KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ippreżentati fit‑3 ta’ Settembru 2020 ( 1 )

Kawża C‑616/19

M.S.,

M.W.,

G.S.

vs

Minister for Justice and Equality

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-ażil – Ammissibbiltà ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru wara li tinkiseb il-protezzjoni sussidjarja fi Stat Membru ieħor – Applikazzjoni fi Stat Membru suġġett għar-Regolament (UE) Nru 604/2013 imma mhux għad-Direttiva 2013/32/UE – Direttiva 2005/85/KE – Raġunijiet ta’ inammissibbiltà – Artikolu 25(2)(a) u (d) – Kunċett ta’ ‘Stat Membru kkonċernat’”

I. Introduzzjoni

1.

It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-regoli dwar l-ammissibbiltà prevista mid-Direttiva 2005/85/KE ( 2 ) dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat.

2.

Id-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja saru fil-kuntest ta’ tliet kawżi ( 3 ) bejn tliet ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qegħdin jitolbu lill-Irlanda tagħtihom l-istatus ta’ refuġjat, filwaqt li dawn il-persuni kisbu wkoll protezzjoni sussidjarja fl-Italja.

3.

Il-problema ta’ interpretazzjoni sseħħ f’kuntest partikolari ħafna, jiġifieri li l-Irlanda nnotifikat l-intenzjoni tagħha li tipparteċipa fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 ( 4 ), b’tali mod li hija suġġetta għal dan ir-regolament, iżda ma pparteċipatx fl-adozzjoni tad-Direttiva 2013/32/UE ( 5 ) dwar il-proċedura assoċjata miegħu u ma hijiex marbuta minn din tal-aħħar u lanqas ma hija suġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Dan l-Istat Membru jibqa’ suġġett għad-Direttiva preċedentement fis-seħħ fil-qasam tal-proċedura, id-Direttiva 2005/85, li kienet assoċjata mar-Regolament (KE) Nru 343/2003 ( 6 ) (iktar ’il quddiem, ir-“Regolament Dublin II”).

4.

Il-Qorti tal-Ġustizzja hija għalhekk ikkonfrontata bi kwistjoni ta’ interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-Direttiva 2005/85 barra mill-kuntest tar-Regolament Dublin II previst mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

5.

Wara analiżi tar-regoli ta’ ammissibbiltà kkonċernati fil-kuntest partikolari inkwistjoni, ser nipproponilha li tiddeċiedi li dawn ir-regoli ma jipprekludux lill-Irlanda milli tqis bħala inammissibbli applikazzjonijiet, bħal dawk taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, intiżi għall-kisba tal-istatus ta’ refuġjat meta dawn jingħataw protezzjoni sussidjarja minn Stat Membru ieħor.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

1. Ir-Regolamenti Dublin II u Dublin III

6.

Ir-Regolament Dublin III ħassar u ssostitwixxa r-Regolament Dublin II.

7.

Filwaqt li r-Regolament Dublin II kien jistabbilixxi, skont l-Artikolu 1 tiegħu, moqri flimkien mal-Artikolu 2(ċ) tiegħu, unikament il-kriterji u l-mekkaniżmi sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjoni għall-ażil, fis-sens tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”), ir-Regolament Dublin III, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tiegħu, issa għandu bħala għan li jistabbilixxi tali kriterji u mekkaniżmi għal dak li jikkonċerna l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali li, skont id-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(b) ta’ dan ir-regolament li tirreferi għal dik stabbilita fl-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2011/95/UE ( 7 ) huma dawk intiżi għall-kisba tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja.

2. Id-Direttiva 2005/85

8.

Id-Direttiva 2005/85 hija assoċjata mar-Regolament Dublin II.

9.

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2005/85, l-għan tagħha huwa li jiġu stabbiliti standards minimi li jirrigwardaw il-proċedura fl-Istati Membri għall-għoti u għall-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat.

10.

Il-premessa 22 ta’ din id-direttiva fiha dan il-kliem:

“L-Istati Membri għandhom jeżaminaw l-applikazzjonijiet kollha abbażi tas-sustanza, jiġifieri jivvalutaw jekk l-applikant in kwestjoni jikkwalifikax bħala rifuġjat skond id-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar standards minimi għall-kwalifika u għall-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew ta’ persuni apolidi bħala rifuġjati jew bħala persuni li diversament jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija [ ( 8 )], ħlief fejn tkun tipprevedi mod ieħor din id-Direttiva attwali, partikolarment meta wieħed ikun jista’ raġonevolment jassumi li pajjiż ieħor ikun sejjer jagħmel l-eżami jew jipprovdi protezzjoni suffiċjenti. B’mod partikolari, l-Istati Membri ma għandhomx ikunu obbligati jivvalutaw is-sustanza ta’ applikazzjoni għall-ażil fejn pajjiż ta’ ażil preċedenti jkun ta lill-applikant l-istatus ta’ rifuġjat jew diversament protezzjoni suffiċjenti u l-applikant jiġi ammess mill-ġdid f’dan il-pajjiż.”

11.

L-Artikolu 25 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Applikazzjonijiet inammissibbli”, jistabbilixxi:

“1.   Addizzjonalment għal każijiet fejn l-applikazzjoni ma’ tiġix eżaminata skond ir-Regolament [Dublin II], l-Istati Membri mhumiex meħtieġa jeżaminaw jekk l-applikant jikkwalifikax bħala rifuġjat skond id-[Direttiva 2004/83] fejn applikazzjoni tkun kunsidrata inammissibbli skond dan l-Artikolu.

2.   L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għall-ażil bħala inammissibbli skond dan l-Artikolu jekk:

(a)

l-istatus ta’ rifuġjat ikun ġie mogħti minn Stat Membru ieħor;

(b)

pajjiż li ma jkunx Stat Membru jiġi kunsidrat bħala l-ewwel pajjiż ta’ ażil għall-applikant, skond l-Artikolu 26;

(ċ)

pajjiż li ma jkunx Stat Membru jiġi kunsidrat bħala pajjiż terz bla periklu għall-applikant, skond l-Artikolu 27;

(d)

l-applikant ikun permess li jibqa’ fl-Istat Membru konċernat għal xi raġunijiet oħra u b’riżultat ta’ dan huwa jkun ingħata status ekwivalenti għad-drittijiet u l-benefiċċji ta’ l-istatus ta’ rifuġjat permezz tad-[Direttiva 2004/83];

(e)

l-applikant ikun permess li jibqa’ fit-territorju ta’ l-Istat Membru konċernat għal xi raġunijiet oħra li jipproteġuh min-non-refoulement sa meta titlesta proċedura li r-riżultat tagħha jiddetermina l-istatus skond il-punt (d);

(f)

l-applikant ippreżenta applikazzjoni identika wara li tkun ingħatat deċiżjoni finali;

(g)

dipendent ta’ l-applikant jippreżenta applikazzjoni, wara li huwa kien ta l-kunsens tiegħu skond l-Artikolu 6(3) sabiex il-każ tiegħu jkun parti minn applikazzjoni mressqa f’ismu, u ma jkunx hemm fatti relatati mas-sitwazzjoni tad-dipendenti li jiġġustifikaw applikazzjoni separata.”

3. Id-Direttiva 2013/32

12.

Id-Direttiva 2013/32 hija assoċjata mar-Regolament Dublin III. Din id-direttiva wettqet riformulazzjoni tad-Direttiva 2005/85.

13.

Il-premessa 58 tad-Direttiva 2013/32 tgħid:

“F’konformità mal-Artikoli 1, 2 u l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-[Trattati UE u FUE], u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, ir-Renju Unit u l-Irlanda ma jiħdux sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u mhumiex marbuta biha jew suġġetti għall-applikazzjoni tagħha.”

14.

Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-d irettiva, din għandha l-għan li jiġu stabbiliti proċeduri komuni għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali f’konformità mad-Direttiva 2011/95.

15.

L-Artikolu 33 ta’ din id-direttiva, intitolat “Applikazzjonijet inammissibbli”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Addizzjonalment għal każijiet fejn l-applikazzjoni ma’ tiġix eżaminata skont ir-Regolament [Dublin III], l-Istati Membri mhumiex obbligati jeżaminaw jekk l-applikant jikkwalifikax għal protezzjoni internazzjonali taħt id-[Direttiva 2011/95] fejn applikazzjoni tkun kunsidrata inammissibbli taħt dan l-Artikolu.

2.   L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli biss jekk:

(a)

il-protezzjoni internazzjonali tkun ġiet mogħtija minn Stat Membru ieħor;

(b)

pajjiż li ma jkunx Stat Membru jiġi kunsidrat bħala l-ewwel pajjiż ta’ asil għall-applikant, taħt l-Artikolu 35;

(c)

pajjiż li ma jkunx Stat Membru jiġi kkunsidrat bħala pajjiż terz bla periklu għall-applikant, taħt l-Artikolu 38;

(d)

l-applikazzjoni tkun applikazzjoni sussegwenti, fejn ebda elementi jew sejbiet ġodda relatati mal-eżami dwar jekk l-applikant jikkwalifikax bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva 2011/95/UE ma’ jkunu rriżultaw jew ġew ippreżentati mill-applikant;

(e)

persuna dipendenti fuq l-applikant jippreżenta applikazzjoni, wara li huwa kien ta il-kunsens tiegħu taħt l-Artikolu 7(2) sabiex il-każ tiegħu jkun parti minn applikazzjoni ppreżentata f’ismu, u ma jkunx hemm fatti relatati mas-sitwazzjoni tal-persuna dipendenti li jiġġustifikaw applikazzjoni separata.”

