KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

HOGAN

ippreżentati fit-12 ta’ Novembru 2020 ( 1 )

Kawża C‑729/19

TKF

vs

Department of Justice for Northern Ireland

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Appeal in Northern Ireland (il-Qorti tal-Appell tal-Irlanda ta’ Fuq, ir-Renju Unit))

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet u kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment – Regolament (KE) Nru 4/2009 – Artikolu 75 – Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis – Possibbiltà li jiġu rreġistrati u eżegwiti sentenzi mogħtija qabel l-adeżjoni tal-Istat ta’ oriġini mal-Unjoni Ewropea)

I. Introduzzjoni

1.

F’liema ċirkustanzi (jekk hemm), sentenza għal manteniment mogħtija minn qorti nazzjonali qabel l-adeżjoni ta’ dak il-pajjiż mal-Unjoni Ewropea hija intitolata għal rikonoxximent skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment ( 2 )? Din hija essenzjalment il-kwistjoni maħluqa mit-talba li ġejja għal deċiżjoni preliminari mill-Court of Appeal in Northern Ireland (il-Qorti tal-Appell tal-Irlanda ta’ Fuq, ir-Renju Unit).

2.

Għaldaqstant, it-talba preżenti għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni fir-Renju Unit ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet relatati ma’ obbligi ta’ manteniment mogħtija fil-Polonja qabel l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004 u qabel id-data tal-applikazzjoni, jiġifieri t-18 ta’ Ġunju 2011, tar-Regolament Nru 4/2009. Qabel ma jiġu eżaminati ċ-ċirkustanzi fattwali li wasslu għal din it-talba għal deċiżjoni preliminari, l-ewwel huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti d-dispożizzjonijiet ġuridiċi rilevanti.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

1. Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001

3.

L-Artikolu 66 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali ( 3 ) jipprovdi li:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika biss għal proċedimenti legali istitwiti u għal dokumenti formalment imħejjija jew irreġistrati bħala strumenti awtentiċi wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.

2.   B’dana kollu, jekk il-proċedimenti fl-Istat Membru ta’ l-oriġini infetħu qabel id-dħul b’effett ta’ dan ir-Regolament, sentenza mogħtija wara dik id-data għandhom ikunu rikonoxxuti u eżegwibbli skond il-Kapitolu III,

(a)

jekk il-proċedimenti fl-Istat Membru ta’ l-oriġini infetħu wara d-dħul fis-seħħ tal-[Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-Ġurisdizzjoni u Eżekuzzjoni tas-Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32); iktar ’il quddiem il-‘Konvenzjoni ta’ Brussell’], jew il-Konvenzjoni ta’ Lugano [dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni tas-Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali (ĠU 1988, L 319, p. 9); iktar ’il quddiem il-‘Konvenzjoni ta’ Lugano’], kemm fl-Istat Membru ta’ l-oriġini u fl-Istat Membru indirizzat;

(b)

fil-każi l-oħra kollha, jekk il-ġurisdizzjoni kienet ibbażata fuq ir-regoli li kienu mogħtija ma’ dawk li hemm disposizzjoni dwarhom jew f’Kapitolu II jew f’konvenzjoni konkluża bejn l-Istat Membru ta’ l-oriġini u l-Istat Membru indirizzat li kienet tapplika meta nfetħu l-proċedimenti.”

2. Regolament Nru 4/2009

4.

Il-premessi 31, 44 u 47 tar-Regolament Nru 4/2009 jiddikjaraw li:

“(31)

Sabiex jiġi ffaċilitat l-irkupru transkonfinali ta’ manteniment, għandha tiġi stabbilita sistema ta’ kooperazzjoni bejn l-Awtoritajiet Ċentrali maħtura mill-Istati Membri. Huma għandhom jgħinu lill-kredituri u lid-debituri ta’ manteniment biex jasserixxu d-drittijiet tagħhom fi Stat Membru ieħor billi jippreżentaw talbiet għar-rikonoxximent, dikjarazzjoni dwar l-eżekutorjetà u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet li diġà jeżistu, l-emendar ta’ tali deċiżjonijiet jew biex tingħata deċiżjoni. Huma għandhom jiskambjaw ukoll informazzjoni sabiex isibu d-debituri u l-kredituri, u jidentifikaw id-dħul u l-assi tagħhom kif meħtieġ. Finalment, huma għandhom jikkooperaw ukoll ma’ xulxin permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni ġenerali u jippromwovu l-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri tagħhom.

[…]

(44)

Dan ir-Regolament għandu jemenda r-Regolament (KE) Nru 44/2001 billi jissostitwixxi d-dispożizzjonijiet li japplikaw fil-qasam ta’ obbligi ta’ manteniment. Soġġett għad-dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom, fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment, japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament dwar il-kompetenza, ir-rikonoxximent, eżekutorjetà u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-għajnuna ġudizzjarja minflok dawk tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 mid-data ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

[…]

(47)

B’mod konformi mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, ir-Renju Unit ma huwiex qiegħed jipparteċipa fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhuwiex marbut bih jew soġġett għall-applikazzjoni tiegħu. Dan huwa madankollu mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li għandu r-Renju Unit li jinnotifika l-intenzjoni tiegħu li jaċċetta dan ir-Regolament wara li jiġi adottat skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll imsemmi.”

5.

L-Artikolu 2(1)(1) tar-Regolament Nru 4/2009, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

1.

