KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
RICHARD DE LA TOUR
ippreżentati fil‑11 ta’ Frar 2021 ( 1 )
Kawża C‑910/19
Bankia SA
vs
Unión Mutua Asistencial de Seguros (UMAS)
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2003/71/KE – Kumpanniji – Obbligu ta’ pubblikazzjoni ta’ prospett meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ – Investituri kkwalifikati u mhux ikkwalifikati – Responsabbiltà ċivili lejn l-investituri kkwalifikati fil-każ ta’ prospett żbaljat jew inkomplet”
I. Introduzzjoni
1. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) u tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE ( 2 ). |
2. |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Bankia SA u Unión Mutua Asistencial de Seguros (iktar ’il quddiem “UMAS”), stabbiliment ta’ assigurazzjoni mutwa, liema kumpannija tal-aħħar akkwistat azzjonijiet tal-ewwel fid-dawl ta’ prospett li kien jinkludi ineżattezzi gravi. |
3. |
Din il-kawża toffri l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/71 li stabbilixxiet prospett li jista’ jintuża bħala passaport waħdieni għall-postijiet kollha ta’ kwotazzjoni, fit-territorju tal-Unjoni, tat-titoli maħruġa minn emittent. Għalkemm din id-direttiva armonizzat parti kbira mill-kontenut ta’ dan il-prospett, hija, madankollu, ħalliet marġni ta’ manuvra, minn naħa, lill-Istati Membri fl-għażla tas-sistema u tal-modalitajiet li skonthom tista’ tiġi stabbilita r-responsabbiltà ċivili tal-emittenti jew tal-persuni li jagħmlu offerta fir-rigward tal-kontenut tal-informazzjoni msemmija fil-prospetti u, min-naħa l-oħra, lill-emittenti li, minkejja li, f’ċerti każijiet, ma humiex obbligati jippubblikaw tali prospett, b’mod partikolari meta l-offerta ta’ sottoskrizzjoni ssir biss għall-benefiċċju ta’ investituri kkwalifikati, jistgħu madankollu jagħmlu dan b’mod volontarju. |
4. |
Għaldaqstant, id-domandi tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) jirrigwardaw il-fatt li jsir magħruf, fl-ewwel lok, jekk prospett ineżatt jistax iservi bħala bażi għal azzjoni għad-danni ċivili mressqa minn investitur ikkwalifikat u, fit-tieni lok, jekk il-prova tal-konoxxenza tas-sitwazzjoni reali tal-emittent mill-investitur ikkwalifikat tistax tinsilet mill-eżistenza ta’ relazzjonijiet kummerċjali jew ġuridiċi li jeżistu bejniethom (sehem fl-azzjonarjat, fil-korpi ta’ amministrazzjoni, eċċ.). |
5. |
Ser nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi, għall-ewwel domanda, li prospett li l-kontenut tiegħu huwa ineżatt jista’ dejjem iservi bħala bażi għal azzjoni għad-danni ċivili eżerċitata minn investitur ikkwalifikat u, għat-tieni, li l-evalwazzjoni, għall-finijiet li tiġi stabbilita r-responsabbiltà ċivili b’mod partikolari tal-emittent jew tal-persuna li tagħmel offerta, tal-livell ta’ konoxxenza mill-investituri kkwalifikati tas-sitwazzjoni ekonomika ta’ dawn tal-aħħar taqa’ taħt id-dritt nazzjonali, bil-kundizzjoni li jiġu osservati l-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza. |
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-Direttiva 2003/71
6. |
Il-premessi 10, 16, 18, 19 u 27 tad-Direttiva 2003/71 jistabbilixxu:
[…]
[…]
[…]
|
7. |
L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/71 jistabbilixxi: “1. Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
[…] 2. Għall-għanijiet tal-paragrafu 1(e)(iv) il-kriterji huma dawn li ġejjin:
[…]” |
8. |
L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/71 jipprovdi: “1. L-Istati Membri ma għandhom jippermettu li ssir ebda offerta ta’ titoli lill-pubbliku fit-territorju tagħhom mingħajr il-pubblikazzjoni minn qabel ta’ prospett. 2. L-obbligu li jiġi ppubblikat prospett ma għandux japplika għat-tipi ta’ offerta li ġejjin:
