KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PITRUZZELLA

ippreżentati fid‑29 ta’ April 2021 ( 1 )

Kawża C‑665/19 P

NeXovation, Inc.

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Għajnuna favur il-kumpless ta’ Nürburgring – Bejgħ tal-assi tal-benfiċjarji tal-għajnuna mill-Istat iddikjarata inkompatibbli – Proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa, trasparenti, nondiskriminatorja u inkundizzjonata – Assenza ta’ diffikultajiet li jeżiġu l-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali – Obbligu ta’ motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali – Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 659/1999 – Ksur tad-drittijiet proċedurali tal-partijiet ikkonċernati”

1.

Permezz tal-appell tagħha, is-suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-kumpannija NeXovation Inc. (iktar ’il quddiem l-“appellanti”) qiegħda titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad‑19 ta’ Ġunju 2019, NeXovation vs Il‑Kummissjoni (T‑353/15, EU:T:2019:434; iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors tagħha għall-annullament tad-Deċiżjoni (UE) 2016/151 tal‑Kummissjoni tal‑1 ta’ Ottubru 2014 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.31550 (2012/C) (ex 2012/NN) implimentata mill-Ġermanja għal Nürburgring (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni finali”) ( 2 ).

2.

Din il-kawża tqajjem kwistjonijiet dwar il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali kif ukoll dwar il-portata tad-drittijiet proċedurali tal-partijiet ikkonċernati li jressqu lment lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet ta’ għajnuna mill-Istat.

I. Fatti

3.

Il-fatti tat-tilwima jinsabu fil-punti 1 sa 15 tas-sentenza appellata u, għall-ħtiġijiet ta’ din il-proċedura, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

4.

Il-kumpless tan-Nürburgring (iktar ’il quddiem in-“Nürburgring”), li jinsab fil-Land Ġermaniż ta’ Rheinland-Pfalz, jinkludi ċirkwit tat-tlielaq tal-karozzi, postijiet ta’ divertiment, lukandi u ristoranti.

5.

Bejn l‑2002 u l‑2012, is-sidien tan-Nürburgring (iktar ’il quddiem il-“bejjiegħa”), ibbenefikaw, prinċipalment mil-Land ta’ Rheinland-Pfalz, minn miżuri ta’ appoġġ għall-bini ta’ postijiet ta’ divertiment, ta’ lukandi u ta’ ristoranti u għall-organizzazzjoni ta’ tlielaq tal-Formula 1.

6.

Wara lment, dawn il-miżuri ta’ appoġġ ġew suġġetti għal proċedura ta’ investigazzjoni formali, skont l-Artikolu 108(2) TFUE, li nfetħet mill-Kummissjoni Ewropea fl‑2012.

7.

Fl-istess sena, l-Amtsgericht Bad Neuenahr-Ahrweiler (il-Qorti Distrettwali ta’ Bad Neuenahr-Ahrweiler, il-Ġermanja) iddikjarat l-insolvenza tal-bejjiegħa u ddeċidiet tipproċedi għall-bejgħ tal-assi tagħhom (iktar ’il quddiem l-“assi tan-Nürburgring”). Infetħet proċedura ta’ sejħa għal offerti (iktar ’il quddiem il-“proċedura ta’ sejħa għal offerti’) u ġiet konkluża bil-bejgħ ta’ dawn l-assi lil Capricorn Nürburgring Besitzgesellschaft GmbH (iktar ’il quddiem “Capricorn”).

8.

Fl‑10 ta’ April 2014, l-appellanti ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni, fejn sostniet li l-proċedura ta’ sejħa għal offerti ma kinitx miftuħa, trasparenti, nondiskriminatorja u inkundizzjonata u ma kinitx wasslet għall-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring bi prezz tas-suq, sa fejn dawn l-assi kienu ġew ittrasferiti lil offerent – Capricorn – li l-offerta tagħha kienet inferjuri għal tagħha u li kienet ingħatat preferenza fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti. Skont dan l-ilment, Capricorn irċeviet għajnuna li tikkorrispondi għad-differenza bejn il-prezz tas-suq tal-assi tan-Nürburgring u l-prezz imħallas sabiex jinkisbu dawn l-assi, u żgurat il-kontinwità tal-attivitajiet ekonomiċi tal-bejjiegħa. L-ordni għall-irkupru tal-għajnuna rċevuta mill-bejjiegħa kellu għalhekk jiġi estiż għal din il-kumpannija.

9.

Fl‑1 ta’ Ottubru 2014 il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni finali. F’din id-deċiżjoni, l-ewwel nett, il-Kummissjoni, minn naħa, ikkonstatat l-illegalità u l-inkompatibbiltà mas-suq intern ta’ ċerti miżuri mogħtija mill-Ġermanja favur il-bejjiegħa u, min-naħa l-oħra, iddikjarat li Capricorn, kif ukoll is-sussidjarji tagħha, ma humiex ikkonċernati bl-irkupru ta’ din l-għajnuna ( 3 ) (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni kontenzjuża”).

10.

It-tieni nett, fid-deċiżjoni finali, il-Kummissjoni stabbilixxiet li l-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring lil Capricorn ma kkostitwixxiex għajnuna mill-Istat ( 4 ). Il-Kummissjoni kkunsidrat li dan il-bejgħ seħħ permezz ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa, trasparenti u nondiskriminatorja u li din il-proċedura wasslet għall-bejgħ ta’ dawn l-assi bil-prezz tas-suq (iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni kontenzjuża”).

II. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

11.

Permezz ta’ rikors promotur ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑26 ta’ Ġunju 2015, l-appellanti ppreżentat rikorż intiż għall-annullament tal-ewwel u tat-tieni deċiżjoni kontenzjuża.

12.

Fis-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali, qabel xejn, iddikjarat bħala inammissibbli r-rikors fil-parti li fiha dan kien intiż għall-annullament tal-ewwel deċiżjoni kontenzjuża. Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-appellanti ma pprovatx li hija kkonċernata individwalment minn din id-deċiżjoni fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ( 5 ).

13.

Dwar it-talba għall-annullament tat-tieni deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali, qabel xejn, ikkonstatat li l-appellanti, bħala parti kkonċernata, għandha locus standi għall-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali żgurati lilha mill-Artikolu 108(2) TFUE ( 6 ), kif ukoll interess ġuridiku. Il-Qorti Ġenerali għalhekk eżaminat il-motivi invokati insostenn ta’ din it-talba u ċaħdithom kollha u ċaħdet, għalhekk, ir-rikors fit-totalità tiegħu ( 7 ).

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

14.

L-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tannulla l-punti 3 u 4 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata u tannulla l-ewwel u t-tieni deċiżjoni kontenzjuża jew, sussidjarjament, tibgħat il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u tikkundanna l-Kummisssjoni għall-ispejjeż.

15.

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

IV. Analiżi tal-appell

16.

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka sitt aggravji:

17.

L-ewwel aggravju huwa relatat mal-parti tas-sentenza appellata li tikkonċerna l-ewwel deċiżjoni kontenzjuża. L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat li hija ma kinitx individwalment ikkonċernata minn din id-deċiżjoni.

18.

Il-ħames aggravji l-oħra jirrigwardaw, pjuttost, il-parti tas-sentenza appellata relatata mat-tieni deċiżjoni kontenzjuża. B’mod iktar speċifiku, it-tieni aggravju, huwa relatat mal-applikazzjoni żbaljata tal-kunċett tal-għajnuna mill-Istat; it-tielet aggravju huwa relatat mal-applikazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “diffikultajiet gravi”; ir-raba’ aggravju huwa relatat mal-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 20(2), tar-Regolament Nru 659/1999 ( 8 ); il-ħames aggravju huwa relatat mal-evalwazzjoni żbaljata tan-natura imparzjali tal-eżami tal-ilment imressaq mill-appellanti, u, finalment, permezz tas-sitt aggravju l-appellanti ssostni żbalji tad-dritt fl-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-motivazzjoni tat-tieni deċiżjoni kontenzjuża.

19.

Konformement mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, sejjer nikkonċentra l-analiżi tiegħi fuq it-tieni sas-sitt aggravji, relatati mat-talba għall-annullament tat-tieni deċiżjoni kontenzjuża.

20.

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi indikat, preliminarjament, li huwa stabbilit li t-tieni deċiżjoni kontenzjuża tikkostitwixxi deċiżjoni adottata wara l-istadju tal-eżami preliminari ( 9 ) li permezz tagħha l-Kummissjoni kkonstatat li l-miżuri inkwistjoni ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) TFUE u, konsegwentement, iddeċidiet li ma tiftaħx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista mill-Artikolu 108(2) TFUE ( 10 ).

21.

F’dan ir-rigward infakkar ukoll li, kif imfakkar fil-punti 77 sa 82 tas-sentenza appellata, jirriżulta mill-ġurisprudenza li meta rikorrenti titlob l-annullament ta’ deċiżjoni, adottata fit-tmiem tal-eżami preliminari, li tiddikjara li l-miżura inkwistjoni ma hijiex għajnuna mill-Istat jew ta’ deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet, hija tikkontesta essenzjalment il-fatt li l-Kummissjoni ma fetħitx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, u għalhekk kisret id-drittijiet proċedurali li tgawdi r-rikorrenti fil-kuntest ta’ din il-proċedura. Sabiex it-talba għal annullament tagħha tintlaqa’, ir-rikorrenti tista’ jinvoka kwalunkwe aggravju ta’ natura li juri li l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi li kellha jew seta’ jkollha l-Kummissjoni kellha tqajjem dubji fir-rigward tal-kwalifikazzjoni tagħha bħala għajnuna mill-Istat jew il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern ( 11 ).

A. Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq l-allegata applikazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat

1.   L-argumenti tal-partijiet

22.

It-tieni aggravju huwa maqsum f’erba’ partijiet.

23.

Fl-ewwel parti, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat, fil-punti 122 sa 128 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma messhiex kellha dubji dwar in-natura vinkolanti ta’ ittra ta’ Deutsche Bank iddatata l‑10 ta’ Marzu 2014, ippreżentata minn Capricorn bħala garanzija finanzjarja insostenn tal-offerta tagħha. L-appellanti ssostni li jirriżulta minn diversi elementi, u b’mod partikolari mill-fatt li ssemmiet b’mod espliċitu n-natura mhux vinkolanti inkluża fl-anness ta’ din l-ittra, li hija ma kienet xejn ħlief ittra ta’ intenzjoni. Fir-replika tagħha, l-appellanti ssostni li l-kwistjoni dwar id-determinazzjoni tan-natura vinkolanti jew le ta’ din l-ittra hija kwistjoni ta’ liġi li tista’ tiġi eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell u, sussidjarjament, hija ssostni li fi kwalunkwe każ il-Qorti Ġenerali żnaturat din l-ittra.

24.

It-tieni parti hija intiża li tikkontesta l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li skontha l-appellanti ma stabbilixxietx li l-Kummissjoni kellu jkollha dubji dwar in-natura trasparenti tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti fir-rigward tat-termini għall-preżentata tal-offerti.

25.

