KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fit-23 ta’ Frar 2021 ( 1 )

Kawża C‑800/19

Mittelbayerischer Verlag KG

vs

SM

(talba għal deċiżjoni preliminari mis-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja, il-Polonja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali – Ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ delitt jew kważi-delitt – Ċentru tal-interessi ta’ persuna fiżika li titlob protezzjoni tad-drittijiet tal-personalità tagħha – Pubblikazzjoni fuq l-internet – Post tal-avveniment li jagħti lok għad‑dannu”

I. Introduzzjoni

1.

Ċittadin Pollakk (iktar ’il quddiem ir-“rikorrent”), li kien inżamm bħala priġunier f’Auschwitz, ressaq talba taħt id-dritt ċivili kontra gazzetta Ġermaniża quddiem il-qrati Pollakki minħabba li kienet użat l-espressjoni “kamp ta’ konċentrament Pollakk” f’artiklu li deher fuq l-internet sabiex tirreferi għal kamp ta’ konċentrament Nazista mibni fuq it-territorju (li dak iż-żmien kien) okkupat tal-Polonja matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Għalkemm dan l-artiklu kien fuq l-internet għal ftit sigħat biss qabel ġie kkorreġut, ir-rikorrent isostni li l-pubblikazzjoni fuq l-internet kienet ippreġudikat l-identità nazzjonali u d-dinjità tiegħu.

2.

Il-qrati Pollakki għandhom ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex jisimgħu talba ta’ dan it-tip? Fil-kawża prinċipali, ir-rikorrent ma huwiex qiegħed jitlob biss kumpens monetarju, iżda wkoll rimedji oħra: ordni ġudizzjarja li tipprojbixxi lill-pubblikatur milli juża l-espressjoni “kamp ta’ konċentrament Pollakk” fil-futur u l-pubblikazzjoni ta’ apoloġija.

3.

Din il-kawża għalhekk tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tispeċifika, għal darba oħra ( 2 ), il-kriterji għall-evalwazzjoni ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali fir-rigward ta’ talbiet li jallegaw ksur tad-drittijiet tal-personalità mwettaq permezz ta’ pubblikazzjoni fuq l-internet. Madankollu, din il-kawża tagħmel dan f’kuntest pjuttost partikolari: il-persuna li qiegħda tallega ksur tad-drittijiet tal-personalità ma ssemmietx fil-pubblikazzjoni inkwistjoni. Minkejja dan, jidherli skont ġurisprudenza nazzjonali attwali, id-drittijiet tal-personalità ta’ ċittadini Pollakki jinkludu l-protezzjoni tal-identità nazzjonali tagħhom, tad-dinjità nazzjonali tagħhom, kif ukoll l-osservanza tal-verità dwar l-istorja tan-nazzjon Pollakk. Barra minn hekk, f’każijiet bħal dak fil-kawża prinċipali, jidher li d-drittijiet tal-personalità ta’ superstiti Pollakki ta’ kampijiet ta’ konċentrament Nazisti huma meqjusa bħala li huma affettwati minn dikjarazzjonijiet bħal dawn.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

4.

Il-premessi 15 u 16 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 ( 3 ) jindikaw li:

“(15)

Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom ikunu prevedibbli ħafna u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut. Il-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq il-bażi ta’ din ir-raġuni ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tat-tilwima jew ta’ awtonomija tal-partijiet ikunu jeħtieġu fattur ta’ konnessjoni differenti […]

(16)

Barra d-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm raġunijiet alternattivi ta’ ġurisdizzjoni bbażati fuq konnessjoni mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. L-eżistenza ta’ konnessjoni mill-qrib għandha tiżgura ċ-ċertezza legali u tevita l-possibbiltà li l-konvenut jiġi mħarrek f’qorti ta’ Stat Membru li dan il-konvenut ma setax raġonevolment jipprevedi. Dan hu importanti b’mod partikolari fir-rigward ta’ tilwim li jirriżulta minn obbligi mhux kuntrattwali li jirriżultaw minn ksur tal-privatezza u tad-drittijiet relatati mal-personalità, inkluża l-malafama.”

5.

L-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 jgħid li: “Soġġetti għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

6.

L-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li: “Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jitressqu quddiem il-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla fit-Taqsimiet 2 sa 7 ta’ dan il-Kapitolu.”

7.

L-Artikolu 7, li jaqa’ taħt it-Taqsima 2 intitolata “Ġurisdizzjoni Speċjali” tal-Kapitolu II tal-istess regolament, jistabbilixxi li:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor:

[…]

(2)

fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq jew jista’ jitwettaq”.

B.   Id-dritt nazzjonali

8.

Kif spjega l-Gvern Pollakk fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, l-Artikoli 23 u 24 tal-Kodiċi Ċivili Pollakk jipproteġu firxa wiesgħa ta’ drittijiet tal-personalità. L-Artikolu 23 jinkludi lista mhux eżawrjenti tad-dimensjonijiet ta’ drittijiet tal-personalità li jistgħu jiġu protetti taħt din id-dispożizzjoni. Dawn id-dispożizzjonijiet ma jsemmux b’mod espliċitu l-identità nazzjonali, id-dinjità nazzjonali, jew id-dritt għall-osservanza tal-verità dwar l-istorja tan-nazzjon Pollakk. Madankollu, il-Gvern Pollakk iċċita diversi eżempji mill-ġurisprudenza nazzjonali li jikkonfermaw li dawn it-tliet dimensjonijiet issa huma stabbiliti fil-portata tad-drittijiet tal-personalità previsti fl-Artikolu 23 tal-Kodiċi Ċivili Pollakk, kif interpretat mill-qrati Pollakki ( 4 ).

9.

Skont il-Gvern Pollakk, dawn id-drittijiet jistgħu jiġu miksura permezz ta’ attakki individwali u permezz ta’ dikjarazzjonijiet li jikkonċernaw grupp ikbar ta’ persuni, inkluż in-nazzjon b’mod ġenerali. Sabiex iressaq talba bbażata fuq tali dikjarazzjoni, ir-rikorrent għandu juri li huwa kien affettwat individwalment mid-dikjarazzjoni inkwistjoni. Tali impatt fuq individwi ġie kkonfermat, b’mod partikolari, f’każ ta’ eks priġunieri ta’ kampijiet ta’ konċentrament Nazisti, li huma f’pożizzjoni li jinvokaw ksur tad-drittijiet tal-personalità fir-rigward ta’ deskrizzjonijiet ta’ dawn il-kampijiet bl-użu ta’ dan l-aġġettiv “Pollakk”. Skont il-ġurisprudenza nazzjonali, tali aġġettiv iqiegħed il-ħtija għall-eżistenza stess tal-kampijiet ta’ konċentrament fuq grupp ta’ persuni li kienu huma stess priġunieri ta’ tali kampijiet, u b’hekk jissuġġerixxi li l-vittmi kienu fil-fatt l-awturi.

10.

Għaldaqstant, kif ikkonfermat essenzjalment il-qorti tar-rinviju fl-espożizzjoni tagħha tar-raġunijiet tagħha li titlob deċiżjoni preliminari ( 5 ), skont il-ġurisprudenza nazzjonali, id-drittijiet tal-personalità ta’ ċittadini Pollakki jinkludu l-protezzjoni tal-identità nazzjonali, tad-dinjità nazzjonali, u d-dritt għall-osservanza tal-verità dwar l-istorja tan-nazzjon Pollakk. F’dan ir-rigward, huwa ikkunsidrat li d-drittijiet ta’ superstiti Pollakki ta’ kampijiet ta’ konċentrament Nazisti nkisru minn dikjarazzjonijiet mhux korretti dwar il-kampijiet ta’ konċentrament Nazisti. Bħala tali, dawn l-individwi jitqiesu li huma intitolati jressqu azzjoni taħt id-dritt nazzjonali f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali.

III. Il-fatti, il-kawża prinċipali u d-domandi magħmula

11.

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali huwa ċittadin Pollakk li jgħix f’Varsavja (il-Polonja). Huwa kien priġunier f’Auschwitz matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Fil-preżent huwa involut f’attivitajiet maħsuba biex iżommu ħajja l-memorja tal-vittmi tar-reati mwettqa mill-Ġermanja Nazista kontra ċittadini Pollakki matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Dawn l-attivitajiet jinkludu, inter alia, il-parteċipazzjoni f’laqgħat għal skop edukattiv.

12.

Il-konvenuta fil-kawża prinċipali, Mittelbayerischer Verlag KG, hija persuna ġuridika stabbilita f’Regensburg (il-Ġermanja). Hija tippubblika fuq l-internet ġurnal reġjonali bil-Ġermaniż fuq is-sit tal-internet www.mittelbayerische.de, li huwa ovvjament aċċessibbli minn pajjiżi oħrajn, inkluża l-Polonja.

13.

Fil-15 ta’ April 2017, artiklu bit-titlu “Ein Kämpfer und sein zweites Leben” (“Ġellied u t-Tieni Ħajja Tiegħu”) kien ippubblikat fuq dan is-sit tal-internet. Dan l-artiklu jiddeskrivi d-destin ta’ Israel Offman, superstiti Lhudi tal-Olokawst li twieled f’Częstochowa (il-Polonja). Huwa kien miżmum fil-ħabs fil-kampijiet ta’ Bliżyn, Auschwitz u Birkenau, Sachsenhausen u Dachau, u kien sfurzat jaħdem f’Leonberg u Plattling. Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, huwa eventwalment stabbilixxa ruħu b’mod permanenti fil-Ġermanja. L-artiklu jibda bi storja dwar kif, fl-1961, wara t-twelid tat-tielet wild ta’ I. Offman, tifla, reġistratur f’Niederbayern (il-Ġermanja) irrifjuta li jirreġistra l-isem li l-ġenituri kienu għażlu għal binthom – Faya. Ir-reġistratur iddikjara li dan l-isem kien jinstema’ barrani wisq u ma setax jiġi ppronunzjat bil-Ġermaniż. L-artiklu jispjega li l-ġenituri riedu jsemmu lil binthom Faya għaliex dak kien l-isem ta’ oħt I. Offman, li, kif iddikjarat fit-test oriġinali tal-artiklu, “kienet inqatlet fil-kamp ta’ konċentrament Pollakk ta’ Treblinka”.

14.

Bħalma tinnota l-qorti tar-rinviju, huwa fatt storiku li l-kamp fi Treblinka kien kamp ta’ konċentrament tal-Ġermanja Nazista mibni fit-territorju tal-Polonja okkupata matul it-Tieni Gwerra Dinjija.

15.

Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li l-frażi oriġinali “kamp ta’ konċentrament Pollakk ta’ Treblinka” baqgħet fuq is-sit internet għal ftit sigħat biss, apparentement mill-5.00 tal-15 ta’ April 2017, meta l-artiklu sħiħ kien ippubblikat fuq l-internet, sa madwar is-13.40 tal-istess ġurnata, meta, wara intervent permezz ta’ ittra elettronika mill-Konsulat Pollakk f’München (il-Ġermanja), il-frażi inkwistjoni kienet issostitwita b’din li ġejja: “kienet maqtula min-Nazisti fil-kamp ta’ konċentrament tal-Ġermanja Nazista ta’ Treblinka fil-Polonja okkupata”. Nota ta’qiegħ il-paġna marbuta mal-artiklu tispjega fil-qosor li l-frażi “kamp ta’ konċentrament Pollakk ta’ Treblinka” kienet intużat oriġinarjament fit-test imma kienet sussegwentement ġiet ikkorreġuta.

16.

