SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
4 ta’ Marzu 2020 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet – Implimentazzjoni tal-provvista ta’ netwerk miftuħ ta’ telekomunikazzjonijiet – Direttiva 97/13/KE – Taxxi u tariffi applikabbli għal-liċenzji individwali – Qafas regolatorju tranżitorju li jistabbilixxi tariffa lil hinn minn dawk awtorizzati mid-Direttiva 97/13/KE – Awtorità ta’ res judicata marbuta ma’ sentenza ta’ qorti superjuri kkunsidrata li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni”
Fil-Kawża C‑34/19,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Diċembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Jannar 2019, fil-proċedura
Telecom Italia SpA
vs
Ministero dello Sviluppo Economico,
Ministero dell’Economia e delle Finanze,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, M. Safjan, C. Toader u N. Jääskinen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Tanchev,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal Telecom Italia SpA, minn F. Lattanzi, avvocato, |
|
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Malferrari u L. Nicolae, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 22 tad-Direttiva 97/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ April 1997 dwar qafas komuni għall-awtorizzazzjonijiet ġenerali u għal-liċenzji individwali fil-qasam tas-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet (ĠU 1997, L 117, p. 15). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, Telecom Italia SpA u, min-naħa l-oħra, il-Ministero dello Sviluppo Economico (il-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku, l-Italja) u l-Ministero dell’Economia e delle Finanze (il-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Finanzi, l-Italja) dwar l-obbligu li ġie impost fuqha li tħallas tariffa bbażata fuq id-dħul mill-bejgħ tagħha tas-sena 1998. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
Il-premessi 2, 12 u 26 tad-Direttiva 97/13 jipprovdu:
[…]
[…]
|
|
4 |
L-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-servizzi u/jew netwerks ta’ telekomunikazzjonijiet ikunu jistgħu jiġu pprovduti jew mingħajr awtorizzazzjoni jew abbażi ta’ awtorizzazzjoni ġenerali kkompletata, jekk ikun il-każ, bid-drittijiet u bl-obbligi li jirrikjedu evalwazzjoni individwali tal-applikazzjonijiet u li jagħtu lok għal liċenzja individwali waħda jew iktar. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
5 |
L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Taxxi u tariffi applikabbli għall-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni ġenerali”, jipprovdi: “Bla ħsara għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-provvista ta’ servizz universali skont l-Anness, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-taxxi imposti fuq l-impriżi skont il-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni jkollhom bħala l-uniku għan li jkopru l-ispejjeż amministrattivi relatati mal-ħruġ, mal-ġestjoni, mal-kontroll u mal-implimentazzjoni tal-qafas regolatorju ta’ awtorizzazzjonijiet ġenerali applikabbli. Dawn it-taxxi għandhom jiġu ppubblikati b’mod xieraq u suffiċjentement iddettaljat sabiex l-informazzjoni tkun faċilment aċċessibbli.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
6 |
L-Artikolu 11 tal-istess direttiva, intitolat “Taxxi u tariffi applikabbli għal-liċenzji individwali”, huwa fformulat kif ġej: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull taxxa imposta fuq l-impriżi bħala parti mill-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni għandha tkun intiża biss sabiex tkopri l-ispejjeż amministrattivi marbuta mal-ħruġ, mal-ġestjoni, mal-kontroll u mal-infurzar tal-liċenzji individwali applikabbli. It-taxxi applikabbli għal liċenzja individwali għandhom ikunu proporzjonali mal-volum ta’ xogħol involut u għandhom jiġu ppublikati b’mod xieraq u suffiċjentement iddettaljat sabiex l-informazzjoni tkun faċilment aċċessibbli. 2. Minkejja l-paragrafu 1, fil-każ ta’ riżorsi rari, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tagħhom jimponu tariffi sabiex tiġi kkunsidrata l-ħtieġa li jiġi żgurat l-aqwa użu ta’ dik ir-riżorsa. Dawn it-tariffi għandhom ikunu nondiskriminatorji u jieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-bżonn li jiġi inkoraġġat l-iżvilupp ta’ servizzi innovattivi u tal-kompetizzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
7 |