L-appellanti ssostni, l-ewwel nett, li l-Qorti Ġenerali ttraskurat il-fatt li hija kienet ġiet żvijata fir-rigward ta’ dawn it-termini mill-bejjiegħa li kienu kkomunikawlha proroga ta’ dawn it-termini sal‑31 ta’ Marzu 2014. Il-Qorti Ġenerali injorat ukoll il-fatt li emenda tal-kundizzjonijiet tal-proċedura ta’ dan it-tip kellha tiġi applikata lill-offerenti kollha.

26.

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali injorat ukoll li, kif sostnut mill-appellanti, proċedura ta’ sejħa għal offerti ta’ dan it-tip titbiegħed mill-approċċ li jkun segwa investitur privat normali. Dan huwa kkonfermat mill-punt 93 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat ( 12 ), li minnu jirriżulta li n-nuqqas ta’ osservazzjoni tar-regoli tal-Unjoni Ewropea fil-kwistjoni tal-offerti għandha tqajjem dubji dwar il-kompatibbiltà mad-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat. F’din il-kawża dawn id-dispożizzjonijiet ma ġewx osservati peress li d-dritt tal-Unjoni ma jippermettix negozjati liberi wara l-iskadenza tat-terminu. Il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx dawn il-kwistjonijiet.

27.

It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali injorat li, kif invokat mill-appellanti, id-deċiżjoni finali tinkludi dikjarazzjonijiet kontradittorji, rispettivament fil-premessi 272 u 275(c), dwar il-kwistjoni jekk il-bejjiegħa pprorogawx jew le t-terminu għall-preżentata tal-offerti.

28.

Fit-tielet parti l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali injorat tliet argumenti mressqa minnha dwar daqstant emendi mwettqa fil-mori tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti li, madankollu, ma ġewx informati dwarhom l-offerenti potenzjali kollha.

29.

L-ewwel nett, filwaqt li inizjalment ġie propost lill-appellanti li takkwista l-assi tan-Nürburgring fuq il-bażi ta’ “bilanċ pulit” (clean balance sheet), jiġifieri mingħajr ma jkollha tindika d-djun u l-obbligi, preżenti u passati, li jaggravaw dawn l-assi, irriżulta suċċessivament li l-ftehimiet essenzjali kollha marbuta mal-ġestjoni tan-Nürburgring kienu ġew konklużi minn terz fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ kiri ta’ impriża (business lease) mal-bejjiegħa li, f’każ ta’ akkwist tan-Nürburgring, l-appellanti kellha tindikahom. Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma kkunsidrat bl-ebda mod l-argument imressaq f’dan ir-rigward.

30.

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx l-argument imressaq mill-appellanti dwar il-kuntratt ta’ kiri ta’ impriża (business lease) konkluż favur Capricorn u inizjalment maħsub bħala t-“tieni l-aħjar għażla” f’każ li l-proċedura ta’ sejħa għal offerti ma tintemmx sewwa jew id-deċiżjoni tal-Kummissjoni relatata magħha tiġi kkontestata. Minkejja li din it-tieni l-aħjar għażla kienet b’mod ċar rilevanti għad-determinazzjoni tal-prezz finali, ma ġietx ikkomunikata lil offerenti oħra. Konsegwentement, l-informazzjoni mogħtija fil-mori tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti ma kinitx sħiħa u, għalhekk, din il-proċedura ma kinitx konformi mar-rekwiżit ta’ trasparenza fis-sens tar-regola dwar l-għajnuna mill-Istat.

31.

It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx l-argument li permezz tiegħu l-appellanti sostniet li l-bejjiegħa introduċew kriterju ta’ għażla ta’ natura ambjentali fil-mori tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, mingħajr ma dan ġie kkomunikat lill-offerenti kollha.

32.

Fir-raba’ parti, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali injorat diversi argumenti mressqa minnha dwar, minn naħa, in-natura trasparenti tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti u, min-naħa l-oħra, in-natura diskriminatorja tagħha.

33.

Il-Kummissjoni tqis li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud totalment. L-ewwel parti u l-argumenti inklużi fit-tieni parti huma inammissibbli peress li, parzjalment, huma intiżi sabiex jikkontestaw mill-ġdid konstatazzjonijiet ta’ fatt magħmula mill-Qorti Ġenerali u, parzjalment, ma jispeċifikawx il-partijiet ikkontestati tas-sentenza appellata. Fir-rigward tat-tielet parti, il-Kummissjoni tqis li l-ewwel żewġ argumenti huma bbażati fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata. Dwar it-tielet argument, il-Qorti Ġenerali ma kinitx marbuta tirrispondih, peress li kien ibbażat fuq elementi oħra l-konstatazzjoni dwar in-natura mhux kredibbli u mhux vinkolanti tal-offerta tal-appellanti. Fir-rigward tal-argumenti mressqa mill-appellanti fir-raba’ parti, dawn huma inammissibbli jew irrilevanti.

2.   Evalwazzjoni

a)   Fuq l-ewwel parti tat-tieni aggravju, dwar in-natura vinkolanti tal-ittra ta’ Deutsche Bank tal‑10 ta’ Marzu 2014

34.

L-ewwel parti tat-tieni aggravju hija intiża sabiex tikkontesta l-analiżi tal-Qorti Ġenerali, inkluża fil-punti 124 sa 127 tas-sentenza appellata li wasslitha sabiex tikkonkludi, fil-punt 128 tagħha, li l-Kummissjoni ma kellhiex ikollha dubji dwar in-natura vinkolanti tal-ittra ta’ Deutsche Bank tal‑10 ta’ Marzu 2014 dwar il-finanzjament tal-offerta ta’ Capricorn.

35.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, hija biss il-Qorti Ġenerali li għandha l-kompetenza li tikkonstata u li tevalwa l-fatti u, bħala prinċipju, li teżamina l-provi li hija tiġbor insostenn ta’ dawn il-fatti. Fil-fatt, peress li dawn il-provi kienu nkisbu legalment u li l-prinċipji ġenerali tad-dritt kif ukoll ir-regoli proċedurali applikabbli fir-rigward tal-oneru u tal-amministrazzjoni tal-prova kienu ġew osservati, hija biss il-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-elementi mressqa quddiemha. Din l-evalwazzjoni għalhekk ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ tal-iżnaturament ta’ dawn l-elementi, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell ( 13 ).

36.

F’din il-kawża, l-argumenti mressqa mill-appellanti fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tieni aggravju huma intiżi jikkontestaw l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali tal-ittra ta’ Deutsche Bank tal‑10 ta’ Marzu 2014 dwar in-natura vinkolanti tagħha. L-appellanti titlob għalhekk, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq, fl-appell, evalwazzjoni ġdida ta’ prova invokata quddiem il-Qorti Ġenerali, xi ħaġa li, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt preċedenti, ma hijiex ammissibbli.

37.

Jeħtieġ ukoll jiġi indikat li fl-appell tagħha l-appellanti ma sostniet bl-ebda mod żnaturament ta’ din il-prova mill-Qorti Ġenerali. Huwa biss fir-replika tagħha, u, iktar minn hekk sempliċiment b’mod sussidjarju, li l-appellanti invokat l-iżnaturament mill-Qorti Ġenerali ta’ din l-ittra. F’dan ir-rigward, jeħtieġ madankollu jitfakkar li jirriżulta mill-Artikolu 127 tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell permezz tal-Artikolu 190(1) ta’ dawn ir-regoli li ebda aggravju ġdid ma jista’ jiġu ppreżentat fil-mori tal-kawża sakemm dan l-aggravju ma jkunx ibbażat fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura ( 14 ), li ma huwiex il-każ f’din il-kawża.

38.

Jirriżulta mill-preċedenti li, fil-fehma tiegħi, l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi ddikjarata inammissibbli.

b)   Fuq it-tieni, it-tielet u r-raba’ partijiet tat-tieni aggravju u dwar il-portata tal-obbligu tal-motivazzjoni tas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali

39.

Fil-kuntest tat-tieni, it-tielet u r-raba’ partijiet tat-tieni aggravju, l-appellanti ssostni, b’modijiet differenti, li l-Qorti Ġenerali injorat u naqset milli tikkunsidra diversi argumenti mqajma minnha fl-ewwel istanza. Nikkunsidra li huwa opportun, qabel ma nanalizza dawn il-partijiet, li jitfakkru l-prinċipji tal-ġurisprudenza żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-portata tal-obbligu tal-motivazzjoni tas-sentenzi mill-Qorti Ġenerali.

1) Fuq il-portata tal-obbligu tal-Qorti Ġenerali li timmotiva s-sentenzi tagħha

40.

Jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-obbligu tal-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali riżultanti mill-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għaliha permezz tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess Statut u tal-Artikolu 117 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, jimponi li l-motivazzjoni tas-sentenza appellata għandha turi r-raġunament tal-Qorti Ġenerali b’mod ċar u inekwivoku, b’mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni meħuda u lill-Qorti tal-Ġustizzja li teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha ( 15 ).

41.

Jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza li l-aggravju bbażat fuq nuqqas ta’ tweġiba mill-Qorti Ġenerali għal argumenti invokati fl-ewwel istanza, essenzjalment, jinvoka ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni ( 16 ) u li l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali hijiex kontradittorja jew insuffiċjenti tikkostitwixxi kwistjoni ta’ liġi li tista’, bħala tali, tiġi invokata fil-kuntest ta’ appell ( 17 ).

42.

F’dan il-kuntest, l-istħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja għandu bħala għan, b’mod partikolari, li jivverifika jekk il-Qorti Ġenerali weġbitx suffiċjentement skont il-liġi l-għadd ta’ argumenti invokati mill-appellanti ( 18 ).

43.

Madankollu, jirriżulta dejjem minn ġurisprudenza stabbilita li l-obbligu tal-motivazzjoni ma jimponix fuq il-Qorti Ġenerali li tipprovdi espożizzjoni li ssegwi, b’mod eżawrjenti u individwali, ir-raġunamenti kollha artikolati mill-partijiet fit-tilwima, u li l-motivazzjoni tista’ għalhekk tkun impliċita bil-kundizzjoni li tippermetti lill-persuni kkonċernati jsiru jafu r-raġunijiet għalfejn il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx l-argumenti tagħhom u lill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha biżżejjed elementi sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha ( 19 ).Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma hijaiex obbligata li tieħu pożizzjoni fuq elementi li huma manifestament irrilevanti, u lanqas li tantiċipa objezzjonijiet potenzjali ( 20 ).

44.

Jirriżulta minn dawn il-prinċipji li minkejja li, skont il-ġurisprudenza, il-Qorti Ġenerali tista’, taħt dawn il-kundizzjonijiet, taqdi l-obbligu tagħha tal-motivazzjoni tas-sentenzi permezz ta’ motivazzjoni impliċita, hija ma tistax madankollu tevita “tout court” li tirrispondi, espliċitament jew impliċitament, għall-argumenti invokati quddiemha; mhux manifestament irrilevanti, jew tiżnatura l-kontenut tagħhom. Omissjoni ta’ dan it-tip tikkostitwixxi, fil-fatt, difett ta’ motivazzjoni, kuntrarju għall-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali, kif ukoll ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, żgurat mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 21 ).

45.

Huwa għalhekk fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li jeħtieġ li jiġu analizzati l-argumenti mressqa mill-appellanti fil-kuntest tat-tieni, it-tielet u r-raba’ partijiet tat-tieni aggravju.