B.   Id-dritt Irlandiż

16.

Skont l-Artikolu 21(2)(a) tal-International Protection Act 2015 (il-Liġi tal-2015 dwar il-Protezzjoni Internazzjonali), applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandha titqies inammissibbli meta l-istatus ta’ refuġjat jew l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja jkun ingħata lill-applikant minn Stat Membru ieħor.

III. Il-fatti tal-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

17.

M.S., M.W. u G.S. huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li joriġinaw mill-Afganistan għall-ewwel tnejn u minn Ġeorġja għat-tielet wieħed, li, wara li kisbu l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja fl-Italja, daħlu fl-Irlanda matul is-sena 2017 u ppreżentaw hemmhekk applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali quddiem l-International Protection Office (l-Uffiċċju tal-Protezzjoni Internazzjonali, l-Irlanda).

18.

Permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑1 ta’ Diċembru 2017, tat‑2 ta’ Frar 2018 u tad‑29 ta’ Ġunju 2018, l-Uffiċċju tal-Protezzjoni Internazzjonali ċaħad l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati rispettivament minn M.S., M.W. u G.S., għar-raġuni li dawn tal-aħħar kienu diġà ngħataw l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja fi Stat Membru ieħor, jiġifieri l-Italja.

19.

M.S., M.W. u G.S. kollha ppreżentaw rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem l-International Protection Appeals Tribunal (il-Qorti tal-Appell għall-Protezzjoni Internazzjonali, l-Irlanda), li, permezz ta’ deċiżjonijiet rispettivi tat‑23 ta’ Mejju, tat‑28 ta’ Settembru u tat‑18 ta’ Ottubru 2018, ċaħdet dawn ir-rikorsi.

20.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali adixxew lill-High Court (il-Qorti Għolja) b’rikors intiż għall-annullament ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

21.

Filwaqt li tirreferi għas-sentenza Ibrahim et ( 9 ), il-qorti tar-rinviju tfakkar li l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32 jippermetti lil Stat Membru jiċħad applikazzjoni għall-ażil bħala inammissibbli meta l-applikant ikun ingħata minn Stat Membru ieħor protezzjoni sussidjarja, peress li din id-dispożizzjoni kienet estendiet il-possibbiltà prevista preċedentement fl-Artikolu 25(2)(a) tad-Direttiva 2005/85, li kien jippermetti tali ċaħda biss meta l-applikant ikun ingħata l-istatus ta’ refuġjat fi Stat Membru ieħor.

22.

L-imsemmija qorti b’hekk tosserva li, skont l-applikazzjoni konġunta tad-Direttiva 2013/32 u tar-Regolament Dublin III, l-ebda Stat Membru ma huwa obbligat jittratta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali meta din il-protezzjoni tkun diġà ngħatat fi Stat Membru ieħor.

23.

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-Irlanda, filwaqt li pparteċipat fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni tar-Regolament Dublin III, iddeċidiet li ma tipparteċipax fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni tad-Direttiva 2013/32, b’mod li d-Direttiva 2005/85 tibqa’ tapplika f’dan l-Istat Membru.

24.

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Direttiva 2005/85, u b’mod partikolari l-Artikolu 25 tagħha, moqri fid-dawl tar-Regolament Dublin III, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiġi miċħuda bħala inammissibbli meta l-applikant ikun diġà ngħata protezzjoni sussidjarja fi Stat Membru ieħor. B’mod partikolari, hija tistaqsi dwar il-portata tar-raġunijiet ta’ inammissibbiltà previsti fl-Artikolu 25(d) u (e) tal-imsemmija direttiva, b’mod partikolari fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett tal-“Istat Membru kkonċernat”, li jinsab f’dawn id-dispożizzjonijiet.

25.

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-fatt li ċittadin ta’ pajjiż terz li ngħata l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja fl-ewwel Stat Membru jippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fit-tieni Stat Membru jikkostitwixxix abbuż ta’ dritt, b’tali mod li dan l-aħħar Stat Membru jista’ jqis tali applikazzjoni bħala inammissibbli.

26.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court (il-Qorti Għolja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Ir-riferiment għal ‘l-Istat Membru konċernat’ fl-Artikolu 25(2)(d) u (e) tad-Direttiva 2005/85 ifisser (a) l-ewwel Stat Membru li ta protezzjoni ekwivalenti għall-ażil lil applikant għal protezzjoni internazzjonali jew (b) it-tieni Stat Membru li fih hija ppreżentata applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali, jew (c) wieħed jew l-ieħor minn dawn l-Istati Membri?

2)

Meta ċittadin ta’ pajjiż terz jingħata l-protezzjoni internazzjonali fil-forma ta’ protezzjoni sussidjarja fl-ewwel Stat Membru u jmur fit-territorju tat-tieni Stat Membru, il-preżentata ta’ applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali fit-tieni Stat Membru tikkostitwixxi abbuż ta’ dritt, b’tali mod li t-tieni Stat Membru huwa awtorizzat jadotta miżura li tipprevedi li tali applikazzjoni sussegwenti hija inammissibbli?

3)

L-Artikolu 25 tad-Direttiva 2005/85 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru li ma huwiex marbut bid-[Direttiva 2013/32 ( 10 )], iżda li huwa marbut bir-Regolament [Dublin III], jadotta leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tqis bħala inammissibbli applikazzjoni għall-ażil ippreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż terz li preċedentement ingħata protezzjoni sussidjarja minn Stat Membru ieħor?”

IV. Analiżi

A.   Kummenti preliminari

27.

Permezz tad-domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-inklużjoni fil-liġi tagħha tal-2015 ( 11 ) dwar il-protezzjoni internazzjonali ta’ raġuni ta’ inammissibbiltà bbażat fuq il-fatt li applikant għal tali protezzjoni diġà kiseb l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja fi Stat Membru ieħor, hijiex konformi mad-Direttiva 2005/85 fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-Regolament Dublin III. Għal dan il-għan, hija tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tar-raġunijiet ta’ ammissibbiltà li jinsabu fl-Artikolu 25 ta’ din id-direttiva.

28.

Qabelxejn, nenfasizza li għalkemm id-Direttiva 2013/32 ħassret id-Direttiva 2005/85, dan it-tħassir ma japplikax għall-Irlanda. Fil-fatt, l-Artikolu 53 tad-Direttiva 2013/32 jipprovdi espressament li d-Direttiva 2005/85 hija mħassra “għal dawk l-Istati Membri marbuta b’din id-Direttiva”. Issa, kif huwa stabbilit fil-premessa 58 tad-Direttiva 2013/32, l-Irlanda ma tipparteċipax fl-adozzjoni ta’ din id-direttiva u ma hijiex marbuta biha u lanqas suġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Għaldaqtant, l-Irlanda tibqa’ suġġetta għad-Direttiva 2005/85, li ma hijiex imħassra fir-rigward tagħha.

29.

Fir-rigward tal-Artikolu 25 tad-Direttiva 2005/85, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà interpretat din id-dispożizzjoni u eżaminat il-kwistjoni dwar jekk il-fatt li l-protezzjoni sussidjarja tkun ingħatat fl-ewwel Stat Membru jippermettix li Stat Membru ieħor li quddiemu ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ippreżenta applikazzjoni għall-ażil jiċħadha bħala inammissibbli ( 12 ). Il-kwistjoni, eżaminata fil-kuntest tal-applikazzjoni konġunta ta’ din id-direttiva u tar-Regolament Dublin II, ingħatat b’mod ċar risposta negattiva.

30.

Il-fatt li d-Direttiva 2005/85 hija kkunsidrata, f’din il-kawża, fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-Regolament Dublin III, u mhux iktar tar-Regolament Dublin II, jista’ jwassal għal interpretazzjoni differenti?

31.

Din il-kwistjoni tinsab fil-qalba tal-ewwel u tat-tielet domanda tal-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, dawn id-domandi, li huma marbuta mill-qrib, huma intiżi sabiex isir magħruf jekk l-“Istat Membru kkonċernat” imsemmi fl-Artikolu 25(2)(d) tad-Direttiva 2005/85 jistax ikun l-ewwel Stat Membru li ta protezzjoni ekwivalenti għal dik mogħtija mill-istatus ta’ refuġjat, b’tali mod li l-protezzjoni sussidjarja mogħtija minnu tista’ tkun raġuni ta’ inammissibbiltà fil-kuntest tar-Regolament Dublin II (l-ewwel domanda) jew f’dak tar-Regolament Dublin III (it-tielet domanda). Nipproponi li nittratta l-kwistjoni mqajma billi nibda b’analiżi tar-raġunijiet ta’ inammissibbiltà previsti fl-Artikolu 25 tad-Direttiva 2005/85 fil-kuntest tar-Regolament Dublin II (Taqsima B) qabel ma neżaminahom fil-kuntest tar-Regolament Dublin III (Taqsima C). Ser nikkonkludi b’xi rimarki dwar il-kwistjoni ta’ abbuż imqajma fit-tieni domanda preliminari.