L-Artikolu 22 tad-Direttiva 97/13, intitolat “Awtorizzazzjonijiet eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva”, jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-isforzi kollha meħtieġa sabiex l-awtorizzazzjonijiet eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet tagħha qabel l-1 ta’ Jannar 1999. 2. Fil-każ li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva timplika emendi għall-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni diġà eżistenti, l-Istati Membri jistgħu jestendu l-validità tal-kundizzjonijiet minbarra dawk li jagħtu drittijiet speċjali jew esklużivi li ġew rrinunzjati jew għandhom jiġu rrinunzjati skont id-dritt Komunitarju, sakemm dan ikun jista’ jsir mingħajr ma jiġu affettwati d-drittijiet ta’ impriżi oħra taħt id-dritt Komunitarju, inkluża din id-direttiva. F’dawn il-każijiet, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-miżuri meħudin għal dan l-iskop u għandhom jindikaw il-motivazzjonijiet wara dawn il-miżuri. 3. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2, l-obbligi li jikkonċernaw l-awtorizzazzjonijiet eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva li sal-1 ta’ Jannar 1999 ma jkunux tqiegħdu f’konformità mad-dispożizzjoonijiet ta’ din id-direttiva għandhom ikunu mingħajr effett. Meta jkun hemm ġustifikazzjoni, l-Istati Membri jistgħu, fuq talba, jiksbu posponiment ta’ din id-data mingħand il-Kummissjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
8 |
L-Artikolu 25 ta’ din id-direttiva, intitolat “Implimentazzjoni tad-Direttiva”, jipprovdi, fl-ewwel paragrafu tiegħu: “L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentarji u amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ruħhom ma’ din id-direttiva u għandhom jippubblikaw il-kundizzjonijiet u l-proċeduri marbuta mal-awtorizzazzjonijiet malajr kemm jista’ jkun u, fi kwalunkwe każ, mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1997. Għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar dan.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
9 |
L-Artikolu 26 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dħul fis-seħħ”, jipprovdi: “Din id-direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
Id-dritt Taljan
Il-Kodiċi tal-Posta u tat-Telekomunikazzjonijiet
|
10 |
Sat-traspożizzjoni tad-Direttiva 97/13, is-servizz ta’ telekomunikazzjonijiet pubbliċi fl-Italja kien irriżervat għall-Istat, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tal-codice postale e delle telecomunicazioni (il-Kodiċi tal-Posta u tat-Telekomunikazzjonijiet), anness mad-decreto del presidente della Repubblika Digriet tal-President tar-Repubblika n. 156 – Approvazione del testo unico delle disposizioni legislative in materia postale, di bancoposta e di telecomunicazioni (id-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 156 li Japprova t-Test Uniku li fih id-Dispożizzjonijiet Leġiżlattivi fil-Qasam tal-Posta, tal-Bank Postali u tat-Telekomunikazzjonijiet), tad-29 ta’ Marzu 1973 (Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 113 tat-3 ta’ Mejju 1973). |
|
11 |
Skont l-Artikolu 188 tal-Kodiċi tal-Posta u tat-Telekomunikazzjonijiet: “Il-konċessjonarju għandu jħallas lill-Istat tariffa annwali sa fejn huwa stabbilit minn dan id-digriet, mir-regolament jew mill-att ta’ konċessjoni.” |
|
12 |
Din it-tariffa kienet ikkalkolata proporzjonalment għad-dħul jew għall-profitti grossi tas-servizz li kien is-suġġett tal-konċessjoni, wara t-tnaqqis tal-ammonti mħallsa lill-konċessjonarju tan-netwerk pubbliku. |
Id-Digriet Nru 318/1997
|
13 |
Id-Direttiva 97/13 ġiet trasposta b’mod partikolari permezz tad-decreto del presidente della Repubblika n. 318 – Regolamento per l’attuazione di direttive comunitarie nel settore delle telecomunicazioni (id-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 318 li Jirregola l-Implimentazzjoni ta’ Direttivi Ewropej fis-Settur tat-Telekomunikazzjonijiet), tad-19 ta’ Settembru 1997 (Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 221 tat-22 ta’ Settembru 1997, iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 318/1997”). |
|
14 |
L-Artikolu 2(3) sa (6) tad-Digriet Nru 318/1997 jipprovdi: “3. Id-drittijiet speċjali u esklużivi għall-offerta tas-servizz ta’ telefonija bil-vuċi u għall-installazzjoni u l-provvista ta’ netwerks pubbliċi tat-telekomunikazzjonijiet marbuta ma’ dan is-servizz għandhom jinżammu sa l-1 ta’ Jannar 1998. […] 4. Il-konċessjonijiet għal użu pubbliku u l-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 184(1) tal-Kodiċi tal-Posta u tat-Telekomunikazzjonijiet eżistenti fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament għandhom jiġu mibdula, fuq l-inizjattiva tal-[awtorità regolatorja nazzjonali], qabel l-1 ta’ Jannar 1999, sabiex ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament. 5. Meta l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament timplika emendi fil-kundizzjonijiet tal-konċessjonijiet u tal-awtorizzazzjonijiet eżistenti, il-kundizzjonijiet minbarra dawk li jagħtu drittijiet speċjali jew esklużivi, li tneħħew jew li għandhom jitneħħew skont dan ir-regolament, jibqgħu validi, mingħajr ħsara għad-drittijiet li l-impriżi l-oħra jgawdu, b’mod partikolari, taħt id-dritt Komunitarju. 6. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 4 u 5, l-obbligi li jirriżultaw mill-konċessjonijiet u mill-awtorizzazzjonijiet eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, li ma jkunux konformi mad-dispożizzjonijiet tiegħu, għandhom ikunu mingħajr effett mill-1 ta’ Jannar 1999.” |
|
15 |
L-Artikolu 6(20) ta’ dan id-digriet jipprovdi: “[…] il-kontribuzzjoni mitluba mingħand l-impriżi fir-rigward tal-proċeduri marbuta mal-liċenzji individwali hija esklużivament maħsuba sabiex tkopri l-ispejjeż amministrattivi marbuta mal-preparazzjoni, mal-kontroll tal-ġestjoni tas-servizz u taż-żamma tal-kundizzjonijiet previsti għal-liċenzji stess. […]” |