2) Fuq it-tieni parti tat-tieni aggravju dwar l-argumenti relatati mat-termini għall-preżentata tal-offerti

46.

Fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali ttraskurat jew injorat diversi argumenti mressqa minnha fir-rigward tad-determinazzjoni tat-terminu għall-preżentata tal-offerti fil-mori tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, argumenti li kienu intiżi li jistabbilixxu n-natura mhux trasparenti ta’ din il-proċedura.

47.

F’dan ir-rigward, jeħtieġ qabel xejn jiġi indikat li l-Qorti Ġenerali analizzat l-ilment ibbażat fuq in-natura mhux trasparenti tal-proċedura ta’ sejħa għal offerta fil-punti 119 sa 121 tas-sentenza appellata. Iktar speċifikament, fil-punt 119 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari, ikkonstatat li jirriżulta mill-ittra ta’ KPMG tas‑17 ta’ Diċembru 2013, li l-aħħar terminu għall-preżentata tal-offerti ta’ konferma ġie stabbilit għas‑17 ta’ Frar 2014. Il-Qorti Ġenerali, madankollu, indikat ukoll li din l-ittra ppreċiżat li l-offerti ppreżentati wara l-iskadenza tat-terminu ittieħdu inkunsiderazzjoni bl-istess mod, iżda li l-bejjiegħa setgħu jadottaw id-deċiżjoni tal-għażla malajr wara t-terminu għall-preżentata tal-offerti. Il-Qorti Ġenerali għalhekk ikkonstatat fil-fatt, fil-punt 120 tas-sentenza appellata, li l-possibbiltà ta’ depożitu ta’ offerta wara s‑17 ta’ Frar 2014 kienet magħrufa mill-offerenti kollha.

48.

L-appellanti ssostni, l-ewwel nett, li l-Qorti Ġenerali ttraskurat li hija kienet ġiet żvijata fir-rigward ta’ dawn it-termini mill-bejjigħa li kkomunikawlha proroga ta’ dawn id-drittijiet sal‑31 ta’ Marzu 2014 u li l-Qorti Ġenerali, ukoll, injorat li emenda tal-kundizzjonijiet tal-proċedura ta’ dan it-tip kellha tiġi applikata għall-offerenti kollha.

49.

Fil-fehma tiegħi dawn l-argumenti huma inammissibbli peress li jtendu, essenzjalment, jikkontestaw il-konstatazzjonijiet ta’ fatt imwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-punti 119 u 120 tas-sentenza appellata u msemmija fil-punt 47 preċedenti, kemm fir-rigward tad-data ta’ stabbilizzazzjoni tal-aħħar terminu għall-preżentata tal-offerti u kemm fir-rigward tal-għarfien mill-offerenti kollha ta’ dan it-terminu. F’dan ir-rigward jeħtieġ li jiġi indikat li fl-appell tagħha l-appellanti ma invokatx żnaturament tal-fatti, iżda invokat dan l-aggravju biss fir-replika tagħha, jiġifieri, kif jirriżulta mill-punt 37 preċedenti, tardivament.

50.

L-appellanti tinvoka, it-tieni nett, li l-Qorti Ġenerali injorat l-argumenti li permezz tagħhom hija sostniet fid-dritt li l-approċċ segwit fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti, kif indikat fid-deċiżjoni finali ( 22 ), fir-rigward tat-termini ma kienx konformi mar-rekwiżiti ta’ trasparenza u li l-ebda investitur privat ma seta’ jsegwi approċċ bħal dan.

51.

Jirriżulta fil-fatt mill-atti fil-proċess tal-ewwel istanza li, fir-rikors tagħha, l-appellanti kkontestat il-kompatibbiltà mar-rekwiżiti tagħha stess ta’ proċedura trasparenti ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti li fiha ma ġiex stabbilit terminu proprju, jiġifieri punt finali proprju tal-proċedura, iżda li fih il-bejjiegħa setgħu jagħżlu l-offerenti kkwalifikati malajr wara l-iskadenza tad-data indikata bħala t-terminu u li fiha ma kienx ipprojbit għall-offerenti kkwalifikati li jemendaw l-offerti tagħhom jew li jagħtu l-provi tal-finanzjament anki wara l-iskadenza ta’ din id-data.

52.

F’dan ir-rigward nindika li, b’qari tas-sentenza appellata u b’mod partikolari tal-punti 119 sa 121, fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet dwar l-ilment ibbażat fuq in-natura mhux trasparenti tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, ma jirriżultax li l-Qorti Ġenerali wieġbet għal dan l-argument ġuridiku li permezz tiegħu l-appellanti kkontestat, fil-mertu, il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti adottata fir-rigward tal-istabbiliment tal-aħħar terminu għall-preżentata tal-offerti. Tweġiba għal dan l-argument ma tiġix dedotta lanqas impliċitament mir-raġunament tal-Qorti Ġenerali inkluż fil-punti 119 sa 121 tas-sentenza appellata. Fil-fatt, sabiex tingħata tweġiba għal argument ġuridiku li permezz tiegħu jiġi dedott li n-nuqqas ta’ previżjoni ta’ terminu proprju fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti ma huwiex konformi mal-prinċipju ta’ trasparenza, ma huwiex, fil-fehma tiegħi suffiċjenti li jiġi kkonstatat fil-fatt li l-offerenti kollha kienu jafu bil-possibbiltà ta’ depożitu ta’ offerta anki wara t-terminu kif ipprorogat.

53.

Nikkunsidra għalhekk li s-sentenza appellata hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward.

54.

It-tielet nett, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali injorat l-argument tagħha li permezz tiegħu sostniet li d-deċiżjoni finali inkludiet affermazzjonijiet kontradittorji, rispettivament fil-premessi 272 u 275(c), dwar il-kwistjoni tal-proroga mill-bejjiegħa tat-terminu għall-preżentata tal-offerti.

55.

F’dan ir-rigward nindika li, minkejja li s-sentenza appellata effettivament ma tinkludix tweġiba espliċita għal dan l-argument, jista’ jiġi dedott mill-punt 119 tas-sentenza appellata li l-Qorti Ġenerali kkonstatat fil-fatt li dan it-terminu ġie effettivament ipprorogat bil-modijiet u skont il-kundizzjonijiet hemm indikati, li hija suffiċjenti fil-fehma tiegħi bħala tweġiba għall-ilment relatat ma’ nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata dwar il-proroga tat-terminu inkwistjoni. Sa fejn, pjuttost, permezz ta’ dan l-argument l-appellanti trid issostni żball tad-dritt tal-Qorti Ġenerali peress li din ma indikatx kontradizzjoni fil-motivazzjoni tat-tieni deċiżjoni kontenzjuża, dan l-argument jaqa’ fil-kuntest tas-sitt aggravju diskuss fil-punti 118 u segwenti ta’ dawn il-konklużjonijiet.

3) Fuq it-tielet parti tat-tieni aggravju, relatata ma’ tliet argumenti dwar in-natura mhux trasparenti tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti

56.

Permezz tat-tielet parti tat-tieni aggravju l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali injorat tliet argumenti invokati minnha fil-kuntest tal-ilment tagħha intiż li jsostni n-natura mhux trasparenti tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti. Dawn it-tliet argumenti jirrigwardaw daqstant emendi imwettqa matul din il-proċedura li bihom, skont l-appellanti, ma ġewx informati l-offerenti potenzjali kollha bi ksur tal-ħtieġa tat-trasparenza.

57.

Fir-rigward tal-ewwel minn dawn argumenti, jirriżulta mill-annessi tal-proċess tal-ewwel istanza li, quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti sostniet li l-Kummissjoni kienet wettqet żball billi kkunsidrat, fil-premessa 275(a) tad-deċiżjoni finali li ma kienx hemm xi bidla fil-kunċett tat-tranżazzjoni matul il-proċess ta’ sejħa għal offerti. Skont l-appellanti, fil-fatt, filwaqt li inizjalment it-tranżazzjoni tal-bejgħ kienet strutturata fuq il-bażi ta’ bejgħ fuq il-bażi ta’ “bilanċ pulit” (clean balance sheet), suċċessivament l-istrutturazzjoni ta’ dawn it-tranżazzjonijiet ġiet emendata mingħajr ma l-offerenti ma ġew informati, bi ksur tar-rekwiżiti tat-trasparenza.

58.

Fir-rigward tat-tieni argument, jirriżulta mill-annessi tal-proċess tal-ewwel istanza li quddiem il-Qorti Ġenerali l-appellanti sostniet li l-informazzjoni mogħtija fil-mori tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti ma kinitx sħiħa u li, konsegwentement, din il-proċedura ma kinitx konformi mar-rekwiżiti ta’ trasparenza fis-sens tar-regola dwar l-għajnuna mill-Istat. L-appellanti invokat li ma ġietx ipprovduta lill-offerenti kollha l-informazzjoni relatata mal-kuntratt ta’ kiri ta’ impriża (business lease) konkluż favur Capricorn, inizjalment maħsub bħala t-“tieni l-aħjar għażla” f’każ li l-proċedura ta’ sejħa għal offerti ma tintemmx sewwa jew id-deċiżjoni tal-Kummissjoni relatata magħha tiġi kkontestata. L-appellanti sostniet li l-Kummissjoni, skontha b’mod żbaljat, ma ħaditx inkunsiderazzjoni n-nuqqas tal-provvista ta’ din l-informazzjoni lill-offerenti l-oħra fil-mori tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti minkejja li din l-informazzjoni kienet rilevanti għad-determinazzjoni tal-prezz tal-offerta.

59.

Rigward it-tielet argument, jirriżulta mill-annessi tal-proċess li, quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti sostniet li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-aspetti ambjentali tal-premessa 275(i) tad-deċiżjoni finali kienet żbaljata peress li l-bejjiegħa, fil-fehma tagħha, introduċew kriterju ta’ għażla ta’ natura ambjentali fil-mori tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, mingħajr ma dan ġie kkomunikat lill-offerenti kollha, li rriżulta fi ksur tar-rekwiżiti tat-trasparenza.

60.

Fuq qari tas-sentenza appellata, ma jirriżultax li l-Qorti Ġenerali wieġbet espliċitament għal xi wieħed minn dawn l-argumenti intiżi li jikkontestaw l-osservanza tar-rekwiżit tat-trasparenza tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti. Iktar minn hekk, il-motivazzjoni tas-sentenza ma tippermettix, fil-fehma tiegħi, li wieħed ikun jaf imqar espliċitament ir-raġunijiet għalfejn il-Qorti Ġenerali laqgħet dawn l-argumenti. Tweġiba impliċita għal dawn l-argumenti, u b’mod partikolari għall-ewwel u għat-tieni wieħed minnhom, ma tistax tiġi dedotta, fil-fatt, bl-ebda mod mill-punti 119 sa 121 tas-sentenza appellata li fihom il-Qorti Ġenerali ddeċidiet dwar l-ilment ibbażat fuq in-natura mhux trasparenti tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti. Din lanqas ma tiġi dedotta mill-punti 146 sa 150 tas-sentenza appellata li fihom il-Qorti Ġenerali, anki jekk pjuttost fil-qosor, indirizzat l-argumenti relatati mal-kuntratt ta’ kiri ta’ impriża.

