SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

3 ta’ Diċembru 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2003/96/KE – Tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija u tal-elettriku – Artikolu 21(3) – Assenza ta’ fatt taxxabbli – Konsum ta’ prodotti tal-enerġija ġewwa stabbiliment fejn ġew immanifatturati mwettqa għall-produzzjoni ta’ prodotti tal-enerġija finali li matulhom jinkisbu wkoll, b’mod inevitabbli, prodotti mhux tal-enerġija”

Fil-Kawża C‑44/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Ġunju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Jannar 2019, fil-proċedura

Repsol Petróleo SA

vs

Administración General del Estado,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, M. Ilešič, E. Juhász (Relatur), C. Lycourgos u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑4 ta’ Marzu 2020,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Repsol Petróleo SA, inizjalment minn F. Bonastre Capell u M. Muñoz Pérez, sussegwentement minn F. Bonastre Capell u M. Linares Gil, abogados,

għall-Gvern Spanjol, minn L. Aguilera Ruiz, bħala aġent,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, O. Serdula u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Arenas u A. Armenia, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑23 ta’ April 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 21(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 405).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Repsol Petróleo SA (iktar ‘il quddiem “Repsol”) u l-Administración General del Estado (l-Amministrazzjoni Ġenerali tal-Istat, Spanja) dwar id-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar li tissuġġetta għad-dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali l-konsum, għal finijiet produttivi, taż-żjut minerali li Repsol stess ipproduċiet, sa fejn din il-produzzjoni ġġenerat prodotti residwi minbarra prodotti tal-enerġija.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 92/81/KEE

3

L-Artikolu 4(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/81/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tad-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU 1992, L 316, p. 12), kien jipprovdi:

“Il-konsum ta’ żjut minerali fl-impjant ta’ manifattura ta’ żjut minerali ma huwiex meqjus bħala fatt li jagħti lok għad-dazju tas-sisa jekk isir għall-finijiet tal-produzzjoni.

Madankollu, meta dan il-konsum jitwettaq għal finijiet li ma humiex dawk ta’ produzzjoni, u b’mod partikolari l-propulsjoni ta’ vetturi, din jitqies bħala fatt li jagħti lok għad-dazju tas-sisa.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-Direttiva 2003/96

4

Il-premessi 3 sa 5 tad-Direttiva 2003/96 jistipulaw:

“(3)

Il-funzjonijiet kif suppost tas-suq intern u s-seħħ ta’ għanijiet ta’ politiki oħra tal-Kommunità jinħtieġu livelli minimi ta’ tassazzjoni li jkunu stabbiliti fuq livell Kommunitarju għall-bosta mill-prodotti tal-enerġija, u jinkludu l-elettriku, gass naturali u faħam.

(4)

Differenzi sostanzjali dwar livelli nazzjonali ta’ tassazzjoni fuq l-enerġija minn Stati Membri tista’ tkun ta’ detriment għall-funzjonament kif suppost tas-suq intern.

(5)

L-istabbilament ta’ livelli minimi u approprijati ta’ tassazzjoni mill-Kommunità tista’ tnaqqas differenzi eżistenti ta’ tassazzjoni fil-livell nazzjonali.”

5

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Stati Membri għandhom jimponu tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku skond din id-Direttiva.”

6

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/96, l-Artikolu 2(1) tagħha jelenka l-prodotti li huma kkunsidrati li huma “prodotti ta’ enerġija”.

7

Konformement mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva 2003/96, din ma tapplikax għall-prodotti ta’ enerġija mhux użati bħala karburant jew kombustibbli.