|
16 |
L-Artikolu 21(2) tal-imsemmi digriet huwa fformulat kif ġej: “Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet espressi ta’ dan ir-regolament, għandhom jibqgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet. Għall-iskopijiet imsemmija fl-Artikolu 6(20) u (21) u sakemm tingħata deċiżjoni kuntrarja mill-[awtorità regolatorja nazzjonali], għandhom jibqgħu japplikaw, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 188 tal-Kodiċi tal-Posta u tat-Telekomunikazzjonijiet.” |
Il-Liġi Nru 448 tat-23 ta’ Diċembru 1998
|
17 |
Skont l-Artikolu 20(3) tal-legge n. 448 – Misure di finanza pubblica per la stabilizzazione e lo sviluppo (il-Liġi Nru 448 li tinkludi dispożizzjonijiet tal-finanzi pubbliċi għall-istabbilizzazzjoni u l-iżvilupp) tat-23 ta’ Diċembru 1998 (Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 302 tad-29 ta’ Diċembru 1998): “B’effett mill-1 ta’ Jannar 1999, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 188 tal-[Kodiċi tal-Posta u tat-Telekomunikazzjonijiet] ma għandhomx jibqgħu japplikaw għall-operaturi tas-servizzi pubbliċi ta’ telekomunikazzjonijiet.” |
|
18 |
Bis-saħħa tal-Artikolu 20(4) tal-imsemmija liġi, l-Artikolu 21(2) tad-Digriet Nru 318/1997 huwa mħassar. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
19 |
Telecom Italia kienet il-konċessjonarja esklużiva tas-servizz pubbliku ta’ telekomunikazzjonijiet, skont l-Artikolu 188 tal-Kodiċi tal-Posta u tat-Telekomunikazzjonijiet. |
|
20 |
Permezz ta’ nota tal-Ministero delle Comunicazioni (il-Ministeru għall-Komunikazzjonijiet, l-Italja) tad-9 ta’ Lulju 2003, Telecom Italia ntalbet tħallas is-somma ta’ EUR 31118 630.05 għas-saldu tat-tariffa ta’ konċessjoni għas-sena finanzjarja 1997 u s-somma ta’ EUR 41025 043.06 għas-saldu tat-tariffa ta’ konċessjoni għas-sena finanzjarja 1998. |
|
21 |
Telecom Italia kkontestat l-imsemmija nota quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja) li ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja domanda preliminari li wasslet għas-sentenza tal-21 ta’ Frar 2008, Telecom Italia (C-296/06, EU:C:2008:106). |
|
22 |
Fil-punt 45 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 97/13 tipprekludi li Stat Membru jeżiġi mingħand operatur, li preċedentement kien detentur ta’ dritt esklużiv fuq is-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet pubbliċi, il-ħlas ta’ piż pekunjarju li jikkorrispondi għall-ammont mitlub preċedentement bħala korrispettiv għall-għoti tal-imsemmi dritt esklużiv għal sena dekorribbli mid-data finali prevista għat-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali ta’ din id-direttiva, jiġifieri sal-31 ta’ Diċembru 1998. |
|
23 |
Fid-dawl ta’ din l-istess sentenza, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet, permezz tas-sentenza Nru 11386 tal-15 ta’ Diċembru 2008, li l-ħlas tat-tariffa kien dovut għas-sena 1998. |
|
24 |
Din is-sentenza ġiet ikkontestata minn Telecom Italia quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja) li, permezz tas-sentenza Nru 7506 tal-1 ta’ Diċembru 2009, ikkonferma li r-rekwiżit tal-ħlas tat-tariffa għas-sena 1998 kien kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari fid-dawl tas-sentenza tal-21 ta’ Frar 2008, Telecom Italia (C‑296/06, EU:C:2008:106). |
|
25 |
Peress li qieset li ġiet ippreġudikata minħabba l-interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza tal-21 ta’ Frar 2008, Telecom Italia (C-296/06, EU:C:2008:106), mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), Telecom Italia ħarrket lill-Istat Taljan fuq il-bażi ta’ responsabbiltà ċivili minħabba l-eżerċizzju żbaljat tal-funzjoni ġudizzjarja quddiem il-Corte d’appello di Roma (il-Qorti tal-Appell ta’ Ruma, l-Italja), li, permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Jannar 2012, laqgħet l-ilment imressaq minn din il-kumpannija u kkonstatat l-eżistenza ta’ ksur manifest tad-dritt tal-Unjoni. |
|
26 |
Wara din id-deċiżjoni, Telecom Italia, permezz tar-rikors inkwistjoni fil-kawża prinċipali, titlob lill-qorti tar-rinviju tiddikjara mhux dovuti wkoll is-somom mitluba fuq il-bażi tat-tariffa għas-sena 1998 u, konsegwentement, li teskludi l-awtorità ta’ res judicata tas-sentenza tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) Nru 7506 tal-1 ta’ Diċembru 2009. |
|
27 |
F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-portata tad-Direttiva 97/13 u dwar jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-interpretazzjoni tagħha magħmula mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) humiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. |
|
28 |
Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, skont l-interpretazzjoni mogħtija mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) fis-sentenza Nru 7506 tal-1 ta’ Diċembru 2009, Telecom Italia kienet obbligata tħallas it-tariffa għas-sena 1998 peress li din it-tariffa kienet il-korrispettiv tal-konċessjoni tas-servizz ta’ telekomunikazzjonijiet u peress li ma huwiex ikkontestat li, matul din is-sena, Telecom Italia baqgħet konċessjonarja u tipprovdi tali servizz, għalkemm mhux esklużivament. |