[…] 3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi kull ammissjoni tat-titoli għall-kummerċ f’suq regolat li jkun jinsab jew li jopera ġewwa t-territorji tagħhom tkun bla ħsara għall-pubblikazzjoni ta’ prospett.” |
9. |
L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jipprevedi derogi mill-obbligu li jiġi ppubblikat prospett għal ċerti kategoriji ta’ titoli. |
10. |
Skont l-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva: “1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8(2), il-prospett għandu jkun fih it-tagħrif kollu li, skond in-natura partikolari ta’ min joħroġ it-titoli u tat-titoli offruti lill-pubbliku jew ammessi għall-kummerċ f’suq regolat, huwa meħtieġ sabiex jgħin lill-investituri jagħmlu stima infurmata ta’ l-attivi u l-liabbiltajiet, il-posizzjoni finanzjarja, il-qligħ u t-telf, u l-prospetti ta’ min jiħroġ it-titoli u ta’ kull garanti, u tad-drittijiet annessi ma’ dawn it-titoli. Dan it-tagħrif għandu jiġi ppreżentat f’għamla li tkun tista tiġi analizzata u tinftiehem bla xkiel. 2. Il-prospett għandu jkun fih it-tagħrif li jirrigwarda lil min joħroġ it-titoli u t-titoli li jkunu sejrin jiġu offruti lill-pubbliku jew li jridu jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat. Għandu jinkludi wkoll sommarju. Is-sommarju għandu jwassal, f’manjiera qasira u f’ilsien mhux tekniku, il-karetteristiċi essenzjali u r-riskji assoċjati ma’ min joħroġ it-titoli, kull garanti u t-titoli, fl-ilsien li fih kien tfassal oriġinarjament il-prospett. Is-sommarju għandu jkun fih ukoll twissija illi:
[…]” |
11. |
L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/71 jistabbilixxi: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi r-responsabbiltà rigward it-tagħrif mogħti fi prospett ikollu x’jaqsam mill-inqas ma’ min joħroġ it-titoli jew il-korpi tiegħu amministrattivi, tal-ġestjoni jew tas-sorveljanza, ma’ min joffrihom, mal-persuna li titlob għall-ammissjoni għall-kummerċ f’suq regolat jew il-garanti, skond kif ikun il-każ. Il-persuni responsabbli għandhom ikunu identifikati biċ-ċar fil-prospett b’isimhom u l-funzjonament tagħhom jew, fil-każ ta’ persuni legali, isimhom u l-uffiċċji reġistrati tagħhom, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet tagħhom li, safejn ikunu jafu, it-tagħrif li jkun jinsab fil-prospett ikun skond il-fatti u li l-prospett ma jħalli barra xejn li x’aktarx jaffettwa l-importanza tiegħu. 2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi dwar ir-responsabbiltà ċivili japplikaw għal dawk il-persuni responsabbli mit-tagħrif mogħti fi prospett. […]” |
B. Id-dritt Spanjol
12. |
L-Artikolu 28 tal-ley 24/1988, del Mercado de Valores (il-Liġi 24/1988, dwar is-Suq tat-Titoli), tat‑28 ta’ Lulju 1988 ( 4 ), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi: “1. Ir-responsabbiltà għall-informazzjoni pprovduta fil-prospett għandha tal-inqas taqa’ fuq l-emittent, fuq il-persuna li tagħmel offerta jew fuq il-persuna li titlob l-ammissjoni għall-kummerċ f’suq sekondarju uffiċjali kif ukoll fuq l-amministraturi tagħhom, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti permezz ta’ regolamenti. Bl-istess mod, ir-responsabbiltà indikata fis-subparagrafu preċedenti taqa’ fuq il-garanti tat-titoli fir-rigward tal-informazzjoni li huwa obbligat jispeċifika. L-entità inkarigata bil-ġestjoni tal-operazzjonijiet għandha wkoll tkun responsabbli f’dak li jirrigwarda l-kompiti ta’ verifika li għandhom jitwettqu, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti permezz ta’ regolamenti. Ir-responsabbiltà għandha taqa’ wkoll fuq il-persuni l-oħra li jaċċettaw li jassumu r-responsabbiltà fir-rigward tal-prospett, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti permezz ta’ regolamenti, sa fejn dan ikun previst mill-imsemmi dokument, kif ukoll fuq il-persuni barra dawk iċċitati iktar ’il fuq li jkunu awtorizzaw il-kontenut tal-prospett. 