KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fit‑2 ta’ Frar 2021 ( 1 )

Kawża C‑758/19

OH

vs

ID

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Polymeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza, Ateni, il-Greċja))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Artikoli 268, 270, 340 u 343 TFUE – Protokoll (Nru 7) dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 11, 17 u 19 – Ex membru tal-Kummissjoni – Immunità minn ġurisdizzjoni – Rikors għal responsabbiltà mhux kuntrattwali – Rinunzja – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea”

I. Introduzzjoni

1.

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali huwa ċittadin Grieg li kien impjegat mill-Kummissjoni Ewropea bħala membru tal-persunal temporanju tagħha. Huwa serva fil-Kabinett ta’ ex Membru tal-Kummissjoni (iktar ’il quddiem il-“konvenut” fil-kawża prinċipali). Wara allegatament telf ta’ fiduċja fir-relazzjoni bejn dawk iż-żewġ individwi, il-Kummissjoni ddeċidiet li ttemm il-kuntratt tar-rikorrent.

2.

Ir-rikorrent jgħid li hu sofra kemm dannu materjali kif ukoll morali bħala konsegwenza tat-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg tiegħu. Huwa ppreżenta rikors (ċivili) quddiem qorti tal-ewwel istanza f’Ateni, fejn qiegħed jitlob kumpens għal dan id-dannu. B’dubji dwar il-ġurisdizzjoni tagħha fuq il-materja, dik il-qorti tal-ewwel istanza tagħmel numru ta’ domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja. B’mod partikolari, tistaqsi dwar min għandu jkun il-konvenut proprju (il-Kummissarju preċedenti jew l-Unjoni) u quddiem liema qorti (il-qrati nazzjonali jew il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea) tali rikors għandu jiġi ppreżentat.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

3.

L-Artikolu 11 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet ta’ l-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 7”), anness mat-Trattati tal-Unjoni, jgħid:

“Fit-terrritorju ta’ kull Stat Membru u tkun xi tkun iċ-ċittadinanza tagħhom, uffiċjali u impjegati oħra ta’ l-Unjoni:

(a)

mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tat-Trattati li għandhom x’jaqsmu, min-naħa l-waħda, mar-regoli dwar ir-responsabbiltà ta’ uffiċjali u impjegati oħra lejn l-Unjoni u, min-naħa l-oħra, mal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea fi kwistjonijiet bejn l-Unjoni u l-uffiċjali u impjegati oħra tagħha, ikollhom immunità minn proċedimenti legali fir-rigward ta’ atti magħmulin minnhom fil-kapaċità uffiċjali tagħhom, inklużi kliem li jkunu qalu jew kitbu. Ikomplu jgawdu din l-immunità wara li jkunu temmew il-kariga tagħhom;

[…]”

4.

Skont l-Artikolu 17 tal-istess Protokoll:

“Privileġġi, immunitajiet u faċilitajiet jingħataw lill-uffiċjali u l-impjegati oħra ta’ l-Unjoni unikament fl-interessi ta’ l-Unjoni.

Kull istituzzjoni ta’ l-Unjoni tkun meħtieġa li tirrinunzja għall-immunità mogħtija lil xi uffiċjal jew impjegat ieħor kull fejn dik l-istituzzjoni jidhrilha li r-rinunzja għal dik l-immunità ma tkunx kontra l-interessi ta’ l-Unjoni.”

5.

Skont l-Artikolu 19 tal-Protokoll Nru 7, l-Artikoli 11 u 17 tiegħu huma għalhekk applikabbli għall-Membri tal-Kummissjoni.

B.   Id-dritt nazzjonali

6.

Skont il-qorti tar-rinviju, id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Grieg tal-Proċedura Ċivili li jikkonċernaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali u l-immunità ġurisdizzjonali ta’ ċerti kategoriji ta’ persuni huma applikabbli għal din it-tilwima.

7.

B’mod iktar speċifiku, skont l-Artikolu 3(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, barranin li jgawdu minn immunità minn ġurisdizzjoni ma jaqgħux taħt il-ġurisdizzjoni Griega, ħlief f’tilwim relatat mad-drittijiet in rem fi proprjetà immobbli.

8.

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 24 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jipprovdi li ċittadini Griegi li jgawdu minn immunità ġurisdizzjonali, kif ukoll uffiċjali maħtura f’pożizzjonijiet barra mill-pajjiż, huma suġġetti għall-ġurisprudenza tal-qrati tal-post ta’ residenza tagħhom qabel tali missjoni jew, fin-nuqqas, tal-ġurisdizzjoni tal-qrati li jinsabu fil-kapitali tal-Istat.

III. Il-fatti, il-proċeduri nazzjonali u d-domandi preliminari

9.

Fl-1 ta’ Novembru 2014, ir-rikorrent ingħaqad mal-Kummissjoni Ewropea bħala membru tal-persunal temporanju rreklutat skont l-Artikolu 2(ċ) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”) ( 2 ). Huwa kien impjegat sabiex iservi bħala Deputat Kap tal-Kabinett fl-uffiċċju tal-konvenut, li kien ġie maħtur bħala Kummissarju.

10.

F’April 2016, id-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà tal-Kummissjoni Ewropea nnotifika lir-rikorrent li r-relazzjoni ta’ impjieg tiegħu mal-Kummissjoni Ewropea kienet ser tintemm, wara perijodu ta’ notifika ta’ tliet xhur, b’effett mill-1 ta’ Awwissu 2016, minħabba li l-konvenut kien tilef il-fiduċja fih.

11.

Bil-fehma li huwa ma kienx mogħti d-dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li jiġi mitmum il-kuntratt tiegħu, ir-rikorrent ressaq ilment kontra dik id-deċiżjoni skont l-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal. L-ilment ġie miċħud fid-29 ta’ Novembru 2016.

12.

Fl-10 ta’ Marzu 2017, ir-rikorrent ikkontesta d-deċiżjoni li ttemm il-kuntratt tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, fejn allega ksur tad-dritt għal smigħ tiegħu. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li dik l-allegazzjoni kienet fondata u annullat id-deċiżjoni kkontestata permezz ta’ sentenza tal-10 ta’ Jannar 2019 ( 3 ).

13.

Wara l-għoti ta’ dik is-sentenza, il-Kummissjoni pprovdiet lir-rikorrent il-possibbiltà li jinstema’. Fl-10 ta’ April 2019, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni ġdida li ttemm il-kuntratt tar-rikorrent bħala membru tal-persunal temporanju. Ir-rikorrent ressaq ilment amministrattiv kontra dik id-deċiżjoni, li ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Awwissu 2019.

14.

Fit-2 ta’ Diċembru 2019, ir-rikorrent ippreżenta rikors għall-annullament tad-deċiżjoni l-ġdida li ttemm il-kuntratt tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali. Permezz tas-sentenza tagħha tat-13 ta’ Jannar 2021, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ( 4 ).

15.

B’mod parallel, fit-13 ta’ Settembru 2017, ir-rikorrent beda proċeduri kontra l-konvenut quddiem il-Polymeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza, Ateni, il-Greċja).

16.

