KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fl-20 ta’ Ottubru 2020 ( 1 )

Kawża C-673/19

M,

A,

Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

partijiet magħquda:

Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid,

T

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (Il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kontrolli transkonfinali, ażil u immigrazzjoni — Direttiva 2008/115/KE — Ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment — Detenzjoni għal fini ta’ tneħħija — Protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor — Nuqqas ta’ deċiżjoni ta’ ritorn”

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van Saate (Il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi) għandha tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità tispeċifika jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115/KE ( 2 ) jipprekludux id-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed fil-pajjiż illegalment biex jiġi ttrasferit lejn Stat Membru ieħor fejn dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikollu protezzjoni internazzjonali. Ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi li, filwaqt li Stat Membru jista’, bħala prinċipju, jirrikorri għad-detenzjoni tal-persuna kkonċernata, huwa għandu jagħmel dan b’konformità mal-għanijiet tad-Direttiva 2008/115 u mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

2.

L-għan tad-Direttiva 2008/115, kif iddefinit fl-Artikolu 1, intitolat “Suġġett”, huwa li jkunu stabbiliti regoli u proċeduri komuni li għandhom jiġu applikati fl-Istati Membri biex jiġu rritornati ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, skont id-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tad-dritt internazzjonali, inkluż il-protezzjoni tar-refuġjati u l-obbligi dwar id-drittijiet tal-bniedem.

3.

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“1.   Din id-Direttiva tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru.

2.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx din id-Direttiva għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li:

(a)

huma soġġetti għal ċaħda ta’ dħul, skond l-Artikolu 13 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen [ ( 3 )], jew li jkunu arrestati jew interċettati mill-awtoritajiet kompetenti b’konnessjoni mal-qsim irregolari bl-art, bil-baħar jew bl-ajru tal-fruntiera esterna ta’ Stat Membru u li ma jkunux sussegwentement kisbu awtorizzazzjoni jew dritt biex joqogħdu f’dak l-Istat Membru;

(b)

huma soġġetti għal ritorn bħala sanzjoni tal-liġi kriminali jew bħala konsegwenza ta’ sanzjoni tal-liġi kriminali, skond il-liġi nazzjonali jew li huma soġġetti għal proċeduri ta’ estradizzjoni.

3.   Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għall-persuni li jgawdu d-dritt Komunitarju ta’ moviment liberu kif definit fl-Artikolu 2(5) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.”

4.

Skont l-Artikolu 3 (“Definizzjonijiet”) tad-Direttiva 2008/115:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

3)

‘ritorn’ tfisser il-proċess tat-tluq lura ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz - kemm jekk b’konformità volontarja ma’ obbligu ta’ ritorn kif ukoll jekk infurzat - għal:

il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew tagħha, jew

pajjiż ta’ transitu skond ftehim ta’ riamissjoni Komunitarja jew bilaterali jew arranġamenti oħra, jew

pajjiż terz ieħor, li għalih iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat volontarjament jiddeċiedi li jirritorna u li fih hu jew hi ser jiġi aċċettat;

4)

‘deċiżjoni ta’ ritorn’ tfisser deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju, li jgħid jew jiddikjara li s-soġġorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz hija illegali u li jimponi jew jiddikjara l-obbligu ta’ ritorn.”

5.

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/115 jittratta dwar “dispożizzjonijiet aktar favorevoli”. Skont it-tielet paragrafu tiegħu, id-direttiva “għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ l-Istati Membri li jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli għall-persuni li għalihom tapplika dment li dawk id-dispożizzjonijiet ikunu kompatibbli ma’ din id-Direttiva”.

6.

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Non-refoulement, l-aħjar interessi tat-tfal, il-ħajja tal-familja u l-istat tas-saħħa”, jgħid dan li ġej:

“Fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont dovut ta’:

(a)

l-aħjar interessi tat-tfal,

(b)

il-ħajja familjari,

(c)

l-istat tas-saħħa taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat u,

jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-refoulement.”

7.

Skont l-Artikolu 6 tal-istess direttiva, intitolat “Deċiżjoni ta’ ritorn”:

“1.   L-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment fit-territorju tagħhom, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 sa 5.

2.   Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qed jissoġġornaw illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru u għandhom permess ta’ residenza validu jew awtorizzazzjoni oħra li toffri dritt ta’ soġġorn maħruġa minn Stat Membru ieħor, għandhom jintalbu jmorru fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru minnufih. Fil-każ ta’ non-konformità miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat ma’ din il-ħtieġa, jew fejn it-tluq immedjat taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà nazzjonali, għandu japplika l-paragrafu 1.

[…]”

8.

L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Detenzjoni” jistipula:

“1.   Dment li ma jistgħux jiġu applikati b’mod effettiv miżuri oħrajn suffiċjenti iżda inqas koersivi fil-każ speċifiku, l-Istati Membri jistgħu biss iżommu f’detenzjoni ċittadin ta’ pajjiż terz, li hu suġġett għal proċeduri ta’ ritorn biex jitħejja r-ritorn u/jew jitwettaq il-proċess ta’ tneħħija, partikolarment meta:

(a)

ikun hemm riskju ta’ ħarba jew

(b)

iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat jevita jew ifixkel it-tħejjija tar-ritorn jew il-proċess ta’ tneħħija.

Kwalunkwe detenzjoni għandha tkun għal perijodu kemm jista’ jkun qasir u għandha tinżamm biss sakemm l-arranġamenti ta’ tneħħija jkunu qed isiru u jitwettqu bid-diliġenza dovuta.

2.   Id-detenzjoni għandha tiġi ordnata minn awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji.

Id-detenzjoni għandha tiġi ordnata bil-miktub bir-raġunijiet fil-fatt u fid-dritt.