B.   Fuq ir-raġunijiet ta’ inammissibbiltà previsti mid-Direttiva 2005/85 fil-kuntest tar-Regolament Dublin II

32.

Fl-ewwel lok, f’din it-taqsima ser neżamina l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 2005/85 u, b’mod iktar partikolari, is-sens tal-punt (d) ta’ din id-dispożizzjoni, kif jirriżulta mill-formulazzjoni u mill-kuntest tagħha, imbagħad, fit-tieni lok, il-kontributi tas-sentenza Ibrahim f’dan ir-rigward.

1. L-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 2005/85

33.

L-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 2005/85 jinkludi seba’ raġunijiet fakultattivi ta’ inammissibbiltà li jippermettu lill-Istati Membri jqisu bħala inammissibbli applikazzjoni għall-ażil ippreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż terz.

34.

L-ewwel raġuni ta’ inammissibbiltà prevista f’din id-dispożizzjoni, fil-punt (a) tagħha, tirrigwarda l-każ fejn l-istatus ta’ refuġjat ikun ingħata minn Stat Membru ieħor. Iż-żewġ raġunijiet ta’ wara fil-punti (b) u (ċ) tagħha jirrigwardaw il-każ fejn protezzjoni hija offruta minn pajjiż terz meqjus bħala l-ewwel pajjiż ta’ ażil jew bħala pajjiż terz bla periklu. Il-punti (d) u (e) tagħha jikkonċernaw il-każ fejn l-applikant huwa awtorizzat jibqa’ fl-Istat Membru kkonċernat minħabba li jkun ingħata minn dan l-Istat Membru status ekwivalenti għad-drittijiet u għall-benefiċċji tal-istatus ta’ refuġjat, skont id-Direttiva 2004/83, fi kliem ieħor dan l-Istat Membru jkun tah l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja ( 13 ) (punt (d)), kemm għaliex dan l-Istat Membru jipproteġih mir-refoulement sakemm ikun qiegħed jistenna r-riżultat ta’ proċedura għad-determinazzjoni tal-għoti jew taċ-ċaħda tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja (punt (e)). Il-punti (f) u (g) tagħha jirrigwardaw rispettivament il-każ ta’ repetizzjoni ta’ applikazzjoni identika wara li tkun ġiet adottata deċiżjoni finali u dak ta’ applikazzjoni ppreżentata minn persuna dipendenti fuq ċittadin ta’ pajjiż terz li kien diġà ta l-kunsens tiegħu sabiex il-każ tiegħu jiġi ttrattat fil-kuntest ta’ applikazzjoni magħmula f’ismu.

35.

Din il-kawża tirrigwarda l-konsegwenzi ta’ protezzjoni sussidjarja mogħtija fl-ewwel Stat Membru u tqum il-kwistjoni dwar jekk l-“Istat Membru kkonċernat” imsemmi fil-punti (d) u (e) tal-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 2005/85 jistax ikun dan l-ewwel Stat Membru. Jekk dan huwa l-każ, allura l-fatt li r-Repubblika Taljana tat il-protezzjoni sussidjarja lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxi, bis-saħħa tal-punt (d) ta’ din id-dispożizzjoni, raġuni ta’ inammissibbiltà tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata fit-tieni Stat Membru, l-Irlanda. Min-naħa l-oħra, jekk dawn it-termini jirrigwardaw biss it-tieni Stat Membru, l-għoti tal-protezzjoni sussidjarja fl-ewwel Stat Membru ma jikkostitwixxix raġuni ta’ inammissibbiltà, skont dan il-punt.

36.

Il-formulazzjoni tal-Artikolu 25(2)(d) tad-Direttiva 2005/85 ma jipprovdix tweġiba ċara għal din il-mistoqsija. Din il-formulazzjoni fiha ambigwità kif jirriżulta mid-domandi tal-qorti tar-rinviju. Skont iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, il-kunċett ta’ “Stat Membru kkonċernat” fil-punti (d) u (e) ikopri biss it-tieni Stat Membru, u l-għoti ta’ protezzjoni sussidjarja fl-Italja ma huwiex rilevanti, filwaqt li l-Irlanda u l-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll il-qorti tar-rinviju, iqisu li dan il-kunċett ikopri kemm l-ewwel kif ukoll it-tieni Stat Membru.

37.

L-ambigwità hija msaħħa mill-premessa 22 tad-Direttiva 2005/85. Din il-premessa tistabbilixxi li l-Istati Membri huma obbligati jeżaminaw applikazzjoni għall-ażil fuq il-mertu sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’din id-direttiva “partikolarment meta wieħed ikun jista’ raġonevolment jassumi li pajjiż ieħor ikun sejjer jagħmel l-eżami jew jipprovdi protezzjoni suffiċjenti” ( 14 ). Din il-premessa tippreċiża li “[b]’mod partikolari l-Istati Membri ma għandhomx ikunu obbligati jivvalutaw is-sustanza ta’ applikazzjoni għall-ażil fejn pajjiż ta’ ażil preċedenti jkun ta lill-applikant l-istatus ta’ rifuġjat jew diversament protezzjoni suffiċjenti u l-applikant jiġi ammess mill-ġdid f’dan il-pajjiż” ( 15 ).

38.

Issa, il-kliem “pajjiż ieħor” u “pajjiż ta’ ażil preċedenti” huwa użat f’din il-premessa f’sens li jista’ jinkludi kemm il-pajjiżi terzi kif ukoll l-Istati Membri. Fil-fatt, kuntrarjament għat-terminu “pajjiż” li jinsab fl-Artikolu 25(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2005/85, li jirreferi espressament u unikament għal pajjiż terz, ma huwiex speċifikat li l-pajjiżi msemmija f’din il-premessa 22 ma jinkludux l-Istati Membri.

39.

Billi jibbażaw ruħhom fuq din il-premessa, l-Irlanda u l-Kummissjoni jsostnu li l-kunċett ta’ “Stat Membru kkonċernat” li jinsab fl-Artikolu 25(2)(d) u (e) tad-Direttiva 2005/85 jinkludi kemm l-ewwel Stat Membru kif ukoll it-tieni. Minn dan huma jikkonkludu li jekk l-ewwel Stat Membru jkun ta l-protezzjoni sussidjarja liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jippreżentaw applikazzjoni għall-ażil quddiem it-tieni Stat Membru, dan tal-aħħar jista’ jiċħad din l-applikazzjoni bħala inammissibbli.

40.

Madankollu, eżami iktar iddettaljat tal-formulazzjoni ta’ dan l-Artikolu 25(2) u tal-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni jwassal għal risposta oħra.

41.

Fil-fatt, kif diġà indikajt, il-leġiżlatur tal-Unjoni kiteb din id-dispożizzjoni billi uża l-kliem “Stat Membru ieħor” fil-punt (a) tagħha u t-termini “Stat Membru kkonċernat” fil-punti (d) u (e) tagħha. Għalkemm intużaw termini differenti fil-punt (a) meta mqabbla mal-punti (d) u (e), dan huwa għaliex il-leġiżlatur ikkontempla żewġ każijiet differenti. Għalhekk il-kliem “Stat Membru kkonċernat” ma jistax jitqies bħala ekwivalenti għall-kliem “Stat Membru ieħor” u l-“Istat Membru kkonċernat” b’hekk ma huwiex l-ewwel Stat Membru li fih iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għall-ażil.

42.

Kieku l-leġiżlatur xtaq li dan ikun mod ieħor, kien ikun loġiku li jżid fil-punt (a) tal-istess dispożizzjoni li l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja mogħti minn Stat Membru ieħor kien jikkostitwixxi raġuni ta’ inammissibbiltà bħall-istatus ta’ refuġjat.

43.

Dan il-qari letterali huwa kkorroborat minn interpretazzjoni kuntestwali bbażata fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tad-definizzjoni fl-Artikolu 2(k) tad-Direttiva 2005/85 ( 16 ) tal-kliem “tibqa’ fl-Istat Membru” li jintuża fl-Artikolu 25(2)(d) u (e) tagħha ( 17 ). Fil-fatt, dan il-kliem huwa ddefinit bħala l-fatt li wieħed jibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru li fih l-applikazzjoni għall-ażil kienet ġiet ippreżentata jew eżaminata.

44.

Minn dan isegwi li l-“Istat Membru kkonċernat” fis-sens ta’ dan l-Artikolu 25(2)(d) u (e) jirrigwarda l-Istat Membru li fih iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ippreżenta applikazzjoni għall-ażil, f’dan il-każ l-Irlanda, u li fit-territorju tagħha huwa jista’ jibqa’ minħabba l-fatt ( 18 ) li dan l-Istat Membru jkun preċedentement tah l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja (punt (d)) jew ikun qiegħed jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu (għall-ewwel darba) u jkun awtorizza lil dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jibqa’ fit-territorju tiegħu fl-istennija tad-deċiżjoni tiegħu (punt (e)).