Quddiem dik il-qorti, ir-rikorrent allega li l-konvenut kien għamel dikjarazzjonijiet malafamanti dwar il-qadi inadegwat ta’ dmirijietu. Dak l-aġir allegatament ikkawża lir-rikorrent li jsofri kemm danni materjali kif ukoll danni morali. L-ewwel dannu jikkonsisti fil-paga dovuta mill-Kummissjoni Ewropea għall-perijodu bejn l-1 ta’ Novembru 2016 sal-31 ta’ Ottubru 2019, fl-ammont totali ta’ EUR 452 299.32. Id-dannu tal-aħħar, li jirriżulta mid-dannu għar-reputazzjoni tiegħu li jfixkel il-karriera futura tiegħu fi ħdan l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni, kien ikkunsidrat li jammonta għal EUR 600000 skont ir-rikorrent. Fuq dik il-bażi, ir-rikorrent talab lill-qorti nazzjonali li tagħti sentenza provviżorjament infurzabbli li tordna lill-konvenut li jagħmel tajjeb għad-danni materjali u morali kkawżati lilu, jirtira ċertu dikjarazzjonijiet allegatament malafamanti, u jħallas l-ispejjeż tal-proċeduri.

17.

Il-qorti tar-rinviju tinnota li r-rikors ġie ppreżentat kontra Kummissarju preċedenti li, għalkemm huwa ċittadin Grieg, għandu l-privileġġ tal-immunità minn proċeduri legali skont l-Artikolu 343 TFUE u l-Artikoli 11, 17 u 19 tal-Protokoll Nru 7. F’ċertifikat tat-22 ta’ Diċembru 2017 prodott quddiem il-qorti tar-rinviju, id-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà tal-Kummissjoni Ewropea jgħid illi: “bħala membru tal-Kummissjoni, [il-konvenut] […] għandu immunità mill-proċeduri legali fir-rigward ta’ atti mwettqa minnu fil-kapaċità uffiċjali tiegħu, inkluż kliemu bil-fomm jew bil-miktub, skont l-Artikoli 11 u 19 tal-[Protokoll Nru 7]. Immunità tista’ tiġi rrinunzjata mill-Kulleġġ tal-Kummissarji fuq talba ta’ qorti nazzjonali, sakemm ir-rinunzja ta’ tali immunità ma tkunx kuntrarja għall-interessi tal-Unjoni”.

18.

Fuq dak l-isfond, b’dubji dwar l-interpretazzjoni proprja tar-regoli rilevanti tal-Unjoni, il-Polymeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza, Ateni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“(1)

Il-kunċetti ta’ ‘immunità minn proċedimenti legali’ u ta’ ‘immunità imsemmija fl-Artikolu 11 [tal-Protokoll Nru 7], kif ifformulati u fir-rigward tal-għan intiż tagħhom, huma ekwivalenti?

(2)

L-‘immunità minn proċedimenti legali’’/‘immunità’ imsemmija fl-Artikolu 11 tinkludi u tkopri, minbarra l-kawżi kriminali, anki l-kawżi ċivili li jiġu ppreżentati fil-konfront ta’ membri tal-Kummissjoni minn partijiet terzi li jkunu ġarrbu dannu?

(3)

L-‘immunità minn proċedimenti legali’/‘immunità’ ta’ Kummissarju tista’ tiġi rrevokata anki fil-kuntest ta’ kawża ċivili fil-konfront tiegħu, bħall-kawża ppreżentata f’dan il-każ? Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, min għandu jiftaħ il-proċedura ta’ revoka?

(4)

Il-qrati tal-Unjoni Ewropea għandhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali fil-konfront ta’ Kummissarju, bħall-kawża ppreżentata ppreżentata f’dan il-każ?”

19.

Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mir-rikorrent, mill-konvenut u mill-Kummissjoni.

IV. Analiżi

20.

Fil-fehma tiegħi, il-kwistjoni ċentrali ta’ dan il-każ tinsab fir-raba’ domanda: min hu l-leġittimu konvenut u x’inhu l-forum proprju f’każ fejn membru tal-persunal preċedenti ta’ istituzzjoni tal-Unjoni jitlob danni allegatament ikkawżati mill-aġir ta’ membru preċedenti ta’ dik l-istituzzjoni. Jien għalhekk ser nibda b’dik id-domanda. Wara ser indur għall-ewwel tliet domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju, f’ġieħ il-kompletezza peress li r-risposta proposta tiegħi għar-raba’ domanda tagħmel risposti għad-domandi l-oħra superfluwi.

A.   Ir-raba’ domanda

21.

Bir-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandhiex ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ rikors għal responsabbiltà mhux kuntrattwali, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kontra Kummissarju preċedenti.

22.

Id-domanda tgħaqqad flimkien żewġ kwistjonijiet distinti: l-identità tal-konvenut u tal-forum. Kontra min għandu r-rikorrent iressaq proċeduri sabiex ifittex kumpens għad-dannu allegat (il-Kummissarju preċedenti jew l-Unjoni Ewropea), u quddiem liema qorti għandu jagħmel dan (il-qrati nazzjonali jew il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea). Barra minn hekk, fil-fatt hemm it-tielet kwistjoni, marbuta ma’, jew anki li tippreċedi l-ewwel żewġ kwistjonijiet, li mingħajrha l-mistoqsija relatata mal-identità tal-konvenut u tal-forum ma tistax tiġi evalwata, iżda li ma hijiex qiegħda tissemma: x’inhu eżattament l-att li kellu jikkawża d-dannu lir-rikorrent? Liema hu l-iżball speċifiku li għalih qiegħed jiġi mfittex id-dannu?

23.

F’din it-taqsima, jien ser nibda bil-kwistjoni li jiġi identifikat il-konvenut proprju fir-rigward ta’ dak li jidher li huwa l-att żbaljat li kellu jikkawża d-dannu lir-rikorrent (1). Ladarba n-natura tal-iżball, u għalhekk il-konvenut proprju, ikunu identifikati, il-forum proprju għal tali rikors ikun ċar (2).

1. Il-konvenut

24.

Skont l-Artikolu 11 tal-Protokoll Nru 7, fit-territorju ta’ kull Stat Membru, uffiċjali u impjegati oħra tal-Unjoni għandhom “immunità minn proċedimenti legali fir-rigward ta’ atti magħmulin minnhom fil-kapaċità uffiċjali tagħhom”. Dik l-immunità tkompli “wara li jkunu temmew il-kariga tagħhom”. Dik id-dispożizzjoni hija applikabbli għall-Membri tal-Kummissjoni permezz tal-Artikolu 19 tal-Protokoll Nru 7.

25.

Għalhekk, fir-rigward ta’ atti mwettqa fil-kapaċità uffiċjali tagħhom, membri tal-persunal (u l-Kummissarji) ma jistgħux, mingħajr rinunzja mill-istituzzjoni tal-Unjoni rilevanti, ikunu suġġetti għal proċeduri legali.

