KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ippreżentati fl-20 ta’ Mejju 2021 ( 1 )

Kawża C‑836/19

Toropet Ltd.

vs

Landkreis Greiz

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Gera (il-Qorti Amministrattiva ta’ Gera, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Saħħa pubblika – Regoli sanitarji applikabbli għall-prodotti sekondarji tal-annimali mhux intiżi għall-konsum mill-bniedem – Regolament (KE) Nru 1069/2009 – Artikolu 7(1) – Klassifikazzjoni li tirrifletti l‑livell ta’ riskju għas-saħħa pubblika u tal-annimali – Artikolu 10(a) u (f) – Materjal tal-kategorija 3 – Dekompożizzjoni, deterjorament u preżenza ta’ korpi barranin fil-materjal – Obbligu ta’ riklassifikazzjoni bħala materjal tal‑kategorija 2 – Artikolu 9(h) – Artikolu 4(1) u (2) – Obbligu ta’ kontroll tal‑operaturi mill-ġbir sal-użu jew ir-rimi ta’ prodotti sekondarji tal-annimali”

I. Introduzzjoni

1.

It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Gera (il-Qorti Amministrattiva ta’ Gera, il-Ġermanja) tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 ( 2 ) fil-qasam tal-prodotti sekondarji tal-annimali, b’mod iktar partikolari r-riklassifikazzjoni f’kategorija inferjuri ta’ prodotti sekondarji tal-annimali li ma jibqgħux jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-kategorija li fiha kienu ġew ikklassifikati inizjalment.

2.

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-kumpannija Toropet u l-Landkreis Greiz (id-Distrett ta’ Greiz, il-Ġermanja) li tikkonċerna d-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li rriklassifika u mbagħad elimina ċerti prodotti sekondarji tal-annimali mill-kategorija 3 għall-kategorija 2 minħabba li kienu nbidlu minħabba l-moffa, it-taħsir u minħabba korpi barranin.

3.

Għar-raġunijiet esposti iktar ’il quddiem, jiena tal-fehma li l-prodotti sekondarji tal-annimali inizjalment ikklassifikati fil-kategorija 3, li ma jibqgħux jissodisfaw il-livell ta’ riskju assoċjat ma’ din il-kategorija wara dekompożizzjoni jew deterjorament, jew minħabba taħlit ma’ korpi barranin, għandhom ikunu s-suġġett ta’ riklassifikazzjoni f’kategorija inferjuri ( 3 ).

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

1. Ir-Regolament Nru 1069/2009

4.

Il-premessi 11, 29 u 38 tar-Regolament Nru 1069/2009 huma fformulati kif ġej:

“(11)

[…] L-għanijiet ewlenin tar-regoli dwar il-prodotti sekondarji tal-annimali, jiġifieri l-kontroll tar-riskji għas-saħħa pubblika u tal-annimali u l-ħarsien tas-sikurezza tal-katina tal-ikel u l-għalf għandhom jiġu stipulati b’mod ċar. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom iwasslu biex jinkisbu dawn l-għanijiet.

[…]

(29)

Il-prodotti sekondarji tal-annimali u l-prodotti derivati għandhom jiġu kklassifikati fi tliet kategoriji li jirriflettu l-grad ta’ riskju li huma joħolqu għas-saħħa pubblika u tal-annimali, fuq il-bażi ta’ evalwazzjonijiet tar-riskju. Filwaqt li l-prodotti sekondarji tal-annimali u l-prodotti derivati li joħolqu riskju għoli għandhom jintużaw biss għal għanijiet barra mill-katina tal-għalf, l-użu tagħhom li joħloq riskju anqas għandu jkun permess taħt kondizzjonijiet sikuri.

[…]

(38)

Il-prodotti sekondarji tal-annimali għandhom jintużaw biss jekk ir-riskji għas-saħħa pubblika u tal-annimali jiġu mminimizzati fil-kors tal-ipproċessar tagħhom u tat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti derivati mmanifatturati fuq il-bażi ta’ prodotti sekondarji tal-annimali. Jekk din l-għażla ma tkunx disponibbli, il-prodotti sekondarji tal-annimali għandhom jintremew taħt kondizzjonijiet sikuri. […] B’mod ġenerali, l-għażliet għall-kategorija ta’ riskju ogħla għandhom ikunu disponibbli wkoll għall-kategoriji ta’ riskju iktar baxx, sakemm ma jkunux japplikaw konsiderazzjoni speċjali minħabba r-riskju marbut ma’ ċerti prodotti sekondarji tal-annimali”.

5.

L-Artikolu 2(1)(a) ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal:

a)

prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati minnhom li huma esklużi mill-konsum mill-bniedem taħt il-leġiżlazzjoni Komunitarja; […]

[…]”

6.

L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, intitolat “Punt tat-tluq fil-katina tal-manifattura u obbligi”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Malli l-operaturi jiġġeneraw prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, huma għandhom jidentifikawhom u jiżguraw li jindirizzawhom f’konformità ma’ dan ir-Regolament. (il-punt tat-tluq).

2.   L-operaturi, waqt l-istadji kollha ta’ ġbir, transport, immaniġġar, trattament, trasformazzjoni, ipproċessar, ħażna, tqegħid fis-suq, distribuzzjoni, użu u rimi fin-negozji taħt il-kontroll tagħhom, għandhom jiżguraw li l-prodotti sekondarji tal-annimali u l-prodotti derivati jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament li huma relevanti għall-attivitajiet tagħhom.”

7.

L-Artikolu 7 tal-istess regolament, intitolat “Kategorizzazzjoni ta’ prodotti sekondarji mill-annimali u prodotti derivati”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu li:

“Il-prodotti sekondarji mill-annimali għandhom jiġu kkategorizzati f’kategoriji speċifiċi li jirriflettu l-livell ta’ riskju għas-saħħa pubblika u dik tal-annimali li ġej minn dawn il-prodotti sekondarji mill-annimali, skont il-listi stabbiliti fl-Artikoli 8, 9 u 10.”

8.

L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1069/2009, intitolat “Materjal tal-Kategorija 2”, fil-punti (d) u (h) tiegħu jipprovdi li:

“Il-materjal tal-Kategorija 2 għandu jkun fih dawn il-prodotti sekondarji mill-annimali li ġejjin:

[…]

d)

prodotti li ġejjin mill-annimali li ġew dikjarati mhux xierqa għall-konsum mill-bniedem minħabba l-preżenza ta’ residwi fiżiċi f’dawn il-prodotti;

[…]

h)

prodotti sekondarji mill-annimali għajr materjal tal-Kategorija 1 jew materjal tal-Kategorija 3.”

9.

L-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament, intitolat “Materjal tal-Kategorija 3”, jipprovdi, fil-punti (a) u (f) tiegħu:

“Il-materjal tal-Kategorija 3 għandu jkun fih dawn il-prodotti sekondarji mill-annimali li ġejjin:

a)

karkassi u partijiet minn annimali maqtula jew, fil-każ ta’ kaċċa, iġsma jew partijiet minn annimali maqtula, u li huma xierqa għall-konsum mill-bniedem skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja, iżda mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem għal raġunijiet kummerċjali;

[…]

f)

prodotti li joriġinaw mill-annimali, jew oġġetti tal-ikel li jkun fihom prodotti li joriġinaw mill-annimali, li m’għadhomx maħsuba għall-konsum mill-bniedem għal raġunijiet kummerċjali jew minħabba problemi ta’ difetti ta’ fabbrikazzjoni jew pakkeġġjar jew difetti oħra li ma jippreżentawx riskju għall-bnedmin jew l-annimali;

[…]”

10.

L-Artikolu 14 tal-imsemmi regolament, intitolat “Rimi u użu ta’ materjal tal-Kategorija 3”, huwa fformulat kif ġej:

“Il-materjal tal-Kategorija 3 għandu:

a)

jintrema bħala skart permezz ta’ inċenerazzjoni, b’ipproċessar minn qabel jew mingħajr dan;

b)

jintrema jew jiġi rkuprat permezz ta’ ko-inċenerazzjoni, b’ipproċessar minn qabel jew mingħajr dan, jekk il-materjal tal-Kategorija 1 ikun skart;

c)

jintrema f’radam awtorizzat, wara li jiġi pproċessat;

[…]

d)

jiġi pproċessat, ħlief fil-każ ta’ materjal tal-Kategorija 3 li jkun inbidel minħabba dekompożizzjoni jew taħsir b’mod li, permezz ta’ dak il-prodott, jippreżenta riskju mhux aċċettabbli għas-saħħa pubblika jew dik tal-annimali […]

[…]”

11.

L-Artikolu 15(1) tal-istess regolament jipprovdi li:

“Jistgħu jiġu stipulati miżuri għall-implimentazzjoni ta’ din it-Taqsima marbuta ma’ dan li ġej:

[…]

k)

il-livell ta’ riskju għas-saħħa pubblika u tal-annimali fir-rigward ta’ ċertu materjal li tqies inaċċettabbli kif imsemmi fl-Artikolu 14(d).

[…]”

12.

L-Artikolu 25(1)(e) tar-Regolament Nru 1069/2009 jipprovdi li:

“1.   L-operaturi għandhom jiżguraw li l-istabbilimenti jew l-impjanti fil-kontroll tagħhom li jwettqu l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 24(1)(a) u (h):

[…]

e)

ikollhom arranġamenti xierqa għat-tindif u għad-diżinfettar tal-kontejners u l-vetturi fil-post biex jiġi evitat ir-riskju ta’ kontaminazzjoni,”

13.