45.

Is-sentenza Ibrahim, li ġiet deċiża mill-Awla Manja mill-Qorti tal-Ġustizzja, u li kienet tirrigwarda b’mod iktar preċiż ir-raġuni ta’ inammissibbiltà stabbilita fl-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32, tikkonferma din l-analiżi. Kif ser nesponi fit-taqsima segwenti, il-Qorti tal-Ġustizzja pparagunat dan l-Artikolu 33(2)(a) mad-dispożizzjoni li huwa ssostitwixxa, jiġifieri l-Artikolu 25(2)(a) tad-Direttiva 2005/85. Mill-analiżi tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-raġuni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq l-għoti ta’ protezzjoni sussidjarja minn l-ewwel Stat Membru li jinsab espressament fl-imsemmi Artikolu 33(2)(a) ma kinitx prevista fil-punt (a) tal-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 2005/85 u lanqas f’xi punt ieħor ta’ din id-dispożizzjoni.

2. Is-sentenza Ibrahim

46.

Din is-sentenza kienet tikkonċerna erba’ applikazzjonijiet għall-ażil ippreżentati fil-Ġermanja, fi tliet każijiet, minn Palestinjani mingħajr Stat u, f’każ wieħed, minn ċittadin ta’ pajjiż terz, li lilhom l-ewwel Stat Membru kien diġà tahom l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, rispettivament il-Bulgarija u l-Polonja. Din is-sentenza kienet tirrigwarda kawżi magħquda mill-Qorti tal-Ġustizzja, li ser nirreferi għalihom bħala, minn naħa, il-kawżi Ibrahim u, min-naħa l-oħra, il-kawża Magamadov. Waħda mid-domandi preliminari f’dawn il-kawżi kienet tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk, peress li l-protezzjoni sussidjarja kienet inkisbet fl-ewwel Stat Membru, il-qorti Ġermaniża kkonċernata setgħetx tiċħad bħala inammissibbli l-applikazzjonijiet għall-ażil billi tapplika immedjatament l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32, minkejja li l-fatti tal-kawża kienu relatati kompletament jew parzjalment ma’ perijodi qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva u tar-Regolament Dublin III.

47.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punt 58 tas-sentenza Ibrahim li, billi ppermetta li Stat Membru jiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli, meta l-applikant ikun ingħata l-protezzjoni sussidjarja fi Stat Membru ieħor, l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32 estenda l-possibbiltà preċedentement prevista fl-Artikolu 25(2)(a) tad-Direttiva 2005/85, li kienet tippermetti li tali applikazzjoni tiġi miċħuda biss meta l-applikant ikun ingħata l-istatus ta’ refuġjat fi Stat Membru ieħor.

48.

Fil-punt 71 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet tgħid li d-Direttiva 2013/32 b’hekk introduċiet raġuni ta’ inammissibbiltà addizzjonali li huwa spjegat mill-qafas regolatorju usa’ previst mil-leġiżlatur bl-adozzjoni, flimkien ma’ din id-direttiva, tar-Regolament Dublin III. Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar bħal dak tad-Direttiva 2013/32 huwa fil-fatt estiż għall-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ( 19 ), jiġifieri għall-applikazzjonijiet intiżi għall-ksib kemm tal-istatus ta’ refuġjat kif ukoll tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, u ma huwiex iktar limitat bħal taħt ir-Regolament Dublin II għall-proċedura ta’ ażil u, għaldaqstant, għall-istatus ta’ refuġjat.

49.

Ir-rabta bejn ir-Regolamenti Dublin II jew III u d-direttivi dwar il-proċeduri li huma assoċjati magħhom rispettivament hija enfasizzata fil-punt 72 tas-sentenza Ibrahim li jippreċiża li l-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2005/85 jirreferi għar-Regolament Dublin II, filwaqt li l-Artikolu 33(1) tad-Direttiva 2013/32 jirreferi għar-Regolament Dublin III.

50.

Din l-analiżi tal-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza l-importanza tal-kuntest ġuridiku li fih isiru r-regoli proċedurali billi ssir distinzjoni bejn żewġ sistemi regolatorji, dak irregolat mir-Regolament Dublin II u dak irregolat mir-Regolament Dublin III. Id-differenza bejn dawn iż-żewġ sistemi li tirriżulta mill-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Dublin III hija riflessa fit-titolu tal-istrumenti differenti ( 20 ), fejn l-ewwel wieħed isemmi biss l-“applikazzjoni għall-ażil” filwaqt li t-tieni wieħed isemmi l-“applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali”. Kull waħda minn dawn is-sistemi ġiet ikkompletata b’ċertu numru ta’ strumenti leġiżlattivi u ser nirreferi iktar ’il quddiem għal dawn is-sistemi kif ġew ikkompletati, bl-espressjonijiet “sistema ta’ Dublin II” ( 21 ) u “sistema ta’ Dublin III” ( 22 ).

51.

Din l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tispjega, fil-fehma tiegħi, mhux biss l-inklużjoni fl-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32 ta’ raġuni addizzjonali fil-punt (a) tiegħu, iżda wkoll it-tneħħija minn din id-dispożizzjoni ta’ żewġ raġunijiet ta’ inammissibbiltà previsti fl-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 2005/85, jiġifieri dawk li jinsabu fil-punti (d) u (e) tagħha. Dawn il-punti kif ukoll il-punt (f) ta’ din id-dispożizzjoni issa huma inklużi biss fil-punt (d) tal-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32 li tirrigwarda applikazzjoni ulterjuri fl-istess Stat Membru li ma tippreżenta ebda element jew fatt ġdid sabiex jinkiseb l-istatus ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali, jiġifieri dak ta’ refuġjat jew dak mogħti mill-protezzjoni sussidjarja.

52.

Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset ukoll, fil-punti 73 u 74 tas-sentenza Ibrahim li mill-istruttura tar-Regolament Dublin III u minn dik tad-Direttiva 2013/32, kif ukoll mill-formulazzjoni tal-Artikolu 33(1) tagħha, jirriżulta li r-raġuni ta’ inammissibbiltà addizzjonali prevista fl-Artikolu 33(2)(a) tal-imsemmija direttiva ma tapplikax għal applikazzjoni għall-ażil li tkun għadha taqa’ kompletament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Dublin II.

53.

Għalhekk, għal dak li jirrigwarda sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża Magamadov li, fid-dawl tad-dati li fihom saret l-applikazzjoni għall-ażil lit-tieni Stat Membru u t-talba għall-finijiet ta’ teħid lura mill-ewwel Stat Membru ( 23 ), taqa’ kompletament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Dublin II, il-fatt li protezzjoni sussidjarja ngħatat fl-ewwel Stat Membru ma jikkostitwixxix raġuni ta’ inammissibbiltà. It-tieni Stat Membru għandu bħala prinċipju jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil sakemm ma jiddeċidix li jittrasferixxi l-applikant lejn l-ewwel Stat Membru, skont l-Artikolu 16(1)(e), kif ukoll skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Dublin II ( 24 ), sabiex dan l-ewwel Stat Membru jinkariga ruħu minn dan l-eżami.

54.

Din il-konklużjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li r-raġuni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq l-għoti mill-ewwel Stat Membru tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja ma huwiex previst mid-Direttiva 2005/85 u għalhekk ma jippermettix lit-tieni Stat Membru jiċħad applikazzjoni għall-ażil, meta l-fatti tal-kawża jaqgħu kompletament taħt ir-Regolament Dublin II, tikkorrobora l-analiżi li l-Artikolu 25(2) ta’ din id-direttiva, inkluż il-punt (d) tiegħu, ma jipprevedix tali raġuni ta’ inammissibbiltà u, għaldaqstant, li l-kunċett ta’ “Stat Membru kkonċernat” li jinsab f’dan il-punt ma jkoprix l-ewwel Stat Membru.

55.

Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda sitwazzjoni li, bħall-kawżi Ibrahim, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Dublin III, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset f’din is-sentenza li l-Istat Membru kkonċernat, jiġifieri t-tieni Stat Membru, għandu l-possibbiltà li jiċħad l-applikazzjoni għall-ażil bħala inammissibbli ( 25 ).

56.

Din il-konklużjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tapplika meta l-fatti tal-kawża jaqgħu totalment fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Dublin III u tad-Direttiva 2013/32, jiġifieri meta jkunu seħħew wara d-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Dublin III, jiġifieri l‑1 ta’ Jannar 2014 konformement mal-paragrafu 2 tal-Artikolu 49 tiegħu, imma wkoll wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2013/32, jiġifieri l‑20 ta’ Lulju 2015.

57.

