SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

22 ta’ Jannar 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-persuni – Ċittadinanza tal-Unjoni – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Direttiva 2004/38/KE – Artikolu 17(1)(a) – Dritt ta’ residenza permanenti – Kisba qabel l-iskadenza ta’ perijodu mingħajr interruzzjoni ta’ ħames snin ta’ residenza – Ħaddiem li fil-mument li jieqaf mill-attività tiegħu jkun laħaq l-età sabiex jinvoka d-drittijiet tiegħu għal pensjoni tax-xjuħija”

Fil-Kawża C‑32/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Diċembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑18 ta’ Jannar 2019, fil-proċedura

AT

vs

Pensionsversicherungsanstalt,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn I. Jarukaitis, President tal-Għaxar Awla, E. Regan (Relatur), President tal-Ħames Awla, u E. Juhász, Imħallef,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Pensionsversicherungsanstalt, minn J. Milchram, A. Ehm u T. Mödlagl, Rechtsanwälte,

għall-Gvern Awstrijak, minn J. Schmoll u G. Hesse, bħala aġenti,

għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, C. Meyer‑Seitz, H. Shev, H. Eklinger u J. Lundberg, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.‑R. Killmann, J. Tomkin u E. Montaguti, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(1)(a) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 05, Vol. 5, p. 46).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn AT u l-Pensionsversicherungsanstalt (l-Uffiċċju tal-Pensjonijiet, l-Awstrija) fir-rigward tar-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jagħtih, sabiex jikkompleta l-pensjoni tal-irtirar tiegħu, is-suppliment kumpensatorju previst mil-leġiżlazzjoni Awstrijaka.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament (KEE) Nru 1251/70

3

L-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1251/70 tad‑29 ta’ Ġunju 1970 dwar id-dritt tal-ħaddiema li jibqgħu fit-territorju ta’ Stat Membru wara li kienu impjegati f’dak l-Istat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vo. 1, p. 32) kien jipprovdi:

“Dawn li ġejjin għandhom id-dritt li jibqgħu b’mod permanenti fit-territorju ta’ Stat Membru:

a)

ħaddiem li, fiż-żmien tat-tmiem ta’ l-attività tiegħu, ikun wasal fl-età msemmija fil-liġi ta’ dak l-Istat Membru għal intitolament ta’ pensjoni ta’ l-età avvanzata u li kien impjegat f’dak l-Istat għal mill-anqas l-aħħar tnax‑il xahar u li kien jirrisjedi hemm kontinwament għal aktar minn tliet snin;

[…]”

Id-Direttiva 75/34/KEE

4

L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/34/KEE tas‑17 ta’ Diċembru 1974 dwar id-dritt taċ-ċittadini ta’ Stat Membru li jibqgħu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor wara li jkunu segwew fih attività fil-kapaċità ta’ persuna taħdem għal rasha (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 170) kien jipprevedi:

“Kull Stat Membru għandu jirrikonoxxi d-dritt li jibqgħu b’mod permanenti fit-territorju tiegħu:

a)

kull persuna li, mat-temma ta’ l-attivitajiet tagħha, tkun laħqet l-età stabbilita bil-liġi għall-intitolament ta’ pensjoni tax-xjuħija u li tkun segwiet l-attività tagħha f’dan l-Istat għall mill-inqas it-tnax‑il xahar ta’ qabel u li tkun irresidiet fih mingħajr waqfien għal iktar minn tliet snin.

Meta l-liġi ta’ dan l-Istat Membru ma tikkonċedix id-dritt għall-pensjoni tax-xjuħija lil ċerti kategoriji ta’ persuni li jaħdmu għal rashom, għandha titqies il-ħtieġa ta’ l-età bħala sodisfatta meta l-benefiċjarju jilħaq il‑65 sena;

[…]”

Id-Direttiva 2004/38

5

Il-premessi 10 u 17 sa 19 tad-Direttiva 2004/38 jiddikjaraw:

“(10)

Dawk il-persuni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ residenza m’għandhomx, madankollu, ikunu ta’ piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu inizjali ta’ residenza. Għalhekk, id-dritt ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u għall-membri tal-familja tagħhom għal perjodi li jaqbżu t-tliet xhur għandu jkun bla ħsara għal kondizzjonijiet.