26.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rekwiżit li l-att inkwistjoni jitwettaq f’kapaċità uffiċjali jirreferi għal dawk l-atti “li, permezz ta’ relazzjoni interna u diretta, huma estensjoni neċessarja tal-kompiti fdati lill-istituzzjonijiet” ( 5 ). Fi kliem ieħor, l-Artikolu 11 tal-Protokoll Nru 7 jirreferi għall-atti li, “min-natura tagħhom, jirrappreżentaw parteċipazzjoni tal-persuna li tisħaq immunità fit-twettiq tal-kompiti tal-istituzzjoni li għaliha tappartjeni” ( 6 ).

27.

Għalhekk, l-immunità hija limitata funzjonalment. Għandu jkun hemm livell raġonevoli ta’ prossimità (relazzjoni diretta) bejn il-kompiti fdati lill-istituzzjonijiet u t-tip ta’ aġir jew l-att tal-uffiċjal tal-Unjoni. Madankollu, ladarba dak ir-rekwiżit ikun issodisfatt, l-immunità li jgawdi minnha tkopri atti indipendentement minn kwalunkwe qasam tal-liġi (kriminal, amministrattiv, ċivil, jew kwalunkwe ieħor), u indipendentement minn jekk dawk l-atti humiex fil-fatt legali ( 7 ). Madankollu, kif iċċarat mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE u mill-Artikolu 11 tal-Protokoll Nru 7, membri tal-persunal (temporanju) li jkunu aġixxew illegalment jistgħu jkunu responsabbli fil-konfront tal-Unjoni u għalhekk suġġetti għal proċeduri relatati skont l-Artikolu 22 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 11 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

28.

Lil hinn minn din id-demarkazzjoni ġenerali, il-mistoqsija dwar jekk att speċifiku kienx twettaq f’kapaċità uffiċjali minn membru tal-persunal tiddependi ħafna skont il-każ inkwistjoni. Jidher ċar li l-post tat-twettiq ma tantx huwa deċiżiv: is-sempliċi fatt li att jitwettaq fuq il-post tax-xogħol ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, waqt missjoni uffiċjali, jew fil-kuntest ta’ avveniment relatat max-xogħol ma huwiex, fih innifsu, biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li twettaq f’kapaċità uffiċjali ( 8 ). L-istess huwa minnu fir-rigward ta’ pereżempju, dikjarazzjonijiet malafamanti jew inġurjużi magħmula minn membru tal-persunal tal-Unjoni kontra persuna oħra, jew forom ta’ fastidju psikoloġiku jew sesswali, jew ksur ta’ regolamenti lokali dwar is-saħħa u s-sigurtà pubblika, li kollha jistgħu jiġu misħuqa bħala neċessarji għall-eżerċizzju effettiv tal-attività tiegħu. Madankollu, il-fatt li tali avvenimenti sfortunati kapaċi jseħħu fil-post tax-xogħol u jinvolvu l-kollegi jew kollaboraturi ċertament ma jfissirx li dawn awtomatikament jitwettqu f’kapaċità uffiċjali.

29.

Għalhekk, l-uniku kriterju jibqa’ r-rabta mill-qrib mal-kompiti fdati lill-istituzzjonijiet: fi kliem sempliċi, test ta’ prossimità. Fil-fatt, rabta maħlula u purament kontinġenti bejn l-atti mwettqa u l-eżekuzzjoni tad-dmirijiet uffiċjali mill-membri tal-persunal inkwistjoni ma jistgħux ikunu biżżejjed sabiex jiskattaw l-immunità minn ġurisdizzjoni ( 9 ). L-immunità ġurisdizzjonali hija biss iggarantita għal atti li jsibu r-raison d’être tagħhom fil-funzjonijiet uffiċjali attribwiti lill-membru tal-persunal inkwistjoni, mhux għal atti li setgħu wkoll twettqu f’kuntest ieħor, mhux uffiċjali.

30.

Fil-livell ta’ proċedura, tkun il-qorti nazzjonali li quddiemha tressqet it-tilwima (jew kwalunkwe organu nazzjonali kompetenti ieħor) li għandha teżamina l-fatti rilevanti sabiex tiddetermina jekk att partikolari ta’ membru tal-persunal kienx twettaq fil-kapaċità uffiċjali tiegħu jew tagħha. Huwa minnu li l-evalwazzjoni tista’ ma tkunx dejjem sempliċi, peress li tirrikjedi ċertu tagħrif tal-kompetenzi u tal-funzjonament intern tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Madankollu, f’każijiet meta tali kwistjoni hija pendenti quddiem qorti nazzjonali, jew fl-aħħar tasal quddiemha fuq stħarriġ ġudizzjarju, tista’ dejjem issir talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE għall-finijiet ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 11 tal-Protokoll Nru 7 ( 10 ).

31.

Madankollu, fil-kuntest ta’ dan il-każ, il-parti l-kbira ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet jidhru kemxejn ipotetiċi, għal żewġ raġunijiet.

32.

L-ewwel nett, minħabba l-fatti tal-każ kif stabbiliti mill-qorti tar-rinviju, il-kwistjoni dwar jekk l-atti tal-konvenut ġewx imwettqa “f’kapaċità uffiċjali” hija improbabbli li mqar titqajjem f’dawn il-proċeduri.

33.

Fil-fatt, wara d-dikjarazzjonijiet magħmula mill-qorti tar-rinviju, u f’dan ir-rigward ikkonfermati mis-sottomissjonijiet tar-rikorrent, id-dannu allegat mir-rikorrent isegwi mill-fatt li r-relazzjoni ta’ impjieg tiegħu kienet ġiet mitmuma. Għalhekk, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ttemm il-kuntratt tar-rikorrent tidher li hija l-avveniment li huwa kkunsidrat li kkawża d-dannu allegat. Il-Kummissarju kien ċertament jipprovdi input għall-proċess li wassal għat-tkeċċija tar-rikorrent, iżda d-deċiżjoni finali għal dan il-għan ġiet adottata fis‑27 ta’ April 2016 mid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u Sigurtà tal-Kummissjoni. Fil-fatt, kif il-Qorti Ġenerali osservat tajjeb fis-sentenza tagħha fil-każ imressaq mir-rikorrent, minkejja t-telf tal-fiduċja reċiproka bejn iż-żewġ individwi, il-Kummissjoni setgħet għażlet li tadotta miżuri oħra barra t-tkeċċija, bħall-assenjazzjoni tar-rikorrent għal pożizzjoni oħra fil-Kummissjoni ( 11 ).

34.

Fi kliem ieħor, investigazzjoni dwar jekk l-atti tal-konvenut kinux adottati “fil-kapaċità uffiċjali” tiegħu jew le kienet tkun rilevanti kieku d-dannu kien jirriżulta minn, jew kien attribwibbli direttament, għal dawk l-atti. Madankollu, fil-każ preżenti, il-katina ta’ avvenimenti hija differenti: id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ttemm il-kuntratt tar-rikorrent isseħħ bejn l-aġir tal-Kummissarju, minn naħa waħda, u l-allegat dannu, min-naħa l-oħra, hekk li tikser ir-rabta kawżali diretta bejn dawn it-tnejn. Jidher li l-aġir li lmenta dwaru l-konvenut ma huwiex il-kawża diretta u determinanti tad-dannu ( 12 ).

35.

Fil-qosor, il-katina ta’ avvenimenti tidher li hija “it-telf ta’ fiduċja mistqarra mill-Kummissarju – id-deċiżjoni tal-Kummissjoni – l-allegat dannu”. Ma tidhirx li hija “l-allegat att żbaljat tal-Kummissarju – l-allegat dannu”. Fi ħdan tali xenarju, ma huwiex ċar għalija għaliex hemm ħtieġa li jiġi diskuss il-kamp ta’ applikazzjoni tal-immunità li l-konvenut igawdi minnha, jekk l-att li kkawża l-allegat dannu (kemm materjali – id-dħul mitluf mill-Kummissjoni, kif ukoll morali – l-impatt għar-reputazzjoni tiegħu ( 13 )) huwa fil-fatt deċiżjoni uffiċjali ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, jiġifieri l-Kummissjoni. F’tali ċirkustanzi, il-konvenut proprju huwa biċ-ċar l-awtur tal-att tal-aħħar, jiġifieri l-Kummissjoni (jew pjuttost l-Unjoni rappreżentata mill-Kummissjoni).

36.

It-tieni nett, anki jekk nassumu li investigazzjoni dwar in-natura tal-atti tal-konvenut tkun fil-fatt neċessarja għall-qorti nazzjonali biex tiddeċiedi l-każ, li fuq il-bażi tal-ewwel punt deskritt fil-qosor hawn fuq ma jidhirx illi huwa l-każ, jidher kemxejn ċar li dawk l-atti kienu twettqu mill-konvenut fil-kapaċità uffiċjali tiegħu. Fil-fatt, xejn fit-talba għal deċiżjoni preliminari jew fis-sottomissjoni tar-rikorrent ma jissuġġerixxi li l-allegat dannu jirriżulta minn atti li ma humiex direttament konnessi mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali tal-konvenut (ta’ dak iż-żmien) bħala Kummissarju.

37.

Fil-fatt, jidher li l-oppost huwa veru. L-allegat dannu jidher li jirriżulta, essenzjalment, mill-fatt li r-relazzjoni ta’ impjieg ġiet mitmuma minħabba li l-konvenut stqarr li tilef il-fiduċja fir-rikorrent. Il-bażi li fuqha r-rikorrent qiegħed ifittex kumpens għal dannu materjali u morali, u l-ammonti ta’ dan, turi biċ-ċar illi l-ebda dannu ma huwa allegat li rriżulta minn atti li huma separabbli mit-tmiem tal-impjieg tiegħu.

38.

Fil-fehma tiegħi, id-deċiżjoni li jiġi mitmum il-kuntratt tar-rikorrent, jekk jitqies li hemm “deċiżjoni personali” preċedenti u separata tal-Kummissarju li tista’ tidher bħala distinta mid-deċiżjoni uffiċjali tal-Kummissjoni li ttieħdet wara u li fil-fatt temmet il-kuntratt, quid non, fi kwalunkwe każ taqa’ eżatt taħt il-kunċett ta’ “atti mwettqa f’kapaċità uffiċjali”.

39.

Għandu jitfakkar illi r-rikorrent kien ġie impjegat, bħala membru tal-persunal temporanju tal-Kummissjoni, sabiex iservi fil-Kabinett ta’ Kummissarju. Kif qalet sew il-Qorti Ġenerali fis-sentenza mogħtija fl-ewwel proċedura mressqa mir-rikorrent, Membru tal-Kummissjoni għandu Kabinett li jinkludi membri tal-persunal li huma l-konsulenti personali tiegħu. Dawk il-konsulenti huma maħtura intuitu personae, jiġifieri b’mod li huwa fil-parti l-kbira diskrezzjonali, b’dawk ikkonċernati magħżula kemm għall-kwalitajiet professjonali kif ukoll personali tagħhom u għall-abbiltà tagħhom li jadattaw għall-metodi ta’ ħidma speċifiċi għall-Membru tal-Kummissjoni kkonċernat u dawk tal-kabinett kollu tiegħu ( 14 ).

40.

Fl-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali kompliet tgħid li d-diskrezzjoni wiesgħa tal-Membru tal-Kummissjoni biex jagħżel il-persunal tiegħu hija ġġustifikata b’mod partikolari min-natura speċifika tad-dmirijiet imwettqa fil-kabinett ta’ Membru tal-Kummissjoni, u bil-bżonn li jinżammu relazzjonijiet ta’ fiduċja reċiproka bejn il-Membru tal-Kummissjoni u l-persunal tiegħu.

41.

Naqbel. Kummissarju għandu jkollu diskrezzjoni wiesgħa meta jagħżel il-persunal li għandu jservi fil-Kabinett tiegħu jew tagħha. L-abbiltà tagħhom li jimpjegaw persunal temporanju billi jagħżlu individwi li fihom jistgħu jafdaw u, bl-istess loġika, l-abbiltà tagħhom li jtemmu kuntratt ta’ impjieg ta’ individwu meta dik ir-relazzjoni ta’ fiduċja tispiċċa, hija kruċjali għat-twettiq effettiv tad-dmirijiet tagħhom.

42.

Għalhekk, il-fatt li l-konvenut iddeċieda li huwa ma kienx għad għandu bżonn is-servizzi tar-rikorrent, u li ġġustifika din id-deċiżjoni bit-telf tal-fiduċja fir-rikorrent, huwa att imwettaq mill-konvenut fil-kapaċità uffiċjali tiegħu. Hemm rabta diretta u ċara bejn dak l-att u l-eżekuzzjoni tal-Kummissarju tal-kompiti fdati lilu bħala Membru tal-Kummissjoni.

43.

Fil-qosor, għall-atti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fl-assenza ta’ rinunzja mill-Kummissjoni, il-konvenut ma jistax jiġi mħarrek b’mod validu quddiem il-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, fid-dawl tal-immunità li jgawdi permezz tal-Artikolu 11 tal-Protokoll Nru 7, għal tali atti, il-konvenut, fil-kapaċità personali tiegħu, ma seta’ jiġi mħarrek mir-rikorrent quddiem ebda qorti.

44.

Madankollu, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, hija l-Unjoni li għandha “tagħmel tajjeb għal kull dannu kkaġunat mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-impjegati tagħha fit-twettiq ta’ dmirijiethom”. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat sa mill-1969, fir-rigward ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali, it-Trattati jipprovdu għal “sistema uniformi” fil-kumpens għad-dannu kkaġunat mill-istituzzjonijiet tagħha u mill-aġenti tagħha fit-twettiq ta’ dmirijiethom ( 15 ).

45.

Għalhekk, individwu bħar-rikorrent ċertament ma huwiex imċaħħad mill-possibbiltà li jikseb kumpens quddiem awtorità ġudizzjarja ( 16 ). Madankollu, f’rikors ibbażat fuq responsabbiltà mhux kuntrattwali għal atti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-konvenuta proprja hija l-Unjoni, irrappreżentata mill-istituzzjoni tal-Unjoni li l-kondotta tagħha allegatament ikkawżat id-dannu allegatament sostnut ( 17 ).

2. Il-qorti li għandha ġurisdizzjoni

46.

Il-konklużjoni stabbilita hawn fuq diġà tipprovdi risposta għat-tieni punt imqajjem mir-raba’ domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju. Fil-fatt skont l-Artikolu 268 TFUE, rikors bħal dak ippreżentat mir-rikorrent fil-kawża prinċipali għandu jitressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

47.

Kif il-Qorti tal-Ġustizzja qalet b’mod konsistenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha “ġurisdizzjoni esklużiva” fir-rigward ta’ rikorsi għal responsabbiltà mhux kuntrattwali kontra l-Unjoni ( 18 ). Qrati nazzjonali – bħalma hija l-qorti tar-rinviju – għalhekk ma għandhom l-ebda ġurisdizzjoni fuq dawn it-tipi ta’ rikorsi ( 19 ). Il-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola rikors għad-danni tista’ tipprevedi regoli speċjali f’ċerti sitwazzjonijiet (pereżempju, meta d-dannu jirriżulta minn kondotta kriminali) ma jistax iqajjem dubju dwar din il-konklużjoni inkwistjoni ( 20 ).

48.

Madankollu, ma nistax ma nosservax li hemm kap ta’ ġurisdizzjoni ieħor li jista’ jkun rilevanti għal din il-kawża.

49.

L-Artikolu 270 TFUE jipprovdi li “[i]l-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea hi kompetenti tiddeċiedi kull tilwima bejn l-Unjoni u l-aġenti tagħha, fil-limiti u taħt il-kondizzjonjijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet ta’ l-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-oħra ta’ l-Unjoni”. Din id-dispożizzjoni b’mod partikolari tipprovdi wkoll għall-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

50.

Fl-applikazzjoni tal-Artikolu 270 TFUE, l-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal – li sar applikabbli għal membru tal-persunal temporanju permezz tal-Artikolu 46 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg – jgħid: “[i]l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollu ġurisdizzjoni f’kull tilwima bejn l-Unjoni u kull persuna li għaliha japplikaw dawn ir-Regolamenti tal-Persunal dwar il-legalità ta’ att li jaffettwa ħażin lit-tali persuna […]. F’tilwim ta’ karattru finanzjarju, il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollu ġurisdizzjoni mingħajr limitu”.

51.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja saħqet b’mod konsistenti li “tilwima bejn uffiċjal u l-istituzzjoni li minnha jiddependi taqa’, meta toriġina fir-rabta ta’ impjieg li tgħaqqad il-persuna kkonċernata mal-istituzzjoni, fl-Artikolu 270 TFUE u fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, anki jekk din hija rikors għad-danni” ( 21 ).

52.

Fuq dan l-isfond, jidhirli li, fuq il-fatti kif ippreżentati mill-qorti tar-rinviju, din id-dispożizzjoni tista’ tassew tapplika għal din il-kawża, peress li r-rikorrent kien impjegat bħala membru tal-persunal temporanju tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 2(ċ) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ( 22 ). Ir-rikorrent qiegħed fil-fatt jikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni tal-Kumissjoni li ttemm il-kuntratt ta’ impjieg tiegħu, u indirettament l-aġir ta’ Membru preċedenti tal-Kummissjoni li wassal għall-adozzjoni ta’ dik id-deċiżjoni, u jfittex kumpens finanzjarju għad-danni allegatament subiti bħala riżultat ta’ hekk. Fil-qosor, din it-tilwima hija ta’ natura finanzjarja, u toriġina mir-relazzjoni ta’ impjieg bejn ir-rikorrent u l-Kummissjoni.

53.

Il-kawża hija, għalhekk, simili għal kawżi preċedenti li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li rikorsi ppreżentati minn membri tal-persunal attwali jew preċedenti, li jfittxu li istituzzjoni tinżamm responsabbli għal ċertu aġir żbaljat u tiġi ordnata biex tħallas somma, fejn it-tilwima toriġina mir-relazzjoni ta’ impjieg bejn il-persuna kkonċernata u l-istituzzjoni, jaqgħu ratione materiae fi ħdan il-kamp tal-applikazzjoni tal-Artikolu 270 TFUE u tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal ( 23 ).

54.

Huwa kemxejn sorprendenti li r-rikorrent ma ressaqx talba għal kumpens għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali quddiem il-Qorti Ġenerali, flimkien ma’ jew b’mod parallel mar-rikorsi tiegħu li jfittxu l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jtemmu l-kuntratt tiegħu ( 24 ). It-talbiet imressqa fiż-żewġ proċeduri jidhru li huma relatati. Fis-sistema tar-rimedji ġudizzjarji tal-Unjoni, il-ġurisdizzjoni fuq talba ta’ prijorità (pereżempju, annullament ta’ att illegali) normalment timplika ġurisdizzjoni fuq kwalunkwe talba addizzjonali li tirriżulta mill-istess att jew mill-istess fatt (pereżempju, danni li jirriżultaw mill-att żbaljat) ( 25 ). Huwa għalhekk fil-kuntest ta’ dawk il-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali li r-rikorrent seta’ validament qajjem kwalunkwe kwistjoni li seta’ kellu kontra kwalunkwe fatt li ppreċeda t-tkeċċija tiegħu, inkluż kull att ta’ natura preparatorja (inklużi dawk imwettqa mill-konvenut).

55.

Fl-aħħar, huwa ċar illi rikors għal responsabbiltà mhux kuntrattwali, bħal dak ippreżentat mir-rikorrent quddiem il-qorti tar-rinviju, irrispettivament minn jekk huwiex ibbażat fuq l-Artikoli 268 u 340 TFUE jew fuq l-Artikolu 270 TFUE, għandu jiġi dirett kontra l-Unjoni Ewropea u jiġi ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

56.

Madankollu, issa ser indur għad-domandi preliminari l-oħra, li jistgħu jiġu risposti fil-qosor, u biss għall-finijiet ta’ kompletezza.

B.   L-ewwel domanda

57.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk it-termini “immunità minn proċeduri legali” (“ετεροδικία”, “eterodikia”) u “immunità” (“ασυλία”, “asylia”), inklużi fl-Artikolu 11(a) tal-verżjoni Griega tal-Protokoll Nru 7, għandhomx l-istess tifsira.

58.

Din id-domanda saret fid-dawl tal-argumenti mressqa mir-rikorrent fil-kawża prinċipali. Huwa argumenta li, fid-dawl taż-żewġ espressjonijiet użati fid-dispożizzjoni inkwistjoni, Kummissarju preċedenti ma jgawdix minn immunità sħiħa tal-ġurisdizzjoni, iżda waħda kemxejn iktar limitata. Fil-fehma tiegħu, din l-aħħar forma ta’ immunità ma tistax, skont il-liġi nazzjonali (speċjalment l-Artikolu 3(2) tal-Kodiċi Grieg tal-Proċedura Ċivili), “tipproteġi” lill-konvenut minn proċeduri miġjuba quddiem qrati nazzjonali meta d-dannu jirriżulta minn reat kriminali.

59.

Dawn l-argumenti huma bla bażi. Kif il-konvenut u l-Kummissjoni josservaw korrettement fis-sottomissjonijiet tagħhom, id-dubji tal-qorti nazzjonali huma sempliċement minħabba l-verżjoni Griega tal-Protokoll Nru 7 għall-Grieg.

60.

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-ħtieġa ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni tagħmel impossibbli għat-test ta’ dispożizzjoni li jiġi kkunsidrat waħdu, iżda tirrikjedi, għall-kuntrarju, li jiġi interpretat u applikat fid-dawl tal-verżjonijiet eżistenti fil-lingwi uffiċjali l-oħra ( 26 ), u b’riferiment għall-għan u għall-iskema ġenerali tar-regoli li minnhom jifforma parti ( 27 ).

61.

F’dan il-każ, paragun sempliċi tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-Protokoll jindika li ż-żewġ termini huma intiżi li jkollhom l-istess tifsira. Wieħed jista’ jqabbel il-verżjoni Griega ma’, pereżempju, il-verżjoni Spanjola (“inmunidad de jurisdicción/dicha inmunidad”), Ġermaniża (“Befreiung von der Gerichtsbarkeit/diese Befreiung”), Ingliża (“immune from legal proceedings/this immunity”), Franċiża (“immunité de jurisdiction/cette immunité”), jew Taljana (“immunità di giurisdizione/questa immunità”).

62.

L-għan u l-kuntest tad-dispożizzjoni wkoll jikkonfermaw dan il-qari. L-ewwel sentenza tal-Artikolu 11(a) tal-Protokoll Nru 7 tistabbilixxi l-iskop materjali tal-immunità, filwaqt li t-tieni sentenza tirregola l-iskop temporali tagħha. Fiż-żewġ każijiet, hija l-istess immunità, bl-istess skop.

63.

Konsegwentement, l-ewwel domanda għandha tiġi risposta fis-sens li t-termini “immunità minn proċeduri legali” (“ετεροδικία”, “eterodikia”) u “immunità” (“ασυλία”, “asylia”), inklużi fl-Artikolu 11(a) tal-verżjoni Griega tal-Protokoll Nru 7 għandhom l-istess tifsira.

C.   It-tieni domanda

64.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tfittex li tkun taf jekk l-immunità minn proċeduri legali stabbilita fl-Artikolu 11 tal-Protokoll Nru 7 tinkludix ukoll, flimkien ma’ prosekuzzjonijiet kriminali, talbiet ċivili.

65.

Ir-risposta għal din id-domanda hija wkoll sempliċi: kif argumentaw il-konvenut u l-Kummissjoni (u kuntrarjament għal dak li sostna r-rikorrent), l-immunità mogħtija mill-Artikolu 11 testendi għal talbiet ċivili. Qari testwali, sistematiku u teleoloġiku ta’ din id-dispożizzjoni jsostni dan.

66.

L-ewwel nett, il-formulazzjoni tad-dispożizzjoni tapplika biċ-ċar fir-rigward ta’ (kwalunkwe) “proċedimenti legali fir-rigward ta’ atti magħmulin minnhom fil-kapaċità uffiċjali tagħhom”. Ma hemmx limitazzjoni, fit-test tad-dispożizzjoni, rigward it-tip jew natura (ċivili, kriminali, amministrattiva jew, f’dak il-każ, kwalunkwe ieħor) tal-proċeduri.

67.

It-tieni nett, kunċett wiesa’ ta’ “immunità” huwa konsistenti mar-raġunament tad-dispożizzjoni, u iktar ġeneralment man-natura funzjonali tal-prerogattivi speċjali stabbiliti fil-Protokoll Nru 7. Dawn il-prerogattivi speċjali huma intiżi sabiex jiżguraw li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkollhom protezzjoni sħiħa u effettiva kontra xkiel jew riskji għall-funzjonament tajjeb kif ukoll l-indipendenza tagħhom ( 28 ). B’mod iktar speċifiku, kif isegwi mill-Artikolu 17 tal-Protokoll Nru 7, uffiċjali u aġenti oħra tal-Unjoni jingħataw privileġġi, immunitajiet u faċilitajiet “unikament fl-interessi ta’ l-Unjoni” ( 29 ). Privileġġi u immunitajiet huma, fi kliem ieħor, mogħtija sabiex jippermettu lill-persunal tal-Unjoni jwettaq il-funzjonijiet tiegħu effettivament u mingħajr interferenza esterna, u mingħajr ma jkollu għalfejn jibża’ minn prosekuzzjoni għall-atti li jwettaq fl-eżerċizzju tad-dmirijiet tiegħu ( 30 ).

68.

Jekk dan huwa minnu, ma hemm l-ebda dubju li l-eżekuzzjoni xierqa tal-kompiti tal-persunal tal-Unjoni tista’ tiġi mfixkla mhux biss minn proċeduri kriminali, iżda wkoll minn kwistjonijiet amministrattivi, jew proċeduri ċivili (inkluż rikorsi għal responsabbiltà mhux kuntrattwali, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali).

69.

It-tielet nett, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat it-terminu “proċeduri legali”, li jinsab fl-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 (li jikkonċerna l-immunità tal-membri tal-Parlament Ewropew) bħala li jipprekludi wkoll proċeduri ċivili ( 31 ). Minħabba l-formulazzjoni u l-għan simili taż-żewġ dispożizzjonijiet, ma tantx ikun konċepibbli li dan it-terminu jingħata interpretazzjoni differenti meta użat fl-Artikolu 11 tal-istess Protokoll.

70.

Ir-raba’ nett, nosserva li l-interpretazzjoni proposta tal-Artikolu 11 tal-Protokoll Nru 7 hija konsistenti wkoll mal-Artikolu 31(1) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar Relazzjonijiet Diplomatiċi ( 32 ), li skontha “aġent diplomatiku għandu jgawdi minn immunità mill-ġurisdizzjoni kriminali tal-Istat riċeventi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u, ħlief għal eċċezzjonijiet, ukoll “mill-ġurisdizzjoni ċivili u amministrattiva tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

71.

Għalhekk, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun fis-sens li l-immunità mill-proċeduri legali prevista mill-Artikolu 11 tal-Protokoll Nru 7 tkopri kwalunkwe proċedura legali, inkluż talbiet ċivili.

D.   It-tielet domanda

72.

Fl-aħħar nett, it-tielet domanda tikkonċerna r-rinunzja tal-immunità minn proċeduri legali. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk din ir-rinunzja tistax tiġi wkoll mitluba fil-kuntest ta’ azzjoni ċivili u, jekk iva, min għandu jibda l-proċedura inkwistjoni.

73.

Għal darba oħra, il-formulazzjoni tal-Artikolu 17 tal-Protokoll Nru 7 ma tinkludi l-ebda limitu fir-rigward tat-tipi ta’ proċeduri mibdija fir-rigward ta’ uffiċjali u aġenti oħra tal-Unjoni li fir-rigward tagħhom rinunzja tista’ tintalab. Għalhekk, ma nara l-ebda raġuni li nikkunsidra li rinunzja tista’ tiġi mitluba biss fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali.

74.

Lanqas ma nara l-ebda loġika biex tali distinzjoni tiġi sostnuta. Kif spjegat fil-punt 67 iktar ’il fuq, privileġġi u immunitajiet jingħataw lill-persunal tal-Unjoni fl-interess tal-Unjoni, sabiex jippermettu lil dak il-persunal sabiex iwettaq dmirijietu b’mod effettiv, mingħajr ma jkollu għalfejn jibża’ minn proċeduri legali (ċivili, kriminali, amministrattivi jew oħrajn) għall-atti li wettaq f’dak il-kuntest. Għalhekk jista’ jkun hemm naturalment sitwazzjonijiet li fihom l-Unjoni tiddeċiedi li l-bidu u t-twettiq ta’ tali proċeduri legali – kemm jekk ta’ natura ċivili, kriminali jew oħra – ma huwiex kuntrarju għall-interessi tagħha.

75.

Għaldaqstant, rinunzja tista’ tintalab fil-kuntest ta’ azzjoni ċivili.

76.

Fir-rigward, imbagħad, tal-organu li għandu jibda l-proċedura sabiex tintalab rinunzja, id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll la jirregolaw kif il-proċedura għat-talba ta’ rinunzja għandha titwettaq fuq livell nazzjonali, u lanqas ma jidentifikaw l-awtoritajiet nazzjonali li huma kompetenti għal dawk il-finijiet. Ninnota li l-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar Relazzjonijiet Diplomatiċi, l-istess, ma tinkludi ebda regola f’dan ir-rigward ( 33 ).

77.

Wieħed jista’ jifhem dan, fid-dawl tal-varjetà possibbli ta’ xenarji li fihom tali rinunzja tista’ tintalab u minn liema organu nazzjonali. Min eżattament ikun l-organu kompetenti fuq livell nazzjonali jiddependi min-natura (ċivili, kriminali, amministrattiva jew oħra) tal-proċeduri. Isegwi li, fl-assenza ta’ regola tal-Unjoni fuq din il-materja, dawn l-aspetti ma jistgħux ma jiġux irregolati mid-dritt nazzjonali, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali.

78.

Jekk wieħed iħares lejn il-prattika ta’ Stati Membri varji, kif jista’ jidher, pereżempju, mid-deċiżjonijiet tal-Parlament Ewropew rigward ir-rinunzji mitluba għall-Membri tiegħu, jew mill-każijiet li waslu quddiem il-qrati tal-Unjoni ( 34 ), jidher li r-rinunzji ġeneralment jintalbu mill-awtoritajiet ġudizzjarji responsabbli għall-qasam (b’mod partikolari, il-qorti li jkollha ġurisdizzjoni fuq it-tilwima, jew il-prosekutur pubbliku inkarigat mill-investigazzjoni u/jew mill-prosekuzzjoni).

79.

Madankollu, anki jekk id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll Nru 7 ma jirregolawx il-fażi proċedurali fuq livell nazzjonali, huma jirregolaw “in-naħa tal-Unjoni” tal-proċedura. Tassew, l-Artikolu 17 tiegħu jindika li, meta rinunzja tkun mitluba, huwa għal kull istituzzjoni tal-Unjoni biex tikkunsidra jekk “[i]r-rinunzja għal dik l-immunità ma tkunx kontra l-interessi ta’ l-Unjoni”. F’dan il-każ, jekk tintalab rinunzja, tkun il-Kummissjoni Ewropea (bħala l-Kulleġġ tal-Kummissarji), li teżamina dik it-talba u tieħu deċiżjoni dwarha.

80.

Huwa ċar li d-deċiżjoni dwar jekk l-għoti ta’ rinunzja jew le tkunx kuntrarja għall-interessi tal-Unjoni hija waħda fil-parti l-kbira politika. Tirrikjedi evalwazzjoni tal-impatt li l-proċeduri legali kontra membru tal-persunal jista’ jkollhom fuq l-integrità tal-istituzzjoni rilevanti. Għalhekk, l-istituzzjonijiet kompetenti tal-Unjoni jgawdu minn diskrezzjoni wiesgħa f’din l-evalwazzjoni ( 35 ).

81.

Għalhekk nipproponi li t-tielet domanda tiġi risposta fis-sens li rinunzja tal-immunità minn proċeduri legali tista’ tintalab ukoll fil-kuntest ta’ azzjoni ċivili. Huwa d-dritt nazzjonali li għandu jiddetermina l-awtoritajiet li għandhom il-kompetenza li jagħmlu tali talba.

V. Konklużjoni

82.

Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi preliminari magħmula mill-Polymeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza, Ateni) kif ġej:

(1)

It-termini “immunità minn proċeduri legali” (“ετεροδικία”, “eterodikia”) u “immunità” (“ασυλία”, “asylia”), li jinsabu fl-Artikolu 11(a) tal-verżjoni Griega tal-Protokoll Nru 7 għandhom l-istess tifsira.

(2)

L-immunità minn proċeduri legali stabbilita fl-Artikolu 11 tal-Protokoll Nru 7 tinkludi talbiet ċivili.

(3)

Rinunzja tal-immunità minn proċeduri legali, stabbilita fl-Artikolu 17 tal-Protokoll Nru 7, tista’ tintalab fil-kuntest ta’ azzjoni ċivili. Huwa d-dritt nazzjonali li għandu jiddetermina l-awtoritajiet li għandhom il-kompetenza li jagħmlu tali talba.

(4)

Rikors għal responsabbiltà mhux kuntrattwali ppreżentat minn membru tal-persunal temporanju preċedenti tal-Unjoni Ewropea għall-irkupru ta’ dannu allegatament subit minnu minħabba t-tmiem mhux xieraq tal-kuntratt tiegħu għandu jiġi dirett kontra l-Unjoni Ewropea u ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Skont din id-dispożizzjoni, “membri tal-persunal temporanju” jinkludu “persunal, barra uffiċjali tal-Unjoni imqabbad biex jassisti jew persuna li għandha uffiċċju pprovdut fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jew it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jew il-President elett ta’ waħda mill-istituzzjonijiet jew organi tal-Unjoni, jew wieħed mill-gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew jew il-Kumitat tar-Reġjuni, jew grupp fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew”. Ara r-Regolament Nru 31 (KEE), 11 (KEFA), li jistabbilixxi ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Komunità Ekonomika Ewropea u tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 1962, p. 45, p. 1385), kif emendat.

( 3 ) Sentenza tal-10 ta’ Jannar 2019, RY vs Il‑Kummissjoni (T‑160/17, EU:T:2019:1).

( 4 ) RY vs Il‑Kummissjoni (T‑824/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:6).

( 5 ) Sentenza tal-10 ta’ Lulju 1969, Sayag u Zurich (9/69, EU:C:1969:37, punt 7).

( 6 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Gand fil-kawża Sayag u Zurich (9/69, EU:C:1969:31, p. 338).

( 7 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies (C‑502/19, EU:C:2019:1115, punti 76, 77, 8791), u tat-12 ta’ Settembru 2007, Nikolaou vs Il‑Kummissjoni (T‑259/03, EU:T:2007:254, punti 162, 185 sa 188, 192 sa 199, 208209). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Il‑Kummissjoni vs RQ (C‑831/18 P, EU:C:2019:1143, punti 5455), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Hogan fil-kawża Auditors vs Pinxten (C‑130/19, EU:C:2020:1052, punti 2832).