Fis-27 ta’ Novembru 2017, ir-rikorrent ressaq kawża ċivili quddiem is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja). Flimkien mal-kawża tiegħu, huwa ppreżenta riproduzzjoni stampata tal-verżjoni kkorreġuta tal-pubblikazzjoni inkwistjoni. Huwa ma speċifikax iċ-ċirkustanzi li fihom sar jaf bil-pubblikazzjoni. Ir-rikorrent talab li d-drittijiet tiegħu tal-personalità, b’mod partikolari l-identità nazzjonali u d-dinjità nazzjonali tiegħu, ikunu protetti billi:

il-konvenuta tkun ipprojbita milli xxerred bi kwalunkwe mod it-termini “kamp ta’ konċentrament Pollakk” bil-Ġermaniż jew bi kwalunkwe lingwa oħra fir-rigward ta’ kampijiet ta’ konċentrament Ġermaniżi li kienu jinsabu fit-territorju tal-Polonja okkupata matul it-Tieni Gwerra Dinjija;

il-konvenuta tkun ordnata tippubblika fuq is-sit tal-internet tagħha dikjarazzjoni bil-kontenut speċifikat fir-rikors, b’apoloġija lir-rikorrent għall-ksur tad-drittijiet tal-personalità tiegħu kkawżat mill-pubblikazzjoni fuq l-internet inkwistjoni, li tat wieħed x’jifhem li l-kamp ta’ konċentrament fi Treblinka kien mibni u mmexxi minn ċittadini Pollakki;

il-konvenuta tkun ordnata tħallas l-ammont ta’ 50000 zloty Pollakk (PLN) lill-Polski Związek Byłych Więźniów Politycznych Hitlerowskich Więzień i Obozów Koncentracyjnych (l-Assoċjazzjoni Pollakka ta’ eks Priġunieri Politiċi fil-Ħabsijiet u l-Kampijiet ta’ Konċentrament tan-Nazisti).

17.

Sabiex jiġġustifika l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Pollakki, ir-rikorrent qagħad fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja eDate ( 6 ). Il-konvenuta ressqet talba għaċ-ċaħda tal-kawża fuq il-bażi li l-qrati Pollakki ma għandhomx ġurisdizzjoni. Hija enfasizzat li, b’differenza mis-sitwazzjoni fil-kawża eDate, l-artiklu fuq l-internet li kien jifforma l-bażi tal-kawża ma kienx jikkonċerna lir-rikorrent direttament. Il-konvenuta ġibdet ukoll l-attenzjoni għall-profil reġjonali u l-firxa tal-qarrejja tagħha, billi r-rappurtaġġ tagħha jkopri l-Oberpfalz (id-Distrett ta’ Oberpfalz, Bayern, il-Ġermanja) u jiffoka primarjament fuq aħbarijiet reġjonali. Bħala eżempju, l-intestatura “Il-Ġermanja u d-Dinja” qiegħda biss fir-raba’ post fuq il-menù tal-paġna tas-sit. Il-konvenuta rrimarkat ukoll li s-sit tal-internet jeżisti biss bil-Ġermaniż.

18.

B’ordni tal-5 ta’ April 2019, is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja) ċaħdet it-talba tal-konvenuta għaċ-ċaħda tal-kawża. Il-qorti qieset li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 kienu ssodisfatti. Hija rrimarkat li bejn il-15 ta’ April 2017 u d-29 ta’ Novembru 2018, mill-Polonja kienu saru iktar minn 32000 żjara lis-sit internet tal-konvenuta. F’termini tal-għadd ta’ viżitaturi tas-sit internet, il-Polonja kklassifikat fl‑14‑il post minn fost 25 pajjiż ta’ oriġini. Għaldaqstant, il-konvenuta setgħet ipprevediet li l-pubblikazzjoni setgħet tilħaq qarrejja f’pajjiżi oħra, inkluża l-Polonja. Hija setgħet ipprevediet ukoll li l-pubblikazzjoni fuq l-internet ta’ artiklu li jinkludi l-frażi “kampijiet ta’ konċentrament Pollakki” setgħet tiġi nnotata minn qarrejja Pollakki. Fid-dawl tal-fatt li l-pubblikazzjoni kienet disponibbli fuq l-internet fil-Polonja u meta jitqies il-kontenut tagħha, il-Polonja setgħet titqies bħala l-post fejn seta’ jkun hemm ksur tad-drittijiet tal-personalità.

19.

Fil-25 ta’ April 2019, il-konvenuta ppreżentat appell mid-deċiżjoni tal-ewwel istanza quddiem il-qorti tar-rinviju, is-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja, il-Polonja). Il-konvenuta argumentat li l-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 kien applikat b’mod inkorrett u sostniet li ma kienx raġonevolment possibbli li jkun previst li kienu ser jinbdew proċeduri quddiem qorti fil-Polonja. Il-konvenuta sostniet li, jekk il-kontenut ta’ artiklu jkun jikkonċerna persuna li ma hijiex ir-rikorrent jew ma jkun jikkonċerna ebda persuna partikolari, il-konvenut ma jkunx jista’ oġġettivament jipprevedi quddiem liema qorti jista’ jiġi mħarrek. Il-konvenuta rrimarkat li l-kontenut tal-artiklu inkwistjoni huwa tant imbiegħed mill-Polonja li dan oġġettivament jeskludi kwalunkwe prevedibbiltà raġonevoli ta’ proċeduri quddiem qorti fil-Polonja.

20.

Permezz ta’ digriet proċedurali, is-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja) talbet lill-konsulent legali tar-rikorrent biex jiddeskrivi b’mod iktar preċiż iċ-ċirkustanzi fattwali tat-talba. Ir-rikorrent intalab ukoll jiddikjara jekk kellux profiċjenza fil-lingwa Ġermaniża, meta (qabel jew wara l-korrezzjoni tal-frażi inkwistjoni) u kif (jekk hux direttament fuq l-internet jew permezz ta’ terzi) sar jaf bil-pubblikazzjoni. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tiddikjara li dawn il-mistoqsijiet baqgħu ma ngħatawx tweġiba.

21.

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk ir-rekwiżit ta’ prevedibbiltà raġonevoli, stabbilit fil-premessi 15 u 16 tar-Regolament Nru 1215/2012, ikoprix sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali. Dik il-qorti tammetti li wieħed jistenna li l-espressjoni “kamp ta’ konċentrament Pollakk” probabbilment tinstiga reazzjoni negattiva fil-Polonja. Din l-espressjoni tista’ toħloq f’xi qarrejja l-impressjoni falza li l-kampijiet ta’ konċentrament kienu nbnew minn ċittadini Pollakki u li huma kienu responsabbli għar-reati li twettqu fihom, u b’hekk tikkawża offiża lil dawk iċ-ċittadini Pollakki li kienu huma stess priġunieri fil-kampijiet ta’ konċentrament jew li l-qraba tagħhom inqatlu min-Nazisti li kienu jokkupaw il-pajjiż matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tiddubita wkoll jekk iċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża preżenti jistgħux iwasslu għall-konklużjoni li l-konvenuta setgħet raġonevolment ipprevediet illi, b’rabta mal-artiklu inkwistjoni, setgħet titressaq kontriha azzjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-personalità quddiem qorti Pollakka minkejja li r-rikorrent ma kienx imsemmi, la direttament u lanqas indirettament, fit-test tal-artiklu.

22.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 7(2) tar-[Regolament Nru 1215/2012] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ġurisdizzjoni bbażata fuq il-kriterju ta’ konnessjoni taċ-ċentru tal-interessi tapplika fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat minn persuna fiżika għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-personalità tagħha meta l-pubblikazzjoni fuq l-internet, li allegatament tikser dawn id-drittijiet, ma tinkludix informazzjoni li tirreferi direttament jew indirettament għal din il-persuna fiżika partikolari, iżda tinkludi informazzjoni jew dikjarazzjonijiet li tissuġerixxi li l-komunità li huwa parti minnha r-rikorrent (f’dan il-każ, in-nazzjon [Pollakk]) wettqet atti sanzjonabbli, fatt li huwa jikkunsidra li jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tal-personalità tiegħu?

2)

F’kawża li tikkonċerna l-protezzjoni tad-drittijiet materjali u mhux materjali tal-personalità kontra l-ksur imwettaq fuq l-internet, waqt l-evalwazzjoni tal-kapijiet ta’ ġurisdizzjoni previsti fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament [Nru 1215/2012], jiġifieri sabiex jiġi evalwat jekk il-qorti nazzjonali hijiex il-qorti tal-post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq jew jista’ jitwettaq, huwa neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni fatti bħalma huma:

il-pubbliku li lilu huwa prinċipalment indirizzat is-sit internet li jinkludi dan il-ksur,

il-lingwa li biha s-sit jew il-pubblikazzjoni kkontestata hija miktuba,

il-perijodu li matulu l-informazzjoni kontenzjuża kienet aċċessibbli għall-pubbliku fuq l-internet,

iċ-ċirkustanzi partikolari tar-rikorrenti, bħad-destin tiegħu matul il-gwerra u l-attivitajiet soċjali attwali tiegħu, invokati f’dan il-każ sabiex jiġġustifika d-dritt partikolari tiegħu sabiex jikkontesta b’mod ġudizzjarju d-disseminazzjoni ta’ akkużi kontra l-komunità li minnha huwa parti r-rikorrent?”

23.

Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mir-rikorrent, mill-konvenuta, mill-Gvern Pollakk kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

IV. Analiżi

24.

Dawn il-konklużjonijiet huma strutturati kif ġej. Ser nibda billi nfakkar fl-istat attwali tad-dritt (u tal-ġurisprudenza) dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali għad-danni allegatament ikkawżati lid-drittijiet tal-personalità ta’ individwu taħt il-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 (A). Ser inkompli mbagħad billi nindirizza l-karatteristiċi partikolari ta’ din il-kawża (B). Wara dan ser nispjega għaliex il-kwistjoni ta’ jekk persuna ssemmietx ftit li xejn tista’ tkun kriterju konklużiv sabiex jiġi ddeterminat jekk dannu setax seħħ f’ġurisdizzjoni partikolari (C). Ser ngħaddi mbagħad għall-kwistjoni tal-prevedibbiltà tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni (D). Fl-aħħar nett, ser nikkonkludi billi nissuġġerixxi li, għalkemm id-dritt tal-Unjoni, fl-istat attwali tiegħu, huwa pjuttost akkomodanti f’termini ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali fil-każijiet fejn ir-reputazzjoni ta’ individwu ssirilha ħsara fuq l-internet, xorta waħda hemm xi limiti għas-sustanza ta’ tali talbiet li qorti hija obbligata tosserva (E).

A.   Iż-żewġ tipi ta’ ġurisdizzjoni bbażati fuq il-post fejn seħħ l-avveniment dannuż taħt il-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 fir-rigward ta’ ksur fuq l-internet tad-drittijiet tal-personalità

25.

Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dak li issa huwa l-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 dejjem enfasizzat il-ħtieġa li tinżamm id-disponibbiltà tal-ġurisdizzjoni internazzjonali għat-talbiet għad-danni tal-allegata vittma. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat din id-dispożizzjoni b’mod kostanti bħala li tirreferi kemm għall-post tal-avveniment li jagħti lok għad-dannu u kemm għall-post fejn seħħ id-dannu ( 7 ).

26.

Fir-rigward ta’ ksur tad-drittijiet tal-personalità, il-parti li tirreferi għall-“post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq” gradwalment wasslet għall-istabbiliment ta’ żewġ kapijiet ta’ ġurisdizzjoni.

27.

Fis-sentenza Shevill, fir-rigward ta’ pubblikazzjonijiet stampati, il-Qorti tal-Ġustizzja assoċjat dan il-post ma’ kwalunkwe Stat Membru “li fih il-pubblikazzjoni [allegatament dannuża] kienet iddistribwita u li fih il-vittma jsostni li ġarrab ħsara lir-reputazzjoni tiegħu”, filwaqt li l-qrati ta’ dan l-Istat Membru għandhom ġurisdizzjoni “biss fir-rigward tal-ħsara kkawżata fl-Istat tal-qorti adita” ( 8 ).

