KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TANCHEV

ippreżentati fil‑15 ta’ Lulju 2021 ( 1 )

Kawża C‑725/19

IO

vs

Impuls Leasing România IFN SA

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Judecătoria Sectorului 2 Bucureşti (il-Qorti tal-Ewwel Istanza, Settur 2, Bukarest, ir-Rumanija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil‑kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Artikoli 6(1) u 7(1) – Prinċipju ta’ effettività – Proċeduri ta’ eżekuzzjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprekludi lill‑qorti adita b’oppożizzjoni għal eżekuzzjoni milli tistħarreġ in-natura inġusta tal‑klawżoli kuntrattwali – Eżistenza ta’ azzjoni separata”

I. Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Judecătoria Sectorolui 2 Bucureşti (il-Qorti tal-Ewwel Istanza, Settur 2, Bukarest, ir-Rumanija) tikkonċerna l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur ( 2 ). Hija tressqet f’kuntest ta’ proċeduri ta’ eżekuzzjoni magħmula abbażi ta’ kuntratt ta’ leasing li għandu l-istatus ta’ titolu eżekuttiv.

2.

Il-kwistjoni prinċipali mqajma f’dan il-każ hija essenzjalment dwar jekk l-Artikoli 6(1) u 7(1) tad-Direttiva 93/13 jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix lill-qorti nazzjonali adita b’kawżi fejn il-konsumatur jikkontesta l-eżekuzzjoni li teżamina, kemm jekk minn jeddha (ex officio) jew fuq talba tal-konsumatur, jekk il-klawżoli tal-kuntratt humiex inġusti peress li, taħt id-dritt nazzjonali, hemm il-possibbiltà li l-konsumatur iressaq azzjoni separata fejn il-kuntratt jista’ jiġi eżaminat biex jiġi stabbilit jekk fihx klawżoli inġusti.

3.

Din il-kawża qiegħda tinstema’ mill-Qorti tal-Ġustizzja flimkien ma’ erba’ kawżi oħra (C‑600/19, C‑693/19, C‑831/19 u C‑869/19) li għalihom qiegħed nippreżenta l-konklużjonijiet illum. Dawk il-kawżi huma bbażati fuq talbiet għal deċiżjonijiet preliminari minn Spanja u mill-Italja u jittrattaw ukoll kwistjonijiet simili u potenzjalment sensittivi li jirrigwardaw il-portata tal-obbligu tal-qorti li tistħarreġ ex officio jekk il-klawżoli kuntrattwali humiex inġusti skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpreta d-Direttiva 93/13 u r-relazzjoni mas-sistemi proċedurali nazzjonali.

4.

Konsegwentement, din il-kawża tipprovdi l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja tiżviluppa l-ġurisprudenza tagħha dwar l-istħarriġ ġudizzjarju tal-klawżoli inġusti taħt id-Direttiva 93/13 fir-rigward tal-proċeduri mħaffa li bihom il-kredituri jippruvaw jirkupraw djun tal-konsumaturi fl-Istati Membri.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

5.

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti”.

6.

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 jiddikjara:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri”.

B.   Id-dritt Rumen

7.

Il-Legea nr. 193/2000 privind clauzele abuzive din contractele încheiate între profesionişti şi consumatori (il-Liġi Nru 193/2000 dwar klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi bejn bejjiegħa jew fornituri u konsumaturi), tas‑6 ta’ Novembru 2000 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 560 tal‑10 ta’ Novembru 2000), kif emendata (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 193/2000”), ittrasponiet id-Direttiva 93/13 fid-dritt Rumen.

8.

L-Artikolu 713(2) tal-Codul de procedură civilă (iktar ’il quddiem il‑“Kodiċi tal-Proċedura Ċivili”), fil-verżjoni preżentement fis-seħħ wara li ġie emendat bil-Liġi Nru 310/2018 ( 3 ), jipprovdi:

“Jekk l-eżekuzzjoni ssir permezz ta’ titolu eżekuttiv li ma huwiex deċiżjoni tal-qorti, l-oppożizzjoni tista’ tiġi kkontestata b’punti ta’ fatt jew ta’ liġi li jirrigwardaw is-sustanza tad-dritt imsemmi fit-titolu eżekuttiv biss jekk il-liġi ma tipprovdix rimedju proċedurali għall-annullament ta’ dak it-titolu, inkluż azzjoni taħt id-dritt ordinarju”.

9.

L-Artikolu 713(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, qabel ma ġie emendat bil-Liġi Nru 310/2018, kien jipprovdi:

“Jekk l-eżekuzzjoni ssir permezz ta’ titolu eżekuttiv li ma huwiex deċiżjoni tal-qorti, l-oppożizzjoni tista’ tiġi kkontestata b’punti ta’ fatt jew ta’ liġi li jirrigwardaw is-sustanza tad-dritt imsemmi fit-titolu eżekuttiv biss jekk il-liġi ma tipprovdix rimedju proċedurali għall-annullament ta’ dak it-titolu”.

III. Il-fatti, il-proċedura u d-domanda magħmula

10.

Skont id-digriet tar-rinviju, fl‑20 ta’ Awwissu 2008, Impuls Leasing România IFN SA (iktar ’il quddiem “Impuls Leasing”), bħala l-fornitur tal-finanzjament, u IO, fil-kapaċità tiegħu ta’ konsumatur u bħala l-utent, daħlu f’kuntratt ta’ leasing għall-użu ta’ vettura bil-mutur għal perijodu ta’ 48 xahar.

11.

Sussegwentement, IO spiċċa ma laħħaqx mal-obbligi ta’ ħlas skont il-kuntratt. Fid‑19 ta’ Marzu 2010, IO rritorna l-vettura bil-mutur lil Impuls Leasing. Fid‑29 ta’ Ġunju 2010, Impuls Leasing biegħet dik il-vettura lil terz għal EUR 5 294.12.

12.

Fil‑15 ta’ Ottubru 2010, Impuls Leasing ippreżentat quddiem l-uffiċjal tal-eżekuzzjoni tal-qorti rikors għall-eżekuzzjoni kontra IO skont il-kuntratt. Wara li ġiet irkuprata s-somma ta’ 5 168.28 leu Rumen (RON) (madwar EUR 1 200), din il-proċedura ta’ eżekuzzjoni apparentement ingħalqet minħabba li IO ma kellu ebda assi oħra li jistgħu jinqabdu.

13.

Fis‑26 ta’ Marzu 2019, Impuls Leasing ippreżentat quddiem uffiċjal ta’ eżekuzzjoni tal-qorti ieħor rikors ta’ eżekuzzjoni ieħor kontra IO abbażi tal-kuntratt, fejn talbet il-likwidazzjoni tat-talbiet rimanenti allegatament dovuti lilha fis-somma ta’ RON 137 502.84 (madwar EUR 29000).

14.

B’digriet tat‑12 ta’ April 2019, il-Judecătoria Sectorului 2 București (il‑Qorti tal-Ewwel Istanza, Settur 2, Bukarest) laqgħet ir-rikors ta’ eżekuzzjoni f’dak l-ammont, flimkien mal-ispejjeż tal-eżekuzzjoni.

15.

B’digriet tat‑8 ta’ Mejju 2019, l-uffiċjal ta’ eżekuzzjoni tal-qorti stabbilixxa l-ispejjeż tal-eżekuzzjoni. Fl-istess ġurnata, dak l-uffiċjal eżegwixxa l-miżuri ta’ eżekuzzjoni, li ġew ikkomunikati lil IO.

16.

Fl‑24 ta’ Mejju 2019, IO ppreżenta fil-Judecătoria Sectorului 2 București (il-Qorti tal-Ewwel Istanza, Settur 2, Bukarest) oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni, fejn talab l-annullament tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni adottati f’dawk il-proċeduri u l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni għal kif kienet qabel l-eżekuzzjoni tal-kuntratt.

17.

Il-qorti tar-rinviju tindika li l-kuntratt li abbażi tiegħu nbdew il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni kontra IO fih ċerti klawżoli li jistgħu jitqiesu bħala inġusti skont il-Liġi Nru 193/2000, li ttrasponiet id-Direttiva 93/13 fid-dritt Rumen. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tinnota li l-klawżola 10.9.1 tal-kuntratt tagħti dritt lill-fornitur tal-finanzjament, f’każ ta’ dewmien fil-ħlas ta’ xi somma flus dovuta mill-utent, li tapplika penali għal dewmien fil-ħlas bir-rata ta’ 0.35 % tal-bilanċ li jkun għadu dovut għal kull ġurnata ta’ dewmien, li abbażi tagħha Impuls Leasing titlob RON 116 723.72 (madwar EUR 25000), filwaqt li l-valur totali tal-kuntratt kien EUR 9 232.07. B’żieda ma’ dan, il-qorti tar-rinviju tinnota li l-klawżola 13 tal-kuntratt tirregola l-ammont ta’ danni li jistgħu jintalbu mill-fornitur tal-finanzjament f’każ ta’ nuqqas mill-utent li jonora l-obbligi kuntrattwali tiegħu u li, abbażi ta’ din il-klawżola, Impuls Leasing qiegħda titlob kumpens, inter alia, għal tnaqqis fil-kapital ta’ RON 25 155.43 (madwar EUR 5300) u fatturi mhux imħallsa fl-ammont ta’ RON 13 453.96 (madwar EUR 2800).

18.

Il-qorti tar-rinviju tispjega li, skont l-Artikolu 713(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili qabel ma kien emendat permezz tal-Liġi Nru 310/2018, kien permissibbli għall-qorti nazzjonali li teżamina, fil-kuntest ta’ oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni, jekk il-klawżoli kuntrattwali humiex inġusti peress li sa fejn kien jikkonċerna l-kuntratti ta’ leasing, ma kien jeżisti ebda rimedju proċedurali speċifiku għall-annullament tagħhom fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. B’kuntrast, skont il-verżjoni preżenti tal-Artikolu 713(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili kif emendat b’dik il-liġi, li huwa applikabbli għall-kawża prinċipali, dan ikun il-każ biss jekk ma jkun hemm ebda rimedju proċedurali għall-annullament ta’ tali kuntratti, inkluż azzjoni taħt id-dritt ordinarju. Skont il-qorti tar-rinviju, peress li konsumatur jista’ jressaq tali azzjoni taħt id-dritt ordinarju skont il-Liġi Nru 193/2000 fejn tali kuntratti jistgħu jiġu mistħarrġa biex jiġi ddeterminat jekk fihomx klawżoli inġusti, dan ifisser li l-qorti nazzjonali ma għadhiex tista’ teżamina jekk il-klawżoli kuntrattwali humiex inġusti f’kuntest ta’ oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni.

19.

Il-qorti tar-rinviju tosserva li, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-mekkaniżmi ta’ eżekuzzjoni nazzjonali, skont il-prinċipji ta’ effettività, ma għandhomx jagħmluha impossibbli jew eċċessivament diffiċli biex wieħed jeżerċita d-drittijiet li d-dritt tal-Unjoni tagħti lill-konsumaturi u li dawk id-drittijiet ikunu jistgħu jkunu protetti effettivament biss jekk is-sistema proċedurali nazzjonali tippermetti wkoll stħarriġ ex officio tan-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt fil-kuntest tal-proċeduri ta’ eżekuzzjoni. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk l-Artikolu 713(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, kif emendat bil-Liġi Nru 310/2018, huwiex konformi mad-Direttiva 93/13, peress li l-konsumaturi huma obbligati jressqu azzjoni taħt id-dritt ordinarju mingħajr ma jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet mogħtija lilhom mid-direttiva permezz ta’ oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni.

20.

Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Judecătoria Sectorolui 2 Bucureşti (il-Qorti tal-Ewwel Istanza, Settur 2, Bukarest) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri, u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-Direttiva [93/13] għandha tiġi interpretata, fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħar-regolament Rumen fis-seħħ fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tal-oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni – l-Artikolu 713(2) [tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili] kif emendat bil-[Liġi Nru 310/2018] –, li ma tagħtix, fil-kuntest ta’ oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni, il-possibbiltà li tiġi eżaminata, fuq talba tal-konsumatur jew ex officio mill-qorti, jekk il-klawżoli ta’ kuntratt ta’ leasing li jikkostitwixxu titolu eżekuttiv humiex abbużivi, għar-raġuni li hemm azzjoni taħt id-dritt komuni li permezz tagħha l-kuntratti konklużi bejn “konsumatur” u “bejjiegħ jew fornitur” (“professjonist”) jistgħu jiġu vverifikati f’termini tal-eżistenza ta’ klawżoli abbużivi fis-sens ta’ din id-direttiva?”

21.

Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja minn Impuls Leasing u mill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet, flimkien ma’ IO u l-Gvern Rumen, ħadu sehem fis-seduta tas‑27 ta’ April 2021.

IV. Sunt tal-osservazzjonijiet tal-partijiet

22.

Skont IO, il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni jirrappreżentaw proċedura mħaffa, mhux kontenzjuża fejn il-qorti tiddeċiedi fuq l-approvazzjoni tal-eżekuzzjoni fi żmien sebat ijiem mill-preżentazzjoni tat-talba fil-forma ta’ digriet in camera u mingħajr ma tibgħat għall-partijiet. IO jenfasizza li ma hemmx modi oħra biex tikkontesta d-digriet li japprova l-eżekuzzjoni ħlief permezz tal-oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni.

23.

Impuls Leasing issostni li l-kwistjoni hija inammissibbli peress li tikkonċerna l-interpretazzjoni tad-dritt proċedurali nazzjonali u, alternattivament, li ma hemmx kontradizzjoni bejn l-Artikolu 713(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura, kif emendat bil-Liġi Nru 310/2018, u d-Direttiva 93/13. Fil-fehma tagħha, l-aċċess ta’ parti f’kawża għal azzjoni taħt id-dritt ordinarju ma jillimitax id-drittijiet proċedurali tagħhom, u fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qrati nazzjonali għandhom id-dritt jeżaminaw ex officio jekk il-klawżoli kuntrattwali humiex inġusti fid-dawl tad-Direttiva 93/13, inkluż fil-kuntest tal-proċeduri ta’ eżekuzzjoni, u għaldaqstant il-konsumaturi huma protetti b’mod effettiv.

24.

Il-Gvern Rumen isostni li d-Direttiva 93/13 ma tipprekludix il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni. Huwa jispjega li l-proċeduri ta’ eżekuzzjoni jsiru abbażi ta’ deċiżjoni tal-qorti jew titolu eżekuttiv, inkluż kuntratti ta’ leasing, bħalma huwa l-kuntratt f’dan il-każ ( 4 ). Biex jibda proċeduri ta’ eżekuzzjoni, il-kreditur jippreżenta talba quddiem l-uffiċjal kompetenti ta’ eżekuzzjoni tal-qorti, u dak l-uffiċjal jitlob li jingħata digriet mill-qorti li tapprova l-eżekuzzjoni. Il-qorti tiddeċiedi fuq id-digriet f’terminu qasir wara proċedura mhux kontenzjuża mingħajr ma tibgħat għall-partijiet. F’dan il-kuntest, il-qorti tivverifika li ċerti rekwiżiti proċedurali huma ssodisfatti u ma tistax tirrifjuta l-eżekuzzjoni fuq il-bażi li t-titolu fih klawżoli inġusti.

25.

Il-Gvern Rumen jinnota li debitur, permezz ta’ oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni, jista’ jitlob l-annullament tad-digriet li japprova l-eżekuzzjoni, li huwa suġġett għal terminu ta’ 15‑il jum. Peress li dak id-digriet ma għandux l-awtorità ta’ res judicata, jista’ jiġi kkontestat meta d-debitur iressaq oppożizzjoni, u peress li n-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali ma jistgħux jiġu invokati, inkluż fit-terminu ta’ 15‑il ġurnata, ma hemmx lanqas kwistjoni ta’ preskrizzjoni. Skont l-Artikolu 713(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, kif emendat bil-Liġi Nru 310/2018, il-konsumatur, bħala d-debitur, ma jistax jinvoka n-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali f’oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni peress li dak li jkun jista’ jġib azzjoni taħt id-dritt ordinarju, li hija azzjoni separata, li ma tistax tiġi preskritta li fiha jista’ jseħħ l-istħarriġ ġudizzjarju. F’dik l-azzjoni, il-konsumatur jista’ jitlob is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni, li huwa punt li ma ġiex ikkunsidrat mill-Qorti tal-Ġustizzja fid-digriet tas‑6 ta’ Novembru 2019, BNP Paribas Personal Finance SA Paris Sucursala Bucureşti u Secapital ( 5 ). Huwa jsostni li dan jista’ jsir malajr jekk tintwera l-urġenza, fejn il-kundizzjonijiet li taħthom tinkiseb is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni f’dik l-azzjoni huma l-istess bħal dawk li taħthom tinkiseb is-sospensjoni fil-kuntest ta’ oppożizzjoni u l-ħlas ta’ garanzija jiġi ddepożitat bl-istess mod f’dik l-azzjoni bħal fil-kuntest ta’ oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni.

26.

Il-Kummissjoni ssostni li d-Direttiva 93/13 tipprekludi l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni. Fil-fehma tagħha, l-Artikolu 713(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, kif emendat permezz tal-Liġi Nru 310/2018, iwassal għal riskju sinjifikattiv li l-konsumaturi ma jibbenefikawx mill-protezzjoni ggarantita mid-Direttiva 93/13. Filwaqt li azzjoni taħt id-dritt ordinarju ma hijiex suġġetta għal terminu, din l-azzjoni ma għandhiex effett fuq il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni, li għaldaqstant, tista’ ssir qabel ma l-qorti tagħti deċiżjoni f’dik l-azzjoni biex jitwarrbu l-klawżoli inġusti, u għalkemm huwa possibbli għall-konsumatur li jitlob is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni f’dik l-azzjoni, ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 719(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili li titħallas il-garanzija kkalkolata abbażi tal-valur tal-oġġett tat-talba jista’ jissarraf fi spejjeż għoljin għall-konsumatur u jiskoraġġixxi lil dak li jkun milli jressaq tali azzjoni. Kif il-Kummissjoni argumentat waqt is-seduta, dan il-każ jinvolvi sitwazzjoni agħar minn dik li wasslet għad-digriet tas‑6 ta’ Novembru 2019, BNP Paribas Personal Finance SA Paris Sucursala Bucureşti u Secapital ( 6 ), peress li ma hemmx possibbiltà għall-qorti nazzjonali li tistħarreġ in-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali fi kwalunkwe stadju tal-proċeduri ta’ eżekuzzjoni u l-konsumatur huwa obbligat iressaq proċeduri separati, li jmur kontra r-rekwiżiti stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

V. Analiżi

27.

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 6(1) u 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix lil xi qorti, fil-kuntest ta’ proċeduri fejn il-konsumatur jikkontesta l-eżekuzzjoni, tistħarreġ, ex officio jew fuq talba tal-konsumatur, in-natura inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt li jikkostitwixxi t-titolu eżekuttiv peress li huwa possibbli għall-konsumatur li jressaq proċeduri separati fejn il-kuntratt jista’ jiġi mistħarreġ sabiex jiġi stabbilit jekk fihx klawżoli inġusti.

28.

Kif jirriżulta apparenti mid-digriet tar-rinviju, din id-domanda qamet mill-arranġamenti proċedurali li jikkonċernaw proċeduri ta’ eżekuzzjoni kif stabbilit fid-dritt Rumen, li wara l-emenda tal-Artikolu 713(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili permezz tal-Liġi Nru 310/2018 (ara l-punti 8 u 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet), jgħid li qorti adita b’oppożizzjoni għal eżekuzzjoni ma tkunx għadha tista’ teżamina n-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali minħabba l-eżistenza ta’ azzjoni separata li trid titressaq mill-konsumatur għall-istħarriġ ġudizzjarju ta’ klawżoli inġusti fid-dawl tad-Direttiva 93/13.

29.

Bil-għan li tingħata risposta għad-domanda magħmula f’dan il-każ, ser nindirizza l-ewwel l-argumenti mressqa minn Impuls Leasing li jikkonċernaw l-ammissibbiltà ta’ din id-domanda (taqsima A). Imbagħad ser nikkunsidra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-istħarriġ ex officio mill-qorti nazzjonali dwar il-klawżoli inġusti taħt id-Direttiva 93/13 (taqsima B) u l-applikazzjoni tal-prinċipji żviluppati f’dik il-ġurisprudenza għaċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ (taqsima C).

30.

Abbażi ta’ din l-analiżi, jien wasalt għall-konklużjoni li d-domanda magħmula f’dan il-każ hija ammissibbli u li l-Artikoli 6(1) u 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma hija dik inkwistjoni f’dan il-każ.

A.   L-ammissibbiltà

31.

Skont l-argumenti mressqa minn Impuls Leasing, id-domanda magħmula f’dan il-każ hija inammissibbli peress li tikkonċerna l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali.

32.

Fil-fehma tiegħi, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda.

33.

Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ proċeduri taħt l-Artikolu 267 TFUE, ibbażati fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali kif ukoll sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali. Konsegwentement, ladarba d-domanda magħmula mill-qorti nazzjonali tkun tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija obbligata, bħala prinċipju, tagħti deċiżjoni ( 7 ).

34.

F’dan il-każ, peress li d-domanda tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 93/13, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni li tiddeċiedi fuqha.

35.

Għaldaqstant, nikkunsidra li d-domanda magħmula f’dan il-każ hija ammissibbli.

B.   Il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-istħarriġ ex officio ta’ klawżoli inġusti mill-qrati nazzjonali

36.

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jeżiġi mill-Istati Membri li dawn jistabbilixxu li l-klawżoli inġusti ma jkunux jorbtu lill-konsumaturi ( 8 ). L-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, moqrija flimkien mal-erbgħa u għoxrin premessa tagħha, jobbliga lill-Istati Membri li jipprovdu mezzi adegwati u effettivi sabiex jitwaqqaf l-użu ta’ klawżoli abbużivi fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi ( 9 ). Filwaqt li dawn id-dispożizzjonijiet wasslu għal ġabra kbira ta’ ġurisprudenza, jien ser nindika l-prinċipji applikabbli li joħorġu minn din il-ġurisprudenza dwar l-eżistenza u l-portata tal-obbligu tal-qorti nazzjonali biex tistħarreġ ex officio n-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali li huma l-iktar rilevanti għall-analiżi tiegħi ta’ dan il-każ.

1. L-eżistenza tal-obbligu tal-qorti nazzjonali biex tistħarreġ ex officio

37.

Skont ġurisprudenza stabbilita, is-sistema ta’ protezzjoni implimentata bid-Direttiva 93/13 hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fir-rigward tal-bejjiegħ jew tal-fornitur, f’dak li jirrigwarda kemm il-poter ta’ negozjati kif ukoll il-livell ta’ informazzjoni, sitwazzjoni li twasslu sabiex jaderixxi mal-kundizzjonijiet imfassla minn qabel mill-bejjiegħ jew mill-fornitur, mingħajr ma jista’ jeżerċita influwenza fuq il-kontenut ta’ dawk il-kundizzjonijiet ( 10 ). Sabiex tiżgura l-protezzjoni mixtieqa mid-Direttiva 93/13, is-sitwazzjoni ta’ inugwaljanza li teżisti bejn il-konsumatur u l‑bejjiegħ jew fornitur tista’ tiġi kkumpensata biss b’intervent pożittiv, li ma jiġix mill-kontraenti ( 11 ).

38.

Għaldaqstant, fid-dawl tan-natura u tal-importanza tal-interess pubbliku li fuqu hija bbażata l-protezzjoni li d-Direttiva 93/13 tagħti lill-konsumaturi, il-qorti nazzjonali għandha tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali u, b’hekk, li ssib rimedju għan-nuqqas ta’ bilanċ li jeżisti bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew fornitur, fejn hija jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt neċessarji għal dak ix-xogħol ( 12 ). Fil-fatt, dan l-obbligu jikkostitwixxi mod kif jintlaħaq ir-riżultat stabbilit fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, jiġifieri dak li jipprevjeni konsumatur milli jkun marbut bi klawżola inġusta, u li jikkontribwixxi biex jintlaħaq l-għan imsemmi fl-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, inkwantu tali eżami jista’ jkollu effett dissważiv, li jgħin biex jintemm l-użu ta’ klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi ( 13 ).

2. Il-portata tal-obbligu tal-qorti nazzjonali li tistħarreġ ex officio

39.

Skont ġurisprudenza daqstant stabbilita, id-Direttiva 93/13 teżiġi li l-Istati Membri jipprovdu mekkaniżmu li jiżgura li kull klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet innegozjata b’mod individwali tista’ tiġi mistħarrġa sabiex jiġi evalwat jekk hijiex inġusta ( 14 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll li l-karatteristiċi partikolari tal-proċeduri tal-qorti li jseħħu taħt id-dritt nazzjonali bejn il-konsumaturi u l-bejjiegħa jew il-fornituri ma jistgħux jikkostitwixxu element li jista’ jaffettwa l-protezzjoni ġuridika li għandhom jibbenefikaw minnha l-konsumaturi taħt id-Direttiva 93/13 ( 15 ).

40.

Filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja ddefinixxiet, f’diversi okkażjonijiet u billi ħadet inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, il-mod kif il-qrati nazzjonali għandhom jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet li l-konsumaturi jisiltu minn din id-direttiva, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni, ir-regoli li jirregolaw il-proċeduri li japplikaw għal stħarriġ dwar jekk klawżola kuntrattwali hijiex inġusta jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku tal-Istati Membri, sakemm ma humiex inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw azzjonijiet domestiċi simili (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma jagħmluhiex impossibbli jew eċċessivament diffiċli li jiġu eżerċitati d-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (il-prinċipju ta’ effettività) ( 16 ).

41.

F’dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ effettività, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kull każ fejn tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tagħmilx impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħed inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha meħudin globalment, kif ukoll, fejn rilevanti, il-prinċipji li fuqhom huwa bbażat l-ordinament ġuridiku nazzjonali, bħalma huma l-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment korrett tal-proċedura ( 17 ).

42.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-fatt li l-konsumatur jista’ jistrieħ fuq il-protezzjoni ggarantita mid-Direttiva 93/13 biss jekk jibda proċedura ġudizzjarja, ma jistax jitqies, fih innifsu, li jmur kontra l-prinċipju ta’ effettività, peress li din il-protezzjoni hija bbażata fuq il-premessa li wieħed mill-kontraenti jkun ser iressaq azzjoni quddiem il-qrati nazzjonali ( 18 ). Madankollu, fid-dawl tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 u l-prinċipju ta’ effettività, il-mezzi adegwati u effikaċi intiżi sabiex itemmu l-użu ta’ klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jippermettu li tiġi ggarantita lill-konsumaturi protezzjoni ġudizzjarja effettiva li tagħmilhielhom possibbli li jattakkaw ġudizzjarjament tali kuntratt kontenzjuż, inkluż fil-fażi tal-eżekuzzjoni, u dan, taħt kundizzjonijiet proċedurali raġonevoli, b’tali mod li l-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom ma jkunx suġġett għal kundizzjonijiet, inter alia termini jew spejjeż, li jnaqqsu l-eżerċizzju tad-drittijiet iggarantiti mid-Direttiva 93/13 ( 19 ).

43.

B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-protezzjoni effettiva tad-drittijiet mogħtija lill-konsumatur mid-Direttiva 93/13 tista’ tiġi ggarantita biss jekk is-sistema proċedurali nazzjonali tippermetti, fil-kuntest tal-proċedura ta’ ordni għal ħlas jew f’dak tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni li tikkonċerna l-ordni għal ħlas, stħarriġ ex officio mill-qorti dwar jekk il-klawżoli tal-kuntratt humiex inġusti ( 20 ). Għaldaqstant, f’każ fejn l-istħarriġ ex officio mill-qorti nazzjonali ma jkunx previst fl-istadju tal-eżekuzzjoni tal-ordni għall-ħlas, il-liġi nazzjonali titqies bħala li tippreġudika l-effettività tal-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva 93/13 jekk ma tipprovdix għal tali stħarriġ meta tingħata l-ordni jew f’każ li tali stħarriġ ikun previst biss fl-istadju tal-oppożizzjoni kontra l-ordni maħruġa, jekk ikun hemm riskju sinjifikattiv li l-konsumaturi ma jippreżentawx l-oppożizzjoni meħtieġa jew minħabba t-terminu qasir previst għal dan il-għan, peress li jkunu skoraġġuti milli jiddefendu lilhom innifishom fid-dawl tal-ispejjeż ikkawżati minn tali azzjoni legali meta mqabbla mal-ammont tad-dejn ikkontestat, jew minħabba li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tipprevedix l-obbligu li tiġi kkomunikata lilhom l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jiddeterminaw il-portata tad-drittijiet tagħhom ( 21 ). Id-Direttiva 93/13 tipprekludi għaldaqstant leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li ordni ta’ ħlas tinħareġ mingħajr ma l-konsumatur jitqiegħed f’pożizzjoni li jibbenefika, f’xi mument tal-proċedura, mill-garanzija li jitwettaq stħarriġ minn qorti biex jiġi vverifikat li ma hemmx klawżoli inġusti ( 22 ).

44.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat l-importanza tal-miżuri provviżorji, inkluż, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni, meta l-għoti ta’ dawn il-miżuri jkun meħtieġ sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni finali tal-qorti adita bil-proċedura dwar il-mertu korrispondenti, li għandha kompetenza biex tivverifika n-natura inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt li jwassal għall-eżekuzzjoni ( 23 ).

45.

Pereżempju, fis-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Kuhar ( 24 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tgħid li, f’kuntest ta’ proċeduri għal eżekuzzjoni ipotekarja, il-qorti ma għandhiex l-għażla, kemm jekk ex officio jew fuq talba tal-konsumatur, li tistħarreġ in-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali u li, fuq dik il-bażi, tissospendi l-eżekuzzjoni mitluba. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-possibbiltà għall-konsumatur li japplika għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni kienet suġġetta għal kundizzjonijiet proċedurali stretti u għall-ħlas ta’ garanzija fuq talba tal-kreditur li għamlitha virtwalment impossibbli li tinkiseb is-sospensjoni, peress li x’aktarx li debitur inadempjenti ma jkollux ir-riżorsi finanzjarji neċessarji. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll li l-fatt li l-istħarriġ li jirrigwarda l-klawżoli inġusti jista’ jitwettaq biss iktar tard u, fejn applikabbli, mill-qorti adita bil-proċeduri dikjaratorji mressqa mill-konsumatur kien manifestament insuffiċjenti biex tkun żgurata l-effettività sħiħa tal-protezzjoni tal-konsumatur mixtieqa mid-Direttiva 93/13. Fl-assenza ta’ dritt f’idejn il-qorti tal-eżekuzzjoni li tissospendi l-eżekuzzjoni, ikun x’aktarx li l-proprjetà ipotekata tkun issekwestrata qabel ma l-qorti tkun tat sentenza fil-proċeduri dikjaratorji, bir-riżultat li l-konsumatur jirċievi protezzjoni biss a posteriori fil-forma ta’ kumpens finanzjarju li ma jkunx sħiħ u jkun insuffiċjenti u għaldaqstant la jikkostitwixxi mezz adegwat u lanqas effettiv biex jipprevjeni t-tkomplija tal-użu ta’ klawżoli inġusti taħt l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13.

46.

Għandu jiġi ċċarat ukoll li d-digriet tas‑6 ta’ Novembru 2019, BNP Paribas Personal Finance SA Paris Sucursala Bucureşti u Secapital ( 25 ), kien jikkonċerna proċeduri ta’ eżekuzzjoni taħt id-dritt Rumen f’sitwazzjoni li qamet qabel l-emenda tal-Artikolu 713(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili li saret bil-Liġi Nru 310/2018. F’dak id-digriet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 93/13 tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi terminu ta’ 15‑il jum li fihom il-konsumatur jista’, permezz ta’ oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni, jinvoka n-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali, anki jekk taħt id-dritt nazzjonali l-konsumatur kellu d-dritt iressaq proċeduri separati li ma kinux suġġetti għal terminu, iżda li ma kellhom ebda effett fuq il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, fejn il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni kienu konklużi qabel id-deċiżjoni tal-qorti fi proċeduri separati, dik id-deċiżjoni pprovdiet protezzjoni lill-konsumaturi biss a posteriori, liema protezzjoni ma kinitx sħiħa u kienet insuffiċjenti fid-dawl tad-Direttiva 93/13 u għaldaqstant kontra l-għan stabbilit fl-Artikolu 7(1) tagħha.

47.

Konsegwentement, mill-ġurisprudenza ċċitata jirriżulta li l-Istati Membri ma humiex meħtieġa mid-Direttiva 93/13 jadottaw sistema proċedurali partikolari għall-istħarriġ ġudizzjarju ta’ klawżoli inġusti, sakemm josservaw l-obbligi tagħhom taħt id-dritt tal-Unjoni, inkluż il-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività, u għaldaqstant jiżguraw li hemm stħarriġ magħmul mill-qorti nazzjonali fir-rigward tan-natura inġusta ta’ xi klawżola kuntrattwali indipendentement mill-proċeduri. Irid ikun hemm stħarriġ ex officio jew mill-ewwel qorti fil-proċeduri, jew mit-tieni qorti, kemm jekk dik adita bl-eżekuzzjoni jew dik adita bil-mertu, li jkun ta’ bidu għalih il-konsumatur, sakemm ma jkunx hemm riskju sinjifikattiv li l-konsumatur ma jieħux dik ir-rotta proċedurali partikolari, u għaldaqstant jagħlaq il-possibbiltà għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-klawżoli inġusti skont id-Direttiva 93/13.

48.

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji żviluppati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li jeħtieġ li jiġu eżaminati ċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ.

C.   Applikazzjoni tal-prinċipji żviluppati fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja għaċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ

49.

Kif jirriżulta mid-digriet tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Rumen u tal-Kummissjoni, il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni f’dan il-każ għandhom dawn il-karatteristiċi.

50.

L-ewwel, huwa paċifiku li ma hemmx stħarriġ minn qorti nazzjonali, jew ex officio jew fuq talba tal-konsumatur, dwar in-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali fi proċeduri ta’ eżekuzzjoni. Kif indika l-Gvern Rumen, il-qorti nazzjonali li tagħti l-ordni li tapprova l-eżekuzzjoni ma tistax tirrifjuta l-eżekuzzjoni minħabba l-preżenza ta’ klawżoli inġusti fil-kuntratt li jikkostitwixxi t-titolu eżekuttiv. B’żieda ma’ dan, skont l-Artikolu 713(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, kif emendat permezz tal-Liġi Nru 310/2018, fil-kuntest ta’ proċeduri fejn il-konsumatur jikkontesta l-eżekuzzjoni, il-qorti nazzjonali ma tistax tistħarreġ, kemm jekk ex officio jew fuq talba tal-konsumatur, in-natura inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt.

51.

It-tieni, il-konsumatur huwa obbligat iressaq proċeduri separati, li ma humiex suġġett għal xi terminu, sabiex il-kuntratt li jikkostitwixxi t-titolu eżekuttiv ikun jista’ jiġi eżaminat minn qorti nazzjonali sabiex tistabbilixxi jekk fihx klawżoli inġusti.

52.

It-tielet, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni hija possibbli f’każ li l-konsumatur iressaq proċeduri separati.

53.

Ir-raba’, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni sakemm tingħata deċiżjoni finali mill-qorti fi proċeduri separati ma hijiex awtomatika. F’dawn il-proċeduri, il-konsumatur jista’ japplika għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni, li hija suġġetta għal ċerti rekwiżiti legali li jridu jkunu ssodisfatti, u b’mod partikolari, il-prova tal-urġenza jekk is-sospensjoni tintalab fuq bażi urġenti, flimkien mal-ħlas ta’ garanzija, li hija kkalkolata abbażi tal-valur tal-oġġett tat-talba, skont l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni li ma kinux kontradetti mill-Gvern Rumen.

54.

Peress li ma hemmx indikazzjonijiet f’dan il-każ li jistgħu jqajmu dubji fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, kull ma jrid jiġi eżaminat huwa jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni hijiex konsistenti mal-prinċipju ta’ effettività.

55.

Għandi ngħid mill-ewwel li hemm indikazzjonijiet qawwija, ibbażati fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-Artikoli 6(1) u 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, jipprekludu l-leġiżlazzjoni nazzjonali ineżami.

56.

Fl-ewwel lok, għandu jiġi nnotat li ma jsir ebda stħarriġ mill-qorti nazzjonali, kemm jekk ex officio jew fuq talba tal-konsumatur, dwar in-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt li jikkostitwixxi t-titolu eżekuttiv f’xi stadju tal-proċeduri ta’ eżekuzzjoni.

57.

Fit-tieni lok, jidher li hemm riskju sinjifikattiv li l-konsumaturi kkonċernati jkunu skoraġġuti milli jibdew proċeduri separati u japplikaw għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni minħabba l-ispejjeż li jinvolvu l-proċeduri jew minħabba li ma jkunux jafu jew ma japprezzawx il-portata tad-drittijiet tagħhom.

58.

F’dan ir-rigward, jidhirli li konsumatur x’aktarx li jkun skoraġġut milli jagħmel talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni, peress li jkun suġġett li jħallas garanzija li hija kkalkolata abbażi tal-valur tal-oġġett tat-talba. Tali rekwiżit jista’ jitqies li jagħmilha virtwalment impossibbli fil-prattika biex tinkiseb tali sospensjoni, peress li x’aktarx li l-konsumatur, bħala d-debitur inadempjenti, ma jkollux ir-riżorsi finanzjarji neċessarji biex jipprovdi l-garanzija meħtieġa. Fil-fatt, tali rekwiżit ifisser li iktar ma jkun għoli l-valur tat-talba magħmula mill-kreditur li tista’ tkun ibbażata fuq klawżoli inġusti – kif muri f’dan il-każ li jinvolvi talbiet li huma ħafna ogħla mill-valur totali tal-kuntratt kif innotat il-qorti tar-rinviju (ara l-punt 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet) – iktar ikun hemm probabbiltà li l-konsumatur ma jkunx inklinat li jitlob is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni jew li ma jkunx kapaċi jagħmel dan.

59.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kif imsemmija fil-punt 45 u 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jidhirli li jkun hemm probabbiltà, fil-fehma tiegħi, li l-proċeduri ta’ eżekuzzjoni jkunu konklużi qabel id-deċiżjoni tal-qorti fil-proċeduri separati, bir-riżultat li l-konsumaturi kkonċernati jirċievu biss protezzjoni a posteriori li ma hijiex sħiħa u hija insuffiċjenti u għaldaqstant la mezz adegwat u lanqas effettiv biex jipprevjeni l-użu ta’ klawżoli inġusti skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13. Għaldaqstant naqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li hemm riskju reali li, bil-proċeduri separati biss, id-deċiżjoni tal-qorti li tiddeċiedi dwar in-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali tkun tardiva u ineffettiva.

60.

Iktar minn hekk, kif indika l-Gvern Rumen, huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kkunsidratx il-possibbiltà tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni fid-digriet tas‑6 ta’ Novembru 2019, BNP Paribas Personal Finance SA Paris Sucursala Bucureşti u Secapital ( 26 ), kif issemma fil-punt 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Madankollu, fil-fehma tiegħi, dan ma jagħmilx invalidu l-fatt li, taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali f’dan il-każ – li ma kinitx ikkontestata f’dak id-digriet – l-istħarriġ tan-natura inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt li jikkostitwixxi t-titolu eżekuttiv ma jsirx mill-qorti nazzjonali fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ eżekuzzjoni, imma pjuttost x’aktarx li jsir biss iktar tard, jekk qatt isir, mill-qorti nazzjonali li tiddeċiedi fi proċeduri separati mibdija mill-konsumatur u għaldaqstant jista’ jitqies bħala manifestament insuffiċjenti biex jiżgura l-effettività tal-protezzjoni tal-konsumatur mixtieqa mid-Direttiva 93/13.

61.

Konsegwentement, għandu jitqies li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tikser il-prinċipju ta’ effettività, peress li tagħmilha impossibbli jew eċċessivament diffiċli li tiġi żgurata l-protezzjoni mogħtija lill-konsumaturi mid-Direttiva 93/13.

62.

Għaldaqstant, nikkonkludi li l-Artikoli 6(1) u 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

VI. Konklużjoni

63.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda magħmula mill-Judecătoria Sectorolui 2 Bucureşti (il-Qorti tal-Ewwel Istanza, Settur 2, Bukarest, ir-Rumanija) bil-mod kif ġej:

L-Artikoli 6(1) u 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur għandhom jiġu interpretati, fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, bħala li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li taħtha l-qorti, fil-kuntest ta’ oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni, ma għandhiex l-għażla, kemm jekk ex officio jew fuq talba tal-konsumatur, li tistħarreġ jekk il-klawżoli ta’ kuntratt ta’ leasing li jikkostitwixxi titolu eżekuttiv humiex inġusti minħabba li l-konsumatur għandu l-possibbiltà li jibda proċeduri separati fejn il-kuntratt jista’ jiġi mistħarreġ sabiex jiġi stabbilit jekk fihx klawżoli inġusti fis-sens ta’ din id-direttiva.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol 2, p. 288.

( 3 ) Legea nr. 310/2018 pentru modificarea și completarea Legii nr. 134/2010 privind Codul de procedură civilă, precum și pentru modificarea și completarea altor normative act (il-Liġi Nru 310/2018 li temenda u tissupplimenta l-Liġi Nru 134/2010 fuq il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, kif ukoll atti normattivi oħra) (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 1074 tat‑18 ta’ Diċembru 2018) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 310/2018”), li daħlet fis-seħħ fil‑21 ta’ Diċembru 2018.

( 4 ) Il-Gvern Rumen jindika li, wara riformi leġiżlattivi reċenti, li ma kinux applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali, tneħħiet in-natura eżekuttiva ta’ kuntratti ta’ leasing fejn l-utent huwa konsumatur.

( 5 ) C‑75/19, mhux ippubblikat, EU:C:2019:950.

( 6 ) C‑75/19, mhux ippubblikat, EU:C:2019:950.

( 7 ) Ara s-sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Rzecznik Praw Obywatelskich (C‑19/20, EU:C:2021:341, punt 64).

( 8 ) Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2021, Dexia Nederland (C‑229/19 u C‑289/19, EU:C:2021:68, punt 57). Ara wkoll il-wieħed u għoxrin premessa tad-Direttiva 93/13. Kif irrikonoxxiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 hija dispożizzjoni obbligatorja li hija intiża li tbiddel il-bilanċ formali li l-kuntratt jistabbilixxi bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti f’bilanċ reali li jista’ jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejniethom. Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, Lintner (C‑511/17, EU:C:2020:188, punt 24).

( 9 ) Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Raiffeisen Bank u BRD Groupe Societé Générale (C‑698/18 u C‑699/18, EU:C:2020:537, punt 52).

( 10 ) Ara s-sentenzi tas‑27 ta’ Ġunju 2000, Océano Grupo Editorial u Salvat Editores (C‑240/98 sa C‑244/98, EU:C:2000:346, punt 25), u tas‑26 ta’ Marzu 2019, Abanca Corporación Bancaria u Bankia (C‑70/17 u C‑179/17, EU:C:2019:250, punt 49).

( 11 ) Ara s-sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 2010, VB Pénzügyi Lízing (C‑137/08, EU:C:2010:659, punt 48), u tal‑11 ta’ Marzu 2020, Lintner (C‑511/17, EU:C:2020:188, punt 25).

( 12 ) Ara s-sentenzi tal‑4 ta’ Ġunju 2009, Pannon GSM (C‑243/08, EU:C:2009:350, punti 3132), u tal‑4 ta’ Ġunju 2020, Kancelaria Medius (C‑495/19, EU:C:2020:431, punt 37).

( 13 ) Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2015, Bucura (C‑348/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:447, punt 42).

( 14 ) Ara s-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2020, Gómez del Moral Guasch (C‑125/18, EU:C:2020:138, punt 44).

( 15 ) Ara s-sentenza tal‑21 ta’ April 2016, Radlinger u Radlingerová (C‑377/14, EU:C:2016:283, punt 50).

( 16 ) Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Kuhar (C‑407/18, EU:C:2019:537, punti 4546).

( 17 ) Ara s-sentenza tat‑22 ta’ April 2021, PROFI CREDIT Slovakia (C‑485/19, EU:C:2021:313, punt 53).

( 18 ) Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2015, ERSTE Bank Hungary (C‑32/14, EU:C:2015:637, punt 63).

( 19 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Kuhar (C‑407/18, EU:C:2019:537, punt 57).

( 20 ) Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska (C‑176/17, EU:C:2018:711, punt 44), u d-digriet tas‑6 ta’ Novembru 2019, BNP Paribas Personal Finance SA Paris Sucursala Bucureşti u Secapital (C‑75/19, mhux ippubblikata, EU:C:2019:950, punt 25).

( 21 ) Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2018, Danko u Danková (C‑448/17, EU:C:2018:745, punt 46 u l-punt 2 tad-dispożittiv), u d-digriet tas‑6 ta’ Novembru 2019, BNP Paribas Personal Finance SA Paris Sucursala Bucureşti u Secapital (C‑75/19, mhux ippubblikat, EU:C:2019:950, punt 26). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li spejjeż għoljin x’aktarx li jistgħu, minnhom innifishom, jiskoraġġixxu lill-konsumaturi milli jressqu oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni jew iressqu azzjoni biex jeżegwixxu drittijiet ibbażati fuq id-Direttiva 93/13. Ara s-sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska (C‑176/17, EU:C:2018:711, punt 68), u tas‑16 ta’ Lulju 2020, Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria (C‑224/19 u C‑259/19, EU:C:2020:578, punti 9899).

( 22 ) Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2018, Danko u Danková (C‑448/17, EU:C:2018:745, punt 49), u d-digriet tas‑6 ta’ Novembru 2019, BNP Paribas Personal Finance SA Paris Sucursala Bucureşti u Secapital (C‑75/19, mhux ippubblikat, EU:C:2019:950, punt 28).

( 23 ) Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2015, ERSTE Bank Hungary (C‑32/14, EU:C:2015:637, punti 4445).

( 24 ) C‑407/18, EU:C:2019:537, b’mod partikolari l-punti 60 sa 63 u 68.

( 25 ) C‑75/19, mhux ippubblikata, EU:C:2019:950, b’mod partikolari l-punti 29 sa 34.

( 26 ) C‑75/19, mhux ippubblikat, EU:C:2019:950.