KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
PIKAMÄE
ippreżentati fil-11 ta’ Frar 2021 ( 1 )
Kawża C‑901/19
CF,
DN
vs
Bundesrepublik Deutschland
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg (il-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Baden‑Württemberg, il-Ġermanja))
“Direttiva 2011/95/UE – Standards minimi fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja – Persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja – Artikolu 2(f) – Riskju veru li wieħed isofri dannu serju – Artikolu 15(c) – Theddid serju u individwali kontra l-ħajja jew il-persuna ta’ persuna ċivili minħabba vjolenza nondiskriminatorja f’każ ta’ kunflitt armat intern jew internazzjonali – Evalwazzjoni tal-grad ta’ vjolenza nondiskriminatorja”
1. |
Kif għandu jitkejjel il-grad ta’ vjolenza nondiskriminatorja ta’ kunflitt armat għall-finijiet ta’ evalwazzjoni ta’ applikazzjoni għall-għoti ta’ protezzjoni sussidjarja bbażata fuq l-Artikolu 15(c) tad‑Direttiva 2011/95/UE ( 2 )? Il-kisba ta’ din il-protezzjoni tista’ tiġi suġġetta għall-kundizzjoni li għandu jiġi ssodisfatt kriterju kwantitattiv preliminari relatat ma’ numru minimu ta’ vittmi, midruba jew mejta, fiż‑żona ta’ ġlied meta mqabbel mal-popolazzjoni preżenti fiż-żona jew timplika, ab initio, evalwazzjoni globali, kemm kwantitattiva kif ukoll kwalitattiva, tal-aspetti kollha li jikkaretterizzaw dan il-kunflitt armat? |
2. |
Dawn huma d-domandi magħmula f’din il-kawża li jagħtu l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja tispjega l-ġurisprudenza tagħha mogħtija taħt id-Direttiva 2004/83/KE ( 3 ). |
I. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
3. |
L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/95, intitolat “Definizzjonijiet”, jistipula: “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id‑definizzjonijiet li ġejjin:
[…]
[…]” |
4. |
L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, intitolat “Eżami ta’ fatti u ċirkostanzi”, jistipula b’mod partikolari: “1. L-Istati Membri jistgħu jqisuh bħala d-dmir tal-applikant li jissottometti kemm jista’ jkun malajr l-elementi kollha meħtieġa biex tiġi sostanzjata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. F’kooperazzjoni mal-applikant huwa d-dmir tal-Istat Membru li jeżamina l-elementi rilevanti tal-applikazzjoni. […] 3. L-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali trid titwettaq fuq bażi individwali u tinkludi kunsiderazzjoni ta’:
[…]. 4. Il-fatt li applikant diġà kien suġġett għal persekuzzjoni jew periklu serju jew għal theddid dirett għal din il-persekuzzjoni jew dan il-periklu, huwa indikazzjoni serja tal-biża’ ġustifikat ta’ persekuzzjoni jew ir-riskju veru li jsofri dannu serju, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet tajbin li jista’ jitqies li din il-persekuzzjoni jew dan id-dannu serju ma jiġix ripetut. […]” |
5. |
Skont l-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva: “Dannu serju jikkonsisti minn:
|
B. Id-dritt Ġermaniż
6. |
Id-Direttiva 2011/95 ġiet trasposta fid-dritt Ġermaniż permezz tal‑Asylgesetz (il-Liġi dwar id-Dritt tal-Ażil) (BGBl. I p. 1798, iktar ’il quddiem l-“AsylG”). |
7. |
L-Artikolu 4(1) u (3) tal-AsylG jiddefinixxi, billi jittrasponi l‑Artikoli 2 u 15 tad-Direttiva 2011/95, il-kundizzjonijiet tal-għoti tal‑protezzjoni sussidjarja. Din id-dispożizzjoni taqra kif ġej: “(1) Barrani jista’ jistenna protezzjoni sussidjarja meta jkun hemm raġunijiet serji u ssostanzjati sabiex jitwemmen li huwa f’riskju li jsofri dannu serju fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu. Huma kkunsidrati bħala dannu serju:
[…]” |
II. Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
8. |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma żewġ persuni ċivili Afgani, mill-provinċja ta’ Nangarhar (l-Afganistan), li l-applikazzjonijiet għall-ażil tagħhom fil-Ġermanja ġew miċħuda mill‑Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (l-Uffiċċju Federali għall‑Migrazzjoni u għar-Refuġjati). Ir-rikorsi ppreżentati quddiem il-qrati amministrattivi ta’ Karlsruhe u ta’ Freiburg ma kellhomx suċċess. Quddiem il-qorti tal-appell, il-Verwaltungsgerichtshof Baden‑Württemberg (il-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Baden‑Württemberg, il-Ġermanja), ir-rikorrenti talbu, fin-nuqqas li jingħataw l-istatus ta’ refuġjat, li jingħataw il-protezzjoni sussidjarja, skont l-Artikolu 4 tal‑AsylG. |
9. |
F’dan il-kuntest, din il-qorti tfittex li tikseb iktar kjarifiki dwar il-kriterji applikabbli fid-dritt tal-Unjoni għall-għoti tal-protezzjoni sussidjarja fil-każ ta’ vjolenza nondiskriminatorja ġġenerata minn kunflitt kontra l-popolazzjoni ċivili msemmija fl-Artikolu 15(c) moqri flimkien mal-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2011/95. Fil-fatt, il-Qorti tal‑Ġustizzja għadha qatt ma ddeċidiet f’dan ir-rigward u l-ġurisprudenza ta’ qrati oħra dwar din il-kwistjoni ma hijiex uniformi. Minkejja li xi drabi saret evalwazzjoni globali abbażi taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni, approċċi oħra huma essenzjalment ibbażati fuq analiżi relatata man‑numru ta’ vittmi ċivili. |
10. |
B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, sabiex jiġi kkonstatat li persuna li ma hijiex milquta speċifikament minħabba elementi inerenti għas-sitwazzjoni personali tagħha ssofri theddid serju u individwali, il-ġurisprudenza tal-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja) dwar l-ewwel sentenza tal‑Artikolu 4(1) u l-punt 3 tat-tieni sentenza tal-AsylG, li jittrasponi l‑Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95, moqri flimkien mal-Artikolu 2(f) ta’ din id-direttiva, titbiegħed b’mod sinjifikattiv minn dik ibbażata fuq evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ inkwistjoni, imwettqa minn qrati oħra u b’mod partikolari mill-Qorti Ewropea tad‑Drittijiet tal-Bniedem. |
11. |
Skont il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali), il-konstatazzjoni ta’ theddid serju u individwali (subit minn persuni li ma humiex esposti għal riskju speċifiku minħabba s-sitwazzjoni personali tagħhom) neċessarjament tippresupponi evalwazzjoni kwantitattiva tar-“riskju ta’ mewt jew ta’ ġrieħi”, espress skont in-numru ta’ vittmi fiż-żona kkonċernata meta mqabbel man-numru totali ta’ individwi li fiha l-popolazzjoni taż-żona, u r-riżultat miksub obbligatorjament ikollu jilħaq ċertu livell minimu. Sa issa, minkejja li l-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) ma indikatx ċifra għal dan il-livell minimu, hija madankollu ddeċidiet li probabbiltà ta’ mewt jew li wieħed isofri ġrieħi ta’ madwar 0.12 % jew 1 fuq 800 fis-sena ma kinitx biżżejjed peress li kienet ferm iktar baxxa mil-livell minimu rikjest. Skont din il‑ġurisprudenza, jekk dan il-livell ta’ probabbiltà ma jinqabiżx, ma hemm bżonn ebda evalwazzjoni addizzjonali tal-intensità tar-riskju u lanqas evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ inkwistjoni ma tista’ twassal għal konstatazzjoni ta’ theddid serju u individwali. |
12. |
B’hekk, skont il-qorti tar-rinviju, jekk it-theddid serju u individwali kien jiddependi prinċipalment min-numru ta’ vittmi ċivili, l-applikazzjonijiet tar-rikorrenti intiżi sabiex jiksbu l-protezzjoni sussidjarja għandhom jiġu miċħuda. Min-naħa l-oħra, jekk issir evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni wkoll ċirkustanzi oħra li joħolqu riskji, il-livell reali ta’ vjolenza li tirrenja fil-provinċja ta’ Nangarhar huwa tant għoli li r-rikorrenti, li ma għandhomx aċċess għall‑protezzjoni fi ħdan il-pajjiż, ikunu mhedda serjament sempliċement minħabba l-preżenza tagħhom fit-territorju inkwistjoni. |