‘deċiżjoni’: għandha tfisser deċiżjoni fi kwistjonijiet relatati ma’ obbligi ta’ manteniment mogħtija minn ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru, tkun xi tkun id-denomenazzjoni, jiġifieri digriet, ordni, sentenza jew mandat ta’ eżekuzzjoni, kif ukoll id-deċiżjoni minn uffiċjal tal-qorti li tiddetermina l-infiq jew l-ispejjeż. Għall-finijiet tal-Kapitoli VII u VIII, ‘deċiżjoni’ għandha tfisser ukoll deċiżjoni fi kwistjonijiet relatati ma’ obbligi ta’ manteniment mogħtija fi Stat terz”.

6.

Il-Kapitolu IV tar-Regolament Nru 4/2009, intitolat “Rikonoxximent, eżekutorjetà u eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet”, huwa maqsum fi tliet taqsimiet. Skont l-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament, it-Taqsima 1, li tinkludi l-Artikoli 17 sa 22 ta’ dan ir-regolament, tapplika għal deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru marbut bil-Protokoll ta’ Den Haag tat-23 ta’ Novembru 2007 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi ta’ Manteniment (iktar ’il quddiem “il-Protokoll ta’ Den Haag”); it-Taqsima 2, li tinkludi l-Artikoli 23 sa 38 ta’ dan ir-regolament, tapplika għal deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru mhux marbut bil-Protokoll ta’ Den Haag; filwaqt li t-Taqsima 3, li tinkludi l-Artikoli 39 sa 43 ta’ dan ir-regolament, fiha dispożizzjonijiet komuni għad-deċiżjonijiet kollha.

7.

Il-Kapitolu VII tar-Regolament Nru 4/2009 jinkludi dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ċentrali fl-Artikoli 49 sa 63 ta’ dan ir-regolament.

8.

L-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 4/2009, intitolat “Dispożizzjonijiet transitorji”, jipprovdi li:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika biss għal proċedimenti istitwiti, transazzjonijiet ġudizzjarji approvati jew konklużi, u għal strumenti awtentiċi stabbiliti mid-data ta’ applikazzjoni tiegħu, soġġett għall-paragrafi 2 u 3.

2.   It-Taqsimiet 2 u 3 tal-Kapitolu IV għandhom japplikaw:

(a)

għad-deċiżjonijiet mogħtija fl-Istati Membri qabel id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament li r-rikonoxximent u d-dikjarazzjoni dwar l-eżekutorjetà għalihom jintalbu minn dik id-data;

(b)

għad-deċiżjonijiet mogħtija mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament b’segwitu għal proċeduri mibdijin qabel dik id-data,

safejn dawk id-deċiżjonijiet jaqgħu, għall-finijiet tar-rikonoxximent u tal-eżekuzzjoni, fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-[Regolament Nru 44/2001].

Ir-[Regolament Nru 44/2001] jibqa’ applikabbli għall-proċeduri ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni li jkunu għadhom għaddejjin fid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

L-ewwel u t-tieni subparagrafu għandhom japplikaw mutatis mutandis għat-transazzjonijiet ġudizzjarji approvati jew konklużi u għall-istrumenti stabbiliti fl-Istati Membri.

3.   Il-Kapitolu VII dwar il-kooperazzjoni bejn l-Awtoritajiet Ċentrali għandu japplika għat-talbiet u l-applikazzjonijiet li tirċievi l-Awtorità Ċentrali mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.”

9.

Skont l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 4/2009, ħlief għall-Artikoli 2(2), 47(3), 71, 72 u 73, ir-regolament għandu japplika mit-18 ta’ Ġunju 2011, suġġett għall-Protokoll ta’ Den Haag li jkun applikabbli fl-Unjoni sa dik id-data.

3. Deċiżjoni 2009/451/KE

10.

Skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/451/KE tat-8 ta’ Ġunju 2009 dwar l-intenzjoni tar-Renju Unit biex [j]aċċetta ir-Regolament (KE) Nru 4/2009 ( 4 ), dak ir-regolament daħal fis-seħħ fir-Renju Unit fl-1 ta’ Lulju 2009.

4. Deċiżjoni 2009/941/KE

11.

Skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/941/KE tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tal-Protokoll tal-Aja ( 5 ), ir-regoli ta’ dan il-protokoll ġew applikati proviżorjament fl-Unjoni mit-18 ta’ Ġunju 2011.

B.   Id-dritt tar-Renju Unit

12.

L-Artikolu 4(1A) tal-Magistrates’ Courts (Civil Jurisdiction and Judgments Act 1982) Rules (Northern Ireland) 1986 (ir-Regolament tal-1986 tal-Qrati tal-Maġistrati, l-Irlanda ta’ Fuq) (l-Att tal-1982 dwar il-Ġurisdizzjoni u s-Sentenzi Ċivili), jipprovdi li:

“Fejn ir-reġistratur tas-sessjonijiet żgħar jirċievi applikazzjoni skont l-Artikolu 26 tar-[Regolament Nru 4/2009] għar-reġistrazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ manteniment magħmula fi Stat tar-Regolament għajr ir-Renju Unit huwa għandu, suġġett għall-Artikolu 24 tar-[Regolament Nru 4/2009] u għall-paragrafi 3 u 4 ta’ din ir-regola, jara li l-ordni tiġi rreġistrata fil-qorti tiegħu permezz ta’ minuta jew memorandum imdaħħal u ffirmat minnu fir-Reġistru tad-Deċiżjonijiet.”