|
29 |
F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-tariffa għas-sena 1998 kienet ikkalkolata fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ ta’ Telecom Italia u mhux fuq il-bażi tal-ispejjeż amministrattivi u ta’ kontroll, previsti fl-Artikoli 6 u 11 tad-Direttiva 97/13. Issa, skont il-qorti tar-rinviju, ma huwiex eskluż li mis-sentenza tal-21 ta’ Frar 2008, Telecom Italia (C-296/06, EU:C:2008:106), jirriżulta li, wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva, il-piżijiet pekunjarji imposti fuq l-impriżi fis-settur tas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni kienu rregolati biss minn dawn l-artikoli. |
|
30 |
Minn dan isegwi, skont il-qorti tar-rinviju, li l-interpretazzjoni mogħtija mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) tista’ tmur kontra l-ġurisprudenza stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-21 ta’ Frar 2008, Telecom Italia (C-296/06, EU:C:2008:106), u, jekk dan ikun il-każ, hija tistaqsi xi jkunu l-konsegwenzi, sa fejn is-sentenza tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) Nru 7506 tal-1 ta’ Diċembru 2009 saret definittiva u, għaldaqstant, għandha, skont id-dritt intern, l-awtorità ta’ res judicata. |
|
31 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
|
32 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 97/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li testendi, fir-rigward tas-sena 1998, l-obbligu impost fuq impriża tat-telekomunikazzjonijiet detentriċi ta’ awtorizzazzjoni eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva li tħallas tariffa kkalkolata fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ u mhux biss fuq il-bażi tal-ispejjeż amministrattivi ta’ ħruġ, ta’ ġestjoni, ta’ kontroll u ta’ implimentazzjoni tal-qafas regolatorju ta’ awtorizzazzjonijiet ġenerali u ta’ liċenzji individwali. |
|
33 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni teżamina l-kompatibbiltà mad-Direttiva 97/13 ta’ piż pekunjarju annwali impost fuq Telecom Italia, li preċedentement kienet detentriċi ta’ dritt esklużiv fuq is-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet pubbliċi fl-Italja, fis-sentenza tal-21 ta’ Frar 2008, Telecom Italia (C-296/06, EU:C:2008:106). |
|
34 |
Fl-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 97/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi lil Stat Membru milli jeżiġi minn operatur, li preċedentement kien detentur ta’ dritt esklużiv fuq is-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet pubbliċi li sar detentur ta’ awtorizzazzjoni ġenerali, il-ħlas ta’ piż pekunjarju bħat-tariffa inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkorrispondi għall-ammont preċedentement mitlub bħala korrispettiv għall-għoti tal-imsemmi dritt esklużiv, għal sena dekorribbli mid-data finali prevista għat-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali ta’ din id-direttiva, jiġifieri sal-31 ta’ Diċembru 1998. |
|
35 |
Wara din ir-risposta, it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio) qieset, madankollu, permezz tas-sentenza Nru 11386 tal-15 ta’ Diċembru 2008, li l-ħlas tat-tariffa għas-sena 1998 kien kompatibbli mad-Direttiva 97/13, u dan ġie kkonfermat mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) fis-sentenza Nru 7506 tal-1 ta’ Diċembru 2009. |
|
36 |
F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-portata tad-Direttiva 97/13, b’mod partikolari l-Artikolu 22 tagħha, u tistaqsi dwar jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali, kif interpretata mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) fis-sentenza Nru 7506 tal-1 ta’ Diċembru 2009, hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. |
|
37 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li, skont l-Artikolu 26 tad-Direttiva 97/13, din id-direttiva daħlet fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, jiġifieri, fis-27 ta’ Mejju 1997. L-Artikolu 25 ta’ din id-direttiva kien jobbliga lill-Istati Membri sabiex jimplimentaw id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom mal-imsemmija direttiva sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1997. |
|
38 |
Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 97/13, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-servizzi u/jew in-netwerks ta’ telekomunikazzjonijiet ikunu jistgħu jiġu pprovduti jew mingħajr awtorizzazzjoni jew fuq il-bażi ta’ awtorizzazzjoni ġenerali jew ta’ liċenzja individwali. L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva jipprevedi, fir-rigward tal-awtorizzazzjonijiet ġenerali, li, minbarra l-kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-provvista tas-servizz universali konformement mal-anness tagħha, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-taxxi imposti fuq l-impriżi bħala parti mill-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni jkollhom biss l-għan li jkopru l-ispejjeż amministrattivi marbuta mal-ħruġ, mal-ġestjoni, mal-kontroll u mal-implimentazzjoni ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet. L-istess japplika għall-piżijiet pekunjarji previsti fl-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva għal-liċenzji individwali, bl-unika eċċezzjoni li tikkonċerna l-possibbiltà li jiġu imposti tariffi f’każ ta’ użu ta’ riżorsi rari, kif previst fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu. |