28.

Bħala konsegwenza, tnissel l-hekk imsejjaħ “approċċ mużajk” ( 9 ). Dan l-approċċ huwa bbażat fuq il-kunsiderazzjoni li pubblikazzjoni allegatament inġurjuża tipproduċi “l-effetti dannużi tagħha fuq il-vittma” fil-postijiet kollha “fejn il-pubblikazzjoni tiġi ddistribwita, meta l-vittma jkun magħruf f’dawn il-postijiet” u li, għaldaqstant, il-qrati f’dawn l-Istati Membri “jinsabu, minn perspettiva territorjali, fl-aħjar pożizzjoni sabiex jevalwaw il-libell imwettaq f’dan l-Istat u sabiex jiddeterminaw il-portata tad-dannu korrispondenti” ( 10 ).

29.

Fis-sentenza eDate, il-Qorti tal-Ġustizzja ttrasponiet is-sentenza Shevill għall-internet. Fil-fatt, fis-sentenza eDate, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet “[i]d-diffikultajiet ta’ implementazzjoni, fil-kuntest tal-internet, tal-imsemmi kriterju tal-materjalizzazzjoni tad-dannu li joħroġ mis-sentenza Shevill” u l-“gravità tal-ħsara li jista’ jsofri proprjetarju ta’ dritt tal-personalità li jikkonstata li kontenut li jikser tali dritt huwa disponibbli f’kull punt tad-dinja” ( 11 ). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tadatta l-interpretazzjoni tagħha tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 “fis-sens li l-vittma ta’ ksur ta’ dritt tal-personalità mwettaq permezz tal-internet tista’ tadixxi, skont il-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu kkawżat fl-Unjoni Ewropea mill-imsemmi ksur, forum fir-rigward ta’ dan id-dannu kollu kemm hu” ( 12 ).

30.

Dan huwa kif tnissel il-kap ta’ ġurisdizzjoni magħruf bħala l-kap “taċ-ċentru tal-interessi”. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “l-qo[r]ti li tinsab fl-aħjar pożizzjoni biex tevalwa l-impatt li kontenut imqiegħed online kellu fuq id-drittijiet tal-personalità ta’ persuna hija l-qorti tal-post fejn l-allegata vittma għandha ċ-ċentru tal-interessi tagħha” ( 13 ).

31.

Madankollu, u b’mod pjuttost importanti, iċ-ċentru tal-interessi fis-sentenza eDate ma ħax post il-mużajk tas-sentenza Shevill fir-rigward ta’ pubblikazzjonijiet fuq l-internet. Huwa ġie miżjud miegħu, bħala alternattiva. B’hekk, il-vittma ta’ allegat ksur fuq l-internet tad-drittijiet tal-personalità jista’ jagħżel bejn li jressaq il-każ quddiem (i) il-qorti ta’ Stat Membru fejn huwa bbażat iċ-ċentru tal-interessi tiegħu fir-rigward tad-dannu kollu kkawżat, jew (ii) il-qrati ta’ Stat Membru wieħed jew iktar għall-parti tad-dannu li ġie kkawżat hemmhekk ( 14 ).

32.

Fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Bolagsupplysningen ( 15 ), jiena ppruvajt nikkonvinċi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tali approċċ ma huwiex xieraq. Minbarra l-problemi prattiċi sinjifikattivi maħluqa mill-estensjoni tal-approċċ mużajk għall-pubblikazzjonijiet fuq l-internet, din l-għażla ma tista’ tiġi ġġustifikata minn ebda wieħed mill-argumenti fuq livell ta’ prinċipju mressqa favur tagħha. B’mod partikolari, hija ftit li xejn ittejjeb is-sitwazzjoni ta’ xi waħda miż-żewġ partijiet – ħlief f’sitwazzjonijiet ta’ fastidju – iżda pjuttost tnaqqas b’mod drastiku, jekk mhux ukoll teskludi kompletament, il-possibbiltajiet għall-konvenut li jipprevedi fejn ser jiġi mfittex.

33.

Fis-sentenza Bolagsupplysningen tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li żżomm dan l-approċċ duwalistiku ( 16 ). Fl-istess ħin, iżda, il-Qorti tal-Ġustizzja kkjarifikat li l-qrati tal-Istat Membru li fih jinsab iċ-ċentru ta’ interessi tar-rikorrent biss jistgħu jisimgħu talbiet għar-rettifika jew tneħħija tal-kontenut allegatament dannuż fuq l-internet. Fil-fatt, bħala “talba […] waħda u indiviżibbli”, tali talba tista’ titressaq biss “quddiem qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-integralità ta’ talba” ( 17 ).

34.

Għaldaqstant, jidher li, skont is-sentenza Bolagsupplysningen, qrati b’ġurisdizzjoni (“limitata” mużajk) jistgħu jagħtu biss rimedji “diviżibbli”, filwaqt li qrati b’ġurisdizzjoni (“iċ-ċentru tal-interessi” sħiħa) jistgħu jagħtu kemm rimedji “diviżibbli” u kemm “indiviżibbli” ( 18 ).

35.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ma stabbilixxietx b’mod speċifiku liema tipi ta’ rimedji jaqgħu taħt liema kategorija. Madankollu, ikolli nassumi li rimedji “diviżibbli” essenzjalment ifissru kumpens monetarju (u potenzjalment rimedji oħra li kapaċi jinqasmu skont linji ġurisdizzjonali), filwaqt li rimedji “indiviżibbli” huma dawk ir-rimedji kollha li jistgħu realistikament jingħataw u jiġu eżegwiti darba biss, għaliex ladarba jiġu eżegwiti jkollhom impatt kullimkien (rettifika jew tneħħija tal-informazzjoni).

36.

Fl-aħħar nett, il-ġurisprudenza sal-lum il-ġurnata kienet fil-fatt vaga dwar il-kundizzjonijiet eżatti li għandhom jiġu sodisfatti sabiex il-ġurisdizzjoni bbażata fuq mużajk u l-ġurisdizzjoni bbażata fuq iċ-ċentru tal-interessi tiġi stabbilita. Minn naħa, fir-rigward tal-ġurisdizzjoni bbażata fuq mużajk, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ssemmi żewġ rekwiżiti: il-kontenut li jkun is-suġġett tal-ilment għandu jkun imqiegħed b’mod li jkun disponibbli fl-Istat Membru inkwistjoni id-drittijiet tal-personalità tar-rikorrent għandhom ikunu ġew potenzjalment miksura f’dak l-Istat Membru. ( 19 ). Min-naħa l-oħra, huwa ċar li l-ġurisdizzjoni bbażata fuq iċ-ċentru tal-interessi teħtieġ iktar minn dan. Madankollu, forsi minħabba l-fatt li din il-ġurisdizzjoni ġiet introdotta u kkonfermata f’kawżi fejn il-fattur ta’ konnessjoni ta’ qrubija partikolari bejn it-tilwima u l-qrati tal-post fejn seħħ id-dannu ( 20 ) effettivament wassal sabiex “iċ-ċentru tal-interessi tal-vittma” jkun jinsab fid-domiċilju tal-vittma ( 21 ), il-ġurisprudenza ma tipprovdix kriterji ddettaljati ħafna f’termini ta’ fatturi speċifiċi jew ta’ elementi oħra li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.

B.   Il-karatteristiċi partikolari ta’ din il-kawża

37.

Huwa f’dan il-kuntest legali li l-qorti tar-rinviju tistaqsi, l-ewwel, jekk jistax ikun hemm ċentru tal-interessi għal rikorrent li ma kienx identifikat b’mod individwali mill-pubblikazzjoni inkwistjoni. Nippreferi nuża din l-espressjoni minflok il-formulazzjoni użata mill-qorti tar-rinviju, li tgħid li “il-pubblikazzjoni fuq l-internet iċċitata […] ma tinkludix informazzjoni marbuta direttament jew indirettament ma’ din in-natura fiżika partikolari”. Il-kwistjoni ta’ jekk rikorrent kienx identifikat b’mod individwali f’pubblikazzjoni (i) b’ismu jew (ii) b’karatteristiċi fiżiċi jew ċirkustanzi uniċi, ( 22 ) għandha tkun evalwazzjoni fattwali relattivament oġġettiva. Il-punt sa fejn l-informazzjoni ppubblikata tirrelata ma’ persuna fiżika partikolari hija kwistjoni ta’ evalwazzjoni (pjuttost suġġettiva) li ssir fuq skala, li diġà tinkludi elementi ta’ evalwazzjoni tal-informazzjoni pprovduta, u li malajr tiskonfina f’evalwazzjoni tal-merti tal-każ, jiġifieri l-portata sa fejn dik il-persuna tkun ġiet affettwata ( 23 ).

38.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-elementi rilevanti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni meta jiġi evalwat jekk hemmx fattur ta’ konnessjoni suffiċjenti sabiex tiġi invokata ġurisdizzjoni bbażata fuq il-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012.

39.

Fid-dawl tan-natura tar-rimedji mfittxija, il-qorti tar-rinviju tistaqsi speċifikament dwar il-ġurisdizzjoni bbażata fuq iċ-ċentru tal-interessi. Ċertament, quddiem il-qorti tar-rinviju ( 24 ), ir-rikorrent qiegħed ifittex tliet rimedji distinti: kumpens monetarju u l-projbizzjoni ta’ kwalunkwe użu futur mill-konvenuta tat-terminu kkontestat, u apoloġija pubblika indirizzata lir-rikorrent. Ma huwiex speċifikat jekk il-kumpens monetarju mitlub huwiex intiż jirrappreżenta t-totalità tad-dannu allegat, jew biss id-dannu imġarrab fl-ambitu tal-ġurisdizzjoni tal-qrati Pollakki. Madankollu, u fi kwalunkwe każ, iż-żewġ rimedji l-oħra jixbhu ħafna rimedji indiviżibbli – jiġifieri dawk li jistgħu jkunu konċessi biss minn qorti li għandha ġurisdizzjoni fuq il-bażi taċ-ċentru tal-interessi tar-rikorrent ( 25 ).

40.

Madankollu, jidher b’mod ċar li, fuq il-bażi tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-parti preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, b’mod parallel mal-ġurisdizzjoni potenzjali bbażata fuq iċ-ċentru tal-interessi, il-ġurisdizzjoni bbażata fuq mużajk.

41.

Dan il-paralleliżmu għandu implikazzjonijiet pjuttost importanti. Sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx tixtieq tirrevedi b’mod radikali, fil-kuntest ta’ din il-kawża, il-ġurisprudenza tagħha dwar il-ġurisdizzjoni bbażata fuq iċ-ċentru tal-interessi, jew il-ġurisdizzjoni bbażata fuq mużajk, jew fuq kollox l-eżistenza parallela kontinwa tagħhom, kif stabbilita fis-sentenza eDate u kkonfermata reċentement fis-sentenza Bolagsupplysningen ( 26 ), jew, waqt li tkun qiegħda tagħmel hekk, forsi tagħti ħarsa iktar mill-qrib b’mod ġenerali lejn is-sentenza Bier fil-kuntest ta’ delitti fuq l-internet ( 27 ), huwa ċar li, irrispettivament minn jekk fl-aħħar mill-aħħar ikunx hemm ċentru tal-interessi għal parti li (allegatament) ġarrbet ħsara f’kawża bħal dik ineżami, dejjem ser ikun hemm il-ġurisdizzjoni bbażata fuq mużajk, li tippermetti lil kwalunkwe qorti nazzjonali tasserixxi ġurisdizzjoni fir-rigward tal-parti tar-rimedji diviżibbli (ċertament il-kumpens finanzjarju) fir-rigward tal-parti tad-dannu li jkun ġie kkawżat fit-territorju tagħha.

42.