[…]

(17)

It-tgawdija ta’ residenza permanenti miċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li għażlu li jittrasferixxu ruħhom għal perjodu indeterminat fl-Istat Membru ospitanti għandha ssaħħaħ is-sens ta’ ċittadinanza ta’ l-Unjoni u hi element prinċipali fil-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali, li hi waħda mill-għanijiet fondamentali ta’ l-Unjoni. Għandu għalhekk jiġi stabbilit dritt ta’ residenza permanenti għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni u għall-membri tal-familja tagħhom li għixu fl-Istat Membru ospitanti għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’din id-Direttiva u mingħajr ma jkunu suġġetti għal miżura ta’ tkeċċija.

(18)

Sabiex jikkostitwixxi mezz awtentiku ta’ integrazzjoni fis-soċjetà ta’ l-Istat Membru ospitanti li fih jgħix iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni, id-dritt ta’ residenza permanenti, ġaladarba miksub, m’għandux ikun suġġett għal xi kondizzjonijiet.

(19)

Għandhom jinżammu ċerti vantaġġi speċifikati għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li huma ħaddiema jew persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familja tagħhom, li jħallu lil dawn il-persuni li jiksbu dritt ta’ residenza permanenti qabel ma jkunu għexu għal ħames snin fl-Istat Membru ospitanti, peress li dawn jikkostitwixxu drittijiet miksuba, konferiti mir-[Regolament Nru 1251/70] u mid-[Direttiva 75/34].”

6

Il-Kapitolu III tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Dritt ta’ residenza”, jinkludi l-Artikoli 6 sa 15 tagħha.

7

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Dritt ta’ residenza sa tliet xhur”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ mhux aktar minn tliet xhur mingħajr xi kondizzjonijiet jew formalitajiet għajr il-ħtieġa li jkollhom karta ta’ l-identità jew passaport li huma validi.”

8

L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dritt ta’ residenza ta’ aktar minn tliet xhur”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

a)

ħaddiema jew nies li jaħdmu għal rashom fl-Istat Membru ospitanti; jew

b)

għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza u għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti; jew

c)

miktuba f’istitut privat jew pubbliku, akkreditat jew finanzjat mill-Istat Membru ospitanti skond il-bażi tal-leġislazzjoni jew tal-prattika amministrattiva tiegħu, għall-iskop prinċipali li jiġi segwit kors ta’ studju, inkluż taħriġ professjonali; u

għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti u jassiguraw lill-awtorità nazzjonali rilevanti, permezz ta’ dikjarazzjoni jew b’mezzi oħrajn ekwivalenti li jagħżlu huma, li għandhom riżorsi suffiċjenti għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza; jew

d)

membri tal-familja li qed jakkumpanjaw jew li se jingħaqdu ma’ ċittadin ta’ l-Unjoni li jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) jew [(c)].”

9

L-Artikolu 14 ta’ din l-istess direttiva, intitolat “Żamma tad-dritt ta’ residenza”, jiddikjara:

“1.   Ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom għandhom id-dritt ta’ residenza kif previst fl-Artikolu 6, sakemm ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti.

2.   Ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom għandhom id-dritt ta’ residenza kif previst fl-Artikoli 7, 12 u 13 sakemm jaderixxu mal-kondizzjonijiet stabbiliti fihom.

F’każijiet speċifiċi fejn hemm dubju raġonevoli dwar jekk ċittadin ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tiegħu jissoddisfawx il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 7, 12 u 13, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu verifika ta’ dan. Din il-verika m’għandhiex titwettaq sistematikament.”

10

Il-Kapitolu IV tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Dritt ta’ residenza permanenti”, jinkludi, b’mod partikolari, it-Taqsima I, intitolata “Eliġibilità”, li fiha jinsabu l-Artikoli 16 u 17 ta’ din id-direttiva.

11

L-Artikolu 16 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Regola ġenerali għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u għall-membri tal-familja tagħhom”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li għex legalment għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin fl-Istat Membru ospitanti għandu d-dritt ta’ residenza permanenti hemmhekk. Dan id-dritt m’għandux ikun suġġett għall-kondizzjonijiet previsti fil-Kapitolu III.”