|
39 |
Barra minn hekk, fid-dawl tal-fatt li d-Direttiva 97/13 tapplika kemm għall-awtorizzazzjonijiet eżistenti kif ukoll futuri, kif jirriżulta mill-premessa 26 tagħha, l-Artikolu 22 ta’ din id-direttiva stabbilixxa qafas regolatorju tranżitorju għall-awtorizzazzjonijiet eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha. Għalhekk, l-ewwel nett, skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, jingħata terminu addizzjonali ta’ sena, li jiskadi fl-1 ta’ Jannar 1999, sabiex l-awtorizzazzjonijiet eżistenti jinġiebu f’konformità. It-tieni nett, fil-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu, hija prevista l-possibbiltà li l-validità tal-kundizzjonijiet marbuta mal-awtorizzazzjonijiet eżistenti tiġi estiża, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn il-kundizzjonijiet ma jagħtux drittijiet speċjali jew esklużivi li ġew irrinunzjati jew li għandhom jiġu rrinunzjati skont id-dritt tal-Unjoni u li din l-estensjoni ta’ validità ma taffettwax id-drittijiet li impriżi oħra għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni. Fl-aħħar nett, il-paragrafu 3 tal-istess artikolu jipprovdi li l-obbligi msemmija għandhom ikunu konformi mal-imsemmija direttiva qabel l-1 ta’ Jannar 1999, taħt piena li jsiru ineffettivi, sakemm l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx kiseb, fuq talba, posponiment ta’ din id-data mingħand il-Kummissjoni. |
|
40 |
Għaldaqstant, skont il-qafas regolatorju tranżitorju previst fl-Artikolu 22 tad-Direttiva 97/13, matul is-sena 1998, l-Istati Membri setgħu, jew jestendu l-validità tal-kundizzjonijiet previsti għall-awtorizzazzjonijiet eżistenti, ħlief dawk li kienu jagħtu drittijiet speċjali jew esklużivi, jew jiksbu mill-Kummissjoni posponiment tad-data ta’ tqegħid f’konformità mad-Direttiva 97/13. |
|
41 |
F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, permezz ta’ nota tal-Ministeru għall-Komunikazzjonijiet tad-9 ta’ Lulju 2003, Telecom Italia ntalbet tħallas is-somma ta’ EUR 41025 043.06 għas-saldu tat-tariffa ta’ konċessjoni, għas-sena finanzjarja 1998. Din in-nota ġiet ikkonfermata mit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio), permezz tas-sentenza Nru 11386 tal-15 ta’ Diċembru 2008, u sussegwentement mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) fis-sentenza Nru 7506 tal-1 ta’ Diċembru 2009, peress li dawn il-qrati kkunsidraw li l-ħlas tat-tariffa għas-sena 1998 kien kompatibbli mad-Direttiva 97/13. |
|
42 |
Madankollu, tali interpretazzjoni tal-imsemmija qrati ma għandhiex bażi fid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 97/13 u ma tistax tiġi aċċettata. |
|
43 |
Fil-fatt, fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 28 tas-sentenza tal-21 ta’ Frar 2008, Telecom Italia (C-296/06, EU:C:2008:106), li l-Artikolu 22 tad-Direttiva 97/13 ma jirrigwardax, espliċitament, piżijiet pekunjarji applikabbli għall-impriżi tat-telekomunikazzjonijiet detenturi ta’ awtorizzazzjonijiet, kemm jekk dawn ikunu awtorizzazzjonijiet ġenerali kif ukoll liċenzji individwali. Huma biss l-Artikoli 6 u 11 ta’ din id-direttiva li jikkonċernaw espressament din il-kwistjoni. |
|
44 |
Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punti 32 u 34 tal-imsemmija sentenza, indikat, minn naħa, li l-għan tal-Artikolu 22 tad-Direttiva 97/13 jidher li huwa estranju għaż-żamma ta’ piż pekunjarju marbut ma’ dritt esklużiv qadim u, min-naħa l-oħra, li jekk Stat Membru ma jkunx kiseb l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni li żżomm drittijiet speċjali jew esklużivi fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet, l-Artikolu 22(2) ta’ din id-direttiva jeskludi ż-żamma ta’ kundizzjonijiet li jagħtu tali drittijiet wara l-31 ta’ Diċembru 1997. Issa, jekk dritt esklużiv jitneħħa, din it-tneħħija għandha normalment ikollha riperkussjonijiet fuq l-applikazzjoni tal-piż pekunjarju li huwa l-korrispettiv għaliha. |
|
45 |
Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fil-punt 36 tal-istess sentenza, li obbligu li jieħu l-forma ta’ tariffa marbuta ma’ dritt esklużiv qadim ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi msemmija fl-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 97/13 u li tali tariffa ma tistax tinżamm fis-seħħ wara l-31 ta’ Diċembru 1997, skont l-Artikolu 25 ta’ din id-direttiva. |
|
46 |
Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fil-punt 38 tas-sentenza tal-21 ta’ Frar 2008, Telecom Italia (C-296/06, EU:C:2008:106), li kienet il-qorti nazzjonali li kellha tiddetermina jekk it-tariffa inkwistjoni fil-kawża prinċipali kinitx marbuta mad-dritt esklużiv relatat mas-servizz ta’ telekomunikazzjonijiet pubbliċi mogħti lil Telecom Italia qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 97/13. |