8

L-Artikolu 21(3) tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Il-konsum ta’ prodotti ta’ enerġija f’żona tmiss ma stabilliment li jipproduċi prodotti ta’ enerġija ma għandux jiġi kknsidrat bħala l-att li jwassal għal ħlas li jagħti lok għall-tassazzjoni, jekk il-konsum jikkonsisti fi prodotti ta’enerġija magħmula fiż-żona ta’ l-isatbbiliment. Stati membri jistgħu jikkonsidraw ukoll il-konsum ta’ l-elettriku u prodotti oħra ta’ enerġija li ma jiġux magħmula fiż-żona ta’ stabbiliment bħal dan u l-konsum ta’ prodotti ta’ enerġija u elettriku fiż-żona tmiss ma stabbbiliment fejn issir produzzjoni ta’ karburanti biex jintużaw għall-ġenerazzjoni ta’ elettriku li ma jagħtux lok għal l-att li jwassal għal ħlas. Fejn il-konsum isir għall-skopijiet li ma għandhomx x’jaqsmu mal-produzzjoni ta’ prodotti ta’ enerġija u b’mod partikolari għall-propulsjoni ta’ vetturi, dan għandu jiġi kkonsidrat bħala l-att li jwassal għal ħlas, li jagħti lok għall-tassazzjoni”.

Id-dritt Spanjol

9

L-Artikolu 47 tal-Ley 38/1992 de Impuestos Especiales (il-Liġi 38/1992 dwar it-Taxxi Speċjali) tat‑28 ta’ Diċembru 1992 (BOE Nru 312, tad‑29 ta’ Diċembru 1992, p. 44305), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“LIE”), intitolat “Każijiet ta’ eżenzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1(b) tiegħu:

“Ma humiex suġġetti għad-dazju l-awtokonsum li jinvolvi:

[…]

(b)

L-użu ta’ żjut minerali bħala kombustibbli fil-proċess ta’ manifattura ta’ żjut minerali taħt sistema ta’ sospensjoni ta’ ġbir tat-taxxa.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10

Repsol, kumpannija rreġistrata taħt id-dritt Spanjol, topera, fost oħrajn, fil-qasam tal-manifattura ta’ prodotti tal-enerġija fil-proċess ta’ raffinar taż-żejt naturali. Barra mill-prodotti tal-enerġija, il-proċess ta’ raffinar jiġġenera prodotti oħra li jinbiegħu u jintużaw fl-industrija kimika u li jintużaw mill-ġdid fil-proċess tal-produzzjoni.

11

Fit‑2 ta’ April 2012, wara spezzjoni li saret fl‑2011, l-amministrazzjoni fiskali Spanjola ħarġet avviż ta’ tassazzjoni li jobbliga lil Repsol tħallas, għas-snin fiskali 2007 u 2008, id-dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali għaż-żjut minerali li din l-impriża pproduċiet hija stess u użati sussegwentement fl-installazzjonijiet tagħha stess għal finijiet produttivi, sa fejn din il-produzzjoni ġġenerat prodotti residwi minbarra prodotti tal-enerġija bħal, b’mod partikolari, il-kubrit u d-dijossidu tal-karbonju.

12

Skont l-amministrazzjoni fiskali Spanjola, dan l-awtokonsum ma jagħtix lok għall-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali, prevista fl-Artikolu 47(1)(b) tal-LIE, għall-parti ta’ dan l-awtokonsum li twassal għall-kisba ta’ prodotti li ma għandhomx il-kwalità ta’ żjut minerali.

13

Fil‑25 ta’ April 2012, Repsol ressqet ilment kontra din l-opinjoni quddiem it-Tribunal Económico-Administrativo Central (il-Qorti Fiskali Ċentrali, Spanja), fejn sostniet, b’mod partikolari, li dan l-awtokonsum huwa eżentat mid-dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali, inkluż min-naħa ta’ dan l-awtokonsum li jwassal għall-kisba ta’ prodotti li ma għandhomx il-kwalità ta’ żjut minerali.

14

Fis‑6 ta’ Novembru 2015, wara ċ-ċaħda ta’ dan l-ilment, Repsol ippreżentat rikors amministrattiv quddiem l-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali, Spanja), li permezz tiegħu hija sostniet li, fil-kuntest tal-proċess ta’ produzzjoni ta’ żjut minerali, prodotti li ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala prodotti tal-enerġija, bħall-kubrit, jinkisbu b’mod residwu u inevitabbli. Il-produzzjoni tal-kubrit tirriżulta mill-operazzjoni li tikkonsisti fl-estrazzjoni ta’ dan il-prodott minn żjut minerali u l-għan ta’ dan il-proċess huwa li jiġu ssodisfatti l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi applikabbli għaż-żjut minerali, li jistabbilixxu livelli massimi ta’ kubrit.