61.

Kuntrarjament għal dak sostnut mill-Kummissjoni tweġiba għall-ewwel wieħed minn dawn l-argumenti ma tiġi dedotta lanqas impliċitament mill-indikazzjoni fir-raba’ inċiż tal-punt 9 tas-sentenza appellata, li skontu l-offerenti setgħu jippreżentaw offerti għat-totalità tal-assi, għal gruppi ta’ assi determinanti jew għal assi uniċi. Din l-indikazzjoni, inkluża fil-parti deskrittiva tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, ma twieġeb bl-ebda mod, lanqas impliċitament, għall-ilment invokat mill-appellanti fir-rigward tan-natura mhux trasparenti tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti.

62.

Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li, fil-fehma tiegħi, peress li l-Qorti Ġenerali ma kkunsidrat la espliċitament, la impliċitament diversi argumenti invokati mill-appellanti insostenn tal-ilment ibbażat fuq in-natura allegatament mhux trasparenti tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, il-motivazzjoni tas-sentenza appellata ma tippermettix lill-partijiet ikkonċernati li jagħrfu r-raġunijiet għalfejn il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx dan l-appell, lanqas ma tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha elementi suffiċjenti sabiex twettaq il-verifika tagħha. Konsegwentement, nikkunsidra li s-sentenza appellata hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward.

4) Fuq ir-raba’ parti tat-tieni aggravju relatat ma’ ċerti argumenti dwar in-natura mhux trasparenti u diskriminatorja tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti

63.

Fil-kuntest tar-raba’ parti tat-tieni aggravju l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali naqset milli tikkunsidra żewġ serje ta’ argumenti, waħda relatata, bħall-argumenti msemmija fit-tielet parti, mal-ilment ibbażat fuq in-natura allegatament mhux trasparenti tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, u l-oħra relatata mal-ilment ibbażat fuq in-natura allegatament diskriminatorja ta’ din il-proċedura.

64.

Fir-rigward, minn naħa, tal-argumenti relatati mal-ilment ibbażat fuq in-natura mhux trasparenti tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, jirriżulta fuq qari tal-annessi tal-proċess tal-ewwel istanza li quddiem il-Qorti Ġenerali l-appellanti sostniet: l-ewwel nett, li l-proċedura ta’ sejħa għal offerti ma kinitx ġiet imħabbra barra mill-Unjoni; it-tieni nett, li diversi dokumenti importanti għall-bejgħ ma kinux ġew ikkomunikati jew kienu ġew ikkomunikati tard wisq jew b’mod qarrieqi; it-tielet nett, li l-Kummissjoni żbaljat meta kkunsidrat li l-preżentazzjoni ta’ verżjoni annotata tal-ftehim ta’ akkwist tal-assi kienet taqa’ strettament taħt in-negozjati kummerċjali u, għaldaqstant, ma kinitx rilevanti mill-perspettiva tal-għajnuna mill-Istat; ir-raba’ nett, li l-Kummissjoni żbaljat meta kkunsidrat li l-komunikazzjoni tardiva ta’ informazzjoni fil-mori tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti ma kellhiex effett fuq il-preżentazzjoni tal-offerta finali tal-offerenti jew fuq il-konklużjoni tal-kalkoli ekonomiċi neċessarji għal dan il-għan; u, il-ħames nett, li l-Kummissjoni kienet ikkonkludiet b’mod żbaljat li KPMG kienet ipprovdiet lill-offerenti kollha l-informazzjoni neċessarja sabiex tippermettilhom iwettqu evalwazzjoni xierqa tal-assi tan-Nürburgring.

65.

L-istess bħalma japplika għall-argumenti msemmija fil-kuntest tat-tielet parti ta’ dan l-aggravju, fuq qari tas-sentenza appellata, ma jirriżultax li l-Qorti Ġenerali wieġbet espliċitament għal xi wieħed mill-argumenti msemmija fil-punt preċedenti, u l-motivazzjoni ta’ din is-sentenza lanqas ma tippermetti li wieħed ikun jaf, impliċitament, ir-raġunijiet għalfejn il-Qorti Ġenerali ma laqgħethomx. B’mod partikolari ma tista’ tiġi dedotta bl-ebda mod tweġiba impliċita għal dawn l-argumenti mill-punti 119 sa 121 tas-sentenza appellata li fihom il-Qorti Ġenerali ddeċidiet dwar l-ilment ibbażat fuq in-natura mhux trasparenti tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, billi llimitat l-analiżi tagħha għall-kwistjoni tat-terminu stabbilit għad-depożitu tal-offerti.

66.

Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-argumenti relatati mal-ilment ibbażat fuq in-natura diskriminatorja tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, jirriżulta mill-qari tal-annessi tal-proċess fl-ewwel istanza li quddiem il-Qorti Ġenerali l-appellanti sostniet li l-Kummissjoni naqset milli twettaq investigazzjoni dwar: l-ewwel nett, il-fatt li l-appellanti ġiet iddiskriminata peress li ma ġietx ipprovduta b’kopja tad-dokumentazzjoni sħiħa tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti bil-lingwa Ingliża; it-tieni nett, iċ-ċirkustanza li Capricorn ingħatat aċċess ipprivileġġjat għall-informazzjoni fir-rigward tal-offerenti l-oħra; it-tielet nett, iċ-ċirkustanza li l-istess sieħeb ta’ uffiċċju legali Amerikan importanti l-ewwel għen lill-bejjiegħa mbagħad lil Capricorn; ir-raba’ nett, iċ-ċirkustanza li Capricorn ibbenefikat mill-appoġġ ipprivileġġjat kemm wara s‑17 ta’ Frar 2014 kemm fir-rigward tal-kisba tal-finanzjament minn Deutsche Bank.

67.

Anki fir-rigward ta’ dawn l-argumenti, nindika li ma jirriżultax, mill-qari tas-sentenza appellata, li l-Qorti Ġenerali wieġbet espliċitament fil-mertu għal xi wieħed minnhom, u l-motivazzjoni ta’ din is-sentenza lanqas ma tippermetti li wieħed ikun jaf, impliċitament, ir-raġunijiet għalfejn il-Qorti Ġenerali ma laqgħethomx. B’mod partikolari, tweġiba impliċita għal dawn l-argumenti ma tistax tiġi dedotta, fil-fehma tiegħi, mill-parti tas-sentenza appellata, jiġifieri fil-punti 122 sa 134, li fihom il-Qorti Ġenerali analizzat l-ilment ibbażat fuq in-natura diskriminatorja tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, billi llimitat l-analiżi tagħha għall-kwistjoni tal-ħtieġa tal-eżistenza ta’ impenn ta’ finanzjament vinkolanti. Nindika għalhekk li, anki f’dan ir-rigward, is-sentenza appellata hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni.

68.

Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li fil-fehma tiegħi s-sentenza appellata hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward ta’ diversi aspetti u li, konsegwentement, għandhom jintlaqgħu t-tieni, it-tielet u r-raba’ parti tat-tieni aggravju.

B. Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq l-applikazzjoni b’mod żbaljat tal-kunċett ta’ diffikultajiet gravi

1.   L-argumenti tal-partijiet

69.

It-tielet aggravju huwa maqsum fi tliet partijiet.

70.

Fl-ewwel parti l-appellanti ssostni li, minkejja li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 91 tas-sentenza appellata, li l-istadju preliminari tal-eżami kellu tul ta’ inqas minn sitt xhur (inkluż bejn il-mument tal-preżentata tal-ilment f’April tal‑2014 u l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali fl-Ottubru tal‑2014), u li dan ma stabbilixxiex l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li jiġġustifikaw il-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali, hija madankollu naqset milli twieġeb għal ċerti argumenti mressqa fir-rikors intiżi li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ dawn id-diffikultajiet serji. L-appellanti fil-fatt iddeduċiet li d-diffikultajiet gravi kienu jistgħu jiġu dedotti wkoll, minn naħa, mill-fatt li l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali kellha tiġi posposta diversi drabi minħabba li fit‑13 ta’ April 2015 il-Kummissjoni kienet ippubblikat rettifika tad-deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, minħabba ċ-ċirkustanza li l-Kummissjoni kienet bdiet teżamina l-proċess tal-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring diġà fil-ħarifa tal‑2012 u kienet f’kuntatt strett mal-bejjiegħa sa mill‑2013. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-appellanti sostniet li dewmien ieħor ta’ sitt xhur għad-deċiżjoni tal-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ sejħa kien eċċessiv, argument li l-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx.

71.

Fit-tieni parti tat-tielet aggravju, l-appellanti tikkontesta r-raġunament tal-Qorti Ġenerali inkluż fil-punt 98 tas-sentenza appellata rigward l-ittra ta’ Deutsche Bank tal‑10 ta’ Marzu 2014. Hija ssostni li d-dikjarazzjonijiet inklużi f’dan il-punt tas-sentenza appellata għandhom jiġu kkorreġuti minn diversi perspettivi. Il-Kummissjoni wettqet żball meta evalwat il-kundizzjonijiet għall-eżistenza ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa, trasparenti u inkundizzjonata u fil-verità ltaqgħet ma’ diffikultajiet serji. B’mod iktar partikolari, il-Kummissjoni kellha bżonn verżjoni emendata ta’ din l-ittra f’Lulju 2014, ammettiet li ma tafx jekk din l-ittra ta’ intenzjoni kinitx ġiet iffirmata jew irtirata u ammettiet li analizzat biss l-istrutturizzazzjoni tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti; iktar minn hekk, ministeru pubbliku Ġermaniż oppona n-natura vinkolanti ta’ din l-ittra.

72.

Fit-tielet parti, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali injorat l-argument tagħha relatat mal-kontinwazzjoni tal-proċess tal-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring, li pjuttost kien jindika l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji fl-istadju tal-investigazzjoni preliminari. Il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha li tindika, fil-punti 102 sa 104 tas-sentenza appellata, li dan il-bejgħ seħħ fit‑28 ta’ Ottubru 2014 fuq il-bażi ta’ kuntratt fiduċjarju tal‑5 ta’ Ottubru 2014, jiġifieri wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali. Il-Qorti Ġenerali injorat, madankollu, li l-appellanti pprovdiet informazzjoni f’dan ir-rigward lill-Kummissjoni diġà fit‑22 ta’ Settembru 2014 u li artikolu fl-istampa tat‑30 ta’ Settembru 2014, jiġifieri ppubblikat qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, kien jinkludi din l-informazzjoni. Il-Kummissjoni, iktar minn hekk, suċċessivament wiegħdet li tieħu inkunsiderazzjoni żviluppi ulterjuri tas-sitwazzjoni.

73.

Il-Kummissjoni ssostni li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud parzjalment bħala inammissibbli u parzjalment bħala infondat.

2.   Evalwazzjoni

74.

Fl-ewwel parti tat-tielet aggravju, l-istess bħal fit-tieni, it-tielet u r-raba’ parti tat-tieni aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali naqset li tikkunsidra ċerti argumenti invokati minnha fl-ewwel istanza. F’dan il-kuntest dawn huma argumenti marbuta mat-tul tal-istadju tal-eżami preliminari li jippruvaw l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji.

75.