|
47 |
Madankollu, dan ir-rinviju lill-qorti nazzjonali għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja qieset fil-punt 39 tal-imsemmija sentenza, jekk jitqies li tali tariffa ma hijiex marbut ma’ tali dritt esklużiv mogħti qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 97/13, għandu jiġi eżaminat jekk tali piż jikkostitwixxix “obbligu”, fis-sens tal-Artikolu 22(3) ta’ din id-direttiva, li jista’ jibbenefika mid-deroga prevista f’din id-dispożizzjoni. |
|
48 |
Issa, kif intqal fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, huma biss l-Artikoli 6 u 11 tad-Direttiva 97/13 li jirrigwardaw il-piżijiet pekunjarji applikabbli għall-impriżi detenturi ta’ awtorizzazzjonijiet fil-qasam tas-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet. Fir-rigward tal-liċenzji individwali, l-Artikolu 11(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li t-taxxi imposti mill-Istati Membri fuq l-impriżi detenturi ta’ dawn il-liċenzji għandhom biss l-għan li jkopru l-ispejjeż amministrattivi marbuta max-xogħol li jirriżulta mill-implimentazzjoni tal-imsemmija liċenzji. L-istess kunsiderazzjoni tapplika għat-taxxi imposti mill-Istati Membri skont l-awtorizzazzjonijiet ġenerali fuq il-bażi tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 97/13, li barra minn hekk jipprevedi biss forma oħra ta’ kontribuzzjoni finanzjarja, jiġifieri l-kontribuzzjonijiet marbuta mal-provvista tas-servizz universali (sentenza tal-21 ta’ Frar 2008, Telecom Italia, C-296/06, EU:C:2008:106, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
49 |
F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-Direttiva 97/13 tipprevedi mhux biss regoli relatati b’mod partikolari mal-proċeduri tal-għoti tal-awtorizzazzjonijiet u mal-kontenut tagħhom, iżda wkoll man-natura, jew saħansitra mal-portata, tal-piżijiet pekunjarji, marbuta ma’ dawn il-proċeduri, li l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq l-impriżi fis-settur tas-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet. Issa, din id-direttiva tkun imċaħħda mill-effett utli tagħha jekk l-Istati Membri jkunu liberi li jiddeterminaw il-piżijiet fiskali li l-impriżi ta’ dan is-settur għandhom iħallsu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Settembru 2003, Albacom u Infostrada, C-292/01 u C-293/01, EU:C:2003:480, punti 36 u 38). |
|
50 |
Tali piżijiet, minbarra dawk previsti fl-Artikoli 6 u 11 tad-Direttiva 97/13, ikollhom l-effett li jtaqqlu sostanzjalment it-taxxi u t-tariffi li l-Istati Membri huma espressament awtorizzati jimponu skont din id-direttiva u joħolqu ostakolu sinjifikattiv għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet, fatt li jmur kontra l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni u joħroġ mill-qafas komuni stabbilit mill-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Settembru 2003, Albacom u Infostrada, C-292/01 u C-293/01, EU:C:2003:480, punti 40 u 41). |
|
51 |
Konsegwentement, il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni li diġà jeżistu”, fis-sens tal-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 97/13, li jistgħu jibbenefikaw minn estensjoni tal-validità tagħhom matul is-sena 1998, ikopri diversi drittijiet u obbligi, mingħajr madankollu ma jinkludi l-piżijiet pekunjarji imposti fuq l-impriżi tat-telekomunikazzjonijiet detenturi ta’ awtorizzazzjonijiet. Dan il-kunċett ikopri t-terminu “obbligi”, fis-sens tal-Artikolu 22(3) ta’ din id-direttiva, li, konsegwentement, ma jistax ikopri piż pekunjarju li jkun impost fuq impriża tat-telekomunikazzjonijiet mingħajr rabta mal-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tal-awtorizzazzjoni mogħtija lilha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Frar 2008, Telecom Italia, C-296/06, EU:C:2008:106, punti 41, 43 u 44). |
|
52 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li għall-ewwel domanda tingħata r-risposta li l-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 97/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li testendi, fir-rigward tas-sena 1998, l-obbligu impost fuq impriża tat-telekomunikazzjonijiet detentriċi ta’ awtorizzazzjoni eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva li tħallas tariffa kkalkolata fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ u mhux biss fuq il-bażi tal-ispejjeż amministrattivi tal-ħruġ, tal-ġestjoni, tal-kontroll u tal-implimentazzjoni tal-qafas regolatorju ta’ awtorizzazzjonijiet ġenerali u ta’ liċenzji individwali. |
Fuq it-tieni domanda
|
53 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq qorti nazzjonali l-obbligu li ma tapplikax ir-regoli proċedurali interni li jikkonferixxu l-awtorità ta’ res judicata lil deċiżjoni ġudizzjarja, peress li dan jippermetti li jiġi rrimedjat ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni. |
|
54 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax b’mod ċar li l-awtorità ta’ res judicata li għandha s-sentenza tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) Nru 7506 tal-1 ta’ Diċembru 2009, hija, fir-rigward tal-kawża prinċipali, ta’ natura li torbot lill-qorti tar-rinviju. |
