SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

11 ta’ Diċembru 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/21/KE (Direttiva ‘qafas’) – Artikolu 2(m) – Provvista ta’ netwerk ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Kunċett – Direttiva 2002/22/KE (Direttiva ‘servizz universali’) – Artikolu 31(1) – Obbligu ta’ trażmissjoni ta’ stazzjonijiet tar-radju jew tat-televiżjoni speċifikati – Operatur li joffri pakkett ta’ stazzjonijiet bis-satellita – Obbligi raġonevoli ta’ xandir – Kundizzjonijiet – Proporzjonalità”

Fil-Kawża C‑87/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja, il-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Jannar 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Frar 2019, fil-proċedura

TV Play Baltic AS

vs

Lietuvos radijo ir televizijos komisija,

fil-preżenza ta’:

Lietuvos nacionalinis radijas ir televizija VšĮ,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn M. Vilaras (Relatur), President tar-Raba’ Awla, li qed jaġixxi bħala President tad-Disa’ Awla, K. Jürimäe u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal TV Play Baltic AS, minn L. Darulienė, advokatė, kif ukoll minn R. Gediminskaitė u I. Barauskienė,

għall-Gvern Litwan, minn R. Dzikovič, K. Dieninis u K. Juodelytė, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn A.-L. Desjonquères u R. Coesme, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. L. Kalėda u L. Nicolae, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(m) tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva “qafas”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349, iktar ’il quddiem id-“Direttiva qafas”) u tal-Artikolu 31(1) tad-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet ta’ l-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva “Servizz Universali”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 367), kif emendat mid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009 li temenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, id-Direttiva 2002/58/KE dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (ĠU 2009, L. 337, p. 11) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva Servizz Universali”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn TV Play Baltic AS (li qabel kienet Viasat AS) u l-Lietuvos radijo ir televizijos komisija (il-Kummissjoni Litwana tar-Radju u tat-Televiżjoni, iktar ’il quddiem l-“LRTK”), fir-rigward taċ-ċaħda, minn din tal-aħħar, tat-talba ta’ Viasat intiża sabiex hija tkun eżentata mill-obbligu ta’ ritrażmissjoni tal-istazzjon tat-televiżjoni LRT Kultūra.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 2 tad-Direttiva qafas, intitolat “Tifsiriet”, jipprovdi fil-punt (m) tiegħu:

“provista ta’ network ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi” tfisser l-istabbiliment, l-operazzjoni, il-kontroll jew it-tagħmil disponibbli ta’ dak in-network”.

4

Il-premessi 43 sa 45 tad-Direttiva “Servizz Universali” jipprovdu:

“(43)

Fil-present, l-Istati Membri jimponu ċerti obbligi ta’ trasmissijoni (‘must carry’) fuq networks għad-distribuzzjoni tax-xandir bir-radju u bit-televiżjoni lill-pubbliku. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jistipulaw obbligi proporzjonati fuq impriżi taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, fl-interess ta’ konsiderazzjonijiet leġittmi ta’ politika pubblika, iżda dawk l-obbligi għandhom ikunu mposti biss fejn ikunu meħtieġa biex jissodisfaw il-miri ta’ interess ġenerali definiti b’mod ċar mill-Istati Membri b’konformità mal-liġi [tal-Unjoni], u għandhom ikunu proporzjonati, trasparenti u suġġetti għal reviżjoni perjodika. L-obbligi ta’ trasmissjoni (must carry) imposti mill-Istati Membri għandhom ikunu raġonevoli, jiġifieri għandhom ikunu proporzjonati u trasparenti fid-dawl ta’ miri ta’ interess ġenerali definiti b’mod ċar, u jistgħu, fejn xieraq, jinvolvu dispożizzjoni għal remunerazzjoni proporzjonata. Dawn l-obbligi ta’ trasmissjoni (must carry) jistgħu jinkludu t-trasmissjoni ta’ servizzi speċifikament maħsuba biex jippermettu aċċess adatt minn utenti b’disabilità.