2. Il-persuni responsabbli għall-informazzjoni pprovduta fil-prospett għandhom jiġu kjarament identifikati permezz tal-isem u tal-funzjoni tagħhom, jew, fil-każ tal-persuni ġuridiċi, permezz tal-isem u tas-sede tagħhom. Bl-istess mod, huma għandhom jipprovdu dikjarazzjoni li tiċċertifika li, sa fejn jafu huma, id-data fil-prospett hija konformi mar-realtà u ma tinkludix ommissjonijiet ta’ natura li jbiddlu l-portata tiegħu. 3. Skont il-kundizzjonijiet stabbiliti permezz ta’ regolamenti, il-persuni kollha previsti fil-paragrafi preċedenti għandhom, jekk ikun il-każ, ikunu responsabbli għad-danni kollha kkawżati lill-possessuri ta’ titoli akkwistati b’riżultat ta’ informazzjoni żbaljata jew ta’ ommissjonijiet ta’ data rilevanti fil-prospett jew fid-dokument li, jekk ikun il-każ, għandu jitfassal mill-garanti. It-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni għad-danni għandu jkun ta’ tliet snin mid-data li fiha l-persuna li tressaq l-azzjoni setgħet tkun taf bl-informazzjoni żbaljata jew bl-ommissjonijiet dwar il-kontenut tal-prospett. 4. Ebda responsabbiltà ma tista’ tiġi attribwita lill-persuni msemmija fil-paragrafi preċedenti abbażi biss tas-sunt jew tat-traduzzjoni tiegħu, ħlief jekk il-kontenut tiegħu jkun qarrieqi, ineżatt jew kontradittorju meta mqabbel mal-partijiet l-oħra tal-prospett jew jekk, moqri flimkien mal-partijiet l-oħra tal-prospett, ma jipprovdix l-informazzjoni essenzjali li tippermetti li tgħin lill-investituri meta jikkunsidraw li jinvestu f’dawn it-titoli.” |
III. Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
13. |
Fl‑2011, Bankia ppreżentat offerta pubblika ta’ sottoskrizzjoni ta’ azzjonijiet bil-għan tal-introduzzjoni tagħha fil-borsa, liema offerta kienet tinkludi żewġ partijiet: l-ewwel parti kienet indirizzata lill-investituri individwali, lill-impjegati u lill-amministraturi, u t-tieni parti, imsejħa “parti istituzzjonali”, kienet irriżervata għall-investituri kkwalifikati. |
14. |
Mid‑29 ta’ Ġunju 2011, id-data tar-reġistrazzjoni tal-prospett mal-Comisión Nacional del Mercado de Valores (il-Kummissjoni Nazzjonali tas-Suq tat-Titoli, Spanja), iż-żewġ partijiet ġew proposti lill-investituri. Minn din id-data, u sat‑18 ta’ Lulju 2011, kien għaddej il-perijodu msejjaħ ta’ “book-building”, li matulu l-eventwali investituri kkwalifikati setgħu jifformulaw proposti ta’ sottoskrizzjoni. |
15. |
Fit‑18 ta’ Lulju 2011, il-prezz tal-azzjonijiet ġie ffissat għal EUR 3.75 għaż-żewġ partijiet tal-offerta pubblika. |
16. |
Fil-kuntest tal-offerta ta’ sottoskrizzjoni, Bankia kkuntattjat lil UMAS, stabbiliment iddedikat għall-attività ta’ assigurazzjoni mutwa, u konsegwentement, meqjus bħala investitur ikkwalifikat. Fil‑5 ta’ Lulju 2011, UMAS issottoskriviet offerta ta’ xiri ta’ EUR 600000 għal 160000 azzjoni, bil-prezz ta’ EUR 3.75 kull waħda. |
17. |
Wara riformulazzjoni tal-kontijiet annwali ta’ Bankia, l-azzjonijiet tilfu kważi l-valur kollu tagħhom fis-suq sekondarju u l-kwotazzjoni tagħhom ġiet sospiża. |
18. |
Fil-kuntest ta’ kawżi preċedenti, imressqa minn investituri individwali, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li l-prospett maħruġ minn Bankia kien jinkludi ineżattezzi gravi fir-rigward tas-sitwazzjoni finanzjarja reali tal-istabbiliment emittenti. |
19. |
UMAS ippreżentat rikors kontra Bankia intiż, prinċipalment, għan-nullità, minħabba żball fil-kunsens, tal-ordni ta’ xiri tal-azzjonijiet u, sussidjarjament, għall-istabbiliment tar-responsabbiltà ta’ Bankia minħabba n-natura qarrieqa tal-prospett. Il-qorti tal-ewwel istanza kkonstatat in-nullità tal-ordni ta’ xiri tal-azzjonijiet minħabba żball li wassal għal difett ta’ kunsens u ordnat il-ħlas lura tas-somom imħallsa. |
20. |