15

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Diċembru 2016, l-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali) ċaħdet ir-rikors ta’ Repsol sa fejn dan kien intiż sabiex jikkontesta t-tassazzjoni tal-awtokonsum ta’ żjut minerali li ġġeneraw prodotti mhux tal-enerġija.

16

Fl‑10 ta’ Lulju 2017, Repsol appellat fil-kassazzjoni minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja). Quddiem din il-qorti, Repsol tallega li l-għan tal-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96 huwa li jissuġġetta għat-tassazzjoni biss il-prodotti tal-enerġija rrilaxxati għall-konsum, bl-esklużjoni ta’ dawk intiżi għall-awtokonsum, jiġifieri dawk użati għall-finijiet tal-produzzjoni ta’ prodotti tal-enerġija oħra, anki jekk, matul dan il-proċess ta’ manifattura, huma inevitabbilment miksuba prodotti residwi mhux tal-enerġija. Għalhekk, il-prattika tal-amministrazzjoni fiskali Spanjola li tissuġġetta għat-tassazzjoni l-parti tal-awtokonsum li ġġenerat dawn il-prodotti residwi tmur kontra l-għan tad-Direttiva 2003/96.

17

Skont Repsol, din il-prattika setgħet tiġi ġġustifikata taħt il-kappa tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 92/81, li eskluda mit-taxxa l-konsum ta’ żjut minerali mwettqa għall-finijiet tal-produzzjoni ta’ żjut minerali. Min-naħa l-oħra, id-Direttiva 2003/96, li ħassret id-Direttiva 92/81, tipprevedi biss, fl-Artikolu 21(3) tagħha, li l-konsum ta’ prodotti ta’ enerġija ma jaqax taħt it-tassazzjoni peress li dan iseħħ fi ħdan stabbiliment li jipproduċi prodotti tal-enerġija.

18

Skont il-qorti tar-rinviju, tqum il-kwistjoni dwar jekk it-tneħħija tal-frażi “isir għall-finijiet tal-produzzjoni”, li tinsab fl-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 92/81, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96, għandhiex titqies bħala emenda leġiżlattiva li timplika li l-konsum ta’ prodotti tal-enerġija fi ħdan l-istabbiliment fejn ikunu ġew immanifatturati għall-produzzjoni ta’ prodotti tal-enerġija finali, li matulhom prodotti mhux tal-enerġija huma inevitabbilment miksuba, huma wkoll eżentati mid-dazji tas-sisa.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 21.3 tad-Direttiva 2003/96 […], għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li jiġu suġġetti għat-taxxa speċjali fuq iż-żjut minerali, dawk it-tranżazzjonijiet ta’ awto-konsum ta’ prodotti tal-enerġija, imwettqa fl-impjanti tal-produttur, fil-proporzjon li fih jinkisbu prodotti mhux tal-enerġija.

Jew inkella, għall-kuntrarju, l-għan ta’ din id-dispożizzjoni, li huwa li jiġi eskluż mit-tassazzjoni l-użu ta’ prodotti tal-enerġija li huma meqjusa neċessarji sabiex jinkisbu l-prodotti tal-enerġija finali jimpedixxi t-tassazzjoni tal-istess awto-konsum sa fejn dan iwassal għall-kisba ta’ prodotti oħra mhux tal-enerġija, anki jekk din il-produzzjoni tkun residwa u sseħħ b’mod inevitabbli bħala konsegwenza tal-proċess ta’ produzzjoni nniffsu?”

Fuq id-domanda preliminari

20

Permezz taż-żewġ partijiet tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel sentenza tal-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li, meta stabbiliment li jipproduċi prodotti tal-enerġija intiżi sabiex jintużaw bħala kombustibbli jew bħala karburant jikkonsma prodotti tal-enerġija li huwa stess ikun ipproduċa u meta, permezz ta’ dan il-proċess, jikseb ukoll, b’mod inevitabbli, prodotti mhux tal-enerġija, il-parti tal-konsum li twassal għall-kisba ta’ tali prodotti mhux tal-enerġija taqa’ taħt l-eċċezzjoni għall-fatt li jagħti lok għat-taxxa fuq il-prodotti tal-enerġija prevista f’din id-dispożizzjoni.