(44)

Networks użati għad-distribuzzjoni ta’ xandir bir-radju jew bit-televiżjoni lill-pubbliku jinkludu networks ta’ xandir bil — cable, bis-satellità jew terrestru. Jistgħu wkoll jinkludu networks oħra safejn u sakemm n-numru sinjifikanti ta’ utenti finali jużaw dawk in-networks bħala l-mezz prinċipali tagħhom biex jirċievu xandir bir-radju jew bitat-televiżjoni.

(45)

Servizzi li jfornu kontenut bħall-offerta għall-bejgħ ta’ pakkett ta’ kontenut ta’ xandir bil-ħoss jew bit-televiżjoni m’humiex koperti bil-qafas regolatorju komuni għal networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Il-fornituri ta’ dawk is-servizzi m’għandhomx ikunu suġġetti għall-obbligi ta’ servizz universali fir-rigward ta’ dawn l-attivitajiet. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal miżuri meħuda fil-livell nazzjonali, b’konformità mal-liġi tal-Komunità, fir-rigward ta’ dawk is-servizzi.”

5

L-Artikolu 31 tad-Direttiva “Servizz Universali”, intitolat “Obbligi ta’ trasmissjoni (must carry)”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-Istati Membri jistgħu jimponu obbligi raġonevoli ta’ trasmissjoni (must carry), għat-trasmissjoni ta’ kanali u servizzi speċifiċi tax-xandir tar-radju u tat-televiżjoni, fuq impriżi taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom li jfornu networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi użati għad-distribuzzjoni ta’ xandir tar-radju jew tat-televiżjoni lill-pubbliku fejn numru sinjifikanti ta’ utenti finali ta’ dawk in-networks jużawhom bħala l-mezzi prinċipali tagħhom biex jirċievu xandir bir-radju jew bit-televiżjoni. Tali obbligi għandhom jiġu imposti biss meta jkunu meħtieġa biex jilħqu l-għanijiet ta’ interess ġenerali kif definiti b’mod ċar minn kull Stat Membru u għandhom ikunu proporzjonati u trasparenti.

[…]”

Id-dritt Litwan

6

L-Artikolu 33(5) sa (7) tal-Lietuvos Respublikos visuomenės informavimo įstatyma (il-Liġi Litwana dwar l-Informazzjoni lill-Pubbliku, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Informazzjoni”), kif emendata bil-Liġi Nru XII-1731 tal-21 ta’ Mejju 2015, jipprevedi:

“5.   L-operaturi li jipprovdu fil-Litwanja servizzi ta’ ritrażmissjoni ta’ programmi televiżivi, kif ukoll persuni oħra li jipprovdu lill-konsumaturi Litwani servizzi ta’ distribuzzjoni fuq l-internet ta’ stazzjonijiet u/jew ta’ programmi televiżivi, għandhom l-obbligu li jitrażmettu u jxandru fuq l-internet l-istazzjonijiet televiżivi nazzjonali kollha ta’ Lietuvos nacionalinis radijas ir radijas ir televizija li ma humiex ikkriptjati.

6.   Il-Lietuvos radijo ir televizijos komisija (il-Kummissjoni Litwana tar-Radju u tat-Televiżjoni) tista’ tiddeċiedi li teżenta mill-obbligu ta’ ritrażmissjoni jew ta’ xandir fuq l-Internet tal-istazzjonijiet televiżivi nazzjonali ta’ Lietuvos nacionalinis radijas ir televizija li ma humiex ikkriptjati jekk din id-deċiżjoni ma tirrestrinġix il-possibbiltajiet tal-konsumatur li jara dawn l-istazzjonijiet permezz tal-uniċi mezzi tekniċi li huwa għandu.