III. Il-fatti tal-kawża prinċipali

13.

TKF u AKF, it-tnejn ċittadini Pollakki, iżżewġu fil-Polonja fl-1991. Huma kellhom żewġ subien. Fl-1 ta’ April 1999, qorti Pollakka tat deċiżjoni ta’ manteniment favur AKF kontra TKF. Aktar proċeduri ta’ manteniment inbdew quddiem il-qrati Pollakki, bejn Diċembru 2002 u Frar 2003. Dawn il-proċeduri sussegwenti taw lok għal dak li l-qorti tar-rinviju ddeskriviet bħala “ordnijiet ta’ manteniment aġġornati” datati 14 ta’ Frar 2003, u dawn id-deċiżjonijiet huma “varjazzjonijiet ta’ ordnijiet oriġinali mogħtija fl-1 ta’ April 1999” mill-istess qorti ( 6 ).

14.

TKF u AKF iddivorzjaw fl-2004. Sentejn wara, f’Awwissu 2006, TKF wasal l-Irlanda ta’ Fuq, fejn ilu jgħix sa minn dakinhar.

15.

Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-24 ta’ Ottubru 2013 u tal-15 ta’ Awwissu 2014 (iktar ’il quddiem “id-deċiżjonijiet biex issir ir-reġistrazzjoni”), reġistratur tal-Court of Petty Sessions (District of Belfast and Newtownabbey) (il-Qorti tal-Maġistrati tad-Distrett ta’ Belfast u Newtownabbey, ir-Renju Unit) irreġistra, u ddikjara eżegwibbli ż-żewġ deċiżjonijiet ta’ manteniment mogħtija mill-qorti Pollakka tal-14 ta’ Frar 2003. Id-deċiżjonijiet biex issir ir-reġistrazzjoni ttieħdu skont l-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 4/2009. Dawn jiddikjaraw ukoll li d-deċiżjonijiet hekk irreġistrati huma eżegwibbli għall-finijiet tat-Taqsima 2 tal-Kapitolu IV tal-istess regolament.

16.

TFK ikkontesta d-deċiżjonijiet biex issir ir-reġistrazzjoni quddiem il-High Court of Justice in Northern Ireland, Queen’s Bench Division (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja tal-Irlanda ta’ Fuq, Sezzjoni tal-Queen’s Bench, ir-Renju Unit) għar-raġuni li, peress li l-Polonja ma kinitx Stat Membru meta ttieħdu d-deċiżjonijiet tal-qorti Pollakka inkwistjoni, it-Taqsima 2 tal-Kapitolu 4 tar-Regolament Nru 4/2009 ma kinitx tapplika. Huwa argumenta wkoll li l-Artikoli 23 u 26 ma kinux japplikaw għad-deċiżjonijiet tal-qorti Pollakka u li, fi kwalunkwe każ, dawn id-deċiżjonijiet ma kinux jikkonformaw mal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4/2009, u dan peress li ma kien hemm l-ebda evidenza li TFK kien jaf bihom, attenda jew kien irrappreżentat fil-proċeduri inkwistjoni.

17.

Madankollu, l-azzjoni tiegħu ġiet miċħuda mill-High Court of Justice in Northern Ireland, Queen’s Bench Division (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja tal-Irlanda ta’ Fuq, Sezzjoni tal-Queen’s Bench) għar-raġuni li r-Regolament Nru 4/2009 ma fih l-ebda dispożizzjoni li tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tiegħu għal ordnijiet ta’ manteniment tal-qorti mogħtija fil-Polonja biss wara d-data tal-adeżjoni Pollakka mal-Unjoni. Barra minn hekk, jekk l-Artikolu 75(2) tar-Regolament Nru 4/2009 ma kienx japplika, ladarba l-Polonja hija Stat li huwa parti għall-Protokoll ta’ Den Haag, il-Kapitolu VII tar-Regolament Nru 4/2009 kien japplika, bis-saħħa tal-Artikolu 75(3), għall-materji inkwistjoni. Għaldaqstant il-High Court of Justice in Northern Ireland, Queen’s Bench Division (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja tal-Irlanda ta’ Fuq, Sezzjoni tal-Queen’s Bench) iddeċidiet li d-deċiżjonijiet tal-qorti Pollakka kienu ġew irreġistrati u eżegwiti kif suppost taħt dan il-kapitolu. TFK imbagħad appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-Court of Appeal in Northern Ireland (il-Qorti tal-Appell tal-Irlanda ta’ Fuq) (iktar ’il quddiem “il-qorti tar-rinviju”).

18.

Għaldaqstant, il-kwistjoni quddiem il-qorti tar-rinviju kienet tikkonċerna l-applikazzjoni ratione temporis xierqa tar-Regolament Nru 4/2009 għall-iskop tar-reġistrazzjoni u d-dikjarazzjoni bħala eżegwibbli ta’ deċiżjonijiet ta’ manteniment u fir-rigward tal-applikabbiltà tal-Artikolu 75(2) għal deċiżjonijiet mogħtija fi Stati li huma parti għall-Protokoll ta’ Den Haag. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 4/2009 għal deċiżjonijiet ta’ manteniment mogħtija fil-Polonja qabel l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni u jekk il-Magistrates’ Court of Petty Sessions District of Belfast and Newtownabbey (il-Qorti tal-Maġistrati tad-Distrett ta’ Belfast u Newtownabbey) kellhiex ġurisdizzjoni biex tirreġistra d-deċiżjonijiet rilevanti taħt xi parti tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 4/2009.