|
55 |
F’dan ir-rigward, Telecom Italia u l-Kummissjoni jikkunsidraw li s-suġġett tal-kawża li tat lok għas-sentenza tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) Nru 7506 tal-1 ta’ Diċembru 2009 u dak tal-kawża prinċipali huma differenti, peress li l-ewwel kawża kienet tirrigwarda l-eżistenza ta’ dejn filwaqt li l-kawża prinċipali tirrigwarda l-bilanċ ta’ dan id-dejn u, għaldaqstant, il-kwistjoni tal-awtorità ta’ res judicata ma tqumx. Għall-kuntrarju, il-Gvern Taljan isostni li l-identiċità tal-partijiet u tad-domandi magħmula fil-kawża prinċipali u ta’ dawk deċiżi mill-imsemmija sentenza tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) tobbliga lill-qorti tar-rinviju tikkonforma ruħha ma’ din tal-aħħar fuq il-bażi tal-awtorità ta’ res judicata. |
|
56 |
Issa, għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-ordinament ġuridiku nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja hija bħala prinċipju marbuta li tibbaża ruħha fuq il-kriterji li jirriżultaw mid-deċiżjoni tar-rinviju. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt intern ta’ Stat Membru (sentenza tal-10 ta’ Jannar 2019, ET, C‑97/18, EU:C:2019:7, punt 24). |
|
57 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kawża prinċipali hija bbażata fuq l-istess relazzjoni ġuridika sostanzjali bħal dik li tat lok għas-sentenza tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) Nru 7506 tal-1 ta’ Diċembru 2009, iżda hija differenti mill-kawża li tat lok għal din tal-aħħar minħabba n-natura anċillari tal-ħlas mitlub b’paragun ma’ dak inkwistjoni f’dik il-kawża. Fi kwalunkwe każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, skont id-dritt intern, l-awtorità ta’ res judicata marbuta ma’ din is-sentenza tinkludix din il-kawża jew elementi tagħha u, jekk ikun il-każ, teżamina l-konsegwenzi previsti mill-imsemmi dritt. |
|
58 |
Fil-fatt, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ res judicata jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar. Madankollu, dawn ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas ma għandhom ikunu strutturati b’mod li jrendu impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (sentenza tat-3 ta’ Settembru 2009, Fallimento Olimpiclub, C-2/08, EU:C:2009:506, punt 24). |
|
59 |
F’dan il-kuntest, fil-każ li l-qorti tar-rinviju tqis li l-awtorità ta’ res judicata tas-sentenza tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) Nru 7506 tal-1 ta’ Diċembru 2009 ma hijiex determinanti sabiex tiġi deċiża l-kawża prinċipali, dik il-qorti tkun mitluba tinterpreta d-dritt nazzjonali applikabbli sa fejn huwa possibbli fid-dawl tat-test u tal-għan tad-Direttiva 97/13 sabiex jiġu osservati l-obbligi li jirriżultaw minnha. Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali huwa inerenti għas-sistema tat-Trattat FUE peress li dan jippermetti lill-qrati nazzjonali jiżguraw, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħhom, l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni meta dawn jiddeċiedu l-kawżi li jkunu aditi bihom. Din teħtieġ li l-qorti nazzjonali tieħu inkunsiderazzjoni, fejn xieraq, id-dritt nazzjonali kollu sabiex tevalwa sa liema punt dan jista’ jiġi applikat mingħajr ma jwassal għal riżultat li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttiva 97/13 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Ognyanov, C-554/14, EU:C:2016:835, punti 59 u 66). |
|
60 |
Għandu jiġi speċifikat li r-rekwiżit ta’ interpretazzjoni konformi jinkludi l-obbligu, tal-qrati nazzjonali, inklużi l-qrati tal-aħħar istanza, li jimmodifikaw, fejn ikun xieraq, ġurisprudenza stabbilita jekk din tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2018, IR, C‑68/17, EU:C:2018:696, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
61 |
Għaldaqstant, qorti nazzjonali ma tistax validament tqis li huwa impossibbli għaliha li tinterpreta dispożizzjoni nazzjonali b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni sempliċement minħabba l-fatt li din id-dispożizzjoni ġiet interpretata f’sens li ma huwiex kompatibbli ma’ dan id-dritt jew li hija applikata b’tali mod mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C-573/17, EU:C:2019:530, punt 79). |
|
62 |
F’dan il-każ, kif jirriżulta mir-risposta għall-ewwel domanda, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat), billi ddeċieda, fis-sentenza Nru 7506 tal-1 ta’ Diċembru 2009, li t-tariffa rikjesta għas-sena 1998 mingħand Telecom Italia, detentriċi ta’ awtorizzazzjoni eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 97/13, kienet dovuta, interpreta, kif jirriżulta mir-risposta għall-ewwel domanda preliminari, id-dritt nazzjonali f’sens li ma huwiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-21 ta’ Frar 2008, Telecom Italia (C-296/06, EU:C:2008:106). |
|
63 |