L-Artikolu 28 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kontrolli tal-operaturi stess”, jipprovdi li:

“L-operaturi għandhom jistabbilixxu, jimplimentaw u jibqgħu jagħmlu l-kontrolli tagħhom stess fl-istabbilimenti jew l-impjanti tagħhom biex jivverifikaw il-konformità ma’ dan ir-Regolament. Għandhom jiżguraw li prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati li jkunu ssuspettati jew misjuba li ma jikkonformawx ma’ dan ir-Regolament ma joħorġu mill-istabbiliment jew l-impjant, sakemm ma jkunux destinati għar-rimi.”

2. Ir-Regolament (UE) Nru 142/2011

14.

Il-punt 3 tat-Taqsima 4 tal-Kapitolu 1 tal-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 ( 4 ) jipprovdi kif ġej:

“Impjanti ta’ proċessar ta’ materjal tal-Kategorija 3 għandu jkollhom lesta installazzjoni biex ikun ivverifkat jekk ikunx hemm korpi barranin, bħal materjal ta’ ppakkjar jew bċejjeċ ta’ metall, fil-prodotti sekondarji tal-annimali jew fi prodotti derivati, jekk ikunu materjali ta’ proċessar maħsuba biex jintużaw bħala għalf. Korpi barranin bħal dawn għandhom jitneħħew qabel jew wara l-proċessar.”

3. Ir-Regolament Nru 178/2002

15.

Ir-Regolament Nru 178/2002 ( 5 ) jipprovdi, fl-Artikolu 14(5):

“5. Biex jiġi stabbilit jekk l-ikel ikunx tajjeb għall-konsum uman, għandu jingħata kont ta’ jekk l-ikel ikunx aċċettabbli jew le għall-konsum uman skond l-użu maħsub tiegħu, minħabba raġunijiet ta’ kontaminazzjoni, sew b’materjal estraneju jew mod ieħor, jew minħabba putrifikazzjoni, deterjorament jew tħassir.”

B.   Id-dritt Ġermaniż

16.

It-Tierische Nebenprodukte-Beseitigungsgesetz (il-Liġi dwar ir-Rimi tal-Prodotti Sekondarji tal-Annimali) tal-25 ta’ Jannar 2004 (BGB1. 2004 I, p. 82), fil-verżjoni tagħha tal-4 ta’ Awwissu 2016 (BGB1. 2016 I, 1966) (iktar ’il quddiem it-“TierNebG”), tipprovdi, fl-Artikolu 1 tagħha, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”:

“Din il-liġi hija intiża li timplimenta r-Regolament [Nru 1069/2009] emendat l-aħħar permezz tar-Regolament [tal-Kunsill] (UE) Nru 1385/2013 [tas‑17 ta’ Diċembru 2013] (ĠU 2013, L 354, p. 86), kif ukoll l-atti ġuridiċi tal-Komunità jew tal-Unjoni Ewropea li japplikaw b’mod dirett, adottati skont jew biex jeżegwixxu dan ir-regolament”.

17.

L-Artikolu 3 tat-TierNebG jipprovdi l-obbligu li jintremew ċerti prodotti sekondarji tal-annimali mentri l-Artikolu 12 ta’ din tal-aħħar jirrigwarda l-kontroll mill-awtoritajiet kompetenti tal-osservanza tar-regoli nazzjonali u tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam kopert mir-Regolament Nru 1069/2009.

18.

It-Thüringer Ausführungsgesetz zum Tierische Nebenprodukte-Beseitigungsgesetz (il-Liġi tal-Land Thüringen li Tapplika l-Liġi Federali dwar ir-Rimi tal-Prodotti Sekondarji tal-Annimali) tal-10 ta’ Ġunju 2005 (Thür GVBl. 2005, p. 224) kif ukoll it-Thüringer Verordnung über die Einzugsbereiche nach dem Tierische Nebenprodukte-Beseitigungsgesetz (ir-Regolament tal-Land Thüringen dwar iż-Żoni ta’ Intervent adottat skont il-Liġi Federali dwar ir-Rimi tal-Prodotti Sekondarji tal-Annimali) tal-11 ta’ Ottubru 2005 (Thür GVBl. 2005, p. 355) jistabbilixxu rispettivament dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-organi responsabbli mir-rimi tal-prodotti sekondarji tal-annimali tal-kategoriji 1 u 2 u ż-żoni ta’ intervent li fihom dawn l-organi għandhom jirkupraw, jiġbru, jittrasportaw, jaħżnu, jittrattaw, jipproċessaw jew jarmu l-prodotti sekondarji ċċitati iktar ’il fuq ( 6 ).

III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja

19.

Il-kumpannija Toropet tipproċessa u tikkummerċjalizza prodotti sekondarji tal-annimali fost l-oħrajn ma’ produtturi tal-għalf, riċiklaturi tax-xaħam tal-annimali u fabbriki tal-produzzjoni tal-bijogass. Hija topera fil-Ġermanja stabbiliment approvat skont ir-Regolament Nru 1069/2009 bħala stabbiliment intermedjarju għall-materjal tal-kategorija 3. Hija kienet irreġistrata wkoll bħala trasportatur ta’ prodotti sekondarji tal-annimali.

20.

Fit-23 ta’ Jannar 2018, waqt kontroll amministrattiv imwettaq f’dan l-istabbiliment intermedjarju, il-Landkreis Greiz ikkonstata l-preżenza ta’ moffa, ta’ taħsir u ta’ korpi barranin fi 38 kaxxa kbira (imsejħa b’mod iktar komuni “palox”) li kien fihom prodotti sekondarji tal-annimali tal-kategorija 3. Minħabba l-preżenza ta’ din il-moffa, taħsir u korpi barranin, il-Landkreis Greiz irriklassifika l-materjal fil-kategorija 2 u ordna r-rimi immedjat tat-38 palox permezz ta’ eżekuzzjoni forzata li twettqet fl-istess jum. L-ispejjeż marbuta ma’ dawn l-operazzjonijiet, fl-ammont ta’ EUR 2 346.17, ġew imposti fuq Toropet.

21.

Din l-ordni ġiet ikkonfermata permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Jannar 2018, li permezz tagħha l-Landkreis Greiz spjega li, minħabba d-difetti tal-moffa, tat-taħsir u tal-korpi barranin, il-materjal inkwistjoni ma setax jibqa’ jiġi kklassifikat fil-kategorija 3, iżda biss fil-kategorija 2. Issa, la Toropet u lanqas is-sieħeb kummerċjali tagħha, li kellu jkun responsabbli mill-ipproċessar ta’ dan il-materjal, ma kienu awtorizzati biex jaħdmu l-materjal tal-kategorija 2. Iktar minn hekk, fl-assenza ta’ kamra kiesħa separata, il-materjal inkwistjoni ma setax jinħażen fuq il-post sakemm tinstab soluzzjoni bonarja.

22.

Fid-9 ta’ Ottubru 2018, Toropet ippreżentat rikors quddiem il-Verwaltungsgericht Gera (il-Qorti Amministrattiva ta’ Gera) sabiex tikseb deċiżjoni dikjaratorja intiża għall-annullament tad-deċiżjoni amministrattiva tal-25 ta’ Jannar 2018.

23.

Fil-kuntest tar-rikors tagħha, Toropet tikkritika lil-Landkreis Greiz li wettaq żball meta rriklassifika l-materjal inkwistjoni fil-kategorija 2 mingħajr ma għamel eżami xjentifiku. Hija tikkontesta l-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-materjal inkwistjoni li skontha dan kien mar, tħassar jew immoffa. Toropet hija tal-fehma li l-kriterju użat mill-veterinarji u mil-Landkreis Greiz, jiġifieri dak tal-kommestibbiltà, li skontu l-prodotti jkunu xierqa għall-konsum mill-bniedem, imur lil hinn mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1069/2009.

24.

Toropet tirrileva li jirriżulta mill-Artikolu 14(d) ta’ dan ir-regolament li d-dekompożizzjoni u d-deterjorament tal-prodotti sekondarji tal-annimali ma jiġġustifikawx riklassifikazzjoni f’kategorija inferjuri peress li skont l-Artikolu 14(b) ta’ dan ir-regolament ikun possibbli li jiġu rkuprati u mhux dejjem ikun meħtieġ ir-rimi. Iktar minn hekk, skont din il-kumpannija, il-prodotti sekondarji tal-annimali inkwistjoni setgħu jaqgħu taħt l-Artikolu 10(f) tal-istess regolament, peress li din id-dispożizzjoni teskludi biss prodotti li jippreżentaw riskji maġġuri kkawżati mill-mard tal-annimali. Issa, skont Toropet, il-laħam affettwat mill-moffa jew mit-taħsir ma jikkostitwixxix tali riskju.

25.

Din il-kumpannija ssostni, b’mod partikolari, li, peress li l-materjal tal-kategorija 3 ma huwiex intiż għall-ikel tal-bnedmin ( 7 ), il-fatt li l-materjal inkwistjoni jkun jew ma jkunx xieraq għall-konsum mill-bniedem ma huwiex rilevanti. Għal dak li jikkonċerna l-preżenza ta’ korpi barranin fil-materjal ikkonċernat, din ma tistax twassal għal riklassifikazzjoni, inkwantu tkun possibbli sempliċi separazzjoni mekkanika.

26.