12

L-Artikolu 17 ta’ din l-istess direttiva, intitolat “Derogi favur persuni li m’għadhomx jaħdmu fl-Istat Membru ospitanti u għall-membri tal-familja tagħhom”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“B’deroga mill-Artikolu 16, id-dritt ta’ residenza permanenti fl-Istat Membru ospitanti għandu jitgawda qabel it-tlestija ta’ perjodu kontinwu ta’ ħames snin ta’ residenza minn:

a)

ħaddiema jew persuni li jaħdmu għal rashom li, fil-ħin li jieqfu jaħdmu, laħqu l-età stabbilita mil-liġi ta’ dak l-Istat Membru għal jedd ta’ pensjoni ta’ xjuħija jew ħaddiema li waqfu minn xogħol b’salarju biex jirtiraw kmieni, sakemm kienu ilhom jaħdmu f’dak l-Istat Membru minn ta’ l-anqas matul l-aħħar tnax‑il xahar u għexu hemm b’mod kontinwu għal aktar minn tliet snin.

[…]”

Id-dritt Awstrijak

13

L-Artikolu 53a tan-Niederlassungs- und Aufenthaltsgesetz (il-Liġi dwar l-Istabbiliment u r-Residenza, BGBl. I, 100/2005), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1)   Iċ-ċittadini taż-[Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE)] li jgawdu mid-dritt ta’ residenza bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni (Artikoli 51 u 52) jiksbu d-dritt ta’ residenza permanenti wara li jkunu rrisjedu legalment matul perijodu mhux interrott ta’ ħames snin fit-territorju Federali, indipendentement minn jekk jiġux issodisfatti l-kundizzjonijiet l-oħra previsti fl-Artikoli 51 u 52. Jekk issir talba f’dan is-sens, jiġi immedjatament mogħti lilhom, wara li ssir verifika tat-tul ta’ residenza tagħhom, ċertifikat tar-residenza permanenti tagħhom.

[…]

3)   B’deroga mill-paragrafu 1, iċ-ċittadini taż-ŻEE jiksbu, konformement mal-punt 1 tal-Artikolu 51(1), id-dritt ta’ residenza permanenti qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ ħames snin meta:

1.

ikunu kisbu l-età legali tal-irtirar meta jieqfu mill-attività tagħhom, jew ikunu ħaddiema li jieqfu milli jeżerċitaw attività b’konsegwenza ta’ rtirar antiċipat, meta jkunu eżerċitaw l-attività tagħhom fit-territorju Federali matul minn tal-inqas l-aħħar tnax‑il xahar u jirrisjedu fit-territorju Federali mingħajr interruzzjoni sa mill-inqas tliet snin.

2.

ikunu jirrisjedu b’mod kontinwu fit-territorju Federali sa mill-inqas sentejn, u jieqfu milli jeżerċitaw l-attività tagħhom f’dan it-territorju b’konsegwenza ta’ inkapaċità permanenti għax-xogħol. Madankollu ma hija meħtieġa ebda kundizzjoni ta’ tul ta’ residenza jekk din l-inkapaċità tirriżulta minn inċident tax-xogħol jew minn marda professjonali li tagħti lok għad-dritt għall-persuna kkonċernata għal pensjoni li titħallas parzjalment jew kompletament minn organu ta’ assigurazzjoni għall-irtirar Awstrijak, jew

3.

wara tliet snin ta’ attività u ta’ residenza kontinwa fit-territorju Federali, ikunu jeżerċitaw attività fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li jżommu r-residenza fit-territorju Federali li fih jirritornaw, bħala prinċipju, minn tal-inqas darba fil-ġimgħa;

Għall-finijiet tal-kisba tad-dritt previst fil-punti 1 u 2, il-perijodi ta’ attività mwettqa fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jitqiesu li jkunu twettqu fit-territorju Federali. […]”

14

L-Artikolu 292 tal-Allgemeines Sozialversicherungsgesetz (il-Kodiċi Ġenerali tal-Assigurazzjonijiet Soċjali) jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Jekk il-pensjoni tal-irtirar, flimkien mad-dħul nett miksub minn sorsi oħra mill-benefiċjarju tal-pensjoni tal-irtirar kif ukoll ma’ kull somma oħra li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 294, ma tilħaqx l-ammont tal-limitu applikabbli għaliha (Artikolu 293), il-benefiċjarju tal-pensjoni tal-irtirar għandu d-dritt, konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ din is-sezzjoni, għal suppliment kumpensatorju tal-pensjoni tiegħu sakemm jirrisjedi legalment u abitwalment fit-territorju nazzjonali.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, imwieled fit‑28 ta’ Jannar 1950 u ta’ nazzjonalità Rumena, jirrisjedi fl-Awstrija b’mod mhux interrott sa mill‑21 ta’ Awwissu 2013 u fit‑28 ta’ Jannar 2015 laħaq l-età legali għall-irtirar.