Konsegwentement, fil-kuntest tal-ipoteżi prevista fil-punt 59 ta’ din is-sentenza, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura l-effett sħiħ tad-dritt tal-Unjoni billi fejn ikun neċessarju ma tapplikax, fuq inizjattiva tagħha stess, l-interpretazzjoni adottata mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) fis-sentenza Nru 7506 tal-1 ta’ Diċembru 2009, peress li din l-interpretazzjoni ma hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni (sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Ognyanov, C-554/14, EU:C:2016:835, punt 70). |
|
64 |
Min-naħa l-oħra, jekk il-qorti tar-rinviju tqis li, skont id-dritt nazzjonali, l-awtorità ta’ res judicata li għandha s-sentenza tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) Nru 7506 tal-1 ta’ Diċembru 2009 tkopri l-kawża prinċipali u b’hekk tiddetermina s-soluzzjoni li għandha tingħata lilha, għandha titfakkar l-importanza li għandu, kemm fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni kif ukoll fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, il-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata. Fil-fatt, sabiex jiġu ggarantiti kemm l-istabbiltà tad-dritt u tar-relazzjonijiet ġuridiċi kif ukoll l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa importanti li ma jkunx possibbli li jitqiegħdu iktar fid-dubju d-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu saru definittivi wara li jkunu ġew eżawriti d-drittijiet ta’ appell disponibbli jew wara li jkunu skadew it-termini previsti għal dawn id-drittijiet (sentenzi tat-3 ta’ Settembru 2009, Fallimento Olimpiclub, C-2/08, EU:C:2009:506, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-11 ta’ Settembru 2019, Călin, C-676/17, EU:C:2019:700, punt 26). |
|
65 |
F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li d-dritt tal-Unjoni ma jimponix l-obbligu fuq qorti nazzjonali li ma tapplikax ir-regoli proċedurali interni li jagħtu, b’mod partikolari, l-awtorità tar-res judicata lil deċiżjoni, anki jekk dan jippermetti li jingħata rimedju għal ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ta’ kwalunkwe natura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C-154/15, C-307/15 u C-308/15, EU:C:2016:980, punt 68). |
|
66 |
Konsegwentement, id-dritt tal-Unjoni ma jeżiġix li, sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni rilevanti ta’ dan id-dritt adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja, korp ġudizzjarju nazzjonali għandu, bħala prinċipju, jirriforma d-deċiżjoni tiegħu li jkollha l-awtorità ta’ res judicata (sentenza tal-11 ta’ Settembru 2019, Călin, C‑676/17, EU:C:2019:700, punt 28). |
|
67 |
Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ responsabbiltà ta’ Stat Membru għal danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lilu huwa inerenti għas-sistema tat-Trattat, irrispettivament minn jekk l-oriġini tad-dannu jkunx imputabbli lill-awtorità leġiżlattiva, dik ġudizzjarja jew dik eżekuttiva (sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C-224/01, EU:C:2003:513, punti 30 u 32). |
|
68 |
Fid-dawl tar-rwol essenzjali tal-awtorità ġudizzjarja fil-protezzjoni tad-drittijiet li l-individwi jiksbu mir-regoli tal-Unjoni, l-effettività sħiħa tagħhom titqiegħed f’periklu u l-protezzjoni tad-drittijiet li dawn jirrikonoxxu tiġi mdgħajfa jekk jiġi eskluż li l-individwi jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, jiksbu kumpens meta d-drittijiet tagħhom jinkisru bi ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lil deċiżjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru li tiddeċiedi bħala qorti tal-aħħar istanza (ara s-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C-224/01, EU:C:2003:513, punt 33). |
|
69 |
Barra minn hekk, minħabba, b’mod partikolari, il-fatt li ksur tad-drittijiet ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni permezz ta’ deċiżjoni li saret definittiva u li għalhekk tkun saret res judicata normalment ma jkunx jista’ jiġi rrimedjat, l-individwi ma jistgħux jiċċaħħdu mill-possibbiltà li jistabbilixxu r-responsabbiltà tal-Istat sabiex jiksbu b’dan il-mod protezzjoni legali tad-drittijiet tagħhom irrikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2018, XC et, C-234/17, EU:C:2018:853, punt 58). |
|
70 |
Għalhekk, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, fil-kawża prinċipali, Telecom Italia ħarrket lill-Istat Taljan għal responsabbiltà ċivili minħabba l-eżerċizzju inkorrett tal-funzjoni ġudizzjarja u l-Corte d’appello di Roma (il-Qorti tal-Appell ta’ Ruma) laqgħet l-ilment imressaq billi kkonstatat il-ksur manifest tad-dritt tal-Unjoni mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat). |
|
71 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jimponix fuq qorti nazzjonali l-obbligu li ma tapplikax ir-regoli proċedurali interni li jikkonferixxu l-awtorità ta’ res judicata lil deċiżjoni ġudizzjarja, anki jekk dan jippermetti li jiġi rrimedjat ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u dan ma jeskludix il-possibbiltà għall-persuni kkonċernati li jistabbilixxu r-responsabbiltà tal-Istat sabiex jiksbu b’dan il-mod protezzjoni legali tad-drittijiet tagħhom irrikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni. |
Fuq l-ispejjeż
|
72 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjonijiet tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.