Meta d-detenzjoni tkun ġiet ordnata minn awtoritajiet amministrattivi, l-Istati Membri għandhom:

(a)

jew jipprovdu reviżjoni ġudizzjarja rapida tal-legalità tad-detenzjoni li trid tiġi deċiża malajr kemm jista’ jkun mill-bidu tad-detenzjoni;

(b)

jew jagħtu liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat id-dritt li jieħu proċedimenti li permezz tagħhom il-legalità tad-detenzjoni għandha tkun soġġetta għal reviżjoni ġudizzjarja rapida li trid tiġi deċiża malajr kemm jista’ jkun wara l-bidu tal-proċedimenti rilevanti. F’dan il-każ, l-Istati Membri għandhom minnufih jinfurmaw liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat dwar il-possibbiltà li jieħu tali proċedimenti.

Iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat għandu jiġi rilaxxat minnufih jekk id-detenzjoni ma tkunx legali.

3.   F’kull każ, id-detenzjoni għandha tiġi riveduta f’intervalli raġonevoli ta’ żmien jew b’applikazzjoni miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat jew ex officio. Fil-każ ta’ perijodi ta’ detenzjoni mtawla, ir-reviżjonijiet għandhom ikunu soġġetti għas-superviżjoni ta’ awtorità ġudizzjarja.

4.   Meta jkun jidher li ma għadux jeżisti prospett raġonevoli ta’ tneħħija għal konsiderazzjonijiet legali jew oħrajn jew il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ma għadhomx aktar jeżistu, id-detenzjoni ma tibqax ġustifikata u l-persuna konċernata għandha tkun rilaxxata minnufih.

5.   Id-detenzjoni għandha titkompla għal tul ta’ perijodu meħtieġ biex il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 jiġu sodisfatti u biex tiġi żgurata t-tneħħija b’suċċess. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi perijodu limitat ta’ detenzjoni, li ma jistax jeċċedi sitt xhur.

6.   L-Istati Membri jistgħu ma jestendux il-perijodu msemmi fil-paragrafu 5 ħlief għal perijodu limitat li ma jeċċedix it-tnax-il xahar oħra skond il-liġi nazzjonali f’każijiet fejn minkejja l-isforzi raġonevoli kollha tagħhom l-operazzjoni ta’ tneħħija tista’ ddum minħabba:

(a)

nuqqas ta’ kooperazzjoni miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat, jew

(b)

dewmien fil-kisba tad-dokumentazzjoni neċessarja minn pajjiżi terzi.”

Id-dritt Olandiż

Il-Vreemdelingenwet

9.

Skont l-Artikolu 59(2) tal-Vreemdelingenwet 2000 (Il-Liġi tal-2000 dwar Ċittadini Barranin), tat-23 ta’ Novembru 2000 (Stb 2000, Nru 495), kif emendata b’effett mill-31 ta’ Diċembru 2011 sabiex tiġi trasposta d-Direttiva 2008/115 (iktar ’il quddiem il-“Vw”), jekk id-dokumenti meħtieġa għar-ritorn ta’ ċittadin barrani jkunu disponibbli jew ser ikunu disponibbli f’perijodu qasir ta’ żmien, l-interessi tal-ordni pubbliku jitqiesu li jkunu jitolbu d-detenzjoni taċ-ċittadin barrani, sakemm iċ-ċittadin barrani ma jkunx kiseb residenza skont il-liġi abbażi tal-Artikolu 8(a) sa (e) u tal-Artikolu l tal-Vw.

10.

Skont l-Artikolu 62a(1)(b) tal-Vw, il-ministru għandu jgħarraf bil-miktub lil ċittadin barrani li ma jkunx ċittadin ta’ Stat Membru u li ma jkollux jew li ma jkunx għad għandu residenza skont il-liġi, dwar l-obbligu li jħalli l-Pajjiżi l-Baxxi minn jeddu u dwar il-perijodu li matulu huwa għandu jikkonforma ruħu ma’ dan l-obbligu, sakemm iċ-ċittadin barrani ma jkollux fil-pussess tiegħu permess ta’ residenza validu jew awtorizzazzjoni oħra biex joqgħod fil-pajjiż maħruġ minn Stat Membru ieħor.

11.

L-Artikolu 62a(3) tal-Vw jispeċifika li ċ-ċittadin barrani msemmi fl-Artikolu 62a(1)(b) għandu jkun ordnat jirritorna minnufih fit-territorju tal-Istat Membru konċernat. Jekk din l-ordni ma titħarisx jew jekk it-tluq minnufih taċ-ċittadin barrani jkun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew sigurtà nazzjonali, għandha tingħata deċiżjoni ta’ ritorn kontrih.

12.

Skont l-Artikolu 63(1) u (2) tal-Vw, ċittadin barrani li ma jkollux residenza skont il-liġi u li ma jkunx ħalla l-Pajjiżi l-Baxxi minn jeddu fil-perijodu preskritt mill-Vw jista’ jiġi mkeċċi, bil-ministru jkun kompetenti għat-tkeċċija.

13.

Skont l-Artikolu 106 tal-Vw, jekk il-qorti tordna li titneħħa miżura li jkollha x’taqsam ma’ ċaħda tal-libertà, jew jekk iċ-ċaħda tal-libertà tkun diġà tneħħiet qabel ma jkun ġie eżaminat ir-rikors biex dik il-miżura titneħħa, hija tkun tista’ tagħti liċ-ċittadin barrani kumpens imħallas mill-Istat. Id-dannu jkun jinkludi l-iżvantaġġ li ma jikkonsistix f’telf finanzjarju. Din id-dispożizzjoni għandha tapplika mutatis mutandis jekk id-Diviżjoni tal-Ġurisdizzjoni Amministrattiva tal-Kunsill tal-Istat tordna t-tneħħija tal-miżura ta’ ċaħda tal-libertà.