F’dan ir-rigward jeħtieġ li jiġi indikat li, b’differenza mill-każ tal-argumenti msemmija f’dawn il-partijiet tat-tieni aggravju, li fis-sentenza appellata ma hemm l-ebda traċċa tagħhom, fil-punt 88 ta’ din is-sentenza l-Qorti Ġenerali, pjuttost, indikat li l-appellanti sostniet quddiemha, minn naħa, li d-deċiżjoni ġiet posposta iktar drabi u, min-naħa l-oħra, li r-rettifika tad-deċiżjoni finali kienet ġiet adottata ’l fuq minn sena wara d-depożitu tal-ilment quddiem il-Kummissjoni.

76.

Bi tweġiba għall-ilment relatat mat-tul tal-istadju preliminari mqajjem fil-kuntest tal-aggravju bbażat fuq l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni tal-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 91 tas-sentenza appellata, madankollu ma weġbitx espliċitament għal dawn l-argumenti, iżda llimitat ruħha li tikkonstata li, peress li d-deċiżjoni finali ttieħdet fl‑1 ta’ Ottubru 2014, jiġifieri inqas minn sitt xhur wara l-ilment tal-appellanti, tali tul tal-istadju preliminari tal-eżami ma setax jistabbilixxi l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni li jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

77.

F’dan il-kuntest, is-sentenza appellata tista’, fil-fehma tiegħi, tinftiehem fis-sens li, minkejja li l-Qorti Ġenerali ma ċaħditx espliċitament iż-żewġ argumenti msemmija fil-punt 75 preċedenti, fid-dawl tat-tul inferjuri ta’ sitt xhur tal-istadju preliminari ta’ investigazzjoni, hija kkunsidrat bħala irrilevanti, għall-għanijiet tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni, iż-żewġ ċirkustanzi invokati mill-appellanti jiġifieri, minn naħa, li, matul dan il-perijodu, l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali ġiet posposta iktar drabi u, min-naħa l-oħra, li din id-deċiżjoni kienet is-suġġett ta’ rettifika adottata sena wara.

78.

Din l-analiżi, impliċitament deduċibbli mis-sentenza appellata, ma hijiex, fil-fehma tiegħi, ivvizzjata minn żball. Fil-fatt, minn naħa, il-fatt li deċiżjoni tiġi posposta jista’ jkun dovut għal diversi motivi u ma jikkostitwixxix, fih innifsu, il-prova tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji fl-evalwazzjoni, li jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Dan huwa minnu b’mod partikolari fid-dawl ta’ tul tant limitat tal-istadju preliminari li wassal għall-adozzjoni tad-deċiżjoni finali.

79.

Min-naħa l-oħra, ir-rettifika ta’ deċiżjoni huwa att intiż għall-korrezzjoni ta’ żvisti jew żbalji materjali, bħal żbalji tipografiċi, u mhux għall-bdil tal-kontenut tad-deċiżjoni; konsegwentement, dan ma jippermetti bl-ebda mod estensjoni tat-tul tal-proċedura. Fi kwalunkwe każ, nindika li l-appellanti ma pprovdiet l-ebda element insostenn tat-teżi tagħha f’dan ir-rigward.

80.

Finalment, fir-rigward taċ-ċirkustanza, imsemmija mill-appellanti, li skontha l-Kummissjoni bdiet teżamina l-proċess tal-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring diġà fl‑2012, din ma hijiex kompatibbli mal-konstatazzjoni, fil-fatt, imwettqa mill-Qorti Ġenerali li t-tul tal-istadju preliminari tal-eżami kien inqas minn sitt xhur, konstatazzjoni li ma ġietx ikkontestata bħala tali mill-appellanti.

81.

Jirriżulta fil-fehma tiegħi minn dak li jippreċedi li l-ewwel parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda.

82.

Rigward it-tieni parti tat-tielet aggravju, nindika li, fil-punt 98 tas-sentenza appellata, ikkontestat mill-appellanti, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Kummissjoni stabbilixxiet li hija kellha, sa minn April 2014, l-ittra tal‑10 ta’ Marzu 2014 ta’ Deutsche Bank u li għalhekk ma hemm l-ebda raġuni sabiex tiġi kkontestata d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li hija wettqet l-analiżi tagħha stess tal-imsemmija ittra u kkunsidrat li din kienet tikkostitwixxi garanzija ta’ finanzjament, li n-natura vinkolanti tagħha kienet ġiet ikkonfermata mill-awtoritajiet Ġermaniżi.

83.

Dawn huma konstatazzjonijiet fattwali dwar in-natura vinkolanti tal-ittra msemmija ta’ Deutsche Bank li, kif indikat fil-punti 34 sa 37 preċedenti, ma jistgħux jiġu kkontestati fl-appell mingħajr ma jiġi sostnut żnaturament tal-fatti, aggravju li l-appellanti qajmet tardivament biss fir-replika tagħha, u mingħajr, mill-bqija, ma lanqas ippreċiżat fuq liema elementi huwa bbażat l-iżnaturament possibbli. Din il-parti għalhekk fil-fehma tiegħi għandha tiġi ddikjarata inammissibbli.

84.

It-tielet parti tat-tielet aggravju hija, min-naħa l-oħra, intiża li tikkontesta l-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali fil-punt 104 tas-sentenza appellata, li skontha ma setax jiġi allegat li l-Kummissjoni ma tatx deċiżjoni, fid-deċiżjoni finali, fuq il-kontinwazzjoni tal-proċess tal-bejgħ permezz tal-għoti lil sub-akkwirent tas-sehem miżmum minn Capricorn fil-veikolu tal-akkwist tal-assi tan-Nürburgring, peress li dan l-għoti seħħ biss wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali.

85.

F’dan ir-rigward nindika, min-naħa, li l-Qorti Ġenerali ma injoratx l-argument tal-appellanti dwar il-kontinwazzjoni tal-proċess tal-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring, iżda kkonstatat fil-fatt li dan il-bejgħ seħħ wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali u invokat, konformement mal-ġurisprudenza indikata fil-punt 102 tal-istess sentenza, li ma setax jiġi allegat li l-Kummissjoni ma tatx deċiżjoni dwar din iċ-ċirkustanza wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali.

86.

It-tieni nett, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali injorat li hija informat lill-Kummissjoni bil-kontinwazzjoni tal-proċess tal-bejgħ tal-assi inkwistjoni lil sub-akkwirent ftit ġranet qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali u li dan il-bejgħ irriżulta minn artikolu fl-istampa, anki hu xi ġranet preċedenti l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. F’dan ir-rigward, jeħtieġ, madankollu, li jiġi indikat li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 165 tas-sentenza appellata, wieġbet għal dan l-argument u kkonstatat li l-appellanti ma stabbilixxietx li l-Kummissjoni kellha jew seta’ jkollha dawn l-elementi ta’ informazzjoni fil-mument li fih adottat id-deċiżjoni finali. Din hija evalwazzjoni ta’ fatt li l-appellanti ma tistax tikkontesta fl-appell, ħlief fil-każ ta’ żnaturament ( 23 ). L-appellanti invokat żnaturament biss fir-replika tagħha u għalhekk tardivament, mingħajr, mill-bqija, ma indikat preċiżament liema elementi ġew żnaturati u f’xiex jikkonsisti l-iżnaturament tagħhom. It-tielet parti tat-tielet aggravju għandha għalhekk, fil-fehma tiegħi, tiġi miċħuda, parzjalment bħala infondata u parzjalment bħala inammissibbli.

87.

Jirriżulta minn dan li jippreċedi li, fil-fehma tiegħi, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

C. Fuq ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 659/1999

1.   L-argumenti tal-partijiet

88.

Permezz tar-raba’ aggravju, l-appellanti tikkontesta l-parti tas-sentenza appellata fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motiv li permezz tiegħu hija sostniet ksur tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 659/1999 peress li l-Kummissjoni naqset li tinformaha bl-intenzjoni tagħha li tiċħad l-ilment tagħha, kif ukoll li tistedinha tippreżenta osservazzjonijiet f’dan ir-rigward ( 24 ).

89.

Skont l-appellanti, minn naħa, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 659/1999, peress li minn din id-dispożizzjoni jirriżulta b’mod ċar obbligu għall-Kummissjoni li tinforma l-parti kkonċernata bl-intenzjoni tagħha li tiċħad l-ilment tagħha u li tistedinha tippreżenta osservazzjonijiet f’dan ir-rigward. F’din il-kawża, mingħajr ma informat lill-appellanti bl-evalwazzjoni preliminari tagħha, il-Kummissjoni ċaħħdet lill-appellanti mill-possibbiltà li tinfluwenza l-adozzjoni tad-deċiżjoni u li tappoġġja, fejn neċessarju, l-investigazzjoni tal-Kummissjoni b’fatti oħra. L-għan tad-dritt li jiġu ppreżentati osservazzjonijiet previst mid-dispożizzjoni inkwistjoni huwa dak li jipproteġi d-drittijiet tal-partijiet fl-iqsar żmien fil-mori tal-proċedura u l-ksur tiegħu jikkostitwixxi għalhekk nuqqas ta’ osservazzjoni serju bi preġudizzju għall-appellanti.

90.

Min-naħa l-oħra, ir-riferiment imwettaq fil-punt 188 tas-sentenza appellata għas-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2010, NDSHT vs Il‑Kummissjoni (C‑322/09 P, EU:C:2010:701) huwa żbaljat u qarrieqi. Fil-fatt, skont l-appellanti, f’din il-kawża l-Qorti tal-Ġustizzja ma kkonfrontatx il-kwistjoni tal-ħtieġa li tippermetti l-preżentata ta’ osservazzjonijiet supplimentari qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni. Jirriżulta wkoll mis-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il‑Kummissjoni (C‑521/06 P, EU:C:2008:422), li l-partijiet ikkonċernati għandhom id-dritt li jingħaqdu fil-proċedura b’mod adegwat bit-teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-kawża inkwistjoni.

91.

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tal-appellanti u tikkunsidra li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud.

2.   Evalwazzjoni

92.

Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, l-appellanti ssostni żball ta’ liġi mill-Qorti Ġenerali fl-applikazzjoni tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament 659/1999.

93.

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar b’mod preliminari li, fil-verżjoni emendata mir-Regolament (UE) Nru 734/2013 ( 25 ), applikabbli f’din il-kawża, l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 659/1999 ( 26 ) jipprevedi, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li “[k]ull parti interessata tista’ tippreżenta ilment biex tinforma lill-Kummissjoni dwar xi għajnuna illegali allegata jew użu ħażin allegat ta’ għajnuna. Għal dak il-għan, il-parti interessata għandha debitament timla formola li ġiet definita […] u għandha tipprovdi kull informazzjoni obbligatorja mitluba fiha” u fit-tieni paragrafu tiegħu, li “[f]ejn il-Kummissjoni tikkonsidra li l-parti interessata ma tikkonformax mal-formola tal-ilmenti obbligatorji jew li l-fatti u l-punti tal-liġi mressqa mill-parti interessata ma jipprovdux biżżejjed raġunijiet biex juru, fuq il-bażi ta’ eżami prima facie, l-eżistenza ta’ għajnuna illegali jew użu ħażin ta’ għajnuna, għandha tinforma lill-parti interessata b’dan u tindirizzalha talba biex tagħmel il-kummenti tagħha f’perjodu preskritt li normalment m’għandux ikun aktar minn xahar. Jekk il-parti interessata tonqos milli tagħmel il-fehmiet tiegħu fil-perjodu preskritt, l-ilment għandu jitiqies li kien irtirat. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Istat Membru kkonċernat meta lment ikun tqies li ġie rtirat”. Skont it-tielet paragrafu tal-istess dispożizzjoni “l-Kummissjoni għandha tibgħat kopja tad-deċiżjoni fuq każ li jikkonċerna s-suġġett tal-ilment lil min ilmenta”.