16

Mill‑1 ta’ Ottubru 2013 sa l-irtirar effettiv tiegħu fil‑31 ta’ Awwissu 2015, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ħadem f’tabakkerija tnax‑il siegħa fil-ġimgħa. Mill‑1 ta’ April 2016 sal‑1 ta’ Frar 2017, data li timmarka l-irtirar definittiv tiegħu mill-ħajja attiva, huwa ħadem mill-ġdid f’din it-tabakkerija għal tul ta’ inqas mill-20 siegħa fil-ġimgħa li l-kuntratt tax-xogħol tiegħu kien jipprevedi, sabiex ikun f’pożizzjoni li jikseb ċertifikat ta’ reġistrazzjoni bħala ħaddiem, konformement mal-punt 1 tal-Artikolu 51(1) tal‑Liġi dwar l-Istabbiliment u r-Residenza, ċertifikat li nħariġlu mill-amministrazzjoni Awstrijaka fl‑10 ta’ Awwissu 2016.

17

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jirċievi pensjoni tal-irtirar Awstrijaka li tammonta għal EUR 26.73 fix-xahar, li tingħadd ma’ pensjoni tal-irtirar Rumena li tammonta għal EUR 204 fix-xahar.

18

Fl‑14 ta’ Frar 2017, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali talab sabiex jibbenefika, mill‑1 ta’ Marzu 2017, mis-suppliment kumpensatorju msemmi fl‑Artikolu 292 tal-Kodiċi Ġenerali tal-Assigurazzjonijiet Soċjali bil-għan li jikkompleta l-pensjoni tal-irtirar tiegħu. Insostenn tat-talba tiegħu, huwa invoka l-fatt li kien igawdi, fl-Awstrija, mid-dritt ta’ residenza permanenti bis-saħħa tal-Artikolu 17(1)(a) tad-Direttiva 2004/38.

19

L-Uffiċċju tal-Pensjonijiet ċaħad din it-talba billi bbaża ruħu fuq in-natura illegali tar-residenza tar-rikorrent fil-kawża prinċipali fl-Awstrija.

20

Il-Landesgericht Graz (il-Qorti Reġjonali ta’ Graz, l-Awstrija) ċaħad ir-rikors ippreżentat mir-rikorrent fil-kawża prinċipali kontra d-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Pensjonijiet. Din il-qorti qieset li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 17(1)(a) tad-Direttiva 2004/38, jiġifieri l-eżerċizzju ta’ attività fl-Istat Membru ospitanti matul l-aħħar tnax‑il xahar kif ukoll residenza mingħajr interruzzjoni ta’ tliet snin f’dan l-Istat Membru, japplikaw ukoll fil-każ fejn il-ħaddiem jieqaf mill-attività tiegħu għaliex ikun laħaq l-età legali tal-irtirar. Issa, ir-rikorrent ma jissodisfax dawn il-kundizzjonijiet.

21

L-Oberlandesgericht Graz (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Graz, l-Awstrija) ċaħdet l-appell ippreżentat mir-rikorrent fil-kawża prinċipali kontra d-deċiżjoni tal-Landesgericht Graz (il-Qorti Reġjonali ta’ Graz), billi kkonfermat l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(1)(a) tal-imsemmija direttiva magħmula minn din l-aħħar qorti.

22

L-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), li quddiemha r-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta appell, indikat li huwa paċifiku li r-rikorrent fil-kawża prinċipali, inkwantu ċittadin tal-Unjoni ekonomikament inattiv, fi kwalunkwe każ sa minn tmiem it-tieni relazzjoni ta’ xogħol tiegħu, ma għandux riżorsi suffiċjenti fis-sens tal-Artikolu 7(1)(a) u (b) ta’ din l-istess direttiva. Din il-qorti żżied li huwa, fid-data ta’ referenza bis-saħħa tad-dritt Awstrijakk, jiġifieri l‑1 ta’ Marzu 2017, kien għadu ma rrisjediex fl-Awstrija matul perijodu mhux interrott ta’ ħames snin.

23

Għalhekk, sabiex tiddeċiedi t-tilwima li biha hija adita, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kundizzjonijiet ta’ tul previsti fl-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 17(1)(a) tad-Direttiva 2004/38 huma applikabbli wkoll għall-ħaddiema impjegati jew għal dawk li jaħdmu għal rashom li, fil-mument li jieqfu mill-attività tagħhom, diġà jkunu laħqu l-età legali tal-irtirar fl-Istat Membru ospitanti.