L-istess konklużjoni tapplika wkoll meta l-fatti tal-kawża jaqgħu parzjalment fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Dublin III ( 26 ), jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tat-tieni Stat Membru tippermetti applikazzjoni immedjata tad-Direttiva 2013/32 qabel id-data tal-iskadenza tat-tmiem tat-traspożizzjoni ta’ din tal-aħħar u sakemm il-fatti jkunu seħħew wara d-data tad-dħul fis-seħħ komuni tad-Direttiva 2013/32 u tar-Regolament Dublin III ( 27 ) u li parti minnhom ikunu jinsabu, bħal fil-kawżi Ibrahim, wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Dublin III ( 28 ). F’din is-sitwazzjoni, kemm ir-Regolament Dublin III kif ukoll id-Direttiva 2013/32 huma applikabbli għal tali fatti.

58.

Għalkemm mis-sentenza Ibrahim jirriżulta li, f’sitwazzjoni kompletament irregolata mir-Regolament Dublin II, Stat Membru ma jistax jiċħad applikazzjoni għall-ażil bħala inammissibbli għar-raġuni li l-applikant kiseb protezzjoni sussidjarja fl-ewwel Stat Membru, nikkonstata li din is-sentenza ma tirrispondix id-domanda dwar jekk din ir-raġuni hijiex applikabbli meta Stat Membru, f’dan il-każ l-Irlanda, ikun suġġett għall-applikazzjoni tar-Regolament Dublin III iżda mhux għal dik tad-Direttiva 2013/32 marbuta miegħu.

59.

Fir-rigward, barra minn hekk, tal-konklużjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet dwar l-applikazzjoni tar-raġuni addizzjonali ta’ inammissibbiltà, meta l-fatti jaqgħu biss parzjalment fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Dublin III, għandu jiġi kkonstatat, madankollu, li din tirrigwarda sitwazzjoni li fiha, b’differenza minn din il-kawża, it-tieni Stat Membru jkun kompletament suġġett għall-applikazzjoni kemm tar-Regolament Dublin III kif ukoll tad-Direttiva 2013/32.

60.

L-istess konklużjoni tapplika meta dan it-tieni Stat Membru ma jkunx marbut mid-Direttiva 2013/32?

C.   Fuq ir-raġunijiet ta’ inammissibbiltà previsti mid-Direttiva 2005/85 fil-kuntest tar-Regolament Dublin III

61.

Qabelxejn, f’din it-taqsima ser nanalizza l-kontribut tas-sistema ta’ Dublin III mqabbla mas-sistema ta’ Dublin II u l-loġika tal-mekkaniżmi ta’ trasferiment u ta’ inammissibbiltà marbuta ma’ kull waħda minn dawn is-sistemi, li tippermetti lit-tieni Stat Membru li ma jeżaminax l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata lilu (Taqsima 1). Imbagħad ser nippreżenta l-inkoerenzi li jistgħu jiġu kkawżati mis-sitwazzjoni partikolari tal-Irlanda li la hija marbuta ma’ waħda u lanqas kompletament mas-sistema l-oħra qabel ma nipproponi l-interpretazzjoni li tirriżulta, fil-fehma tiegħi, mill-intenzjoni espressa mil-leġiżlatur (Taqsimiet 2 u 3).

1. Il-kontribut tas-sistema ta’ Dublin III u l-mekkaniżmi ta’ trasferiment u ta’ inammissibbiltà

62.

Is-sistema ta’ Dublin III timmarka fażi ġdida fil-ħolqien ta’ sistema ta’ ażil komuni. L-ewwel fażi, li tikkorrispondi mas-sistema ta’ Dublin II, kienet tikkonsisti f’li jiġu previsti ċertu numru ta’ standards komuni. Fit-tieni fażi, li tikkorrispondi mas-sistema ta’ Dublin III, il-leġiżlatur ipprova jqarreb l-istatus ta’ refuġjat ma’ dawk li jagħtu l-protezzjoni sussidjarja billi jittrattahom flimkien b’mod uniformi u billi żied id-drittijiet tal-persuni kkonċernati fi ħdan l-Unjoni. Wieħed mill-għanijiet ewlenin u kostanti tal-leġiżlatur kien li jillimita l-movimenti sekondarji taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi ( 29 ), jiġifieri ċ-ċaqliq ta’ dawn tal-aħħar fi ħdan l-Unjoni sabiex jibbenefikaw minn protezzjoni jew minn kundizzjonijiet tal-ħajja eventwalment iktar favorevoli fi Stat Membru ieħor. L-approssimazzjoni tar-regoli tal-proċedura kellha tikkontribwixxi għal-limitazzjoni ta’ dawn il-movimenti ( 30 ).

63.

Kull fażi wasslet għall-adozzjoni ta’ sistema li tinkludi għadd ta’ strumenti leġiżlattivi li jikkoordinaw bejniethom ( 31 ). Kif jirriżulta mis-sentenza Ibrahim, huwa f’kull waħda minn dawn is-sistemi li r-regoli ta’ ammissibbiltà previsti mil-leġiżlatur huma loġikament applikabbli.

64.

Fil-kuntest tas-sistema ta’ Dublin III, peress li l-istatus ta’ refuġjat u l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja huma qrib ħafna, ir-Regolament Dublin III ma jipprevedix iktar, kuntrarjament għar-Regolament Dublin II, it-trasferiment ta’ applikant għall-ażil mit-tieni Stat Membru lejn l-ewwel Stat Membru sabiex dan tal-aħħar jiħduh lura wara li jkun tah il-protezzjoni sussidjarja u jeżamina l-applikazzjoni tiegħu. Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat b’mod ċar, tali trasferiment ma jistax jintalab iktar mit-tieni Stat Membru f’dan il-kuntest ( 32 ). Min-naħa l-oħra, dan tal-aħħar għandu l-possibbiltà li jiċħad l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli fuq il-bażi tal-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32 ( 33 ).

65.

Iż-żewġ rimedji li jikkostitwixxu t-trasferiment u l-inammissibbiltà sabiex tiġi miċħuda applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali intiża sabiex jinkiseb l-istatus ta’ refuġjat ippreżentata fit-tieni Stat Membru jikkorrispondu għalhekk kull wieħed minnhom għal korp leġiżlattiv partikolari li għandu l-loġika tiegħu stess skont il-grad ta’ armonizzazzjoni milħuq.

66.

Għandu jiġi kkonstatat li l-għażla tal-Irlanda li tipparteċipa fl-adozzjoni tar-Regolament Dublin III mingħajr ma hija marbuta mad-Direttiva 2013/32 li takkumpanjaha u, konsegwentement, li tibqa’ suġġetta għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2005/85 tħawwad din il-loġika billi toħloq asimmetrija li l-konsegwenzi tagħha ma ġewx ittrattati mil-leġiżlatur u li ser neżamina iktar ’il quddiem.

2. Fuq l-inkoerenzi li jistgħu jirriżultaw minn sitwazzjoni asimmetrika

67.

Billi hija suġġetta għall-applikazzjoni tar-Regolament Dublin III, imma mingħajr ma hija marbuta mad-Direttiva 2013/32, l-Irlanda ma tistax tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 33(2)(a) ta’ din tal-aħħar sabiex tiċħad bħala inammissibbli l-applikazzjoni għall-ażil ippreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż terz li jibbenefika minn protezzjoni sussidjarja fl-ewwel Stat Membru. Barra minn hekk, billi huwa suġġett għad-Direttiva 2005/85, iżda mingħajr ma huwa rregolat mir-Regolament Dublin II, dan l-Istat Membru lanqas ma jista’ jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament sabiex jittrasferixxi ċittadin ta’ pajjiż terz lejn l-ewwel Stat Membru sabiex jittratta din l-applikazzjoni. Interpretazzjoni purament letterali tad-Direttiva 2005/85 fil-kuntest tar-Regolament Dublin III tista’, għalhekk, twassal għal obbligu għall-Irlanda li teżamina l-applikazzjoni għall-ażil.

68.

L-intervenjenti kollha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qorti tar-rinviju enfasizzaw l-inkoerenzi li jistgħu jirriżultaw minnha.

69.

Dawn huma, fil-fatt, ta’ żewġ tipi. Jirrigwardaw, fl-ewwel lok, il-paragun tal-konsegwenzi tal-protezzjoni mogħtija mill-Istati Membri meta mqabbla ma’ dawk li jirriżultaw mill-protezzjoni mogħtija mill-pajjiżi terzi.

70.

Bis-saħħa tal-Artikolu 25(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2005/85, jekk protezzjoni meqjusa suffiċjenti tingħata minn pajjiż terz, l-Irlanda ma tkunx obbligata teżamina l-applikazzjoni għall-ażil u tkun tista’ tiċħadha bħala inammissibbli, filwaqt li tkun obbligata teżaminaha meta protezzjoni sussidjarja tkun ingħatat mill-ewwel Stat Membru. Din id-differenza hija iktar u iktar sorprendenti fir-rigward tal-fiduċja reċiproka li l-Istati Membri għandhom bħala prinċipju jkollhom f’xulxin u l-grad ta’ protezzjoni li l-leġiżlatur tal-Unjoni pprova jipprovdi favur iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

71.