Il-vreemdelingencirculaire 2000

14.

Skont l-Artikolu A3/2 tal-vreemdelingencirculaire 2000 (iċ-Ċirkulari tal-2000 dwar ċittadini barranin), kif applikabbli sal-1 ta’ Jannar 2019, jekk il-ħruġ ta’ deċiżjoni ta’ ritorn ikun kuntrarju għal obbligi internazzjonali (il-projbizzjoni ta’ refoulement), l-uffiċjal responsabbli għall-kontroll transkonfinali jew għall-kontroll ta’ barranin ma għandux joħroġ deċiżjoni ta’ ritorn.

Il-fatti, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15.

M, A u T, ċittadini ta’ pajjiżi terzi, ilkoll applikaw għal protezzjoni internazzjonali fil-Pajjiżi l-Baxxi. L-iStaatssecretaris van Justitie en Veiligheid (is-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u s-Sigurtà, iktar ’il quddiem l-“iStaatssecretaris”) iddikjara dawn it-talbiet inammissibbli permezz ta’ deċiżjonijiet tat-28 ta’ Frar, tad-9 ta’ Ottubru u tat-13 ta’ Ġunju 2018 rispettivament, minħabba li dawk iċ-ċittadini barranin diġà kellhom status validu ta’ refuġjati fil-Bulgarija, fi Spanja u fil-Ġermanja rispettivament.

16.

F’dawn id-deċiżjonijiet, l-iStaatssecretaris ordna liċ-ċittadini barranin ikkonċernati, skont l-Artikolu 62a(3) tal-Vreemdelingenwet 2000 (li ttrasponiet l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/115 fl-ordinament ġuridiku Olandiż) biex imorru minnufih fit-territorju tal-Istat Membru fejn kellhom protezzjoni internazzjonali u, barra minn dan, qal li huma kienu qegħdin f’riskju ta’ tneħħija jekk ma kinux ser iħarsu din l-ordni. Iċ-ċittadini barranin ma segwewx din l-ordni. L-iStaatssecretaris wara qegħedhom f’detenzjoni fit-28 ta’ Settembru, fit-22 ta’ Novembru u fil-25 ta’ Ottubru 2018 rispettivament, skont l-Artikolu 59(2) tal-Vw biex jiżgura t-tluq tagħhom lejn l-Istati Membri kkonċernati.

17.

M, A u T ippreżentaw appell fir-rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali, Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi). Fost affarijiet oħra, huma ssottomettew fl-appell li l-miżura ta’ detenzjoni kienet illegali fin-nuqqas ta’ deċiżjoni ta’ ritorn.

18.

Fil-każi ta’ M u A, ir-rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali, Den Haag) qieset li l-iStaatssecretaris kien qegħedhom legalment f’detenzjoni skont l-Artikolu 59(2) tal-Vw mingħajr ma kien qabel ħa deċiżjoni ta’ ritorn. Skont din il-qorti, ma kinitx meħtieġa deċiżjoni ta’ ritorn sabiex tittieħed miżura ta’ detenzjoni abbażi tal-Artikolu 59(2) tal-Vw. Għalhekk, l-appelli tagħhom ġew iddikjarati infondati.

19.

Għall-kuntrarju, fil-każ ta’ T, ir-rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali, Den Haag) qieset, inter alia, li ma kienx ċar jekk l-Artikolu 59 tal-Vw jipprovdix bażi biex jinżammu ċittadini ta’ pajjiż terz biex ikun żgurat it-tluq tagħhom lejn Stat Membru ieħor. Dan kien ikun possibbli biss kieku t-tifsira tal-kelma “ritorn” fl-Artikolu 59(2) tal-Vw kellha tifsira differenti minn dik fil-bqija tal-Artikolu 59. Skont din il-qorti, ma jidhirx li din kienet l-intenzjoni tal-leġiżlatur fit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2008/115 fl-Artikolu 59 tal-Vw, bir-riżultat li kienet meħtieġa interpretazzjoni restrittiva tal-kelma “ritorn” fil-Vw, li taqbel mad-definizzjoni ta’ dik il-kelma fid-Direttiva. Barra minn dan, l-iStaatssecretaris kien naqas milli jissottometti għadd ta’ dokumenti lir-rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali, Den Haag) fit-terminu u fl-intier tagħhom. Id-detenzjoni taċ-ċittadin barrani T kienet, għalhekk, illegali mill-mument li kienet imposta.

20.

M u A appellaw quddiem il-qorti tar-rinviju, kif għamel l-iStaatssecretaris fil-kawża kontra T.

21.

Wara li qieset li t-tilwimiet inkwistjoni jikkonċernaw biss id-dritt possibbli ta’ M, A u T għal kumpens għad-dannu kkawżat minħabba d-detenzjoni tagħhom, il-qorti tar-rinviju tinnota li r-riżultat ta’ dawn it-tilwimiet jiddependi minn jekk id-Direttiva 2008/115 tipprekludix lis-Staatssecretaris milli jżomm f’detenzjoni ċittadini ta’ pajjiż terz, li hija l-kwistjoni fil-kawża prinċipali, abbażi tal-Artikolu 59(2) tal-Vw, biex jiġi żgurat it-trasferiment tagħhom għal Stat Membru ieħor, mingħajr ma tkun ittieħdet deċiżjoni ta’ ritorn skont it-tifsira tal-Artikolu 62a(3) tal-Vw.

