SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

14 ta’ Mejju 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Skart – Direttiva 1999/31/KE – Landfills eżistenti – Perijodu ta’ manutenzjoni tal-landfill wara l-għeluq – Estensjoni – Spejjeż tar-rimi ta’ skart f’landfill – Prinċipju ta’ min iniġġes iħallas – Applikazzjoni ratione temporis tad-direttiva”

Fil-Kawża C‑15/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Diċembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Jannar 2019, fil-proċedura

A.m.a. – Azienda Municipala Ambiente SpA

vs

Consorzio Laziale Rifiuti – Co.La.Ri.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tal-Awla, P. G. Xuereb u T. von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Novembru 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-A.m.a. – Azienda Municipale Ambiente SpA, minn L. Opilio, G. Pellegrino u P. Cavasola, avvocati,

għall-Consorzio Laziale Rifiuti – Co.La.Ri., minn F. Tedeschini, avvocato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara u F. Thiran, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Jannar 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 10 u 14 tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE tas-26 ta’ April 1999 dwar ir-rimi ta’ skart f’landfill (ĠU 1999, L 182, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 91, p. 30).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-A.m.a. – Azienda Municipale Ambiente SpA (iktar ’il quddiem l-“A.M.A”), responsabbli mis-servizz ta’ ġbir u ta’ rimi f’landfill tal-iskart solidu muniċipali għall-komun ta’ Ruma (l-Italja), u l-Consorzio Laziale Rifiuti – Co.La.Ri., operatur tal-landfill ta’ Malagrotta (Reġjun tal-Lazio, l-Italja), rigward iż-żieda tal-ispejjeż marbuta mal-obbligu għall-Co.La.Ri. li jiżgura l-manutenzjoni ta’ din il-landfill matul perijodu ta’ mill-inqas 30 sena, minflok 10 snin inizjalment previsti, wara l-għeluq tagħha.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 25 u 29 tad-Direttiva 1999/31 jistipulaw:

“(25)

Billi siti ta’ landfills ġew magħluqa qabel id-data ta’ transpożizzjoni ta’ din id-Direttiva dawn ma għandhomx ikunu soġġetti għad-dispożizzjonijiet tagħha dwar proċedura ta’ għeluq.

[…]

(29)

Billi miżuri jridu jittieħdu biex jiżguraw li l-prezz mitlub għal ħlas għal rimi ta’ skart f’landfill ikopri l-ispejjeż kollha involuti fil-bidu u tħaddim tal-faċilitá, inkluża kemm jista’ jkun possibbli s-sigurtá finanzjarja jew l-ekwivalenti tagħha li l-ħaddiem tas-sit irid jipprovdi, u l-ispiża maħsuba għal għeluq tas-sit inkluża l-kura ta’ wara neċessarja”.

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Għan ġenerali”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Bl-għan li jintlaħqu l-ħtiġijiet tad-Direttiva 75/442/KEE [tal-Kunsill, tal-15 ta’ Lulju 1975, dwar l-iskart (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 23)], u partikolarment l-Artikoli 3 u 4 tagħha, l-għan ta’ din id-Direttiva huwa, permezz ta’ ħtiġijietet tekniċi u operazzjonali iebsa fuq l-iskart u l-landfill, biex jiprovdu miżuri, proċeduri u gwida biex jiġu prevenuti jew jitnaqqsu kemm jista’ jkun possibbli effetti negattivi fuq l-ambjent, partikolarment it-tniġġiż ta’ l-ilma tal-wiċċ, l-ilma tal-qiegħ, ħamrija u arja, u fuq l-ambjent globali, inkluż l-effett serra, kif ukoll kif kull risjku li jirriżulta għas-saħħa tal-bniedem, minn rimi ta’ skart f landfill, matul iċ-ċiklu sħiħ tal-landfill.”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

g)

‘landfill’ tfisser sit ta’ rifjut ta’ skart għal depożitu ta’ l-iskart fuq jew fl-art (per eżempju taħt l-art), […]

[…]

l)

‘operatur’ tfisser persuna legali jew naturali responsabbli għat-terraferma bi qbil mall-leġiżlazzjoni interna ta’ l-Istati Membri fejn tkun il-landfill; din il-persuna tista’ tinbidel mill-fażi tal-preparazzjoni sa dik tal-kura ta’ wara;

[…]

n)

‘detentur’ tfisser il-produttur ta’ l-iskart jew il-persuna legali jew naturali li tkun fil-pussess tiegħu;

[…]”

6

Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 1999/31, l-Istati Membri għandhom japplikawha għal kull landfill fis-sens tal-Artikolu 2(g) ta’ din id-direttiva.

7

Skont l-Artikolu 10 tal-istess direttiva, intitolat “Spiża tar-rimi ta’ skart f’terraferma”:

“L-Istati Membri jridu jieħdu mżuri biex jiżguraw l-ispejjeż kollha involuti fil-bidu u l-operazzjoni tas-sit ta’ landfill, inkluża kemm jista’ jkun possibbli l-ispiża tas-sigurtá finanzjarja jew l-ekwivalenti tagħha riferuta fl-Artikolu 8(a)(iv), u l-ispejjeż stmati ta’ l-għeluq u l-kura ta’ wara tas-sit għal perijodu ta’ għall-inqas 30 sena jridu jkunu koperti mill-prezz li jrid jintalab biex jitħallas mill-operatur għar-rimi ta’ kull tip ta’ skart f’dak is-sit. Bla ħsara għall-ħtiġijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE tas-7 ta’ Ġunju 1990 fuq il-libertà ta’ aċċess għall-informazzjoni fuq l-ambjent [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 402)] l-Istati Membri jridu jiżguraw trasparenza fil-kollezzjoni u użu ta’ kull informazzjoni ta’ spejjeż neċessarja.”