Bankia appellat minn din is-sentenza quddiem l-Audiencia Provincial (il-Qorti Provinċjali, Spanja). Din tal-aħħar ċaħdet l-azzjoni għal nullità, iżda laqgħet l-azzjoni għad-danni mressqa kontra Bankia minħabba l-prospett żbaljat. |
21. |
Bankia ppreżentat appell ta’ kassazzjoni minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. Din tal-aħħar qieset li la d-Direttiva 2003/71 u lanqas id-dritt Spanjol ma jipprevedu espressament il-possibbiltà għal investituri kkwalifikati li jistabbilixxu r-responsabbiltà tal-emittent minħabba prospett żbaljat meta l-offerta pubblika ta’ sottoskrizzjoni tkun imħallta, jiġifieri indirizzata kemm lil investituri individwali kif ukoll lil investituri kkwalifikati. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva tiddispensa mill-ħruġ ta’ prospett lill-offerti indirizzati esklużivament lill-investituri kkwalifikati, peress li dawn tal-aħħar għandhom il-kapaċità u l-mezzi ta’ informazzjoni li jippermettulhom jieħdu d-deċiżjoni tagħhom b’mod informat. Madankollu, skont il-premessa 27 tal-imsemmija direttiva, il-protezzjoni tal-investituri għandha tiġi ggarantita permezz tal-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni affidabbli, mingħajr ma ssir distinzjoni bejn id-diversi kategoriji ta’ investituri. |
22. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) u tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/71:
|
23. |
Bankia, UMAS, il-Gvern Spanjol u dak Ċek kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. |
IV. Analiżi
24. |
Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/71, moqri fid-dawl tal-Artikolu 3(2)(a) tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta offerta pubblika ta’ sottoskrizzjoni ta’ titoli tkun indirizzata kemm lil investituri individwali kif ukoll lil investituri kkwalifikati u meta jinħareġ prospett, l-azzjoni għad-danni fir-rigward tal-prospett tista’ tiġi eżerċitata mill-investituri kkwalifikati, minkejja li ma huwiex neċessarju li jiġi ppubblikat tali dokument meta l-offerta tirrigwarda esklużivament dawn l-investituri. Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, dik il-qorti tistaqsi jekk, fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta investitur ikkwalifikat iressaq azzjoni, huwa possibbli li jittieħed inkunsiderazzjoni, għall-finijiet li jiġi ddeterminat jekk hijiex stabbilita r-responsabbiltà tal-istabbiliment emittent, il-fatt li dan l-investitur seta’ jkollu aċċess għal informazzjoni dwar is-sitwazzjoni ekonomika tal-kumpannija li ħarġet l-offerta pubblika barra dik inkluża fil-prospett. |
25. |
Sabiex tingħata risposta lill-qorti tar-rinviju, għandhom jiġu eżaminati, fil-każ ta’ prospett żbaljat maħruġ fil-kuntest ta’ offerta mħallta, jiġifieri offerta li tinkludi żewġ partijiet, waħda intiża għall-investituri kkwalifikati, u l-oħra intiża għall-investituri individwali, fl-ewwel lok, l-eżistenza ta’ prinċipju ta’ responsabbiltà ċivili lejn l-investituri kkwalifikati u, jekk ikun il-każ, fit-tieni lok, il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni ta’ din ir-responsabbiltà. |
26. |
Preliminarjament, għandu madankollu jiġi speċifikat li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari mqajma minn UMAS għandha tiġi miċħuda skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 5 ). |
27. |
Fil-fatt, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju esponiet b’mod suffiċjenti r-rabta li teżisti bejn is-suġġett tat-tilwima u l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni, ir-realtà tal-problema li għandha tinqata’ u l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li huma neċessarji sabiex tingħata risposta b’mod utli għad-domandi magħmula. |
A. Prospett ineżatt jista’ jservi bħala bażi għal azzjoni għad-danni ċivili mressqa minn investitur ikkwalifikat kontra l-emittent tat-titoli?