13. |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li huwa minnu li l‑Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fis-sentenza tas-17 ta’ Frar 2009, Elgafaji (C‑465/07, iktar ’il quddiem is-“sentenza Elgafarji, EU:C:2009:94), li, meta l-persuna kkonċernata ma tkunx affettwata minħabba elementi inerenti għas-sitwazzjoni personali tagħha, theddid serju u individwali minħabba vjolenza nondiskriminatorja f’każ ta’ kunflitt armat fis-sens tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/95 jista’ eċċezzjonalment jiġi kkunsidrat bħala stabbilit jekk il-grad ta’ vjolenza nondiskriminatorja li tikkaratterizza l-kunflitt jilħaq livell hekk għoli li jkunu jeżistu raġunijiet serji u ssostanzjati sabiex jitwemmen li din il-persuna, bis-sempliċi fatt tal‑preżenza tagħha fit-territorju inkwistjoni, għandha riskju reali li ssofri tali theddid. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx dwar il‑kriterji applikabbli sabiex ikun stabbilit il-livell ta’ vjolenza rikjest. |
14. |
Huwa f’dan il-kuntest li l-Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg (il-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Baden-Württemberg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal‑Ġustizzja:
|
III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
15. |
Il-Gvern Ġermaniż, Franċiż u dak Olandiż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u orali waqt is-seduta li saret fid-19 ta’ Novembru 2020, li matulha nstemgħu wkoll ir‑rikorrenti fil-kawża prinċipali. |
IV. Analiżi
A. Osservazzjonijiet preliminari
16. |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l‑interpretazzjoni tal-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95, li ħassret u ssostitwixxiet id-Direttiva 2004/83, b’effett mill-21 ta’ Diċembru 2013. Huwa stabbilit li din il-bidla ta’ regolamentazzjoni ma tat lok għall-ebda bidla fis-sistema legali tal-għoti tal-protezzjoni sussidjarja, lanqas fin‑numerazzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati. B’hekk, il-kliem tal‑Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95 huwa strettament identiku għal dak tal-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2004/83. |
17. |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li dan l-Artikolu 15 tad‑Direttiva 2004/83 kien madankollu jifforma parti minn tliet dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 37 ta’ din id-direttiva li jimponi fuq il-Kummissjoni obbligu li tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ dan l-att u li tipproponi, jekk ikun il-każ, il-bidliet meħtieġa ( 4 ). F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni indikat, f’komunikazzjoni tas-17 ta’ Ġunju 2008 intitolata“Programm ta’ Politika dwar l-Ażil - Approċċ Integrat għall-Protezzjoni fl-UE” ( 5 ), li “jista’ jkun meħtieġ inter alia li jiġu ċċarati aħjar il-kundizzjonijiet ta’ eleġibiltà għal protezzjoni sussidjarja, minħabba li l-kliem tad-dispożizzjonijiet attwali rilevanti jippermettu diverġenzi sostanzjali fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-kunċett fl-UE”. |
18. |
Minkejja din il-konstatazzjoni u t-talba mill-ġdid tal-entitajiet ikkonsultati għall-kjarifika tal-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2004/83, il‑proposta għal direttiva tal-21 ta’ Ottubru 2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards minimi għall-kwalifika u l-istatus ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija ( 6 ) finalment kienet tindika li fid-dawl tad-deċiżjoni mogħtija mill-Qorti tal‑Ġustizzja fis-sentenza Elgafaji kien inutli li din id-dispożizzjoni tiġi emendata. Il-leġiżlatur tal-Unjoni tal-2011 segwa din il-proposta u għalhekk għażel l-istatus quo leġiżlattiv minħabba ġurisprudenza intiża sabiex tagħti l-ispjegazzjonijiet neċessarji iżda li l-qorti tar-rinviju tikkunsidra, kif jidher mit-termini tat-talba għal deċiżjoni preliminari, li manifestament ma humiex biżżejjed. L-intensità tad-diskussjonijiet waqt is-seduta turi, qabelxejn, li din il-qorti ma hijiex l-unika waħda li għandha dubji dwar is-sens tal-imsemmija sentenza Elgafaji. |
B. Fuq il-portata tad-domandi preliminari
19. |
Waqt is-seduta saru diskussjonijiet importanti, fuq inizjattiva tal‑Gvern Olandiż u fir-rigward tar-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda preliminari, dwar is-sens eżatt ta’ punt partikolari tas-sentenza Elgafaji. Għandu jiġi enfasizzat li f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja riedet tiċċara l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15(c) tad‑Direttiva 2011/95 li jiddefinixxi wieħed mit-tliet tipi ta’ theddid serju li l-karatterizzazzjoni tiegħu hija tali li twassal, fir-rigward tal-persuna li tirċevih, għall-għoti tal-protezzjoni sussidjarja. |
20. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk indikat li l-eżempju msemmi fl‑Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95, li jirreferi għal “theddida serja u individwali għal ħajja jew għall-persuna” tal-applikant “tkopri riskju ta’ theddida iktar ġenerali” minn dawk imsemmija fil-punti a) u b) tal-istess att. F’dan is-sens, l-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95 jirreferri b’mod iktar wiesa’ għal “theddida […] għal ħajja [jew għall-persuna] ta’ pajżan, iktar milli vjolenzi speċifiċi”. Dan it-theddid huwa inerenti għal sitwazzjoni ġenerali ta’ kunflitt armat intern jew internazzjonali li jiġġenera vjolenza deskritta bħala “nondiskriminatorja”, terminu li jimplika li din tista’ testendi għal persuni “mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni s‑sitwazzjoni personali tagħhom” ( 7 ). Minn dan jirriżulta li l‑karatterizzazzjoni tat-theddid serju u individwali ma hijiex suġġetta għall-kundizzjoni li l-applikant għall-protezzjoni sussidjarja għandu jipproduċi l-prova li huwa speċifikament milqut minħabba elementi inerenti għas-sitwazzjoni personali tiegħu. |
21. |
Madankollu, is-sempliċi konstatazzjoni oġġettiva ta’ riskju marbut mas-sitwazzjoni ġenerali ma huwiex suffiċjenti, bħala regola, sabiex jiġi stabbilit li l-kundizzjonijiet msemmija fl-Artikolu 15(c) tad‑Direttiva 2011/95 huma ssodisfatti. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l‑eżistenza ta’ theddid imsemmi minn dan it-test tista’ eċċezzjonalment tkun stabbilita “jekk il-grad ta’ vjolenza indiskriminata li tikkaratterizza l-kunflitt armat li għaddej […] jilħaq livell daqstant għoli li jkunu jeżistu motivi serji u sostanzjali li jwasslu lil wieħed jemmen li pajżan mibgħut lura fil-pajjiż ikkonċernat, jew, skont il-każ, fir-reġjun ikkonċernat, jgħaddi minn riskju reali ta’ theddid serju minħabba s-sempliċi preżenza tiegħu fit-territorju tiegħu” ( 8 ). |
22. |
Għalhekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l‑applikazzjoni tal-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95 ma tinvolvix eżami tas-sitwazzjoni personali tar-rikorrent, tal-inqas mal-ewwel. Fil‑fatt, fid-dawl tal-ħtieġa ta’ interpretazzjoni sistematika pparagunata maż-żewġ sitwazzjonijiet l-oħra msemmija fl-Artikolu 15(a) u (b) tad‑Direttiva 2011/95, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet, fil-punt 39 tas‑sentenza Elgafaji, li “iktar ma l-applikant ikun kapaċi juri li huwa speċifikament effettwat minħabba elementi partikolari għas-sitwazzjoni personali tiegħu, inqas ser ikun għoli l-grad ta’ vjolenza indiskriminata mitluba sabiex jista’ ikun eleġibbli għal protezzjoni sussidjarja”. |
23. |