8

L-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Proċeduri ta’ l-għeluq u kura ta’ wara”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri jridu jieħdu miżuri sabiex, bi qbil, fejn xieraq, mall-permess:

[…]

ċ)

wara li terraferma tkun definittivament magħluqa, l-operatur għandu ikun responsabbli għall-manutenzjoni, fażi ta’ sorveljar u kontroll u tal-kura ta’ wara tagħha sakemm ikun meħtieġ mill-awtoritá kompetenti, bil-kunsiderazzjoni taż-żmien li matulu it-terraferma tista tkun ta’ periklu.

L-operatur irid jinnotifika lill-awtoritá kompetenti b’kull effett ħażin sinifikanti għall-ambjent li ġie skopert mill-proċeduri ta’ kontroll u skond id-deċiżjoni ta’ l-awtoritá kompetenti fuq in-natura u termini ta’ żmien tal-miżuri korrettivi li jridu jittieħdu;

d)

sakemm l-awtoritá kompetenti tikkonsidra li t-terraferma x’aktarx tista tikkawża periklu għall-ambjent u mingħajr preġudizzju għall-leġilazzjoni Komunitarja u nazzjonali skond ir-responsabbilità tad-detentur ta’ l-iskart, l-operatur tas-sit irid ikun responsabbli għas-sorveljar u analizzar ta’ gass u lissija tal-landfill mis-sit u r-reġim ta’ l-ilma tal-qiegħ fil-viċinanza tas-sit bi qbil ma l-Anness III.”

9

Skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 1999/31, intitolat “Siti eżistenti ta’ landfill”:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri sabiex landfills li ġew mogħtija permess, jew li huma diġa qed jitħaddmu fil-ħin ta’ trasposizzjoni ta’ din id-Direttiva, ma jistgħux ikomplu jaħdmu sakemm il-passi indikati hawn taħt jiġu mtemma malajr kemm jista’ jkun u fi żmien tmien snin minn wara d-data stipulata fl-Artikolu 18(1) l-aktar tard:

a)

f’perijodu ta’ sena min wara d-data stipulata fl-Artikolu 18(1), l-operatur ta’ terraferma irid jipprepara u jippreżenta lill-awtoritajiet kompetenti, għall-approvazzjoni tagħhom, pjan ta’ kondizzjonament għas-sit inklużi l-partikolari elenkati fl-Artikolu 8 u kull miżura korrettiva li l-operatur jikkonsidera li tkun meħtieġa sabiex ikun konformi mal-ħtiġijiet ta’ din id-Direttiva bl-eċċezzjoni tal-ħtiġijiet fl-Anness I, punt 1;

b)

skond il-preżentazzjoni tal-pjan ta’ kondizzjonament, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu deċiżjoni definita fuq jekk l-operazzjonijiet ikomplux fuq il-bażi ta’ l-imsemmi pjan ta’ kundizzjonalment u ta’ din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jagħlqu malajr kemm jista’ jkun possibbli, bi qbil ma l-Artikolu 7(g) u 13, siti li ma ġewx mogħtija, bi qbil ma’ l-Artikolu 8, permess biex ikomplu joperaw;

ċ)

fuq il-bażi tal-pjan ta’ kondizzjonament tas-sit approvat, l-awtortá kompetenti għandha tawtorizza x-xogħol neċessarju u tistipula perijodu tranżitorju għat-temma tal-pjan. Terraferma eżistenti trid taqbel mall-ħtiġijiet ta’ din id-Direttiva bl-eċċezzjoni tal-ħtiġijiet fl-Anness I, punt 1 fi żmien tmien snin wara d-data stipulata fl-Artikolu 18(1);

[…]”

10

L-Artikolu 18 tal-imsemmija direttiva jipprovdi li l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom magħha sa mhux iktar tard minn sentejn mid-dħul fis-seħħ tagħha u li għandhom jinfurmaw b’dan immedjatament lill-Kummissjoni Ewropea. Konformement mal-Artikolu 19 tagħha, id-Direttiva daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Lulju 1999.

Id-dritt Taljan

11

Id-Direttiva 1999/31 ġiet trasposta fid-dritt Taljan permezz tad-decreto legislativo n. 36 – Attuazione della direttiva 1999/31/CE relativa alle discariche di rifiuti (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 36 dwar l-Implimentazzjoni tad-Direttiva 1999/31/KE dwar ir-rimi ta’ skart f’landfill), tat-13 ta’ Jannar 2003 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 59, tat-12 ta’ Marzu 2003). L-Artikoli 15 u 17 ta’ dan id-digriet, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 36/2003”), jittrasponu, rispettivament, l-Artikoli 10 u 14 tad-Direttiva 1999/31.

12

Skont it-termini tal-Artikolu 15 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 36/2003:

“Il-prezz tar-rimi ta’ skart f’landfill għandu jkopri l-ispejjeż marbuta mal-bidu u mal-operat tas-sit ta’ landfill, mal-ispejjeż tas-sigurtà finanzjarja u mal-ispejjeż stmati tal-għeluq tas-sit, kif ukoll mal-manutenzjoni tiegħu wara għeluq matul perijodu identiku għal dak previst fl-Artikolu 10(1)(i).”