21

Preliminarjament, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2003/96 għandha bħala għan, kif jirriżulta mill-premessi 3 sa 5 u mill-Artikolu 1 tagħha, l-istabbiliment ta’ sistema ta’ tassazzjoni armonizzata tal-prodotti tal-enerġija u tal-elettriku, li fil-kuntest tagħha t-tassazzjoni hija r-regola, konformement mal-modalitajiet stabbiliti minn din id-direttiva.

22

Konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96, il-konsum ta’ prodotti tal-enerġija ġewwa stabbiliment li jipproduċi prodotti tal-enerġija ma huwiex ikkunsidrat bħala fatt li jagħti lok għat-taxxa fuq il-prodotti tal-enerġija, jekk il-konsum jikkonsisti fi prodotti tal-enerġija magħmula fl-istabbiliment. It-tielet sentenza ta’ dan il-paragrafu tippreċiża li, meta l-konsum ta’ prodotti tal-enerġija jirrigwarda skopijiet li ma humiex marbuta mal-produzzjoni ta’ prodotti tal-enerġija, dan għandu jitqies bħala fatt taxxabbli li jagħti lok għal tassazzjoni.

23

Il-formulazzjoni tal-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96 ma tindikax espliċitament sa liema punt l-konsum ta’ prodotti tal-enerġija għall-finijiet ta’ proċess ta’ produzzjoni li fil-kuntest tiegħu jinkisbu simultanjament prodotti tal-enerġija u prodotti mhux tal-enerġija, għandu jiġi kkunsidrat jew le bħala fatt li jagħti lok għat-taxxa fuq il-prodotti tal-enerġija.

24

Billi tipprovdi li l-konsum ta’ prodotti tal-enerġija ġewwa l-istabbiliment fejn ikunu ġew immanifatturati ma huwiex, taħt ċerti kundizzjonijiet, ikkunsidrat bħala fatt li jagħti lok għal din it-tassazzjoni, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 21(3) tal-imsemmija direttiva tikkostitwixxi dispożizzjoni derogatorja fi ħdan din is-sistema ta’ tassazzjoni, li għandha tiġi interpretata strettament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, Petrotel-Lukoil, C‑68/18, EU:C:2019:933, punt 37).

25

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat, minn naħa, li l-konsum ta’ prodotti tal-enerġija fiż-żona tal-istabbiliment fejn ikunu ġew immanifatturati jaqa’ taħt l-eċċezzjoni dwar il-fatt taxxabbli, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 21(3) tal-imsemmija direttiva, biss jekk dan isir għall-finijiet tal-manifattura ta’ prodotti tal-enerġija li jaqgħu, huma stess, taħt is-sistema ta’ tassazzjoni armonizzata stabbilita mid-Direttiva 2003/96, minħabba l-użu tagħhom bħala karburant jew kombustibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2018, Koppers Denmark, C‑49/17, EU:C:2018:395, punti 3237).

26

F’dan il-każ, ma jidhirx li huwa kkontestat li l-prodotti tal-enerġija miksuba, fil-kawża prinċipali, huma intiżi sabiex jintużaw bħala karburant jew kombustibbli, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jsegwi li l-prodotti mhux tal-enerġija miksuba fil-kawża prinċipali huma rkuprati minn Repsol permezz tal-kummerċjalizzazzjoni jew l-użu mill-ġdid tagħhom fil-proċess ta’ produzzjoni. Huwa abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tingħata risposta għad-domanda magħmula.

27

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li, fil-każ li diversi prodotti jiġu mmanifatturati ġewwa stabbiliment, sabiex jiġi evalwat jekk il-konsum ta’ prodotti tal-enerġija jaqax jew le taħt l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96, hemm lok li jiġu eżaminati d-diversi għanijiet ta’ tali konsum (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, Petrotel-Lukoil, C‑68/18, EU:C:2019:933, punt 25).