22.

F’dawn iċ-ċirkustanzi r-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u, b’digriet tal-4 ta’ Settembru 2019, li waslet għand il-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Settembru 2019, li jagħmel it-talba għal deċiżjoni preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Id-Direttiva 2008/115 […], b’mod partikolari l-Artikoli 3, 4, 6 u 15 tagħha, tipprekludi d-detenzjoni[,] b’applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali[,] ta’ barrani li jibbenefika minn protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, meta din id-detenzjoni [tkun] intiża għat-tneħħija, għal dan l-Istat Membru l-ieħor, tal-barrani li rċieva biss l-ordni li jmur hemm għal din ir-raġuni, mingħajr ma [tkun] ġiet adottata deċiżjoni sussegwenti ta’ ritorn?”

23.

Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn M, T, mill-Gvern tal-Estonja, dak tal-Pajjiżi l-Baxxi, u dak tal-Polonja, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Saret trattazzjoni orali minn M, T, mill-Gvern Olandiż u mill-Kummissjoni fis-seduta tad-9 ta’ Lulju 2020.

Analiżi

24.

Permezz tad-domanda tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 3, 4, 6 u 15 tad-Direttiva 2008/115 jipprekludux lil Stat Membru milli jżomm f’detenzjoni, skont il-liġi nazzjonali, ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed fil-pajjiż illegalment u li jkollu protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor, meta l-għan tad-detenzjoni jkun it-trasferiment taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz inkwistjoni lejn dak l-Istat Membru l-ieħor, u meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz kien is-suġġett ta’ ordni li jitlaq minnufih lejn it-territorju tal-Istat Membru l-ieħor, iżda mhux li jieħu deċiżjoni ta’ ritorn skont it-tifsira tad-Direttiva 2008/115.

25.

Biex nipproponi risposta għad-domanda, l-ewwel nett, irrid neżamina jekk id-Direttiva 2008/115 hijiex applikabbli għal sitwazzjonijiet bħal dawk deskritti mill-qorti tar-rinviju. Ser nasal għall-konklużjoni li hija. Wara ser ngħaddi għall-kwistjoni tal-obbligi ġenerali ta’ Stat Membru skont id-direttiva qabel ma nitkellem dwar l-obbligi speċifiċi tal-Istati Membri li jirriżultaw mill-istess direttiva b’rabta mad-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz.

L-applikabbiltà tad-Direttiva 2008/115

26.

Id-Direttiva 2008/115 tapplika, skont l-Artikolu 2(1) tagħha, għal ċittadini ta’ pajjiż terz li jkunu joqogħdu illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru.

27.

Huwa stabbilit mill-qorti tar-rinviju li l-imsemmija tliet ċittadini ta’ pajjiż terz għandhom protezzjoni internazzjonali, kull wieħed minnhom fi Stat Membru ieħor differenti. Għalhekk, kull wieħed minnhom għandu dritt ta’ residenza fl-Istat Membru li jkun tah il-protezzjoni internazzjonali.

28.

Il-qorti tar-rinviju stabbiliet ukoll li l-imsemmija -tliet ċittadini ta’ pajjiż terz qegħdin illegalment fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi. Ir-residenza tagħhom fil-pajjiż ma ġietx regolarizzata u l-eċċezzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2008/115 lanqas ma huma applikabbli.

29.

Bħala konsegwenza, is-sitwazzjoni tal-imsemmija tliet ċittadini ta’ pajjiż terz taqa’ taħt l-ambitu tad-Direttiva 2008/115. Dawn huma ċittadini ta’ pajjiż terz u huma, bħala prinċipju, suġġetti għar-regoli u l-proċeduri komuni stabbiliti f’din id-direttiva.

Obbligi ġenerali skont id-Direttiva 2008/115

30.

Dan iqajjem il-kwistjoni tal-obbligi, l-iktar għar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, skont id-Direttiva 2008/115, b’mod partikolari dwar jekk dan l-Istat Membru kellux l-obbligu li jadotta deċiżjoni ta’ ritorn, skont it-tifsira tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115.

L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/115 interpretat litteralment u fid-dawl tas-sistema stabbilita b’din id-Direttiva

31.

Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/115, ċittadini ta’ pajjiż terz li jkunu joqogħdu illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru u jkollhom permess ta’ residenza validu jew awtorizzazzjoni oħra li jikkonferixxu dritt ta’ residenza mogħti minn Stat Membru ieħor, ikun jeħtiġilhom imorru minnufih fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru. Jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat jonqos milli jagħmel dan, jew jekk ikun meħtieġ it-tluq minnufih taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz minħabba l-ordni pubbliku jew is-sigurtà nazzjonali, ikun japplika l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115.

32.

Minħabba li t-tliet ċittadini ta’ pajjiż terz inkwistjoni għandhom protezzjoni internazzjonali, kull wieħed minnhom fi Stat Membru ieħor, huma għandhom dritt ta’ residenza fl-Istat Membru l-ieħor inkwistjoni. Huma ġew ordnati mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi sabiex jitilqu mill-Pajjiżi l-Baxxi u jmorru lejn l-Istati Membri l-oħra iżda huma ma ħarsux l-ordnijiet rispettivi.

33.

F’sitwazzjoni bħal din, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115 jobbliga lil Stat Membru jadotta deċiżjoni ta’ ritorn. Madankollu, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma setax legalment jadotta deċiżjoni bħal din, kif issa ser nispjega.

34.

“Ritorn” tfisser il-proċess ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jmur lejn (1) il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew tagħha, (2) pajjiż ta’ tranżitu skont ftehim tal-Unjoni jew bilaterali ta’ riammissjoni jew arranġamenti oħra jew (3) pajjiż terz ieħor li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat minn jeddu jiddeċiedi li jmur lura fih u li fih huwa jew hija jkunu aċċettati ( 4 ).