13

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 10 ta’ dan id-digriet tħassar bid-decreto legislativo n. 59 – Attuazione integrale della direttiva 96/61/CE relativa alla prevenzione e riduzione integrate dell’inquinamento (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 59 dwar l-Implimentazzjoni Integrali tad-Direttiva 96/61/KE dwar il-prevenzjoni u t-tnaqqis integrati tat-tniġġis), tat-18 ta’ Frar 2005 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 93, tat-22 ta’ April 2005).

14

L-Artikolu 17(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 36/2003 jiddisponi li:

“Il-landfills diġà awtorizzati fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet jistgħu jkomplu jirċievu, sal-31 ta’ Diċembru 2006, l-iskart li għalih kienu ġew awtorizzati”.

15

L-Artikolu 17(3) ta’ dan id-digriet leġiżlattiv jistabbilixxi terminu għall-adattament tal-landfills eżistenti għar-rekwiżiti l-ġodda f’dawn it-termini:

“F’terminu ta’ sitt xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet, id-detentur tal-permess fis-sens tal-paragrafu 1 jew l-operatur tal-landfill, imqabbad minnu, jippreżenta lill-awtorità kompetenti pjan ta’ kundizzjonament tas-sit skont kriterji previsti f’dan id-digriet, inklużi s-sigurtajiet finanzjarji msemmija fl-Artikolu 14.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16

A.M.A., kumpannija miżmuma mill-komun ta’ Ruma (l-Italja), hija konċessjonarja tal-attività ta’ ġbir, ta’ trasport, ta’ trattament, ta’ riċiklaġġ u ta’ rimi tal-iskart muniċipali fit-territorju ta’ dan il-komun.

17

Permezz tal-kuntratt tas-26 ta’ Jannar 1996, hija fdat, sal-31 ta’ Diċembru 2005, l-attività ta’ rimi ta’ skart solidu muniċipali f’landfill fis-sit ta’ Malagrotta lill-Co.La.Ri. Skont dan il-kuntratt, l-A.M.A. hija “detentur” fis-sens tal-Artikolu 2(n) tad-Direttiva 1999/31, filwaqt li l-Co.La.Ri huwa “operatur” fis-sens tal-Artikolu 2(l) ta’ din id-direttiva. L-iskart kollu tal-komun ta’ Ruma ġie maħżun fil-landfill ta’ Malagrotta sal-għeluq tagħha.

18

Mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, konformement mal-Artikolu 10 tad-Direttiva 1999/31, it-tul ta’ żmien ta’ manutenzjoni tas-sit ta’ Malagrotta wara l-għeluq tiegħu kien ġie estiż għal 30 sena, minflok 10 snin inizjalment previsti mill-imsemmi kuntratt.

19

Permezz ta’ deċiżjoni arbitrali, l-A.M.A. ġiet ikkundannata tirrimborsa lill-Co.La.Ri. is-somma ta’ EUR 76391 533.29, minħabba l-ispejjeż marbuta mal-obbligu, għal dan tal-aħħar, li jiżgura l-manutenzjoni tal-landfill matul perijodu ta’ mill-inqas 30 sena. L-A.M.A. ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Corte d’appello di Roma (il-Qorti tal-Appell ta’ Ruma, l-Italja). Din tal-aħħar ikkonfermat l-imsemmija deċiżjoni, billi kkunsidrat li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 1999/31 kienu applikabbli għal-landfills kollha diġà operattivi fil-mument tad-dħul fis-seħħ tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 36/2003. L-A.M.A. ippreżentat appell ta’ kassazzjoni kontra d-deċiżjoni tal-Corte d’appello di Roma (il-Qorti tal-Appell ta’ Ruma).

20

Il-qorti tar-rinviju tesprimi d-dubji tagħha dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-konklużjonijiet misluta mill-Corte d’appello di Roma (il-Qorti tal-Appell ta’ Ruma) dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 1999/31, bħal dawk relatati mal-ispejjeż ta’ manutenzjoni, għal landfill eżistenti bħal dik ta’ Malagrotta. Skont l-A.M.A., id-Digriet Leġiżlattiv Nru 36/2003 jipprevedi biss, għal-landfills eżistenti, perijodu tranżitorju, x’aktarx sabiex il-landfills isiru konformi, iżda ma jsemmix piż finanzjarju marbut mal-manutenzjoni ta’ dawn il-landfills wara l-eventwali għeluq tagħhom.

21

Din il-qorti tistaqsi, f’dan ir-rigward, dwar il-kompatibbiltà tal-obbligu, għad-detentur, li jbati l-ispejjeż marbuta mal-manutenzjoni tal-landfill wara l-għeluq tagħha, billi jinkisru l-ftehimiet kuntrattwali konklużi bejn id-detentur u l-operatur, li kienu llimitaw għal 10 snin, u mhux għal 30 sena, it-tul tal-manutenzjoni, filwaqt li jiġu inklużi l-ispejjeż marbuta mal-iskart maħżun qabel id-dħul fis-seħħ tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 36/2003.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-interpretazzjoni tal-qorti tal-appell, fis-sens li l-Artikoli 15 u 17 tad-Digriet Leġiżlattiv [Nru 36/2003], li jittrasponu fid-dritt nazzjonali l-Artikoli 10 u 14 tad-Direttiva 1999/31, japplikaw b’mod retroattiv, li għandu l-effett li jissuġġetta inkundizzjonalment il-landfills eżistenti li għandhom diġà awtorizzazzjoni ta’ operat għall-obbligi li jipprevedu dawn id-dispożizzjonijiet, u b’mod partikolari għall-estensjoni minn għaxra għal tletin sena tal-perijodu ta’ manutenzjoni tas-sit wara li ma jibqax operattiv, hija konformi mal-Artikoli 10 u 14 tad-Direttiva 1999/31?