Fil-fatt, il-protezzjoni sussidjarja hija status previst mill-Unjoni li jikkomplementa u jiżdied mal-istatus ta’ refuġjat stabbilit mill-Konvenzjoni ta’ Genève. Hija saret possibbli minħabba l-fiduċja reċiproka li tinsab fil-qalba tal-kostruzzjoni Ewropea u, b’mod partikolari, tas-sistema Ewropea komuni ta’ ażil ( 34 ). Li tingħata iktar importanza lill-protezzjoni mogħtija mill-pajjiżi terzi milli lil dik mogħtija minn Stat Membru tmur kontra l-ispirtu tal-proġett Ewropew intiż għall-ħolqien ta’ din is-sistema ta’ ażil.

72.

L-inkoerenzi jirrigwardaw, fit-tieni lok, l-effetti paradossali tal-eżami biss tal-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, jew saħansitra taċ-ċaħda ta’ din l-applikazzjoni, meta mqabbla mal-effetti ta’ deċiżjoni ta’ għoti ta’ din tal-aħħar.

73.

Jekk l-ewwel Stat Membru jkun fil-proċess li jeżamina l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jew jekk ikun ċaħadha, l-Irlanda ma hijiex obbligata, skont il-punti (b) u (d) rispettivament tal-Artikolu 18(1) ( 35 ) tar-Regolament Dublin III li teżamina l-applikazzjoni ppreżentata quddiemha. Min-naħa l-oħra, jekk l-ewwel Stat Membru jkun ta l-protezzjoni mitluba fil-forma ta’ protezzjoni sussidjarja, l-Irlanda la tkun tista’ tittrasferixxi l-applikant lejn l-ewwel Stat Membru ( 36 ) u lanqas tiddikjara l-applikazzjoni inammissibbli abbażi tal-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32, peress li din tal-aħħar ma tkunx applikabbli għal dan l-Istat Membru. L-Irlanda tista’ għalhekk tkun obbligata teżamina t-talba.

74.

Għaldaqstant, deċiżjoni favorevoli għaċ-ċittadin ta’ pajjiż terz fi tmiem l-ewwel applikazzjoni tiegħu tobbliga madankollu lill-Irlanda teżamina l-applikazzjoni sussegwenti tiegħu għal protezzjoni internazzjonali, filwaqt li sitwazzjoni li fiha deċiżjoni inizjali tkun għadha ma tteħditx jew tkun sfavorevoli għalih ma tobbligahiex teżamina tali applikazzjoni sussegwenti.

75.

Dawn l-inkoerenzi huma dovuti għall-għażliet tal-Irlanda. Kif jirriżulta mill-premessa 41 tar-Regolament Dublin III ( 37 ) u mill-premessa 58 tad-Direttiva 2013/32, il-leġiżlatur ċertament ippermetta lil dan l-Istat Membru li jkun suġġett għall-applikazzjoni tar-Regolament Dublin III mingħajr madankollu ma jipparteċipa fis-sistema leġiżlattiva kollha li hija speċifika għal Dublin III. Madankollu, huwa ma pprevediex soluzzjoni f’tali sitwazzjoni ta’ asimmetrija. Huwa aċċetta minn qabel l-għażliet eventwali tal-imsemmi Stat Membru mingħajr madankollu ma ppreveda dispożizzjonijiet sabiex jirregolaw is-sitwazzjonijiet li jirriżultaw minnhom u sabiex jiġu evitati l-inkoerenzi rrilevati.

76.

Kif spjegajt, is-sentenza Ibrahim tagħti risposta għad-domanda dwar jekk jeżistix obbligu għat-tieni Stat Membru li jeżamina fil-mertu applikazzjoni għall-ażil f’żewġ sitwazzjonijiet, dik fejn l-applikazzjoni għall-ażil taqa’ taħt is-sistema ta’ Dublin II u dik fejn din l-applikazzjoni taqa’ taħt is-sistema ta’ Dublin III. F’ebda waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet, it-tieni Stat Membru ma huwa obbligat li jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil jekk il-protezzjoni sussidjarja tkun ingħatat fl-ewwel Stat Membru. Dan l-Istat Membru jista’ jew jiddikjara l-applikazzjoni inammissibbli (sistema ta’ Dublin III) jew jittrasferixxi l-applikant lejn l-ewwel Stat Membru (sistema ta’ Dublin II).

77.

Min-naħa l-oħra, din is-sentenza ma tirrispondix għad-domanda, ċertament eċċezzjonali peress li tikkonċerna Stat Membru wieħed biss, dwar jekk it-tieni Stat Membru għandux jittratta fil-mertu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, meta dan l-Istat Membru huwa suġġett għar-Regolament Dublin III iżda mhux għad-Direttiva 2013/32, b’tali mod li jibqa’ suġġett għad-Direttiva 2005/85 u li din l-applikazzjoni la taqa’ kompletament taħt is-sistema Dublin III u lanqas taħt is-sistema ta’ Dublin II. Fir-rigward tal-kwistjonijiet ta’ ammissibbiltà, id-Direttiva 2005/85 kif għandha tiġi applikata fil-kuntest tar-Regolament Dublin III?

78.

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, din id-direttiva għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur.

3. Fuq l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2005/85 fid-dawl tal-intenzjoni espressa mil-leġiżlatur

79.

Kif fakkart fil-punt 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet, wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-leġiżlatur huwa li jillimita l-movimenti sekondarji.

80.

Issa, nikkonstata li jekk l-Irlanda hija obbligata teżamina l-applikazzjonijiet ippreżentati minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju tagħha minkejja li jkunu diġà kisbu protezzjoni sussidjarja fi Stat Membru wieħed, din is-sitwazzjoni tista’ tinkoraġġixxi tali movimenti u b’hekk tmur kontra l-għan iċċitat iktar ’il fuq. Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandu jkollhom interess li jippruvaw jiksbu f’dak l-Istat Membru l-ieħor protezzjoni internazzjonali sabiex jibbenefikaw mill-kundizzjonijiet tal-ħajja li jipprevalu f’dak l-Istat Membru.

81.

Peress li l-leġiżlatur ried jippermetti lit-tieni Stati Membri kemm fil-qafas leġiżlattiv ta’ Dublin II kif ukoll f’dak ta’ Dublin III li ma jittrattawx applikazzjoni għall-ażil meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun diġà bbenefika mill-protezzjoni sussidjarja fi Stat Membru wieħed, din il-possibbiltà għandha, fil-fehma tiegħi, teżisti wkoll meta Stat Membru, bħal fil-kawża prinċipali, ikun jinsab bejn dawn iż-żewġ kuntesti leġiżlattivi.

82.

Fil-fatt, peress li t-trasferiment lejn l-ewwel Stat Membru għall-finijiet tat-teħid lura ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz ma huwiex previst mir-Regolament Dublin III u peress li ma hemmx iktar lok li jkun previst f’dan il-kuntest ladarba jingħata l-protezzjoni sussidjarja minn dan l-Istat Membru, inqis li t-tieni Stat Membru għandu jkun jista’, fil-kuntest partikolari inkwistjoni, jiċħad l-applikazzjoni bħala inammissibbli, billi jibbaża ruħu fuq id-Direttiva 2005/85 meħuda fl-intier tagħha u applikata fil-kuntest tar-Regolament Dublin III.

83.

Approċċ bħal dan huwa għalkollox konformi mal-premessa 22 ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, skont din il-premessa, Stat Membru ma għandux ikun obbligat jeżamina applikazzjoni għall-ażil fil-mertu meta l-ewwel pajjiż, Stat Membru jew pajjiż terz, ikun diġà ta protezzjoni suffiċjenti. Diġà osservajt li l-intenzjoni tal-leġiżlatur espressa f’din il-premessa ġiet ikkonkretizzata fl-Artikolu 25(2)(b) u (ċ) tal-imsemmija direttiva, fir-rigward tal-pajjiżi terzi.

84.

Għal dak li jirrigwarda l-Istati Membri, ninnota li, skont l-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2005/85, dawn ma kinux obbligati jeżaminaw applikazzjoni għall-ażil fil-mertu jekk waħda mir-raġunijiet ta’ inammissibbiltà elenkati f’dan l-artikolu tirriżulta “[a]ddizzjonalment għal każijiet fejn l-applikazzjoni ma’ tiġix eżaminata skond ir-Regolament [Dublin II]”. Fi kliem ieħor, ir-raġunijiet ta’ inammissibbiltà jiżdiedu mal-każijiet fejn ir-Regolament Dublin II kien jipprevedi l-possibbiltà li l-applikant għall-ażil jiġi ttrasferit lejn l-ewwel Stat Membru. Issa, din il-possibbiltà ta’ trasferiment kienet espressament prevista fl-Artikolu 16 tar-Regolament Dublin II ( 38 ).

85.

Minn dan isegwi li l-possibbiltà għall-Istati Membri li ma jeżaminawx fil-mertu l-applikazzjoni għall-ażil kienet prevista wkoll, konformement mal-premessa 22 tad-Direttiva 2005/85, fil-kuntest tal-artikolazzjoni ta’ din id-direttiva mar-Regolament Dublin II.

86.