Kemm fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu kif ukoll waqt is‑seduta, il-Gvern Olandiż sostna li l-punt hawn fuq imsemmi huwa f’kontradizzjoni mad-dispożittiv ta’ din is-sentenza li jistipula li l‑Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95 ma huwiex suġġett għall‑kundizzjoni li l-applikant għandu jipproduċi prova li huwa speċifikament milqut minħabba elementi inerenti għas-sitwazzjoni personali tiegħu. Sabiex din id-dispożizzjoni ma titlifx l-effett utli kollu tagħha, din għandha tirrigwarda biss l-evalwazzjoni ta’ riskju ta’ dannu bbażata fuq it-teħid inkunsiderazzjoni biss ta’ ċirkustanzi materjali, oġġettivi, ta’ natura ġenerali, mingħajr kunsiderazzjoni ta’ xi elementi personali tal‑applikant għall-protezzjoni. Din l-analiżi hija kkontestata mill‑Kummissjoni li fil-punt 39 tas-sentenza Elgafaji tara l-espressjoni tal-kunċett ta’ “l-iskala mobbli” jew “digressiva” ( 9 ) li jista’ jinkludi, minbarra ċ-ċirkustanzi hawn fuq iċċitati, elementi individwali inerenti għall-persuna kkonċernata. |
24. |
Minn naħa tiegħi, inqis, li l-kliem tal-punt 39 tas-sentenza Elgafaji huwa intrinsikament espliċitu u li l-punt segwenti jikkonferma s-sens imsemmi mill-Kummissjoni ( 10 ). Fil-fatt, f’dan il-punt 40, il-Qorti tal‑Ġustizzja tirreferi għall-possibbiltà li tiġi kkunsidrata, waqt l‑evalwazzjoni tal-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja, l-eżistenza fil-konfront tal-applikant ta’ każijiet preċedenti ta’ persekuzzjoni, ta’ dannu serju jew theddid dirett f’dan is-sens. Hija tqis li dan il-passat ta’ preġudizzju jikkostitwixxi, b’mod partikolari, indizju serju ta’ riskju reali ta’ dannu serju, imsemmi fl-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2011/95, “li fir-rigward tiegħu r-rekwiżit ta’ vjolenza indiskriminata mitlub sabiex wieħed ikun eleġibbli għal protezzjoni sussidjarja jista’ jkun inqas għoli”. B’hekk jidher li l‑Artikolu 15(c) tad‑Direttiva 2011/95 għandu jinqara flimkien mal‑Artikolu 4 ta’ din id‑direttiva kif ser jintwera iktar ’il quddiem u li l‑elementi ta’ natura personali jistgħu, jekk ikun il-każ, jiġu kkunsidrati fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ theddid serju u individwali fis-sens tal‑ewwel dispożizzjoni. |
25. |
Fi kwalunkwe każ, din id-diskussjoni ma hijiex, fl-opinjoni tiegħi, rilevanti fil-kuntest tar-risposta li għandha tingħata lill-qorti tar-rinivju fir-rigward tal-utilità tagħha għad-deċiżjoni tal-kawża prinċipali. Għandu jiġi rrilevat li, wara li ġie indikat li l-protezzjoni sussidjarja ma setgħetx tingħata lir-rikorrenti bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 15(a) u (b) tad-Direttiva 2011/95, il-qorti tar‑rinviju tispjega l-ewwel nett li l-persuni kkonċernati lanqas huma affettwati speċifikament, minħabba s-sitwazzjoni personali tagħhom, mill‑vjolenza nondiskriminatorja li hemm fil-provinċja fis-sens tas‑sentenza Elgafaji, fejn il-punt 39 ta’ din is-sentenza huwa espressament iċċitat ( 11 ). |
26. |
Sussegwentement hija tinvoka l-konvinzjoni tagħha, ibbażata fuq evalwazzjoni globali tas-sitwazzjoni ġenerali fir-rigward tas-sigurtà fl‑Afganistan, u għalhekk fuq elementi li huma differenti minn dawk li jirrigwardaw il-persuna tar-rikorrenti, li jekk jintbagħtu lura fil-provinċja ta’ Nangarhar, minħabba s-sempliċi fatt tal-preżenza tagħhom għandhom riskju reali li jsofru theddid serju u individwali minħabba l-vjolenza nondiskriminatorja ġġenerata mill-kunflitt ( 12 ), u b’hekk taqa’ fl-eżempju msemmi fil-punt 35 tas-sentenza Elgafaji. Il-portata tad-domandi preliminari hija għalhekk limitata sabiex jiġu stabbiliti kriterji ta’ evalwazzjoni tal-livell ta’ vjolenza nondiskriminatorja tal-kunflitt armat li bl-ebda mod ma huma ta’ natura personali. F’dan il-kuntest, ir-risposta li hija mistennija mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-interpretazzjoni tal‑Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95 fl-opinjoni tiegħi, ma għandha tinvolvi ebda diskussjoni dwar it-tifsira tal-punt 39 tas-sentenza Elgafaji ( 13 ). |
27. |
Finalment, għandu jiġi enfasizzat li mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l‑interpretazzjoni tal-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95 u għalhekk tixtieq tikseb kjarifiki dwar il-kriterji applikabbli fid-dritt tal-Unjoni fir‑rigward tal-kundizzjonijiet għal kisba tal-protezzjoni sussidjarja fil‑każ ta’ vjolenza nondiskriminatorja ġġenerata minn kunflitt armat kontra l-popolazzjoni ċivili. Hija tqis li dawn id-domandi ma għandhomx risposta evidenti mill-ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li din tal-aħħar ma ddeċidietx fuq l-imsemmija kriterji fis-sentenza Elgafaji. Huwa fid-dawl ta’ dawn l-ispjegazzjonijiet li għandhom jinqraw id‑domandi preliminari li l-artikolazzjoni tagħhom, minħabba l‑formulazzjoni ambigwa tat-tieni domanda, setgħet tagħti lok għal diffikultà. |
28. |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95, moqri flimkien mal-Artikolu 2(f) tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-interpretazzjoni ta’ prassi nazzjonali li l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ theddid serju u indiviwali kontra l-ħajja u l-persuna ta’ persuna ċivili minħabba vjolenza nondiskriminatorja f’każ ta’ kunflitt armat, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, f’każ fejn din il-persuna ċivili ma tkunx milquta speċifikament minħabba elementi inerenti għas‑sitwazzjoni personali tagħha, tippresupponi li l-proporzjon bejn in‑numru ta’ vittmi, maqtula jew midruba, fiż-żona kkonċernata u n‑numru totali ta’ individwi li fiha l-popolazzjoni ta’ din iż-żona jilħaq livell stabbilit ( 14 ). |
29. |
Fil-każ ta’ risposta pożittiva għal din l-ewwel domanda u ta’ ħtieġa korrelattiva ta’ evalwazzjoni globali tad-diversi elementi li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni kkonċernata, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, permezz tat-tieni domanda tagħha, dwar in-natura taċ-ċirkustanzi li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala rilevanti għall-finijiet tal-karatterizzazzjoni tat-theddid hawn fuq imsemmi. |
C. Fuq l-ewwel domanda preliminari
30. |
Mill-Artikolu 18 tad-Direttiva 2011/95, moqri flimkien mad‑definizzjoni tat-termini “persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja”, li tinsab fl-Artikolu 2(f) ta’ din id-direttiva, u tat-termini “status ta’ protezzjoni sussidjarja”, li tinsab fl-Artikolu 2(g) tagħha, jirriżulta li l‑istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja msemmi f’din id-direttiva għandu, bħala regola, jingħata lil kull ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat li għandha, f’każ li tintbagħat lura fil-pajjiż tal-oriġini tagħha jew fil-pajjiż ta’ residenza abitwali, riskju reali li jsofri dannu serju, fis‑sens tal-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva ( 15 ). Fost it-tliet tipi ta’ dannu serju msemmija fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/95, fil-punt (c) hemm it-theddid serju u individwali kontra l-ħajja jew il-persuna ta’ persuna ċivili minħabba vjolenza nondiskriminatorja f’każ ta’ kunflitt armat intern jew internazzjonali. |
31. |
Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, ma għandux jiġi kkunsidrat biss il‑kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti ( 16 ). Għalhekk għandha tingħata interpretazzjoni letterali, sistematika u teleoloġika tal-Artikolu 15(c) tad‑Direttiva 2011/95, moqri flimkien mal-Artikolu 2(f) tagħha, filwaqt li tiġi kkunsidrata l-ġurisprudenza rilevanti għad-deċiżjoni tal-kawża prinċipali. Jidhirli li din l-analiżi għandha twassal għall-konklużjoni li l‑għoti tal-protezzjoni sussidjarja ma tippresupponix il-konstatazzjoni tal‑fatt li jkun intlaħaq livell minimu ta’ vittmi, konklużjoni li hija sostnuta mill-eżami tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem mogħtija fir‑rigward tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) u mir‑rakkomandazzjonijiet tal-EASO. |