7.   Ir-ritrażmissjoni u/jew ix-xandir online obbligatorju ta’ programmi televiżivi ma jagħti lok għal ebda ħlas bejn ix-xandara, l-operaturi li jittrażmettu mill-ġdid u l-operaturi l-oħra li jipprovdu lill-konsumaturi Litwani servizzi ta’ xandir fuq l-internet ta’ stazzjonijiet u/jew ta’ programmi televiżivi.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

7

TV Play Baltic hija kumpannija stabbilita fl-Estonja, li xxandar pakketti ta’ stazzjonijiet televiżivi bi ħlas fil-Litwanja permezz ta’ netwerk satellitari li jappartjeni lil terzi li hija tħallas għal dan il-għan.

8

Wara l-emenda, matul is-sena 2015, tal-Liġi dwar l-Informazzjoni, l-attivitajiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma assimilati ma’ attivitajiet ta’ ritrażmissjoni ta’ programmi televiżivi u, skont l-Artikolu 33(5) ta’ din il-liġi, din hija suġġetta għall-obbligu ta’ ritrażmissjoni tal-istazzjonijiet ta’ Lietuvos nacionalinis radijas ir televizija VšĮ (iktar ’il quddiem “LRT”), li jinkludu l-istazzjon LRT Kultūra.

9

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqet quddiem l-LRTK talba għal deroga mill-obbligu li xxandar dan l-istazzjon.

10

Peress li din id-deroga ġiet miċħuda lilha, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad it-talba tagħha quddiem il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnius, il-Litwanja).

11

Permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Jannar 2017, din il-qorti kkonfermat, b’mod partikolari, l-obbligu li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali tittrażmetti dan l-istazzjon.

12

Adita fl-istadju tal-appell, il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja) għandha dubji dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari lill-Artikolu 56 TFUE kif ukoll lid-Direttiva qafas u lid-Direttiva “Servizz Universali”.

13

Qabelxejn, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-obbligu ta’ ritrażmissjoni, previst fl-Artikolu 33(5) tal-Liġi dwar l-Informazzjoni, kif emendata bil-Liġi Nru XII-1731 tal-21 ta’ Mejju 2015, ma huwa suġġett għal ebda kundizzjoni u li din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi t-traspożizzjoni, fid-dritt Litwan, tal-Artikolu 31 tad-Direttiva “Servizz Universali”.

14

Fl-ewwel lok, din il-qorti tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk l-attivitajiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandhomx jitqiesu bħala l-“provvista ta’ netwerk ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi”, fis-sens tal-Artikolu 2(m) tad-Direttiva qafas u tal-Artikolu 31 tad-Direttiva “Servizz Universali”. Hija tirrileva, f’dan ir-rigward, li hija tirrittrażmetti stazzjonijiet televiżivi billi tuża, bi ħlas, infrastruttura ta’ komunikazzjoni li tappartjeni lil operaturi ekonomiċi oħra.

15

L-imsemmija qorti tosserva, madankollu, li ċerti riżorsi ta’ din l-infrastruttura huma għalhekk użati esklużivament sabiex iwasslu s-sinjali trażmessi mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u li din tista’ tiġi kkunsidrata bħala operatur ta’ netwerk, fis-sens tad-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva ta’ l-Aċċess) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 323), kif emendata bid-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 37, rettifika fil-ĠU 2013, L 241, p. 8).

16

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tqis li, jekk l-attivitajiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ provvista ta’ netwerk ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, għandu jiġi ddeterminat jekk Stat Membru jistax jimponi obbligi ta’ xandir fuq operaturi ekonomiċi minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 31 tad-Direttiva “Servizz Universali”. Fl-opinjoni tagħha l-attivitajiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali jistgħu jiġu kkunsidrati bħala servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li jaqgħu fil-kampijiet ta’ applikazzjoni tad-Direttiva qafas u tad-Direttiva “Servizz Universali”. Madankollu, hija ma teskludix li dawn l-attivitajiet jistgħu jitqiesu bħala servizz ta’ provvista ta’ kontenut, li għalihom l-obbligi ta’ servizz universali previsti minn din l-aħħar direttiva ma japplikawx.