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-prodotti sekondarji tal-annimali inkwistjoni kienu jikkonċernaw prinċipalment il-materjal ikklassifikat inizjalment fil-kategorija 3 jew skont l-Artikolu 10(a) tar-Regolament Nru 1069/2009, li jkopri l-karkassi u partijiet minn annimali maqtula xierqa għall-konsum mill-bniedem iżda li ma humiex intiżi għal tali konsum, inkella skont l-Artikolu 10(f) ta’ dan ir-regolament li jkopri l-prodotti li joriġinaw mill-annimali, jew l-oġġetti tal-ikel li jkun fihom prodotti li joriġinaw mill-annimali, li ma għadhomx maħsuba għall-konsum mill-bniedem għal raġunijiet kummerċjali jew minħabba raġunijiet li ma jippreżentawx riskju għall-bnedmin jew għall-annimali. Il-prodotti sekondarji tal-annimali li jaqgħu taħt il-punt (a) kienu jinkludu l-abomasum jew il-widnejn. Dawk li jaqgħu taħt il-punt (f) kienu jirrigwardaw, b’mod partikolari, iz-zalzett bl-ikkapuljat jew in-nervituri taċ-ċanga.

27.

Dik il-qorti tinnota li d-dekompożizzjoni u d-deterjorament tal-materjal tal-kategorija 3 jrendu lil dan il-materjal, fil-prinċipju, mhux xieraq għall-konsum mill-bniedem u jinvolvu riskju għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali. Hija tistaqsi, konsegwentement, jekk tali tibdil għandux iwassal għal riklassifikazzjoni tal-materjal f’kategorija differenti.

28.

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-għan prinċipali tar-Regolament Nru 1069/2009, kif jirriżulta mill-premessa 11 tiegħu kif ukoll mill-Artikolu 1 tiegħu, huwa li jiġu kkontrollati r-riskji għas-saħħa pubblika u tal-annimali u tkun protetta s-sikurezza tal-katina tal-ikel tal-bniedem u tal-annimali. Għaldaqstant, il-perikolożità ma hijiex limitata għas-saħħa tal-bniedem. L-Artikolu 14(d) ta’ dan ir-regolament jenfasizza wkoll li d-dekompożizzjoni u d-deterjorament jinvolvu riskji għas-saħħa pubblika u tal-annimali.

29.

Il-qorti tar-rinviju ssostni madankollu li l-Artikolu 14(d) tar-Regolament Nru 1069/2009 jista’ jopponi l-bdil sussegwenti tal-klassifikazzjoni inizjali, wara d-dekompożizzjoni jew id-deterjorament tal-materjal ikkonċernat. Fil-fatt, skontha, jista’ jiġi dedott minn din id-dispożizzjoni li d-dekompożizzjoni u d-deterjorament jaffettwaw, fil-prinċipju, mhux il-klassifikazzjoni, imma biss l-użu tal-materjal tal-kategorija 3. Skont dik il-qorti, għalkemm l-użu ta’ dan il-materjal għal skopijiet ta’ produzzjoni tal-għalf huwa eskluż skont l-Artikolu 14(d) ta’ dan ir-regolament, jidher, min-naħa l-oħra, li huwa possibbli li dan il-materjal jintuża għal skopijiet oħra, pereżempju billi jiġi rkuprat bil-koinċinerazzjoni, skont l-Artikolu 14(b) tal-imsemmi regolament.

30.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(d) tar-Regolament Nru 1069/2009. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, il-materjal iddikjarat mhux xieraq għall-konsum mill-bniedem minħabba l-preżenza ta’ korpi barranin għandu jiġi kklassifikat fil-kategorija 2. Madankollu, jirriżulta mill-punt 3 tat-Taqsima 4 tal-Kapitolu I tal-Anness IV tar-Regolament Nru 142/2011 li l-preżenza ta’ korpi barranin ma hijiex biżżejjed biex twassal għall-klassifikazzjoni fil-kategorija 2, peress li huwa possibbli li dawn tal-aħħar jitneħħew permezz ta’ installazzjonijiet li jippermettu li dawn jiġu skoperti, skont ir-regoli applikabbli għall-fabbriki tal-ipproċessar tal-materjal tal-kategorija 3. Iktar minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-prevenzjoni tar-riskju tal-preżenza ta’ korpi barranin hijiex rilevanti meta l-materjal tal-kategorija 3 ikun intiż mhux biex jiġi pproċessat f’għalf tal-annimali, imma biex jiġi inċinerat jew biex iservi għall-produzzjoni tal-bijodiżil.

31.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Gera (il-Qorti Amministrattiva ta’ Gera) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 10(a) tar-[Regolament Nru 1069/2009], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kategorizzazzjoni inizjali bħala materjal tal-kategorija 3 tintilef meta dan il-materjal ma jibqax xieraq għall-konsum mill-bniedem minħabba dekompożizzjoni jew ta’ deterjorament?

2)

L-Artikolu 10(f) tar-[Regolament Nru 1069/2009] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kategorizzazzjoni inizjali bħala materjal tal-kategorija 3 għal prodotti li joriġinaw mill-annimali jew għal ikel li jinkludi tali prodotti tintilef meta l-proċessi ta’ dekompożizzjoni jew ta’ deterjorament sussegwenti ta’ dan il-materjal ikunu ta’ riskju għas-saħħa pubblika jew tal-annimali?

3)

Id-dispożizzjoni tal-Artikolu 9(d) tar-[Regolament Nru 1069/2009] għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv fis-sens li l-materjal li tħallat ma’ korpi estranji bħal serratura [tal-injam] għandu jiġi kkategorizzat bħala materjal tal-kategorija 2 biss jekk ikun materjal li għandu jiġi pproċessat u li huwa intiż għall-għalf tal-annimali?”

32.

It-talba għal deċiżjoni preliminari, bid-data tal-14 ta’ Novembru 2019 ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Novembru 2019.

33.

Il-Landkreis Greiz u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Dawn tal-aħħar, kif ukoll Toropet, wieġbu wkoll bil-miktub għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Diċembru 2020.

IV. Analiżi

34.

Permezz tat-tliet domandi preliminari tagħha, li jeħtieġ li jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk, essenzjalment, materjal li inizjalment kien ikklassifikat bħala materjal ta’ kategorija 3 fis-sens tal-Artikolu 10(a) u (f) tar-Regolament Nru 1069/2009 jitlifx il-benefiċċju ta’ din il-klassifikazzjoni wara dekompożizzjoni jew deterjorament (l-ewwel u t-tieni domanda) jew taħlit ma’ korpi barranin (it-tielet domanda) b’mod li jeħtieġ li jiġi rriklassifikat f’kategorija inferjuri.

35.

Jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-klassifikazzjoni inizjali, jiġifieri mill-mument tal-ġbir, tal-prodotti sekondarji tal-annimali inkwistjoni fil-kategorija 3 ma hijiex ikkontestata. Min-naħa l-oħra, tqum il-kwistjoni dwar jekk jeżistix obbligu ta’ riklassifikazzjoni ta’ tali prodotti sekondarji tal-annimali li, sussegwentement fiċ-ċiklu ta’ ħajjithom, jippreżentaw difetti bħalma huma l-moffa, it-taħsir jew il-korpi barranin ( 8 ).

36.

Filwaqt li Toropet issostni li l-klassifikazzjoni tal-prodotti sekondarji tal-annimali li jaqgħu taħt l-Artikolu 10(a) u (f) tar-Regolament Nru 1069/2009 u li jippreżentaw tali difetti għandha tinżamm fil-kategorija 3, il-Landkreis Greiz u l-Kummissjoni jikkunsidraw, min-naħa l-oħra, li r-riklassifikazzjoni ta’ dawn il-prodotti sekondarji tal-annimali fil-kategorija 2 hija obbligatorja.

37.

Fil-bqija ta’ dawn il-konklużjonijiet ser nagħmel, qabelxejn, xi osservazzjonijiet dwar il-każ partikolari tat-taħlit ta’ prodotti sekondarji tal-annimali ma’ korpi barranin (Taqsima A) u, imbagħad, ser nispjega għaliex, fil-fehma tiegħi, jeżisti obbligu ta’ riklassifikazzjoni fil-kategorija 2 ta’ materjal bħalma huwa dak tal-kawża prinċipali meta dan ma jibqax jikkorrispondi mal-livell ta’ riskju assoċjat mal-klassifikazzjoni inizjali tiegħu (Taqsima B), billi nibbaża ruħi fuq analiżi tad-dispożizzjonijiet segwenti tar-Regolament Nru 1069/2009, jiġifieri l-Artikoli 7 sa 10 meħudin fl-intier tagħhom, l-Artikolu 9(h), l-Artikolu 10(a) u (f), l-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 14(d).

A.   Kunsiderazzjonijiet preliminari: dwar l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1069/2009 għat-taħlit ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u ta’ korpi barranin

38.

Jidhirli li huwa utli li jitfakkar, b’mod preliminari, it-tagħlim tas-sentenza reċenti P. F. Kamstra Recycling et ( 9 ) qabel ma jinstiltu l-konsegwenzi minnha fir-rigward tan-natura tal-korpi barranin u tal-effett ta’ dawn tal-aħħar fuq il-klassifikazzjoni tal-prodotti sekondarji tal-annimali li magħhom jitħalltu.

39.

Irrid infakkar li l-kawżi li wasslu għal dik is-sentenza kienu jikkonċernaw taħlit ta’ prodotti sekondarji tal-annimali li jaqgħu taħt il-kategorija 3 fis-sens tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1069/2009, ma’ skart mhux perikoluż fis-sens tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 ( 10 ). Il-kwistjoni kienet tirrigwarda l-punt dwar jekk it-trasferiment ta’ dan it-taħlit kienx suġġett għar-Regolament Nru 1069/2009 jew għar-Regolament Nru 1013/2006.