24

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-kwistjoni dwar f’liema mument ir-rikorrent fil-kawża prinċipali għandu jitqies li waqaf mill-attività tiegħu hija mingħajr effett fuq is-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali peress li, ikun liema jkun il-mument ikkonstatat, il-kundizzjonijiet kumulattivi msemmija fl-Artikolu 17(1)(a) ta’ din id-direttiva ma jkunux issodisfatti. Fil-fatt, minn naħa, meta dan ir-rikorrent, fil‑31 ta’ Awwissu 2015, waqaf għall-ewwel darba mill-attività tiegħu fl-Awstrija wara li kien laħaq l-età legali tal-irtirar, huwa kien, ċertament, eżerċita attività matul l-aħħar tnax‑il xahar iżda kien interrompa r-residenza ta’ tliet snin mingħajr interruzzjoni f’dan l-Istat Membru. Min-naħa l-oħra, meta waqaf mit-tieni attività tiegħu fl‑1 ta’ Frar 2017, huwa kien jirrisjedi fl-imsemmi Stat Membru għal mill-inqas tliet snin iżda din it-tieni attività kienet damet biss għaxar xhur qabel l-irtirar definittiv tiegħu mill-ħajja attiva.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 17(1)(a) tad-Direttiva [2004/38] għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiksbu dritt ta’ residenza permanenti qabel ma jiddekorri perijodu ta’ ħames snin ta’ residenza, il-ħaddiema li, fil-mument li fih iwaqqfu l-attività tagħhom, ikunu laħqu l-età prevista mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tal-attività sabiex ikunu jistgħu jinvokaw id-drittijiet tagħhom għal pensjoni tax-xjuħija, għandhom ikunu eżerċitaw l-attività tagħhom għal mill-inqas it-tnax-il xahar preċedenti u għandhom ikunu rrisjedew fl-Istat Membru ta’ attività mingħajr interruzzjoni għal mill-inqas tliet snin?

2)

Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv, il-ħaddiema jistgħu jkunu intitolati għad-dritt ta’ residenza permanenti taħt l-ewwel alternattiva tal-Artikolu 17(1)(a) tad-Direttiva 2004/38 meta huma jibdew attività fi Stat Membru ieħor f’mument li fih huwa prevedibbli li huma ser ikunu jistgħu jeżerċitaw l-attività tagħhom biss għal perijodu relattivament qasir qabel ma jilħqu l-età legali tal-irtirar u li ser ikunu, f’kull każ, minħabba d-dħul baxx tagħhom, dipendenti fuq l-għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti wara li jkunu waqqfu l-attività tagħhom?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

26

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 17(1)(a) tad-Direttiva 2004/38 għandux jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-kisba ta’ dritt ta’ residenza permanenti fl-Istat Membru ospitanti qabel id-dekorriment tal-perijodu mingħajr interruzzjoni ta’ ħames snin ta’ residenza, il-kundizzjonijiet marbuta mal-fatt li jkun eżerċita l-attività tiegħu f’dan il-pajjiż mill-inqas matul l-aħħar tnax‑il xahar u li fih ikun irrisjeda mingħajr interruzzjoni għal iktar minn tliet snin japplikaw għal ħaddiem li, fil-mument fejn ikun waqaf mill-attività tiegħu, ikun laħaq l-età prevista mil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru sabiex ikun jista’ jinvoka d-drittijiet tiegħu għal pensjoni tax-xjuħija.

27

L-ewwel nett, fir-rigward tal-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li din tindika, għall-finijiet tar-rikonoxximent ta’ dritt ta’ residenza permanenti fl-Istat Membru ospitanti, żewġ ċirkustanzi marbuta mal-mument li fih ħaddiem impjegat jew li jaħdem għal rasu jieqaf mill-attività tiegħu, jiġifieri minn naħa, dik li fiha jkun laħaq l-età prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti sabiex ikun jista’ jinvoka d-drittijiet tiegħu għal pensjoni tax-xjuħija u, min-naħa l-oħra, dik fejn dan il-waqfien mill-attività jippreċedi rtirar antiċipat.

