-Uffiċċju tal-Prim Ministru ppreżenta appell ta’ kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Fl-appell tiegħu, huwa b’mod partikolari sostna li d-Direttiva 2004/80 ma hijiex sors ta’ drittijiet li jistgħu jiġu invokati minn ċittadin tal-Unjoni kontra l-Istat Membru ta’ residenza tiegħu, peress li din tikkonċerna biss sitwazzjonijiet transkonfinali u hija intiża sabiex tiżgura l-aċċess tal-vittmi ta’ reat intenzjonali vjolenti mwettaq fit-territorju ta’ Stat Membru li ma huwiex dak tar-residenza tagħhom għall-proċeduri ta’ kumpens previsti fl-Istat Membru tat-twettiq tal-imsemmi reat.

18

Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tqis li, fis-sentenza tal‑11 ta’ Ottubru 2016, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑601/14, EU:C:2016:759, punti 4548 sa 50), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat il-ġurisprudenza preċedenti tagħha, li skontha d-Direttiva 2004/80 hija intiża sabiex tirregola biss is-sitwazzjonijiet transkonfinali, billi tiżgura li l-vittma ta’ delitt intenzjonali vjolenti mwettaq fi Stat Membru li ma huwiex dak tar-residenza abitwali tagħha tiġi kkumpensata mill-Istat Membru li fih twettaq id-delitt. Minn din il-ġurisprudenza, il-qorti tar-rinviju tiddeduċi li l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80 ma jistax jiġi invokat, b’mod immedjat u dirett, kontra l-Istat Taljan minn vittmi ta’ kriminalità intenzjonali vjolenti li jirrisjedu fl-Italja.

19

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li, skont il-prinċipji ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, kif stabbiliti fl-Artikolu 18 TFUE kif ukoll fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, huwa possibbli li jitqies li r-Repubblika Taljana ma setgħetx twettaq implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva 2004/80 billi tillimita l-applikazzjoni tal-iskema nazzjonali ta’ kumpens biss għall-vittmi li jinsabu f’sitwazzjonijiet transkonfinali, peress li tali limitazzjoni kienet tissuġġetta liċ-ċittadini Taljani li jirrisjedu fl-Italja għal trattament diskriminatorju inġust.

20

Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-qorti tar-rinviju tqis li, sabiex jiġu evitati diskriminazzjonijiet, il-vittmi ta’ kriminalità intenzjonali vjolenti għandhom ikunu jistgħu jinvokaw dritt ta’ aċċess għall-iskema ta’ kumpens tal-Istat Membru li fih twettaq l-att inkwistjoni, kemm jekk jinsabu f’sitwazzjoni transkonfinali kif ukoll jekk huma residenti f’dan l-Istat Membru.

21

F’dan il-każ, in-neċessità li tiġi evitata tali diskriminazzjoni tibqa’ rilevanti, anki jekk BV tista’ tgawdi mid-dritt għal kumpens irrikonoxxut mil-Liġi Nru 122, li daħlet fis-seħħ wara li din ippreżentat l-azzjoni tagħha għal responsabbiltà mhux kuntrattwali kontra r-Repubblika Taljana, iżda li hija applikabbli b’mod retroattiv ukoll fir-rigward tagħha. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ din l-azzjoni, BV issostni li hija ġarrbet dannu minħabba n-nuqqas tar-Repubblika Taljana li twettaq l-obbligu ta’ traspożizzjoni fi żmien xieraq tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80, u mhux id-dritt li tikseb, abbażi tad-dritt Taljan, il-kumpens attwalment previst mil-Liġi Nru 122.

22

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju ssostni li għandha dubju dwar in-natura ġusta u xierqa, fis-sens tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80, tas-somma f’daqqa ta’ EUR 4800, prevista mid-Digriet Ministerjali tal‑31 ta’ Awwissu 2017, għall-kumpens ta’ vittmi ta’ aggressjonijiet sesswali, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

23

Il-qorti tar-rinviju tindika, f’dan ir-rigward, li l-qrati Taljani stabbilixxew, f’sentenzi reċenti, l-allowances mogħtija bħala kumpens għad-dannu li rriżulta minn aggressjoni sesswali għal ammonti minn EUR 10000 sa EUR 200000. Barra minn hekk, l-ammonti tal-kumpens mogħti lill-vittmi li jkunu ppreżentaw azzjonijiet għal responsabbiltà mhux kuntrattwali kontra r-Repubblika Taljana minħabba n-nuqqas tagħha li tittrasponi d-Direttiva 2004/80 fid-dritt intern tagħha jvarjaw minn EUR 50000 sa EUR 150000. Fid-dawl ta’ dawn l-ammonti, l-imsemmija somma f’daqqa ta’ EUR 4800 tista’ tiġi kklassifikata bħala “mhux xierqa”, jew bħala “redikola”.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