40.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, wara analiżi tax-xogħol preparatorju li jirrigwarda ir-Regolament Nru 1069/2009 u tal-għan li għandu jintlaħaq minn dan ir-regolament, kif ukoll tal-istruttura tad-dispożizzjonijiet tiegħu, li l-imsemmi taħlit u, għaldaqstant, it-trasferiment tiegħu kienu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-aħħar regolament ( 11 ).

41.

Nenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-Regolament Nru 1069/2009 ikopri t-taħlit ta’ prodotti sekondarji tal-annimali ma’ skart mhux perikoluż, iżda hija ma ppronunzjatx ruħha dwar it-tip ta’ skart mhux perikoluż li huwa awtorizzat sabiex jitħallat ma’ prodotti sekondarji tal-annimali u lanqas fuq il-kategorija ta’ materjal li lilu seta’ jappartjeni t-taħlit ikkonċernat.

42.

F’dan il-każ, huwa paċifiku li t-taħlit inkwistjoni fil-kawża prinċipali fih korpi barranin li, minħabba n-natura tagħhom ( 12 ), kienu ġew ikkunsidrati bħala skart mhux perikoluż fis-sens tar-Regolament Nru 1013/2006.

43.

Konsegwentement, dan it-taħlit huwa, fil-prinċipju ( 13 ), fid-dawl tas-sentenza Kamstra Recycling, suġġett għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1069/2009.

44.

Irrid madankollu niġbed l-attenzjoni fuq żewġ punti.

45.

Fl-ewwel lok, wieħed għandu jitlaq mill-premessa li skontha l-iskart mhux perikoluż fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari l-biċċiet ta’ kisi tal-ħitan, ma humiex korpi barranin li wieħed jista’ jneħħi faċilment, bħalma huwa materjal tal-ippakkjar tal-plastik jew bċejjeċ tal-metall fis-sens tal-punt 3 tat-Taqsima 4 tal-Kapitolu I tal-Anness IV tar-Regolament Nru 142/2011 ( 14 ).

46.

Fit-tieni lok, nenfasizza li, għalkemm kull taħlit ta’ prodotti sekondarji tal-annimali tal-kategorija 3 ma’ skart mhux perikoluż jaqa’ taħt ir-Regolament Nru 1069/2009, tqum il-kwistjoni dwar jekk tali taħlit għandux ikun is-suġġett ta’ riklassifikazzjoni għal kategorija inferjuri, tal-inqas f’ċerti każijiet, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament. Din il-kwistjoni, li ma hijiex ittrattata fis-sentenza Kamstra Recycling ( 15 ), hija fiċ-ċentru ta’ din il-kawża.

B.   Fuq l-obbligu ta’ riklassifikazzjoni f’kategorija inferjuri tal-materjal tal-kategorija 3 “kkontaminat” b’moffa, taħsir jew korpi barranin

47.

Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li fir-Regolament Nru 1069/2009 ma teżisti ebda dispożizzjoni espressa li tikkonċerna r-“riklassifikazzjoni” għal kategorija inferjuri ta’ materjal li kien inizjalment ikklassifikat fil-kategorija 3.

48.

Kif ser nuri fil-bqija ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-obbligu ta’ riklassifikazzjoni li nipproponi josserva l-loġika inerenti għall-klassifikazzjoni tal-materjal tal-kategorija 3, li tiddependi mir-riskju għas-saħħa pubblika u għas-saħħa tal-annimali li jġibu magħhom il-korpi barranin u l-bdil minħabba moffa u taħsir tal-prodotti sekondarji tal-annimali kkonċernati. Ser nuri wkoll li din l-evalwazzjoni tar-riskju tapplika f’kull mument tal-ħajja ta’ prodott sekondarju tal-annimali.

1. Fuq il-klassifikazzjoni tal-materjal f’kategoriji skont il-livell ta’ riskju tiegħu (Artikoli 7 sa 10 tar-Regolament Nru 1069/2009)

49.

It-Taqsima 4 tal-Kapitolu I tat-Titolu I tar-Regolament Nru 1069/2009, li tinkludi l-Artikoli 7 sa 10, hija ddedikata għall-klassifikazzjoni tal-prodotti sekondarji tal-annimali u tal-prodotti dderivati.

50.

Skont l-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament li jirregola l-klassifikazzjoni tal-prodotti sekondarji tal-annimali, dawn tal-aħħar huma kklassifikati f’kategoriji speċifiċi skont il-livell ta’ riskju li jippreżentaw għas-saħħa pubblika u għas-saħħa tal-annimali.

51.

Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi għaldaqstant żewġ kriterji rilevanti li huma marbutin bejniethom għall-finijiet tal-klassifikazzjoni: il-kategoriji speċifiċi u l-livell ta’ riskju.

52.

Għal dak li jikkonċerna l-kategorizzazzjoni, il-prodotti sekondarji tal-annimali li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1069/2009 huma kklassifikati f’waħda mit-tliet kategoriji previsti mill-Artikoli 8, 9 u 10 ta’ dan ir-regolament ( 16 ) li jkopru, rispettivament, il-listi tal-materjal tal-kategorija 1, 2 u 3. Din il-klassifikazzjoni ma hija suġġetta għal ebda deroga, peress li l-prodotti sekondarji tal-annimali għandhom neċessarjament jidħlu f’waħda minn dawn it-tliet kategoriji ( 17 ).

53.

Għal dak li jirrigwarda l-livell tar-riskju, dan jikkostitwixxi l-uniku kriterju li jiddistingwi t-tliet kategoriji fis-sens li l-materjal tal-kategorija 3 huwa materjal meqjus ta’ riskju baxx ( 18 ) filwaqt li l-materjal tal-kategoriji 1 u 2 huwa materjal ta’ riskju għoli għas-saħħa pubblika u għas-saħħa tal-annimali, peress li l-materjal tal-kategorija 1 huwa dak li jippreżenta l-ogħla riskju ( 19 ). Huwa abbażi ta’ evalwazzjoni ta’ dawn ir-riskji li l-leġiżlatur stabbilixxa lista ddettaljata ta’ materjal fi ħdan kull kategorija.

54.

Jeħtieġ li jiġi enfasizzat li dan il-livell ta’ riskju li fuqu tiddependi l-klassifikazzjoni fil-kategoriji 1, 2 u 3 jikkostitwixxi wkoll il-kriterju rilevanti għall-użu finali tal-prodotti sekondarji tal-annimali. Fil-fatt, ir-Regolament Nru 1069/2009 stabbilixxa fl-Artikoli 12, 13 u 14 tiegħu, moqrija fid-dawl tal-premessa 38 tiegħu, listi tal-użu u tar-rimi possibbli għal kull kategorija ta’ materjal kif ukoll ir-regoli applikabbli għal kull waħda minnhom sabiex dan il-livell ta’ riskju jitnaqqas għall-minimu.

55.

Huwa minnu li l-possibbiltajiet tal-użu u tar-rimi applikabbli għal kategorija b’riskju għoli jestendu ruħhom ukoll għall-materjal ta’ riskju baxx ( 20 ). Dawn l-użi u rimi huma suġġetti madankollu għal regoli differenti u spiss anki iktar restrittivi skont il-kategorija li fiha jkun ikklassifikat il-materjal ( 21 ).

56.

Din il-klassifikazzjoni skont ir-riskju ssib ukoll ġustifikazzjoni fil-premessa 29 tar-Regolament Nru 1069/2009, li skontha l-prodotti sekondarji tal-annimali meqjusa bħala ta’ riskju għoli ma għandhomx jintużaw fil-katina tal-għalf tal-annimali, filwaqt li l-użu ta’ materjal li jippreżenta riskju baxx għandu jiġi awtorizzat taħt ċerti kundizzjonijiet.

57.

Nikkonstata, f’dan ir-rigward, li l-listi tal-materjal tal-kategoriji 1 u 3 huma ta’ natura eżawrjenti ( 22 ). Għaldaqstant, huma għandhom jiġu interpretati b’mod strett sa fejn, minn naħa, jinkludu biss il-materjal li huma jsemmu espressament u, min-naħa l-oħra, dan il-materjal għandu josserva, kif spjegajt qabel, il-livell ta’ riskju marbut mal-kategorija kkonċernata. Din in-natura eżawrjenti tista’ tkun dedotta mill-eżistenza tas-subkategorija msemmija fl-Artikolu 9(h) tar-Regolament Nru 1069/2009, li tiġbor, fi ħdan il-kategorija 2, il-materjal li la jaqa’ taħt il-kategorija 1 u lanqas taħt il-kategorija 3.

58.

Issa, jeżistu każijiet fejn difetti bħalma huma dawk marbuta mal-preżenza ta’ moffa, ta’ taħsir jew ta’ korpi barranin ( 23 ) jistgħu jbiddlu l-livell ta’ riskju tal-materjal li huma jkunu affettwaw ( 24 ). Jekk dan ikun il-każ, bdil fil-livell ta’ riskju jwassal, fil-fehma tiegħi, għal bdil fil-klassifikazzjoni.

59.

Fil-kuntest ta’ tilwima bħalma hija dik tal-kawża prinċipali, jeħtieġ għaldaqstant li jiġi stabbilit jekk korpi barranin, bħalma huma l-biċċiet ta’ kisi tal-ħitan jew is-serratura tal-injam, kif ukoll il-moffa u t-taħsir humiex tali li jbiddlu l-livell ta’ riskju li għandu l-materjal ikklassifikat inizjalment bħala materjal tal-kategorija 3, fis-sens tal-Artikolu 10(a) u (f) tar-Regolament Nru 1069/2009 ( 25 ).

60.