94.

L-appellanti ssostni li l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 659/1999, u speċifikament it-tieni paragrafu tiegħu, jagħtiha dritt proċedurali li tkun informata mill-Kummissjoni, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni, bl-intenzjoni tagħha li tiċħad l-ilment ippreżentat minnha, u li tistedinha tippreżenta osservazzjonijiet f’dan ir-rigward. Billi l-Kummissjoni ma informatx lill-appellanti u ma ppermettitilhiex tippreżenta osservazzjonijiet qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni taċ-ċaħda tal-ilment tagħha, il-Kummissjoni kisret id-dispożizzjoni inkwistjoni u l-Qorti Ġenerali għalhekk wettqet żball ta’ liġi billi ma rrikonoxxietx dan il-ksur.

95.

Ma naqbilx mal-interpretazzjoni proposta mill-appellanti tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 659/1999.

96.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni teħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha kif ukoll l-għanijiet u l-iskop tal-att li minnu din tagħmel parti. L-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ wkoll tipprovdi elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha ( 27 ).

97.

L-interpretazzjoni letterali, kuntestwali, teleoloġika, fid-dawl tal-ġenesi tad-dispożizzjoni emendata skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 659/1999 twassalni sabiex nikkunsidra li din ma hijiex intiża, kif issostni l-appellanti, li tattribwixxi b’mod ġenerali lil lanjant, qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni negattiva dwar l-ilment tiegħu, dritt proċedurali li jiġi informat bl-intenzjoni tal-Kummissjoni li tadotta din id-deċiżjoni u li tippreżenta osservazzjonijiet f’dan ir-rigward. Fil-fehma tiegħi, din id-dispożizzjoni tapplika, pjuttost, fi stadju preliminari ħafna tal-proċedura u hija intiża tippermetti lill-Kummissjoni tittratta malajr, għal raġunijiet ta’ effiċjenza amministrattiva, l-ilmenti li manifestament (prima facie) ma jirrispettawx ir-rekwiżiti formali jew sostantivi minimi sabiex jibdew proċedura amministrattiva dwar l-għajnuna mill-Istat, u għalhekk lanqas stadju preliminari ta’ eżami tal-miżuri eventwalment ikkontestati.

98.

Fil-fatt, jista’ jiġi dedott mid-dispożizzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 659/1999 li din tirrigwarda żewġ xenarji: minn naħa, il-każ tan-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti formali mitluba sabiex jitressaq ilment, jiġifieri l-osservazzjoni tal-“formola tal-ilmenti obbligatorji” u min-naħa l-oħra l-każ fejn l-ilment, anki jekk josserva r-rekwiżiti formali, ma jissodisfax ir-rekwiżiti sostantiv minimi peress li l-“fatti u l-punti tal-liġi mressqa mill-parti interessata ma jipprovdux biżżejjed raġunijiet biex juru, fuq il-bażi ta’ eżami prima facie, l-eżistenza ta’ għajnuna illegali jew użu ħażin ta’ għajnuna”.

99.

Id-dispożizzjoni inkwistjoni tipprevedi għaż-żewġ xenarji (nuqqas tar-rekwiżiti minimi formali jew sostantivi) l-istess trattament proċedurali u l-istess konsegwenzi ġuridiċi. Minn naħa, iż-żewġ xenarji jiġu ttrattati proċeduralment bl-istess mod, jiġifieri tingħata l-possibbiltà lil-lanjant jippreżenta osservazzjonijiet li jissanaw in-nuqqas formali jew inkella dak sostantiv, billi jagħti informazzjoni sinjifikattiva li tippermetti l-bidu ta’ analiżi tal-għajnuna mill-Istat. Min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ azzjoni tal-lanjant jew in-nuqqas ta’ osservanza kontinwa tar-rekwiżiti formali jew sostantivi minimi għall-preżentata ta’ lment għandhom bħala konsegwenza li l-Kummissjoni tista’ tikkunsidra l-ilment bħala rtirat.

100.

Din l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni hija kkonfermata anki mill-analiżi teleoloġika tagħha stess, fid-dawl tal-ġenesi tal-emenda tad-dispożizzjoni inkwistjoni introdotta mir-Regolament Nru 734/2013. Jirriżulta, fil-fatt, mill-proġett għal regolament tal-Kunsill ippreżentat mill-Kummissjoni li wassal għall-adozzjoni ta’ dan ir-regolament ( 28 ) li l-introduzzjoni tal-emenda kellha bħala għan, minn naħa, li tintroduċi rekwiżiti formali għall-preżentata ta’ lment lill-Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istat u, min-naħa l-oħra, biex tippermetti lill-Kummissjoni sabiex tittratta rapidament u b’mod effiċjenti “ħafna” mill-ilmenti li din l-istituzzjoni tirċievi dwar l-għajnuna mill-Istat li ma humiex “motivati minn kompetizzjoni ġenwina tħassib jew mhux sostanzjati biżżejjed” ( 29 ). F’dan il-kuntest, id-dispożizzjoni inkwistjoni tippermetti għalhekk lill-Kummissjoni sabiex ma tikkunsidrax bħala lment proprju komunikazzjonijiet li ma jirrispettawx ir-rekwiżiti minimi formali u sostantivi, u dan wara li tkun tat il-possibbiltà lill-persuna li pprovdiethom sabiex “tissana” n-nuqqas tar-rekwiżiti minimi formali jew sostantivi tal-komunikazzjoni tagħha. Dwar il-komunikazzjonijiet ta’ dan it-tip, il-Kummissjoni ma hijiex għalhekk obbligata tadotta deċiżjoni formali; dawn jiġu kkunsidrati bħala lmenti rtirati u jiġu, eventwalment, irreġistrati bħala informazzjoni tas-suq li l-Kummissjoni tista’ tuża mill-ġdid fi stadju iktar tard sabiex tmexxi l-investigazzjonijiet ex officio ( 30 ).

101.

Din l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni hija kkonfermata wkoll mill-qari tal-punt 48(b) tal-Kodiċi tal-Aħjar Prattika għat-tmexxija tal-proċeduri ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat fil-verżjoni tal‑2009 ( 31 ), iċċitat, fil-fehma tiegħi ġustament, mill-Qorti Ġenerali fil-punt 187 tas-sentenza appellata, li huwa ċċitat ukoll fl-abbozz għal regolament imsemmi fil-punt preċedenti ( 32 ).

102.

Rigward is-sentenzi Athinaïki Techniki vs Il‑Kummissjoni u NDSHT vs Il‑Kummissjoni li l-appellanti tagħmel riferiment għalihom, huwa suffiċjenti li jiġi osservat li dawn jirrigwardaw il-verżjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni li kienet fis-seħħ qabel l-emenda introdotta mir-Regolament Nru 734/2013 u ma jistgħux għalhekk, fil-fehma tiegħi, jintużaw sabiex tiġi kkontestata l-interpretazzjoni pprovduta mill-verżjoni emendata ta’ din id-dispożizzjoni, lanqas il-konklużjoni indikata fil-punt preċedenti.

103.

Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li jeħtieġ, għalhekk, li tiġi miċħuda l-interpretazzjoni li skontha l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 659/1999, u speċifikament it-tieni paragrafu tiegħu, jagħti lill-partijiet ikkonċernati dritt proċedurali li jiġu informati mill-Kummissjoni, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni, bl-intenzjoni tagħha li tiċħad l-ilment ippreżentat minnha, u li tistedinha tippreżenta osservazzjonijiet f’dan ir-rigward.

104.

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar għal darba oħra li jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita li, fil-proċeduri dwar għajnuna mill-Istat, il-partijiet ikkonċernati ma għandhomx dritt proprju ta’ difiża jew dritt għal dibattitu kontradittorju mal-Kummissjoni, iżda r-rwol tagħhom huwa biss li jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-gwida tal-Kummissjoni ( 33 ).

105.

Skont il-ġurisprudenza, fil-proċedura ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat, il-partijiet ikkonċernati minbarra l-Istat Membru kkonċernat għandhom drittijiet proċedurali limitati, li ma jinkludux dibattitu kontradittorju mal-Kummissjoni, bħal dak miftuħ favur l-imsemmi Stat Membru, iżda biss dritt li jiġu assoċjati mal-proċedura amministrattiva segwita mill-Kummissjoni b’mod adegwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni ( 34 ).

106.

F’din il-kawża, kif indikat fil-punt 20 preċedenti, huwa stabbilit li t-tieni deċiżjoni kontenzjuża tikkostitwixxi deċiżjoni adottata wara l-istadju preliminari tal-eżami u ma huwiex ikkontestat li, kif jirriżulta fost affarijiet oħra mill-premessa 13 tad-deċiżjoni finali, l-appellanti attivament ipparteċipat f’din il-proċedura, li ġiet konkluża b’deċiżjoni li essenzjalment ċaħdet l-ilment tagħha, li bl-ebda mod ma ġie meqjus bħala rtirat. Isegwi, fil-fehma tiegħi, li d-dispożizzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 659/1999 ma huwiex applikabbli għas-sitwazzjoni tal-appellanti u li għalhekk hija ma tistax issostni l-ksur tiegħu mill-Kummissjoni, lanqas, konsegwentement żball tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward.

107.

Jirriżulta minn dak li jippreċedi li fil-fehma tiegħi l-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 659/1999 u li għalhekk ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud.

D. Fuq il-ħames aggravju, ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ eżami imparzjali

1.   L-argumenti tal-partijiet

108.

Permezz tal-ħames aggravju, l-appellanti tikkontesta ċ-ċaħda, mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 209 sa 212 tas-sentenza appellata, tal-aggravju tagħha bbażat fuq l-allegat nuqqas ta’ eżami imparzjali tal-ilment tagħha. Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat u mingħajr ġustifikazzjoni kkunsidrat applikabbli b’analoġija għall-proċeduri dwar l-għajnuna mill-Istat il-ġurisprudenza dwar il-kompetizzjoni.

109.

Fi kwalunkwe każ, anki li kieku din il-ġurisprudenza kienet applikabbli, l-appellanti tenfasizza li invokat indizji li jistabbilixxu li l-Kummissjoni ma kellhiex l-intenzjoni li tkompli l-eżami tal-kawża, lanqas li tikseb informazzjoni iktar preċiża jew supplimentari.

110.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-ħames aggravju għandu jiġi miċħud.

2.   Evalwazzjoni

111.

Fil-punti 207 sa 213 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument invokat mill-appellanti li skontu t-twettiq ta’ eżami imparzjali tal-ilment tagħha mill-Kummissjoni ġie magħmul impossibbli minn dikjarazzjoni tal-portavuċi tal-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-kompetizzjoni li skontu l-awtoritajiet Ġermaniżi segwew il-gwidi mogħtija minn dan il-membru tal-Kummissjoni għall-bejgħ tal-assi tan-Nürburgring u li dawn inbiegħu lill-aħjar offerent wara proċedura ta’ sejħa għal offerti legali u skont il-prezz tas-suq.