2)

B’mod partikolari, fid-dawl tal-kontenut tal-Artikoli 10 u 14 tad-Direttiva 1999/31, li, rispettivament, jistiednu lill-Istati Membri jieħdu, ‘mżuri biex jiżguraw l-ispejjeż kollha involuti fil-bidu u l-operazzjoni tas-sit ta’ terraferma, inkluża kemm jista’ jkun possibbli l-ispiża tas-sigurtá finanzjarja jew l-ekwivalenti tagħha riferuta fl-Artikolu 8(a)(iv), u l-ispejjeż stmati ta’ l-għeluq u l-kura ta’ wara tas-sit għal perijodu ta’ għall-inqas 30 sena jridu jkunu koperti mill-prezz li jrid jintalab biex jitħallas mill-operatur għar-rimi ta’ kull tip ta’ skart f’dak is-sit’ u ‘miżuri sabiex terraferma li ġew mogħtija permess, jew li huma diġa qed jitħaddmu fil-ħin ta’ trasposizzjoni ta’ din id-Direttiva, […] [ikunu jistgħu] ikomplu jaħdmu’ —, l-interpretazzjoni magħmula mill-qorti tal-appell, fis-sens li l-Artikoli 15 u 17 tad-Digriet Leġiżlattiv [Nru 36/2003] japplikaw għal-landfills eżistenti li għandhom diġà awtorizzazzjoni ta’ operat, hija konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-direttiva, meta, fit-traspożizzjoni tiegħu tal-obbligi li huma imposti wkoll fuq il-landfills eżistenti, l-Artikolu 17 sempliċement jipprevedi perijodu tranżitorju u ma jinkludi ebda miżura intiża sabiex jiġu llimitati l-effetti finanzjarji tal-estensjoni fuq id-‘detentur’?

3)

L-interpretazzjoni mogħtija mill-qorti tal-appell, li l-Artikoli 15 u 17 tad-Digriet Leġiżlattiv [Nru 36/2003] japplikaw għal-landfills eżistenti li għandhom diġà awtorizzazzjoni ta’ operat, anki f’dak li jikkonċerna l-oneri finanzjarji li jirriżultaw mill-obbligi li huma hekk imposti fuqhom u, b’mod partikolari, l-estensjoni minn għaxra sa tletin sena tal-perijodu ta’ manutenzjoni tas-sit wara li ma jibqax operattiv, billi dawn l-oneri jkollu jbatihom id-‘detentur’ u billi tiġi vvalidata b’dan il-mod iż-żieda għal dan tal-aħħar tat-tariffi previsti fil-kuntratti li jirregolaw l-attività ta’ eliminazzjoni tal-iskart, hija konformi mal-Artikoli 10 u 14 tad-Direttiva 1999/31?

4)

Fl-aħħar nett, l-interpretazzjoni fis-sens li l-Artikoli 15 u 17 tad-Digriet Leġiżlattiv [Nru 36/2003] japplikaw għal-landfills eżistenti li għandhom diġà awtorizzazzjoni ta’ operat, anki f’dak li jikkonċerna l-oneri finanzjarji li jirriżultaw mill-obbligi li huma hekk imposti fuqhom u, b’mod partikolari, l-estensjoni minn għaxra sa tletin sena tal-perijodu ta’ manutenzjoni tas-sit wara li ma jibqax operattiv, interpretazzjoni li l-qorti tal-appell tat meta qieset li l-oneri għandhom jiġu ddeterminati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss l-iskart li għandhom jirċievu mid-dħul fis-seħħ tal-miżuri ta’ traspożizzjoni, iżda wkoll skart li jkun diġà ġie rċevut, hija konformi mal-Artikoli 10 u 14 tad-Direttiva 1999/31?”

Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

23

Il-Co.La.Ri. jikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

24

Huwa jsostni li d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju huma irrilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali u ġew irregolati mill-konstatazzjoni tal-inammissibbiltà tal-aggravji. Fil-fatt, skont il-Co.La.Ri., l-obbligu tiegħu li jbati l-ispejjeż tal-manutenzjoni tal-landfill ta’ Malagrotta wara l-għeluq tagħha ma ġiex ikkontestat fuq il-mertu quddiem il-Corte d’appello di Roma (il-Qorti tal-Appell ta’ Ruma) u għalhekk għandu l-awtorità ta’ res judicata.

25

Il-Co.La.Ri. isostni wkoll li l-qorti tar-rinviju ma tesponix il-motivi ta’ dritt li jiġġustifikaw li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita u jinvoka assenza ta’ diverġenza reali fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

26

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 267 TFUE jistabbilixxi proċedura ta’ kooperazzjoni diretta bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati tal-Istati Membri. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kull evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali, li għandha l-obbligu li tevalwa, fir-rigward taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità għal deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja hija awtorizzata unikament sabiex tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ test tal-Unjoni abbażi tal-fatti li jkunu ġew indikati lilha mill-qorti nazzjonali (sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400 punt 15 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

27

Minn dan isegwi li d-domandi magħmula mill-qrati nazzjonali jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza u li r-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq dawn id-domandi huwa possibbli biss jekk jidher li l-interpretazzjoni mitluba ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, jekk il-problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għall-imsemmija domandi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

28

F’dan il-każ, il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) tesponi, fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, ir-raġunijiet li jwassluha sabiex titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja interpretazzjoni tal-Artikoli 10 u 14 tad-Direttiva 1999/31 kif ukoll definizzjoni tar-regoli previsti minn din id-direttiva.