Jekk tali materjal ma jistax jibqa’ jiġi kklassifikat fil-kategorija 3 li fiha dan ġie kklassifikat inizjalment minħabba li jippreżenta riskju ogħla u minħabba li r-rekwiżiti li għandhom jiġu osservati għal din il-kategorija ma humiex issodisfatti, f’dan il-każ, jeħtieġ li wieħed ifittex kategorija li tista’ tkopri dan il-materjal “ikkontaminat”. Kif nispjega fis-subtaqsima li ġejja, din il-kategorija ma hijiex ħlief il-kategorija 2 li tirriżulta prinċipalment mis-subkategorija residwali msemmija fl-Artikolu 9(h) tar-Regolament Nru 1069/2009.

2. Fuq l-eżistenza ta’ subkategorija awtomatika (Artikolu 9(h)) tar‑Regolament Nru 1069/2009

61.

Kif nindika fil-punt 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet, b’kuntrast mal-Artikoli 8 u 10 tar-Regolament Nru 1069/2009 li jistabbilixxu lista eżawrjenti ta’ materjal li jaqa’ rispettivament taħt il-kategoriji 1 u 3, l-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi lista mhux eżawrjenti ta’ materjal tal-kategorija 2 skont ma jistipula fil-punt (h) tiegħu. Din is-subkategorija tinkludi b’mod awtomatiku, konformement mal-formulazzjoni tagħha, il-prodotti sekondarji tal-annimali għajr il-materjal ta’ kategorija 1 jew 3.

62.

Jeħtieġ, barra minn hekk, għall-fini ta’ prekawzjoni, li tiġi applikata din il-klassifikazzjoni awtomatika, hekk kif jirriżulta mill-aħħar sentenza tal-premessa 35 tar-Regolament Nru 1069/2009, għal “xi prodotti sekondarji tal-annimali oħrajn li mhumiex imniżżla taħt waħda mit-tliet kategoriji”. L-Artikolu 9(h) ta’ dan ir-regolament għandu, fid-dawl ta’ din l-espressjoni, jiġi interpretat b’mod wiesa’ fis-sens li jkopri kull prodott sekondarju tal-annimali li ma huwiex speċifikament ikklassifikat ( 26 ).

63.

Għaldaqstant, l-eżistenza ta’ din is-subkategorija awtomatika tesprimi, fil-fehma tiegħi, l-intenzjoni tal-leġiżlatur li jiżgura li ebda prodott sekondarju tal-annimali ma jkun suġġett għal “lakuna ġuridika” li tikkonċerna l-klassifikazzjoni tiegħu, b’mod li l-materjal inizjalment ikklassifikat fil-kategorija 3, li ma jinvolvix materjal tal-kategorija 1, iżda li ma jistax jew ma jistax jibqa’ jiġi kklassifikat bħala materjal tal-kategorija 3 minħabba l-livell ta’ riskju li dan jippreżenta jiġi, b’mod awtomatiku, ikklassifikat bħala materjal tal-kategorija 2 fis-sens tal-Artikolu 9(h) tar-Regolament Nru 1069/2009.

64.

Għaldaqstant, din l-aħħar dispożizzjoni għandha tapplika għall-prodotti sekondarji tal-annimali tal-kategorija 3, mibdulin minħabba l-moffa, it-taħsir jew b’korpi barranin, li, filwaqt li ma jkunx fihom materjal tal-kategorija 1, jippreżentaw livell ta’ riskju għoli wisq sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-materjal tal-kategorija 3 ( 27 ).

65.

Liema huma għaldaqstant ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-materjal tal-kategorija 3 imsemmija fl-Artikolu 10(a) u (f) tar-Regolament Nru 1069/2009 li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom għandu jwassal għal din id-deklassifikazzjoni f’kategorija 2 b’mod awtomatiku?

3. Fuq il-livell ta’ riskju rilevanti fid-dawl tar-rekwiżiti sanitarji previsti fl‑Artikolu 10(a) u (f) tar-Regolament Nru 1069/2009

66.

L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1069/2009 jistabbilixxi lista eżawrjenti tal-materjal li jaqa’ taħt il-kategorija 3 ( 28 ). Jirriżulta minn din il-lista li l-materjal ta’ din il-kategorija jinkludi biss prodotti sekondarji tal-annimali li joriġinaw minn annimali b’saħħithom meqjusa tajbin għall-qtil wara spezzjoni ante mortem jew, tal-inqas, prodotti sekondarji tal-annimali li ma jkunu qegħdin jgħaddu ebda marda li tista’ tiġi trażmessa lill-bniedem jew lill-annimal ( 29 ). Huwa biss dan il-materjal li jista’ jiġi pproċessat għall-produzzjoni tal-għalf ( 30 ).

67.

L-Artikolu 10(a) ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi li taħt din il-kategorija jaqgħu il-karkassi u l-partijiet minn annimali maqtula, li huma xierqa għall-konsum mill-bniedem iżda li ma humiex maħsuba għal tali konsum mill-bniedem għal raġunijiet kummerċjali. Il-livell ta’ riskju rilevanti ta’ dan il-materjal qiegħed għaldaqstant fir-rekwiżit li jkun xieraq għall-konsum mill-bniedem ( 31 ).

68.

L-Artikolu 10(f) tal-imsemmi regolament jikkonċerna l-prodotti li joriġinaw mill-annimali li ma għadhomx maħsuba għall-konsum mill-bniedem għal raġunijiet kummerċjali jew minħabba problemi ta’ difetti li ma jippreżentawx riskju għall-bnedmin jew għall-annimali ( 32 ).

69.

Ir-Regolament Nru 178/2002 jipprovdina b’ċerti indizji għall-finijiet tad-determinazzjoni tan-natura “xierqa għall-konsum mill-bniedem” li tikkonċerna l-prodotti tal-ikel. Fil-fatt, l-Artikolu 14(5) jipprovdi li prodott tal-ikel li ma huwiex tajjeb għall-konsum mill-bniedem “[ma j]kunx aċċettabbli” għal tali konsum minħabba raġunijiet ta’ kontaminazzjoni, sew b’materjal estern jew mod ieħor, jew minħabba putrifikazzjoni, deterjorament jew tħassir.

70.

L-aġġettiv “mhux aċċettabbli”, użat fl-Artikolu 14(d) tar-Regolament Nru 1069/2009 sabiex jikklassifika l-livell ta’ riskju għas-saħħa pubblika u għas-saħħa tal-annimali tal-materjal tal-kategorija 3 maħsub li jservi għall-produzzjoni ta’ għalf jew ta’ fertilizzant organiku jew ta’ prodott li jtejjeb il-ħamrija u mibdul minħabba dekompożizzjoni jew deterjorament, għandu jinftiehem fl-istess sens ( 33 ). It-tibdil ta’ dan il-materjal permezz ta’ moffa jew taħsir, b’mod li l-imsemmi materjal ma jkunx xieraq għall-konsum mill-bniedem u/jew ma jkunx nieqes minn kull riskju għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali, għandu għaldaqstant iwassal lil tali prodotti sekondarji tal-annimali kklassifikati inizjalment fil-kategorija 3 skont l-Artikolu 10(a) u (f) tar-Regolament Nru 1069/2009, għal riklassifikazzjoni fil-kategorija 2, fis-sens tal-Artikolu 9(h) ta’ dan ir-regolament, inkwantu l-materjal ikkonċernat ma jinkludix materjal tal-kategorija 1.

71.

Għal dak li jirrigwarda l-punt, imqajjem mill-qorti tar-rinviju fil-kuntest tat-tielet domanda preliminari tagħha, dwar jekk minkejja l-preżenza ta’ korpi barranin li jrendu l-materjal “mhux [xieraq] għall-konsum mill-bniedem” fis-sens tal-Artikolu 9(d) tar-Regolament Nru 1069/2009, il-materjal ikkonċernat jistax madankollu jibqa’ kklassifikat fil-kategorija 3, kemm minħabba li dawn il-korpi barranin jistgħu faċilment jitneħħew, kemm minħabba li dan il-materjal jista’ jintuża għal skopijiet li ma humiex għall-għalf tal-annimali, billi jiġu inċinerati jew ipproċessati f’bijogass, ser nagħmel ir-rimarki li ġejjin.

72.

Fl-ewwel lok, kif indikajt fil-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jiena nibbaża ruħi fuq il-premessa li l-korpi barranin inkwistjoni ma jistgħux jitneħħew faċilment.

73.

Fit-tieni lok, skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, ninnota li dan l-Artikolu 9(d) tar-Regolament Nru 1069/2009 ma jidhirx li ġie invokat mil-Landkreis Greiz u lanqas minn Toropet quddiem din tal-aħħar. Din id-dispożizzjoni li ssemmiet espressament fit-tielet domanda preliminari jidhirli madankollu li hija rilevanti.

74.

Fil-fatt, jekk il-korpi barranin bħalma huma l-biċċiet tal-kisi tal-ħitan jew is-serratura tal-injam biddlu l-prodotti sekondarji tal-annimali tal-kategorija 3, f’dan il-każ il-materjal li jaqa’ taħt l-Artikolu 10(a) u (f) tar-Regolament Nru 1069/2009, sal-punt li jirrenduh mhux xieraq għall-konsum mill-bniedem, jidher li huwa inkonċepibbli li dan it-taħlit jinżamm fil-kategorija 3, filwaqt li jkollu l-istess karatteristiċi u l-istess livell ta’ riskju bħall-materjal tal-kategorija 2 imsemmi fl-Artikolu 9(d) ta’ dan ir-regolament. Għaldaqstant, dan ikollu jiġi kklassifikat f’din il-kategorija 2, kemm skont dan l-Artikolu 9(d), fir-rigward ta’ prodotti li ġejjin mill-annimali fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, kif ukoll skont id-dispożizzjoni awtomatika msemmija fl-Artikolu 9(h) ta’ dan ir-regolament, fir-rigward ta’ prodotti sekondarji oħrajn tal-annimali.

