SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

9 ta’ Settembru 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2003/88/KE – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Kunċetti ta’ ‘ħin tax-xogħol’ u ta’ ‘perijodu ta’ serħan’ – Perijodu ta’ pawża li matulu l-impjegat għandu jibqa’ lest għal intervent ta’ emerġenza f’terminu ta’ żewġ minuti – Supremazija tad-dritt tal-Unjoni”

Fil-Kawża C‑107/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Obvodní soud pro Prahu 9 (il-Qorti tad-Distrett Amministrattiv ta’ Praga 9, ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Jannar 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Frar 2019, fil-proċedura

XR

vs

Dopravní podnik hl. m. Prahy, akciová společnost,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn E. Juhász, li qiegħed jaġixxi bħala President ta’ Awla, C. Lycourgos (Relatur) u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Dopravní podnik hl. m. Prahy, akciová společnost, minn L. Novotná,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u J. Pavliš, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek kif ukoll minn K. Walkerová, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑13 ta’ Frar 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn XR u Dopravní podnik hl. K. Prahy, akciová společnost (iktar ’il quddiem “DPP”) dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li tħallas lil XR is-somma ta’ 95335 koruna Ċeka (CZK) (madwar EUR 3600) miżjuda b’interessi moratorji, għar-remunerazzjoni tal-ħinijiet ta’ pawża meħuda matul l-attività professjonali tagħha bejn Novembru 2005 u Diċembru 2008.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 4 u 5 tad-Direttiva 2003/88 jistabbilixxu li:

“(4)

It-titjib tas-sigurtà, l-iġene u s-saħħa tal-ħaddiema fil-post tax-xogħol huwa għan li m’għandux ikun subordinat sempliċement għal raġunijiet ekonomiċi.”

“(5)

il-ħaddiema kollha għandhom ikollhom perjodi adekwati ta’ serħan. Il-kunċett ta’ ‘serħan’ għandu jkun espress f’unitajiet ta’ ħin, i.e. f’jiem, f’sigħat u/jew frazzjonijiet tagħhom. Il-ħaddiema tal-[Unjoni Ewropea] għandhom ikunu mogħtija l-perjodi minimi ta’ serħan ta’ kull jum u ta’ kull ġimgħa, u waqfien adekwati. […]”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi ħtiġiet minimi tas-siġurtà u s-saħħa għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.

2.   Din id-Direttiva tapplika għal:

a)

il-perjodi minimi ta’ serħan ta’ kull jum, serħan ta’ kull ġimgħa u leave annwali, għal waqfien u ħin tax-xogħol massimu ta’ kull ġimgħa; u

b)

ċerti aspetti tax-xogħol bil-lejl, ix-xogħol bix-shift u t-tendenzi tax-xogħol.

[…]”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.

‘ħin tax-xogħol’ ifisser kwalunkwe perjodu li matulu il-ħaddiem ikunu għax-xogħol, għad-disposizzjoni ta’ min jimpjegah u jwettaq l-attivitajiet jew id-doveri tiegħu, b’konformità mal-liġijiet nazzjonali u/jew prattiċi;

2.

‘perijodu ta’ serħan’ ifisser kwalunkwe perijodu li ma jkunx il-ħin tax-xogħol;

[…]

5.

kull mod ta’ organizzazzjoni tax-xogħol bit-tim li ħaddiema jiġu okkupati suċċessivament fl-istess postijiet tax-xogħol, skont ċertu ritmu, inkluż ritmu rotattiv, u li jista’ jkun ta’ tip kontinwu jew mhux kontinwu, li jwassal għall-ħaddiema għall-ħtieġa li jwettqu xogħol f’ħinijiet differenti fuq perijodu partikolari ta’ jiem jew ta’ ġimgħat;

[…]”

6

Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/88, intitolat “Waqfien [Perijodu ta’ pawża]”,

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li, meta l-jum tax-xogħol ikun itwal min sitt sigħat, li kull ħaddiem ikun intitolat għal waqfien ta’ serħan, li d-dettalji tiegħu, inkluż it-tul ta’ żmien u t-terminu li fuqhom jingħata, ikunu stabbiliti fi ftehim kollettiv jew ftehim bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industrija jew, f’nuqqas ta’ dan, b’leġislazzjoni nazzjonali.”