35.

Fin-nuqqas ta’ pajjiż ta’ tranżitu (2) jew ta’ pajjiż terz ieħor li l-persuni msemmija minn jeddhom imorru lura fih (3), l-unika għażla skont id-direttiva tkun ritorn għall-pajjiżi ta’ oriġini.

36.

Il-qorti tar-rinviju stabbiliet, madankollu, li ma kinitx possibbli deċiżjoni ta’ ritorn għall-pajjiżi ta’ oriġini, minħabba li din kienet tikser il-prinċipju ta’ non-refoulement. Tabilħaqq, kif jgħid l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, fl-implementazzjoni tad-direttiva, Stat Membru għandu jqis il-prinċipju ta’ non-refoulement, prinċipju li, barra minn hekk, huwa ggarantit mill-Artikolu 18 u mill-Artikolu 19(2) tal-Karta.

37.

Nistgħu, għalhekk, nikkonkludu f’dan l-istadju, li għalkemm il-każ inkwistjoni jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma kienx obbligat jadotta deċiżjoni ta’ ritorn, skont l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva ( 5 ).

38.

Tali interpretazzjoni hija konformi mal-osservazzjonijiet tal-partijiet kollha fil-proċeduri u tidher li hija l-ħsieb predominanti fid-duttrina ġuridika ( 6 ).

L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/115 interpretat teleoloġikament

39.

Wieħed seta’, madankollu, jipprospetta interpretazzjoni differenti tal-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 2008/115.

40.

Fil-każ li dak iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jħarisx l-obbligu li huwa jmur minnufih fit-territorju tal-Istat Membru l-ieħor, ikun jidher li l-effikaċja sħiħa tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/115 tkun l-aħjar assigurata bl-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn lejn Stat Membru ieħor. Dan isaħħaħ il-proċedura msemmija fl-Artikolu 6(2) tad-direttiva. Ikun ifisser ukoll li tkun qiegħda tibdel it-tifsira ta’ “ritorn” kif iddefinita fil-punt 3 tal-Artikolu 3 tad-direttiva dwar ċerti sitwazzjonijiet speċifiċi.

41.

Tali proċedura jkollha l-vantaġġ enormi li tkun ċara u faċilment applikabbli fil-prattika. Ikun hemm deċiżjoni ta’ ritorn skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115, jiġifieri li jkunu jistgħu jiġu applikati mingħajr ebda tfixkil id-dispożizzjonijiet kollha tad-direttiva relatati ma’ din il-proċedura, inkluża u fuq kollox id-dispożizzjoni dwar detenzjoni (Artikolu 15).

42.

Il-“Manwal dwar ir-Ritorn” tal-Kummissjoni, li ma huwiex vinkolanti iżda, madankollu, huwa istruttiv, jidhirli li jindika din id-direzzjoni, meta jgħid li “[j]ekk ċittadin ta’ pajjiż terz ma jaqbilx li jirritorna b’mod volontarju skont l-Artikolu 6(2) lejn l-Istat Membru fejn ikollu permess, jibda japplika l-Artikolu 6(1) u għandha tiġi adottata deċiżjoni ta’ ritorn li tipprovdi għar-ritorn dirett lejn pajjiż terz. Mhuwiex possibbli li tuża l-forza biex persuna tiġi mgħoddija lejn Stat Membru ieħor, [ħlief] f’ċerti ċirkostanzi fejn ir-ritorn/tneħħija lejn pajjiż terz ma jkunux possibbli u l-Istat Membru li jkun ħareġ il-permess jaqbel li jieħu lura l-persuna.” ( 7 )

43.

Hemm żewġ affarijiet li ma jissemmewx f’dan il-passaġġ li għadu kif ġie kkwotat. L-ewwel nett, ma huwiex ċar jekk tali proċedura hijiex obbligatorja jew fakultattiva għall-Istat Membru. It-tieni nett, il-Kummissjoni ma tispeċifikax jekk din il-proċedura sseħħx skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/115 (li jkun kuntrarju għall-kliem tal-punt 3 tal-Artikolu 3 tad-direttiva) jew jekk din il-proċedura hijiex irregolata mid-dritt nazzjonali.

44.

Abbażi ta’ dan irrid inżid kelma ta’ twissija. Għalkemm attraenti daqs kemm jista’ jidher, insibha diffiċli nirrikonċilja dan l-approċċ mal-kliem ċar tal-punt 3 tal-Artikolu 3: jiġifieri, ritorn ifisser ritorn għal pajjiż terz ( 8 ). Barra minn dan, għandi dubji sinjifikanti dwar jekk l-introduzzjoni ta’ “proċedura ta’ ritorn bejn l-Istati Membri” tirriflettix ir-rieda tal-leġiżlatur. Mhux hekk biss, iżda tinqala’ wkoll il-kwistjoni jekk tali interpretazzjoni tkunx valida biss għal każijiet bħal dan inkwistjoni fil-kawża prinċipali fejn Stat Membru huwa prekluż milli jadotta deċiżjoni ta’ ritorn lejn pajjiż terz minħabba l-prinċipju ta’ non-refoulement, jew jekk għandhiex tapplika għall-każijiet kollha tal-Artikolu 6(2) tad-direttiva, jiġifieri fejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikollu permess ta’ residenza validu jew awtorizzazzjoni oħra maħruġa minn Stat Membru ieħor li joffru dritt ta’ residenza fil-pajjiż ( 9 ).

45.