17

Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tar-rekwiżit inkluż fl-Artikolu 31(1) tad-Direttiva “Servizz Universali”, li jipprovdi li obbligu ta’ xandir jista’ jiġi impost biss meta numru sinjifikattiv ta’ utenti finali jużaw in-netwerk inkwistjoni bħala mezz prinċipali sabiex jirċievu stazzjonijiet tar-radju jew tat-televiżjoni. Hija tosserva li, għalkemm dan ir-rekwiżit ma japplikax għall-impriżi li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-leġiżlatur Litwan jiżgura trattament uniformi tal-operaturi kollha li jittrażmettu mill-ġdid fir-rigward ta’ dan l-obbligu.

18

Fir-raba’ lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-obbligu ta’ xandir jirrestrinġi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, imsemmi fl-Artikolu 56 TFUE. Hija tqis li, għalkemm tali restrizzjoni tista’ tiġi ġġustifikata minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali marbuta mal-politika kulturali, dan l-obbligu għandu jkun proporzjonat u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet imfittxija. Issa, hija tistaqsi jekk il-possibbiltà, għal LRT, li xxandar hija stess LRT Kultūra fuq l-istess netwerk ta’ satellita bħal dak użat mill-klijenti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali hijiex rilevanti f’dan ir-rigward, peress li LRT ixxandar stazzjon ieħor mingħajr ħlas fuq l-istess satellita bħal dik użata minn din tal-aħħar. Hija tistaqsi bl-istess mod dwar il-fatt li dan l-istazzjon jixxandar permezz tan-netwerk terrestri tat-televiżjoni u li parti mill-kontenut tiegħu huwa aċċessibbli mingħajr ħlas fuq l-internet.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 2(m) tad-[Direttiva qafas] għandu jiġi interpretat fis-sens li ma taqax taħt il-kunċett ta’ “provista ta’ network ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi” attività ta’ ritrażmissjoni ta’ programmi televiżivi permezz ta’ netwerks ta’ satelliti li jappartjenu lil terzi bħal dik eżerċitata mir-[rikorrenti fil-kawża prinċipali]?

2)

L-Artikolu 31(1) tad-[Direttiva “Servizz Universali”], kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jimponu obbligu ta’ xandir (‘must carry’) (obbligu li jirrittrażmettu programm televiżiv permezz ta’ netwerks ta’ satelliti li jappartjenu lil terzi u li jippermettu lill-utenti finali li jaċċedu għal dan il-programm) fuq impriżi bħar-[rikorrenti fil-kawża prinċipali], impriżi li [, l-ewwel nett,] ixandru, permezz ta’ netwerks ta’ satelliti li jappartjenu lil terzi, programmi televiżivi protetti minn sistema ta’ aċċess kundizzjonali, billi jirċievu s-sinjal ta’ programmi televiżivi (kanali tat-televiżjoni) imxandra, jikkonvertuh, jikkriptjawh u jwassluh sas-satellita, li minnha dawn is-sinjali jiġu sussegwentement trażmessi, b’mod kontinwu, lejn id-dinja u [, it-tieni nett], joffru lill-klijenti pakketti ta’ programmi televiżivi, li jippermettulhom, bi ħlas, li jaċċedu permezz ta’ aċċess kundizzjonali għall-imsemmi kanal (programm) tat-televiżjoni protett?

3)

L-Artikolu 31(1)tad-[Direttiva ‘Servizz Universali’], għandu jiġi interpretat fis-sens li ma hemmx lok li jitqies li numru sinifikattiv ta’ utenti finali jużaw in-netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (f’dan il-każ, in-netwerk ta’ xandir bis-satellita) bħala l-mezz priniċpali tagħhom sabiex jirċievu kanali tat-televiżjoni, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, meta huwa biss 6 % mill-utenti finali kollha (f’dan il-każ, djar) li jużaw dawn in-netwerks bħala l-mezz priniċpali tagħhom sabiex jirċievu kanali tat-televiżjoni?