29

B’mod partikolari, hija tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ tilwima li tirrigwarda l-ispejjeż tal-għeluq ta’ sit ta’ landfill u tal-manutenzjoni tiegħu wara l-għeluq, dwar il-kontenut u l-portata tal-obbligi li possibbilment jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet fuq l-Istat Membru kkonċernat, fuq l-operatur tas-sit ta’ landfill u fuq detentur tal-iskart kif ukoll dwar il-konformità tal-miżuri ta’ traspożizzjoni għal dawn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 1999/31, li jimplika li din is-sentenza għandha konsegwenzi konkreti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

30

Isegwi li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli u, għaldaqstant, li hemm lok li tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

Fuq id-domandi preliminari

31

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 10 u 14 tad-Direttiva 1999/31 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi li landfill operattiva fid-data ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva għandha tkun suġġetta għall-obbligi li jirriżultaw mill-imsemmija direttiva, u b’mod partikolari għal estensjoni tal-perijodu ta’ manutenzjoni wara l-għeluq ta’ din il-landfill, mingħajr ma jkun hemm lok li ssir distinzjoni skont id-data tal-ħażna tal-iskart u lanqas ma għandha tiġi prevista miżura intiża sabiex tillimita l-effetti finanzjarji ta’ din l-estensjoni fir-rigward tad-detentur tal-iskart.

32

Għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li d-Direttiva 1999/31 għandha bħala għan ġenerali, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, li tipprevedi, permezz ta’ rekwiżiti tekniċi u operazzjonali stretti applikabbli għall-iskart u għal-landfills, miżuri, proċeduri u linji gwida intiżi sabiex jipprevjenu jew sabiex inaqqsu daqskemm jista’ jkun possibbli l-effetti negattivi fuq l-ambjent, u b’mod partikolari t-tniġġis tal-ilma tal-wiċċ, l-ilma tal-qiegħ, ħamrija u arja, u fuq l-ambjent globali, inkluż l-effett serra, kif ukoll kull riskju li jirriżulta għas-saħħa tal-bniedem, minn rimi ta’ skart f’landfill, matul iċ-ċiklu sħiħ tal-landfill.

33

L-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li hija tapplika għal kull landfill, li hija ddefinita, fl-Artikolu 2(g) tal-imsemmija direttiva, bħala sit ta’ rimi ta’ skart permezz tad-depożitu tiegħu fuq jew fl-art.

34

Barra minn hekk, mill-premessa 25 tad-Direttiva 1999/31 jirriżulta li l-landfills li kienu ngħalqu qabel id-data ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li din tinkludi fil-qasam ta’ proċedura ta’ għeluq. Barra minn hekk, skont qari flimkien tal-Artikolu 18(1) u tal-Artikolu 19 ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet nazzjonali neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom magħha sa mhux iktar tard minn sentejn mis-16 ta’ Lulju 1999.

35

Għalhekk, huma biss il-landfills li kienu diġà magħluqa qabel id-data ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 1999/31 u, mhux iktar tard mis-16 ta’ Lulju 2001, li ma humiex ikkonċernati mill-obbligi li jirriżultaw minn din id-direttiva fil-qasam tal-għeluq. Dan ma huwiex il-każ tal-landfill ta’ Malagrotta, li, kif huwa paċifiku bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali, kienet għadha attiva f’din id-data.

36

F’dan ir-rigward għandu jiġi ppreċiżat li, skont l-Artikolu 14 tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri kellhom jieħdu miżuri sabiex il-landfills li ġew mogħtija permess, jew li kienu qed jitħaddmu f’din l-istess data, ikunu jistgħu jkomplu jaħdmu biss jekk il-miżuri kollha indikati f’dan l-artikolu kienu implimentati malajr kemm jista’ jkun u mhux iktar tard mis-16 ta’ Lulju 2009 (sentenza tal-25 ta’ Frar 2016, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑454/14, mhux ippubblikata, EU:C:2016:117, punt 35).

37

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-imsemmi artikolu jistabbilixxi sistema tranżitorja derogatorja sabiex dawn il-landfills ikunu konformi mar-rekwiżiti ambjentali l-ġodda (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ April 2014, Ville d’Ottignies-Louvain-la-Neuve et, C‑225/13, EU:C:2014:245, punti 33 u 34, kif ukoll tal-25 ta’ Frar 2016, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑454/14, mhux ippubblikata, EU:C:2016:117, punt 36).

38

Barra minn hekk, l-Artikolu 14(b) tad-Direttiva 1999/31 jeżiġi, minn naħa, li l-awtorità nazzjonali kompetenti tieħu deċiżjoni definittiva dwar it-tkomplija tal-operat abbażi ta’ pjan ta’ kundizzjonament u ta’ din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex ikun jista’ jsir, fl-iqsar żmien possibbli, l-għeluq tas-siti li ma kinux kisbu l-permess li jkomplu bl-operazzjonijiet tagħhom (sentenza tal-25 ta’ Frar 2016, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑454/14, mhux ippubblikata, EU:C:2016:117, punt 37).

39

L-Artikolu 14(ċ) tal-imsemmija direttiva jipprevedi, essenzjalment, li, abbażi tal-pjan ta’ kundizzjonament ta’ sit approvat, l-awtorità kompetenti għandha tawtorizza x-xogħlijiet neċessarji u tistabbilixxi perijodu tranżitorju għall-eżekuzzjoni tal-imsemmi pjan, filwaqt li jiġi ppreċiżat li kull landfill eżistenti għandha tkun konformi mar-rekwiżiti ta’ din l-istess direttiva, bl-eċċezzjoni ta’ dawk stabbiliti fil-punt 1 tal-Anness I tagħha, qabel is-16 ta’ Lulju 2009 (sentenza tal-25 ta’ Frar 2016, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C-454/14, mhux ippubblikata, EU:C:2016:117, punt 38).

40

Għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 14 tad-Direttiva 1999/31 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jeskludi l-landfills eżistenti mill-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra ta’ din id-direttiva.

41

Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-landfills li għandhom permess jew operattivi fid-data ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 1999/31 u suġġetti għal proċedura ta’ għeluq sussegwenti, bħal-landfill ta’ Malagrotta, għandu jiġi kkunsidrat li dawn għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, dwar il-proċedura tal-għeluq u ta’ ġestjoni wara l-għeluq.

42

L-obbligi ta’ manutenzjoni tas-sit wara l-għeluq tiegħu, stabbiliti fl-Artikolu 13(ċ) tad-Direttiva 1999/31, huma applikabbli sa mhux iktar tard mill-iskadenza tal-perijodu tranżitorju. L-operatur għandu għalhekk jiżgura l-manutenzjoni, is-sorveljanza u l-kontroll tal-landfill, wara l-għeluq ta’ din tal-aħħar, għat-tul kollu li l-awtorità kompetenti tkun qieset neċessarju fid-dawl tal-perijodu li matulu din il-landfill tista’ tippreżenta riskji.

43

Din id-dispożizzjoni għandha tinqara fid-dawl tal-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, li jipprevedi b’mod partikolari li l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri sabiex l-ispejjeż stmati tal-għeluq tas-sit u tal-manutenzjoni tiegħu wara l-għeluq matul perijodu ta’ mill-inqas 30 sena jkunu koperti mill-prezz mitlub mill-operatur għar-rimi ta’ kull tip ta’ skart f’din il-landfill.

44

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat l-effett dirett ta’ dan l-artikolu, li jimponi fuq l-Istati Membri, f’termini inekwivoċi, obbligu ta’ riżultat preċiż u li ma jinkludi ebda kundizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regola li huwa jistabbilixxi. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni teżiġi li jittieħdu miżuri mill-Istati Membri sabiex jiżguraw li l-prezz mitlub għar-rimi tal-iskart permezz ta’ landfill jiġi ffissat b’mod li jkopri l-ispejjeż kollha marbuta mal-bidu u mat-tħaddim ta’ sit ta’ landfill. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li din id-dispożizzjoni ma timponi fuq l-Istati Membri ebda metodu preċiż fir-rigward tal-finanzjament tal-ispejjeż tal-landfills (sentenza tas-24 ta’ Mejju 2012, Amia, C‑97/11, EU:C:2012:306, punti 34 u 35).

45

Minn dan jirriżulta, fl-ewwel lok, li, konformement mal-Artikoli 10, 13 u 14 tad-Direttiva 1999/31, l-operatur ta’ landfill operattiva fid-data ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva għandu jkun obbligat li jiżgura, għal mill-inqas 30 sena, il-manutenzjoni tal-landfill wara l-għeluq tagħha.

46

F’dan il-każ, mill-elementi tal-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-obbligu għall-Co.La.Ri li jamministra l-landfill ta’ Malagrotta jirriżulta, fl-aħħar lok, mill-pjan ta’ kundizzjonament mill-ġdid, adottat konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 1999/31 u tal-Artikolu 17 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 36/2003, u approvat mill-awtorità kompetenti. Bħala konsegwenza ta’ dan il-pjan, il-Co.La.Ri kien ġie suġġett għall-obbligi ta’ manutenzjoni kollha wara l-għeluq tal-landfill ta’ Malagrotta matul it-tul minimu impost mid-Direttiva, jiġifieri 30 sena, minflok 10 snin inizjalment previsti.

47

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kwistjoni dwar jekk, rigward l-applikazzjoni ta’ dawn l-obbligi, għandha tiġi stabbilita distinzjoni skont id-data ta’ wasla tal-iskart, hemm lok li jiġi kkonstatat li d-Direttiva 1999/31 ma tipprevedix applikazzjoni differenzjata tal-imsemmija obbligi skont jekk l-iskart ġiex irċevut u maħżun qabel jew wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva u lanqas skont il-post tal-ħażna ta’ dan l-iskart fi ħdan il-landfill. Hekk kif jirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, l-obbligu ta’ manutenzjoni ta’ landfill wara l-għeluq tagħha matul perijodu ta’ mill-inqas 30 sena jikkonċerna, b’mod ġenerali, ir-rimi ta’ kull tip ta’ skart f’din il-landfill.

48

Għaldaqstant, ma jistax jiġi aċċettat, fir-rigward tal-għan tad-Direttiva 1999/31, li l-obbligu ta’ manutenzjoni ta’ landfill wara l-għeluq tagħha japplika, minn naħa, għall-iskart li kien maħżun hemmhekk qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni, matul perijodu ta’ 10 snin u, min-naħa l-oħra, għall-iskart li kien maħżun hemmhekk wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu, matul perijodu ta’ 30 sena.

49

Għalhekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-obbligu li jiġi żgurat il-manutenzjoni tas-sit wara l-għeluq tiegħu matul perijodu ta’ mill-inqas 30 sena, kif kien ġie previst mill-Artikolu 10 tad-Direttiva 1999/31, japplika indipendentement mid-data li fiha l-iskart ikun intrema f’landfill. Għaldaqstant, dan l-obbligu jikkonċerna, bħala prinċipju, il-landfill ikkonċernata kollha.

50

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-konsegwenzi finanzjarji li jirriżultaw mill-iffissar jew mill-estensjoni tal-perijodu ta’ manutenzjoni tal-landfill wara l-għeluq tiegħu għal mill-inqas 30 sena, għandu jitfakkar li l-Artikolu 10 tad-Direttiva 1999/31 jeżiġi, hekk kif dan jirriżulta wkoll mill-premessa 29 ta’ din id-direttiva, li għandhom jittieħdu miżuri mill-Istati Membri sabiex jiġi żgurat li l-prezz mitlub għar-rimi ta’ skart f’landfill jiġi ffissat b’mod li jkopri kull spiża marbuta mal-bidu u mal-operat tal-landfill (sentenzi tal-25 ta’ Frar 2010, Pontina Ambiente, C‑172/08, EU:C:2010:87, punt 35, u tal-24 ta’ Mejju 2012, Amia, C‑97/11, EU:C:2012:306, punt 34). Hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tagħha, dawn l-ispejjeż jinkludu l-ispejjeż stmati tal-għeluq tas-sit u tal-manutenzjoni tiegħu wara għeluq matul perijodu ta’ mill-inqas 30 sena.

51

Dan ir-rekwiżit huwa espressjoni tal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, li jimplika, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fil-kuntest tad-Direttiva 75/442 u tad-Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2006 dwar l-iskart (ĠU 2006, L 114, p. 9), li l-ispiża tar-rimi tal-iskart għandha tiġi sostnuta mid-detenturi tiegħu. L-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju tagħmel parti mill-għan tad-Direttiva 1999/31 li, skont l-Artikolu 1(1) tagħha, hija intiża sabiex tissodisfa r-rekwiżiti tad-Direttiva 75/442, u b’mod partikolari tal-Artikolu 3 tagħha li jimponi, fost l-oħrajn, fuq l-Istati Membri l-obbligu li jieħdu miżuri xierqa sabiex jippromwovu l-prevenzjoni jew it-tnaqqis tal-produzzjoni tal-iskart (sentenza tal-25 ta’ Frar 2010, Pontina Ambiente, C‑172/08, EU:C:2010:87, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li, sa fejn ma teżisti, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, ebda leġiżlazzjoni adottata abbażi tal-Artikolu 192 TFUE li timponi fuq l-Istati Membri metodu preċiż fir-rigward tal-finanzjament tal-ispejjeż ta’ bidu u ta’ operat tal-landfills, dan il-finanzjament jista’, bl-għażla tal-Istat Membru kkonċernat, jiġi żgurat irrispettivament permezz ta’ taxxa, ta’ imposta jew ta’ kwalunkwe modalità oħra (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2009, Futura Immobiliare et, C‑254/08, EU:C:2009:479, punt 48, kif ukoll tal-25 ta’ Frar 2010, Pontina Ambiente, C‑172/08, EU:C:2010:87, punt 33).

53

Għalhekk, irrispettivament mir-regoli nazzjonali li jirregolaw is-siti ta’ landfills, dawn ir-regoli għandhom jiggarantixxu li l-ispejjeż ta’ operat kollha ta’ tali siti jkunu effettivament sostnuti mid-detenturi li jqiegħdu l-iskart f’landfills sabiex jintrema. Fil-fatt, l-impożizzjoni fuq l-operatur ta’ tali spejjeż twassal sabiex dan l-operatur jiġi impost spejjeż marbuta mar-rimi ta’ skart li ma jkunx iġġenera huwa stess iżda li sempliċement jiżgura r-rimi tiegħu fil-kuntest tal-attivitajiet tiegħu ta’ fornitur ta’ servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Frar 2010, Pontina Ambiente, C‑172/08, EU:C:2010:87, punti 37 u 38).

54

Tali interpretazzjoni hija konformi mal-obbligu ta’ prevenzjoni jew ta’ tnaqqis kemm jista’ jkun malajr tal-effetti dannużi fuq l-ambjent, kif jirriżulta mill-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas. Hekk kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punt 62 tal-konklużjonijiet tagħha, għalkemm id-Direttiva 1999/31 ma ssemmix espressament dan il-prinċipju fil-kuntest tal-Artikolu 10, dan huwa madankollu, skont l-Artikolu 191(2) TFUE, prinċipju fundamentali tad-dritt tal-ambjent tal-Unjoni li għandu għalhekk neċessarjament jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-interpretazzjoni tagħha.

55

Minn dan isegwi li, għalkemm l-Istat Membru kkonċernat għandu, skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 1999/31, ikun adotta l-miżuri sabiex jiġi żgurat li l-prezz mitlub għar-rimi tal-iskart f’landfill ikun iffissat b’mod li jkopri, b’mod partikolari, l-ispejjeż kollha marbuta mal-għeluq ta’ sit ta’ landfill u mal-manutenzjoni tiegħu wara din l-għeluq, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, dan l-artikolu ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq dan l-Istat Membru l-obbligu li jadotta miżuri intiżi sabiex jillimitaw l-effetti finanzjarji ta’ eventwali estensjoni tal-perijodu ta’ manutenzjoni tal-landfill ikkonċernata fuq id-detentur tal-iskart.