28. |
Din il-kwistjoni tqum fil-każ li jirriżulta fil-kuntest tal-kawża prinċipali, jiġifieri offerta mħallta li tista’ sseħħ fil-kuntest ta’ offerta lill-pubbliku (Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2003/71) jew fil-każ ta’ ħruġ ta’ titoli intiżi għall-kwotazzjoni f’suq irregolat billi, f’dan il-każ, il-pubblikazzjoni ta’ prospett hija obbligatorja u billi l-investituri kkwalifikati, bħall-investituri individwali, jistgħu jakkwistaw tali titoli (Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva). |
29. |
L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi prinċipju ta’ responsabbiltà fil-każ ta’ ħruġ ta’ prospett żbaljat jew inkomplet li jinkludi l-obbligu, għall-Istat Membri, li jiżguraw, minn naħa, l-identifikazzjoni u l-indikazzjoni, f’dan il-prospett, tal-persuni responsabbli għall-kontenut tiegħu (paragrafu 1) u, min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ sistema ta’ responsabbiltà ċivili kontrihom (paragrafu 2). |
30. |
Madankollu, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/71 ma jipprevedix eċċezzjoni għal dan il-prinċipju ta’ responsabbiltà bbażata fuq in-natura tal-offerta mħallta, kemm jekk tkun offruta biss lill-pubbliku jew intiża għall-kwotazzjoni f’suq irregolat, minkejja li dispożizzjonijiet oħra ta’ din id-direttiva jipprevedu derogi mill-obbligu ta’ pubblikazzjoni ta’ prospett, marbuta jew mad-destinatarji tal-offerta, mal-ammont tat-titoli jew mal-offerta globali maħruġa (Artikolu 3(2)), jew man-natura tat-titoli maħruġa (Artikolu 4). Madankollu, dawn id-derogi mill-obbligu ta’ pubblikazzjoni ma jipprojbixxux il-pubblikazzjoni volontarja ta’ prospett minn emittent li għalhekk ser jibbenefika mill-“passaport waħdieni” jekk il-ħruġ iseħħ f’suq irregolat ( 6 ). |
31. |
Minħabba d-deroga mill-obbligu li jiġi ppubblikat prospett kif previst fl-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2003/71, meta l-offerta tkun irriżervata għall-investituri kkwalifikati, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-possibbiltà għal dawn tal-aħħar li jeżerċitaw l-azzjoni għad-danni ċivili bbażata fuq l-ineżattezza tal-prospett. B’dan il-mod, il-qorti tar-rinviju tidher li qiegħda tibbaża ruħha fuq premessa fis-sens li, peress li l-prospett huwa intiż biss li jipproteġi u li jinforma lill-investituri mhux ikkwalifikati, l-investituri kkwalifikati ma jistgħux jinvokaw l-ineżattezza ta’ dan il-prospett sabiex jeżerċitaw azzjoni għad-danni ċivili. |
32. |
Madankollu, fir-realtà, eżaminati globalment, id-derogi msemmija iktar ’il fuq joħolqu, de facto, sitwazzjonijiet li fihom investituri mhux ikkwalifikati ma jibbenefikawx minn prospett ( 7 ), jew investituri kkwalifikati jibbenefikaw minn prospett, filwaqt li, kieku dawn kienu biss destinatarji tal-offerta, barra minn suq irregolat, ma kinux jibbenefikaw minnu. Fil-fatt, barra mill-offerta mħallta barra minn suq irregolat irregolata mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2003/71, l-investituri kkwalifikati jibbenefikaw minn prospett fil-każ ta’ offerta intiża għall-ammissjoni f’suq irregolat skont il-paragrafu 3 tal-istess artikolu, ħlief għal eċċezzjonijiet marbuta man-natura tat-titoli maħruġa previsti fl-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, eċċezzjonijiet li japplikaw ukoll għall-investituri mhux ikkwalifikati. Bl-istess mod, l-investituri kkwalifikati jistgħu jibbenefikaw minn pubblikazzjoni volontarja ta’ prospett mill-emittent. |
33. |
Għaldaqstant, kemm l-interpretazzjoni letterali kif ukoll l-interpretazzjoni sistematika tad-Direttiva 2003/71 għandhom tendenza li jinvalidaw l-idea li l-prospett huwa stabbilit biss bil-għan li jiġu protetti l-investituri mhux ikkwalifikati. |