Id-dritt Ċek

7

L-Artikolu 83 taż-zákon č. 65/1965 Sb., zákoník práce (il-Liġi Nru 65/1965 li Tistabbilixxi l-Kodiċi tax-Xogħol), applikabbli sal‑31 ta’ Diċembru 2006, kien jipprevedi:

“(1)   Il-ħin tax-xogħol huwa l-perijodu li matulu l-impjegat huwa obbligat iwettaq xogħol għall-persuna li timpjega.

(2)   Il-perijodu ta’ serħan huwa l-perijodu li ma huwiex ħin tax-xogħol.

[…]

(5)   Ix-xogħol tal-għassa huwa l-perijodu li matulu l-impjegat, skont il-kuntratt tax-xogħol tiegħu, iżomm ruħu lest għal possibbiltà ta’ missjoni li, f’każ ta’ ħtieġa urġenti, għandha tiġi eżegwita barra mill-ħin tax-xift tax-xogħol tiegħu.

[…]”

8

L-Artikolu 89 ta’ din il-liġi, dwar il-“perijodu ta’ pawża”, kien jindika:

(1)   Il-persuna li timpjega hija obbligata tagħti lill-impjegat, wara massimu ta’ sitt sigħat ta’ xogħol mhux interrott, perijodu ta’ pawża għall-ikel u għas-serħan ta’ mhux inqas minn 30 minuta; din il-pawża għandha tingħata lill-minaturi wara massimu ta’ erba’ sigħat u nofs ta’ xogħol mhux interrott. Fil-każ ta’ xogħol li ma jistax jiġi interrott, għandu jiġi żgurat perijodu adegwat għas-serħan u għall-ikel lill-impjegat anki mingħajr interruzzjoni tas-servizz jew tax-xogħol; fil-każ ta’ minaturi, għandha dejjem tingħata pawża għall-ikel u għas-serħan skont l-ewwel sentenza.

(2)   Il-persuna li timpjega tista’ tistabbilixxi b’mod adegwat it-tul tal-pawża għall-ikel, wara konsultazzjoni mal-organu sindakali kompetenti.

(3)   Il-persuna li timpjega għandha tistabbilixxi l-bidu u t-tmiem ta’ dawn il-pawżi, wara konsultazzjoni mal-organu sindakali kompetenti.

(4)   Il-pawżi għall-ikel u għas-serħan ma għandhomx jingħataw fil-bidu jew fit-tmiem tal-ħin tax-xogħol.

(5)   Il-pawżi mogħtija għall-ikel u għas-serħan ma humiex inklużi fil-kalkolu tal-ħin tax-xogħol.”

9

Dawn id-dispożizzjonijiet ġew imħassra u ssostitwiti biż-zákon č. 262/2006 Sb., zákoník práce (il-Liġi Nru 262/2006 li Tistabbilixxi l-Kodiċi tax‑Xogħol), li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2007. Skont l-Artikolu 78 ta’ din il-liġi:

“(1)   Għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-ħin tax-xogħol u l-perijodu ta’ serħan, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

a)

‘ħin tax-xogħol’, il-perijodu li matulu l-impjegat huwa obbligat iwettaq xogħol għall-persuna li timpjega u l-perijodu li matulu l-impjegat iżomm ruħu lest, fuq il-post tax-xogħol, sabiex iwettaq missjoni skont l-istruzzjonijiet tal-persuna li timpjega;

[…]

h)

‘xogħol tal-għassa’, il-perijodu li matulu l-impjegat, skont il-kuntratt tax-xogħol tiegħu, iżomm ruħu lest għal possibbiltà ta’ missjoni li, f’każ ta’ ħtieġa urġenti, għandha tiġi eżegwita barra mill-ħin tax-xift tiegħu. Ix-xogħol tal-għassa jista’ biss iseħħ f’post differenti miftiehem mal-impjegat, liema post ikun differenti mill-postijiet tax-xogħol tal-persuna li timpjega;

[…]”

10

Fir-rigward tal-perijodu ta’ pawża u tal-pawża ta’ sigurtà, l-Artikolu 88 tal-imsemmija liġi jippreċiża:

“(1)   Il-persuna li timpjega hija obbligata tagħti lill-impjegat, wara massimu ta’ sitt sigħat ta’ xogħol mhux interrotti, perijodu ta’ pawża għall-ikel u għas-serħan ta’ mhux inqas minn 30 minuta; din il-pawża għandha tingħata lill-minaturi wara massimu ta’ erba’ sigħat u nofs ta’ xogħol mhux interrott. Fil-każ ta’ xogħol li ma jistax jiġi interrott, għandu jiġi żgurat perijodu adegwat għas-serħan u għall-ikel lill-impjegat anki mingħajr interruzzjoni tas-servizz jew tax-xogħol; dan il-perijodu huwa inkluż fil-kalkolu tal-ħin tax-xogħol. Fil-każ tal-minaturi, għandha dejjem tingħata pawża għall-ikel u għas-serħan skont l-ewwel sentenza.