[F]’każ ta’ traspożizzjoni tardiva (u/jew inkompleta) fl-ordinament ġuridiku intern tad-Direttiva [2004/80], li ma hijiex ta’ applikazzjoni diretta, f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-istabbiliment ta’ sistema ta’ kumpens għall-vittmi tad-delitti vjolenti li hija timponi, li toħloq fir-rigward tal-persuni f’sitwazzjoni transkonfinali li lilhom l-imsemmija direttiva hija esklużivament indirizzata, l-obbligu ta’ kumpens tal-Istat Membru skont il-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (fost oħrajn, is-sentenzi [tad‑19 ta’ Novembru 1991, Francovich et, C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428, kif ukoll tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame, C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79]), id-dritt [tal-Unjoni] jimponi fuq l-Istat Membru obbligu simili għal dak impost fuq persuni li ma humiex f’sitwazzjoni transkonfinali (jiġifieri residenti), li ma kinux ikunu l-benefiċjarji diretti tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tad-direttiva, iżda li, sabiex jiġi evitat ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza/[ta’] nondiskriminazzjoni fil-qafas ta’ dan id-dritt [tal-Unjoni] kellhom u setgħu – kieku d-direttiva kienet ġiet implimentata tempestivement u b’mod eżawrjenti – jibbenefikaw b’estensjoni tal-effett utli ta’ din l-istess direttiva (fi kliem ieħor tas-sistema ta’ kumpens iċċitata iktar ’il fuq)?

[2)

F]il-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għad-domanda preċedenti[,] il-kumpens għall-vittmi tad-delitti vjolenti u intenzjonali (u b’mod partikolari tad-delitt ta’ aggressjoni sesswali msemmi fl-Artikolu 609a tal-Kodiċi Kriminali) previst mid-Digriet [Ministerjali] tal‑31 ta’ Awwissu 2017 [addottat skont l-Artikolu 11(3) tal-Liġi Nru 122], fl-ammont fiss ta’ EUR 4800, jista’ jitqies bħala “kumpens [ġust] u xieraq għal vittmi” fis-sens tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq il-possibbiltà li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni

25

Kif tindika l-qorti tar-rinviju, wara l-preżentata tal-azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali kontra r-Repubblika Taljana li tikkostitwixxi s-suġġett tal-kawża prinċipali, dan l-Istat Membru stabbilixxa skema ta’ kumpens lill-vittmi ta’ kriminalità intenzjonali vjolenti mwettqa fit-territorju Taljan, kemm jekk dawn jirrisjedu fl-Italja kif ukoll jekk dawn ma jirrisjedux hemmhekk. Din l-iskema tkopri wkoll, b’mod retroattiv, l-atti li jaqgħu taħt din il-kriminalità li twettqu mill‑1 ta’ Lulju 2005 u, għaldaqstant, l-atti ta’ aggressjoni sesswali li tagħhom BV kienet il-vittma.

26

Skont il-Gvern Taljan, BV ressqet talba għal kumpens fil-kuntest tal-imsemmija skema u, fl‑14 ta’ Marzu 2019, jiġifieri wara t-tressiq ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, ġiet adottata u trażmessa deċiżjoni lill-awtorità kompetenti għall-eżekuzzjoni li tagħti lil BV kumpens ta’ ammont ta’ EUR 4800, li jikkorrispondi għal dak previst mid-Digriet Ministerjali tal‑31 ta’ Awwissu 2017 għall-aggressjonijiet sesswali li hija ġarrbet. Minn dan il-fatt il-Gvern Taljan jiddeduċi li l-kawża prinċipali issa ma għadx għandha skop, b’tali mod li d-domandi tal-qorti tar-rinviju huma ta’ natura ipotetika.

27

Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

28

Kif jirriżulta mill-punti 16 u 17 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju hija adita b’appell ta’ kassazzjoni kontra deċiżjoni tal-Corte d’appello di Torino (il-Qorti tal-Appell ta’ Torino), li kkundannat lir-Repubblika Taljana tħallas lil BV kumpens ta’ ammont ta’ EUR 50000.