56

Fir-rigward tal-argument li l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-liġi jinkisru minħabba l-estensjoni tal-perijodu ta’ manutenzjoni tal-landfills mingħajr kunsiderazzjoni tad-data ta’ ħażna tal-iskart u mingħajr limitazzjoni tal-effetti finanzjarji fir-rigward tad-detentur tal-iskart, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta, ċertament, li regoli sostantivi tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati, sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, bħala li jipprevedu biss sitwazzjonijiet miksuba qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom sa fejn jirriżulta b’mod ċar mit-termini tagħhom, mill-iskop tagħhom jew mill-istruttura tagħhom li tali effett għandu jiġi attribwit lilhom (sentenza tal-14 ta’ Marzu 2019, Textilis, C‑21/18, EU:C:2019:199, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

Madankollu għandu jitfakkar li dispożizzjoni legali ġdida tapplika mid-dħul fis-seħħ tal-att li jistabbilixxiha u li, jekk ma tapplikax għas-sitwazzjonijiet legali li nħolqu u definittivament inkisbu qabel dan id-dħul fis-seħħ, hija tapplika immedjatament għall-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li nħolqot taħt il-portata tal-liġi l-antika kif ukoll għas-sitwazzjonijiet legali ġodda. Dan ikun differenti, u bla ħsara għall-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-atti ġuridiċi, biss jekk ir-regola l-ġdida tinkludi dispożizzjonijiet partikolari li jiddeterminaw speċjalment il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ratione temporis tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Marzu 2015, Il-Kummissjoni vs Moravia Gas Storage, C‑596/13 P, EU:C:2015:203, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

Issa, hekk kif ġie rrilevat fil-punti 34 u 35 ta’ din is-sentenza, l-iffissar tal-perijodu ta’ manutenzjoni ta’ landfill wara l-għeluq tagħha għal mill-inqas 30 sena, previst fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 1999/31, ma jkoprix il-landfills li jkunu ngħalqu qabel id-data ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva. Għaldaqstant, din ma tikkonċernax is-sitwazzjonijiet legali li tnisslu u ġew definittivament konklużi qabel din id-data u, għaldaqstant, ma għandhiex effett retroattiv. Min-naħa l-oħra, hija tikkostitwixxi, fir-rigward kemm tal-operatur ta’ din il-landfill kif ukoll tad-detentur tal-iskart li huwa maħżun fiha, każ ta’ applikazzjoni ta’ regola ġdida għall-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li nħolqot taħt ir-regola l-qadima.

59

F’dan il-każ, il-landfill ta’ Malagrotta kienet operattiva fid-data ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva u l-għeluq tagħha seħħ taħt il-portata tagħha.

60

Għandu jingħad ukoll li l-ispejjeż stmati ta’ manutenzjoni ta’ sit wara l-għeluq tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 1999/31, għandhom effettivament ikunu marbuta mal-konsegwenzi li l-iskart mormi f’landfill f’sit partikolari jista’ jkollu fuq l-ambjent. F’dan ir-rigward għandha ssir evalwazzjoni tal-elementi rilevanti kollha li jirrigwardaw il-kwantità u t-tipoloġija tal-iskart preżenti fil-landfill u li jistgħu jirriżultaw matul il-perijodu ta’ manutenzjoni wara l-għeluq.

61

Sabiex jiġu ddefiniti l-ispejjeż ta’ manutenzjoni ta’ landfill wara l-għeluq tagħha f’livell li jippermetti li jintlaħaq b’mod effettiv u proporzjonat l-għan previst fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 1999/31, jiġifieri li jiġi limitat ir-riskju li landfill tista’ tirrappreżenta għall-ambjent, tali evalwazzjoni għandha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż diġà sostnuti mid-detentur kif ukoll l-ispejjeż stmati għas-servizzi li ser jiġu pprovduti mill-operatur.

62

F’dan il-każ, l-ammont li l-Co.La.Ri għandu d-dritt jitlob mingħand l-A.M.A għandu jiġi stabbilit b’kunsiderazzjoni tal-elementi msemmija fil-punti 60 u 61 preċedenti u, konformement mal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 1999/31, ippreżentati fil-pjan ta’ kundizzjonament tas-sit ippreżentat lill-awtorità kompetenti. Il-livell ta’ dan l-ammont għandu barra minn hekk jiġi stabbilit b’mod li jkopri esklużivament iż-żieda tal-ispejjeż ta’ manutenzjoni marbuta mal-estensjoni ta’ 20 sena tat-tul tal-perijodu ta’ manutenzjoni wara l-għeluq ta’ din il-landfill, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

63

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, id-domandi magħmula għandhom jiġu risposti li l-Artikoli 10 u 14 tad-Direttiva 1999/31 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi li landfill operattiva fid-data ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva għandha tkun suġġetta għall-obbligi li jirriżultaw mill-imsemmija direttiva, u b’mod partikolari għal estensjoni tal-perijodu ta’ manutenzjoni wara l-għeluq ta’ din il-landfill, mingħajr ma jkun hemm lok li ssir distinzjoni skont id-data tal-ħażna tal-iskart u lanqas li tiġi prevista miżura intiża sabiex jiġu limitati l-effetti finanzjarji ta’ din l-estensjoni fir-rigward tad-detentur tal-iskart.

Fuq l-ispejjeż

64

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 10 u 14 tad-tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE tas-26 ta’ April 1999 dwar ir-rimi ta’ skart f’landfill, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi li landfill operattiva fid-data ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva għandha tkun suġġetta għall-obbligi li jirriżultaw mill-imsemmija direttiva, u b’mod partikolari għal estensjoni tal-perijodu ta’ manutenzjoni wara l-għeluq ta’ din il-landfill, mingħajr ma jkun hemm lok li ssir distinzjoni skont id-data tal-ħażna tal-iskart u lanqas li tiġi prevista miżura intiża sabiex jiġu limitati l-effetti finanzjarji ta’ din l-estensjoni fir-rigward tad-detentur tal-iskart.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.