(2)   Jekk il-perijodu ta’ pawża għall-ikel u għas-serħan ikollu jinqasam, parti minn din il-pawża għandha tkun ta’ mhux inqas minn ħmistax‑il minuta. […]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

Minn Novembru 2005 sa Diċembru 2008, XR eżerċita l-professjoni ta’ pompier ta’ impriża ma’ DPP.

12

XR kien suġġett għal sistema ta’ xogħol bix-xift ta’ timijiet suċċessivi, inkluż xift ta’ matul il-jum, li jkopri l-ħin bejn is-6.45 u s-19.00, u xift ta’ matul il-lejl, li jkopri l-ħin bejn is-18.45 u s-7.00. Il-ħinijiet tax-xogħol ta’ kuljum tiegħu kienu jinkludu żewġ pawżi intiżi għall-ikel u għas-serħan ta’ tul ta’ 30 minuta kull waħda.

13

Bejn is-6.30 u s-13.30, XR seta’ jmur fil-kantin tax-xogħol, li kienet tinsab 200 metru ’l bogħod mill-post tax-xogħol tiegħu, bil-kundizzjoni li miegħu jieħu apparat li, f’każ li jkun hemm bżonn, jinformah li kellu żewġ minuti sabiex jippreżenta ruħu fil-post tat-tluq u li jinformah bil-vettura ta’ intervent quddiem il-kantin tax-xogħol. Barra minn hekk, l-uffiċċju fejn kien iwettaq xogħlu XR kien mgħammar bi spazju fejn seta’ jiġi ppreparat ikel, b’mod partikolari, meta l-kantin tax-xogħol ma kinitx tkun miftuħa.

14

Il-perijodi ta’ pawża ma kinux jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-ħin tax-xogħol ta’ XR ħlief meta kienu jiġu interrotti minn intervent ta’ emerġenza. Konsegwentement, il-perijodi ta’ pawża mhux interrotti ma kinux jiġu rremunerati.

15

XR ikkontesta dan il-metodu ta’ kalkolu tar-remunerazzjoni tiegħu u, peress li qies li l-perijodi ta’ pawża, anki jekk mhux interrotti, kienu jikkostitwixxu ħin tax-xogħol, huwa talab is-somma ta’ CZK 95335 flimkien ma’ interessi moratorji, bħala remunerazzjoni dovuta lilu għaż-żewġ pawżi ta’ kuljum li ma ttiħdux inkunsiderazzjoni matul il-perijodu tax-xogħol inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

16

Adita fl-ewwel istanza, l-Obvodní soud pro Prahu 9 (il-Qorti tad-Distrett Amministrattiv ta’ Praga 9), li hija l-qorti tar-rinviju, laqgħet it-talba ta’ XR, b’sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2016 li ġiet ikkonfermata fl-appell b’sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2017.

17

DPP appellat minn dawn is-sentenzi quddiem in-Nejvššyí soud (il-Qorti Suprema, ir-Repubblika Ċeka), li annullat tali sentenzi permezz tas-sentenza tagħha tat‑12 ta’ Ġunju 2018. Din il-qorti qieset, abbażi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti, li, filwaqt li ma huwiex eskluż li l-pawżi jistgħu jiġu interrotti minħabba intervent ta’ emerġenza, dawn l-interruzzjonijiet iseħħu biss b’mod okkażjonali u imprevedibbli, b’tali mod li ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala aspett ordinarju tal-eżekuzzjoni tal-obbligi professjonali. Għalhekk, skont din il-qorti, il-perijodi ta’ pawża ma setgħux, fil-prinċipju, jitqiesu bħala ħin tax-xogħol.

18

In-Nejvššyí soud (il-Qorti Suprema) għalhekk bagħtet il-kawża għal deċiżjoni dwar il-mertu quddiem il-qorti tar-rinviju. Din tal-aħħar enfasizzat li, skont ir-regoli proċedurali nazzjonali, hija kienet marbuta bl-evalwazzjonijiet fid-dritt tan-Nejvyššyí soud (il-Qorti Suprema).