Għal din ir-raġuni, mhux ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja l-interpretazzjoni li għadni kif semmejt. Pjuttost nippreferi noqgħod mal-kliem tal-punt 3 tal-Artikolu 3 u tal-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 2008/115 u li nerġa’ nafferma l-proposta tiegħi li ssottomettejt fil-punti 31 sa 38 iktar ’il fuq.

Obbligi speċifiċi skont id-Direttiva 2008/115: detenzjoni bil-ħsieb li ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz jiġi ttrasferit lejn Stat Membru ieħor?

46.

Jibqa’ biex tiġi eżaminata l-kwistjoni jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115 jipprekludux lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi milli jżomm f’detenzjoni ċ-ċittadini ta’ pajjiż terz ikkonċernati biex jittrasferihom lejn l-Istat Membru fejn ikollhom protezzjoni internazzjonali.

Possibbiltà ta’ detenzjoni

47.

Id-dispożizzjoni speċifika tad-Direttiva 2008/115 dwar id-detenzjoni hija l-Artikolu 15. Din id-dispożizzjoni tippreskrivi fid-dettall il-kundizzjonijiet taħt liema l-Istati Membri jistgħu iżommu f’detenzjoni ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun għaddej minn proċeduri ta’ ritorn biex iħejju r-ritorn u/jew biex iwettqu l-proċess ta’ tneħħija.

48.

Fl-assenza ta’ proċedura ta’ ritorn, madankollu, din id-dispożizzjoni ma tapplikax għall-każ inkwistjoni minħabba nuqqas ta’ proċedura ta’ ritorn. Għal darba oħra, kulma r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kien biħsiebu jagħmel kien li jittrasferixxi liċ-ċittadini ta’ pajjiż terz lejn Stat Membru, mhux li jibgħathom lura fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom barra mill-Unjoni.

49.

Il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat id-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz minħabba li kien qiegħed fil-pajjiż illegalment f’żewġ sitwazzjonijiet li jmorru lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115 ( 10 ) jiġifieri fejn kienet applikata l-proċedura ta’ ritorn skont id-Direttiva 2008/115 u ċ-ċittadin ikun (għadu) jinsab f’dak il-pajjiż mingħajr raġuni valida kontra r-ritorn (“is-sitwazzjoni Achughbabian” ( 11 )) u fejn tkun ġiet applikata l-proċedura ta’ ritorn u l-persuna konċernata terġa’ tidħol fil-pajjiż ta’ dak l-Istat Membru bi ksur ta’ projbizzjoni ta’ dħul (“is-sitwazzjoni Celaj” ( 12 )) ( 13 ).

50.

Minkejja dan, ebda waħda miż-żewġ sitwazzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti dan ma japplikaw hawn: fiż-żewġ sitwazzjonijiet Achughbabian u Celaj kienet applikata proċedura ta’ ritorn mill-Istat Membru inkwistjoni, għalkemm ma rnexxietx f’Achughbabian. Fil-każ inkwistjoni, madankollu, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi (ġustament) ma applikax proċedura ta’ ritorn, iżda proċedura ta’ trasferiment lejn Stat Membru ieħor.

51.

Għandi diffikultà nammetti li, f’tali sitwazzjoni li ( 14 ), għalkemm b’mod ġenerali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ġenerali tad-Direttiva 2008/115, anki jekk ma hijiex suġġetta għall-eżekuzzjoni kompleta tad-dispożizzjonijiet kollha tagħha, ma huwiex possibbli, bħala prinċipju, li Stat Membru jżomm f’detenzjoni, evidentement taħt ċerti kundizzjonijiet, ċittadin ta’ pajjiż terz ( 15 ).

52.

Id-Direttiva 2008/115, għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, b’mod kategoriku u bħala prinċipju, ma tipprekludix id-detenzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz ikkonċernati.

Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni

53.

Dwar il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni, minħabba li, kif ġie stabbilit iktar ’il fuq, il-każ inkwistjoni jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115 (bis-saħħa tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva), kull miżura ta’ detenzjoni li kull Stat Membru jkun irid jimponi għandha tkun imposta skont l-għan tad-direttiva u tal-prinċipji tagħha ( 16 ).

54.

Mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/115, kif ukoll mill-premessi 2 u 24 tad-direttiva jirriżulta li l-politika ta’ din id-direttiva għandha tiġi segwita b’rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u d-dinjità taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz ikkonċernati u li din id-direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti, partikolarment, mill-Karta.

55.

Qabel kont argumentajt li d-direttiva tfittex li tiżgura li jkun hemm bilanċ bejn id-drittijiet u l-interessi tal-Istati Membri, minn naħa, b’rabta mal-kontroll tad-dħul, tar-residenza u tat-tneħħija ta’ ċittadini barranin u d-drittijiet individwali tal-persuni konċernati ( 17 ). Fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, id-Direttiva 2008/115 għandha l-għan li tqis il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem relatati mad-dritt għal-libertà u ma’ “Għoxrin linja gwida dwar ir-ritorn furzat” adottati mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fl-4 ta’ Mejju 2005 ( 18 ) li għalihom id-Direttiva 2008/115 tagħmel riferiment fil-premessa 3 ( 19 ).

56.

Barra minn hekk, diġà argumentajt li dispożizzjoni nazzjonali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115 timplika l-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 51(1) tal-Karta u għandha tkun konformi mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, inklużi d-drittijiet fundamentali stabbiliti fil-Karta ( 20 ).

57.