28

Fil-fatt, għandha ssir distinzjoni, fi ħdan dan il-konsum, bejn il-partijiet tal-prodotti tal-enerġija kkunsmati skont l-użu tagħhom għall-finijiet tat-trattament tagħhom skont id-dazju tas-sisa. Huwa biss il-konsum ta’ prodotti tal-enerġija li huwa intiż li jipproduċi prodotti tal-enerġija intiżi sabiex jintużaw bħala karburant jew bħala kombustibbli li jaqa’ taħt l-eċċezzjoni għall-fatt taxxabbli, prevista fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 21(3) tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, Petrotel-Lukoil, C‑68/18, EU:C:2019:933, punti 2627).

29

Min-naħa l-oħra, ma jistax jibbenefika minn tali eċċezzjoni l-konsum tal-partijiet ta’ dawn il-prodotti tal-enerġija li jsir għall-finijiet tal-manifattura ta’ prodotti mhux tal-enerġija jew ta’ prodotti tal-enerġija li ma humiex intiżi sabiex jintużaw bħala karburant jew kombustibbli. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-parti mill-prodotti tal-enerġija kkunsmati sabiex jipproduċu s-sħana użata għat-tisħin tal-bini ta’ stabbiliment, jew dik neċessarja għall-ġenerazzjoni tal-elettriku, ma jaqgħux taħt tali eċċezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, Petrotel-Lukoil, C‑68/18, EU:C:2019:933, punti 2633).

30

Minn dan isegwi li, meta jiġu miksuba, matul proċess ta’ produzzjoni, kemm, minn naħa, prodotti tal-enerġija li huma intiżi sabiex jintużaw bħala karburant jew kombustibbli kif ukoll, min-naħa l-oħra, prodotti mhux tal-enerġija, hemm lok li jitqies, bħala prinċipju, li l-parti mill-prodotti tal-enerġija kkunsmati fil-kuntest ta’ dan il-proċess sabiex jiġu prodotti prodotti tal-enerġija oħra intiżi sabiex jintużaw bħala karburant jew bħala kombustibbli taqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96, filwaqt li l-konsum tal-parti l-oħra għall-finijiet tal-produzzjoni ta’ prodotti mhux tal-enerġija għandu jitqies bħala fatt li jagħti lok għat-taxxa fuq il-prodotti tal-enerġija.

31

Dan ingħad, għandu jiġi eżaminat jekk dan huwiex ukoll il-każ meta, bħal f’dan il-każ, il-kisba ta’ prodotti mhux tal-enerġija ma tikkostitwixxix l-għan tal-proċess ta’ produzzjoni, iżda konsegwenza residwa u inevitabbli ta’ dan il-proċess jew meta hija imposta minn leġiżlazzjoni intiża li tipproteġi l-ambjent u li dawn il-prodotti mhux tal-enerġija huma ekonomikament irkuprati.

32

Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 30 tas-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, Petrotel-Lukoil (C‑68/18, EU:C:2019:933), li mill-formulazzjoni negattiva tat-tielet sentenza tal-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96 jista’ jiġi dedott li din hija intiża biss sabiex teskludi mill-benefiċċju tal-eċċezzjoni tal-fatt li jagħtu lok għat-tassazzjoni fuq il-prodotti tal-enerġija, il-konsum ta’ prodotti tal-enerġija mingħajr ebda rabta mal-produzzjoni ta’ prodotti tal-enerġija.

33

Madankollu, din il-kawża kienet tirrigwarda l-applikazzjoni tal-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96 għal prodotti tal-enerġija użati għall-produzzjoni ta’ fwar tal-ilma li min-naħa tiegħu kien jintuża, fost oħrajn, għall-manifattura ta’ prodotti tal-enerġija. Għalhekk, l-awtokonsum kien intiż sabiex jipproduċi prodotti tal-enerġija billi jiġġenera l-enerġija termika neċessarja għall-proċess teknoloġiku ta’ produzzjoni tal-imsemmija prodotti.

34

F’dan il-kuntest, din il-konstatazzjoni kienet intiża li twarrab interpretazzjoni li l-manifattura ta’ prodotti tal-enerġija, li ssir permezz tal-produzzjoni ta’ prodott intermedjarju, bħall-fwar tal-ilma, tirrendi inapplikabbli, minħabba din l-intermedjazzjoni biss, l-eċċezzjoni għall-fatt taxxabbli prevista f’din id-dispożizzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat f’dan ir-rigward li l-konsum ta’ prodotti tal-enerġija ma jistax, minħabba l-fatt biss tal-modalitajiet tiegħu, jiġi mċaħħad mill-benefiċċju tal-imsemmija eċċezzjoni, sa fejn dan jikkontribwixxi għall-proċess teknoloġiku ta’ manifattura ta’ prodotti tal-enerġija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, Petrotel-Lukoil, C‑68/18, EU:C:2019:933, punti 2830).

35

Madankollu, b’differenza mill-kawża li wasslet għall-imsemmija sentenza, il-kawża prinċipali ma tikkonċernax awtokonsum li, permezz tal-produzzjoni ta’ prodott intermedjarju, iservi għall-manifattura ta’ prodotti tal-enerġija. Hija tikkonċerna awtokonsum li jwassal fl-istess ħin għall-produzzjoni ta’ prodotti tal-enerġija u għall-produzzjoni ta’ prodotti mhux tal-enerġija li huma ekonomikament irkuprati.

36

Għandu jiġi kkonstatat li Repsol, fid-dawl ta’ dan il-valur ekonomiku, għażlet li tikkummerċjalizza dawn il-prodotti mhux tal-enerġija sussegwentement jew li tużahom fil-proċess ta’ produzzjoni. F’dan il-kuntest, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, ftit jimporta li l-kisba ta’ prodotti mhux tal-enerġija tkun, bħal fil-kawża prinċipali, residwa u inevitabbli, fis-sens li hija tikkostitwixxi l-konsegwenza neċessarja tal-proċess ta’ produzzjoni jew li hija imposta minn leġiżlazzjoni intiża sabiex tipproteġi l-ambjent.

37

Interpretazzjoni skont liema, minkejja li jinsilet valur ekonomiku mill-prodotti mhux tal-enerġija ġġenerati b’dan il-mod, il-konsum kollu tal-prodotti tal-enerġija fil-proċess ta’ produzzjoni jkun jaqa’, kuntrarju għall-prinċipji mfakkra fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, taħt l-eċċezzjoni għall-fatt taxxabbli jkun ta’ natura li jimmina li jintlaħaq l-għan tad-Direttiva 2003/96. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, billi tipprevedi sistema ta’ tassazzjoni armonizzata tal-prodotti tal-enerġija u tal-elettriku, din id-direttiva għandha l-għan, kif jirriżulta mill-premessi 3 sa 5 tagħha, li tippromwovi l-funzjonament tajjeb tas-suq intern fis-settur tal-enerġija, billi tevita, b’mod partikolari, id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Autoservizi Giordano, C‑513/18, EU:C:2020:59, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 26 sa 28 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-assenza ta’ tassazzjoni tal-prodotti ta’ enerġija użati fil-proċess ta’ produzzjoni, peress li l-prodotti miksuba ma humiex prodotti tal-enerġija, toħloq lakuna fi ħdan is-sistema ta’ tassazzjoni stabbilita mid-Direttiva 2003/96, li tevita t-tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija li huma, bħala prinċipju, suġġetti għaliha. Fil-fatt, il-konsum ta’ din il-parti ta’ prodotti tal-enerġija, minkejja li hija għandha tkun is-suġġett ta’ tassazzjoni, tkun tibbenefika mill-eċċezzjoni tal-fatt taxxabbli prevista fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 21(3) tal-imsemmija direttiva. Barra minn hekk, l-assenza ta’ tassazzjoni tal-konsum tal-imsemmija parti ta’ prodotti ta’ enerġija ma hijiex ikkumpensata bit-tassazzjoni sussegwenti tal-prodotti finali miksuba minn dawn tal-aħħar, sa fejn il-prodotti finali li jirriżultaw minn dan il-konsum, jew ma humiex prodotti tal-enerġija, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/96, jew ma humiex intiżi sabiex jintużaw bħala karburant jew bħala kombustibbli, fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Frar 2015, Oil Trading Poland, C‑349/13, EU:C:2015:84, punt 30, u tas‑6 ta’ Ġunju 2018, Koppers Denmark, C‑49/17, EU:C:2018:395, punt 24 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

39

Konsegwentement, li jitqies li l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 21(3) tal-imsemmija direttiva tapplika, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għall-konsum tal-prodotti tal-enerġija kollha, tista’ tippreġudika l-funzjonament tajjeb tas-suq intern fis-settur tal-enerġija, li, kif tfakkar fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, huwa wieħed mill-għanijiet li jridu jintlaħqu permezz tal-introduzzjoni ta’ tali sistema (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2018, Koppers Denmark, C‑49/17, EU:C:2018:395, punt 31).

40

L-integrità tas-sistema ta’ tassazzjoni armonizzata tal-prodotti tal-enerġija stabbilita mid-Direttiva 2003/96 teżiġi, għalhekk, li, meta konsum ta’ prodotti tal-enerġija ġewwa l-istabbiliment fejn ikunu ġew immanifatturati jwassal għall-produzzjoni simultanja ta’ prodotti tal-enerġija intiżi sabiex jintużaw bħala kombustibbli jew bħala karburant u ta’ prodotti mhux tal-enerġija li jkunu s-suġġett ta’ rkupru, l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni tal-fatt taxxabbli, prevista fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 21(3) ta’ din id-direttiva, hija limitata għall-proporzjon tal-prodotti tal-enerġija kkunsmati li jikkorrispondu għas-sehem tal-prodotti tal-enerġija intiżi li jintużaw bħala kombustibbli jew karburant miksuba fil-kuntest ta’ dan il-proċess ta’ produzzjoni. Fl-assenza ta’ preċiżjoni fid-Direttiva 2003/96 f’dan ir-rigward, huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw il-modalitajiet li jippermettu li tiġi evalwata l-kwantità ta’ prodotti tal-enerġija li hija neċessarja għall-produzzjoni ta’ kwantità speċifika ta’ prodott ieħor tal-enerġija intiż sabiex jintuża bħala kombustibbli jew bħala karburant (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2018, Cristal Union, C‑31/17, EU:C:2018:168, punt 45).

41

Fl-aħħar nett, ma jistax jintlaqa’ l-argument imressaq minn Repsol li l-assenza tal-benefiċċju tal-eċċezzjoni tal-fatt taxxabbli prevista fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 21(3) ta’ din id-direttiva twassal għal sitwazzjoni ta’ tassazzjoni doppja. Fil-fatt, sa fejn il-konsum ta’ prodotti tal-enerġija ġewwa l-istabbiliment fejn ikunu ġew immanifatturati għall-produzzjoni ta’ prodotti tal-enerġija intiżi sabiex jintużaw bħala kombustibbli jew bħala karburant, din l-eċċezzjoni hija kompletament applikabbli għall-parti tal-prodotti tal-enerġija kkunsmati għal dan l-għan.

42

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96 għandha tiġi interpretata fis-sens li, meta stabbiliment li jipproduċi prodotti tal-enerġija intiżi sabiex jintużaw bħala kombustibbli jew bħala karburant jikkonsma prodotti tal-enerġija li huwa stess ikun ipproduċa u meta, permezz ta’ dan il-proċess, jikseb ukoll, b’mod inevitabbli, prodotti mhux tal-enerġija li minnhom jirriżulta valur ekonomiku, il-parti tal-konsum li twassal għall-kisba ta’ tali prodotti mhux tal-enerġija ma taqax taħt l-eċċezzjoni tal-fatt li jagħti lok għat-taxxa fuq il-prodotti tal-enerġija prevista f’din id-dispożizzjoni.

Fuq l-ispejjeż

43

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 21(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas‑27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku, għandha tiġi interpretata fis-sens li, meta stabbiliment li jipproduċi prodotti tal-enerġija intiżi sabiex jintużaw bħala kombustibbli jew bħala karburant jikkonsma prodotti tal-enerġija li huwa stess ikun ipproduċa u meta, permezz ta’ dan il-proċess, jikseb ukoll, b’mod inevitabbli, prodotti mhux tal-enerġija li minnhom jirriżulta valur ekonomiku, il-parti tal-konsum li twassal għall-kisba ta’ tali prodotti mhux tal-enerġija ma taqax taħt l-eċċezzjoni tal-fatt li jagħti lok għat-taxxa fuq il-prodotti tal-enerġija prevista f’din id-dispożizzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.