19

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li ċ-ċirkustanzi li fihom XR kellu jieħu l-pawżi tiegħu jimmilitaw favur il-klassifikazzjoni tagħhom bħala “ħin tax-xogħol” skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Obvodní soud pro Prahu 9 (il-Qorti tad‑Distrett Amministrattiv ta’ Praga 9) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Il-perijodu ta’ pawża li matul tiegħu impjegat għandu jkun għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjegah fi żmien żewġ minuti fil-każ ta’ intervent ta’ emerġenza għandu jiġi kklassifikat bħala ‘ħin tax-xogħol’ fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva [2003/88]?

2)

L-evalwazzjoni [tal-ewwel] domanda preċedenti hija influwenzata mill-fatt li l-interruzzjoni [tal-pawża] fil-każ ta’ intervent ta’ emerġenza ssir biss okkażjonalment u imprevedibbilment jew, skont il-każ, mill-frekwenza li biha sseħħ l-interruzzjoni?

3)

Qorti tal-ewwel istanza, li tiddeċiedi wara li d-deċiżjoni tagħha tkun ġiet annullata minn qorti superjuri u l-kawża tkun intbagħtet lura quddiemha għal [deċiżjoni fil-mertu], tista’ ma tosservax l-[evalwazzjoni] legali ta’ qorti superjuri li hija vinkolanti fuq il-qorti tal-ewwel istanza, jekk din l-[evalwazzjoni] ma tkunx konformi mad-dritt tal-Unjoni?

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

21

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-perijodu ta’ pawża mogħti lil ħaddiem matul il-ħin tax-xogħol tiegħu ta’ kuljum, u li matulu huwa għandu jkun f’pożizzjoni li jibda jintervjeni f’terminu ta’ żewġ minuti f’każ ta’ bżonn, għandux jiġi kklassifikat bħala “ħin tax-xogħol” jew “perijodu ta’ serħan”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u jekk in-natura okkażjonali u imprevedibbli kif ukoll il-frekwenza ta’ intervent ta’ emerġenza matul dan il-perijodu ta’ pawża għandux effett fuq din il-klassifikazzjoni.

22

Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li t-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda r-remunerazzjoni li ħaddiem jallega li għandu dritt għaliha minħabba l-perijodi ta’ pawża li huwa jibbenefika minnhom matul il-ġurnata tax-xogħol tiegħu.

23

Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, bl-eċċezzjoni tal-ipoteżi partikolari dwar il-leave annwali mħallas, imsemmija fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, din id-direttiva sempliċement tirregola ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema, b’tali mod li, bħala prinċipju, hija ma tapplikax għar-remunerazzjoni tal-ħaddiema (sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2021, Radiotelevizija Slovenija (Perijodu ta’ għassa f’post imbiegħed, C‑344/19, EU:C:2021:182, punt 57) u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

Madankollu, peress li, kif tindika l-qorti tar-rinviju, fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali, il-kwistjoni tar-remunerazzjoni tal-perijodi ta’ pawża tiddependi mill-klassifikazzjoni ta’ dawn il-perijodi bħala “ħin tax-xogħol” jew “perijodu ta’ serħan”, fis-sens tad-Direttiva 2003/88, għandha tingħata risposta għad-domandi magħmula, li jirrigwardaw l-imsemmija klassifikazzjoni.

25

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol” bħala “kwalunkwe perjodu li matulu il-ħaddiem ikunu għax-xogħol, għad-disposizzjoni ta’ min jimpjegah u jwettaq l-attivitajiet jew id-doveri tiegħu”. Skont il-punt 2 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, il-kunċett ta’ “perijodu ta’ serħan” ifisser kwalunkwe perijodu li ma jkunx il-ħin tax-xogħol.