Fil-kuntest tas-sistema ta’ Dublin III, nosserva li l-premessa 43 tad-Direttiva 2013/32 tinkludi essenzjalment l-istess kontenut bħall-premessa 22 tad-Direttiva 2005/85. Fir-rigward tal-Istati Membri, din il-premessa 43 hija kkonkretizzata fl-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva 2013/32, permezz ta’ riferiment espliċitu għal raġuni ta’ inammissibbiltà, peress li t-trasferiment ma għadux previst mir-Regolament Dublin III.

87.

Din l-analiżi turi li, tkun xi tkun is-sistema applikabbli, l-intenzjoni tal-leġiżlatur kienet b’mod ċar li ma jobbligax lit-tieni Stat Membru jeżamina applikazzjoni għall-ażil, meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun kiseb l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja.

88.

Is-soluzzjoni li nipproponi hija għalhekk konformi mal-għan li jrid il-leġiżlatur fid-Direttiva 2005/85, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 22 ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, jidhirli li din hija s-soluzzjoni l-iktar adegwata mal-loġika tas-sistemi ta’ Dublin II u ta’ Dublin III u tippermetti li jiġu evitati l-inkoerenzi osservati fil-punti 69 sa 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

89.

Nenfasizza li din is-soluzzjoni ma tippreġudikax id-drittijiet taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz kif kienu ġew armonizzati u approfonditi permezz tas-sistema ta’ Dublin III, peress li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz kiseb l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja fl-ewwel Stat Membru, f’dan il-każ l-Italja, li jipparteċipa b’mod sħiħ f’din is-sistema.

90.

Dan ċertament iżid raġuni ta’ inammissibbiltà ma’ dawk espressament elenkati fid-Direttiva 2005/85, iżda nqis li dawn tal-aħħar ġew ikkonċepiti biss sabiex japplikaw fil-kuntest tar-Regolament Dublin II, fil-loġika tas-sistema ta’ Dublin II, u għalhekk ma jipprevedux is-sitwazzjoni partikolari tal-Irlanda ( 39 ).

91.

L-argument tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li jgħid li peress li r-raġunijiet ta’ inammissibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 25 tad-Direttiva 2005/85 jintroduċu deroga mill-obbligu tal-Istati Membri li jeżaminaw fil-mertu l-applikazzjonijiet għall-ażil, dawn ir-raġunijiet għandhom jingħataw interpretazzjoni restrittiva, ma jistax jinvalida l-analiżi preċedenti. Fil-fatt, tali argument ma jistax jipprevali jekk iwassal għal interpretazzjoni li tmur kontra l-għanijiet li l-leġiżlatur irid jilħaq. Issa, kif jirriżulta minn din l-analiżi, jekk jitqies li l-Irlanda hija obbligata teżamina l-applikazzjoni għall-ażil, dan imur kontra dawn l-għanijiet u s-soluzzjonijiet adottati kemm fil-kuntest tas-sistema ta’ Dublin II kif ukoll f’dik tas-sistema ta’ Dublin III għall‑25 Stat Membru li aderixxew kompletament ma’ dawn is-sistemi.

92.

Inżid ngħid li l-interpretazzjoni proposta bl-ebda mod ma tippreġudika dik mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Ibrahim, tal-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 2005/85 għal dak li jirrigwarda kemm il-punt (a) ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll il-punti l-oħra kollha tiegħu. Din tibqa’ kompletament valida inkluż fir-rigward tal-Irlanda meta l-fatti tal-kawża jaqgħu kompletament fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Dublin II, bħal fil-kawża Magamadov.

93.

Għaldaqstant, inqis li d-Direttiva 2005/85, moqrija fid-dawl tal-premessa 22 tagħha, ma tipprekludix li t-tieni Stat Membru jipprevedi, fil-leġiżlazzjoni tiegħu, li huwa jista’ jiċħad l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata quddiemu bħala inammissibbli fil-każ eċċezzjonali fejn dan l-Istat Membru jibqa’ suġġett għal din id-direttiva filwaqt li jkun irregolat mir-Regolament Dublin III.

94.

Fid-dawl tal-analiżi tiegħi tal-ewwel u tat-tielet domanda preliminari, inqis li ma huwiex neċessarju li tiġi indirizzata t-tieni domanda preliminari. Madankollu, għal kull bon fini, nenfasizza li l-applikazzjoni minn ċittadin ta’ pajjiż terz tal-protezzjoni internazzjonali wara li jkun kiseb il-protezzjoni sussidjarja fi Stat Membru fl-ewwel Stat Membru ma tikkostitwixxix fil-fehma tiegħi fiha nnifisha abbuż ta’ dritt. Il-leġiżlatur tal-Unjoni rrikonoxxa li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jistgħu leġittimament ifittxu protezzjoni fl-Unjoni, meta jkunu mġiegħla jagħmlu dan miċ-ċirkustanzi ( 40 ).

95.

Barra minn hekk, nenfasizza li l-fatt li ċittadin ta’ pajjiż terz ifittex li jikseb l-istatus ta’ refuġjat fi Stat Membru wara li jkun kiseb l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja fi Stat Membru ieħor, kif ġie espost f’dawn il-konklużjonijiet, kien ġie espressament previst mil-leġiżlatur fil-kuntest kemm tar-Regolament Dublin II kif ukoll tar-Regolament Dublin III. Għaldaqstant, ma jistax jiġi kklassifikat bħala abbuż ta’ dritt b’mod ġenerali u astratt.

96.

Konsegwentement, jekk aġir abbużiv fit-tfittxija ta’ protezzjoni internazzjonali ma jistax jiġi eskluż fis-sitwazzjonijiet kollha, dan għandu, tal-inqas, ikun is-suġġett ta’ eżami każ b’każ ( 41 ).

V. Konklużjoni

97.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti ir-risposta segwenti għad-domandi li sarulha mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda):

L-Artikolu 25(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE tal‑1 ta’ Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar ta’ l-istatus ta’ rifuġjat, eżaminat fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-Irlanda tipprevedi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha raġuni ta’ inammissibbiltà li jippermettilha tiċħad talba għal protezzjoni internazzjonali magħmula minn ċittadin ta’ pajjiż terz meta dan ikun diġà kiseb l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja fl-ewwel Stat Membru.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva tal-Kunsill tal‑1 ta’ Diċembru 2005 (ĠU 2006, L 175M, p. 168).

( 3 ) Dawn il-kawżi ġew magħquda mill-qorti tar-rinviju.

( 4 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”). Ara l-premessa 41 ta’ dan ir-regolament.

( 5 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).

( 6 ) Regolament tal-Kunsill tat‑18 ta’ Frar 2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109).

( 7 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).

( 8 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96.

( 9 ) Sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019 (C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza Ibrahim, EU:C:2019:219).

( 10 ) Id-domanda preliminari fil-verżjoni oriġinali tagħha ssemmi d-Direttiva 2011/95. Madankollu jidher li dan huwa żball tal-pinna fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet mogħtija fil-punt 11 tad-deċiżjoni tar-rinviju li fih din il-qorti ssemmi d-“Direttiva dwar il-proċeduri rriformulata 2011/95” u tirreferi għall-Artikolu 33(2)(a) ta’ din id-direttiva. Issa, id-Direttiva dwar il-proċeduri rriformulata hija d-Direttiva 2013/32 u l-Artikolu 33(2)(a) jaqa’ taħt din id-direttiva u mhux taħt id-Direttiva 2011/95.

( 11 ) Ara l-punt 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 12 ) Ara s-sentenza Ibrahim.

( 13 ) Kif jirriżulta mill-premessa 5 tagħha, id-Direttiva 2004/83 hija intiża sabiex tistabbilixxi regoli dwar l-istatus ta’ refuġjat kif ukoll għal “forom sussidjarji ta’ protezzjoni, li joffru stat xieraq lil kull persuna fil-bżonn ta’ din il-protezzjoni”. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għal dak li jirrigwarda l-benefiċjarji tal-protezzjoni sussidjarja, id-Direttiva 2004/83 hija intiża sabiex toffri “protezzjoni fit-territorju tal-Istati Membri analoga għal dik irrikonoxxuta lir-refuġjati” (ara s-sentenza tal‑24 ta’ April 2018, MP (Protezzjoni sussidjarja ta’ vittma ta’ torturi fil-passat) (C‑353/16, EU:C:2018:276, punt 55).

( 14 ) Enfasi miżjuda minni.

( 15 ) Enfasi miżjuda minni.

( 16 ) L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2005/85 jinkludi ċertu numru ta’ definizzjonijiet li fosthom il-kunċett ta’ “tibqa’ fl-Istat Membru” li huwa ddefinit bħala “tibqa’ fit-territorju, inklużi il-fruntiera jew iż-żoni ta’ transitu ta’ l-Istat Membru li fih tkun saret l-applikazzjoni għall-ażil jew li fih tkun qiegħda tiġi eżaminata tali applikazzjoni”.

( 17 ) Dawn il-punti (d) u (e) jistabbilixxu li “l-applikant ikun permess li jibqa’ fl-Istat Membru konċernat”.