28

Issa, filwaqt li l-qorti tar-rinviju tistaqsi, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 17(1)(a) tad-Direttiva 2004/38, dwar id-distinzjoni eventwali li għandha ssir bejn dawn iż-żewġ ċirkustanzi, imkien fil-kliem ta’ din id-dispożizzjoni ma huwa indikat li jkun xieraq li l-applikabbiltà tal-kundizzjonijiet relatati mal-perijodu ta’ eżerċizzju tal-attività kif ukoll it-tul tar-residenza jkunu limitati għas-sempliċi sitwazzjonijiet li fihom il-waqfien mill-attività jippreċedi rtirar antiċipat.

29

Fil-fatt, mill-istruttura ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-kundizzjonijiet iddikjarati fiha fl-aħħar parti tas-sentenza, li hija introdotta bil-konġunzjoni “sakemm”, japplikaw għaż-żewġ ċirkustanzi rregolati mill-imsemmija dispożizzjoni. Għaldaqstant dawn il-kundizzjonijiet għandhom jiġu ssodisfatti minn ħaddiem li, fil-mument meta jieqaf mill-attività tiegħu, ikun laħaq l-età prevista mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti sabiex jinvoka d-drittijiet tiegħu għal pensjoni tax-xjuħija.

30

It-tieni nett, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata bil-formulazzjoni ġenerali tad-Direttiva 2004/38. F’dan is-sens, jeħtieġ li jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li l-premessa 19 tagħha tiddikjara li ċerti vantaġġi speċifiċi għaċ-ċittadini tal-Unjoni li jeżerċitaw attività bħala impjegati jew għal rashom u għall-membri tal-familja tagħhom, li jistgħu jippermettu lil dawn il-persuni jiksbu dritt ta’ residenza permanenti qabel ma jkunu rrisjedew għal ħames snin fl-Istat Membru ospitanti, għandhom jinżammu inkwantu drittijiet kweżiti, ikkonferiti mir-Regolament Nru 1251/70 u mid-Direttiva 75/34.

31

Issa, l-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament Nru 1251/70 kien jipprovdi li l-ħaddiem li, fil-mument meta jkun waqaf mill-attività tiegħu, kien laħaq l-età prevista mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru biex ikun jista’ jinvoka drittijiet għal pensjoni tax-xjuħija u li kellu impjieg matul minn tal-inqas l-aħħar tnax‑il xahar u li kien irrisjeda b’mod kontinwu għal iktar minn tliet snin kellu d-dritt li jirrisjedi b’mod permanenti fit-territorju ta’ dan l-Istat. Fir-rigward tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 75/34, dan kien jipprevedi regola simili favur ħaddiema li jaħdmu għal rashom.

32

Konsegwentement, għalkemm, konformement mal-Artikolu 17(1)(a) tad-Direttiva 2004/38, il-leġiżlatur tal-Unjoni estenda l-benefiċċju mid-deroga prevista minn din id-dispożizzjoni lill-ħaddiema li jieqfu milli jeżerċitaw attività bħala impjegati b’konsegwenza ta’ rtirar antiċipat, minn dan ma jistax jiġi dedott li b’dan kollu kellu l-intenzjoni li jeħles lill-ħaddiema l-oħra mill-kundizzjonijiet, imsemmija fl-imsemmija dispożizzjoni, li diġà kienu imposti fuqhom bis-saħħa tar-Regolament Nru 1251/70 jew tad-Direttiva 75/34.

33

Fit-tieni lok, jeħtieġ li jitfakkar li d-Direttiva 2004/38 ipprevediet sistema gradwali f’dak li jikkonċerna d-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, li, filwaqt li essenzjalment tinkludi l-istadji u l-kundizzjonijiet previsti fid-diversi strumenti tad-dritt tal-Unjoni u tal-ġurisprudenza preċedenti għal din id-direttiva, twassal għad-dritt ta’ residenza permanenti (sentenza tas‑17 ta’ April 2018, B u Vomero, C‑316/16 u C‑424/16, EU:C:2018:256, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Fil-fatt, qabel kollox, għar-residenzi sa tliet xhur, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/38 jillimita l-kundizzjonijiet jew il-formalitajiet tad-dritt ta’ residenza għar-rekwiżit ta’ pussess ta’ karta ta’ identità jew ta’ passaport validu u l-Artikolu 14(1) tal-istess direttiva jżomm dan id-dritt sakemm iċ-ċittadin tal-Unjoni u l-membri tal-familja tiegħu ma jsirux piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ assistenza soċjali tal-Istat Membru ospitanti (sentenza tas‑17 ta’ April 2018, B u Vomero, C‑316/16 u C‑424/16, EU:C:2018:256, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Sussegwentement, għal tul ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur, il-benefiċċju tad-dritt ta’ residenza huwa suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38 u, skont l-Artikolu 14(2) tagħha, dan id-dritt jinżamm biss sa fejn iċ-ċittadin tal-Unjoni u l-membri tal-familja tiegħu jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet. Mill-premessa 10 ta’ din id-direttiva b’mod partikolari jirriżulta li dawn il-kundizzjonijiet huma maħsuba, b’mod partikolari, sabiex jiġi evitat li dawn il-persuni ma jsirux piż mhux raġonevoli għas-sistema ta’ assistenza soċjali tal-Istat Membru ospitanti (sentenza tas‑17 ta’ April 2018, B u Vomero, C‑316/16 u C‑424/16, EU:C:2018:256, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Fl-aħħar nett, mill-Artikolu 16(1) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li ċ-ċittadini tal-Unjoni jiksbu d-dritt ta’ residenza permanenti wara li jkunu rrisjedew legalment matul perijodu mhux interrott ta’ ħames snin fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti u li dan id-dritt ma huwiex suġġett għall-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti. Hekk kif issemmi l-premessa 18 ta’ din l-istess direttiva, ladarba jkun inkiseb id-dritt ta’ residenza permanenti, dan ma għandu jkun suġġett għal ebda kundizzjoni oħra, u dan bil-għan li jiġi stabbilit mezz ġenwin ta’ integrazzjoni fis-soċjetà ta’ dan l-Istat (sentenza tas‑17 ta’ April 2018, B u Vomero, C‑316/16 u C‑424/16, EU:C:2018:256, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi osservat li, filwaqt li, hekk kif tfakkar fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, id-dritt ta’ residenza permanenti tal-ħaddiema li waqqfu l-attività tagħhom fl-Istat Membru ospitanti kien, preċedentement għad-Direttiva 2004/38, suġġett għal dispożizzjonijiet speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni, tali dritt huwa, fil-preżent, irregolat mill-Artikolu 17(1) ta’ din id-direttiva, fejn din l-aħħar dispożizzjoni, konformement mal-formulazzjoni tagħha, hija ta’ natura derogatorja meta mqabbla mal-Artikolu 16 tal-imsemmija direttiva.

38

Għalhekk, id-dispożizzjonijiet relatati mal-kisba, fl-Istat Membru ospitanti, ta’ dritt ta’ residenza permanenti mil-ħaddiema li, fil-mument li jieqfu mill-attività tagħhom, ikunu laħqu l-età prevista mil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru sabiex jinvokaw id-drittijiet tagħhom għal pensjoni tax-xjuħija, hekk kif jirriżultaw fl-Artikolu 17(1)(a) tad-Direttiva 2004/38, jidħlu fis-sistema gradwali introdotta minn din id-direttiva u fiha jikkostitwixxu, sa fejn hija prevista l-kisba ta’ dritt ta’ residenza permanenti fl-imsemmi Stat Membru qabel id-dekorriment ta’ perijodu mhux interrott ta’ ħames snin ta’ residenza, sistema iktar favorevoli għal din il-kategorija ta’ ċittadini tal-Unjoni. Barra minn hekk, peress li dawn huma dispożizzjonijiet ta’ natura derogatorja, huma għandhom ikunu suġġett għal interpretazzjoni restrittiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Zh. u O., C‑554/13, EU:C:2015:377, punt 42).

39

Konsegwentement, għall-finijiet tal-kisba ta’ dritt ta’ residenza permanenti fl-Istat Membru ospitanti, dawn il-ħaddiema għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 17(1)(a) tad-Direttiva 2004/38 relatati mal-eżerċizzju ta’ attività matul minn tal-inqas l-aħħar tnax‑il xahar fl-Istat Membru ospitanti kif ukoll ir-residenza mingħajr interruzzjoni f’dan l-Istat Membru għal iktar minn tliet snin. Fil-fatt, interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fis-sens li s-sempliċi fatt li ħaddiem ikun laħaq, fil-mument meta jieqaf mill-attività tiegħu, l-età prevista mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti sabiex jinvoka d-drittijiet tiegħu għal pensjoni tax-xjuħija hija suffiċjenti sabiex jingħata dritt għal residenza permanenti f’dan l-Istat Membru, mingħajr rekwiżit ieħor marbut ma’ perijodu ta’ residenza fl-imsemmi Stat Membru li jippreċedi l-waqfien minn din l-attività, tmur kontra s-sistema gradwali prevista minn din id-direttiva.

40

It-tielet nett, interpretazzjoni li ma tkunx timponi lill-ħaddiema, li fil-mument meta jieqfu mill-attività tagħhom ikunu laħqu l-età prevista mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru sabiex jinvokaw id-drittijiet tagħhom għal pensjoni tax-xjuħija, l-osservanza tal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 17(1)(a) tad-Direttiva 2004/38, għall-finijiet tal-kisba ta’ dritt ta’ residenza permanenti fl-Istat Membru ospitanti, qabel l-iskadenza ta’ perijodu mhux interrott ta’ ħames snin, tkun tmur kontra l-għanijiet ta’ din id-direttiva.

41

F’dan ir-rigward, hekk kif tenfasizza l-premessa 17 tad-Direttiva 2004/38, id-dritt ta’ residenza permanenti jikkostitwixxi element prinċipali għall-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali u ġie previst minn din id-direttiva sabiex jissaħħaħ is-sentiment ta’ ċittadinanza tal-Unjoni, b’tali mod li l-leġiżlatur tal-Unjoni ssuġġetta l-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti skont l-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva għall-integrazzjoni taċ-ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti (sentenza tas‑17 ta’ April 2018, B u Vomero, C‑316/16 u C‑424/16, EU:C:2018:256, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

Hekk kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-integrazzjoni, li hija kundizzjoni essenzjali għall-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti previst fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38, ma hijiex ibbażata biss fuq fatturi territorjali u temporali, iżda wkoll fuq fatturi kwalitattivi, li jirrigwardaw il-livell ta’ integrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti (sentenza tas‑17 ta’ April 2018, B u Vomero, C‑316/16 u C‑424/16, EU:C:2018:256, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

Konsegwentement, fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq mid-Direttiva 2004/38, dritt ta’ residenza permanenti fuq il-bażi tal-Artikolu 17(1)(a) tal-imsemmija direttiva jista’ jkun disponibbli għall-ħaddiem li, fil-mument meta jieqaf mill-attività tiegħu, ikun laħaq l-età prevista mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru sabiex jinvoka d-drittijiet tiegħu għal pensjoni tax-xjuħija biss jekk l-integrazzjoni tiegħu fl-Istat Membru ospitanti jista’ jiġi ċċertifikat permezz tal-kundizzjonijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2003, Givane et, C‑257/00, EU:C:2003:8, punt 29).

44

Fid-dawl tal-punti preċedenti, jeħtieġ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-Artikolu 17(1)(a) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-kisba ta’ dritt ta’ residenza permanenti fl-Istat Membru ospitanti qabel id-dekorriment tal-perijodu mingħajr interruzzjoni ta’ ħames snin ta’ residenza, il-kundizzjonijiet marbuta mal-fatt li jkun eżerċita l-attività tiegħu f’dan il-pajjiż mill-inqas matul l-aħħar tnax‑il xahar u li fih ikun irrisjeda mingħajr interruzzjoni għal iktar minn tliet snin japplikaw għal ħaddiem li, fil-mument fejn ikun waqaf mill-attività tiegħu, ikun laħaq l-età prevista mil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru sabiex ikun jista’ jinvoka d-drittijiet tiegħu għal pensjoni tax-xjuħija.

Fuq it-tieni domanda

45

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l-ispejjeż

46

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 17(1)(a) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-kisba ta’ dritt ta’ residenza permanenti fl-Istat Membru ospitanti qabel id-dekorriment tal-perijodu mingħajr interruzzjoni ta’ ħames snin ta’ residenza, il-kundizzjonijiet marbuta mal-fatt li jkun eżerċita l-attività tiegħu f’dan il-pajjiż mill-inqas matul l-aħħar tnax‑il xahar u li fih ikun irrisjeda mingħajr interruzzjoni għal iktar minn tliet snin japplikaw għal ħaddiem li, fil-mument fejn ikun waqaf mill-attività tiegħu, ikun laħaq l-età prevista mil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru sabiex ikun jista’ jinvoka d-drittijiet tiegħu għal pensjoni tax-xjuħija.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.