26

It-tieni kapitolu tad-Direttiva 2003/88 huwa ddedikat, fost l-oħrajn, għall-“perjodi minimi ta’ serħan”. Minbarra s-serħan ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa, dan il-kapitolu jsemmi, fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, il-“perijodu ta’ pawża” li kull ħaddiem għandu jibbenefika minnu fil-każ fejn il-ħin tax-xogħol ta’ kuljum ikun ta’ iktar minn sitt sigħat u li l-modalitajiet tiegħu, u b’mod partikolari t-tul u l-kundizzjonijiet għall-għoti tiegħu, huma stabbiliti bi ftehimiet kollettivi, ftehimiet konklużi bejn imsieħba soċjali jew, fin-nuqqas ta’ dan, mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

27

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, matul il-perijodi ta’ pawża tiegħu, XR ma kienx issostitwit fil-pożizzjoni tiegħu u kien mgħammar b’riċevitur li kien jippermettilu li jiġi informat jekk huwa kellu jinterrompi l-pawża tiegħu għal intervent b’emerġenza. Minn dan jirriżulta li r-rikorrent fil-kawża prinċipali kien suġġett, matul il-pawżi tiegħu, għal sistema ta’ għassa, terminu li jkopri, b’mod ġeneriku, il-perijodi kollha li matulhom il-ħaddiem jibqa’ għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjegah sabiex ikun jista’ jiżgura xogħol, fuq talba ta’ dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2021, Radiotelevizija Slovenija (Perijodu ta’ stand by f’post imbiegħed), C‑344/19, EU:C:2021:182, punt 2).

28

Għandi jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-kunċetti ta’ “ħin tax-xogħol” u ta’ “perijodu ta’ serħan”, huma esklużivi wieħed mill-ieħor. Il-perijodu ta’ għassa ta’ ħaddiem għandu għalhekk jiġi kklassifikat jew bħala “ħin tax-xogħol” jew bħala “perijodu ta’ serħan” għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88, peress li din tal-aħħar ma tipprevedix kategorija intermedja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 2021, Radiotelevizija Slovenija (Perijodu stand by f’post imbiegħed), C‑344/19, EU:C:2021:182, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Barra minn hekk, il-kunċetti ta’ “ħin tax-xogħol” u ta’ “perijodu ta’ serħan” jikkostitwixxu kunċetti tad-dritt tal-Unjoni li għandhom jiġu ddefiniti skont karatteristiċi oġġettivi, billi jsir riferiment għas-sistema u għall-għan tad-Direttiva 2003/88. Fil-fatt, hija biss tali interpretazzjoni awtonoma li hija ta’ natura li tiżgura lil din id-direttiva l-effikaċja sħiħa kif ukoll applikazzjoni uniformi ta’ dawn il-kunċetti fl-Istati Membri kollha (sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2021, Radiotelevizija Slovenija (Perijodu ta’ stand by f’post imbiegħed), C‑344/19, EU:C:2021:182, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

Fir-rigward b’mod iktar preċiż tal-perijodi ta’ għassa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li perijodu li matulu ebda attività ma hija effettivament eżerċitata mill-ħaddiem għall-benefiċċju tal-persuna li timpjegah ma jikkostitwixxix neċessarjament “perijodu ta’ serħan”, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88 (sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2021, Radiotelevizija Slovenija (Perijodu ta’ stand by f’post imbiegħed), C‑344/19, EU:C:2021:182, punt 32).