4)

Sabiex jiġi ddeterminat jekk hijiex iġġustifikata l-applikazzjoni tal-Artikolu 31(1) tad-[Direttiva ‘Servizz Universali’], jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-utenti tal-internet, li jistgħu jaraw il-kanal inkwistjoni (il-programmi tiegħu) bla ħlas u b’mod dirett fuq l-internet?

5)

L-Artikolu 56 TFUE jeħtieġ li jiġi interpretat bħala li jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jimponu fuq impriżi bħar-[rikorrenti fil-kawża prinċipali] obbligu ta’ ritrażmissjoni bla ħlas ta’ kanal tat-televiżjoni permezz ta’ netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi meta x-xandar li fir-rigward tiegħu jiġi impost dan l-obbligu għandu l-possibbiltà li jxandar huwa stess il-kanal inkwistjoni bl-istess netwerk, bi spejjeż tiegħu?

6)

L-Artikolu 56 TFUE jeħtieġ li jiġi interpretat bħala li jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jimponu fuq impriżi bħar-[rikorrenti fil-kawża prinċipali] obbligu ta’ ritrażmissjoni bla ħlas ta’ kanal tat-televiżjoni permezz ta’ netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi meta dan l-obbligu kien jippermetti li jintlaħqu madwar 6 % tad-djar kollha u meta dawn tal-aħħar għandhom il-possibbiltà li jaraw l-imsemmi kanal billi jużaw in-netwerk ta’ xandir terrestri jew l-internet?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

20

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk attività ta’ ritrażmissjoni ta’ programmi televiżivi permezz ta’ netwerks satellitari li jappartjenu lil terzi taqax taħt il-kunċett ta’ “provvista ta’ netwerk ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi”, fis-sens tal-Artikolu 2(m) tad-Direttiva qafas.

21

Għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li impriża li sempliċement tipproponi l-wiri ta’ programmi tat-televiżjoni b’mod kontinwu u dirett fuq l-internet ma tipprovdix netwerk ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, iżda toffri, għall-kuntrarju, aċċess għall-kontenut ta’ servizzi awdjoviżivi pprovduti fuq in-netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2018, France Télévisions, C-298/17, EU:C:2018:1017, punti 18 u 19).

22

Issa, is-sitwazzjoni ta’ impriża li, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, tittrażmetti mill-ġdid stazzjonijiet tat-televiżjoni bis-satellita ma hijiex differenti minn dik ta’ impriża li xxandar tali stazzjonijiet permezz tal-internet, fis-sens li, bħal din tal-aħħar, hija toffri aċċess għal kontenut ta’ servizzi awdjoviżivi pprovduti fuq netwerk ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, f’dan il-każ netwerk satellitari.

23

Għalkemm il-qorti tar-rinviju tistaqsi, madankollu, dwar il-possibbiltà li l-attività inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiġi kkunsidrata bħala li tikkonsisti fil-provvista ta’ netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, minħabba li ċerti riżorsi tal-infrastruttura satellitari huma użati esklużivament sabiex jitwasslu s-sinjali trażmessi mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, huwa paċifiku li din tal-aħħar ma tissodisfa ebda wieħed mill-kompiti żgurati mill-fornitur ta’ netwerk ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, fis-sens tal-Artikolu 2(m) tad-Direttiva qafas, jiġifieri r-responsabbiltà għall-implimentazzjoni, għall-operazzjoni, għas-sorveljanza jew għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ tali netwerk.

24

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(m) tad-Direttiva qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li attività ta’ ritrażmissjoni ta’ programmi televiżivi permezz ta’ netwerks satellitari li jappartjenu lil terzi ma taqax taħt il-kunċett ta’ “provvista ta’ netwerk ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq it-tieni domanda

25

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 31(1) tad-Direttiva “Servizz Universali” jipprekludix lill-Istati Membri milli jimponu obbligu ta’ xandir ta’ programm televiżiv fuq impriżi li jittrażmettu mill-ġdid, permezz ta’ netwerks satellitari li jappartjenu lil terzi, programmi televiżivi protetti minn sistema ta’ aċċess kundizzjonali u joffru lill-klijenti tagħhom pakketti ta’ programmi televiżivi.

26

Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-direttivi li jaqgħu taħt il-qafas regolamentari komuni, li jagħmlu parti minnhom id-Direttiva qafas u d-Direttiva “Servizz Universali”, ma jippreġudikawx il-miżuri meħuda fuq il-livell nazzjonali, fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, sabiex jintlaħqu għanijiet ta’ interess ġenerali, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-kontenut u l-politika awdjoviżiva, peress li dan il-qafas komuni ma japplikax għall-kontenut tas-servizzi pprovduti fuq in-netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2018, France Télévisions, C-298/17, EU:C:2018:1017, punti 25 u 26).

27

Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li d-Direttiva “Servizz Universali” tħalli lill-Istati Membri liberi li jimponu obbligi ta’ xandir barra dawk imsemmija fl-Artikolu 31(1) tagħha, b’mod partikolari fuq impriżi li, mingħajr ma jipprovdu netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, joffru l-wiri ta’ programmi televiżivi b’mod kontinwu fuq l-internet (sentenza tas-13 ta’ Diċembru 2018, France Télévisions, C-298/17, EU:C:2018:1017, punt 27).

28

L-istess bħall-attività inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, attività ta’ ritrażmissjoni, permezz ta’ netwerk satellitari, ta’ programmi televiżivi protetti minn sistema ta’ aċċess kundizzjonali tikkonsisti fit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ kontenut televiżiv.

29

Minn ebda element tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta li hemm lok li tiġi evalwata b’mod differenti attività ta’ xandir ta’ kontenut televiżiv, fid-dawl tal-Artikolu 31(1) tad-Direttiva “Servizz Universali”, skont jekk din hijiex eżerċitata permezz tas-satellita jew permezz tal-internet.

30

Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 31(1) tad-Direttiva “Servizz Universali” għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jimponu obbligu ta’ xandir ta’ programm televiżiv fuq impriżi li jittrażmettu mill-ġdid, permezz ta’ netwerks satellitari li jappartjenu lil terzi, programmi televiżivi protetti minn sistema ta’ aċċess kundizzjonali u joffru lill-klijenti tagħhom pakketti ta’ programmi televiżivi.

Fuq it-tielet u r-raba’ domanda

31

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel u għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet u r-raba’ domanda.

Fuq il-ħames u s-sitt domanda

32

Permezz tal-ħames u tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 56 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lill-Istati Membri milli jimponu obbligu ta’ xandir mingħajr ħlas ta’ stazzjon televiżiv fuq impriżi li jittrażmettu mill-ġdid, permezz ta’ netwerks satellitari li jappartjenu lil terzi, programmi televiżivi protetti minn sistema ta’ aċċess kundizzjonali u joffru lill-klijenti tagħhom pakketti ta’ programmi televiżivi, filwaqt li, minn naħa, ix-xandar li favur tiegħu dan l-obbligu huwa impost għandu l-possibbiltà li jxandar huwa stess, bi spejjeż tiegħu, l-istazzjon ikkonċernat mill-istess netwerk u, min-naħa l-oħra, l-imsemmi obbligu jippermetti li jintlaħaq biss madwar 6 % tal-familji kollha u li dawn għandhom il-possibbiltà li jaraw dan l-istazzjon bl-użu tan-netwerk ta’ xandir terrestri jew tal-internet.

33

Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li d-dritt tal-Unjoni ma wettaqx armonizzazzjoni kompleta tas-settur tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u, konsegwentement, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 56 TFUE f’dak li jikkonċerna l-aspetti mhux koperti b’mod partikolari mid-Direttiva qafas u mid-Direttiva “Servizz Universali” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ April 2014, UPC DTH, C-475/12, EU:C:2014:285, punt 70).

34

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-ħruġ ta’ messaġġi televiżivi, inklużi dawk trażmessi permezz ta’ teledistribuzzjoni, jikkostitwixxi, bħala tali, provvista ta’ servizzi, fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE (sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007, United Pan-Europe Communications Belgium et, C-250/06, EU:C:2007:783, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tinkludix restrizzjoni pprojbita skont l-Artikolu 56 TFUE, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi teżiġi mhux biss l-eliminazzjoni ta’ kull diskriminazzjoni kontra l-fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor minħabba n-nazzjonalità tiegħu, iżda wkoll it-tneħħija ta’ kull restrizzjoni, anki jekk din tapplika mingħajr distinzjoni għall-fornituri nazzjonali u għal dawk ta’ Stati Membri oħra, meta din tkun ta’ natura li tipprojbixxi, tfixkel jew tagħmel inqas attraenti l-attivitajiet tal-fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, fejn huwa jipprovdi legalment servizzi analogi (sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007, United Pan-Europe Communications Belgium et, C‑250/06, EU:C:2007:783, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

36

Għandu jiġi kkonstatat li, bl-impożizzjoni ta’ obbligu ta’ xandir ta’ ċerti programmi televiżivi ta’ LRT fuq l-impriżi li, irrispettivament mill-post ta’ stabbiliment tagħhom, jittrażmettu mill-ġdid programmi televiżivi permezz tas-satellita, lejn telespettaturi Litwani, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistabbilixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE.

37

Skont il-ġurisprudenza, tali restrizzjoni għal libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat FUE tista’ tiġi ġġustifikata, peress li tissodisfa raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, sa fejn din tiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex minnha u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq (sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007, United Pan-Europe Communications Belgium et, C‑250/06, EU:C:2007:783, punt 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

38

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, politika kulturali tista’ tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tiġġustifika restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Fil-fatt, iż-żamma tal-pluraliżmu li tfittex li tiggarantixxi din il-politika hija marbuta mal-libertà ta’ espressjoni, kif protetta mill-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, peress li din il-libertà hija fost dawk id-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, b’mod partikolari, mill-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007, United Pan-Europe Communications Belgium et, C-250/06, EU:C:2007:783, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

39

F’dan il-każ, il-Gvern Litwan enfasizza li l-obbligu ta’ xandir tal-istazzjon televiżiv LRT Kultūra, impost fuq l-impriżi bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, għandu għan ta’ interess ġenerali marbut mal-politika kulturali, fid-dawl tal-valur soċjali u kulturali ta’ dan l-istazzjon għat-telespettaturi Litwani.

40

Tali għan ta’ politika kulturali jista’ jkun ta’ natura li jiġġustifika l-eżistenza ta’ restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

41

Madankollu, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta tali restrizzjoni għandha tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan segwit. Fir-rigward ta’ dan il-punt, bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, l-obbligu ta’ xandir ta’ ċerti programmi televiżivi jista’ jippermetti li jintlaħaq l-għan ta’ politika kulturali li hija ssegwi, sa fejn din hija ta’ natura li tiżgura li t-telespettaturi Litwani, li għandhom biss aċċess għat-televiżjoni bis-satellita, ikollhom il-possibbiltà li jaraw il-programmi tal-istazzjon LRT Kultūra, li għalihom huma ma għandhomx aċċess mod ieħor.

42

Fir-rigward tal-proporzjonalità tal-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tagħmel, b’mod iktar partikolari, is-suġġett tal-ħames u tas-sitt domanda, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi f’dan ir-rigward, fid-dawl tal-elementi mressqa quddiemha fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdilha indikazzjonijiet dwar il-parametri li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt dan l-eżami.

43

Għalhekk, kif enfasizzat il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet tagħha, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-numru jew il-perċentwali ta’ utenti finali li effettivament jużaw il-mezzi ta’ xandir tal-istazzjonijiet televiżivi, għall-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-obbligu ta’ xandir inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

44

Barra minn hekk, sabiex jiġi evalwat jekk l-obbligu ta’ xandir inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwiex proporzjonat, il-qorti tar-rinviju għandha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni, wara li jiġu vverifikati, elementi bħalma huma t-tqassim ġeografiku tal-utenti finali tas-servizzi pprovduti mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-fatt li l-istazzjon LRT Kultūra huwa ritrażmess b’dan il-mod mingħajr ma huwa kkriptjat, li jolqot pubbliku iktar wiesa’, u l-fatt li dan l-istazzjon, jew parti kbira mill-programmi tiegħu, hija aċċessibbli mingħajr ħlas permezz tal-internet kif ukoll permezz tan-netwerk tat-televiżjoni terrestri.

45

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għall-ħames u għas-sitt domanda għandha tkun li l-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jimponu obbligu ta’ xandir mingħajr ħlas ta’ stazzjon televiżiv fuq impriżi li jittrażmettu mill-ġdid, permezz ta’ netwerks satellitari li jappartjenu lil terzi, programmi televiżivi protetti minn sistema ta’ aċċess kundizzjonali u joffru lill-klijenti tagħhom pakketti ta’ programmi televiżivi, sakemm, minn naħa, dan l-obbligu ta’ xandir jippermetti lil numru jew perċentwali sinjifikattiv ta’ utenti finali tal-mezzi ta’ xandir kollha tal-programmi televiżivi li jaċċedi għall-istazzjon li jibbenefika mill-imsemmi obbligu u, min-naħa l-oħra, li jittieħed inkunsiderazzjoni t-tqassim ġeografiku tal-utenti finali tas-servizzi pprovduti mill-operatur li fuqu huwa impost l-istess obbligu ta’ xandir, il-fatt li dan jittrażmetti mill-ġdid dan l-istazzjoni mingħajr ma jiġi kkriptjat u tal-fatt li l-imsemmi stazzjon huwa aċċessibbli mingħajr ħlas fuq l-internet kif ukoll permezz tan-netwerk tat-televiżjoni terrestri, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

Fuq l-ispejjeż

46

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 2(m) tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva “qafas”) għandu jiġi interpretat fis-sens li attività ta’ ritrażmissjoni ta’ programmi televiżivi permezz ta’ netwerks satellitari li jappartjenu lil terzi ma taqax taħt il-kunċett ta’ “provvista ta’ netwerk ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 

2)

L-Artikolu 31(1) tad-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet ta’ l-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva “Servizz Universali”), għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jimponu obbligu ta’ xandir ta’ programm televiżiv fuq impriżi li jittrażmettu mill-ġdid, permezz ta’ netwerks satellitari li jappartjenu lil terzi, programmi televiżivi protetti minn sistema ta’ aċċess kundizzjonali u joffru lill-klijenti tagħhom pakketti ta’ programmi televiżivi.

 

3)

l-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jimponu obbligu ta’ xandir mingħajr ħlas ta’ stazzjon televiżiv fuq impriżi li jittrażmettu mill-ġdid, permezz ta’ netwerks satellitari li jappartjenu lil terzi, programmi televiżivi protetti minn sistema ta’ aċċess kundizzjonali u joffru lill-klijenti tagħhom pakketti ta’ programmi televiżivi, sakemm, minn naħa, dan l-obbligu ta’ xandir jippermetti lil numru jew perċentwali sinjifikattiv ta’ utenti finali tal-mezzi ta’ xandir kollha tal-programmi televiżivi li jaċċedi għall-istazzjon li jibbenefika mill-imsemmi obbligu u, min-naħa l-oħra, li jittieħed inkunsiderazzjoni t-tqassim ġeografiku tal-utenti finali tas-servizzi pprovduti mill-operatur li fuqu huwa impost l-istess obbligu ta’ xandir, il-fatt li dan jittrażmetti mill-ġdid dan l-istazzjoni mingħajr ma jiġi kkriptjat u tal-fatt li l-imsemmi stazzjon huwa aċċessibbli mingħajr ħlas fuq l-internet kif ukoll permezz tan-netwerk tat-televiżjoni terrestri, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Litwan.