112.

Il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, ċaħdet dan il-motiv, billi applikat b’analoġija l-ġurisprudenza li skontha, fir-rigward tar-regoli tal-kompetizzjoni, irregolarità bħal din tista’ twassal għall-annullament, mill-qorti tal-Unjoni, tad-deċiżjoni appellata quddiemha biss jekk jiġi stabbilit li, fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità, il-kontenut ta’ din id-deċiżjoni kien ikun differenti. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-appellanti ma pproduċiet l-ebda prova jew l-ebda indizju li juri li, kieku d-dikjarazzjoni kontenzjuża ma saritx, id-deċiżjoni finali seta’ jkollha kontenut differenti.

113.

L-appellanti tikkontesta, minn naħa, l-applikabbiltà b’analoġija ta’ din il-ġurisprudenza, żviluppata fil-qasam tal-kompetizzjoni, għall-qasam tal-għajnuna mill-Istat. F’dan ir-rigward nindika, madankollu, li din il-ġurisprudenza, dwar il-konsegwenzi ġuridiċi li għandhom jinsiltu mill-iżvelar żbaljat ta’ elementi anki essenzjali, ta’ deċiżjonijiet li ser ikunu adottati mill-Kummissjoni, għandha portata ġenerali u ma hemmx għalhekk raġunijiet sabiex tiġi llimitata l-applikazzjoni tagħha biss għall-qasam tal-kompetizzjoni ( 35 ).

114.

Din il-ġurisprudenza tikkostitwixxi mill-bqija applikazzjoni għal każ speċifiku tal-ġurisprudenza ta’ natura ġenerali li skontha, huwa prinċipju li irregolarità proċedurali twassal għall-annullament totali jew parzjali ta’ deċiżjoni biss jekk jiġi stabbilit li fl-assenza ta’ din l-irregolarità d-deċiżjoni kkontestata seta’ jkollha kontenut differenti; ġurisprudenza li ġiet applikata bla dubju anki għall-għajnuna mill-Istat ( 36 ).

115.

Fit-tieni lok, rigward l-elementi li l-appellanti ssostni li invokat quddiem il-Qorti Ġenerali bħala indizji li huma idonei sabiex jiġi stabbilit li, fin-nuqqas tal-allegata irregolarità, il-kontenut tat-tieni deċiżjoni kontenzjuża kien ikun differenti, dawn ma huma bl-ebda mod kapaċi jistabbilixxu allegat nuqqas ta’ imparzjalità mill-Kummissjoni. Dan huwa fil-fatt skambju ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi bejn l-avukati tal-appellanti u s-servizzi tal-Kummissjoni, tal-allegat nuqqas ta’ azzjoni ta’ dawn is-servizzi rigward komunikazzjonijiet ippreżentati mill-appellanti fl‑2014 u fl‑2015, jiġifieri wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, u tal-allegat nuqqas ta’ possibbiltà li jiġu pprovduti kummenti ulterjuri fis-sens tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 659/1999 li l-allegata illegalità tiegħu diġà ġiet miċħuda fil-kuntest tar-raba’ aggravju ( 37 ).

116.

Indizji ta’ dan it-tip ma għandhom, fil-fehma tiegħi, l-ebda rabta ma’ allegat nuqqas ta’ imparzjalità mill-Kummissjoni u ma humiex kapaċi jistabbilixxu li, fin-nuqqas tad-dikjarazzjoni tal-portavuċi ta’ membru tal-Kummissjoni inkarigat mill-kompetizzjoni, imsemmi mill-appellanti, it-tieni deċiżjoni kontenzjuża kien ikollha kontenut differenti. Rigward, b’mod partikolari, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-iskambju ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi msemmija iktar ’il fuq, din, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 35 preċedenti, ma tistax tiġi kkontestata fl-appell mingħajr ma jitqajjem almenu żnaturament tal-provi.

117.

Jirriżulta minn dak li jippreċedi li fil-fehma tiegħi l-ħames aggravju għandu jiġi miċħud.

E. Fuq is-sitt aggravju, ibbażat fuq l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni tat-tieni deċiżjoni kontenzjuża

1.   L-argumenti tal-partijiet

118.

Fis-sitt aggravju tagħha, l-appellanti tikkontesta l-parti tas-sentenza appellata ( 38 ) fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motiv invokat minnha fl-ewwel istanza li permezz tiegħu sostniet li t-tieni deċiżjoni kontenzjuża kienet ivvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni. Hija ssostni żball ta’ liġi mill-Qorti Ġenerali fl-applikazzjoni tal-Artikolu 296(2) TFUE. L-appellanti tindika li, fl-ewwel istanza, hija kienet invokat eżempji li jistabbilixxu erba’ tipi ta’ nuqqasijiet tal-Kummissjoni: in-nuqqas ta’ risposta għal ċerti lmenti essenzjali tagħha, in-nuqqas li tipprovdi motivazzjoni ċara u inekwivoka, in-nuqqas li tipprovdi raġunament iktar iddettaljat dwar devjazzjonijiet mill-prassi tad-deċiżjoni; u, finalment, in-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal-kuntest ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti.

119.

Rigward l-ewwel wieħed minn dawn l-ilmenti fl-ewwel istanza, l-appellanti tikkontesta b’mod partikolari r-raġunament tal-Qorti Ġenerali inkluż fil-punt 179 tas-sentenza appellata, li skontu l-Kummissjoni kellha żmien limitat sabiex tikkunsidra t-termini qosra tal-istadju preliminari ta’ eżami. Fil-fatt, skont l-appellanti, il-Kummissjoni bdiet tanalizza l-proċess tal-bejgħ diġà fl‑2012, jiġifieri sew qabel il-preżentata tal-ilmenti. Il-Qorti Ġenerali injorat ukoll il-kritika fundamentali proposta mill-appellanti, jiġifieri li l-Kummissjoni naqset li tasal għall-konklużjonijiet tagħha u għamlet riferiment esklużivament għal dikjarazzjonijiet ta’ ħaddieħor.

120.

Rigward it-tliet ilmenti l-oħra u l-argumenti indikati hemm, il-Qorti Ġenerali injorathom kompletament.

121.

Il-Kummissjoni ssostni li s-sitt aggravju għandu jiġi miċħud.

2.   Evalwazzjoni

122.

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni meħtieġa fl-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtur tal-att, b’mod li jippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u li jippermetti lill-qorti kompetenti twettaq l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment minn dan l-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, peress li l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tiegħu, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat ( 39 ).

123.

Fir-rigward b’mod iktar partikolari ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonkludi li ma teżistix l-għajnuna mill-Istat allegata minn persuna li tagħmel ilment, jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-Kummissjoni, f’kull każ, għandha l-obbligu li tesponi b’mod suffiċjenti lill-persuna li tagħmel l-ilment ir-raġunijiet li għalihom l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt invokati fl-ilment ma kinux biżżejjed sabiex juru l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat. Madankollu, il-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li tieħu pożizzjoni fuq elementi li huma manifestament mhux rilevanti, huma insinjifikattivi jew li huma b’mod ċar sekondarji ( 40 ).

124.

Il-korrelazzjoni neċessarja bejn il-motivi invokati mill-persuna li tagħmel l-ilment u l-motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma tistax teħtieġ li din ikollha l-obbligu li tiċħad kull wieħed mill-argumenti invokati insostenn ta’ dawn il-motivi. Huwa suffiċjenti għaliha li tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi li għandhom importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni ( 41 ).

125.

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-obbligu li jiġu mmotivati deċiżjonjiet jikkostitwixxi rekwiżit proċedurali essenzjali li għandu jkun distint mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, peress illi din taqa’ taħt il-legalità sostantiva tal-miżura inkwistjoni. Fil-fatt, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tikkonsisti fl-espressjoni formali tal-motivi li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni. Jekk dawn il-motivi huma vvizzjati bi żbalji, dawn jivvizzjaw il-legalità sostantiva tad-deċiżjoni, iżda mhux il-motivazzjoni tagħha, li tista’ tkun suffiċjenti filwaqt li jkunu espressi motivi żbaljati, b’mod li jista’ ma jkunx impossibbli għall-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha ( 42 ).

126.

Fil-kuntest ta’ dan l-aggravju, l-appellanti tikkontesta, l-ewwel nett, ir-riferiment li għamlet il-Qorti Ġenerali għaċ-ċirkustanza li l-Kummissjoni kienet suġġetta għal “qasir żmien”, għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni fit-tmiem tal-istadju ta’ eżami preliminari, peress li, fil-fehma tagħha, il-Kummissjoni kienet diġà bdiet tanalizza l-proċedura tal-bejgħ inkwistjoni ħafna qabel il-preżentata tal-ilmenti ( 43 ). F’dan ir-rigward naqbel, madankollu, mal-fehma tal-Kummissjoni li skontha dan l-argument huwa, fi kwalunkwe każ, irrilevanti peress li jikkontesta punt tas-sentenza espost ad abundantiam mill-Qorti Ġenerali. Dan l-argument ma huwiex, madankollu, fih innifsu, idoneu sabiex jikkontesta l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, riżultanti mill-punti 176 u 178 tas-sentenza appellata, li skontha l-espożizzjoni inkluża fil-premessi 266 sa 281 tad-deċiżjoni finali hija suffiċjenti sabiex tippermetti li wieħed ikun jaf ir-raġunijiet għall-miżura adottata u li skontha l-Kummissjoni, għalhekk, ma kisritx l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni billi ma weġbitx għal dawn l-ilmenti, peress li kkunsidrat li ma humiex ta’ importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni.

127.

It-tieni nett, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali injorat il-kritika fundamentali invokata minnha, jiġifieri li l-Kummissjoni naqset li tasal għall-konklużjonijiet tagħha u għamlet riferiment esklużivament għal dikjarazzjonijiet ta’ ħaddieħor. F’dan ir-rigward, apparti l-fatt li dan l-argument huwa mressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod pjuttost ġeneriku u astratt, li jimpedixxi l-identifikazzjoni preċiża tal-iżball akkużat lill-Qorti Ġenerali, nosserva li, fi kwalunkwe każ, b’mod ġenerali, il-fatt li tagħmel tagħha dikjarazzjonijiet ta’ ħaddieħor sabiex timmotiva l-bażi ta’ deċiżjoni ma jfissirx minnu nnifsu li l-motivazzjoni hija insuffiċjenti jew difettuża. Għalhekk dan l-argument, apparti li huwa probabbilment inammissibbli, huwa wkoll irrilevanti anki hu.

128.

It-tielet nett, l-appellanti takkuża lill-Qorti Ġenerali li ma weġbitx għal ċerti lmenti mqajma minnha fl-ewwel istanza.

129.