B’hekk, il-każ preżenti juri, għal darba oħra, għaliex il-paralleliżmu li għadu għaddej taż-żewġ tipi ta’ ġurisdizzjoni joħloq problemi, tal-inqas fuq żewġ livelli. Minn naħa, isir eżerċizzju x’aktarx bla siwi, li jkunu sostnuti dibattiti intensivi rigward fejn eżattament jista’ jkun iċ-ċentru tal-interessi ta’ parti li ġarrbet ħsara, f’kuntest li fih il-ġurisdizzjoni bbażata fuq mużajk fi kwalunkwe każ ser tkun disponibbli potenzjalment f’27 Stat Membru. Min-naħa l-oħra, sa issa, iċ-ċentru tal-interessi kien fil-fatt meqjus bħala ekwivalenti għad-domiċilju tar-rikorrent. Huwa preżunt li dan huwa l-post fejn ir-reputazzjoni tar-rikorrent l-iżjed li tista’ tkun affettwata. F’dan il-kuntest, ma huwiex ċar xi spazju jibqa’ għad-diskussjoni ta’ kwalunkwe fatturi ta’ konnessjoni oġġettivi tat-tilwima mal-qorti li jkollha ġurisdizzjoni fi Stat Membru partikolari, peress li l-kunċett taċ-ċentru tal-interessi nbena madwar is-sitwazzjoni suġġettiva tal-allegata vittma ( 28 ). B’hekk, fil-prattika, ix-xogħol li jrid isir huwa biss li jiġi ddeterminat il-post tad-domiċilju tal-vittma, u dan l- forum actoris effettiv jista’ jiġi kkonfutat biss jekk dik il-vittma għandha ftit interazzjonijiet soċjali f’dak il-post.

43.

Jiena ma tantx naqbel mal-ġurisprudenza fl-istat attwali tagħha ( 29 ). Fil-fehma tiegħi l-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha xi darba tirrevedi din il-ġurisprudenza. Madankollu, ma naħsibx li huwa xieraq f’dan ir-rigward għal dan, għal raġuni pjuttost sempliċi: il-kwistjoni problematika f’din il-kawża ma tikkonċernax ġurisdizzjoni internazzjonali, iżda pjuttost is-sustanza tat-talba u tal-kontenut u n-natura tad-drittijiet tal-personalità apparentement irrikonoxxuti taħt il-liġi nazzjonali. Madankollu, il-kwistjoni ta’ min eżattament jista’ raġonevolment jallega li huwa vittma, u x’inhi l-portata tad-drittijiet (tal-personalità) li setgħu nkisru b’pubblikazzjoni fuq l-internet allegatament inġurjuża, hija primarjament kwistjoni ta’ mertu ta’ talba, stabbilita mil-liġi nazzjonali applikabbli. Ma hijiex (u f’kawżi preċedenti ma kinitx) kwistjoni ta’ ġurisdizzjoni taħt il-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 (jew ta’ dawk li ġew qablu).

44.

Għal dawn ir-raġunijiet, kont nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tittratta din il-kawża b’approċċ ristrett u minimalista. Essenzjalment, il-kawża preżenti tikkonċerna kwistjoni waħda: fir-rigward tar-rimedji indiviżibbli, jiġifieri l-projbizzjoni tal-użu ta’ ċerta dikjarazzjoni fil-futur u l-pubblikazzjoni ta’ apoloġija, l-applikabbiltà tal-kriterju taċ-ċentru tal-interessi ta’ parti li allegatament ġarrbet ħsara b’pubblikazzjoni fuq l-internet hija prekluża mill-fatt li din il-persuna ma hijiex imsemmija fil-pubblikazzjoni inkwistjoni?

C.   Li tkun jew li ma tkunx imsemmi: huwa importanti sabiex isseħħ il-ħsara taħt il-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012?

45.

Il-konvenuta u l-Kummissjoni sostnew, essenzjalment, li l-vittma ta’ allegat ksur tad-drittijiet tal-personalità għandha tkun tista’ tadixxi l-qorti taċ-ċentru tal-interessi tagħha biss jekk tkun issemmiet fil-pubblikazzjoni inkwistjoni. Dawn iż-żewġ intervenjenti ressqu għadd ta’ argumenti dwar kif għandha ssir distinzjoni bejn il-fatti fil-kawża ineżami u dawk fil-kawżi eDate u Bolagsupplysningen. Huma jwissu dwar l-espansjoni perikoluża ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali li tista’ tirriżulta jekk iċ-ċentru tal-interessi jkun disponibbli mhux biss għal individwi li jkunu identifikati b’mod ċar minn pubblikazzjoni, imma wkoll għal membri addizzjonali mhux iddefiniti ta’ gruppi nazzjonali, etniċi, reliġjużi jew gruppi oħra li ssir biss referenza indiretta għalihom f’pubblikazzjoni fuq l-internet.

46.

Fir-rigward tar-regola li ż-żewġ partijiet jipproponu lill-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula, l-approċċ propost huwa essenzjalment dan li ġej: billi r-rikorrent ma ssemmiex fil-pubblikazzjoni inkwistjoni, il-pubblikatur ma setax raġonevolment jipprevedi li r-rikorrent seta’ jkun affettwat bil-pubblikazzjoni. Għalhekk, sabiex tkun stabbilita l-ġurisdizzjoni bbażata fuq “iċ-ċentru tal-interessi”, huwa meħtieġ li r-rikorrent (potenzjali) ikun imsemmi fil-pubblikazzjoni.

47.

Naqbel maż-żewġ intervenjenti rigward l-ewwel proposta, għalkemm minn pożizzjoni differenti: livell raġonevoli ta’ prevedibbiltà għall-pubblikatur rigward fejn il-pubblikazzjoni tiegħu tista’ tikkawża dannu huwa komponent neċessarju. Għandu jkun il-limitu estern li jiddefinixxi kwalunkwe post fejn jista’ jsir dannu. Madankollu, kif ser nispjega fil-Parti (D) li jmiss, dan ma jfissirx, jew ċertament ma kienx ifisser fil-ġurisprudenza preżenti, li l-ġurisdizzjoni internazzjonali tkun limitata għal postijiet li l-pubblikatur ikun ippreveda b’mod suġġettiv. Barra minn hekk, hemm differenza bejn prevedibbiltà oġġettiva tal-ħsara li dikjarazzjoni speċifika tista’ tikkaġuna u l-prevedibbiltà tal-identità ta’ rikorrent speċifiku.

48.

Madankollu, fir-rigward tat-tieni proposta mressqa mill-konvenuta u mill-Kummissjoni, ma naqbilx li teżisti regola li skontha, sabiex ikun hemm ġurisdizzjoni bbażata fuq iċ-ċentru tal-interessi ta’ allegata vittma, din il-persuna jkun meħtieġ li tissemma fil-pubblikazzjoni inkwistjoni.

49.

Qabelxejn, huwa minnu li ġurisdizzjoni bbażata fuq iċ-ċentru tal-interessi ma hijiex disponibbli taħt u f’kull ċirkustanza. Jista’ sempliċement ma jkun hemm ebda ċentru bħal dan f’kawża partikolari. Minkejja dan huwa minnu wkoll għal sitwazzjonijiet li fihom persuni jkunu fil-fatt ġew identifikati f’pubblikazzjoni b’isimhom ( 30 ).

50.

Fir-rigward tal-bqija, ċertament naqbel li wieħed jistenna li jkun hemm korrelazzjoni naturali: jekk persuna ġiet imsemmija jew identifikata b’mod ċar individwalment f’pubblikazzjoni, ikun ġust li wieħed jassumi li l-pubblikatur kien imissu jaf jew għall-inqas ikun assuma b’mod diliġenti ( 31 ) li tali persuna x’aktarx għandha ċ-ċentru tal-interessi xi mkien ( 32 ). A contrario sensu, il-pubblikatur ta’ kontenut li ma jagħmel ebda referenza bħal din għal persuna speċifika rarament isib ruħu f’pożizzjoni bħal din. Madankollu, dan jipprekludi l-possibbiltà li dan il-pubblikatur jista’ xorta waħda jtella’ fuq l-internet kontenut li, abbażi ta’ kwalunkwe interpretazzjoni raġonevoli, probabbli ħafna li jkun interpretat li qiegħed jikkaġuna dannu f’post pjuttost ċar u prevedibbli?

51.

F’dan ir-rigward ma hemm ebda linja viżibbli fir-ramel li tista’ sservi bħala regola ċara ta’ ġurisdizzjoni. Madankollu, dan huwa pjuttost loġiku, fid-dawl tan-natura tad-delitt inkwistjoni: taħt ċirkustanzi normali, azzjoni ta’ inġurja tinħtieġ evalwazzjoni każ b’każ ta’ dikjarazzjoni meqjusa fid-dawl tal-kuntest tagħha u meqjusa f’termini tal-impatt negattiv li kellha fuq id-drittijiet protetti tal-individwu. Ċertament, f’evalwazzjoni bħal din, xi dikjarazzjonijiet ikunu remoti wisq biex jikkaġunaw xi dannu perċepibbli lir-reputazzjoni ta’ persuna. Oħrajn jafu jolqtu mill-viċin tant li jweġġgħu, anki fil-każ ta’ persuni mhux identifikata individwalment. Hawnhekk għandna skala, mhux kaxxi ssiġillati ermetikament. L-eżempji li ġejjin jistgħu jkunu ta’ għajnuna biex niċċaraw dan il-punt.

52.

L-ewwel, nimmaġinaw pubblikazzjoni fuq l-internet li jkun fiha dikjarazzjoni inġurjuża dwar il-qarib tal-persuna: ir-raġel, il-konjuġi, il-wild jew il-ġenitur. Għall-finijiet ta’ dan l-eżempju, ejjew nassumu li d-dikjarazzjoni inġurjuża tikkonċerna r-raġel tal-persuna. Għalhekk, nimmaġinaw artiklu inġurjuż ppubblikat dwar ir-raġel, fejn hu jissemma b’ismu, imma ħadd iktar ma jissemma b’ismu. Ir-raġel jiddeċiedi, għal xi raġuni, li ma jressaqx azzjoni. Minkejja dan, huwa ċar għan-nies ta’ madwaru, inkluż il-konjuġi tiegħu, li huwa sofra b’riżultat ta’ dik id-dikjarazzjoni. Jekk il-konjuġi ddeċidiet li tressaq azzjoni f’isimha għal dannu mhux materjali kkawżat lilha mill-pubblikazzjoni ta’ dak l-artikolu, sakemm il-liġi nazzjonali tippermetti li tali persuna jkollha locus standi, din il-persuna ma setgħetx tinvoka ċ-ċentru tal-interessi tagħha stess?

53.

It-tieni, xi ngħidu dwar rimarki inġurjużi magħmula dwar grupp ta’ nies, li għalkemm mhux imsemmija, jistgħu, b’xi sforz, jiġu identifikati (għalkemm il-pubblikatur jista’ ma jkunx fil-pożizzjoni li jkun jafhom kollha)?It-tieni, xi ngħidu għal kummenti inġurjużi indirizzati lejn grupp ta’ persuni, li ma jissemmewx individwalment b’isimhom, imma li bi ftit sforz jistgħu jiġu identifikati (għalkemm il-pubblikatur jista’ ma jkunx f’pożizzjoni li jkun jafhom kollha)? Ħu, per eżempju, grupp ta’ nies li huma marbuta b’mod professjonali jew kulturali (impjegati ta’ ċerta kumpannija, membri ta’ soċjetà jew ta’ klabb) jew ġeografikament (l-abitanti ta’ post jew belt partikolari). Immaġina dikjarazzjoni inġurjuża magħmula f’pubblikazzjoni fuq l-internet dwar grupp ta’ nies bħal dan.

54.