IV. It-talba għal deċiżjoni preliminari

19.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li, b’deċiżjoni tat-2 ta’ Settembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Ottubru 2019, il-Court of Appeal in Northern Ireland (il-Qorti tal-Appell tal-Irlanda ta’ Fuq) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“(1)

L-Artikolu 75(2) tar-[Regolament Nru 4/2009] għandu jiġi interpretat bħala li japplika biss għad-‘deċiżjonijiet’ li ngħataw fl-Istati li kienu Stati Membri tal-Unjoni meta ttieħdu dawn id-deċiżjonijiet?

(2)

Meta jitqies li l-Polonja bħalissa hija Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li huwa marbut bil-Protokoll ta’ Den Haagen, deċiżjonijiet ta’ manteniment meħuda minn qorti fil-Polonja fl-1999 u fl-2003, jiġifieri qabel ma l-Polonja saret Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, jistgħu jkunu rreġistrati u infurzati fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni skont kwalunkwe parti tar-[Regolament Nru 4/2009], u b’mod partikolari:

(a)

skont l-Artikolu 75(3) u l-Artikolu 56 tar-[Regolament Nru 4/2009];

(b)

skont l-Artikolu 75(2) u t-Taqsima 2 tal-Kapitolu IV tar-[Regolament Nru 4/2009];

(c)

skont l-Artikolu 75(2)(a) u t-Taqsima 3 tal-Kapitolu IV tar-[Regolament Nru 4/2009];

(d)

skont xi Artikoli oħra tar-[Regolament Nru 4/2009]?”

20.

Ġew sottomessi osservazzjonijiet bil-miktub minn TKF u mill-Kummissjoni Ewropea. Barra minn hekk, TKF, id-Department of Justice for Northern Ireland (id-Dipartiment tal-Ġustizzja għall-Irlanda ta’ Fuq), il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni Ewropea kollha ppreżentaw argumenti orali fis-seduta li saret fl-14 ta’ Ottubru 2020.

21.

Kif ġie rrimarkat waqt is-seduta orali, huwa fatt sfortunat li t-talba preżenti għal deċiżjoni preliminari tista’ tkun l-aħħar kawża mill-Irlanda ta’ Fuq li magħha ser ikollha okkażjoni taħdem direttament din il-Qorti tal-Ġustizzja. Tabilħaqq, ir-Renju Unit ħalla l-Unjoni f’nofsillejl (CET) fil-31 ta’ Jannar 2020. Madankollu, huwa nnutat, li, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 86(2) u l-Artikolu 89(1) tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika ( 7 ), is-sentenza ta’ din il-Qorti tal-Ġustizzja ser jibqa’ jkollha forza vinkolanti fl-intier tagħha fuq u fir-Renju Unit (inkluż l-Irlanda ta’ Fuq) irrispettivament mid-data li fiha tiġi ppronunzjata s-sentenza ta’ din il-Qorti tal-Ġustizzja.

V. Analiżi

A.   L-ewwel domanda

22.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-deroga mill-applikazzjoni ratione temporis tar-Regolament Nru 4/2009, stabbilita fl-Artikolu 75(2) tar-Regolament Nru 4/2009, għandhiex tiġi interpretata bħala li tapplika biss għad-“deċiżjonijiet” li ngħataw mill-qrati nazzjonali fi Stati li kienu diġà membri tal-Unjoni fiż-żmien li ngħataw dawn id-deċiżjonijiet.

23.

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, huwa neċessarju li jiġi kkunsidrat mhux biss il-kliem tagħha iżda wkoll il-kuntest li fih isseħħ u l-għanijiet segwiti mir-regoli li hija tagħmel parti minnhom ( 8 ).

24.

B’applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji għal dan il-każ, jista’ l-ewwel jiġi osservat li, skont id-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 2(1)(1) tar-Regolament Nru 4/2009, “deċiżjoni” hija deċiżjoni fi kwistjonijiet relatati ma’ obbligi ta’ manteniment mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru. Għalhekk, il-punt tat-tluq huwa li r-Regolament Nru 4/2009 jkompli mill-premessa li s-sentenza trid tkun ingħatat minn qorti ta’ Stat Membru. Din, naturalment, ma kinitx il-pożizzjoni fir-rigward tal-Polonja qabel Mejju 2004.

25.

L-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 4/2009 huwa dispożizzjoni tranżitorja li tfittex li tindirizza l-istatus tad-deċiżjonijiet mogħtija qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament. Ovvjament, għandu jiġi mfakkar li, kif tippreċiża l-premessa 44 ta’ dan ir-regolament, ir-Regolament Nru 4/2009 essenzjalment jissostitwixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali fir-rigward tal-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ ordnijiet ta’ manteniment li qabel kienu jinsabu fir-Regolament Nru 44/2001. Ir-Regolament Nru 4/2009 jikkostitwixxi, fi kliem ieħor, lex specialis fi kwistjonijiet relatati mal-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji fil-qasam speċifiku tal-obbligi tal-manteniment ( 9 ).

26.

Peress li hemm kontinwità essenzjali bejn iż-żewġ settijiet ta’ regolamenti, kien mistenni li r-Regolament Nru 4/2009 jagħmel dispożizzjoni għal deċiżjonijiet fi kwistjonijiet ta’ manteniment mogħtija fl-Istati Membri qabel id-data ta’ applikazzjoni ta’ dan l-aħħar regolament fit-18 ta’ Ġunju 2011 ( 10 ). Kif ser naraw, dan huwa rifless fid-dispożizzjonijiet tranżitorji li jinsabu fl-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 4/2009. Madankollu, id-domanda essenzjali tibqa’ dwar jekk dawn id-dispożizzjonijiet jistgħux jiġu interpretati fis-sens li jmorru lura u japplikaw għal deċiżjonijiet mogħtija mill-qrati nazzjonali qabel l-adeżjoni tagħhom bħala Stati Membri tal-Unjoni. Issa nistgħu nduru għal din il-mistoqsija ewlenija.

27.

L-Artikolu 75(1) l-ewwel jipprovdi li, suġġett għall-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-artikolu, ir-regolament għandu japplika biss għal proċeduri mibdija, għal soluzzjonijiet tal-qorti approvati jew konklużi, u għal strumenti awtentiċi stabbiliti mid-data ta’ applikazzjoni tar-regolament. L-Artikolu 75(3) jittratta l-arranġamenti tranżitorji fir-rigward tal-kooperazzjoni bejn l-Awtoritajiet Ċentrali u ma huwiex rilevanti għall-finijiet tal-ewwel domanda, għalkemm nipproponi li jiġi kkunsidrat l-impatt potenzjali ta’ din il-klawżola meta nittrattaw it-tieni domanda.

28.

Madankollu, l-Artikolu 75(2) tar-Regolament Nru 4/2009 – u, b’mod partikolari, l-Artikolu 75(2)(a) – huwa ta’ importanza ċentrali u jittratta żewġ sitwazzjonijiet kemxejn differenti. L-ewwel nett, l-Artikolu 75(2)(a) tar-Regolament Nru 4/2009 jipprovdi li t-Taqsima 2 (li tinkludi l-Artikoli 23 sa 38 ta’ dan ir-regolament u li tapplika għad-deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru mhux marbut bil-Protokoll ta’ Den Haag) u t-Taqsima 3 (li tinkludi l-Artikoli 39 sa 43 ta’ dan ir-regolament u li fiha dispożizzjonijiet komuni għad-deċiżjonijiet kollha) japplikaw għal “deċiżjonijiet mogħtija fl-Istati Membri qabel id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament li r-rikonoxximent u d-dikjarazzjoni dwar l-eżekutorjetà għalihom jintalbu minn dik id-data” ( 11 ).

29.

Naturalment, il-kliem li ħadt il-libertà li nissottolinja - “fl-Istati Membri” - għandhom jinqraw flimkien mad-definizzjoni ta’ “deċiżjoni” li tinsab fl-Artikolu 2(1)(1) tar-Regolament Nru 4/2009. Dan kollu jipprovdi evidenza testwali ċara li d-deċiżjoni tal-qorti nazzjonali inkwistjoni trid tkun ingħatat fi żmien meta l-Istat innifsu kien ukoll Stat Membru tal-Unjoni. Dan, naturalment, ma kienx jgħodd għall-Polonja qabel Mejju 2004.

30.

It-tieni nett, l-Artikolu 75(2)(a) u (b) tar-Regolament Nru 4/2009 jipprovdi li t-Taqsima 2 u t-Taqsima 3 japplikaw għal deċiżjonijiet mogħtija qabel id-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament jew wara din data iżda wara l-proċeduri li kienu bdew qabel, sakemm dawn id-deċiżjonijiet jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 għall-iskopijiet ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni. Għalhekk, din id-dispożizzjoni tindika b’mod ċar li huma biss id-deċiżjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 li jistgħu jiksbu l-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-Artikolu 75(2)(a) u (b) rispettivament.

31.

Għalhekk, huwa neċessarju li jiġi eżaminat l-Artikolu 66 tar-Regolament Nru 44/2001 li jittratta l-applikazzjoni ratione temporis ta’ dan ir-regolament.

32.

F’dan ir-rigward, kif sostna l-Gvern Pollakk fis-sottomissjonijiet orali tiegħu fis-seduta tal-14 ta’ Ottubru 2020, huwa veru li l-Artikolu 66(2)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi li sentenzi mogħtija wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament għandhom jiġu rrikonoxxuti u eżegwiti skont il-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament, “jekk il-proċedimenti fl-Istat Membru ta’ l-oriġini infetħu wara d-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni ta’ Brussel jew il-Konvenzjoni ta’ Lugano, kemm fl-Istat Membru ta’ l-oriġini u fl-Istat Membru indirizzat”.

33.

Madankollu, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’ċarezza partikolari fis-sentenza tagħha tal-21 ta’ Ġunju 2012, Wolf Naturprodukte (C‑514/10, EU:C:2012:367, punt 34), sabiex dan ir-regolament partikolari jkun applikabbli għall-iskop tar-rikonoxximent u tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza, huwa meħtieġ li, fil-ħin meta tingħata s-sentenza, ir-Regolament Nru 44/2001 kien fis-seħħ kemm fl-Istat Membru ta’ oriġini kif ukoll fl-Istat Membru li fir-rigward tiegħu hija indirizzata l-applikazzjoni għal rikonoxximent u eżekuzzjoni.

34.

Fi kliem ieħor, sa fejn huwa kkonċernat il-każ preżenti, għandu l-ewwel nett jiġi nnotat li l-proċeduri ġew istitwiti fi żmien meta l-Konvenzjoni ta’ Lugano ma kinitx tapplika għall-Polonja, peress li d-deċiżjoni ta’ manteniment hija tal-1 ta’ April 1999 ( 12 ). Filwaqt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-applikazzjonijiet li jfittxu li jaġġornaw din id-deċiżjoni oriġinali fil-fatt sarux fl-istess proċeduri – kif issuġġerit mit-terminu “aġġornament” – fi kwalunkwe każ, il-fatt li l-Konvenzjoni ta’ Lugano saret applikabbli fil-Polonja meta ġew miġjuba dawn l-applikazzjonijiet, ma huwiex rilevanti peress li l-aħħar deċiżjonijiet ingħataw fl-14 ta’ Frar 2003, jiġifieri fi żmien meta l-Polonja kienet għadha ma kinitx Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.

35.

Fi kwalunkwe każ, minn din l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tar-Regolament Nru 44/2001 jirriżulta li meta d-deċiżjonijiet inkwistjoni jkunu ngħataw minn qorti ta’ Stat li, f’dak iż-żmien, kien għadu mhux membru tal-Unjoni Ewropea, dawn id-deċiżjonijiet ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 – peress li kien għadu ma japplikax għalih – u, konsegwentement, lanqas ma jaqgħu fl-ambitu tad-dispożizzjonijiet tranżitorji stabbiliti fl-Artikolu 75(2) tar-Regolament Nru 4/2009.

36.

It-tielet nett, filwaqt li qari b’attenzjoni tat-test tal-Artikolu 75(2) tar-Regolament Nru 4/2009 jikkonferma mingħajr ambigwità li dawk li jistgħu jissejħu “sentenzi ta’ qabel l-adeżjoni” jaqgħu barra mill-ambitu ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni, f’kull każ din il-konklużjoni hija enfasizzata u kkonfermata minn kwalunkwe interpretazzjoni li tiffoka fuq l-għan jew interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 75(2) tar-Regolament Nru 4/2009. Tabilħaqq, jirriżulta mill-premessa 44 tar-Regolament Nru 4/2009 li l-għan tad-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti fl-Artikolu 75 huwa li tiġi żgurata t-tranżizzjoni mill-arranġamenti ġenerali previsti mir-Regolament Nru 44/2001 għall-arranġamenti speċifiċi għall-obbligi ta’ manteniment stabbiliti bir-Regolament Nru 4/2009, u b’hekk jippermettu r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi mogħtija taħt l-ewwel regolament. Peress li deċiżjonijiet mogħtija fi Stati li dak iż-żmien ma kinux membri tal-Unjoni ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, ma hemm l-ebda raġuni biex għal dawn id-deċiżjonijiet jiġi estiż il-benefiċċju tal-imsemmija dispożizzjonijiet tranżitorji.

37.

Il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tar-reġim sħiħ tal-Konvenzjoni u r-regolamenti ta’ Brussell konsistentement enfasizzat li s-sistema ta’ rikonoxximent u eżekuzzjoni hija mibnija fuq fiduċja reċiproka, u mhux b’inqas il-fiduċja li l-qrati tal-Istati Membri kollha ser japplikaw b’kuxjenza (jekk meħtieġ ex officio) ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni u s-salvagwardji proċedurali previsti fil-Konvenzjoni ta’ Brussell u r-regolamenti li ġew warajha, sabiex ir-rikonoxximent ta’ sentenzi ta’ qabel l-adeżjoni jiddependi fuq jekk il-qorti li tagħti s-sentenza nnifisha ħaditx ġurisdizzjoni b’referenza għal regoli ġurisdizzjonali li jaqblu ma’ dawk preskritti mill-konvenzjoni jew regolament rilevanti ( 13 ).

38.

Minn dan isegwi li l-applikazzjoni tar-regoli ssimplifikati ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni, li jipproteġu lir-rikorrent speċjalment billi jippermettulu jikseb l-eżekuzzjoni rapida, ċerta u effettiva tas-sentenza mogħtija favur tiegħu jew tagħha fl-Istat Membru ta’ oriġini, hija ġġustifikata biss sal-punt li s-sentenza li għandha tiġi rrikonoxxuta jew eżegwita ngħatat skont ir-regoli tal-ġurisdizzjoni li huma kapaċi jipproteġu l-interessi tal-konvenut. Madankollu, tali protezzjoni x’aktarx mhix iggarantita meta d-deċiżjoni tkun ingħatat fi Stat fejn ir-Regolament Nru 44/2001 ma kienx applikabbli fiż-żmien meta nbdew il-proċeduri li wasslu għad-deċiżjoni kkonċernata, speċifikament minħabba li, dak iż-żmien, dik il-qorti ma kienet taħt l-ebda obbligu li tiżgura li r-regoli li jirregolaw il-ġurisdizzjoni stess tal-qorti kienu bbażati fuq ir-regoli ġurisdizzjonali li jinsabu fl-Artikolu 3 u fit-Taqsimiet 2 sa 7 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament.

39.

Dan il-punt sar l-aħħar darba mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-21 ta’ Ġunju 2012, Wolf Naturprodukte (C‑514/10, EU:C:2012:367) fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sentenza Awstrijaka tal-2003 ma kinitx intitolata għall-infurzar fir-Repubblika Ċeka fl-2007 skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001, billi dan ir-regolament ma kienx fis-seħħ fir-Repubblika Ċeka fid-data li ngħatat is-sentenza mill-qrati Awstrijaċi ( 14 ).

40.

Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jiena tal-fehma li d-deroga mill-applikazzjoni ratione temporis tar-Regolament Nru 4/2009, stabbilita fl-Artikolu 75(2) tiegħu, għandha tiġi interpretata bħala li tapplika biss għal “deċiżjonijiet” li ngħataw minn qorti fi Stati li kienu diġà membri tal-Unjoni fiż-żmien li ngħataw dawn id-deċiżjonijiet.

41.

Din l-interpretazzjoni hija konsistenti mal-kliem, il-kuntest u l-iskop tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 4/2009. Barra minn hekk, hija wkoll konformi mal-prinċipju li l-eċċezzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod strett, sabiex ir-regoli ġenerali ma jiġux invalidati ( 15 ).

B.   It-tieni domanda

42.

Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li essenzjalment tivverifika jekk, fuq il-bażi ta’ kwalunkwe parti tar-Regolament Nru 4/2009, fi Stat Membru huwiex possibbli li tiġi rrikonoxxuta u eżegwita deċiżjoni mogħtija minn qorti ta’ Stat qabel l-adeżjoni tiegħu mal-Unjoni.

43.

Mill-bidu ta’ min ifakkar li skont l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 4/2009, ir-regolament japplika b’effett mit-18 ta’ Ġunju 2011, ħlief għall-eċċezzjonijiet li jinsabu fl-Artikoli 2(2), 47(3), 71, 72 u 73. Barra minn hekk, l-uniċi derogi għal din ir-regola ġew irregolati espressament mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 75(2) u (3) tar-Regolament Nru 4/2009. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dawn id-dispożizzjonijiet jidhru li huma l-uniċi rilevanti biex iwieġbu t-tieni domanda magħmula.

44.

Madankollu, mit-tweġiba tiegħi għall-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-Artikolu 75(2) tar-Regolament Nru 4/2009 ma jistax jiġi applikat għal deċiżjonijiet li ngħataw fi Stati li kienu għadhom ma humiex membri tal-Unjoni fiż-żmien li ngħataw dawn id-deċiżjonijiet. Jekk din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 75(2) tar-Regolament Nru 4/2009 hija korretta, jista’ jkun kemxejn improbabbli li d-dispożizzjonijiet anċillari tal-Artikolu 75(3) tar-Regolament Nru 4/2009 jkollhom l-effett indirett li jiffaċilitaw ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni magħmula minn qorti ta’ Stat qabel l-adeżjoni tiegħu mal-Unjoni. Wasalt għall-konklużjoni li din id-dispożizzjoni lanqas ma tista’ tiġi interpretata f’dan is-sens. Jiena ta’ din il-fehma għar-raġunijiet li ġejjin.

45.

L-ewwel nett, mill-kliem tal-Artikolu 75(3) tar-Regolament Nru 4/2009 jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VII ta’ dan ir-regolament, li jikkonċernaw il-kooperazzjoni bejn l-Awtoritajiet Ċentrali, għandhom japplikaw għal talbiet u applikazzjonijiet li tirċievi l-Awtorità Ċentrali mid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 4/2009 mingħajr ebda restrizzjoni oħra. Madankollu, skont id-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 4/2009, it-terminu “deċiżjoni” jkopri wkoll deċiżjonijiet fi kwistjonijiet relatati ma’ obbligi ta’ manteniment mogħtija fi Stat terz fil-kuntest ta’ dan il-Kapitolu VII.

46.

Madankollu, b’mod realistiku, dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħux iwasslu għall-konklużjoni li deċiżjoni mogħtija fi Stat terz qabel l-adeżjoni tiegħu mal-Unjoni hija rrikonoxxuta u eżegwita fi Stat Membru peress li tibbenefika mir-regoli ssimplifikati tar-Regolament Nru 4/2009 sempliċement minħabba l-fatt li l-kreditur jista’ jirrikorri għand Awtorità Ċentrali.

47.

Qabelxejn, dan ikun imur kontra t-tħassib għall-bilanċ bejn ir-rikorrenti u l-konvenuti li huwa l-bażi tal-interpretazzjoni restrittiva tad-deroga prevista fl-Artikolu 75(2) tar-Regolament Nru 4/2009 ( 16 ). It-tieni nett, tkun tiddiskrimina bejn kredituri li jagħżlu li jirrikorru għall-Awtoritajiet Ċentrali u dawk li jaġixxu waħedhom, minkejja li din il-Qorti tal-Ġustizzja espressament irrikonoxxiet li persuna għandha dritt – iżda mhi taħt l-ebda obbligu – li tagħmel talba lill-Awtoritajiet Ċentrali għal assistenza skont id-dispożizzjonijiet fil-Kapitolu VII tar-Regolament Nru 4/2009 ( 17 ). Għaldaqstant, bilkemm jista’ jiġi ssuġġerit li r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ qabel l-adeżjoni jistgħu jiddependu fuq jekk il-kreditur tad-deċiżjoni ta’ manteniment fil-fatt kienx għamel użu mill-għażliet ipprovduti mill-Kapitolu VII. Kif osserva l-aġent għal TKF waqt is-seduta, lanqas ma’ hemm xi ħaġa li tissuġġerixxi li – b’kuntrast qawwi mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV – hemm xi karatteristika ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VII li kienet maħsuba biex tagħti ġurisdizzjoni.