75.

Nenfasizza li ma hemmx raġuni biex jiġu ttrattati b’mod differenti, minn naħa, materjal li l-livell ta’ riskju tiegħu nbidel u jikkorrispondi llum għal dak tal-kategorija 2 iddefinita mir-Regolament Nru 1069/2009, u, min-naħa l-oħra, il-materjal li inizjalment kien ġie kklassifikat taħt din il-kategorija ( 34 ). L-istess loġika tapplika għall-materjal li sussegwentement kien is-suġġett ta’ dekompożizzjoni jew ta’ deterjorament u li inizjalment kien ikklassifikat fil-kategorija 2 konformement mal-Artikolu 9(h) ta’ dan ir-regolament.

76.

Inżid, fit-tielet lok, li l-fatt li l-operatur ikun fi ħsiebu jbiddel id-destinazzjoni inizjali tal-materjal billi jarmih jew billi jipproċessah f’bijogass flok jipproċessah f’għalf tal-annimali ma jistax iwassal biex materjal li, minħabba r-riskji tiegħu għas-saħħa pubblika jew tal-annimali, għandu jiġi kklassifikat fil-kategorija 2 ikun jista’ jibqa’ jiġi kklassifikat fil-kategorija 3.

77.

Interpretazzjoni opposta tmur kontra kemm il-loġika inerenti għall-klassifikazzjoni implimentata mil-leġiżlatur fl-Artikoli 8 sa 10 tar-Regolament Nru 1069/2009 li għandha bħala l-uniku kriterju rilevanti l-livell ta’ riskju, kif ukoll kontra wieħed mill-għanijiet prinċipali ta’ dan ir-regolament, jiġifieri l-kontroll tar-riskji għas-saħħa pubblika u tal-annimali, imsemmi fil-premessa 11 tal-imsemmi regolament.

78.

L-interpretazzjoni li nipproponi hija kkorroborata mill-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1069/2009.

4. Fuq l-obbligu tal-operaturi li jiżguraw li tinżamm il-klassifikazzjoni inizjali f’kull mument (Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1069/2009)

79.

L-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1069/2009 jimponi b’mod ċar l-obbligu għall-operaturi kollha ( 35 ) li jiżguraw li l-prodotti sekondarji tal-annimali jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dan ir-regolament “waqt l-istadji kollha ta’ ġbir, transport, immaniġġar, trattament, trasformazzjoni, ipproċessar, ħażna, tqegħid fis-suq, distribuzzjoni, użu u rimi” ta’ dawn il-prodotti sekondarji tal-annimali.

80.

Il-klassifikazzjoni ta’ prodott sekondarju tal-annimali f’kategorija minnhom tapplika, fil-prinċipju, għall-operazzjonijiet kollha li għalihom ikun suġġett il-prodott sekondarju, mill-ġbir tiegħu sal-użu jew rimi tiegħu. Fil-fatt, kif diġà indikajt fil-punt 99 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda P. F. Kamstra Recycling et ( 36 ), ir-Regolament Nru 1069/2009 ma jipprevedix klassifikazzjoni differenti skont l-operazzjonijiet li għalihom il-materjal ikkonċernat huwa suġġett. Għaldaqstant, il-klassifikazzjoni ma tinbidilx sempliċement minħabba li l-prodotti sekondarji tal-annimali kkonċernati jinsabu fl-istadju tal-ġbir, tat-trasport jew ikunu intiżi li jintremew jew li jiġu rkuprati. Min-naħa l-oħra, il-klassifikazzjoni ma hijiex immutabbli jekk il-fattur ta’ riskju għas-saħħa pubblika jew tal-annimali jiżdied wara ċertu tibdil.

81.

Nenfasizza f’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, kif indikajt ukoll f’dak il-punt 99, li l‑uniku kriterju rilevanti għall-klassifikazzjoni tal-prodotti sekondarji tal-annimali huwa l-grad ta’ riskju. Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-premessa 29 u mill-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1069/2009 ( 37 ).

82.

Jirriżulta għaldaqstant mill-kuntest li fih jinsab l-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament, għal dak li jikkonċerna l-klassifikazzjoni tal-materjal, li l-operatur għandu jiżgura li, mill-ġbir tal-prodotti sekondarji tal-annimali fil-biċċerija sad-destinazzjoni finali tagħhom, bħalma huwa l-irkuprar jew ir-rimi tagħhom, l-imsemmija klassifikazzjoni tinżamm ( 38 ). Dan l-obbligu għandu jinftiehem fis-sens li ż-żamma tal-klassifikazzjoni f’kategorija tiddependi miż-żamma tal-livell ta’ riskju li huwa assoċjat magħha.

83.

Fit-tieni lok, din il-konklużjoni hija tali li tissalvagwardja l-effett utli tal-Artikolu 7(1), u tal-Artikoli 8 sa 10 tar-Regolament Nru 1069/2009 li jistabbilixxu l-listi tal-materjal għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ dawn tal-aħħar, moqrija fid-dawl tal-għan li għandu jintlaħaq minn dan ir-regolament.

84.

Fil-fatt, l-imsemmi regolament huwa intiż, minn naħa, li jistabbilixxi qafas koerenti u komplet tar-regoli sanitarji u, min-naħa l-oħra, sabiex dawn ir-regoli jkunu proporzjonati għar-riskji sanitarji li tippreżenta l-manipulazzjoni ta’ dawn il-prodotti sekondarji minn operaturi fl-istadji differenti tal-katina. Dawn il-kunsiderazzjonijiet li joħorġu biċ-ċar mil-premessi 5 u 6 tal-istess regolament jenfasizzaw, fil-fehma tiegħi, li l-grad ta’ riskju huwa rilevanti f’kull ħin.

85.

Min-naħa l-oħra, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li r-Regolament Nru 1069/2009 jimponi fuq l-operaturi sensiela ta’ obbligi b’rabta ma’ dak previst fl-Artikolu 4(2) tiegħu. Fil-fatt, dawn għandhom, fost l-oħrajn, jiżguraw li l-fabbriki jew l-istabbilimenti taħt il-kontroll tagħhom josservaw regoli ġenerali ta’ iġjene stretta sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ kontaminazzjoni ( 39 ). Bl-istess mod, kemm l-Istati Membri, permezz ta’ kontrolli uffiċjali ( 40 ), kif ukoll l-operaturi nnifishom, bl-applikazzjoni ta’ awtokontrolli fl-istabbilimenti tagħhom ( 41 ), huma marbutin b’obbligu ta’ sorveljanza matul il-katina kollha tal-operazzjonijiet.

86.

Dawn id-dispożizzjonijiet ta’ natura preventiva jispjegaw, fil-parti l-kbira tagħhom, għaliex tibdil bħalma huwa dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu jkun ta’ natura eċċezzjonali. Barra minn hekk, fil-każ fejn iseħħ tali tibdil, l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1069/2009 għandu jkollu rwol ewlieni biex iwassal għal riklassifikazzjoni. Fil-fatt, filwaqt li nfakkar li l-leġiżlatur ma pprevediex formalment ir-riklassifikazzjoni tal-materjal ( 42 ), xi tkun ir-raison d’être ta’ din id-dispożizzjoni jekk ma setgħetx tittieħed inkunsiderazzjoni meta l-operaturi jaffaċċjaw tali tibdil li jimplika n-nuqqas ta’ osservanza tal-loġika tal-klassifikazzjoni stabbilita mil-leġiżlatur?

87.

Fit-tielet lok, filwaqt li ma kienx hemm dispożizzjoni simili fir-Regolament Nru 1774/2002 ( 43 ) li ppreċeda r-regolament attwali, il-leġiżlatur, fil-proposta tiegħu għal Regolament Nru 1069/2009, sabiex jiżviluppa metodu bbażat iktar fuq ir-riskji, xtaq isaħħaħ ir-responsabbiltà prinċipali tal-operaturi fir-rigward tar-rekwiżiti li dan ir-regolament jipprevedi fil-qasam tal-iġjene tal-prodotti tal-ikel u tal-għalf ( 44 ).

88.

Konsegwentement, il-klassifikazzjoni inizjali ta’ materjal f’kategorija speċifika għandha dejjem tkun ikkontrollata u, jekk ikun hemm bżonn, aġġustata għar-riskju sanitarju li dawn il-materjali jistgħu jinvolvu minħabba, b’mod partikolari, kemm il-preżenza ta’ korpi barranin, kif ukoll dekompożizzjoni jew deterjorament, jew tat-tnejn li huma.

89.

Il-kunsiderazzjonijiet invokati minn Toropet u riprodotti mill-qorti tar-rinviju, dwar l-użu finali tal-prodotti sekondarji tal-annimali bħala materjal tal-kategorija 3, ma jxejnux tali konklużjoni.

5. Fuq in-nuqqas ta’ rilevanza tal-użu tal-materjal għall-finijiet tal‑klassifikazzjoni (Artikolu 14(d) tar-Regolament Nru 1069/2009)

90.