1. Fuq l-interpretazzjoni letterali
32. |
Jidhirli li huwa opportun li jiġi enfasizzat li d-dispożizzjonijiet kkonċernati tad-Direttiva 2011/95 jirreferu għal “riskju veru” għall‑applikant ta’ protezzjoni internazzjonali li jsofri dannu serju ddefinit bħala theddid serju u individwali “għall-ħajja jew għall-persuna” ta’ persuna ċivili. Il-kunċett ta’ “riskju veru” jirreferi għal-livell ta’ prova applikat għall-evalwazzjoni, ta’ natura fattwali, tar-riskji, u jikkorrispondi għal kriterju ta’ probabbiltà li ma jistax jiġi redott għal sempliċi eventwalità. Studju tan-numru ta’ vittmi ċivili f’territorju partikolari jidher, f’dan ir-rigward, bħala element li ma huwiex spekulattiv iżda li għall-kuntrarju jirrifletti r-realtà u b’hekk jista’ jikkaratterizza r-riskju mitlub. Fir-rigward tat-theddid “għall-ħajja u għall-persuna” ta’ persuna ċivili, jista’ jkun dedott li n-numru ta’ persuni ċivili mejta ma huwiex l-uniku parametru rilevanti, peress li din l-espressjoni tista’ tinkludi danni oħra għall-integrità fiżika, jew saħansitra ta’ natura psikoloġika ( 17 ). |
33. |
Minkejja li dawn il-kunsiderazzjonijiet juru interess reali, jidher li l-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95, moqri flimkien mal-Artikolu 2(f) tagħha, ma tistax toffri risposta suffiċjenti u univoka għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju. |
2. Fuq l-interpretazzjoni sistematika
34. |
Hija ġurisprudenza stabbilita li kull deċiżjoni dwar l-għoti ta’ status ta’ refuġjat jew ta’ status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja għandha tkun ibbażata fuq evalwazzjoni individwali li tkun intiża li tiddetermina jekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni personali tal-applikant, ġewx issodisfatti l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ tali status. Mis-sistema tal‑għoti tal-istatus uniformi ta’ ażil u ta’ protezzjoni sussidjarja stabbilita mil-leġiżlatur tal-Unjoni jirriżulta b’hekk li l-evalwazzjoni tal‑applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, rikjesta mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95, għandha l-għan li tiddetermina jekk l‑applikant – jew, fejn applikabbli, il-persuna li fl-isem tagħha dan jippreżenta l-applikazzjoni – tibżax bir-raġun li tiġi personalment ippersegwitata jew hija suġġetta personalment għal riskju reali ta’ danni serji ( 18 ). |
35. |
L-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2011/95 jelenka l-elementi li għandhom jiġu kkunsidrati mill-awtoritajiet kompetenti waqt l‑evalwazzjoni individwali ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, u fosthom hemm “il-fatti kollha rilevanti kif jirrelataw mal-pajjiż ta’ oriġini” ( 19 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Elgafaji, speċifikament ibbażat ruħha fuq dan il-kliem, sabiex tiddikjara li, waqt l-evalwazzjoni individwali ta’ applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja, tista’ “b’mod partikolari” tiġi kkunsidrata l-portata ġeografika tas‑sitwazzjoni ta’ vjolenza nondiskriminatorja u d-destinazzjoni effettiva tal-applikant fil-każ li jintbagħat lura fil-pajjiż ikkonċernat kif jirriżulta mill-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva. |
36. |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li jekk ma hemmx protezzjoni fiż-żona ta’ residenza tal-pajjiż tal-oriġini tal‑applikant, l‑awtorità nazzjonali kompetenti għandha teżamina, bis‑saħħa tal‑Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2011/95, jekk hemmx parti oħra sigura f’dan il-pajjiż. L-awtorità nazzjonali kompetenti tista’ tiddeċiedi li applikant ma għandux bżonn protezzjoni internazzjonali jekk, fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu, ikun hemm parti mit-territorju fejn huwa ma jkollu l-ebda biża’ fondata li jkun ippersegwitat u ma għandux riskju veru li jsofri dannu serju, jew jekk ikollu aċċess għal protezzjoni kontra l-persekuzzjoni u d‑dannu serju. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, l-Artikolu 8(2) tal‑imsemmija direttiva jistipula li l-Istati Membri għandhom iqisu, fil‑mument li fih huma jiddeċiedu dwar l-applikazzjoni, “ċirkostanzi ġenerali fis-seħħ f’dik il-parti tal-pajjiż” u s-sitwazzjoni personali tal‑applikant, skont l-Artikolu 4 ta’ dan l-att. |
37. |
Il-qari tal-Artikoli 4, 8 u 15(c) tad-Direttiva 2011/95 meħuda flimkien jidhirli li b’hekk isostni s-soluzzjoni ta’ approċċ globali meħtieġ tas-sitwazzjoni kunflittwali kkonċernata, billi jitqiesu numru ta’ fatturi fuq l-istess livell, soluzzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat, fl‑opinjoni tiegħi, mingħajr ma rreferiet espressament għall-ewwel żewġ dispożizzjonijiet fis-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2014, Diakité (C‑285/12, EU:C:2014:39). |
38. |
Wara li stabbilixxiet is-sens u l-portata tal-kunċett ta’ “kunflitt armat” imsemmi fl-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2004/83, il-Qorti tal‑Ġustizzja indikat li tali kunflitt ma jistax iwassal għall-għoti tal‑protezzjoni sussidjarja ħlief jekk il-grad ta’ vjolenza nondiskriminatorja li tikkaratterizzah jilħaq il-livell rikjest fis-sentenza Elgafaji. Hija kkunsidrat ukoll li l-prova tal-eżistenza ta’ kunflitt armat ma tirrikjedix evalwazzjoni speċifika tal-intensità tal-konfrontazzjonijiet, indipendentament mill-evalwazzjoni tal-livell ta’ vjolenza hawn fuq imsemmi. Sabiex turi u tispjega l-approċċ tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja elenkat diversi eżempji konkreti li huma utli sabiex jitkejjel il-livell ta’ vjolenza preżenti f’territorju partikolari u twarrab kull ħtieġa ta’ analiżi awtonoma tagħhom sabiex tintwera l-eżistenza ta’ kunflitt, jiġifieri: l-intensità tal‑konfrontazzjonijiet armati, il-livell ta’ organizzazzjoni tal-forzi armati preżenti jew it-tul partikolari tal-kunflitt. It-tagħlim indirett u impliċitu tas-sentenza Diakité huwa li l-evalwazzjoni tal-livell ta’ intensità tal‑vjolenza nondiskriminatorja ma tistax tkun limitata biss għal kriterju wieħed stabbilit minn qabel u kwantittativ tan-numru ta’ vittmi meta mqabbel mal-popolazzjoni preżenti f’territorju partikolari ( 20 ). |
3. Fuq l-interpretazzjoni teleoloġika
39. |
Fl-ewwel lok, mill-premessa 12 tad-Direttiva 2011/95 jirriżulta li wieħed mill-għanijiet prinċipali tagħha huwa li tiżgura li l-Istati Membri kollha japplikaw kriterji komuni għall-identifikazzjoni ta’ persuni ġenwinament fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali ( 21 ). |
40. |
Fir-rigward ta’ dan l-għan, jidher li huwa importanti ħafna li tkun żgurata interpretazzjoni uniformi tal-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95 fl‑Istati Membri kollha. B’mod iktar speċifiku, kif iddikjarat fil‑premessa 13 ta’ din id-direttiva, “[l]-approssimazzjoni ta’ regoli dwar ir-rikonoxximent u l-kontenut tal-istatus ta’ refuġjat u ta’ protezzjoni sussidjarja għandu jgħin biex jillimita l-moviment sekondarju ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali bejn l-Istati Membri, fejn dan il-moviment huwa purament ikkaġunat minn differenzi f’qafas legali”. Issa, il-fatt li l-għoti tal-protezzjoni sussidjarja jkun suġġett għas-sodisfazzjoni minn qabel li jintlaħaq livell minimu ta’ vittmi, stabbilit unilateralment u fid‑diskrezzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, huwa tali li jikkontradixxi dan l-għan. |