It-tielet, saħansitra iktar ‘il quddiem fuq l-iskala (kontinwa) huma tabilħaqq membri ta’ kwalunkwe komunità ikbar, marbuta flimkien mill-karatteristiċi komuni tagħhom, kemm jekk ikunu nazzjonali, etniċi, razza, ġeneru, orjentazzjoni sesswali u l-bqija. Xi ngħidu għall-membri ta’ komunità bħal din li jikkunsidraw lilhom infushom milquta minn ċerti dikjarazzjonijiet magħmula fuq l-internet? Peress li ma humiex identifikati individwalment minn isimhom, dan jipprekludi pubblikazzjonijiet fuq l-internet milli jkunu interpretati bħala li qegħdin jikkaġunawlhom ħsara? Dan ifisser li dawn il-persuni ma jistgħux, mid-definizzjoni tagħhom stess, jinvokaw iċ-ċentru tal-interessi tagħhom?

55.

Hemm żewġ fatturi varjabbli li huma komuni għal dawn ix-xenarji kollha. L-ewwel, ma hemm ebda kategorija jew limitu ddefiniti sew. Minflok, hemm sempliċement sekwenza kontinwa u fluwida ta’ “gradi ta’ identifikazzjoni” possibbli, li jridu jkunu evalwati fid-dawl ta’ varjetà fattwali infinita ta’ każijiet, fir-rigward ta’ dikjarazzjoni partikolari evalwata fil-kuntest tagħha fir-rigward ta’ rikorrent partikolari. It-tieni, il-kwistjoni ta’ jekk, fi kwalunkwe wieħed minn dawn il-każijiet, l-individwu jkollux locus standi biex iressaq azzjoni, jew jekk dan l-individwu saħansitra jkollux l-istatus ta’ “vittma”, u fir-rigward ta’ liema drittijiet (tal-personalità), hija materja tad-dritt nazzjonali applikabbli.

56.

Diversità bħal din li tiddependi mill-każ ma tistax tkun effettivament issostitwita minn regola li tirrigwarda ġurisdizzjoni internazzjonali li tiddikjara li jekk persuna ma ssemmietx b’isimha f’pubblikazzjoni fuq l-internet, jew għall-inqas ma kinitx suffiċjentement individwalment identifikata ( 33 ), il-ġurisdizzjoni normalment ibbażata fuq evalwazzjoni preliminari dwar jekk saritx xi ħsara jew hemmx probabbiltà li ssir ħsara jew le lil din il-persuna f’din il-ġurisdizzjoni, ma tibqax per se disponibbli. Dan kien ikun jirrappreżenta strument li ma huwiex preċiż biżżejjed u mhux adattat għal għadd ta’ każijiet. Kriterju wieħed (xi persuna issemmiet b’isimha) ikun qiegħed jintuża bħala sostitut xejn affidabbli għal evalwazzjoni differenti ħafna (xi pubblikazzjoni partikolari kkawżat ħsara fi ħdan ġurisdizzjoni speċifika).

57.

Għalhekk, ma nemminx li jkun rakkomandabbli li l-Qorti tal-Ġustizzja tħaddan regola ġurisdizzjonali bħal dik proposta mill-konvenuta u mill-Kummissjoni. Iktar milli tipprova tagħmel distinzjoni ċara bejn każijiet li fihom parti tkun identifikata individwalment u każijiet li fihom ma tkunx issemmiet, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha minflok tfakkar fil-ħtieġa ta’ prevedibbiltà oġġettiva tal-qorti u tal-ġurisdizzjoni, flimkien ma’ kriterji potenzjali li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni f’evalwazzjoni bħal din, kwistjoni li ser nittratta issa.

D.   Il-konklużjoni: prevedibbiltà raġonevoli u oġġettiva ta’ kwalunkwe dannu kkawżat

58.

Il-kwistjoni prinċipali taħt l-aspett tal-prevedibbiltà hija x’inhuwa eżattament dak li għandu jkun prevedibbli? Il-post fejn seħħ jew jista’ jseħħ id-dannu (it-tieni punt tas-sentenza Bier b’mod ġenerali) jew sempliċement il-post fejn vittma konkreta jkollha ċ-ċentru tal-interessi tagħha (fi kliem ieħor, aspett sekondarju żgħir ta’ din il-kwistjoni globali ta’ ħsara)?

59.

Ir-rikorrent u l-Kummissjoni ġustament jindikaw li l-prevedibbiltà tal-ġurisdizzjoni hija rekwiżit ġenerali tar-Regolament Nru 1215/2012. Fil-fatt, din hija stabbilita fil-premessi 15 u 16, li jeħtieġu li kwalunkwe devjazzjoni mill-prinċipju li l-ġurisdizzjoni tkun ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut ( 34 ), jiġifieri kwalunkwe kapijiet alternattivi ta’ ġurisdizzjoni, għandhom ikunu “bbażati fuq konnessjoni mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. L-eżistenza ta’ konnessjoni mill-qrib għandha tiżgura ċ-ċertezza legali u tevita l-possibbiltà li l-konvenut jiġi mħarrek f’qorti ta’ Stat Membru li dan il-konvenut ma setax raġonevolment jipprevedi. Dan hu importanti b’mod partikolari fir-rigward ta’ tilwim li jirriżulta minn obbligi mhux kuntrattwali li jirriżultaw minn ksur tal-privatezza u tad-drittijiet relatati mal-personalità, inkluża l-malafama”.

60.

Madankollu, huwa meħtieġ fil ta’ raġunament pjuttost twil sabiex ngħaddu minn din il-proposta għal dik li qiegħda tkun issuġġerita fil-kawża preżenti: (i) il-konvenuta ma setgħetx tipprevedi l-ġurisdizzjoni tal-qrati Pollakki minħabba li l-pubblikazzjoni inkwistjoni ma semmietx lir-rikorrent b’ismu; għalhekk (ii) il-konvenuta ma seta’ kellha ebda idea rigward l-identità tiegħu; b’hekk (iii) il-konvenuta ma kinitx f’pożizzjoni li tkun taf id-domiċilju tiegħu; u (iv) konsegwentement il-konvenuta ma setgħetx tipprevedi raġonevolment fejn seta’ kien qiegħed iċ-ċentru tal-interessi tar-rikorrent.

61.

Naqbel li tali fil ta’ raġunament jista’ verament jiġi stabbilit jekk wieħed jillimita l-kwistjoni tal-prevedibbiltà tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni għall-kwistjoni tal-identità u tad-domiċilju tar-rikorrent biss. Madankollu, din ma hijiex il-“prevedibbiltà” li jidhru li qegħdin jirreferu għaliha l-premessi kkwotati. Din il-prevedibbiltà kienet intiża li tkun żgurata b’konnessjoni mill-qrib bejn l-azzjoni u l-qorti, jiġifieri konnessjoni oġġettiva bejn l-azzjoni u l-qorti li għandha ġurisdizzjoni fl-interess tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

62.

Inħoss li għandi naqbel li, sa fejn jirrigwarda li jkun iddeterminat is-sit taċ-ċentru tal-interessi, jidher li l-prevedibbiltà oġġettiva ta’ dak li forsi l-aħjar jissejjaħ “iċ-ċentru tal-gravità” ta’ tilwima, ġiet limitata għad-determinazzjoni tal-post tad-domiċilju tal-vittma ( 35 ). Madankollu, ma naħsibx li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkompli ssegwi din il-linja, billi toħloq regoli addizzjonali li jkomplu jiddevjaw minn dak li evalwazzjoni effettiva suppost għandha tkun. Fi kliem sempliċi, il-prevedibbiltà raġonevoli taċ-ċentru tal-gravità ta’ tilwima ma għandhiex tkun effettivament issostitwita mill-konoxxenza tal-pubblikatur dwar il-post tad-domiċilju tal-vittma. Mill-ġdid, filwaqt li naqbel kompletament mal-ħtieġa li r-regoli rigward il-ġurisdizzjoni jkunu prevedibbli, ma nemminx li limitazzjoni bħal din tinkoraġġixxi t-tip ta’ prevedibbiltà intiża mir-Regolament Nru 1215/2012.

63.

L-ewwel, l-evalwazzjoni ta’ kwalunkwe drittijiet tal-personalità tinvolvi tal-inqas żewġ kunsiderazzjonijiet: mhux biss is-sitwazzjoni fattwali jew soċjali tal-parti li ġarrbet ħsara u l-ħsara kkawżata lil dik il-parti (għalhekk in-naħa tal-vittma) imma wkoll, u fuq kollox, in-natura, il-kontenut, u l-portata ta’ dikjarazzjoni partikolari mqiegħda fil-kuntest proprju tagħha (in-naħa tad-dikjarazzjoni u l-portata u l-impatt tagħha). Huwa fil-punt fejn jiltaqgħu dawn iż-żewġ kunsiderazzjonijiet li għandha tkun evalwata l-prevedibbiltà ta’ ġurisdizzjoni, u mhux sempliċement fir-rigward tal-prevedibbiltà jew saħansitra tal-konoxxenza tad-domiċilju tal-vittma.

64.

F’din id-dimensjoni, ma nistax ma naqbilx għal darba oħra ( 36 ) mal-pożizzjoni tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón, li ċertament enfasizza l-importanza tal-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali f’kuntest bħal dan ( 37 ). Madankollu kien maħsub li t-tip ta’ prevedibbiltà kellha tkun żgurata billi jkun identifikat iċ-ċentru tal-gravità (oġġettiv) tat-tilwima, u mhux biss iċ-ċentru tal-interessi (suġġettiv) tal-vittma. Il-ferm abbli Avukat Ġenerali għalhekk ippropona li t-test ta’ “ċentru tal-gravità” bħal dan kellu jkun kompost minn żewġ elementi kumulattivi, wieħed iffokat fuq ir-rikorrent u l-ieħor fuq in-natura tal-informazzjoni kkontestata ( 38 ). Il-qrati ta’ Stat Membru jkollhom ġurisdizzjoni biss jekk dan ikun il-post taċ-ċentru tal-interessi tar-rikorrent u jekk “l-informazzjoni kkontestata [kienet] espressa b’mod tali li tippermetti li jiġi previst raġonevolment li dik l-informazzjoni hija oġġettivament rilevanti [f’dan l-Istat Membru]” ( 39 ).

65.

Huwa tabilħaqq minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja tidher li sa issa ffokat esklużivament fuq l-ewwel wieħed miż-żewġ fatturi (is-sitwazzjoni tar-rikorrent), filwaqt li baqgħet għalkollox siekta fuq it-tieni wieħed (in-natura u l-kontenut tal-materjal li allegatament jikkawża ħsara). Dan is-skiet, madankollu, ma għandux neċessarjament ikun interpretat bħala ċaħda espliċita tar-rilevanza tat-tieni kriterju. Huwa importanti li wieħed iżomm f’moħħu li r-rikorrenti fil-kawżi eDate u Bolagsupplysningen issemmew fil-pubblikazzjonijiet inkwistjoni. Jista’ jkun għalhekk li wieħed sempliċement assuma li l-informazzjoni kienet oġġettivament rilevanti fil-post tad-domiċilju tar-rikorrenti, u ma kienx meħtieġ li wieħed jiddiskuti fid-dettall il-kontenut u n-natura tal-materjal inkwistjoni.

66.

Fid-dawl ta’ dan, il-punt tat-tluq huwa dak tan-natura, il-kontenut, u l-portata tal-materjal inkwistjoni, evalwati b’rabta ma’ persuna speċifika, ir-rikorrent li jressaq azzjoni. Tista’ dikjarazzjoni speċifika, meqjus fil-kuntest proprju tagħha, titqies bħala li qiegħda tikkawża dannu lil dak ir-rikorrent f’post speċifiku? Il-prevedibbiltà mfittxija hija l-prevedibbiltà raġonevoli ta’ qorti speċifika li għandha ġurisdizzjoni, fir-rigward ta’ dikjarazzjoni partikolari. Ma tistax tkun ridotta għall-konoxxenza ex ante dwar l-identità ta’ dak ir-rikorrent speċifiku u d-domiċilju tiegħu.