( 18 ) Fil-fehma tiegħi, il-kliem “għal xi raġunijiet oħra” fil-punti (d) u (e) għandu jinftiehem bħala li jirreferi rispettivament għall-każ fejn il-protezzjoni sussidjarja tkun ingħatat preċedentement u dak fejn id-dritt li wieħed jibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru ngħata b’mod partikolari għal raġunijiet umanitarji.

( 19 ) Ara l-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2011/95.

( 20 ) Ara n-noti ta’ qiegħ il-paġni 6 u 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 21 ) Din is-sistema tinkludi minbarra r-Regolament Dublin II, b’mod partikolari, tliet direttivi: id-Direttiva 2004/83, imsejħa “Direttiva dwar il-klassifikazzjoni”, li tiddetermina l-kundizzjonijiet minimi li għandhom jiġu ssodisfatti għall-kisba tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-protezzjoni sussidjarja u tippreċiża d-drittijiet marbuta miegħu; id-Direttiva 2005/85, imsejħa “Direttiva dwar il-proċeduri”, li tirrigwarda biss l-istatus ta’ refuġjat u tirrigwarda l-għoti u l-irtirar ta’ dan l-istatus, u id-Direttiva tal-Kunsill 2003/9/KE tas‑27 ta’ Jannar 2003 li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil (Ġurnal Uffiċjali Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 101), imsejħa “Direttiva dwar l-akkoljenza” li tistabbilixxi regoli minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil fl-Istati Membri.

( 22 ) Din is-sistema tinkludi minbarra r-Regolament Dublin III, b’mod partikolari, tliet direttivi li jikkostitwixxu riformulazzjoni tad-direttivi msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jiġifieri, rispettivament, id-Direttiva 2011/95 (riformulazzjoni tad-Direttiva dwar il-klassifikazzjoni), id-Direttiva 2013/32 (riformulazzjoni tad-Direttiva dwar il-proċeduri) u d-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96) (riformulazzjoni tad-Direttiva dwar l-akkoljenza).

( 23 ) Dawn id-dati huma rispettivament id‑19 ta’ Ġunju 2012 u t‑13 ta’ Frar 2013. Dawn seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Dublin III u tad-Direttiva 2013/32, fl‑20 ta’ Lulju 2013, u fid-dħul fis-seħħ tar-Regolament Dublin III, fl‑1 ta’ Jannar 2014.

( 24 ) L-Artikolu 16(1) tar-Regolament Dublin II jiddetermina b’mod partikolari l-każijiet li fihom l-Istat Membru responsabbli huwa obbligat jieħu lura lill-applikant għall-ażil u jeżamina l-applikazzjoni tiegħu. Il-punt (e) ta’ din id-dispożizzjoni jipprovdi li dan l-obbligu japplika fir-rigward ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li l-applikazzjoni tiegħu tkun ġiet miċħuda u li jinsab, mingħajr ma jkun ingħata permess, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. Kif sostniet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha f’din il-kawża, din id-dispożizzjoni hija b’mod partikolari applikata meta l-ewwel Stat Membru jkun ta protezzjoni sussidjarja, iżda ma jkunx ta l-istatus ta’ refuġjat. L-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament jispeċifika l-kundizzjonijiet li fihom dan it-teħid lura jitwettaq u jipprevedi, fil-paragrafu 1(d) tiegħu, it-trasferiment tal-applikant lejn l-ewwel Stat Membru. Skont il-Kummissjoni, fid-dawl ta’ din il-possibbiltà ta’ trasferiment taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u ta’ teħid lura mill-ewwel Stat Membru, ma kienx neċessarju li d-Direttiva 2005/85 tipprevedi wkoll motiv ta’ inammissibbiltà f’tali sitwazzjoni.

( 25 ) Ara s-sentenza Ibrahim, punt 74. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk eżaminat id-domandi preliminari l-oħra f’din il-kawża intiżi sabiex tiġi ppreċiżata l-implimentazzjoni tal-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32.

( 26 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ibrahim, punti 74 u 78.

( 27 ) Fl‑20 ta’ Lulju 2013 (ara l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 49 tar-Regolament Dublin III u l-Artikolu 54 tad-Direttiva 2013/32).

( 28 ) Fil-kawżi Ibrahim, l-applikazzjoni għall-ażil fit-tieni Stat Membru ġiet ippreżentata fid‑29 ta’ Novembru 2013 u t-talba għat-teħid lura fit‑22 ta’ Jannar 2014.

( 29 ) Ara, fir-rigward tas-sistema ta’ Dublin II, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, NS et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punt 79), li ssemmi l-għan li jiġi evitat il-forum shopping tal-applikanti għall-ażil u, fir-rigward tas-sistema ta’ Dublin III, is-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2016, Mirza (C‑695/15 PPU, EU:C:2016:188, punt 52).

( 30 ) Ara, b’mod, partikolari, il-premessa 13 tad-Direttiva 2013/32.

( 31 ) Ara, f’dan is-sens, fir-rigward tas-sistema Dublin III, is-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2016, Mirza (C‑695/15 PPU, EU:C:2016:188, punti 4142), kif ukoll in-noti f’qiegħ il-paġna 21 u 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 32 ) Ara d-digriet tal‑5 ta’ April 2017, Ahmed (C‑36/17, EU:C:2017:273, punt 41), u s-sentenza Ibrahim, punt 78.

( 33 ) Ara d-digriet tal-5 ta’ April 2017, Ahmed (C-36/17, EU:C:2017:273, punt 39), u s-sentenza Ibrahim, punti 79 u 80.

( 34 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punti 78, 7983), u s-sentenza Ibrahim, punti 83 sa 85).

( 35 ) L-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament ta’ Dublin III jipprovdi li dak l-Istat Membru huwa meħtieġ “jieħu lura, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 23, 24, 25 u 29, applikant li l-applikazzjoni tiegħu tkun taħt eżami u li għamel applikazzjoni fi Stat Membru ieħor jew li jkun fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr document ta’ residenza”. Din id-dispożizzjoni għalhekk tapplika b’mod partikolari jekk l-ewwel Stat Membru jkun beda l-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun mar fi Stat Membru ieħor meta l-applikazzjoni tiegħu tkun għadha qiegħda tiġi eżaminata. L-Artikolu 18(1)(d) tar-Regolament Dublin III jipprovdi, barra minn hekk, li l-Istat Membru responsabbli huwa obbligat li “jieħu lura, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 23, 24, 25 u 29, ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li l-applikazzjoni tiegħu kienet rifjutata u li għamel applikazzjoni fi Stat Membru ieħor jew li jkun fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr dokument ta’ residenza”. B’hekk, din id-dispożizzjoni tapplika b’mod partikolari jekk l-ewwel Stat Membru jkun ċaħad l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jippreżenta applikazzjoni ġdida quddiem it-tieni Stat Membru. Fiż-żewġ każijiet, it-tieni Stat Membru jista’ jitlob lill-ewwel Stat Membru jieħu lura ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz (konformement mal-Artikoli 23 u 24 tar-Regolament Dublin III) u jekk dan l-Istat Membru jaċċetta t-teħid lura, it-tieni Stat Membru għandu jinnotifika liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz bid-deċiżjoni li jiġi ttrasferit lejn l-Istat Membru responsabbli (konformement mal-Artikolu 26 tar-Regolament Dublin III).

( 36 ) Ara d-digriet tal‑5 ta’ April 2017, Ahmed (C‑36/17, EU:C:2017:273, punti 2728).

( 37 ) Din il-premessa tgħid li r-Renju Unit u l-Irlanda nnotifikaw ix-xewqa tagħhom li jipparteċipaw fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni tar-Regolament Dublin III, konformement mal-Artikolu 3 u mal-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati Membri fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja.

( 38 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 39 ) Barra minn hekk ninnota li, kuntrarjament għall-formulazzjoni tal-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32, l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 2005/85 ma jillimitax l-enumerazzjoni tar-raġunijiet ta’ inammissibbiltà permezz tal-użu tal-kelma “biss”. Inqis li l-formulazzjoni ta’ dan l-Artikolu 25(2) tippermetti għalhekk lil-leġiżlatur nazzjonali, f’sitwazzjoni ta’ asimmetrija bħal dik li tinsab fiha l-Irlanda, sabiex jadotta interpretazzjoni iktar wiesgħa ta’ dawn ir-raġunijiet.

( 40 ) Ara, b’mod partikolari, il-premessa 1 tar-Regolament Dublin II u tad-Direttiva 2005/85 kif ukoll il-premessa 2 tar-Regolament Dublin III u tad-Direttiva 2013/32.

( 41 ) Il-prova ta’ prattika abbużiva teħtieġ li jiġi eżaminat, b’mod partikolari, jekk l-individwu kkonċernat għandux ir-“rieda li jinkiseb vantaġġ li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni billi jinħolqu artifiċjalment il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kisba tiegħu” (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑16 ta’ Ottubru 2012, L‑Ungerija vs Is-Slovakkja (C‑364/10, EU:C:2012:630, punt 58) kif ukoll tat-18 ta’ Diċembru 2014, McCarthy et (C‑202/13, EU:C:2014:2450, punt 54)).