41. |
Kif korrettament jenfasizza l-Gvern Franċiż, l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali jistgħu fil-fatt ikunu mħajra jitilqu mill‑ewwel pajjiż fejn ikunu waslu sabiex imorru fi Stati Membri oħra li ma japplikawx tali livell minimu jew fejn il-livell rikjest ikun inqas għoli, u b’hekk jinħolqu movimenti sekondarji li d-Direttiva 2011/95 hija intiża li tipprevjeni billi tapprossima r-regoli relatati mar-rikonoxximent u mal‑kontenut tal-istatus tal-protezzjoni sussidjarja. Tali riżultat, inkwantu huwa bbażat fuq differenza bejn l-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri, jidhirli li huwa direttament kuntrarju għall-għan stabbilit fil-premessa 13 ċċitata iktar ’il fuq u jtellef b’mod sostanzjali l-effett utli tad‑dispożizzjonijiet inkwistjoni tad-Direttiva 2011/95. |
42. |
Fit-tieni lok, mill-premessi 5, 6 u 24 tad-Direttiva 2011/95 jirriżulta li l-kriterji minimi ta’ għoti tal-protezzjoni sussidjarja għandhom jippermettu li tiġi kkompletata l-protezzjoni tar-refuġjati stabbilita mill-Konvenzjoni relatata mal-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951, billi jiġu identifikati l-persuni li realment għandhom bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali u li toffrilhom status xieraq ( 22 ). L-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95 u bl-istess mod tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-mekkaniżmu tal-protezzjoni sussidjarja għandha għalhekk iseħħ fid-dawl tal-għan espliċitu tal‑imsemmija direttiva li tiżgura protezzjoni internazzjonali lil dawk li verament għandhom bżonn. |
43. |
Issa, jidhirli li interpretazzjoni tal-Artikolu 15(c) tad‑Direttiva 2011/95 li twassal għall-implimentazzjoni ta’ kriterju kwantitattiv fir-rigward tal-konstatazzjoni neċessarja u stabbilita minn qabel li jkun intlaħaq livell ta’ vittmi tagħti lok, f’dan ir-rigward, għal diffikultajiet serji. Nirrileva li, filwaqt li fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu l-Gvern Ġermaniż semma kriterju oġġettiv, adattat u verifikabbli, huwa ċċita estratt minn deċiżjoni tal-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) li turi dawn id-diffikultajiet, li tistipula li huwa neċessarju li “jiġi stabbilit b’mod kwantitattiv, tal-inqas, approssimativament, minn naħa waħda, in‑numru totali ta’ persuni ċivili li jgħixu fir-reġjun ikkonċernat u, min‑naħa l-oħra, l-atti ta’ vjolenza nondiskriminatorja mwettqa mill‑partijiet fil-kunflit kontra l-ħajja jew l-integrità fiżika tal-persuni ċivili f’dan ir-reġjun”. |
44. |
Dan l-estratt juri problema doppja ta’ statistika, dik tal-ġbir ta’ data affidabbli u preċiża kemm dwar in-numru ta’ vittmi ċivili kif ukoll ta’ persuni preżenti fil-pajjiż jew fit-territorju kkonċernat u ffaċċjati b’konfrontazzjonijiet vjolenti, meta dawn tal-aħħar neċessarjament jikkawżaw ċaqliq tal-popololazzjoni f’paniku. Din is-sitwazzjoni tqajjem il-kwistjoni dwar l-eżistenza ta’ sorsi ta’ informazzjoni oġġettivi u indipendenti, preżenti kemm jista’ jkun qrib il-ġlied sabiex tiġi rrekordjata b’mod affidabbli d-data kkonċernata ( 23 ). Evidentement, il‑kisba ta’ elementi oġġettivi, affidabbli u aġġornati kif suppost dwar iċ‑ċirkustanzi lokali li jikkaratterizzaw kunflitt armat, apparti dawk relatati man-numru ta’ vittmi u l-popolazzjoni preżenti fit-territorju, hija pjuttost delikata. Iżda, fl-opinjoni tiegħi, huwa indiskutibbli li jekk il‑kisba tal-protezzjoni sussidjarja tkun ibbażata fuq is-sodisfazzjon minn qabel ta’ kriterju wieħed kwantitattiv, li huwa stess huwa suġġett għal inċertezza dwar kemm huwa affidabbli, dan ma huwiex il-mod l-iktar adattat sabiex jiġu identifikati l-persuni li verament għandhom bżonn protezzjoni internazzjonali. |
45. |
Finalment għandu jiġi enfasizzat li l-metodu deskritt fid-deċiżjoni tar-rinviju huwa dak li jiġi stabbilit proporzjon, jiġifieri r-relazzjoni bejn in-numru ta’ vittmi fiż-żona kkonċernata u n-numru totali ta’ individwi li fiha l-popolazzjoni ta’ din iż-żona. Dan il-proporzjon għandu jitqies sodisfaċenti jew le skont jekk huwiex ikbar jew iżgħar minn livell deċiż unilateralment u fid-diskrezzjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti, mingħjar ma dan il-livell jissemma bħala tali, li fl‑opinjoni tiegħi, huwa ’l bogħod milli jidher bħala kriterju allegatament oġġettiv ( 24 ). Dan il-metodu għandu jkun ikkunsidrat differenti minn dak li għandu bħala għan biss li jirrekordja n-numru totali ta’ vittmi, li jikkostitwixxi, sakemm ikun suffiċjentement affidabbli, wieħed mill-indizji oġġettivi tal-livell ta’ vjolenza nondiskriminatorja ta’ kunflitt armat. |
46. |
Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 2(f) tad‑Direttiva 2011/95, is-sistema tal-protezzjoni sussidjarja hija intiża sabiex tipproteġi lill-individwu kontra riskju veru ta’ dannu serju f’każ li jintbagħat lura fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu, li jimplika li hemm raġunijiet serji u ssostanzjati li jitwemmen li l-persuna kkonċernata, jekk tintbagħat lura f’dan il-pajjiż, tiffaċċja tali riskju ( 25 ). Għalhekk jidher li l-analiżi li għandha ssir mill-awtorità nazzjonali kompetenti tikkonsisti fl‑evalwazzjoni ta’ sitwazzjoni futura, li neċessarjament timplika forma ta’ viżjoni għal quddiem. |
47. |
Din l-analiżi neċessarjament dinamika ma tistax, fl-opinjoni tiegħi, issir biss permezz ta’ evalwazzjoni kwantitattiva tan-numru ta’ vittmi meta mqabbel ma’ popolazzjoni partikolari u f’mument partikolari, ftit jew wisq imbiegħed mill-mument li fih l-awtorità jew il-qorti nazzjonali tkun mitluba tiddeċiedi ( 26 ). L-evalwazzjoni tal-ħtieġa ta’ protezzjoni internazzjonali għandha tkun tista’ tinkludi aspetti mhux kwantitattivi bħall-aħħar żvilupp ta’ kunflitt armat li, minkejja li għadu ma ġiex rifless minn żieda fil-vittmi, huwa sinjifikattiv biżżejjed sabiex jikkaratterizza riskju veru ta’ dannu serju għall-popolazzjoni ċivili ( 27 ). |
4. Fuq l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2011/95 fir-rigward tal‑protezzjoni tad-drittijiet fundamentali
48. |
Kif jirriżulta mill-premessa 16 tad-Direttiva 2011/95, l‑interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-att għandha ssir b’rispett tad-drittijiet stabbiliti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) ( 28 ), filwaqt li l-qorti tar-rinviju, f’dan ir-rigward, tirreferi għall-Artikolu 4 tal-Karta fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari. |
49. |
L-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta, f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 4 tagħha, li, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u l‑Artikolu 52(7) tal-Karta, ġew redatti sabiex jagħtu gwida dwar l‑interpretazzjoni ta’ din tal-aħħar u għandhom jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni kemm mill-qrati tal-Unjoni kif ukoll minn dawk tal-Istati Membri, isemmu espressament li d-dritt stabbilit fl-Artikolu 4 jikkorrispondi għal dak iggarantit fl-Artikolu 3 tal-KEDB, li għandu l‑istess kliem: “Ħadd m’għandu jkun assoġġettat għal tortura jew għal pieni jew trattamenti inumani jew degradanti”. Skont l-Artikolu 52(3) tal‑Karta, dan għandu għalhekk l-istess tifsira u l-istess portata bħal dan l-aħħar artikolu ( 29 ). |
50. |