( 8 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 1969, Sayag u Zurich (9/69, EU:C:1969:37, punti 910), u tat-22 ta’ Marzu 1990, Le Pen u Front National (C‑201/89, EU:C:1990:133, punt 11).

( 9 ) F’dan is-sens, b’analoġija, ara s-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2011, Patriciello (C‑163/10, EU:C:2011:543, punti 3536).

( 10 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2011, Patriciello (C‑163/10, EU:C:2011:543, punti 2223). Konformità mill-awtoritajiet nazzjonali mar-regoli stabbiliti fil-Protokoll Nru 7 tista’ fl-aħħar tasal għand il-Qorti tal-Ġustizzja indirettament, permezz ta’ proċeduri ta’ ksur skont l-Artikoli 258 sa 260 TFUE: ara, b’analoġija, id-digriet tal-15 ta’ Diċembru 2020, Junqueras i Vies vs Il‑Parlament (T‑24/20, EU:T:2020:601, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 11 ) Sentenza tal‑10 ta’ Jannar 2019, RY vs Il‑Kummissjoni (T‑160/17, EU:T:2019:1, punt 38).

( 12 ) Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Unjoni, għandu jkun hemm rabta kawżali diretta bejn l-att żbaljat u d-dannu sabiex tiskatta r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni (wieħed jista’ madankollu jassumi li dik il-kundizzjoni hija l-istess fil-parti l-kbira tal-ordinamenti ġuridiċi oħrajn, inkluż nazzjonali): ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, L‑Unjoni Ewropea vs Guardian Europe u Guardian Europe vs L‑Unjoni Ewropea (C‑447/17 P u C‑479/17 P, EU:C:2019:672, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 13 ) Kif stabbilit iktar ’il fuq fil-punt 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 14 ) Sentenza tal-10 ta’ Jannar 2019, RY vs Il‑Kummissjoni (T‑160/17, EU:T:2019:1, punt 31).

( 15 ) Sentenza tal-10 ta’ Lulju 1969, Sayag u Zurich (9/69, EU:C:1969:37, punt 5).

( 16 ) Fil-fatt, kif il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja osservat fl-Opinjoni Konsultattiva tagħha tad‑29 ta’ April 1999 dwar Difference Relating to Immunity from Legal Process of a Special Rapporteur of the Commission on Human Rights (Rapporti tal-QIĠ, 1999, p. 62, punt 66), “il-kwistjoni tal-immunità minn proċess legali hija distinta mill-kwistjoni tal-kumpens għal kwalunkwe ħsara mġarrba bħala riżultat ta’ atti mwettqa min-Nazzjonijiet Uniti jew mill-aġenti tagħha li jaġixxu fil-kapaċità uffiċjali tagħhom”.

( 17 ) Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, L‑Unjoni Ewropea vs Kendrion (C‑150/17 P, EU:C:2018:1014, punt 33).

( 18 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 1988, Asteris et (C‑106/87, EU:C:1988:457, punti 1415), u tad‑29 ta’ Lulju 2010, Hanssens‑Ensch (C‑377/09, EU:C:2010:459, punt 17).

( 19 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Frar 1979, Granaria (C‑101/78, EU:C:1979:38, punt 16), u tas-27 ta’ Settembru 1988, Asteris et (C‑106/87, EU:C:1988:457, punt 14).

( 20 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ Lulju 2010, Hanssens‑Ensch (C‑377/09, EU:C:2010:459, punti 23 sa 26).

( 21 ) Ara, inter alia, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Eżami mill-ġdid Missir Mamachi di Lusignano vs Il‑Kummissjoni (C‑417/14 RX‑II, EU:C:2015:588, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 22 ) Ara, iktar ’il fuq, il-punt 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 23 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Eżami mill-ġdid Missir Mamachi di Lusignano vs Il‑Kummissjoni (C‑417/14 RX‑II, EU:C:2015:588, punti 39 sa 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 24 ) Ara, iktar ’il fuq, punti 12 u 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 25 ) Bl-istess mod, l-Opinjoni tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Missir Mamachi di Lusignano vs Il‑Kummissjoni (C‑417/14 RX‑II, EU:C:2015:593, punt 48).

( 26 ) Ara, inter alia, is-sentenza tas‑27 ta’ April 2017, Onix Asigurări (C‑559/15, EU:C:2017:316, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 27 ) Ara, inter alia, is-sentenza tad-19 ta’ April 2007, Profisa (C‑63/06, EU:C:2007:233, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 28 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies (C‑502/19, EU:C:2019:1115, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 29 ) Enfasi tiegħi. Din id-dispożizzjoni hija espressjoni tal-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 343 TFUE, li skontha l-Unjoni għandha tgawdi l-privileġġi u l-immunitajiet li huma “meħtieġa għat-twettieq tad-doveri tagħha”.

( 30 ) Ara, inter alia, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Gand fil-kawża Sayag u Zurich (9/69, EU:C:1969:31, p. 339), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Marra (C‑200/07 u C‑201/07, EU:C:2008:369, punt 35).

( 31 ) Ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 2008, Marra et (C‑200/07 u C‑201/07, EU:C:2008:579), u tas-6 ta’ Settembru 2011, Patriciello (C‑163/10, EU:C:2011:543, punt 34). Bl-istess mod, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Patriciello (C‑163/10, EU:C:2011:379, punt 51): “tkopri t-tipi kollha ta’ responsabbiltà legali, b’mod partikolari r-responsabbiltà kriminali u ċivili”.

( 32 ) Konkluża fi Vjenna fit‑18 ta’ April 1961, u daħlet fis-seħħ fl‑24 ta’ April 1964 (Nazzjonijiet Uniti, Serje ta’ Trattati, Vol. 500, p. 95). Minkejja li din il-konvenzjoni tapplika biss għall-Istati, ġeneralment huwa kkunsidrat li organizzazzjonijiet internazzjonali wkoll għandhom igawdu immunitajiet simili: ara, pereżempju, Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, 18 ta’ Frar 1999, Waite u Kennedy vs Il‑Ġermanja (CE:ECHR:1999:0218JUD002608394, punt 63), u 27 ta’ Ġunju 2013, Stichting Mothers of Srebrenica et vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (CE:ECHR:2013:0611DEC006554212, punt 139).

( 33 ) Ara, iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 32. Fir-rigward tar-rinunzji, ara l-Artikolu 32 tiegħu. B’mod ġenerali fuq din id-dispożizzjoni, ara Denza, E., Diplomatic Law: Commentary on the Vienna Convention on Diplomatic Relations, ir-raba’ edizzjoni, Oxford University Press, 2016, pp. 273 sa 287.

( 34 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 2018, RQ vs Il‑Kummissjoni (T‑29/17, EU:T:2018:717, punti 56); tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies (C‑502/19, EU:C:2019:1115, punt 92); u tas‑17 ta’ Settembru 2020, Troszczynski vs Il‑Parlament (C‑12/19 P, EU:C:2020:7, punt 10).

( 35 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2018, Troszczynski vs Il‑Parlament (T‑550/17, EU:T:2018:754, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).