Il-qorti tar-rinviju ssemmi, kemm għal materjal imħallat b’korpi barranin kif ukoll għal materjal li kien suġġett għal dekompożizzjoni jew għal deterjorament, l-argument li skontu l-benefiċċju tal-klassifikazzjoni inizjali tal-materjal fil-kategorija 3 ikun jista’ jinżamm fid-dawl tad-destinazzjoni finali tiegħu fil-kategorija 3 (irkuprar jew rimi) b’mod partikolari għal skopijiet differenti minn dawk tal-produzzjoni ta’ għalf ( 45 ). Għaldaqstant, ir-restrizzjoni dwar l-assenza ta’ dekompożizzjoni jew ta’ deterjorament prevista fl-Artikolu 14(d) tar-Regolament Nru 1069/2009 hija imposta biss fil-kuntest tal-użu tal-materjal.

91.

Nammetti li tali interpretazzjoni, prima facie, ma hijiex totalment infondata. Madankollu, l-istess bħall-Kummissjoni, jidhirli li din l-interpretazzjoni tmur kontra kemm l-għan kif ukoll l-istruttura tar-Regolament Nru 1069/2009.

92.

Fil-fatt, din ir-restrizzjoni prevista fl-Artikolu 14(d) tar-Regolament Nru 1069/2009 ma tfissirx li materjal bħalma huwa dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu jinżamm fil-kategorija 3. F’dan ir-rigward, l-Artikoli 12, 13 u 14 ta’ dan ir-regolament ma jitkellmux dwar ir-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfatti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-materjal f’kategoriji ( 46 ), li huma esklużivament iddefiniti fl-Artikoli 8 sa 10 tal-imsemmi regolament.

93.

Barra minn hekk, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-użu finali tal-materjal iwassal biex jiżdied rekwiżit supplimentari għall-klassifikazzjoni tiegħu li la huwa previst u lanqas imfittex mil-leġiżlatur ( 47 ). L-użu finali ta’ prodott sekondarju tal-annimali jiddependi fuq il-klassifikazzjoni tiegħu u mhux bil-kontra.

94.

Għaldaqstant, ir-restrizzjoni miżjuda fl-Artikolu 14(d) tar-Regolament Nru 1069/2009, li skontha l-materjal tal-kategorija 3 ma għandux jinbidel b’dekompożizzjoni jew b’deterjorament, jekk dan ikun intiż li jiġi pproċessat u użat, b’mod partikolari għall-produzzjoni ta’ għalf, tfakkar biss fin-neċessità li dan il-materjal ma jippreżentax riskju mhux aċċettabbli għas-saħħa pubblika u tal-annimali.

95.

Konsegwentement, l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1069/2009 ma jippreġudikax il-loġika inerenti għall-klassifikazzjoni stabbilita mil-leġiżlatur fl-Artikoli 7 sa 10 ta’ dan ir-regolament u esposta matul dawn il-konklużjonijiet.

V. Konklużjoni

96.

Fid-dawl tal-analiżi preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Verwaltungsgericht Gera (il-Qorti Amministrattiva ta’ Gera, il-Ġermanja) bil-mod kif ġej:

L-Artikoli 7(1), 9(h), u 10(a) u (f) tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1069/2009, għandhom jiġu interpretati fis-sens li prodotti sekondarji tal‑annimali inizjalment ikklassifikati bħala materjal tal-kategorija 3, fis-sens tal‑Artikolu 10(a) u (f) ta’ dan tal-aħħar, mibdula b’dekompożizzjoni jew b’deterjorament, bħalma huma l-moffa jew it-taħsir, jew imħallta ma’ korpi barranin, bħalma huma l-biċċiet tal-kisi tal-ħitan jew is-serratura tal-injam, b’mod li l-imsemmi materjal ma jibqax xieraq għall-konsum mill-bniedem u/jew ma jkunx nieqes minn kull riskju għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimal, ma jissodisfawx il-livell ta’ riskju assoċjat ma’ din il-klassifikazzjoni u għandhom, għaldaqstant, jiġu rriklassifikati f’kategorija inferjuri.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali) (ĠU 2009, L 300, p. 1).

( 3 ) Il-kategoriji inferjuri huma l-kategoriji 1 u 2, li jinkludu l-materjal imsejjaħ ta’ riskju għoli u huma suġġetti għal rekwiżiti iktar stretti. Jirriżulta mid-deċiżjoni ta’ rinviju li l-materjal inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jinkludix materjal tal-kategorija 1, dak li jippreżenta l-ogħla riskji, b’mod li r-riklassifikazzjoni saret għall-kategorija 2.

( 4 ) Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 tal-25 ta’ Frar 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 u li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi skont dik id-Direttiva (ĠU 2011, L 54, p. 1”).

( 5 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 463, rettifika fil-ĠU 2014, L 327, p. 9, u fil-ĠU 2016, L 227, p. 5).

( 6 ) Toropet tikkontesta l-kompetenza tal-Landkreis Greiz għar-rimi tal-materjal inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Jeħtieġ li jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li d-domandi preliminari jirrigwardaw biss ir-riklassifikazzjoni tal-materjal inkwistjoni u mhux ir-rimi tiegħu minn din l-awtorità, kif jinsab previst fid-dritt Ġermaniż.

( 7 ) Toropet tiċċita, f’dan ir-rigward, il-materjal tal-kategorija 3 imsemmi fl-Artikolu 10(h) (li jinkludi b’mod partikolari d-demm, il-plaċenta, is-suf u r-rix) u fl-Artikolu 10(p), (li jinkludi l-iskart mill-catering u l-fdalijiet tal-ikel), tar-Regolament Nru 1069/2009, li, skontha, jista’ jippreżenta riskji għas-saħħa u li l-klassifikazzjoni tiegħu tinżamm xorta waħda fil-kategorija 3.

( 8 ) B’mod komplementari, nosserva li, barra mit-tibdil inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tindika li parti mill-materjal tal-kategorija 3 ikkontrollat kienet tinkludi materjal tal-kategorija 2 fis-sens tal-Artikolu 9(a) tar-Regolament Nru 1069/2009. Dan it-tip ta’ taħlit (materjal tal-kategorija 2 u tal-kategorija 3) jaqa’ espressament taħt is-sistema assoċjata mal-kategorija l-iktar stretta, jiġifieri l-kategorija 2 skont l-Artikolu 9(g) ta’ dan ir-regolament.

( 9 ) Sentenza tat-3 ta’ Settembru 2020 (C‑21/19 sa C‑23/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza Kamstra Recycling, EU:C:2020:636).

( 10 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart (ĠU 2006, L 190, p. 1, rettifika fil-ĠU 2013, L 334, p. 46).

( 11 ) Ara s-sentenza Kamstra Recycling, punti 52, 53 u 55.

( 12 ) Skont l-informazzjoni pprovduta mil-Landkreis Greiz lill-qorti tar-rinviju, dawn il-korpi barranin huma kkostitwiti minn residwi ta’ kisi jew tal-ħitan, komponenti ta’ frak tal-plastik u residwi tal-injam. Jirriżulta mit-tweġiba ta’ Toropet għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja li ċerti korpi barranin kienu, barra milli residwi ta’ kisi, serratura tal-injam u għadam tal-annimali li kienu diġà integrati mal-materjal mill-bidu.

( 13 ) L-unika eċċezzjoni identifikata tikkonċerna t-taħlit ta’ prodotti sekondarji tal-annimali mal-iskart perikoluż jew ikkontaminat minn tali skart (ara s-sentenza Kamstra Recycling, punt 50).

( 14 ) L‑Anness IV tar-Regolament Nru 142/2011 japplika għall-fabbriki ta’ pproċessar ta’ materjal tal-kategorija 3, li r-riklassifikazzjoni tiegħu tibqa’, fil-prinċipju, intatta wara t-tneħħija tal-korpi barranin bħala huma ċ-ċrieki tal-imnieħer u t-tikketti tal-widnejn. Għaldaqstant, f’dan il-każ, ma tqumx il-kwistjoni tal-obbligu ta’ riklassifikazzjoni.

( 15 ) Ċertament, din il-kwistjoni kienet is-suġġett ta’ dibattitu waqt is-seduta għat-trattazzjoni fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, madankollu, peress li d-domanda prinċipali kienet tirrigwarda l-interazzjoni bejn ir-Regolament Nru 1069/2009 u r-Regolament Nru 1013/2006, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja indikat fil-punt 44 tas-sentenza Kamstra Recycling, li “għall-finijiet […] tal-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1069/2009, il-fatt li l-materjal ikkonċernat jagħmel parti mill-Kategorija 1, mill-Kategorija 2 jew mill-Kategorija 3 huwa irrilevanti”.

( 16 ) Din il-klassifikazzjoni f’kategoriji tifforma parti mill-obbligi li għandhom l-operaturi li jiġbru u jidentifikaw il-prodotti sekondarji tal-annimali “b’kondizzjonijiet li jilqgħu minn qabel kontra riskji għas-saħħa tal-pubbliku u dik tal-annimali” skont l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 1069/2009.

( 17 ) Ara wkoll l-aħħar sentenza tal-punt 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 18 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Mejju 2019, ReFood (C‑634/17, EU:C:2019:443, punt 50) li tindika l-materjali tal-kategorija 3 bħala li huwa “inqas perikoluż”.

( 19 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 3 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Inżid li l-premessi 8 u 29 tar-Regolament Nru 1069/2009 jirreferu għall-klassifikazzjoni skont il-“grad ta’ riskju”.

( 20 ) Ara, f’dan is-sens, l-aħħar sentenza tal-premessa 38 tar-Regolament Nru 1069/2009. A contrario, dan ifisser, fil-fehma tiegħi, li l-użi speċifikament previsti għall-kategorija ta’ riskju baxx, jiġifieri l-kategorija 3, bħalma huma dawk imniżżla fl-Artikolu 14(d) tar-Regolament Nru 1069/2009, ma jistgħux ikunu applikabbli għall-kategoriji ta’ riskju għoli, jiġifieri l-kategoriji 1 u 2.