Madankollu, għandu jitfakkar li, fir-risposta lill-qorti tar-rinviju, li kienet staqsiet dwar ir-relazzjoni bejn il-protezzjoni prevista fl‑Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2004/83 u dik mogħtija mill-Artikolu 3 tal-KEDB, il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Elgafaji, spjegat li l‑imsemmi Artikolu 15(c) jistabbilixxi każ ta’ protezzjoni sussidjarja li ma jikkorrispondix ma’ dak tal-projbizzjoni tat-tortura u tat-trattamenti inumani jew degradanti ggarantiti mill-Artikolu 3 tal-KEDB u għandu, għalhekk, jiġi interpretat b’mod awtonomu filwaqt li jibqa’ fil-parametri tar-rispett tad-drittijiet fundamentali, kif iggarantiti mill-KEDB ( 30 ). |
51. |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem indikat b’mod ċar li ma hijiex “konvinta” li l-Artikolu 3 tal-KEDB ma kienx joffri protezzjoni komparabbli ma’ dik mogħtija skont l-Artikolu 15(c) tad‑Direttiva 2004/83. Hija enfasizzat li l-livell stabbilit minn din l-aħħar dispożizzjoni u l-Artikolu 3 tal-KEDB seta’, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, jintlaħaq bħala konsegwenza ta’ sitwazzjoni ta’ vjolenza ġenerali ta’ tali intensità li kull persuna mibgħuta lura fir-reġjun ikkonċernat tkun f’perikolu minħabba s-sempliċi fatt tal-preżenza tagħha ( 31 ). Fir-rigward ta’ din il-prossimità ta’ analiżi, jidher li l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem sabiex tevalwa l-livell ta’ vjolenza ġenerali tista’ tagħti xi punti ta’ risposta għad-domandi preliminari magħmula f’dan il-każ. Huwa stabbilit li l-metodu użat minn din il-qorti huwa bbażat fuq evalwazzjoni globali tal-informazzjoni rilevanti kollha, li tista’ tvarja minn kawża għal oħra u li ma hijiex limitata għal aspett kwantitattiv ( 32 ). |
52. |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirrżulta li d-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu serju fis-sens tal-Artikolu 15(c) tad‑Direttiva 2011/95 tippresupponi analiżi globali u inkroċjata tal-fatti rilevanti kollha li jistgħu jikkaratterizzaw jew le l-eżistenza ta’ vjolenza nondiskriminatorja b’livell tant għoli li l-persuni ċivili jkunu f’riskju reali li jsofru dannu serju mis-sempliċi fatt tal-preżenza tagħhom fit-territorju kkonċernat. L-għoti tal-protezzjoni sussidjarja ma tippresupponix li għandha tkun issodisfatta kundizzjoni stabbilita minn qabel dwar numru minimu ta’ vittmi meta mqabbel ma’ popolazzjoni partikolari. |
53. |
Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mir-rapporti tal-EASO ( 33 ) li jirrakkomandaw lill-qrati, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-livell ta’ vjolenza, li jadottaw approċċ globali u inklussiv, kemm kwantitattiv kif ukoll kwalitattiv, u sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni varjetà kbira ta’ varjabbli rilevanti, mingħajr ma jillimitaw ruħhom għal eżami purament kwantitattiv tan-numru ta’ mejtin jew midruba fost il-persuni ċivili ( 34 ). L‑EASO jirreferi, f’dan ir-rigward, għal deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal‑qrati nazzjonali, filwaqt li jindika, ovvjament b’dispjaċir, li l-Qorti tal‑Ġustizzja “ma tgħinx lill-qrati biex ikunu jafu kif għandhom jipproċedu” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li jwassalna għat-tieni domanda preliminari. |
D. Fuq it-tieni domanda preliminari
54. |
Kif ġie spjegat, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l‑interpretazzjoni tal-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95 u tixtieq li tikseb iktar kjarifiki dwar il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din id‑dispożizzjoni, peress li f’dan ir-rigward tikkunsida l-motivi tas‑sentenza Elgafaji insuffiċjenti. Dan id-dispjaċir, jew din il-kritika, tinsab f’parti mid-duttrina u fl-analiżi tal-EASO li jikkunsidra li l‑Qorti tal-Ġustizzja “ma tat l-ebda gwida dwar il-kriterji ta’ evalwazzjoni tal‑livell ta’ vjolenza f’kunflitt armat” ( 35 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
55. |
Hawnhekk niltaqgħu mal-problema partikolarment delikata tad‑distinzjoni bejn il-missjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja f’kawża għal deċiżjoni preliminari u l‑applikazzjoni ta’ dan id-dritt li jaqa’, bħala regola, fuq il-qrati nazzjonali, distinzjoni li xi drabi hija diffiċli li tinftiehem u li l‑implimentazzjoni tagħha timplika analiżi ddettaljata tal-kawża għal deċiżjoni preliminari kkonċernata u l-kuntest ġurisprudenzjali tagħha. |
56. |
Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda l‑interpretazzjoni tal-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95 li fih kunċett legali ġenerali ħafna, filwaqt li jitfakkar li dan it-test huwa l-frott ta’ kompromess bejn l-Istati Membri li manifestament għażlu li jħallu f’idejn il-qrati sabiex jistabbilixxu l-limiti eżatti tiegħu. F’dan ir-rigward, il‑Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Elgafaji tat interpretazzjoni ta’ dan il‑kunċett li wieħed jista’ jikklassifika fiha nnifisha bħala wiesgħa fid-dawl tal-kliem tad-deċiżjoni. Qabelxejn, id-dispożittiv jinkludi l-kliem “li jkun ġie kkonstatat mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti […] jew mill‑qrati ta’ Stat Membru”, fir-rigward tal-livell vjolenza nondiskriminatorja li tikkaratterizza l-kunflitt, formulazzjoni li normalment tirrifletti l-volontà tal-Qorti tal-Ġustizzja li tħalli f’idejn il‑qorti tar-rinviju li tevalwa l-informazzjoni fattwali li fuqha jiddependi l-eżitu tal-applikazzjoni ta’ dan l-att interpretattiv. Din l-interpretazzjoni kienet ikkompletata, tal-inqas b’mod impliċitu, fis-sentenza Diakité ( 36 ), fejn il‑Qorti tal-Ġustizzja semmiet l-intensità tal-konfrontazzjonijiet armati, il‑livell ta’ organizzazzjoni tal-forzi armati preżenti u t-tul tal-kunflitt bħala elementi li għandhom jiġu kkunsidrati fl-evalwazzjoni tar-riskju veru ta’ dannu serju fis-sens tal-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95. |
57. |
Xorta jibqa’ l-fatt li din it-talba għal deċiżjoni preliminari ( 37 ), l‑osservazzjonijiet tad-duttrina u l-EASO juru li l-kjarifiki mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja huma meqjusa bħala insuffiċjenti jew li ma ġewx mifhuma, li jista’ jfisser nuqqas ta’ ċarezza tas-sentenzi kkonċernati. Minn naħa tiegħi, jidhirli li huwa effettivament diffiċli li nikkonkludi li hemm ġurisprudenza suffiċjentament kompleta f’dak li jirrigwarda l‑interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “riskju veru” ta’ dannu serju skont id‑dispożizzjoni hawn fuq imsemmija. Peress li dan il-kunċett jistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ għoti tal-protezzjoni sussidjarja fid-dritt tal-Unjoni, jidhirli li kjarifika tal-interpretazzjoni tista’ tkun opportuna. Billi tagħti indikazzjonijiet addizzjonali dwar iċ-ċirkustanzi li jistgħu jiġu kkunsidrati fl-applikazzjoni tal-Artikolu 15(c) tad‑Direttiva 2011/95, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun qiegħda tiffavorixxi applikazzjoni omoġenja ta’ dan it-test fi ħdan l-Unjoni u b’hekk tissodisfa l-għan ta’ identifikazzjoni ta’ kriterji komuni għall-Istati Membri kif stipulat fil-premessa 12 tal-imsemmija direttiva. |
58. |
Minn din il-perspettiva, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tixtieq tiċċara l-ġurisprudenza tagħha, hija tista’ tibbaża ruħha b’mod utli fuq id‑deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li indikat li s-sitwazzjoni ta’ vjolenza ġġeneralizzata tista’ tkun evalwata skont jekk il-partijiet fil-kunflitt ikunux użaw metodi u tattiki ta’ gwerra li jżidu r-riskju li jkun hemm vittmi ċivili jew li jolqtu direttament persuni ċivili, jekk dawn il-metodi jkunux qegħdin jintużaw attwalment mill-partijiet fil-kunflitt jew le, in-natura lokalizzata jew estiża tal-ġlied, in-numru ta’ vittmi ċivili maqtula, midruba jew imċaqalqa minħabba l-ġlied. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem spjegat li dawn il-kriterji ma humiex lista eżawrjenti li għandha tiġi applikata fil-każijiet kollha ( 38 ). Barra minn hekk, għalkemm dawn il-kriterji jikkostitwixxu, a priori, serje ta’ indizji rilevanti, ma għandhomx jiġu kkunsidrati ħlief jekk huma jkunu bbażati fuq data affidabbli u aġġornata li tkun ġejja minn sorsi indipendenti u oġġettivi u l-iktar varjati ( 39 ). |
59. |
Sabiex tikkjarifika dawn il-kriterji, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem irreferiet b’mod dirett għal deċiżjoni tal-Qorti Brittanika tal-Ażil u tal-Immigrazzjoni ( 40 ). Dwar dan il-punt, il-qrati nazzjonali jiġbru diversi fatturi sabiex iqisu l‑livell ta’ vjolenza li taffettwa l-pajjiż jew ir-reġjun ikkonċernat. Fl‑eżami tal-ġurisprudenza ta’ diversi Stati Membri ( 41 ), jintużaw ukoll in‑numru ta’ vittmi ċivili maqtula u midruba fiż-żoni ġeografikament rilevanti, iċ-ċaqliċ ipprovokat mill-kunflitt armat, il-metodi u tattiki ta’ gwerra kif ukoll il-konsegwenzi tagħhom fuq il-persuni ċivili, il-ksur tad‑drittijiet tal-bniedem, il-kapaċità tal-Istat jew ta’ organizzazzjonijiet li jikkontrollaw it-territorju kkonċernat sabiex jipproteġu lill-persuni ċivili u l-assistenza mogħtija mill-organizzazzjonijiet internazzjonali. Il-varjetà kbira tal-kriterji eżaminati mill-awtoritajiet nazzjonali turi li l-metodu ta’ evalwazzjoni globali huwa użat mill-maġġoranza tal-awtoritajiet nazzjonali meta jiddeċiedu fuq applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja li tikkorrispondi mal-każ kopert fl-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95. Dan l-approċċ globali u dinamiku jippresupponi analiżi inkroċjata tal‑informazzjoni kollha rilevanti miġbura mill-awtoritajiet nazzjonali. Fi kliem ieħor, iċ-ċirkustanzi msemmija fl-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja ma għandhomx jittieħdu b’mod iżolat iżda għandhom ikunu kkunsidrati flimkien sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ theddid gravi u individwali fis-sens tal-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95. |
60. |
Bħala konklużjoni, l-aħħar kwistjoni li tqum hija dik dwar jekk l‑ispjegazzjoni mistennija mill-Qorti tal-Ġustizzja b’mod leġittimu fir‑rigward tal-evalwazzjoni tal-livell ta’ vjolenza rikjest għandhiex tkun riflessa f’formulazzjoni interpretattiva iktar espliċita iżda xorta ta’ natura ġenerali jew f’elenku ta’ elementi konkreti ta’ evalwazzjoni tal-intensità tal-kunflitt, bħal dawk imsemmija f’dawn il-konklużjonijiet, filwaqt li tinżamm ċerta ġeneralità. Anki jekk ma iniex ċert li xi waħda minn dawn l-għażliet hija ta’ natura li tipprevjeni li jintbagħtu domandi preliminari ġodda lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ “riskju veru” li wieħed isofri dannu serju fis-sens tal-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95, il-preferenza tiegħi hija t-tieni soluzzjoni li hija sempliċement tfakkira u lista ta’ kriterji ta’ evalwazzjoni diġà stipulati mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 42 ), liema lista, ovvjament, ma hijiex eżawrjenti. |
V. Konklużjoni
61. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproproni lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi kif ġej għaż-żewġ domandi preliminari magħmula mill-Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg (il-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Baden-Württemberg, il-Ġermanja):
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).
( 3 ) Direttiva tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti: Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96).
( 4 ) Kien ikkunsidrat li dan l-Artikolu 37 tad-Direttiva 2004/83 kien jirrifletti l‑perċezzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni ta’ diffikultajiet potenzjali ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva, fir-rigward tar-redazzjoni ambigwa u frott ta’ kompromess bejn l-Istati Membri (J. Périlleux, “L’interprétation de la notion de ‘conflit armé interne’ et de ‘violence aveugle’ de la protection subsidiaire: le droit international humanitaire est-il une référence obligatoire?”, Revue belge de droit international 2009/1, BRUYLANT, p. 113 sa 143).
( 5 ) COM(2008) 360 final.
( 6 ) COM(2009) 551 final.
( 7 ) Sentenza Elgafaji, punti 33 u 34.
( 8 ) Sentenza Elgafaji, punt 43.
( 9 ) Dan l-approċċ huwa wkoll dak meħud mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) fir-rapporti tiegħu ta’ Jannar 2015, intitolat “Article 15, point c), de la directive qualification aux conditions que doivent remplir les demandeurs d’asile (2011/95/EU) - Analyse judiciaire” (p. 26 u 27) u ta’ April 2018, intitolat “Conditions à remplir pour bénéficier de la protection internationale” (p. 31). Dan il-kunċett ta’ skala mobbli jew digressiva jfisser hekk: jew wieħed ikun preżenti f’territorji fejn il-grad ta’ vjolenza nondiskriminatorja jilħaq livell daqstant għoli li jkunu jeżistu raġunijiet serji u ssostanzjati biex jitwemmen li persuna ċivili mibgħuta lura fil-pajjiż ikkonċernat, jew, skont il-każ, fir-reġjun ikkonċernat, għandha, minħabba s-sempliċi preżenza tagħha fit-territorji tagħhom, riskju reali li ssofri t-theddid serju msemmi fl-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95; jew wieħed ikun preżenti f’territorji fejn hemm vjolenza nondiskriminatorja, iżda li, madankollu, ma tkunx laħqet livell daqstant għoli, u li fir-rigward tagħha għandhom jiġu ppreżentati elementi individwali addizzjonali. Din id-distinzjoni hija implimentata, b’mod partikolari fi Franza, mill-Cour nationale du droit d’asile (CNDA) (il-Qorti nazzjonali tad-Dritt tal-Ażil) (ara d-deċiżjoni taċ-CNDA f’seduta plenarja tad-19 ta’ Novembru 2020, M.N, Nru 19009476, punt 10).
( 10 ) Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja reġgħet ikkonfermat il-pożizzjoni tagħha mingħajr ambigwità fis-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2014, Diakité (C‑285/12, EU:C:2014:39, punt 31).
( 11 ) Ara l-punt 13 tad-deċiżjoni tar-rinviju.
( 12 ) Ara l-punti 14 sa 20 tad-deċiżjoni tar-rinviju.
( 13 ) Id-domanda tal-qorti tar-rinviju taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95 li l-Gvern Olandiż jaċċetta kompletament u jikkunsidra wkoll bħala l-unika wieħed possibbli.
( 14 ) Waqt is-seduta, ir-rappreżentat tal-Gvern Ġermaniż, essenzjalment, indika li l-qorti tar-rinviju ma kinitx fehmet b’mod korrett il-ġurisprudenza tal-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) imsemmija fid-digriet tagħha u rrefera għal deċiżjoni tagħha tal-20 ta’ Mejju 2020 li kien fiha spjegazzjonijiet li jikkontradixxu l-approċċ ta’ applikazzjoni sistematika ta’ kriterju kwantitattiv preliminari bħala fattur ta’ esklużjoni tal-protezzjoni sussidjarja. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja biss hija awtorizzata tagħti deċiżjonijiet fuq l-interpretazzjoni jew il‑validità tad-dritt tal-Unjoni fid-dawl tas-sitwazzjoni fattwali u legali kif deskritta mill-qorti tar-rinviju, sabiex tagħti lil din tal-aħħar l-elementi utli għas‑soluzzjoni tal-kawża li tressqet quddiemha (sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, Kratzer, C‑423/15, EU:C:2016:604, punt 27), filwaqt li kull evalwazzjoni tal-fatti u tad-dritt nazzjonali taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali (sentenza tad-19 ta’ Settembru 2019, Lovasné Tóth, C‑34/18, EU:C:2019:764, punt 42). Barra minn hekk, ma hemm l‑ebda dubju dwar it-tkomplija tal-kawża prinċipali, peress li l-qorti tar-rinviju hija mitluba tagħti deċiżjoni li tieħu inkunsiderazzjoni s-sentenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja mogħtija bħala risposta għad-domandi preliminari.
( 15 ) Sentenza tat-23 ta’ Mejju 2019, Bilali (C‑720/17, EU:C:2019:448, punt 36).
( 16 ) Sentenza tal-10 ta’ Settembru 2014, Ben Alaya (C‑491/13, EU:C:2014:2187, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 17 ) Din l-aħħar dikjarazzjoni ma tirriżultax fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha tal‑Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95. Fil-fatt, fil-verżjoni Spanjola, jissemma: “las amenazas graves e individuales contra la vida o la integridad física de un civil […]”.
( 18 ) Sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2018, Ahmedbekova (C‑652/16, EU:C:2018:801, punti 48 u 49).
( 19 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2018, F (C‑473/16, EU:C:2018:36, punt 33).
( 20 ) Sentenza tat-30 ta’ Jannar 2014, Diakité (C‑285/12, EU:C:2014:39, punti 30, 32 u 35).
( 21 ) Sentenza tat-23 ta’ Mejju 2019, Bilali (C‑720/17, EU:C:2019:448, punt 35).
( 22 ) Sentenza tat-30 ta’ Jannar 2014, Diakité (C‑285/12, EU:C:2014:39, punt 33).
( 23 ) F’dan ir-rigward, l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2011/95 jistipula li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tinkiseb informazzjoni preċiża u aġġornata minn sorsi rilevanti, bħall-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati u l‑EASO.
( 24 ) Fid-deċiżjoni tar-rinviju, isir riferiment għal deċiżjoni tal-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) tas-17 ta’ Novembru 2011 li fiha din il-qorti qieset li probabbiltà li wieħed imut jew li jsofri ġrieħi li titla’ għal madwar 0.12 % jew madwar 1 fuq 800 fis-sena kienet ħafna inqas mil-livell minimu rikjest jew kienet tirrifletti riskju li wieħed isofri dannu tant żgħir meta mqabbel mal-livell ta’ probabbiltà rilevanti li n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi oħra ma għandux jinfluwenza r-riżultat. Huwa stabbilit li la l-livell ta’ probabbiltà rilevanti u lanqas, neċessarjament, il-motivi li wasslu għall-adozzjoni ta’ dan il-livell ma huma spjegati. Għalhekk leġittimament tista’ ssir il-mistoqsija kif proporzjon ta’ 1 fuq 800 fis-sena huwa meqjus bħala insuffiċjenti sabiex jikkaratterizza vjolenza nondiskriminatorja b’intensità partikolari.
( 25 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-24 ta’ April 2018, MP (Protezzjoni sussidjarja ta’ persuna li fil-passat kienet vittma ta’ tortura) (C‑353/16, EU:C:2018:276, punt 31).
( 26 ) Għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60) jiddefinixxi l-portata tad-dritt għal rimedju effettiv mogħti lill-applikant ta’ protezzjoni, billi jispjega li l-Istati Membri marbuta biha għandhom jiżguraw li l-qorti li quddiemha tkun ikkontestata d-deċiżjoni dwar it-talba għal protezzjoni internazzjonali tipproċedi b’“eżami sħiħ u ex nunc ta’ kemm il-fatti kif ukoll il-punti tal-liġi, inkluż fejn applikabbli eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali”. L-espressjoni “ex nunc” turi l-obbligu tal-qorti li tipproċedi b’evalwazzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, elementi ġodda li jirriżultaw wara l-adozzjon tad-deċiżjoni li tkun is-suġġett tal-kawża. Fir-rigward tal-aġġettiv “sħiħ”, dan jikkonferma li l-qorti hija obbligata teżamina kemm l-elementi li l-awtorità responsabbli kkonċernata kellha tieħu jew setgħet tieħu inkunsiderazzjoni kif ukoll dawk li seħħew wara l-adozzjoni tad‑deċiżjoni minn din l-awtorità (sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2019, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Riunifikazzjoni tal-familja – Oħt refuġjat) (C‑519/18, EU:C:2019:1070, punt 52).
( 27 ) B’mod partikolari, jista’ ikun hemm ksur reċenti ta’ ftehim dwar waqfien mill-ġlied segwit minn dħul ta’ truppi armati f’territorju partikolari li jwassal għal ċaqliq massiv ta’ popolazzjoni ċivili.
( 28 ) Sentenza tal-1 ta’ Marzu 2016, Alo u Osso (C‑443/14 u C‑444/14, EU:C:2016:127, punt 29).
( 29 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Mejju 2014, Spasic (C‑129/14 PPU, EU:C:2014:586, punt 54).
( 30 ) Sentenza tas-17 ta’ Frar 2009, Elgafaji (C‑465/07, EU:C:2009:94, punti 28 u 44).
( 31 ) Qorti EDB, 28 ta’ Ġunju 2011, Sufi u Elmi vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:2011:0628JUD000831907, § 226).
( 32 ) Qorti EDB, 28 ta’ Ġunju 2011, Sufi u Elmi vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:2011:0628JUD000831907, § 241).
( 33 ) Sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Ahmed, C‑369/17, EU:C:2018:713, punt 56).
( 34 ) Rapporti tal-EASO ta’ Jannar 2015, intitolat “Article 15, point c), de la directive qualification aux conditions que doivent remplir les demandeurs d’asile (2011/95/EU) - Analyse judiciaire” (ara, b’mod partikolari, p. 33 sa 35) u ta’ April 2018 intitolat “Conditions à remplir pour bénéficier de la protection internationale” (ara, b’mod partikolari, p. 32).
( 35 ) Ara, b’mod partikolari, Boutruche-Zarevac, “The Court of Justice of the EU and the Common European Asylum System: Entering the Third Phase of Harmonisation?” (2009-2010) 12 CYELS 53, 63, u r-rapport tal-EASO ta’ Jannar 2015, intitolat “Article 15, point c), de la directive qualification aux conditions que doivent remplir les demandeurs d’asile (2011/95/EU) - Analyse judiciaire” (ara, b’mod partikolari, p. 33 sa 35).
( 36 ) Sentenza tat-30 ta’ Jannar 2014 (C‑285/12, EU:C:2014:39).
( 37 ) Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-dubji espressi fih huma ta’ natura interpretattiva, fis-sens li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma huwiex intiż sabiex jistabbilixxi l‑applikazzjoni korretta tal-kunċett ta’ “riskju veru” ta’ dannu serju fis-sens tal‑Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95 fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet fattwali preċiżi ferm tal-kawża prinċipali iżda huwa fil-fatt intiż sabiex jitlob kjarifika tal-kriterji li għandhom jintużaw għall-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett, minħabba interpretazzjoni inizjali ġenerali wisq. Għalhekk għandna sitwazzjoni ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari li jitlob interpretazzjoni tal-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Elgafaji.
( 38 ) Qorti EDB, 28 ta’ Ġunju 2011, Sufi u Elmi vs Ir-Renju Unit, (ECLI:CE:ECHR:2011:0628JUD000831907, § 241).
( 39 ) Din il-ħtieġa hija mfakkra spiss mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Fis-sentenza tagħha tat-23 ta’ Awwissu 2016, J.K. et vs L-Isvezja (ECLI:CE:ECHR:2016:0823JUD005916612), hija b’hekk enfasizzat “li, sabiex tiġi evalwata l-importanza li għandha tingħata lid-data fuq il‑pajjiż inkwistjoni, għandu jiġi kkunsidrat is-sors tagħha, b’mod partikolari l‑indipendenza, l-affidabbiltà u l-oġġettività tagħha. F’dak li jirrigwarda r-rapporti, l-awtorità u r-reputazzjoni tal-awtur, is-serjetà tal-investigazzjonijiet li minnhom oriġinaw, il-koerenza tal-konklużjonijiet tagħhom u l-konferma tagħhom minn sorsi oħra huma wkoll elementi rilevanti”.
( 40 ) Asylum and Immigration Tribunal, 25 ta’ Novembru 2011, AMM et, UKUT 445.
( 41 ) Eżami tal-ġurisprudenza f’diversi Stat Membri jinsab bħala anness tar-rapport intitolat “Article 15, point c), de la directive qualification aux conditions que doivent remplir les demandeurs d’asile (2011/95/EU) - Analyse judiciaire” redatt mill‑EASO (Jannar 2015).
( 42 ) Għandu jiġi enfasizzat li dawn huma kriterji ta’ interpretazzjoni li għandhom jiggwidaw lill-qrati nazzjonali fl-evalwazzjoni tagħhom taċ-ċirkustanzi fattwali ta’ kull każ għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawżi mressqa quddiemhom.