31

B’hekk, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tal-perijodi ta’ għassa mwettqa f’postijiet tax-xogħol li kienu separati mir-residenza tal-ħaddiem, li l-fattur determinanti sabiex jiġi kkunsidrat li l-elementi karatteristiċi tal-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol”, fis-sens tad-Direttiva 2003/88, huma preżenti huwa l-fatt li l-ħaddiem huwa mġiegħel ikun fiżikament preżenti fil-post stabbilit mill-persuna li timpjegah u li joqgħod għad-dispożizzjoni ta’ dan tal-aħħar sabiex ikun jista’ jipprovdi s-servizzi tiegħu immedjatament f’każ ta’ bżonn (sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2021, Radiotelevizija Slovenija (Perijodu ta’ stand by f’post imbiegħed), C‑344/19, EU:C:2021:182, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, matul tali perijodu ta’ għassa, il-ħaddiem, obbligat li jibqa’ fil-post tax-xogħol tiegħu għad-dispożizzjoni immedjata tal-persuna li timpjegah, għandu jibqa’ mbiegħed mill-ambjent soċjali u familjari tiegħu u jibbenefika minn flessibbiltà żgħira sabiex jiġġestixxi l-ħin li matulu s-servizzi professjonali tiegħu ma humiex mitluba. Għaldaqstant, dan il-perijodu kollu għandu jiġi kklassifikat bħala “ħin tax-xogħol”, fis-sens tad-Direttiva 2003/88, indipendentement mix-xogħol realment imwettaq mill-ħaddiem matul l-imsemmi perijodu (sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2021, Radiotelevizija Slovenija (Perijodu ta’ stand by f’post imbiegħed), C‑344/19, EU:C:2021:182, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li perijodu ta’ għassa taħt sistema stand by, jiġifieri perijodu li matulu l-ħaddiem jibqa’ għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjegah sabiex iwettaq xogħol, minkejja li ma jkunx obbligat li jibqa’ fuq il-post tax-xogħol tiegħu, għandu wkoll jiġi kklassifikat, fl-intier tiegħu, bħala “ħin tax-xogħol”, fis-sens tad-Direttiva 2003/88, meta, fid-dawl tal-impatt oġġettiv u sinjifikattiv ħafna tar-restrizzjonijiet imposti fuq il-ħaddiem fuq il-possibbiltajiet, għal dan tal-aħħar, li jiddedika ruħu għall-interessi personali u soċjali tiegħu, huwa distint minn perijodu li matulu l-ħaddiem għandu biss ikun għad-dispożizzjoni ta’ min iħaddmu sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jingħaqad miegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2021, Radiotelevizija Slovenija (Perijodu ta’ stand by f’post imbiegħed), C‑344/19, EU:C:2021:182, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Minn dan jirriżulta li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol”, fis-sens tad-Direttiva 2003/88, il-perijodi ta’ għassa kollha, inklużi dawk taħt sistema stand by, li matulhom ir-restrizzjonijiet imposti fuq il-ħaddiem huma tali li jaffettwaw oġġettivament u b’mod sinjifikattiv ħafna l-possibbiltà, għal dan tal-aħħar, li jiġġestixxi liberament, matul dawn il-perijodi, il-ħin li matulu s-servizzi professjonali tiegħu ma humiex mitluba u li jiddedika dan il-ħin għall-interessi tiegħu stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2021, Radiotelevizija Slovenija (Perijodu ta’ stand by f’post imbiegħed), C‑344/19, EU:C:2021:182, punt 37).

35

B’mod iktar preċiż, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li perijodu ta’ għassa li matulu ħaddiem jista’, fid-dawl tat-terminu raġonevoli mogħti lilu sabiex ikompli l-attivitajiet professjonali tiegħu, jippjana l-attivitajiet personali u soċjali tiegħu ma jikkostitwixxix, a priori, il-“ħin tax-xogħol”, fis-sens tad-Direttiva 2003/88. Għall-kuntrarju, perijodu ta’ għassa li matulu t-terminu impost fuq il-ħaddiem sabiex jerġa’ jibda jaħdem huwa limitat għal ftit minuti għandu, bħala prinċipju, jitqies fl-intier tiegħu bħala “ħin tax-xogħol”, fis-sens ta’ din id-direttiva, peress li l-ħaddiem huwa, fil-prattika, skoraġġut ħafna milli jippjana kwalunkwe attività ta’ mistrieħ, anki għal żmien qasir (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2021, Radiotelevizija Slovenija (Perijodu ta’ stand by f’post imbiegħed), C‑344/19, EU:C:2021:182, punt 48).

36

Madankollu, kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja, l-impatt ta’ tali terminu ta’ reazzjoni għandu jiġi evalwat wara evalwazzjoni konkreta, li tieħu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, restrizzjonijiet oħra imposti fuq il-ħaddiem, bħall-faċilitajiet mogħtija lilu, matul il-perijodu ta’ għassa tiegħu (sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2021, Radiotelevizija Slovenija (Perijodu ta’ stand by f’post imbiegħed), C‑344/19, EU:C:2021:182, punt 49).

37

F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, jekk ir-restrizzjoni li kien suġġett għaliha XR matul il-perijodu ta’ pawża tiegħu, li tirriżulta min-neċessità li jkun lest għal intervent ta’ emerġenza f’terminu ta’ żewġ minuti, kinitx tali li jillimita b’mod oġġettiv u sinjifikattiv ħafna l-possibbiltajiet li dan il-ħaddiem kellu li jiġġestixxi liberament il-ħin tiegħu sabiex jiddedika ruħu għall-attivitajiet tal-għażla tiegħu.