( 21 ) Ara, pereżempju, il-konverżjoni tal-prodotti sekondarji tal-annimali f’kompost jew f’bijogass li huwa użu possibbli kemm għall-materjal tal-kategorija 2 u għall-materjal tal-kategorija 3. Madankollu, ir-regoli għal dan l-użu fil-kategorija 2 huma iktar restrittivi milli għall-kategorija 3 inkwantu l-materjal irid ikun ġie sterilizzat taħt pressa qabel ma jiġi ttrasformat fil-kuntest ta’ dan l-użu.

( 22 ) Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 1069/2009 jipprovdi li l-listi tal-materjal tal-kategoriji 1, 2 u 3 jistgħu jinbidlu wara evalwazzjoni tar-riskji fid-dawl tal-progress tax-xjenza.

( 23 ) Nenfasizza li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-prodotti sekondarji tal-annimali kkonċernati ġewx fil-fatt affettwati mill-preżenza ta’ moffa, ta’ taħsir u ta’ korpi barranin bħalma huma l-biċċiet tal-kisi tal-ħitan jew is-serratura tal-injam.

( 24 ) Nenfasizza li l-preżenza ta’ moffa ma twassalx neċessarjament għal tali tibdil; trid tkun moffa li tinvolvi riskju “mhux aċċettabbli” għas-saħħa pubblika u tal-annimali li jien ser nelabora fil-punt 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 25 ) Ir-rekwiżiti marbutin mal-livell ta’ riskju jistgħu jkunu differenti fi ħdan l-istess kategorija. Ser insemmi l-modalitajiet ta’ evalwazzjoni tar-riskju u r-rekwiżiti marbutin mal-materjal tal-kategorija 3, b’mod partikolari dawk imsemmija f’dan l-Artikolu 10(a) u (f) tar-Regolament Nru 1069/2009, li huma s-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali fis-subtaqsima 3 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 26 ) Ara, f’dan is-sens, il-Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji ta’ l-annimali mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem, ippreżentata fl-10 ta’ Ġunju 2008 (KUMM (2008) 345 finali, iktar ’il quddiem il-“Proposta għal Regolament Nru 1069/2009”, punt 6(ii) tal-espożizzjoni tal-motivi).

( 27 ) Fuq dan il-punt, jidhirli li huwa utli li nindika li l-punt 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet jikkwalifika l-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt 97, b’mod partikolari fl-aħħar sentenza, tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda P. F. Kamstra Recycling et (C‑21/19 sa C‑23/19, EU:C:2020:226), fis-sens li meta t-tibdil tal-prodotti sekondarji kkonċernati jżid il-livell ta’ riskju tagħhom, il-kategorija 2, jew anki l-kategorija 1, għandhom japplikaw. Għaldaqstant, kull taħlit ta’ prodotti sekondarji tal-annimali tal-kategorija 3 ma’ skart mhux perikoluż ma għandux, fil-fehma tiegħi u b’kuntrast ma’ dak li l-Kummissjoni tidher li tissuġġerixxi, jiġi kklassifikat awtomatikament fil-kategorija 2. Jeħtieġ dejjem li jiġi analizzat il-livell ta’ riskju li joħloq it-taħlit mal-iskart mhux perikoluż. Jidhirli li r-Regolament Nru 1069/2009 ma jipprekludix li ċertu taħlit li jirriżulta, pereżempju, minn prodotti mhux mibjugħa mis-supermarkits għal raġunijiet li ma humiex sanitarji li jkun fihom prodotti sekondarji tal-annimali tal-kategorija 3 bħalma huma kontenituri tal-laħam jew jogurts imħallta ma’ frott jew ħaxix jistgħu jibqgħu kklassifikati fil-kategorija 3, jekk huma ma jinvolvux riskju għas-saħħa pubblika u tal-annimali.

( 28 ) Ara l-punt 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 29 ) Is-sittax‑il subkategorija msemmija fl-Artikolu 10(a) sa (p) tar-Regolament Nru 1069/2009 isemmu, b’mod partikolari, l-annimali “xierqa għall-konsum mill-bniedem”, prodotti jew prodotti sekondarji li ma juru “ebda sinjal ta’ mard li jittieħed” jew “ma jippreżentawx riskju għall-bnedmin jew l-annimali”.

( 30 ) Permezz ta’ deroga, l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1069/2009 jipprevedi l-użu ta’ materjal tal-kategorija 2 għall-għalf ta’ ċerti annimali, taħt kundizzjonijiet li jiggarantixxu l-kontroll tar-riskji għas-saħħa pubblika u tal-annimali.

( 31 ) F’dan ir-rigward, l-argument ta’ Toropet imsemmi fil-punt 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet huwa irrilevanti. Fil-fatt, konformement mad-definizzjoni ta’ “prodotti sekondarji mill-annimali” stabbilita fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1069/2009, il-prodotti sekondarji kollha tal-annimali huma finalment mhux iddestinati għall-konsum mill-bniedem. Min-naħa l-oħra, il-kriterju “xieraq għall-konsum mill-bniedem” huwa rilevanti għall-klassifikazzjoni tal-prodotti sekondarji tal-annimali fil-kategorija 3 u li jaqgħu taħt l-Artikolu 10(a) ta’ dan ir-regolament.

( 32 ) B’kuntrast ma’ dak li jipprovdi l-Artikolu 10(a) tar-Regolament Nru 1069/2009, dawn il-prodotti sekondarji kienu inizjalment iddestinati għall-konsum mill-bniedem. Dawn huma, b’mod partikolari, prodotti tal-ikel qodma, jiġifieri prodotti li ġejjin mill-annimali xierqa għall-konsum mill-bniedem iżda li ġew irtirati mid-distribuzzjoni minħabba li ma setgħux ikollhom użu kummerċjali (pereżempju, minħabba data ta’ skadenza għall-konsum meqjusa qasira wisq, minħabba difett fl-ittikkettjar jew fl-imballaġġ, jew ukoll minħabba preżentazzjoni ħażina).

( 33 ) F’dan ir-rigward, nippreċiża li l-livell ta’ riskju li jippreżenta ċertu materjal għas-saħħa pubblika jew tal-annimali u li huwa kkunsidrat bħala mhux aċċettabbli, kif indikat fl-Artikolu 14(d) tar-Regolament Nru 1069/2009 jista’ jkun is-suġġett ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 15(1)(k) ta’ dan ir-regolament.

( 34 ) Barra minn hekk, jekk materjal li finalment huwa identiku fir-rigward tar-riskju li jippreżenta, iżda vverifikat f’mumenti differenti fil-katina tal-prodotti sekondarji tal-annimali, seta’ jiġi kklassifikat b’mod differenti u jkun suġġett għal sistema iktar favorevoli jew iktar stretta, dan joħloq, de facto, inugwaljanza fit-trattament bejn l-operaturi ekonomiċi tas-settur tal-prodotti sekondarji tal-annimali.

( 35 ) Ir-Regolament Nru 1069/2009 jiddefinixxi “operatur”, fl-Artikolu 3(11) tiegħu, bħala “il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li għandhom taħt il-kontroll attwali tagħhom prodott sekondarju li ġej mill-annimali jew prodott derivat, inklużi t-trasportaturi, l-kummerċjanti u l-utenti”.

( 36 ) C‑21/19 sa C‑23/19, EU:C:2020:226.

( 37 ) Ara wkoll il-punti 50 u 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 38 ) Dan ikun ifisser, fil-prinċipju, li l-ħajja ta’ prodott sekondarju tal-annimali li tibda minn klassifikazzjoni fil-kategorija 3 għandha, jekk ikunu osservati r-rekwiżiti kollha tar-Regolament Nru 1069/2009, b’mod partikolari dawk dwar ir-riskju, tispiċċa f’din il-kategorija.

( 39 ) L-operaturi, għal dan il-għan, għandhom jimplimentaw arranġamenti xierqa għat-tindif u għad-diżinfettar tal-kontejners u tal-vetturi tagħhom u jżommu l-apparat tagħhom f’kundizzjoni tajba (ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 25(1)(d) u (e) tar-Regolament Nru 1069/2009).

( 40 ) Ara l-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 1069/2009 kif ukoll l-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 142/2001.

( 41 ) Ara l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1069/2009.

( 42 ) Ara l-punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 43 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Ottubru 2002 li jippreskrivi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji ta’ l-annimali mhux maħsuba għall-konsum uman (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 37, p. 92, rettifika fil-ĠU 2007, L 30, p. 3).

( 44 ) Ara l-Proposta għal Regolament Nru 1069/2009, punt 6(ii), tal-espożizzjoni tal-motivi.

( 45 ) Ara l-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 46 ) Kif fakkart fil-punti 54 u 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Artikoli 12, 13 u 14 jikkuntentaw ruħhom biex jistabbilixxu l-listi tal-użi possibbli għall-materjali tal-kategoriji 1 sa 3 rispettivament imsemmija fl-Artikoli 8, 9 u 10 tar-Regolament, imma dejjem skont il-grad ta’ riskju li l-kategoriji differenti jinvolvu.

( 47 ) Fil-fatt, dan iwassal għal sitwazzjonijiet kuntrarji fejn il-materjal immuffat jew li huwa mħallat ma’ korpi barranin ikollu jiġi rriklassifikat fil-kategorija 2 peress li huwa ddestinat għall-għalf tal-annimali, imma jinżamm fil-kategorija 3 peress li jista’ jintuża għal skopijiet oħra.