29

Jekk jiġi preżunt li l-qorti tar-rinviju tista’, fl-istadju tal-appell ta’ kassazzjoni, tieħu inkunsiderazzjoni fatti li seħħew wara d-deċiżjoni msemmija f’dan l-appell, jiġifieri l-allokazzjoni, lil BV, skont l-iskema ta’ kumpens Taljana, ta’ kumpens ta’ ammont ta’ EUR 4800 bħala kumpens għall-aggressjonijiet sesswali li din tal-aħħar ġarrbet, għandu, fi kwalunkwe każ, jitfakkar li applikazzjoni retroattiva, regolari u kompleta tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni ta’ direttiva tippermetti, bħala prinċipju, li jiġu rrimedjati l-konsegwenzi dannużi tat-traspożizzjoni tardiva ta’ din id-direttiva u li jiġi żgurat kumpens adegwat għad-dannu mġarrab mill-benefiċjarji tal-imsemmija direttiva minħabba din it-traspożizzjoni tardiva, ħlief jekk dawn il-benefiċjarji jistabbilixxu l-eżistenza ta’ telf addizzjonali li huma ġarrbu minħabba l-fatt li ma setgħux igawdu fil-ħin mill-benefiċċji pekunjarji żgurati minn din id-direttiva u li għalhekk dawn ikollhom jiġu kkumpensati wkoll (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2018, Pantuso et, C‑616/16 u C‑617/16, EU:C:2018:32, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

30

Issa, kif ġie enfasizzat fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, l-azzjoni ta’ BV li tat lok għall-kawża prinċipali, ippreżentata qabel id-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 122 li tirrikonoxxilha retroattivament id-dritt għal kumpens, hija intiża sabiex ir-Repubblika Taljana tiġi kkundannata għall-kumpens għad-dannu li l-persuna kkonċernata ssostni li ġarrbet minħabba n-nuqqas ta’ dan l-Istat Membru li jwettaq l-obbligu li jittrasponi l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80 fi żmien xieraq.

31

Is-soluzzjoni ta’ din it-tilwima għalhekk tinvolvi li għandu jiġi vverifikat jekk dan l-Artikolu 12(2) jagħtix lil individwi, bħal BV, dritt li dawn jistgħu jinvokaw sabiex jikkontestaw ir-responsabbiltà ta’ Stat Membru minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni u, fl-affermattiv, jekk il-kumpens ta’ ammont ta’ EUR 4800 li l-awtoritajiet Taljani ddeċidew li jallokaw lill-persuna kkonċernata abbażi tad-Digriet Ministerjali tal‑31 ta’ Awwissu 2017 jirrappreżentax “kumpens ġust u xieraq”, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 12(2).

32

Minn dan isegwi li d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju dejjem jippreżentaw interess għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali u ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “ipotetiċi”. Għaldaqstant, hemm lok li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondihom.

Fuq l-ewwel domanda

33

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li tista’ tapplika l-iskema ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali ta’ Stat Membru għal dannu kkawżat minħabba l-ksur ta’ dan id-dritt, għar-raġuni li dan l-Istat Membru ma ttrasponiex l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80 fi żmien xieraq, fir-rigward ta’ vittmi residenti fl-imsemmi Stat Membru, li fit-territorju tiegħu twettaq l-att ta’ kriminalità intenzjonali vjolenti.

34

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-individwi leżi għandhom dritt għal kumpens għad-danni kkawżati minn ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lil Stat Membru meta jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet, jiġifieri li d-dispożizzjoni legali tal-Unjoni miksura għandha l-għan li tagħtihom drittijiet, li l-ksur ta’ din id-dispożizzjoni huwa suffiċjentement serju u li teżisti rabta kawżali diretta bejn dan il-ksur u d-dannu mġarrab minn dawn l-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame, C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 51; tat‑30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 51, kif ukoll tat‑28 ta’ Lulju 2016, Tomášová, C‑168/15, EU:C:2016:602, punt 22).

35

L-implimentazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet li jippermettu li tiġi stabbilita r‑responsabbiltà tal-Istati Membri għad-danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni għandha, bħala prinċipju, titwettaq mill-qrati nazzjonali, konformement mal-linji gwida mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex titwettaq din l-implimentazzjoni (sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2007, Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, C‑524/04, EU:C:2007:161, punt 116, u tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Kantarev, C‑571/16, EU:C:2018:807, punt 95).

36

F’dan il-każ, l-eżami tal-ewwel kundizzjoni, li fuqha jirrigwardaw preċiżament id-domandi tal-qorti tar-rinviju li wasslu għal din il-kawża, jinvolvi li għandu jiġi vverifikat jekk l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80 jobbligax lill-Istati Membri li jkollhom skema ta’ kumpens lill-vittmi kollha ta’ kriminalità intenzjonali vjolenti mwettqa fit-territorji rispettivi tagħhom li tiżgura kumpens ġust u xieraq, u jekk din id-dispożizzjoni għalhekk tagħtix lil dawn il-vittmi kollha, inkluż lil dawk li jirrisjedu fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, id-dritt li jiksbu tali kumpens.

37

Kif jirriżulta mill-kliem tagħha stess, l-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju hija bbażata fuq il-premessa li l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80 jobbliga lill-Istati Membri li jkollhom skema ta’ kumpens lill-vittmi ta’ kriminalità intenzjonali vjolenti biss fir-rigward tal-vittmi li jinsabu f’sitwazzjoni transkonfinali, jiġifieri, skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, vittmi ta’ att ta’ kriminalità intenzjonali vjolenti mwettaq fit-territorju ta’ Stat Membru li ma huwiex dak li fih huma jirrisjedu abitwalment. Abbażi ta’ din il-premessa, din il-qorti tistaqsi madankollu jekk, sabiex jiġi evitat ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, din l-iskema ta’ kumpens għandhiex tibbenefika wkoll lill-vittmi ta’ tali kriminalità li jirrisjedu fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

38

Għaldaqstant, sabiex tiġi vverifikata l-fondatezza tal-imsemmija premessa, huwa neċessarju li tingħata interpretazzjoni tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80. F’dan ir-rigward, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, Rimšēvičs u BĊE vs Il‑Latvja, C‑202/18 u C‑238/18, EU:C:2019:139, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

39

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-formulazzjoni tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi, f’termini ġenerali, l-obbligu għall-Istati Membri li jkollhom skema ta’ kumpens tal-“vittmi ta’ delitti vjolenti internazzjonali kommessi fit-territorji rispettivi tagħhom”, u mhux biss tal-vittmi li jinsabu f’sitwazzjoni transkonfinali.

40

F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-kuntest li fih jinsab l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80, għandu jitfakkar li l-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva jikkostitwixxi l-uniku artikolu tal-Kapitolu II tagħha, li jirrigwarda, konformement mat-titolu tiegħu, l-“[is]kemi nazzjonali dwar il-kumpens”. B’differenza mit-titolu tal-Kapitolu I tal-imsemmija direttiva, dak tal-Kapitolu II ta’ din l-istess direttiva ma jirrigwardax speċifikament is-“sitwazzjonijiet ta’ qsim il-fruntieri”.

41

L-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2004/80 jipprevedi li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva dwar l-aċċess għal kumpens f’sitwazzjonijiet transkonfinali “joperaw fuq il-bażi ta’ skemi ta’ l-Istati Membri fuq kumpens għal vittmi ta’ delitti vjolenti internazzjonali [intenzjonali] kommessi fit-territorji rispettivi tagħhom”.

42

Minn dan jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma għażilx li tiġi stabbilita, minn kull Stat Membru, skema ta’ kumpens speċifika, limitata biss għall-vittmi ta’ kriminalità intenzjonali vjolenti li jinsabu f’sitwazzjoni transkonfinali, iżda li jiġu applikati, favur dawn il-vittmi, skemi nazzjonali ta’ kumpens lill-vittmi ta’ kriminalità intenzjonali vjolenti mwettqa fit-territorji rispettivi tal-Istati Membri.

43

Konsegwentement, l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80 jimponi fuq kull Stat Membru l-obbligu li jkollu skema ta’ kumpens lill-vittmi ta’ kull delitt li jaqa’ taħt il-kriminalità intenzjonali vjolenti mwettqa fit-territorju tiegħu.

44

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, kif jirriżulta mill-premessa 8 tad-Direttiva 2004/80, li, fid-data tal-adozzjoni ta’ din id-direttiva, tali skema kienet prevista mid-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-parti l-kbira tal-Istati Membri. Madankollu, kif indikat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, f’din id-data, żewġ Stati Membri kien għad ma kellhomx skema ta’ kumpens għall-vittmi ta’ kriminalità intenzjonali vjolenti mwettqa fit-territorji tagħhom.

45

Issa, fin-nuqqas li tali skema tiġi prevista, Stat Membru ma jistax jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu dwar l-aċċess għal kumpens f’sitwazzjonijiet transkonfinali, kif jirriżultaw mid-Direttiva 2004/80, peress li, skont l-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva, id-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għal kumpens f’tali sitwazzjonijiet “joperaw fuq il-bażi ta’ skemi ta’ l-Istati Membri fuq kumpens għal vittmi ta’ delitti vjolenti internazzjonali [intenzjonali] kommessi fit-territorji rispettivi tagħhom”.

46

Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mid-Direttiva 2004/80, ċertament, il-premessa 1 tagħha tirreferi għar-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jneħħi, bejn l-Istati Membri, l-ostakoli għall-moviment liberu tal-persuni.

47

Barra minn hekk, il-premessa 2 ta’ din id-direttiva, wara li fakkret il-ġurisprudenza li, skontha, meta d-dritt tal-Unjoni jiżgura lil persuna fiżika l-libertà li tmur fi Stat Membru ieħor, il-protezzjoni tal-integrità ta’ din il-persuna fl-Istat Membru inkwistjoni, bl-istess mod bħal dik taċ-ċittadini u tal-persuni residenti hemmhekk, tikkostitwixxi l-korollarju ta’ din il-libertà ta’ moviment (sentenza tat‑2 ta’ Frar 1989, Cowan, 186/87, EU:C:1989:47, punt 17), tistabbilixxi li miżuri intiżi sabiex jiffaċilitaw il-kumpens lill-vittmi ta’ kriminalità għandhom jikkontribwixxu għal dan l-għan.

48

Madankollu, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-premessi 3, 6, 7 u 10 tal-imsemmija direttiva.

49

Il-premessa 3 tad-Direttiva 2004/80 tfakkar li l-Kunsill Ewropew, f’laqgħa f’Tampere fil‑15 u fis‑16 ta’ Ottubru 1999, enfasizza n-neċessità li jiġu stabbiliti livelli minimi għall-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, b’mod partikolari fir-rigward tal-possibbiltajiet tagħhom ta’ aċċess għall-ġustizzja u tad-dritt tagħhom għall-kumpens.

50

F’dan ir-rigward, mill-premessa 6 tad-Direttiva 2004/80 jirriżulta li l-vittmi tal-kriminalità fl-Unjoni għandhom ikollhom dritt għal kumpens ġust u xieraq għad-dannu li jkunu ġarrbu, irrispettivament mill-post fl-Unjoni fejn ikun twettaq id-delitt. Konsegwentement, kif tippreċiża l-premessa 7 ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri kollha għandu jkollhom mekkaniżmu ta’ kumpens għal dawn il-vittmi.

51

Barra minn hekk, il-premessa 10 tad-Direttiva 2004/80 tindika li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jieħu inkunsiderazzjoni d-diffikultajiet li ħafna drabi jiltaqgħu magħhom il-vittmi ta’ kriminalità intenzjonali vjolenti sabiex jiġu kkumpensati mill-awtur tad-delitt, kemm jekk minħabba l-fatt li dan tal-aħħar ma jkollux ir-riżorsi neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma’ deċiżjoni ġudizzjarja li tagħti danni lill-vittma kif ukoll jekk dan ma jkunx jista’ jiġi identifikat jew mixli. Issa, kif juru l-fatti li wasslu għal din il-kawża, tali diffikultajiet jistgħu jiġu esperjenzati mill-vittmi ta’ din il-kriminalità anki meta huma jirrisjedu fl-Istat Membru li fih seħħ id-delitt inkwistjoni.

52

Mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 39 sa 51 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80 jobbliga lil kull Stat Membru li jkollu skema ta’ kumpens li tkopri lill-vittmi kollha ta’ kriminalità intenzjonali vjolenti mwettqa fit-territorji tagħhom u mhux biss lill-vittmi li jinsabu f’sitwazzjoni transkonfinali.

53

Din il-kunsiderazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li d-Direttiva 2004/80 tipprevedi skema ta’ kumpens biss fil-każ ta’ delitt intenzjonali vjolenti li twettaq fi Stat Membru li fit-territorju tiegħu tinsab il-vittma, fil-kuntest tal-eżerċizzju tad-dritt tagħha għall-moviment liberu, b’tali mod li sitwazzjoni purament interna ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Ġunju 2007, Dell’Orto, C‑467/05, EU:C:2007:395, punt 59, u tat‑12 ta’ Lulju 2012, Giovanardi et, C‑79/11, EU:C:2012:448, punt 37, kif ukoll id-digriet tat‑30 ta’ Jannar 2014, C., C‑122/13, EU:C:2014:59, punt 12).

54

Fil-fatt, permezz ta’ din il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja llimitat ruħha li tippreċiża li s-sistema ta’ kooperazzjoni stabbilita mill-Kapitolu I tad-Direttiva 2004/80 tikkonċerna biss l-aċċess għall-kumpens f’sitwazzjonijiet transkonfinali, mingħajr madankollu ma ddeterminat il-portata tal-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva, li jinsab fil-Kapitolu II tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ottubru 2016, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑601/14, EU:C:2016:759, punt 49).

55

Minn dan isegwi li l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80 jagħti d-dritt li jinkiseb kumpens ġust u xieraq mhux biss lill-vittmi ta’ kriminalità intenzjonali vjolenti mwettqa fit-territorju ta’ Stat Membru li jinsabu f’sitwazzjoni transkonfinali, fis-sens tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, iżda wkoll lill-vittmi li jirrisjedu abitwalment fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru. Għaldaqstant, bla ħsara għal dak li tfakkar fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, u sakemm il-kundizzjonijiet l-oħra previsti mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 34 ta’ din is-sentenza jiġu ssodisfatti, individwu għandu dritt għal kumpens għad-danni kkawżati lilu mill-ksur, minn Stat Membru, tal-obbligu tiegħu li jirriżulta mill-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80, u dan indipendentement mill-punt dwar jekk dan l-individwu kienx jinsab f’tali sitwazzjoni transkonfinali fil-mument meta huwa kien il-vittma ta’ delitt li jaqa’ taħt il-kriminalità intenzjonali vjolenti.

56

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li tista’ tapplika l-iskema ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali ta’ Stat Membru għal dannu kkawżat minħabba l-ksur ta’ dan id-dritt, għar-raġuni li dan l-Istat Membru ma ttrasponiex l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80 fi żmien xieraq, fir-rigward ta’ vittmi residenti fl-imsemmi Stat Membru, li fit-territorju tiegħu twettaq l-att ta’ kriminalità intenzjonali vjolenti.

Fuq it-tieni domanda

57

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80 għandux jiġi interpretat fis-sens li kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa ta’ EUR 4800 mogħti lill-vittmi ta’ aggressjoni sesswali taħt skema nazzjonali ta’ kumpens lill-vittmi ta’ kriminalità intenzjonali vjolenti għandu jiġi kklassifikat bħala “ġust u xieraq”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

58

Fl-assenza, fid-Direttiva 2004/80, ta’ kwalunkwe indikazzjoni fir-rigward tal-ammont tal-kumpens meqjus li jikkorrispondi għal kumpens “ġust u xieraq”, fis-sens tal-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva, kif ukoll għall-modalitajiet ta’ determinazzjoni ta’ tali kumpens, għandu jitqies li din id-dispożizzjoni tirrikonoxxi marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri f’dan ir-rigward.

59

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-kumpens imsemmi fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80 għandu jitħallas mhux mill-awtur tal-vjolenza kkonċernata nnifsu, iżda mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu twettaq id-delitt, konformement mal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, permezz ta’ skema nazzjonali ta’ kumpens li għandha tiġi żgurata l-vijabbiltà finanzjarja tagħha sabiex jiġi żgurat kumpens ġust u xieraq lill-vittmi kollha ta’ kriminalità intenzjonali vjolenti mwettqa fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

60

Għaldaqstant, hemm lok li jitqies, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punti 137 sa 139 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-kumpens “ġust u xieraq”, imsemmi fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80, ma għandux neċessarjament jikkorrispondi mad-danni li jistgħu jingħataw, mill-awtur ta’ delitt li jaqa’ taħt il-kriminalità intenzjonali vjolenti, lill-vittma ta’ dan id-delitt. Konsegwentement, dan il-kumpens ma għandux neċessarjament jiżgura kumpens sħiħ għad-dannu materjali u morali mġarrab minn din il-vittma.

61

F’dan il-kuntest, fl-aħħar mill-aħħar hija l-qorti nazzjonali li għandha tiżgura, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li stabbilixxew l-iskema ta’ kumpens ikkonċernata, li s-somma allokata lil vittma ta’ kriminalità intenzjonali vjolenti bis-saħħa ta’ din l-iskema tikkostitwixxi “kumpens ġust u xieraq”, fis-sens tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80.

62

Madankollu, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandhom jiġu rrilevati l-elementi rilevanti ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-verifika prevista fil-punt preċedenti.

63

Għalhekk, għandu jiġi ppreċiżat li Stat Membru jmur lil hinn mill-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti mill-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80 jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu kienu jipprevedu kumpens lill-vittmi ta’ kriminalità intenzjonali vjolenti purament simboliku jew manifestament insuffiċjenti fid-dawl tal-gravità tal-konsegwenzi, għal dawn il-vittmi, tad-delitt imwettaq.

64

Fil-fatt, fis-sens tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80, il-kumpens mogħti lil tali vittmi jirrappreżenta kontribuzzjoni għall-kumpens għad-dannu materjali u morali mġarrab minnhom. Tali kontribuzzjoni tista’ titqies li hija “ġusta u xierqa” jekk tikkumpensa, b’mod adegwat, it-tbatija li dawn ġew esposti għaliha.

65

Issa li saret din il-preċiżjoni, għad hemm lok li jiġi rrilevat, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-iskema ta’ kumpens lill-vittmi ta’ kriminalità intenzjonali vjolenti stabbilita mir-Repubblika Taljana, li l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa lil tali vittmi, peress li s-somma f’daqqa allokata lil kull vittma tista’ tvarja skont in-natura tal-vjolenza mġarrba.

66

Madankollu, Stat Membru li jagħżel tali skema ta’ kumpens għandu jiżgura li l-iskala tal-kumpens tkun iddettaljata biżżejjed, b’mod li jiġi evitat li l-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa previst għal tip ta’ vjolenza partikolari jkun jista’ jirriżulta, fid-dawl tal-fatti ta’ każ partikolari, f’kumpens manifestament insuffiċjenti.

67

Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-aggressjonijiet sesswali, għandu jiġi osservat li dawn jistgħu jagħtu lok għall-konsegwenzi l-iktar gravi tal-kriminalità intenzjonali vjolenti.

68

Konsegwentement, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, somma f’daqqa ta’ EUR 4800 għall-kumpens lill-vittma ta’ att ta’ aggressjoni sesswali ma tidhirx li tikkorrispondi, prima facie, għal “kumpens ġust u xieraq”, fis-sens tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80.

69

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80 għandu jiġi interpretat fis-sens li kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa mogħti lill-vittmi ta’ aggressjoni sesswali taħt skema nazzjonali ta’ kumpens lill-vittmi ta’ kriminalità intenzjonali vjolenti ma jistax jiġi kklassifikat bħala “ġust u xieraq”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jekk dan jiġi stabbilit mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-gravità tal-konsegwenzi, għall-vittmi, tad-delitt imwettaq u għalhekk ma jirrappreżentax kontribuzzjoni adegwata bħala kumpens għad-dannu materjali u morali mġarrab.

Fuq l-ispejjeż

70

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li tista’ tapplika l-iskema ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali ta’ Stat Membru għal dannu kkawżat minħabba l-ksur ta’ dan id-dritt, għar-raġuni li dan l-Istat Membru ma ttrasponiex l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/80/KE tad‑29 ta’ April 2004 li għandha x’taqsam ma’ kupens għal vittmi ta’ delitti fi żmien xieraq, fir-rigward ta’ vittmi residenti fl-imsemmi Stat Membru, li fit-territorju tiegħu twettaq l-att ta’ kriminalità intenzjonali vjolenti.

 

2)

L-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80 għandu jiġi interpretat fis-sens li kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa mogħti lill-vittmi ta’ aggressjoni sesswali taħt skema nazzjonali ta’ kumpens lill-vittmi ta’ kriminalità intenzjonali vjolenti ma jistax jiġi kklassifikat bħala “ġust u xieraq”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jekk dan jiġi stabbilit mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-gravità tal-konsegwenzi, għall-vittmi, tad-delitt imwettaq u għalhekk ma jirrappreżentax kontribuzzjoni adegwata bħala kumpens għad-dannu materjali u morali mġarrab.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it‑Taljan.