34. |
Barra minn hekk, l-interpretazzjoni teleoloġika ta’ din id-direttiva tmur fl-istess direzzjoni. Fil-fatt, l-għan ewlieni ta’ dan it-test huwa li jippermetti t-twettiq ta’ suq uniku tat-titoli (premessa 45) permezz tal-iżvilupp tal-aċċess għas-swieq finanzjarji (premessa 18), b’mod partikolari għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (premessa 4):
|
35. |
Wieħed mill-għanijiet l-oħra tad-Direttiva 2003/71, imsemmi fil-premessa 16 tagħha, huwa li “jipproteġi lill-investituri” filwaqt li jiddifferenzja “l-ħtiġiet […] għall-protezzjoni tal-kategoriji varji ta’ investituri u l-livell tal-kompetenza tagħhom”. Din il-protezzjoni sseħħ permezz tal-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni kompleta (premessi 18 u 20), affidabbli (premessa 27) u aċċessibbli (premessa 21), intiża li tippermetti lill-investituri “jagħmlu stima infurmata ta’ dawn ir-riskji u b’hekk jagħmlu deċiżjonijiet dwar l-investiment fil-għarfien fis-sħiħ tal-fatti”, skont il-kliem tal-premessa 19 ta’ din id-direttiva. |
36. |
Għaldaqstant, l-imsemmija direttiva tgħaqqad dawn iż-żewġ għanijiet. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tevalwa dan it-tgħaqqid billi ddeċidiet li prospett ma kienx neċessarju fil-każ ta’ bejgħ ta’ titoli fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata ( 8 ). |
37. |
Konsegwentement, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/71 moqri flimkien mal-Artikolu 3(2)(a) tagħha għandha ssir billi jiġi osservat il-bilanċ mixtieq bejn iż-żewġ għanijiet imsemmija iktar ’il fuq. |
38. |
Għaldaqstant, jidher ċar għalija li l-fatt li l-Artikoli 3 u 4 ta’ din id-direttiva jipprevedu, b’mod dettaljat, diversi derogi mill-obbligu li jiġi ppubblikat prospett, filwaqt li l-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi prinċipju, mingħajr eċċezzjoni, ta’ responsabbiltà ċivili fil-każ ta’ prospett żbaljat, għandu jwassal għal interpretazzjoni li skontha, meta jkun hemm prospett, azzjoni għad-danni ċivili għandha tkun tista’ titressaq abbażi tal-ineżattezza ta’ dan il-prospett, u dan tkun xi tkun il-kwalità tal-investitur li jidhirlu li ġie leż. |
39. |
Barra minn hekk, li kieku kellu jiġi aċċettat li kull Stat Membru jista’ jiddefinixxi huwa stess jekk l-investituri kkwalifikati jistgħux jew le jressqu azzjoni għad-danni fil-każ ta’ prospett ineżatt, dan ikun jammonta għall-introduzzjoni ta’ distorsjonijiet possibbli bejn l-Istati Membri, distorsjonijiet li jippreġudikaw, b’mod sproporzjonat, l-għan tat-twettiq tas-suq uniku tat-titoli. Dan l-għan jirrendi neċessarja interpretazzjoni uniformi tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/71 fir-rigward tal-persuni li jistgħu jressqu azzjoni ġudizzjarja kontra l-emittent tal-offerta. |
40. |
Bl-istess mod, fil-każ ta’ pubblikazzjoni volontarja ta’ prospett ineżatt, fl-okkażjoni ta’ offerta rriżervata għall-investituri kkwalifikati, tali investitur għandu jkun jista’ jressaq azzjoni għad-danni ċivili kontra l-emittent billi jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva. |
41. |
Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/71, moqri fid-dawl tal-Artikolu 3(2)(a) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta offerta pubblika ta’ sottoskrizzjoni ta’ titoli tkun indirizzata kemm lil investituri individwali kif ukoll lil investituri kkwalifikati u meta jinħareġ prospett, l-azzjoni għad-danni fir-rigward tal-prospett tista’ tiġi eżerċitata mill-investituri kkwalifikati, minkejja li ma huwiex neċessarju li jiġi ppubblikat tali dokument meta l-offerta tirrigwarda esklużivament dawn l-investituri. |