F’dan ir-rigward, sa fejn, b’dan l-argument, l-appellanti hija intiża tinvoka nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata, dan għandu fil-fehma tiegħi jiġi miċħud. Mill-punti 175 sa 180 tas-sentenza appellata jirriżulta, fil-fatt, b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali sabiex tiċħad il-motiv invokat mill-appellanti, jiġifieri li hija kkunsidrat li l-espożizzjoni inkluża fil-premessi 266 sa 281 tad-deċiżjoni finali kienet suffiċjenti sabiex wieħed ikun jaf ir-raġunijiet tal-miżura adottata u li l-Kummissjoni esponiet il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi li huma ta’ importanza essenzjali fl-istruttura tat-tieni deċiżjoni kontenzjuża.

130.

Sa fejn minflok l-appellanti, b’dan l-argument, hija intiża li ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 296(2) TFUE billi naqset li tikkunsidra li d-deċiżjoni finali kienet ivvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni peress li l-Kummissjoni stess kienet naqset li tikkunsidra l-elementi indikati fl-ewwel istanza fil-kuntest tat-tieni, it-tielet u r-raba’ lment, dan l-argument jista’ jintlaqa’ biss fil-każ fejn dawn l-elementi għandhom jiġu kkunsidrati bħala fatti jew kunsiderazzjonijiet ġuridiċi ta’ importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni. F’dan il-każ, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punti preċedenti 123 u 124, il-Kummissjoni kienet obbligata tikkunsidrahom.

131.

Madankollu, minn naħa, l-appellanti ma tispjega bl-ebda mod għalfejn l-elementi indikati fl-ewwel istanza fil-kuntest tat-tieni, it-tielet u r-raba’ lment għandhom jiġu kkunsidrati bħala fatti jew kunsiderazzjonijiet ġuridiċi ta’ importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni li l-Kummissjoni kienet neċessarjament obbligata tikkunsidra. Min-naħa l-oħra, l-argumenti msemmija f’dawn l-ilmenti jtendu essenzjalment jikkontestaw il-fondatezza tal-motivazzjoni, peress illi din taqa’ taħt il-legalità sostantiva tal-miżura inkwistjoni, u mhux il-motivazzjoni tagħha. Għalhekk, jekk il-Qorti Ġenerali tista’, f’kundizzjonijiet partikolari tikkwalifika mill-ġdid l-argument imressaq minn naħa u twasslu insostenn ta’ motiv ieħor ta’ rikors ( 44 ), ma jiniex konvint li, fil-każ fejn rikorrent jinvoka argumenti insostenn tal-motiv tiegħu relatat mal-ksur tal-obbligu tal-motivazzjoni, jista’ jiġi attribwit żball ta’ liġi għall-Qorti Ġenerali talli ma kkwalifikatx mill-ġdid din l-argumentazzjoni bħala relatata mal-fondatezza tal-motivazzjoni li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 125 preċedenti, tikkostitwixxi kwistjoni separata.

132.

Jirriżulta minn dak li jippreċedi li, fil-fehma tiegħi, għandu jiġi miċħud anki t-tielet argument invokat fil-kuntest tas-sitt aggravju u għalhekk dan l-aggravju fit-totalità tiegħu.

V. Konklużjoni

133.

Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tilqa’ t-tieni, it-tielet u r-raba’ partijiet tat-tieni aggravju tal-appell ippreżentat minn NeXovation, Inc.; u

tiċħad l-ewwel parti tat-tieni aggravju kif ukoll it-tielet, ir-raba’, il-ħames u s-sitt aggravju tal-istess appell.


( 1 ) Lingwa oriġinali: it-Taljan.

( 2 ) ĠU 2016, L 34, p. 1.

( 3 ) Ara, rispettivament, l-Artikoli 2 u 3(2) tad-deċiżjoni finali.

( 4 ) Ara l-aħħar inċiż tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni finali.

( 5 ) Ara l-punt 57 tas-sentenza appellata.

( 6 ) Ara l-punt 75 tas-sentenza appellata.

( 7 ) Ara l-punti 214 u 216 tas-sentenza appellata.

( 8 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat‑22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339). Dan ir-regolament illum ġie abrogat u ssostitwit mir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9).

( 9 ) Ara l-punt 67 tas-sentenza appellata.

( 10 ) Ara l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 659/1999.

( 11 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex (C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 59) u, reċentement, tat‑3 ta’ Settembru 2020, Vereniging tot Behoud van Natuurmonumenten in Nederland et vs Il‑Kummissjoni (C‑817/18 P, EU:C:2020:637, punt 81 u l-ġurisprudenza hemm iċċitata).

( 12 ) Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) TFUE (ĠU 2016, C 262, p. 1)

( 13 ) Ara, ex multis is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, L‑Unjoni Ewropea vs Guardian Europe (C‑447/17 P u C‑479/17 P, EU:C:2019:672, punt 137 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 14 ) Ara f’dan ir-rigward, ex multis, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020, Vereniging tot Behoud van Natuurmonumenten in Nederland et vs Il‑Kummissjoni (C‑817/18 P, EU:C:2020:637, punt 116).

( 15 ) Ara, ex multis, is-sentenzi tal‑11 ta’ Ġunju 2015, EMA vs Il‑Kummissjoni (C‑100/14 P, EU:C:2015:382, mhux ippubblikata, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tas‑26 ta’ Mejju 2016, Rose Vision vs Il‑Kummissjoni (C‑224/15 P, EU:C:2016:358, punt 24).

( 16 ) Ara s-sentenzi tal‑11 ta’ Mejju 2017, Dyson vs Il‑Kummissjoni (C‑44/16 P, EU:C:2017:357, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tas‑16 ta’ Novembru 2017, Ludwig-Bölkow-Systemtechnik vs Il‑Kummissjoni (C‑250/16 P, EU:C:2017:871, punt 55).

( 17 ) Ara, ex multis, is-sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2016, Rose Vision vs Il‑Kummissjoni (C‑224/15 P, EU:C:2016:358, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata) u, reċentement, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, China Construction Bank vs EUIPO (C‑115/19 P, EU:C:2020:469, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 18 ) Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Dyson vs Il‑Kummissjoni (C‑44/16 P, EU:C:2017:357, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll id-digriet tat‑13 ta’ Diċembru 2012, Alliance One International vs Il‑Kummissjoni (C‑593/11 P, mhux ippubblikat, EU:C:2012:804, punt 27).

( 19 ) Ara, ex multis is-sentenzi tas‑26 ta’ Mejju 2016, Rose Vision vs Il‑Kummissjoni (C‑224/15 P, EU:C:2016:358, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tal‑11 ta’ Mejju 2017, Dyson vs Il‑Kummissjoni (C‑44/16 P, EU:C:2017:357, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 20 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2012, Éditions Odile Jacob vs Il‑Kummissjoni (C‑551/10 P, EU:C:2012:681, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 21 ) Ara, f’dan is-sens, anki l-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża Bayer CropScience u Bayer vs Il‑Kummissjoni (C‑499/18 P, EU:C:2020:735, punt 89).

( 22 ) Ara, speċifikament, il-premessa 275(c), tad-deċiżjoni finali.

( 23 ) Ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti preċedenti 35 u 37.

( 24 ) Ara l-punti 185 u 190 tas-sentenza appellata.

( 25 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 734/2013 tat‑22 ta’ Lulju 2013 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE, ĠU 2013, L 204, p. 15.

( 26 ) Fir-regolament il-ġdid (UE) 2015/1589 li, kif indikat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 iktar ’il fuq, issostitwixxa r-regolament Nru 659/1999 id-dispożizzjoni inkwistjoni baqgħet essenzjalment mhux mibdula fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 24(2).

( 27 ) Ara, inter alia, reċentement is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2020, EUIPO vs John Mills (C‑809/18 P, EU:C:2020:902, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 28 ) Ara l-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE, tal-5 ta’ Diċembru 2012, COM(2012) 725 final.

( 29 ) Ara, it-Taqsima 2.1., f’p. 4, tar-rapport dwar il-Proposta għal Regolament imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti.

( 30 ) Ara, it-Taqsima 2.1., f’p. 5, tar-rapport dwar il-Proposta għal Regolament imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28. Konformement ara wkoll il-punti 70 u 72 tal-verżjoni tat‑2018 tal-Kodiċi tal-Aħjar Prattiki għat-tmexxija tal-proċeduri ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat (ĠU 2008, C 253, p. 14).

( 31 ) ĠU 2009, C 136, p. 13. Dan il-kodiċi ġie ssostitwit mill-verżjoni l-ġdida tal-kodiċi msemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti. Ara l-punti 70 u 72 ta’ din il-verżjoni.

( 32 ) Ara, it-Taqsima 2.1., f’p. 4, tar-rapport dwar il-Proposta għal Regolament imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28.

( 33 ) Ara s-sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 1973, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, 70/72, EU:C:1973:87, punt 19; tat‑2 ta’ April 1998, il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 59; u tal‑24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il‑Kummissjoni, C‑74/00 P u C‑75/00 P, EU:C:2002:524, punti 80 sa 83. Ara wkoll, iktar reċentement, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tanchev fil-Kawża Il‑Kummissjoni vs Gmina Miasto Gdynia u Port Lotniczy Gdynia Kosakowo (C‑56/18 P, EU:C:2019:569, punt 24) u s-sentenza relattiva tal‑11 ta’ Marzu 2020, Il‑Kummissjoni vs Gmina Miasto Gdynia u Port Lotniczy Gdynia Kosakowo (C‑56/18 P, EU:C:2020:192, punti 7174).

( 34 ) Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, Il‑Kummissjoni vs Gmina Miasto Gdynia u Port Lotniczy Gdynia Kosakowo (C‑56/18 P, EU:C:2020:192, punti 7174) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tanchev fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Gmina Miasto Gdynia u Port Lotniczy Gdynia Kosakowo (C‑56/18 P, EU:C:2019:569, punti 2627 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 35 ) Dwar dan il-prinċipju, ara wkoll is-sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2003, Volkswagen vs Il‑Kummissjoni (C‑338/00 P, EU:C:2003:473 punti 164 u 165).

( 36 ) Ara, inter alia, reċentement is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, Il‑Kummissjoni vs Gmina Miasto Gdynia u Port Lotniczy Gdynia Kosakowo (C‑56/18 P, EU:C:2020:192, punt 80).

( 37 ) Ara l-punti 92 sa 107 iktar ’il fuq.

( 38 ) Punti 175 sa 180 tas-sentenza appellata.

( 39 ) Ara, inter alia, dwar l-għajnuna mill-Istat, is-sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2008, Chronopost vs UFEX et (C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata) u, reċentement, tal‑4 ta’ Ġunju 2020, L‑Ungerija vs Il‑Kummissjoni (C‑456/18 P, EU:C:2020:421, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 40 ) Ara, inter alia, dwar l-għajnuna mill-Istat, is-sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2008, Chronopost vs UFEX et (C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 41 ) Ara, inter alia, dwar l-għajnuna mill-Istat, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, Chronopost vs UFEX et (C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 42 ) Ara, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala (C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 181 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 43 ) L-appellanti ssemmi l-punt 178 tas-sentenza appellata iżda l-argument jidher pjuttost li jagħmel riferiment għall-punt 179 tagħha.

( 44 ) Dwar il-possibbiltà li wieħed jipproċedi għal din il-kwalifikazzjoni mill-ġdid, ara s-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 1998, Il‑Parlamento vs Gaspari (C‑316/97 P, EU:C:1998:558, punt 21) u tal‑1 ta’ Lulju 2008, Chronopost vs UFEX et (C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punt 75).