L-Artikolu 52(1) tal-Karta jistipula li kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti mill-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet u tkun bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità. Sa fejn il-Karta tistabbilixxi drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), l-Artikolu 52(3) tal-Karta jipprovdi li t-tifsira u l-portata ta’ dawn id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti minn dik il-konvenzjoni, filwaqt li jispeċifika li d-dritt tal-Unjoni jista’ jipprevedi protezzjoni iktar estensiva. Għall-fini ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tal-Karta, għandu jitqies, għalhekk, l-Artikolu 5 tal-KEDB bħala l-limitu minimu ta’ protezzjoni ( 21 ).

58.

Skont il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, kull ċaħda tal-libertà għandha tkun legali jiġifieri mhux biss li għandha jkollha bażi legali fid-dritt nazzjonali, iżda wkoll li dik il-legalità tkun tirrigwarda l-kwalità tal-liġi, li jfisser li liġi nazzjonali li tawtorizza ċ-ċaħda tal-libertà għandha tkun aċċessibbli, preċiża u prevedibbli biżżejjed fl-applikazzjoni tagħha biex ikun evitat kull riskju ta’ arbitrarjetà ( 22 ).

59.

Abbażi ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, nista’ nagħmel l-osservazzjonijiet li ġejjin.

60.

Stat Membru li jkun irid jittrasferixxi ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed fil-pajjiż illegalment lejn Stat Membru ieħor fejn dak iċ-ċittadin ma jkunx qiegħed hemmhekk illegalment, bla dubju dan jikkontribwixxi biex mhux biss jissaħħu l-għanijiet tad-Direttiva 2008/115 iżda wkoll dawk tal-politika ta’ ażil u immigrazzjoni tal-Unjoni Ewropea b’mod ġenerali.

61.

Imiss li jeħtiġilna neżaminaw il-kwistjoni jekk l-Istat Membru inkwistjoni jirrispettax id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat. Minħabba li l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115, għalkemm, kif intwera hawn fuq, ma japplikax hawnhekk, ifittex li jqis u jinkorpora l-ġurisprudenza tal-Qorti ta’ Strasbourg fir-rigward tal-Artikolu 5 tal-KEDB, li huwa l-ekwivalent funzjonali tal-Artikolu 6 tal-Karta ( 23 ), aħna nistgħu noqogħdu fuq dak li tgħid din id-dispożizzjoni bħala għajn ta’ ispirazzjoni, sa fejn l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115 jipproteġi d-drittijiet fundamentali u l-interessi tal-persuna li jkollha tinżamm f’detenzjoni ( 24 ).

62.

Detenzjoni tista’ tintuża biss għall-iskop tal-proċedura ta’ trasferiment lejn l-Istat Membru l-ieħor. Għandha titqies biss bħala ultima ratio, jiġifieri meta jkun hemm riskju ta’ ħarba jew fejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat jevita jew ifixkel il-proċedura ta’ trasferiment. Barra dan, kull detenzjoni għandha tkun għall-iqsar perijodu possibbli, li tinżamm biss sakemm ikunu għaddejjin l-arranġamenti ta’ tneħħija u għandha tkun eżegwita b’diliġenza kif imiss.

63.

Dan ifisser li miżura ta’ detenzjoni tista’ tiġi ordnata biss abbażi ta’ każ każ u skont l-imġiba tal-individwu konċernat.

64.

Barra dan, detenzjoni għandha tiġi ordnata bil-miktub minn awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji, u għandhom jingħataw raġunijiet fil-fatt u fid-dritt u għandu jkun hemm provvediment għal stħarriġ ġudizzjarju. Detenzjoni għandha tkun irriveduta regolarment u, fil-każ ta’ perijodi fit-tul, tkun bla ħsara għas-superviżjoni tal-awtorità ġudizzjarja.

65.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tanalizza l-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni mad-drittijiet fundamentali, skont il-Karta, moqrija flimkien mal-KEDB, inkluża l-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq.

66.

Jekk il-qorti tar-rinviju ssib li dawn il-prinċipji ġew osservati, allura d-detenzjoni hija legali sa fejn ma hijiex prekluża mid-Direttiva 2008/115.

Konklużjoni

67.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha ta’ hawn fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda magħmula mir-Raad van State (Il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi) kif ġej:

L-Artikoli 3, 4, 6 u 15 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment ma jipprekludux Stat Membru milli jżomm f’detenzjoni, skont id-dritt nazzjonali, ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed fil-pajjiż illegalment u li jkollu protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor, fejn l-għan tad-detenzjoni jkun it-trasferiment taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat lejn dak l-Istat Membru l-ieħor u fejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz kien is-suġġett ta’ twissija sabiex jitlaq minnufih u jmur fit-territorju tal-Istat Membru l-ieħor, iżda mhux ta’ deċiżjoni ta’ ritorn skont it-tifsira tad-Direttiva 2008/115, jekk ikun hemm konformità mal-Artikoli 6 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008 L 348, p. 98).

( 3 ) Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen). (ĠU 2006 L 105, p. 1).

( 4 ) Ara l-paragrafu 3 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115.

( 5 ) Ovvjament, jekk u ġaladarba l-kundizzjonijiet ta’ non-refoulement ma jkunux għadhom issodisfatti, jerġa’ jkun hemm l-obbligu li tkun adottata deċiżjoni ta’ ritorn skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115.

( 6 ) Ara, bħala eżempju, Lutz, F., “Directive 2008/115/EC of the European Parliament and of the Council of 16 December 2008 on common standards and procedures in Stat Membrus for returning illegally staying third-country nationals”, f’Hailbronner, K. u Thym, D. (ed.), EU immigration and asylum law — a commentary, it-tieni edizzjoni, 2016, C. H. Beck, Hart, Nomos, Munich, Oxford, Baden-Baden, punt 13 tal-Artikolu 6, f’paġna 689.