38

F’dan ir-rigward, fid-dawl tal-oġġezzjonijiet ifformulati minn DPP u mill-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, għandu jiġi rrilevat ukoll, fl-ewwel lok, li l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/88, sabiex jiġu ddeterminati l-modalitajiet tal-perijodu ta’ pawża, u b’mod partikolari t-tul u l-kundizzjonijiet għall-għoti tiegħu, ma huwiex rilevanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-perijodi inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala “ħin tax-xogħol” jew bħala “perijodu ta’ serħan”, fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88, sa fejn dawn iż-żewġ kunċetti jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni, kif tfakkar diġà fil-punt 29 ta’ din is-sentenza.

39

Madankollu, peress li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-perijodi ta’ pawża li minnhom kien jibbenefika XR kienu ta’ tul qasir, jiġifieri tletin minuta kull wieħed, il-qorti tar-rinviju, fil-kuntest tal-eżami tagħha intiż sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-restrizzjonijiet imposti fuq XR fil-kuntest ta’ dawn il-perijodi kinux tali li jillimitaw b’mod oġġettiv u sinjifikattiv ħafna l-possibbiltajiet li dan il-ħaddiem kellu li jirrilassa u li jiddedika ruħu għall-attivitajiet tal-għażla tiegħu, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni r-restrizzjonijiet ta’ dawn il-possibbiltajiet li kienu jeżistu fi kwalunkwe każ, peress li kienu jirriżultaw inevitabbilment mit-tul ta’ tletin minuta ta’ kull ħin ta’ pawża, peress li tali restrizzjonijiet ikunu indipendenti mir-restrizzjonijiet marbuta mal-obbligu tiegħu li jkun lest għal intervent ta’ emerġenza f’terminu ta’ żewġ minuti.

40

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-fatt li l-interruzzjonijiet tal-ħin ta’ pawża huma okkażjonali u imprevedibbli, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-fatt li, bħala medja, il-ħaddiem rarament jintalab jintervjeni matul il-perijodi ta’ għassa ma jistax iwassal sabiex dawn tal-aħħar jitqiesu li huma “perijodi ta’ serħan”, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88, meta l-impatt tat-terminu impost fuq il-ħaddiem sabiex ikompli l-attivitajiet professjonali tiegħu huwa tali li jkun biżżejjed sabiex jirrestrinġi, b’mod oġġettiv u sinjifikattiv ħafna, il-fakultà li huwa għandu li jiġġestixxi liberament, matul dawn il-perijodi, iż-żmien li matulu s-servizzi professjonali tiegħu ma jkunux mitluba (sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2021, Radiotelevizija Slovenija (Perijodu ta’ stand by f’post imbiegħed), C‑344/19, EU:C:2021:182, punt 54)

41

F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li n-natura imprevedibbli tal-interruzzjonijiet possibbli tal-ħin ta’ pawża jista’ jkollha effett restrittiv supplimentari fir-rigward tal-possibbiltà għall-ħaddiem li jiġġestixxi liberament dan il-ħin. Fil-fatt, l-inċertezza li tirriżulta tista’ tqiegħed lil dan il-ħaddiem f’sitwazzjoni permanenti ta’ allert.

42

Għandu finalment jitfakkar, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, li l-mod ta’ remunerazzjoni tal-ħaddiema għall-perijodi ta’ għassa ma jaqax taħt id-Direttiva 2003/88, iżda taħt id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali. Konsegwentement, din id-direttiva ma tipprekludix, l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, ta’ ftehim kollettiv ta’ xogħol jew ta’ deċiżjoni ta’ persuna li timpjega li, għall-finijiet tar-remunerazzjoni ta’ servizz stand by, tieħu inkunsiderazzjoni b’mod differenti l-perijodi li matulhom effettivament twettaq xogħol u dawk li matulhom ebda xogħol effettiv ma jitwettaq, anki meta dawn il-perijodi għandhom jitqiesu, fl-intier tagħhom, bħala “ħin tax-xogħol” għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmija direttiva (sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2021, Radiotelevizija Slovenija (Perijodu ta’ stand by f’post imbiegħed), C‑344/19, EU:C:2021:182, punt 58).

43

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi “ħin tax-xogħol”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-perijodu ta’ pawża mogħti lil ħaddiem matul il-ħin tax-xogħol tiegħu ta’ kuljum, li matulu għandu jkun f’pożizzjoni li jintervjeni f’emerġenza f’terminu ta’ żewġ minuti fil-każ ta’ bżonn, peress li minn evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha jirriżulta li r-restrizzjonijiet imposti fuq dan il-ħaddiem matul l-imsemmi perijodu ta’ pawża huma tali li jaffettwaw oġġettivament u b’mod sinjifikattiv ħafna l-fakultà għal dan tal-aħħar li jiġġestixxi liberament il-ħin li matulu s-servizzi professjonali ma jkunux mitluba u li jiddedika dan il-ħin għall-interessi tiegħu stess.

Fuq it-tielet domanda

44

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li qorti nazzjonali, li tiddeċiedi wara l-annullament tad-deċiżjoni tagħha minn qorti superjuri, tkun marbuta, skont id-dritt proċedurali nazzjonali, bl-evalwazzjonijiet ta’ dritt magħmula minn din il-qorti superjuri, meta dawn l-evalwazzjonijiet ma jkunux kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

45

Għandu jitfakkar li, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, fl-assenza tal-possibbiltà li tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali b’mod konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti nazzjonali li tkun responsabbli sabiex tapplika, fil-kuntest tal-kompetenza tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandha l-obbligu tiżgura l-effett sħiħ tagħhom billi jekk ikun meħtieġ ma tapplikax, fuq il-bażi tal-awtorità tagħha stess, kwalunkwe dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, anki jekk sussegwenti, li tkun kuntrarja, mingħajr ma jkollha għalfejn titlob jew tistenna t-tħassir minn qabel tagħha permezz tal-proċess leġiżlattiv jew ta’ kwalunkwe proċess kostituzzjonali ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 58 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

46

F’dan ir-rigward, il-qorti nazzjonali, fl-eżerċizzju tad-diskrezzjoni mogħtija lilha mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE hija marbuta, għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, bl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja u għandha, jekk ikun il-każ, twarrab l-evalwazzjoni tal-qorti superjuri jekk tikkunsidra, fid-dawl ta’ din l-interpetazzjoni, li dawn ma jikkonformawx mad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2010, Elchinov, C‑173/09, EU:C:2010:581, punt 30)

47

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rekwiżit li jiġi żgurat l-effett sħiħ tad-dritt tal-Unjoni jinkludi l-obbligu, għall-qrati nazzjonali, li, jekk ikun il-każ, jemendaw ġurisprudenza stabbilita jekk din tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dritt intern li tkun inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov, C‑614/14, EU:C:2016:514, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju għandha l-obbligu li tiżgura l-effett sħiħ tal-Artikolu 267 TFUE billi fejn ikun neċessarju tħalli inapplikabbli, fuq inizjattiva tagħha stess, id-dispożizzjonijiet proċedurali nazzjonali li jimponulha li tapplika d-dritt nazzjonali kif interpretat min-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema), meta din l-interpretazzjoni ma hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

49

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li qorti nazzjonali, li tiddeċiedi wara l-annullament tad-deċiżjoni tagħha minn qorti superjuri, tkun marbuta, konformement mad-dritt proċedurali nazzjonali, bl-evalwazzjonijiet ta’ dritt magħmula minn din il-qorti superjuri, meta dawn l-evalwazzjonijiet ma jkunux kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

Fuq l-ispejjeż

50

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi “ħin tax-xogħol”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-perijodu ta’ pawża mogħti lil ħaddiem matul il-ħin tax-xogħol tiegħu ta’ kuljum, li matulu għandu jkun f’pożizzjoni li jintervjeni f’emerġenza f’terminu ta’ żewġ minuti fil-każ ta’ bżonn, peress li minn evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha jirriżulta li r-restrizzjonijiet imposti fuq dan il-ħaddiem matul l-imsemmi perijodu ta’ pawża huma tali li jaffettwaw oġġettivament u b’mod sinjifikattiv ħafna l-fakultà għal dan tal-aħħar li jiġġestixxi liberament il-ħin li matulu s-servizzi professjonali ma jkunux mitluba u li jiddedika dan il-ħin għall-interessi tiegħu stess.

 

2)

Il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li qorti nazzjonali, li tiddeċiedi wara l-annullament tad-deċiżjoni tagħha minn qorti superjuri, tkun marbuta, konformement mad-dritt proċedurali nazzjonali, bl-evalwazzjonijiet ta’ dritt magħmula minn din il-qorti superjuri, meta dawn l-evalwazzjonijiet ma jkunux kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.