B. Il-prova tal-konoxxenza tas-sitwazzjoni reali tal-emittent mill-investitur ikkwalifikat tista’ tinsilet mill-eżistenza ta’ relazzjonijiet kummerċjali jew ġuridiċi li jeżistu bejniethom (sehem fl-azzjonarjat, fil-korpi ta’ amministrazzjoni, eċċ.)?
42. |
Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja speċifikament dwar il-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/71. |
43. |
Fil-fatt, dan l-Artikolu 6 jistabbilixxi żewġ prinċipji:
|
44. |
Peress li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/71 ma jipprevedi ebda modalità ta’ implimentazzjoni tal-azzjoni għad-danni, huma l-Istati Membri li għandhom jipprevedu dawn il-modalitajiet skont id-dritt nazzjonali tagħhom. |
45. |
Bħal f’kull każ fejn jitħalla marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri, l-għażliet ta’ dawn tal-aħħar għandhom josservaw il-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza sabiex jiġi ppreżervat l-effett utli tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva inkwistjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret ukoll reċentement li l-modalitajiet previsti ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandhomx jagħmlu impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) ( 9 ). |
46. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja affermat dawn il-prinċipji wkoll fir-rigward tal-marġni ta’ manuvra li l-Istati Membri għandhom skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/71 fis-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Hirmann ( 10 ). |
47. |
Għaldaqstant, filwaqt li josservaw l-imsemmija prinċipji, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu bażi ta’ delitt, kuntrattwali jew kważi kuntrattwali għal din l-azzjoni għad-danni. |
48. |
Fil-fatt, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Hirmann ( 11 ), iddeċidiet li r-responsabbiltà ċivili ta’ emittent minħabba irregolaritajiet fil-prospett kienet toriġina mill-kuntratt ta’ akkwist ta’ azzjonijiet ( 12 ), għandu jiġi osservat li dik kienet kawża li fiha l-obbligi li kienu jirriżultaw mill-kuntratt ta’ kumpannija ġew invokati sabiex tiġi opposta implimentazzjoni tar-responsabbiltà bbażata fuq il-kuntratt ta’ akkwist ta’ azzjonijiet. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet favur responsabbiltà “li toriġina” minn dan il-kuntratt tal-aħħar, u mhux mill-kuntratt ta’ kumpannija, mingħajr ma dan jimplika, fil-fehma tiegħi, obbligu għall-Istati Membri li jagħżlu bażi kuntrattwali f’dak li jirrigwarda r-responsabbiltà bbażata fuq l-ineżattezza tal-prospett. |
49. |
Bl-istess mod, f’dak li jirrigwarda l-portata tar-responsabbiltà nnifisha, il-fatt li tittieħed jew li ma tittiħidx inkunsiderazzjoni l-ħtija tal-vittma kif ukoll il-mod kif tinftiehem ir-rabta kawżali ( 13 ) jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, b’osservanza tal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni ta’ effettività u ta’ ekwivalenza. |
50. |
Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li Stat Membru jista’ jillimita r-responsabbiltà ċivili tal-emittent, fil-kawża li wasslet għas-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Hirmann ( 14 ), billi jillimita l-ammont tal-kumpens skont id-data li fiha jiġi ffissat il-prezz tal-azzjonijiet għall-kumpens, jeħtieġ ukoll li l-Istat Membru josserva l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. |
51. |
Għaldaqstant, b’raġunament magħmul b’analoġija, huwa possibbli li jiġi aċċettat li Stat Membru jista’ jipprovdi fil-leġiżlazzjoni tiegħu li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-konoxxenza tas-sitwazzjoni reali tal-emittent mill-investitur ikkwalifikat, bil-kundizzjoni li jiġu osservati l-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza. |
52. |
Konsegwentement, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu leġiżlazzjoni li tipprovdi, fil-każ ta’ azzjoni għad-danni eżerċitata minn investitur ikkwalifikat minħabba ineżattezza tal-prospett, li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-konoxxenza tas-sitwazzjoni reali tal-emittent mill-investitur ikkwalifikat barra mid-dispożizzjonijiet żbaljati jew inkompleti tal-prospett, meta din il-konoxxenza tista’ wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni f’azzjonijiet għad-danni simili u meta dan it-teħid inkunsiderazzjoni ma jkollux l-effett, fil-prattika, li jagħmel l-eżerċizzju ta’ din l-azzjoni impossibbli jew eċċessivament diffiċli. |
53. |
Madankollu, l-istħarriġ tal-osservanza tal-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza jista’ jseħħ biss abbażi ta’ applikazzjoni konkreta għal sitwazzjoni partikolari ta’ dan it-teħid inkunsiderazzjoni tal-konoxxenza tal-investitur. Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju, li tixtieq tislet konsegwenzi ġuridiċi mill-konoxxenza tas-sitwazzjoni ekonomika ta’ emittent minn investitur ikkwalifikat li jressaq azzjoni għad-danni kontra dan l-emittent abbażi ta’ prospett ineżatt, li għandha tosserva dawn il-prinċipji fl-evalwazzjoni tal-provi ta’ din il-konoxxenza u tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ din il-konoxxenza. |
54. |
Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2003/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li, fil-każ ta’ azzjoni għad-danni ċivili minħabba ineżattezza tal-prospett, eżerċitata minn investitur ikkwalifikat, tittieħed inkunsiderazzjoni l-konoxxenza tas-sitwazzjoni reali tal-emittent minn dan l-investitur barra mid-dispożizzjonijiet żbaljati jew inkompleti tal-prospett, meta din il-konoxxenza tista’ wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni f’azzjonijiet għad-danni simili u meta dan it-teħid inkunsiderazzjoni ma jkollux l-effett, fil-prattika, li jagħmel l-eżerċizzju ta’ din l-azzjoni impossibbli jew eċċessivament diffiċli, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika. |
V. Konklużjoni
55. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 6, p. 356, rettifika fil-ĠU 2014, L 218, p. 8.
( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 272.
( 4 ) BOE Nru 181, tad‑29 ta’ Lulju 1988, p. 23405.
( 5 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Openbaar Ministerie (Falsifikazzjoni ta’ dokumenti) (C‑510/19, EU:C:2020:953, punti 25 sa 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 6 ) Ara l-premessa 17 tad-Direttiva 2003/71.
( 7 ) Ara l-Artikolu 3(2)(b) sa (e) tad-Direttiva 2003/71.
( 8 ) Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2014, Almer Beheer u Daedalus Holding (C‑441/12, EU:C:2014:2226, punti 31 sa 33 u d-dispożittiv).
( 9 ) Sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Craeynest et (C‑723/17, EU:C:2019:533, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 10 ) C‑174/12, EU:C:2013:856, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 11 ) C‑174/12, EU:C:2013:856.
( 12 ) Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Hirmann (C‑174/12, EU:C:2013:856, punt 29).
( 13 ) Il-kummentarji fasslu tliet teoriji tar-rabta kawżali: it-teorija tal-causa proxima, dik tal-ekwivalenza tal-kundizzjonijiet u dik tar-rabta kawżali adegwata.
( 14 ) C‑174/12, EU:C:2013:856.