( 7 ) Ara r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2338 tas-16 ta’ Novembru 2017 li tistabbilixxi “Manwal dwar ir-Ritorn” li għandu jintuża mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri meta jkunu qed iwettqu l-kompiti relatati mar-ritorn (ĠU 2017 L 339, p. 83, punt 5.4). Enfasi tiegħi.

( 8 ) Il-pajjiż ta’ oriġini, pajjiż ta’ tranżitu jew pajjiż terz xieraq, kif imsemmi fid-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq.

( 9 ) Jekk wieħed japplika wkoll “proċedura ta’ ritorn bejn l-Istati Membri” għal din is-sitwazzjoni tal-aħħar, dan effettivament jimplika li Stat Membru (Stat Membru A) li minn jeddu jagħti permessi ta’ residenza jew awtorizzazzjonijiet li joffru dritt li wieħed joqgħod fil-pajjiż, ikun fil-fatt qiegħed jiddetermina jekk, f’sitwazzjoni fejn il-persuna inkwistjoni tkun marret fi Stat Membru ieħor (Stat Membru B), proċedura ta’ ritorn sussegwenti tkunx tista’ tinbeda minn Stat Membru B għal Stat Membru A jew għall-pajjiż ta’ oriġini. Dan jista’ jwassal għal nuqqas ta’ konformità fl-applikazzjoni tad-direttiva u jbiddel is-sistema li d-direttiva tfittex tistabbilixxi, li huwa r-ritorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz għall-Istat ta’ oriġini tiegħu.

( 10 ) Dawn iż-żewġ kawżi kienu dwar l-impożizzjoni ta’ sentenza ta’ priġunerija skont il-liġi kriminali, li hija, madankollu, irrilevanti f’dan il-kuntest.

( 11 ) Ara s-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2011, Achughbabian (C-329/11, EU:C:2011:807, punt 50 u l-ewwel inċiż tad-dispożittiv).

( 12 ) Ara s-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2015, Celaj (C-290/14, EU:C:2015:640, punt 33 u d-dispożittiv).

( 13 ) Il-motivazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward hija li d-Direttiva 2008/115 hija biss dwar ir-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li jkunu qegħdin illegalment fi Stat Membru u, għalhekk, ma hijiex maħsuba li tarmonizza r-regoli nazzjonali kollha kemm huma dwar ċittadini barranin li jkunu qegħdin fil-pajjiż, ara s-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2011, Achughbabian (C‑329/11, EU:C:2011:807, punt 28). Barra minn hekk, id-Direttiva 2008/115 ma tipprekludix li ċittadin ta’ pajjiż terz jitqiegħed f’detenzjoni biex jiġi ddeterminat jekk ikunx qiegħed fil-pajjiż legalment, ara sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2011, Achughbabian (C‑329/11, EU:C:2011:807, punt 29).

( 14 ) Kemm mill-perspettiva ta’ Stat Membru, kif ukoll ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, trasferiment għal Stat Membru ieħor, fejn iċ-ċittadin ta’pajjiż terz ikollu wkoll protezzjoni internazzjonali, hija inqas drammatika minn proċedura ta’ ritorn għal pajjiż terz.

( 15 ) Kemm mill-perspettiva ta’ Stat Membru kif ukoll minn dik ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, trasferiment lejn Stat Membru ieħor, fejn ċittadin ta’ pajjiż terz għandu anki protezzjoni internazzjonali, huwa inqas drammatiku milli proċedura ta’ ritorn lejn pajjiż terz.

( 16 ) Inċidentalment, dan ukoll ikun il-każ f’sitwazzjoni “Achughbabian”. Hawn ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li d-detenzjoni prospettata kellha tkun esegwita “skont […] [i]l-prinċipji tal-imsemmija direttiva u [l]-għan tagħha”, ara s-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2011, Achughbabian (C‑329/11, EU:C:2011:807, punt 46).

( 17 ) Ara l-opinjoni tiegħi f’Direktor na Direktsia “Migratsia” pri Ministerstvo na vatreshnite raboti (C‑146/14 PPU, EU:C:2014:1936, punt 45).

( 18 ) Ara Kumitat tal-Ministri, dokument CM(2005) 40 finali.

( 19 ) Ara l-opinjoni tiegħi fi Direktor na Direktsia “Migratsia” pri Ministerstvo na vatreshnite raboti (C‑146/14 PPU, EU:C:2014:1936, punt 45).

( 20 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża JZ (Piena ta’ ħabs f’każ ta’ projbizzjoni ta’ dħul) (C‑806/18, EU:C:2020:307, punt 45).

( 21 ) Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża JZ (Piena ta’ ħabs f’każ ta’ projbizzjoni ta’ dħul) (C‑806/18, EU:C:2020:307, punt 46).

( 22 ) Ara dwar dan, il-QEDB, 21 ta’ Ottubru 2013, Del Río Prada vs Spanja (CE:ECHR:2013:1021JUD004275009, § 125).

( 23 ) Ara dwar dan is-sentenza tat-28 ta’ April 2011, El Dridi (C‑61/11 PPU, EU:C:2011:268, punt 43). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Direktor na Direktsia “Migratsia” pri Ministerstvo na vatreshnite raboti (C‑146/14 PPU, EU:C:2014:1936, punt 2, inkluża n-nota ta’ qiegħ il-paġna 3).

( 24 ) Għandu jkun enfasizzat li dan bl-ebda mod ma huwa applikazzjoni analoga tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115. Pjuttost, jista’ jintuża hawnhekk l-eżerċizzju ta’ bilanċ magħmul mil-leġiżlatur tal-Unjoni fir-rigward tal-interessi tal-Istat (ritorn/tneħħija) mad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz.