SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

24 ta’ Ottubru 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-ħaddiema – Ugwaljanza fit-trattament – Taxxa fuq id-dħul – Leġiżlazzjoni nazzjonali – Eżenzjoni mit-taxxa għall-allowances mogħtija lill-persuni b’diżabbiltà – Allowances rċevuti fi Stat Membru ieħor – Esklużjoni – Differenza fit-trattament”

Fil-Kawża C‑35/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal de première instance de Liège (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Liège, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Jannar 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ Jannar 2019, fil-proċedura

BU

vs

État belge,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn L. S. Rossi, President tal-Awla, J. Malenovský u F. Biltgen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal BU, minn M. Levaux, avocat,

għall-Gvern Belġjan, minn P. Cottin, J.‑C. Halleux u C. Pochet, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Gossement u B.‑R. Killmann, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 45 u 56 TFUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn BU u l-Istat Belġjan dwar it-tassazzjoni ta’ allowances irċevuti minn BU fil-Pajjiżi l-Baxxi.

Il-kuntest ġuridiku

3

Skont is-subparagrafu 4 tal-Artikolu 38(1) tal-code des impôts sur les revenues 1992 (il-Kodiċi tat-Taxxa fuq id-Dħul tal‑1992), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali:

“1.   Huma eżenti:

[…]

4° l-allowances, imħallsa mit-Teżor, mogħtija lill-persuni b’diżabbiltà, sabiex tiġi eżegwita l-leġiżlazzjoni rilevanti”.

Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

4

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li twieldet fl-Istati Uniti, ilha tgħix fil-Belġju mill‑1973 u kisbet in-nazzjonalità Belġjana matul is-sena 2009.

5

Fl‑1996, hija sfat vittma ta’ inċident fil-Belġju filwaqt li kienet fi triqtha għax-xogħol, f’Limburg, fil-Pajjiżi l-Baxxi. Dan l-inċident wassal għal inkapaċità għax-xogħol, li b’riżultat tagħha hija tkeċċiet fis-sena 2000.

6

Peress li, fid-data tal-inċident tagħha, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet taħdem fil-Pajjiżi l-Baxxi, hija taqa’ taħt is-sigurtà soċjali tal-Pajjiżi l-Baxxi u, minn dakinhar, irċeviet allowances abbażi tal-Wet arbeidsongeschiktheid (WAO) (il-Liġi dwar l-Assigurazzjoni għall-Inkapaċità għax-Xogħol) (iktar ’il quddiem l-“allowances WAO”) u allowances abbażi tal-Algemeen Burgerlijk Pensioenfonds (ABP) (Fond ta’ Pensjoni għall-Uffiċjali Inkluża dik tax-Xjuħija, tas-Superstiti u tal-Invalidità) (iktar ’il quddiem l-“allowances ABP”).

7

Permezz ta’ ittra tat‑23 ta’ Awwissu 2016, l-administration fiscale belge (l-Aministrazzjoni tat-Taxxa Belġjana) bagħtet lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali avviż ta’ rettifika tad-dikjarazzjoni tagħha tat-taxxa tal-persuni fiżiċi għas-sena ta’ tassazzjoni 2014, li kienet tindika li l-imsemmija allowances huma rċevuti bħala pensjonijiet u huma taxxabbli fil-Belġju bħala tali.

8

Permezz ta’ ittra tas‑16 ta’ Diċembru 2016, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqet ilment kontra din id-deċiżjoni, fejn sostniet li dawn l-allowances huma eżenti mit-taxxa fil-Belġju, peress li l-allowances WAO ma jikkostitwixxux, fil-fehma tagħha, pensjonijiet, iżda allowances għal persuni b’diżabbiltà hekk kif l-allowances ABP jikkostitwixxu pensjonijiet relatati ma’ diżabbiltà.

9

Għalkemm, sussegwentement, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali rrikonoxxiet it-tassazzjoni tal-allowances ABP fil-Belġju, hija kkontestat il-klassifikazzjoni tagħhom mill-Amministrazzjoni tat-Taxxa Belġjana u żammet il-pożizzjoni tagħha li l-allowances WAO ma humiex taxxabbli fil-Belġju.

10

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Ġunju 2017, l-ilment imressaq mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ġie miċħud minħabba li din tal-aħħar ma kinitx ipproduċiet prova tad-diżabbiltà tagħha u lanqas ma kienet ipproduċiet prova li l-allowances WAO rċevuti fil-Pajjiżi l-Baxxi kienu jikkostitwixxu allowances mogħtija lill-persuni b’diżabbiltà. L-Amministrazzjoni tat-Taxxa Belġjana, għaldaqstant, żammet il-klassifikazzjoni ta’ dawn l-allowances bħala “allowance għall-inkapaċità għax-xogħol”, li taqa’ taħt l-iskema ta’ pensjonijiet taxxabbli fil-Belġju.

11

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkontestat id-deċiżjoni tal-Amministrazzjoni tat-Taxxa Belġjana quddiem it-Tribunal de première instance de Liège (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Liège, il-Belġju).

12

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-kawża prinċipali tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk l-allowances WAO rċevuti mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Pajjiżi l-Baxxi humiex taxxabbli fil-Belġju.

13

Skont din il-qorti, mid-dokumenti pprovduti mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jirriżulta li dawn l-allowances huma intiżi li jikkumpensaw it-telf ta’ dħul marbut mad-diżabbiltà sa fejn dawn huma kkalkolati b’riferiment għas-salarju li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet tirċievi qabel l-inċident tagħha meta mqabbel mas-salarju li hija tista’ tirċievi b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kapaċitajiet attwali tagħha.

14

L-imsemmija qorti tqis li l-allowances WAO għandhom l-għan li jħajru lill-persuni li jbatu minn diżabbiltà jaħdmu sa fejn tippermettilhom l-kapaċità residwa tagħhom billi jirċievu allowance intiża li tikkumpensa t-telf ta’ dħul dovut għat-tnaqqis tal-kapaċità ta’ xogħol tagħhom. Konsegwentement, l-allowances WAO mħallsa lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma jikkostitwixxux pensjoni, iżda allowance għal persuni b’diżabbiltà.

15

Hija tirrileva li l-leġiżlazzjoni Belġjana inkwistjoni tipprevedi eżenzjoni mit-taxxa għall-allowances mogħtija lill-persuni b’diżabbiltà li tapplika biss meta dawn l-allowances jitħallsu mit-Teżor Pubbliku, b’tali mod li, għalkemm l-allowances WAO rċevuti mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu allowances għal persuni b’diżabbiltà, din tal-aħħar ma tistax tibbenefika minn din l-eżenzjoni.

16

Il-qorti tar-rinviju ssostni li, anki kieku, hekk kif isostni l-Gvern Belġjan, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet ressqet talba fil-Belġju intiża li tikseb allowances għal persuni b’diżabbiltà b’tali mod li din tal-aħħar kienet tibbenefika mill-eżenzjoni mit-taxxa, fatt li hija ma għamlitx, fil-verità, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kellhiex interess tagħmel dan peress li hija diġà tibbenefika minn dawn l-allowances fil-Pajjiżi l-Baxxi. Barra minn hekk, ma huwiex ċert li hija setgħet tikseb tali allowance fil-Belġju.

17

Għaldaqstant, din il-qorti tqis li l-leġiżlazzjoni Belġjana inkwistjoni tista’ tostakola l-moviment liberu tal-ħaddiema sa fejn din twassal għal differenza fit-trattament bejn l-allowances għal persuni b’diżabbiltà rċevuti mir-residenti Belġjani skont jekk dawn jitħallsux mill-Istat Belġjan jew minn Stat Membru ieħor.

18

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal de première instance de Liège (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Liège) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Is-subparagrafu 4 tal-Artikolu 38(1) [tal-Kodiċi tat-Taxxa fuq id-Dħul tal‑1992, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali] jikser l-Artikoli 45 [TFUE] et seq (prinċipji tal-moviment liberu tal-ħaddiema) u l-Artikoli 56 [TFUE] (prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi) […] sa fejn dan jeżenta fiskalment l-allowances għall-persuni b’diżabbiltà biss jekk dawn l-allowances jitħallsu mit-Teżor, jiġifieri, mill-Istat Belġjan, skont il-leġiżlazzjoni Belġjana, li b’dan il-mod joħloq diskriminazzjoni bejn il-persuna taxxabbli, residenti Belġjana, li tirċievi allowances għall-persuni b’diżabbiltà mħallsa mill-Istat Belġjan skont il-leġiżlazzjoni tiegħu, li huma eżentati, u l-persuna taxxabbli, residenti Belġjana, li tirċievi allowances intiżi li jikkumpensaw diżabbiltà mħallsa minn Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, li ma humiex eżentati?”

Fuq id-domanda preliminari

19

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi kemm għall-prinċipju ta’ moviment liberu tal-ħaddiema stabbilit fl-Artikolu 45 TFUE kif ukoll għal dak ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi previst fl-Artikolu 56 TFUE.

20

Issa, meta miżura nazzjonali tirrestrinġi kemm il-moviment liberu tal-ħaddiema kif ukoll il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tistħarreġ din il-miżura, bħala prinċipju, fir-rigward ta’ waħda biss minn dawn iż-żewġ libertajiet fundamentali jekk jirriżulta li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, waħda minnhom hija kompletament sekondarja fir-rigward tal-oħra u tista’ tiġi marbuta magħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2004, Omega, C‑36/02, EU:C:2004:614, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li la d-deċiżjoni tar-rinviju u lanqas il-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma fihom elementi li jippermettu li jintwera li l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi huwa rilevanti fil-kawża prinċipali.

22

Min-naħa l-oħra, jirriżulta b’mod ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE peress li hija eżerċitat id-dritt tagħha tal-moviment liberu tal-ħaddiema u, għal diversi snin, wettqet attività professjonali fi Stat Membru differenti minn dak tar-residenza tagħha.

23

Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, kull ċittadin tal-Unjoni, indipendentement mir-residenza u min-nazzjonalità tiegħu, li eżerċita d-dritt tal-moviment liberu tal-ħaddiema u li wettaq attività professjonali fi Stat Membru differenti minn dak tar-residenza tiegħu, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019, Jacob u Lennertz, C‑174/18, EU:C:2019:205, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

Minn dan isegwi li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, u fid-dawl tal-informazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha, hemm lok li d-domanda preliminari tiġi eżaminata fid-dawl tal-moviment liberu tal-ħaddiema.

25

F’dan il-kuntest, għandu jinftiehem li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 45 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li l-eżenzjoni mit-taxxa applikabbli għall-allowances għal persuni b’diżabbiltà hija suġġetta għall-kundizzjoni li dawn l-allowances jitħallsu minn organu tal-Istat Membru kkonċernat u b’hekk teskludi mill-benefiċċju ta’ din l-eżenzjoni l-allowances tal-istess natura mħallsa minn Stat Membru ieħor.

Fuq l-ammissibbiltà

26

Il-Gvern Belġjan isostni li l-evalwazzjoni fattwali mwettqa mill-qorti tar-rinviju fit-talba għal deċiżjoni preliminari, li abbażi tagħha l-allowances WAO rċevuti mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu allowances għal persuni b’diżabbiltà tal-istess natura bħall-allowances Belġjani mogħtija lill-persuni b’diżabbiltà li jibbenefikaw mill-eżenzjoni mit-taxxa prevista mid-dritt Belġjan, hija żbaljata.

27

Permezz ta’ dan l-argument, il-Gvern Belġjan jipprova jikkontesta l-premessa li fuqha din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija fondata u, għaldaqstant, l-ammissibbiltà tagħha.

28

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti nazzjonali biss għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha s-setgħa biss tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal-Unjoni fid-dawl tas-sitwazzjoni fattwali u ġuridika kif deskritta mill-qorti tal-rinviju, sabiex tagħti lil din tal-aħħar l-elementi utli għas-soluzzjoni tal-kawża li tkun tressqet quddiemha (sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017Schweppes, C‑291/16, EU:C:2017:990, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Għaldaqstant, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha u taħt ir-responsabbiltà tagħha, li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tevalwa l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Din ma tistax tiġi kkonfutata bis-sempliċi fatt li waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali tikkontesta ċerti fatti, li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tagħhom, u li minnhom tiddependi d-definizzjoni tas-suġġett tat-tilwima (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ April 2016, Polkomtel, C‑397/14, EU:C:2016:256, punti 3738).

30

Peress li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tqiegħed fid-dubju l-evalwazzjonijiet fattwali li fuqhom hija bbażata din it-talba għal deċiżjoni preliminari, f’dan il-każ in-natura tal-allowances ta’ oriġini Olandiża mogħtija lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jeħtieġ, fil-kuntest tar-risposta li għandha tingħata għad-domanda preliminari, li jitqies li l-allowances WAO rċevuti mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu allowances għal persuni b’diżabbiltà tal-istess natura bħall-allowances Belġjani mogħtija lill-persuni b’diżabbiltà li jibbenefikaw mill-eżenzjoni mit-taxxa prevista mid-dritt Belġjan, fatt li għandu jiġi vverifikat, jekk ikun il-każ, mill-qorti tar-rinviju.

Fuq il-mertu

Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għall-Artikolu 45 KE

31

Qabel kollox, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, għalkemm it-tassazzjoni diretta taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, dawn tal-aħħar għandhom, madankollu, jeżerċitaw din il-kompetenza b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑296/12, EU:C:2014:24, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk, għalkemm l-Istati Membri huma liberi, fil-kuntest ta’ ftehimiet bilaterali intiżi għall-ħelsien mit-taxxa doppja, li jistabbilixxu l-fatturi ta’ konnessjoni għall-finijiet tat-tqassim tal-kompetenza fiskali, madankollu dan it-tqassim ma jippermettilhomx japplikaw miżuri li jmorru kontra l-libertajiet ta’ moviment kif iggarantiti mit-Trattat FUE. Fil-fatt, fir-rigward tal-eżerċizzju tas-setgħa ta’ tassazzjoni hekk imqassma, l-Istati Membri għandhom jikkonformaw ruħhom mar-regoli tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019, Jacob u Lennertz, C‑174/18, EU:C:2019:205, punt 25 u l-ġurisprudenza stabbilita).

32

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlazzjoni Belġjana inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprevedi espressament li biss l-allowances għal persuni b’diżabbiltà mħallsa mit-Teżor Pubbliku huma eżenti mit-taxxa. Għaldaqstant, din il-leġiżlazzjoni teskludi mill-benefiċċju ta’ din l-eżenzjoni l-allowances għal persuni b’diżabbiltà mħallsa minn Stat Membru li ma huwiex l-Istat Belġjan.

33

Għalhekk, il-leġiżlazzjoni Belġjana inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistabbilixxi differenza fit-trattament bejn ir-residenti Belġjani abbażi tal-oriġini tad-dħul tagħhom, li tista’ tostakola l-eżerċizzju, minn dawn tal-aħħar, tad-dritt tagħhom ta’ moviment liberu tal-ħaddiema stabbilit fl-Artikolu 45 TFUE.

34

Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 45 TFUE jipprekludi leġiżlazzjoni li tistabbilixxi differenza fit-trattament fiskali bejn koppji ċittadini residenti fit-territorju Belġjan abbażi tal-oriġini tad-dħul tagħhom, differenza li tista’ tipproduċi effett dissważiv fuq l-eżerċizzju minn dawn tal-aħħar tal-libertajiet iggarantiti mit-Trattat u, b’mod partikolari, tal-moviment liberu tal-ħaddiema ggarantit mill-Artikolu 45 TFUE (sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2013, Imfeld u Garcet, C‑303/12, EU:C:2013:822, punti 5152, kif ukoll tal‑14 ta’ Marzu 2019, Jacob u Lennertz, C‑174/18, EU:C:2019:205, punt 43 u d-dispożittiv).

35

Għalhekk, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-ħaddiema li, bħala prinċipju, hija pprojbita mill-Artikolu 45 TFUE.

Fuq l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni

36

Skont ġurisprudenza stabbilita, miżura li tista’ tostakola l-moviment liberu tal-ħaddiema stabbilit fl-Artikolu 45 TFUE tista’ tiġi ammessa biss jekk għandha għan leġittimu kompatibbli mat-Trattat u hija ġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Huwa meħtieġ ukoll, f’tali każ, li l-applikazzjoni tagħha tkun adatta sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019, Jacob u Lennertz, C‑174/18, EU:C:2019:205, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju ma indikatx ġustifikazzjonijiet u l-Gvern Belġjan, li, fil-kuntest tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, sempliċement jikkontesta n-natura tal-benefiċċji ta’ oriġini Olandiża mogħtija lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ma invokax ġustifikazzjonijiet oħra.

38

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tikkonkludi li ma hemmx ġustifikazzjoni, fatt li għandu, madankollu, jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

39

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 45 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, mingħajr ma tipprevedi ġustifikazzjonijiet f’dan ir-rigward, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, tipprovdi li l-eżenzjoni mit-taxxa applikabbli għall-allowances għal persuni b’diżabbiltà hija suġġetta għall-kundizzjoni li dawn l-allowances jitħallsu minn organu tal-Istat Membru kkonċernat u b’hekk teskludi mill-benefiċċju ta’ din l-eżenzjoni l-allowances tal-istess natura mħallsa minn Stat Membru ieħor, minkejja li l-benefiċjarju tal-imsemmija allowances jirrisjedi fl-Istat Membru kkonċernat.

Fuq l-ispejjeż

40

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 45 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, mingħajr ma tipprevedi ġustifikazzjonijiet f’dan ir-rigward, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, tipprovdi li l-eżenzjoni mit-taxxa applikabbli għall-allowances għal persuni b’diżabbiltà hija suġġetta għall-kundizzjoni li dawn l-allowances jitħallsu minn organu tal-Istat Membru kkonċernat u b’hekk teskludi mill-benefiċċju ta’ din l-eżenzjoni l-allowances tal-istess natura mħallsa minn Stat Membru ieħor, minkejja li l-benefiċjarju tal-imsemmija allowances jirrisjedi fl-Istat Membru kkonċernat.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.