48.

Sabiex l-Artikolu 75(3) tar-Regolament Nru 4/2009 ma jiġix imċaħħad mit-tifsira tiegħu, għandu jiġi ppreċiżat li l-interpretazzjoni restrittiva ssuġġerita ma tapplikax għall-applikazzjonijiet u t-talbiet imsemmija fl-Artikoli 51 u 56 tar-Regolament Nru 4/2009 li ma jikkonċernawx direttament ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet mogħtija minn qorti ta’ Stat qabel l-adeżjoni tiegħu. Ikun pjuttost possibbli, pereżempju, li tali kreditur tas-sentenza jitlob l-għajnuna tal-Awtorità Ċentrali biex tgħin jinstab debitur ( 18 ) jew biex tiffaċilita t-tfittxija għal informazzjoni rilevanti dwar id-dħul tiegħu jew tagħha u, fejn xieraq, ċirkustanzi finanzjarji oħra ( 19 ), jew saħansitra biex jinkiseb l-istabbiliment ta’ deċiżjoni fejn ma jkunux possibbli r-rikonoxximent u d-dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà ta’ deċiżjoni mogħtija fi Stat għajr l-Istat Membru mitlub ( 20 ).

49.

Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-opinjoni li fuq il-bażi tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 4/2009 jew kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta’ dan ir-regolament, ma huwiex possibbli li jinkiseb ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija minn qorti ta’ Stat qabel l-adeżjoni tiegħu mal-Unjoni skont ir-regoli stabbiliti fir-Regolament Nru 4/2009. Għalhekk, fuq din il-bażi, isegwi li s-sentenzi mogħtija mill-qrati Pollakki qabel l-adeżjoni tal-Polonja mal-Unjoni Ewropea ma humiex intitolati għal rikonoxximent u eżekuzzjoni.

VI. Konklużjoni

50.

Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha twieġeb id-domandi magħmula mill-Court of Appeal in Northern Ireland (il-Qorti tal-Appell tal-Irlanda ta’ Fuq, ir-Renju Unit) kif ġej:

1.

Id-deroga mill-applikazzjoni ratione temporis tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment, stabbilita fl-Artikolu 75(2) tar-Regolament Nru 4/2009, għandha tiġi interpretata bħala li tapplika biss għal deċiżjonijiet li ngħataw minn qorti fi Stati li kienu diġà membri tal-Unjoni fiż-żmien li ngħataw dawn id-deċiżjonijiet.

2.

Fuq il-bażi tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 4/2009 jew kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta’ dan ir-regolament ma huwiex possibbli li jinkiseb ir-rikonoxximent u jew l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija minn qorti ta’ Stat qabel l-adeżjoni tiegħu mal-Unjoni skont ir-regoli stabbiliti fir-Regolament Nru 4/2009.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) ĠU 2009 L 7, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2011, L 131, p. 26, fil-ĠU 2013 L 8, p. 19, u fil-ĠU 2013, L 281, p. 29.

( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42.

( 4 ) ĠU 2009, L 149, p. 73.

( 5 ) ĠU 2009, L 331, p. 17.

( 6 ) Madankollu, ma huwiex ċar għalkollox mill-proċess jekk il-proċeduri tal-2002-2003 kinux jirrappreżentaw sett kompletament ġdid ta’ proċedimenti jew jekk (kif possibbilment huwa aktar probabbli) l-ordni ta’ manteniment “aġġornata” kinitx ir-riżultat ta’ rikorsi ġodda magħmula fl-2002-2003 fir-rigward tal-proċeduri preeżistenti tal-1999. Din fl-aħħar mill-aħħar hija kwistjoni li għandha taċċerta l-qorti tar-rinviju.

( 7 ) ĠU 2020, L 29, p. 7.

( 8 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, L (C‑656/13, EU:C:2014:2364, punt 38).

( 9 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2020, FX (Oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni ta’ talba għal manteniment) (C‑41/19, EU:C:2020:425, punt 33).

( 10 ) Kif previst fl-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 4/2009.

( 11 ) Enfasi miżjuda.

( 12 ) Il-Konvenzjoni ta’ Lugano daħlet fis-seħħ fil-Polonja fl-1 ta’ Frar 2000.

( 13 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 1997, von Horn (C‑163/95, EU:C:1997:472, punti 18 sa 20).

( 14 ) Ara l-punti 28 sa 30.

( 15 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, Wucher Helicopter u Euro‑Aviation Versicherung (C‑6/14, EU:C:2015:122, punt 24). Ara wkoll is-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (Inġiniera ċivili, aġenti tal-privattivi u kirurgi veterinarji) (C‑209/18, EU:C:2019:632, punt 35).

( 16 ) Ara l-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 17 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Frar 2017, S. (C‑283/16, EU:C:2017:104, punt 40).

( 18 ) Artikolu 51(2)(b) tar-Regolament Nru 4/2009.

( 19 ) Artikolu 51(2)(c) tar-Regolament Nru 4/2009

( 20 ) Artikolu 56(1)(d) tar-Regolament Nru 4/2009.