67.

It-tieni, jekk wieħed jaċċetta li huwa primarjament id-dritt nazzjonali li għandu jiddefinixxi l-kontenut tad-drittijiet tal-personalità u ta’ kwalunkwe impatt fuqhom, u li dak huwa meħtieġ biex tkun ikkaġunata ħsara minn dikjarazzjoni ma huwiex sempliċement il-konoxxenza tal-identità tar-rikorrent, iżda prinċipalment il-kontenut u n-natura tad-dikjarazzjoni, f’dan il-każ huwa konċepibbli li dikjarazzjoni “b’determinazzjoni ġeografika” tista’ tikkaġuna (primarjament) offiża fil-post “b’determinazzjoni ġeografika” li tirreferi għalih. Kieku xi ħadd kellu jitfa’ fuq l-internet dikjarazzjoni li tallega li l-abitanti kollha tal-belt X huma ħallelin tal-karozzi jew li l-uniku xogħol li n-nisa ta’ Y huma l-aħjar fih huwa l-prostituzzjoni, kienet tkun sorpriża jekk l-abitanti tal-belt X u n-nisa ta’ Y ikollhom problema b’tali dikjarazzjonijiet ( 40 )?

68.

It-tielet, il-kwistjoni ta’ xi intenzjoni suġġettiva tal-pubblikatur fir-rigward tal-pubblikazzjoni nnifisha li qiegħda tikkawża offiża hija marbuta ma’ dan l-element. Madankollu, ma huwiex meħtieġ li s-sit tal-internet li fuqu seħħ il-ksur ikun speċifikament dirett lejn il-pubbliku fl-Istat Membru inkwistjoni. Filwaqt li intenzjoni suġġettiva bħal din hija meħtieġa pereżempju taħt l-Artikolu 17(1)(c) tar-Regolament Nru 1215/2012 ( 41 ), din kienet toħloq problemi ta’ prova kieku kellha tkun applikata lil hinn mill-qasam tal-kuntratti mal-konsumatur. Kienet tkun inkompatibbli wkoll, kif ġustament jindika l-Gvern Pollakk, mal-formulazzjoni differenti tal-punt 2 tal-Artikolu 7 u tal-Artikolu 17(1) rispettivament. Madankollu, u fi kwalunkwe każ, ftit kienet tagħmel sens fid-dawl tad-delitt inkwistjoni f’din il-kawża. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà waslet għal konklużjoni simili meta rrifjutat li tapplika kriterju simili bħala kontrobilanċ għall-ġurisdizzjoni bbażata fuq mużajk f’kawżi rigward il-ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali ( 42 ).

69.

Kont inwissi bl-istess mod kontra l-introduzzjoni, essenzjalment, ta’ “kriterju ta’ intenzjoni” għal tort fuq l-internet ( 43 ). L-intenzjoni suġġettiva tal-pubblikatur fil-mument tal-pubblikazzjoni, jekk tkun fil-fatt tista’ tiġi identifikata, tista’ tintuża biss bħala indikazzjoni. Madankollu, hija ma hijiex konklużiva. Minflok, dak li hu importanti huwa jekk, wara għażla minn sensiela ta’ “provi oġġettivi”, ikunx raġonevolment prevedibbli li l-informazzjoni ppubblikata fuq l-internet kien “jistħoqqilha tkun fl-aħbarijiet” f’territorju speċifiku, u b’hekk tinkoraġġixxi lill-qarrejja f’dak it-territorju jkollhom aċċess għaliha. Kriterji bħal dawn jistgħu ċertament jinkludu punti bħalma huma l-kontenut tal-pubblikazzjoni, id-dominju prinċipali tas-sit internet, il-lingwa tagħha, is-sezzjoni li fiha kien ippubblikat il-kontenut, il-kliem ewlieni mogħti lil muturi ta’ tfittxija, jew il-fajl li jżomm rekord tal-aċċess għas-sit internet ( 44 ).

70.

Madankollu, billi dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw għall-impatt tas-sentenza Bier, jiġifieri fejn seħħ id-dannu, hija ħaġa pjuttost loġika li jiffokaw fuq l-impatt oġġettiv u sussegwenti ta’ pubblikazzjoni speċifika min-naħa tal-pożizzjoni meħuda mill-pubbliku, pjuttost milli jikkonċernawx primarjament l-intenzjonijiet oriġinali u x’aktarx suġġettivi ta’ pubblikatur. Huwa minn din il-perspettiva, f’konformità mal-premessa 16 tar-Regolament Nru 1215/2012, li għandha tkun evalwata konnessjoni ċara oġġettiva bejn l-azzjoni u l-qorti li għandha ġurisdizzjoni, li mbagħad tiġġustifika li l-qorti tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni, bħala kontrobilanċ għall-portata ġeografika virtwalment illimitata ta’ kontenut fuq l-internet ( 45 ).

71.

Ir-raba’, filwaqt li nżommu f’moħħna din l-interpretazzjoni ta’ prevedibbiltà, jistgħu jkunu proposti xi suġġerimenti biex jgħinu lill-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-kriterji elenkati fit-tieni domanda tagħha. Ċertament, l-ewwel żewġ kriterji msemmija mill-qorti tar-rinviju huma ta’ ċerta rilevanza għal din l-evalwazzjoni: il-pubbliku fil-mira u l-lingwa tal-pubblikazzjoni. Madankollu, b’kuntrast ma’ dak li ssostni l-konvenuta, u b’konformità mal-argumenti li diġà esponejt fil-qosor iktar ’il fuq f’din is-sezzjoni, l-udjenza hija waħda oġġettiva. Fi kliem ieħor, il-pubbliku li x’aktarx ikun interessat f’informazzjoni bħal din u li x’aktarx ikollu aċċess għaliha, imma mhux il-pubbliku suġġettivament iddefinit minn xi pjanijiet ta’ negozju, it-tip u l-għadd ta’ intestaturi fuq sit tal-internet, jew il-perċezzjoni suġġettiva tal-pubblikatur.

72.

B’kuntrast, huwa diffiċli li wieħed jifhem kif iż-żewġ kriterji l-oħra msemmija mill-qorti tar-rinviju jirrigwardaw tittieħed deċiżjoni dwar il-kwistjoni ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali, iktar milli elementi relatati mal-merti ta’ tali talba. Dan huwa b’mod speċjali minnu rigward is-suġġeriment li jittieħdu inkunsiderazzjoni “il-perijodu li matulu l-informazzjoni kontenzjuża kienet aċċessibbli għall-pubbliku fuq l-internet” jew “iċ-ċirkustanzi partikolari [tar-rikorrent]”. Dawn iż-żewġ elementi huma ċertament importanti għall-evalwazzjoni tad-dannu li l-pubblikazzjoni kkawżat lir-reputazzjoni tal-parti li allegatament ġarrbet ħsara. Madankollu, ir-rwol tagħhom, jekk hemm, safejn jikkonċerna l - ġurisdizzjoni, huwa ħafna iktar limitat minħabba li l-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 jistipula biss li d-dannu li għalih ir-rikorrent ifittex rimedju jkun seħħ fejn tinsab il-qorti li għandha ġurisdizzjoni.

73.

Il-ħames u l-aħħar, hija fl-aħħar nett il-qorti tar-rinviju li effettivament għandha tevalwa dawn il-kwistjonijiet kollha. Madankollu, fuq il-livell ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali, il-kwistjoni ta’ prevedibbiltà għandha tkun ikkaratterizzata kif jixraq bħala li qiegħda tistħarreġ jekk dikjarazzjoni partikolari, minħabba n-natura, il-kuntest u l-portata tagħha, setgħetx għamlet ħsara lil rikorrent partikolari f’territorju partikolari. Hija għalhekk b’mod ċar il-prevedibbiltà tal-qorti partikolari li għandha ġurisdizzjoni. Ma għandhiex tkun ridotta għal mistoqsija dwar jekk pubblikatur partikolari kienx jaf jew setax ikun jaf id-domiċilju ta’ vittma possibbli fil-mument meta l-materjal ittella’ fuq l-internet.

74.

Evalwata f’dan id-dawl u abbażi tal-fatti mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa tassew diffiċli nissuġġerixxi li kien ikun għalkollox imprevedibbli għal pubblikatur fil-Ġermanja li jtella’ fuq l-internet l-espressjoni “il-kamp ta’ konċentrament Pollakk ta’ Treblinka”, li xi ħadd fil-Polonja ser joġġezzjona għal dikjarazzjoni bħal din. Għalhekk forsi ma kienx inkonċepibbli li “il-post fejn seħħ id-dannu” seta’, bħala riżultat ta’ din l-istqarrija, ikun illokalizzat f’dan it-territorju, b’mod speċjali minħabba li din l-istqarrija kienet ippubblikata f’lingwa li ċertament tinftiehem minn ħafna lil hinn mit-territorju nazzjonali tagħha. Fi ħdan din il-loġika, filwaqt illi fl-aħħar mill-aħħar hija il-qorti nazzjonali li trid teżamina dawn il-kwistjonijiet kollha, diffiċli wieħed jara kif ġurisdizzjoni taħt il-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 tista’ tkun manifestament eskluża.

E.   Ġurisdizzjoni (internazzjonali) u d-dritt (nazzjonali) applikabbli

75.

Kollox ma’ kollox, jista’ jkun li ma kienx għalkollox imprevedibbli illi, kieku kellha tkun ikkawżata ħsara wara l-pubblikazzjoni fuq l-internet ta’ dikjarazzjoni bħal din inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-ħsara setgħet tkun iddeterminata territorjalment mill-punt ta’ riferiment ġeografiku jew nazzjonali li jinsab f’din id-dikjarazzjoni. Fil-kuntest tal-kawża preżenti huwa pjuttost sorprendenti li, minħabba d-dikjarazzjoni inkwistjoni, in-natura tagħha, it-tul ta’ żmien u l-kuntest li fih tqiegħdet fuq l-internet, id-drittijiet ta’ personalità individwali ta’ kwalunkwe persuna setgħu raġonevolment inkisru b’din id-dikjarazzjoni, jew, fil-fatt, kienu affettwati individwalment.

76.

Madankollu, dawn huma fil-fatt kwistjonijiet tad-dritt nazzjonali applikabbli, u għadhom ma ġewx eżaminati mill-qorti tar-rinviju. Dawn jirrigwardaw il-kwistjoni ta’ jekk, f’din il-kawża, ir-rikorrent setax jallega b’suċċess li attwalment ġarrab ħsara bl-użu tal-espressjoni “il-kamp ta’ konċentrament Pollakk”. Din ma hijiex tant kwistjoni ta’ ġurisdizzjoni nazzjonali daqskemm hija kwistjoni ta’ sustanza jew ta’ impatt potenzjali fuq din is-sustanza, jekk tkun evalwata separatament jew bħala kwistjoni preliminari marbuta mal-locus standi.

77.

Ċertament, mhux dejjem faċli li tinżamm separazzjoni ċara bejn il-kwistjonijiet relatati mal-ġurisdizzjoni u dawk li għandhom x’jaqsmu mal-merti tal-azzjoni. Barra minn hekk, fil-kuntest speċifiku ta’ pubblikazzjonijiet fuq l-internet u ta’ ksur ta’ drittijiet tal-personalità, ġurisdizzjoni internazzjonali, wisq probabbilment, tiddetermina wkoll il-liġi applikabbli. B’differenza minn oqsma oħra ta’ dritt dwar id-delitti/tort, ma hemm ebda regola armonizzata dwar kunflitt ta’ liġijiet għal tilwim rigward ksur tad-drittijiet tal-personalità ( 46 ). Għalhekk, kull qorti kompetenti tapplika r-regola domestika tagħha stess dwar l-għażla tal-liġi li aktarx twassalha biex tapplika d-dritt sostantiv proprju tagħha, b’mod partikolari minħabba li l-ħsara jew il-parti rilevanti tagħha f’dak l-istadju jkunu meqjusin li seħħet fit-territorju tagħha.

78.

Dan ma jfissirx, madankollu, li “kollox jgħaddi” fil-livell tad-dritt applikabbli sa fejn jikkonċerna l-ksur potenzjali ta’ drittijiet tal-personalità b’pubblikazzjoni fuq l-internet fis-Suq Intern. Minflok konklużjoni, nixtieq insemmi żewġ punti li jistgħu potenzjalment ikunu rilevanti għall-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward.

79.

L-ewwel, jista’ jkun utli li jitfakkar li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/31/KE ( 47 )“jipprekludi, bla ħsara għad-derogi awtorizzati skont ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva, li fornitur ta’ servizz ta’ kummerċ elettroniku jiġi suġġett għal rekwiżiti iktar stretti minn dawk previsti mid-dritt sostantiv fis-seħħ fl-Istat Membru ta’ fejn huwa stabbilit l-imsemmi fornitur” ( 48 ).

80.

Fis-sentenza Papasavvas tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja kkjarifikat li l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva japplika wkoll għal djar tal-aħbarijiet, anki jekk jiġġeneraw id-dħul tagħhom permezz ta’ reklamar biss, u wkoll għal regoli nazzjonali dwar ir-responsabbiltà ċivili għal inġurja inkonnessjoni mal-attività tagħhom ( 49 ).

81.

Għall-kuntrarju tas-sottomissjonijiet tal-konvenuta, il-fatt li d-Direttiva 2000/31 tidher li hija applikabbli f’kawżi bħal din ineżami ma huwiex argument kontra l-ġurisdizzjoni tal-qrati Pollakki. Madankollu, hija tillimita b’mod ċar lil kwalunkwe qorti fl-Unjoni li tkun iddikjarat li għandha ġurisdizzjoni taħt il-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 fir-rigward ta’ fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor f’termini tal-eżitu sostanzjali ta’ tali kawża. Kwalunkwe qorti bħal din, inklużi l-qrati Pollakki, għandha għalhekk tivverifika li l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali rigward inġurja ma tissuġġettax lir-rikorrent għal rekwiżiti iktar stretti minn dawk fis-seħħ fil-post fejn il-konvenut ikun stabbilit ( 50 ) (in casu, il-Ġermanja), sakemm ebda eċċezzjoni ma tkun tapplika taħt l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31 ( 51 ).

82.

It-tieni, kwalunkwe deċiżjoni mogħtija minn qorti li għandha ġurisdizzjoni taħt il-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, jiġifieri, skont id-definizzjoni tiegħu, f’sitwazzjoni fejn il-konvenut ma jkunx iddomiċiljat f’dan it-territorju, tkun trid tiġi rrikonoxxuta fi Stat Membru ieħor, tipikament fl-Istat Membru fejn il-konvenut ikun iddomiċiljat, sabiex tkun tista’ tiġi infurzata kontra dan il-konvenut. F’każ bħal dan, konvenut ikun jista’ jargumenta li rikonoxximent bħal dan imur b’mod ċar kontra l-politika pubblika ta’ dan l-Istat Membru, taħt l-Artikolu 45(1)(a) tar-Regolament Nru 1215/2012.

83.

Fil-fehma tiegħi, f’sitwazzjoni bħal din, ikun għalkollox konċepibbli li qorti tal-Istat Membru rikjest, tirrifjuta li tirrikonoxxi deċiżjoni bħal din, għal raġuni pjuttost sempliċi. Id-dritt (u l-ġurisprudenza) nazzjonali applikabbli użati biex iwasslu għal tali deċiżjoni jitbiegħdu b’mod kunsiderevoli minn dak li jista’ jitqies bħala parti mill-mod komuni Ewropew kif jinftiehmu d-drittijiet tal-personalità.

84.

Ċertament teżisti diversità fl-Istati Membri rigward dawn il-punti. Madankollu, l-element li jikkaratterizza d-drittijiet tal-personalità huwa li dawn huma, tabilħaqq, personali: iridu jkunu evalwati individwalment, f’kuntest, fir-rigward ta’ persuna speċifika u tad-dinjità tagħha, u jwasslu għal evalwazzjoni każ b’każ ta’ tħassib u ħsara individwali. Id-dritt (u l-ġurisprudenza) nazzjonali applikabbli fil-kawża prinċipali ( 52 ) jidher li qiegħed jissostitwixxi din l-interpretazzjoni komuni b’dik li tidher li hija preżunzjoni legali, jew pjuttost finzjoni, nazzjonalistika u ġġeneralizzata: il-personalità ta’ ċittadin Pollakk hija magħmula mill-identità nazzjonali tiegħu, id-dinjità nazzjonali, jew id-dritt għar-rispett tal-verità dwar l-istorja tan-nazzjon Pollakk, filwaqt li superstiti Pollakk tal-kampijiet ta’ konċentrament Nazisti huwa affettwat b’dikjarazzjonijiet bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ( 53 ). In-nuqqasijiet passati kollettivi ta’ nazzjon jiġu ddikjarati li jammontaw għal ħsara kollettiva preżenti u futura għal nazzjon ieħor, bl-appartenenza għal nazzjon tkun milli jidher iktar importanti mill-individwu.

85.

Barra minn hekk, jista’ naturalment ikun hemm iktar riżervi li jirriżultaw mill-politika pubblika tal-Istat Membru partikolari indirizzat, bħall-bilanċ xieraq bejn il-libertà tal-espressjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-personalità, jew il-proporzjonalità fir-rigward tar-rimedji pprovduti ( 54 ).

86.

Madankollu, il-konklużjoni finali ta’ din is-sezzjoni, kif ukoll ta’ dawn il-konklużjonijiet kollha, hija li kwalunkwe riżervi għall-kontenut ta’ kwalunkwe deċiżjoni bħal din jappartjenu għall-mertu ta’ kawża bħal din, u mhux fil-fatt għall-kwistjoni ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali. Nifhem għaliex jista’ jkun interessanti, fil-kuntest tal-kawża preżenti, li tkun stabbilita regola li skontha huma l-persuni biss li jkunu ssemmew f’pubblikazzjoni fuq l-internet li qatt jistgħu jkunu kapaċi jinvokaw ġurisdizzjoni bbażata fuq iċ-ċentru tal-interessi. Madankollu, bħalma ppruvajt nispjega fis-sezzjonijiet preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, approċċ bħal dan li jidher li jipprovdi “soluzzjoni faċli” ikun qiegħed biss joħloq problemi futuri f’qasam tad-dritt li huwa diġà taħt pressjoni.

87.

B’dan premess, kif madankollu fittixt ukoll li niċċara f’din il-parti finali, fil-fatt ma hemm ebda bżonn prattiku li jinħolqu xi regoli ad hoc bħal dawn. Il-kwistjonijiet marbuta mas-sustanza problematika ta’ kwalunkwe deċiżjoni nazzjonali bħal din jistgħu validament u preċiżament ikunu indirizzati hawnhekk: fuq livell tal-mertu ta’ talba bħal din, jew mill-qorti nazzjonali li tiddeċiedi rigward it-talba oriġinali jekk dik il-qorti tkun issodisfatta li d-Direttiva 2000/31 kienet tapplika għall-kawża li għandha quddiemha, u/jew, minn qorti fi kwalunkwe Stat Membru ieħor fejn kellu jiġi mfittex ir-rikonoxximent ta’ deċiżjoni bħal din, li tiskatta l-eċċezzjoni ta’ politika pubblika prevista fl-Artikolu 45(1)(a) tar-Regolament Nru 1215/2012.

V. Konklużjoni

88.

Jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi preliminari magħmula mis-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja, il-Polonja) kif ġej:

Il-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-istabbiliment tal-ġurisdizzjoni bbażata fuq iċ-ċentru tal-interessi ma jeħtieġx li l-kontenut fuq l-internet allegatament dannuż isemmi persuna partikolari.

Madankollu, sabiex tistabbilixxi ġurisdizzjoni skont il-punt 2 tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, qorti nazzjonali għandha tivverifika li hemm konnessjoni mill-qrib bejn dik il-qorti u l-kawża inkwistjoni, sabiex b’hekk tiġi żgurata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Fil-kuntest partikolari ta’ pubblikazzjonijiet fuq l-internet, il-qorti nazzjonali għandha tiżgura li, fid-dawl tan-natura, tal-kontenut u tal-portata tal-materjal speċifiku fuq l-internet, evalwat u interpretat fil-kuntest partikolari tiegħu, ikun hemm livell raġonevoli ta’ prevedibbiltà tal-qorti li potenzjalment ikollha ġurisdizzjoni f’termini tal-post fejn seħħ id-dannu li jirriżulta minn tali materjal.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Ara s-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising et (C‑509/09 u C‑161/10, EU:C:2011:685), u tas-17 ta’ Ottubru 2017, Bolagsupplysningen u Ilsjan (C‑194/16, EU:C:2017:766).

( 3 ) Regolament (UE) tat-12 ta’ Diċembru 2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).

( 4 ) Dan il-gvern jirreferi, inter alia, għal sentenzi tas-Sąd Okręgowy w Olsztynie (il-Qorti Reġjonali, Olsztyn) tal-24 ta’ Frar 2015, Kawża Nru I C 726/13; tas-Sąd Apelacyjny w Białymstoku (il-Qorti tal-Appell, Bialystok) tat-30 ta’ Settembru 2015, Kawża Nru I ACa 403/15; tas-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja, il-Polonja) tal-31 ta’ Marzu 2016, Kawża Nru I ACa 971/15; tas-Sąd Apelacyjny w Krakowie (il-Qorti tal-Appell, Krakow, il-Polonja) tat-22 ta’ Diċembru 2016, Kawża Nru I ACa 1080/16; u tas-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali, Krakow, il-Polonja) tat-28 ta’ Diċembru 2018, Kawża Nru I C 2007/13.

( 5 ) F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju ssemmi wkoll is-sentenza tas-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja) tad-9 ta’ Settembru 2019, Kawża Nru I ACz 509/19, mogħtija f’kawża simili kontra kumpannija Ġermaniża oħra.

( 6 ) Sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising et (C‑509/09 u C‑161/10, EU:C:2011:685).

( 7 ) Bl-ewwel sentenza tkun dik tat-30 ta’ Novembru 1976, Bier (21/76, EU:C:1976:166, punt 19).

( 8 ) Sentenza tas-7 ta’ Marzu 1995, Shevill et (C‑68/93, EU:C:1995:61, punt 33).

( 9 ) Ara, fid-dettall, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Bolagsupplysningen u Ilsjan (C‑194/16, EU:C:2017:554, punt 28, b’referenzi addizzjonali).

( 10 ) Sentenza tas-7 ta’ Marzu 1995, Shevill et (C‑68/93, EU:C:1995:61, punti 28 sa 31).

( 11 ) Sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising et (C‑509/09 u C‑161/10, EU:C:2011:685, punt 47).

( 12 ) Ibid., punt 48. Enfasi miżjuda minni.

( 13 ) Ibid.

( 14 ) Ibid., punt 52.

( 15 ) Il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Bolagsupplysningen u Ilsjan (C‑194/16, EU:C:2017:554).

( 16 ) Sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2017, Bolagsupplysningen u Ilsjan (C‑194/16, EU:C:2017:766, punt 47).

( 17 ) Ibid., punt 48.

( 18 ) Naturalment flimkien mal-ġurisdizzjoni “sħiħa” fir-rigward tar-rimedji kollha li dejjem ikunu disponibbli fil-post tad-domiċilju tal-konvenut fuq il-bażi tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 – ara wkoll is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising et (C‑509/09 u C‑161/10, EU:C:2011:685, punti 42 sa 43).

( 19 ) Ara s-sentenzi tas-7 ta’ Marzu 1995, Shevill et (C‑68/93, EU:C:1995:61, punti 3033); tal-25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising et (C‑509/09 u C‑161/10, EU:C:2011:685, punt 51); u tas-17 ta’ Ottubru 2017, Bolagsupplysningen u Ilsjan (C‑194/16, EU:C:2017:766, punt 47). Ara wkoll, fil-kuntest ta’ ksur tad-drittijiet tal-awtur, is-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2015, Hejduk (C‑441/13, EU:C:2015:28, punt 34).

( 20 ) Sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2017, Bolagsupplysningen u Ilsjan (C‑194/16, EU:C:2017:766, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 21 ) Ibid., punt 33.

( 22 ) Bħala eżempju: ftit jimporta jekk pubblikazzjoni online li potenzjalment ikun fiha stqarrijiet mhux ta’ tifħir dwar persuna tirreferi għal (i) Michal Bobek jew għal (ii) dak iċ-Ċek miġnun li bħalissa qed iservi bħala Avukat Ġenerali fil-Qorti tal-Ġustizzja. Fiż-żewġ każijiet, ma hemm l-ebda dubju li l-awtur ta’ dawn il-Konklużjonijiet ikun qed jiġi identifikat ferm individwalment, anke jekk mhux (direttament) imsemmi fit-tieni xenarju.

( 23 ) Dan l-aħħar fatt huwa kkonfermat mill-ġurisprudenza nazzjonali ċċitata iktar ’il fuq (punti 8 sa 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet), li tidher li toħloq preżunzjoni legali, jew iktar finzjoni ġuridika, li ċerta tip ta’ pubblikazzjoni hija marbuta ma’ ċertu grupp ta’ persuni.

( 24 ) Ara, iktar ’il fuq, il-punt 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 25 ) B’kuntrast ma’ dawk potenzjalment aditi fuq il-bażi tal-ġurisdizzjoni bbażata fuq mużajk fir-rigward tad-dannu li jseħħ fit-territorju tagħhom (ara, iktar ’il fuq, il-punti 35 sa 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Għal darba oħra, ġurisdizzjoni “sħiħa” fir-rigward tar-rimedji kollha tkun disponibbli wkoll fil-post tad-domiċilju tal-konvenut fuq il-bażi tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1215/2012.

( 26 ) Għal ħarsa kritika lejn il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-kuntest ara, pereżempju, Hess, B., “The Protection of Privacy in the Case Law of the CJEU”, Protecting Privacy in Private International and Procedural Law and by Data Protection, Nomos, Baden‑Baden, 2015, p. 106; Reymond, M., “The ECJ eDate Decision: A Case Comment”, Yearbook of Private International Law, Vol. XIII, SELP, 2011, pp. 502‑503; Stadler, A., “Anmerkung zu EuGH, Urteil v. 17. 10. 2017 – C‑194/16 Bolagsupplysningen OÜ, Ingrid Ilsjan/Svensk Handel AB”, Juristenzeitung, Vol. 73, 2018, p. 98.

( 27 ) Ara, iktar ’il fuq, il-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Iktar reċentement, ara, pereżempju, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez‑Bordona fil-kawża Verein für Konsumenteninformation (C‑343/19, EU:C:2020:253, punti 46 sa 48). Fil-letteratura legali li tirrakkomanda t-tneħħija b’mod ġenerali tal-parti tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 dwar il-post fejn l-avveniment dannuż ikun twettaq f’każijiet dwar l-internet, ara, pereżempju, Lutzi, T., “Internet Cases in EU Private International Law – Developing a Coherent Approach”, International & Comparative Law Quarterly, Vol. 66, 2017, pp. 710 sa 712.

( 28 ) Sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2017, Bolagsupplysningen u Ilsjan (C‑194/16, EU:C:2017:766), li fil-punt 33 tirreferi għal dan il-post bħala ċ-“ċentru tal-interessi tal-vittma” (enfasi miżjuda minni), u mhux bħala ċ-ċentru tal-interessi (jew inkella, kif suppost għandu jkun, iċ-ċentru tal-gravità) tat-tilwima.

( 29 ) Kif naħseb li indikajt b’mod pjuttost ċar fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Bolagsupplysningen u Ilsjan (C‑194/16, EU:C:2017:554), fejn stedint lill-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja tirrevedi s-sentenza eDate.

( 30 ) Ara s-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2017, Bolagsupplysningen u Ilsjan (C‑194/16, EU:C:2017:766, punt 43).

( 31 ) Fil-verità, il-pubblikazzjoni ta’ kontenut li jirreferi għal persuna bl-ebda mod ma tiggarantixxi għarfien, min-naħa tal-pubblikatur, tal-post fejn din il-persuna għandha ċ-ċentru tal-interessi tagħha. Din pjuttost sempliċement timputa diliġenza.

( 32 ) Sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising et (C‑509/09 u C‑161/10, EU:C:2011:685, punt 50).

( 33 ) Filwaqt li tibqa’ notevolment elużiva, fejn imbagħad tinqata’ l-linja fejn persuna tkun “suffiċjentement individwalment identifikata” minn pubblikazzjoni, jekk tiġi ammessa l-possibbiltà li persuna tista’ tkun ikkonċernata anki jekk ma tissemmiex.

( 34 ) Ara wkoll is-sentenza tad-19 ta’ Frar 2002, Besix (C‑256/00, EU:C:2002:99, punt 52).

( 35 ) Kif spjegat iktar ’il fuq, fil-punti 36 u 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 36 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Bolagsupplysningen u Ilsjan (C‑194/16, EU:C:2017:554, punti 99 sa 103).

( 37 ) Konklużjonijiet fil-kawżi magħquda eDate Advertising et (C‑509/09 u C‑161/10, EU:C:2011:192, punt 58).

( 38 ) Ibid., punti 59 sa 66.

( 39 ) Ibid., punt 60.

( 40 ) Mill-banda l-oħra, fir-rigward ta’ dikjarazzjonijiet “b’determinazzjoni ġeografika”, jista’ jiġi ssuġġerit li permezz ta’ tali dikjarazzjonijiet, ir-reputazzjoni tal-abitanti tal-belt X jew in-nisa tal-belt Y tista’ fil-fatt tiġi affettwata xi mkien ieħor minbarra l-belt X jew minbarra persuni oħra li ma humiex in-nisa tal-belt Y, għaliex l-abitanti ta’ X jew in-nisa ta’ Y x’aktarx ikunu jafu li dawn id-dikjarazzjonijiet ma humiex minnhom, naturalment bl-eċċezzjoni tal-ħallelin tal-karozzi tal-belt X u n-nisa tal-belt Y impenjati f’dawn il-forom speċifiċi ta’ servizzi. Madankollu, din il-linja interessanti ta’ raġunament tista’ twassal għall-konklużjoni li, filwaqt li tfakkarni ħafna fil-Filosofija tal-Esterniżmu ta’ Jára Cimrman, l-uniku post fejn dikjarazzjonijiet b’determinazzjoni ġeografika jistgħu jaffettwaw lil xi ħadd jinsab barra miż-żona li għaliha jirreferu. B’mod alternattiv, jista’ jiġi ssuġġerit ukoll li, f’dawn iż-żoni, l-uniċi persuni li r-reputazzjoni tagħhom tkun tista’ tintlaqat minn tali dikjarazzjonijiet li ma jappartjenux għal dawk il-gruppi (ta’ professjonisti) identifikati mid-dikjarazzjonijiet rispettivi, u dan jagħmel in-nuqqas ta’ tressiq ta’ azzjoni kontra tali dikjarazzjoni ukoll att ta’ awtoinkriminazzjoni.

( 41 ) L-istess kriterju jista’ jinsab fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008, L 177, p. 6, rettifika fil-ĠU 2009, L 309, p. 87). Ara s-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2010, Pammer u Hotel Alpenhof (C‑585/08 u C‑144/09, EU:C:2010:740) għall-interpretazzjoni tagħha f’kawżi dwar l-internet.

( 42 ) Ara s-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2013, Pinckney (C‑170/12, EU:C:2013:635, punt 42), u tat-22 ta’ Jannar 2015, Hejduk (C‑441/13, EU:C:2015:28, punti 32 sa 33).

( 43 ) Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawżi magħquda eDate Advertising et (C‑509/09 u C‑161/10, EU:C:2011:192, punt 62).

( 44 ) Ibid., punti 63 sa 65.

( 45 ) Ara, b’mod ġenerali dwar il-ġurisprudenza u stedina għall-introduzzjoni ta’ approċċ simili f’kawżi dwar l-internet, pereżempju, Auda, A. G. R., “A proposed solution to the problem of libel tourism”, Journal of Private International Law, Vol. 12, 2016, pp. 115 u 116; Reymond, M., “Jurisdiction in case of personality torts committed over the Internet: a proposal for a targeting test”, Yearbook of Private International Law, Vol. 14, 2012/13, pp. 217 sa 221; jew Lutzi, T., Private International Law Online, Oxford University Press, Oxford, 2020, paragrafi 5.85 u 5.87 sa 5.88.

( 46 ) Ir-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II) (ĠU 2007, L 199, p. 40) ma jipprovdix regola armonizzata dwar l-għażla tad-dritt. L-Artikolu 1(2)(g) tiegħu jeskludi, espliċitament, il-vjolazzjonijiet tal-privatezza u tad-drittijiet marbuta mal-personalità, inkluża l-inġurja, mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

( 47 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399).

( 48 ) Sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising et (C‑509/09 u C‑161/10, EU:C:2011:685, punt 67).

( 49 ) Sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, Papasavvas (C‑291/13, EU:C:2014:2209, punti 27 sa 2932).

( 50 ) Ara wkoll, pereżempju, De Miguel Asensio, P., Conflict of Laws and the Internet, Edward Elgar Publishing Limited, Cheltenham, 2020, paragrafi 3.141 sa 3.144; u Lutzi, T., Private International Law Online, Oxford University Press, Oxford, 2020, paragrafi 4.17 sa 4.18.

( 51 ) Għal tali deroga skont l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31 għandhom jiġu ssodisfatti kundizzjonijiet kemm sostantivi u kemm proċedurali.

( 52 ) Ara, iktar ’il fuq, il-punti 8 sa 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 53 ) Għall-kuntest usa’ u għall-aġenda politika li minnhom tifforma parti l-ġurisprudenza nazzjonali l-ġdida, ara, pereżempju, Hackmann, J., “Defending the ‘Good Name’ of the Polish Nation: Politics of History as a Battlefield in Poland, 2015‑18”, Journal of Genocide Research, Vol. 20, 2018, p. 587. Ara, għal ħarsa ġenerali fuq l-istorja leġiżlattiva nazzjonali, Gliszczyńska, A. u Jabłoński, M., “Is One Offended Pole Enough to Take Critics of Official Historical Narratives to Court?”, Verfassungsblog, 2019/10/12, https://verfassungsblog.de/is-one-offended-pole-enough-to-take-critics-of-official-historical-narratives-to-court/, DOI: 10.17176/20191012‑232358‑0; u Gliszczyńska, A. u Kozłowski, W, “Calling Murders by Their Names as Criminal Offence – a Risk of Statutory Negationism in Poland”, Verfassungsblog, 2018/2/01, https://verfassungsblog.de/calling-murders-by-their-names-as-criminal-offence-a-risk-of-statutory-negationism-in-poland/, DOI: 10.17176/20180201‑165352.

( 54 ) Ara b’mod partikolari s-sentenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il‑Ġermanja) tad-19 ta’ Lulju 2018, Kawża Nru IX ZB 10/18 (ECLI:DE:BGH:2018:190718BIXZB10.18.0), li fil-fatt għandha similaritajiet kbar ma’ din il-kawża.